|
5.10.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 258/261 |
RIŻOLUZZJONI (UE) 2022/1747 TAL-PARLAMENT EWROPEW
tal-4 ta’ Mejju 2022
li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) għas-sena finanzjarja 2020
IL-PARLAMENT EWROPEW,
|
— |
wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għas-sena finanzjarja 2020, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0113/2022), |
|
A. |
billi, skont id-dikjarazzjoni tad-dħul u tan-nefqa tagħha (1), il-baġit finali tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (l-“Aġenzija”) għas-sena finanzjarja 2020 kien ta’ EUR 89 649 723, li jirrappreżenta żieda ta’ 18,48 % meta mqabbel mal-2019 minħabba żieda fid-dħul estern assenjat; billi r-rata tal-inflazzjoni kienet ta’ 0,7 % fl-Unjoni fl-2020; billi l-baġit tal-Aġenzija ġej prinċipalment mill-baġit tal-Unjoni (75,29 %) u l-kontribuzzjonijiet taħt ftehim speċifiku għall-programm Copernicus (22,68 %); |
|
B. |
billi l-Qorti tal-Awdituri (il-“Qorti”), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għas-sena finanzjarja 2020 (ir-“rapport tal-Qorti”), stqarret li kisbet aċċertamenti raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta’ bażi huma legali u regolari; |
Ġestjoni baġitarja u finanzjarja
|
1. |
Jinnota b’sodisfazzjon li l-isforzi ta’ monitoraġġ baġitarju matul is-sena finanzjarja 2020 irriżultaw f’rata ta’ implimentazzjoni tal-baġit ta’ 99,96 %, li tirrappreżenta tnaqqis żgħir ta’ 0,04 % meta mqabbla ma’ dik tal-2019; jinnota li r-rata ta’ eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament kienet ta’ 86,12 %, li tirrappreżenta tnaqqis ta’ 3,71 % meta mqabbla ma’ dik tas-sena preċedenti; |
|
2. |
Jinnota r-rwol ewlieni tal-Aġenzija fil-forniment ta’ data ta’ kwalità dwar l-istat tal-ambjent, li qed isir dejjem aktar importanti fid-dawl tal-isfidi enormi li l-Unjoni qed tiffaċċja biex tiġġieled it-tibdil fil-klima u t-telfien tal-bijodiversità; jilqa’ l-fatt li l-fehma tal-Aġenzija qed tingħata widen fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni u jirrakkomanda li l-kumitat xjentifiku tal-Aġenzija jaqdi rwol ewlieni fl-għoti ta’ konsulenza lill-Kummissjoni; |
Prestazzjoni
|
3. |
Jinnota li l-Aġenzija tirrapporta li kisbet dak li kienet stabbiliet li tagħmel billi qabżet l-aspettattivi tal-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni tagħha fl-2020 minkejja r-riskji u l-isfidi li l-organizzazzjoni kellha tiġġestixxi minħabba l-pandemija tal-COVID-19; |
|
4. |
Jinnota li, fir-rigward tas-segwitu għar-rapport ta’ kwittanza tal-2019, l-Aġenzija taħdem flimkien mal-Kummissjoni sabiex tidentifika u tikkondividi l-kompiti mas-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni u b’hekk tevita kompiti li jikkoinċidu; jinnota li l-Aġenzija ma identifikat l-ebda kompitu li jikkoinċidi ma’ aġenziji oħra fin-Network tal-Aġenziji tal-UE; jinnota li l-Aġenzija tikkoordina ċerti kompiti u toħloq ċerti rapporti ma’ aġenziji oħra bħall-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) u l-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà fl-Ikel (EFSA); |
|
5. |
Jinnota li, fir-rigward tas-segwitu għall-osservazzjonijiet mir-rapport ta’ kwittanza tal-2019 dwar in-nuqqas ta’ sodisfazzjon bit-twettiq ta’ xi wħud mill-attivitajiet tal-Aġenzija, l-Aġenzija ħadet kompiti addizzjonali ġodda bħall-Patt Ekoloġiku Ewropew, it-8 Programm ta’ Azzjoni Ambjentali u l-Finanzi Sostenibbli, iżda fir-rigward ta’ dawn il-kompiti ma ġewx allokati riżorsi u persunal suffiċjenti biex tilħaq l-ambizzjonijiet stipulati fil-leġiżlazzjoni tagħha; jinnota li l-Aġenzija appoġġjat direttament l-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-qafas ta’ politika għall-klima u l-enerġija għall-2030 permezz ta’ diversi attivitajiet u kollaborazzjoni mal-Kummissjoni; jinnota wkoll li l-Aġenzija allokat persunal operattiv biss biex twettaq dawn l-attivitajiet, li jenfasizza dejjem aktar il-funzjonijiet ta’ appoġġ tagħha; jistieden lill-Aġenzija tidħol f’diskussjoni mal-Kummissjoni, fejn xieraq permezz tan-Network tal-Aġenziji tal-UE, biex tindirizza dawn il-kwistjonijiet u tirrapporta lill-awtorità ta’ kwittanza dwar l-iżviluppi f’dan ir-rigward; |
|
6. |
Jinnota li, fir-rigward tas-segwitu għall-osservazzjonijiet mir-rapport ta’ kwittanza tal-2019 dwar in-network tal-IT tagħha, l-Aġenzija kienet bdiet inizjattivi ta’ diġitalizzazzjoni qabel il-pandemija fl-2020 u li, minn Marzu 2020, dawk l-inizjattivi ġew aċċellerati mis-sitwazzjoni tal-lockdown; jistieden lill-Aġenzija tkompli timmonitorja x-xenarju ta’ theddid għaċ-ċibersigurtà u tieħu l-miżuri xierqa; |
|
7. |
Jinnota li l-Aġenzija ppreżentat ir-“rapport dwar il-Kwalità tal-arja fl-Ewropa għall-2020”, li jiddokumenta l-impatt tal-miżuri ta’ lockdown fuq il-kwalità tal-arja fl-ibliet Ewropej, u għal dan l-iskop għamlet użu mis-sitwazzjoni unika kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19; |
|
8. |
Jisħaq fuq il-fatt li l-Aġenzija tipprovdi informazzjoni tajba u indipendenti dwar l-ambjent; ifaħħar il-kwalità tal-outputs tagħha maħruġa fl-2020, inkluża l-valutazzjoni tal-effett tal-miżuri ta’ lockdown marbutin mal-COVID-19 fuq il-konċentrazzjonijiet tas-sustanzi li jniġġsu l-arja, l-iżvilupp ta’ portal ġdid dwar l-emissjonijiet industrijali, il-ġbir tal-ewwel data dwar l-emissjonijiet tas-CO2 minn vetturi heavy-duty u t-tħejjija għal rappurtar futur dwar l-emissjonijiet tas-CO2 fid-dinja reali; |
|
9. |
Ifakkar li, fl-2020, l-Aġenzija pprovdiet ir-Rapport dwar l-Istat tal-Ambjent 2020 (2), flimkien ma’ valutazzjonijiet u aġġornamenti dwar suġġetti bħall-ġestjoni u t-trattament tal-bijoskart, il-plastik bijodegradabbli, l-isfidi emerġenti tal-ġestjoni tal-iskart fl-Ewropa, il-kwalità tal-arja u t-tniġġis akustiku, u kif l-Ewropa se tiġi affettwata minn perikli klimatiċi ewlenin bħan-nixfiet, l-għargħar, in-nirien tal-foresti u ż-żieda fil-livell tal-baħar matul is-seklu 21 u lil hinn; |
Politika dwar il-persunal
|
10. |
Jirrikonoxxi li, fil-31 ta’ Diċembru 2020, 96,92 % tat-tabella tal-persunal kienet ġiet eżegwita, bi tliet uffiċjali permanenti u 123 aġent temporanju maħtura minn total ta’ 130 post tax-xogħol awtorizzati mill-baġit tal-Unjoni (124 post awtorizzati fl-2019); jinnota li, barra minn hekk, fl-2020 71 aġent kuntrattwali u 12-il espert nazzjonali sekondat kienu qed jaħdmu għall-Aġenzija; |
|
11. |
Jiddeplora l-fatt li l-proporzjon bejn il-persunal ta’ appoġġ responsabbli mill-amministrazzjoni kif ukoll il-koordinament u l-persunal operazzjonali li jaħdem fuq il-kontenut, mhuwiex ibbilanċjat; jissuġġerixxi li l-Aġenzija għandha tirċievi aktar persunal ta’ appoġġ, biex tiggarantixxi l-funzjonament tagħha; |
|
12. |
Jinnota l-bilanċ bejn il-ġeneri fost il-membri tal-maniġment superjuri tal-Aġenzija, b’5 minn 8 (62,50 %) ikunu rġiel; jinnota l-bilanċ bejn il-ġeneri fil-Bord ta’ Mmaniġġjar tal-Aġenzija, b’16 minn 30 (53,34 %) ikunu rġiel; jinnota l-bilanċ bejn il-ġeneri fost il-persunal ġenerali tal-Aġenzija, b’111 minn 203 (54,68 %) ikunu nisa; jirrimarka, madankollu, li fir-reklutaġġ ta’ persunal ġdid u b’rabta mal-promozzjonijiet, l-Aġenzija għandha żżomm f’moħħha li l-ħiliet, l-għarfien u l-esperjenza tal-kandidati huma l-aktar fatturi importanti; jirrimarka li għandha titqies ukoll il-ħtieġa ta’ bilanċ ġeografiku fost il-membri tal-persunal; |
|
13. |
Jinnota li, fir-rigward tal-osservazzjonijiet fil-kwittanza tal-2019 dwar l-assi limitati, l-Aġenzija tkompli tirrapporta l-valutazzjoni tagħha tal-ħtiġijiet tar-riżorsi lill-Kummissjoni; jinnota wkoll li dawn ir-riżorsi mhux dejjem jiġu ssodisfati jew inklużi fl-abbozz tal-baġit ippreżentat mill-Kummissjoni; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija jfasslu pjan sostenibbli biex jipprovdu lill-Aġenzija b’riżorsi skont il-ħtiġijiet u l-kompiti tagħha u jirrapportaw lura lill-awtorità ta’ kwittanza dwar l-iżviluppi f’dan ir-rigward; |
|
14. |
Jinsab imħasseb dwar id-daqs kbir tal-Bord ta’ Mmaniġġjar tal-Aġenzija peress li dan jagħmel it-teħid ta’ deċiżjonijiet diffiċli u jiġġenera spejjeż amministrattivi konsiderevoli; |
|
15. |
Jinnota li, fir-rigward tat-tweġibiet għall-kwestjonarju standard, fl-2020, fil-leġiżlazzjoni għall-Finanzi Sostenibbli, il-Kummissjoni nnominat lill-Aġenzija biex twettaq kompiti ta’ appoġġ u inkludiet post ta’ aġent temporanju wieħed u post ta’ aġent kuntrattwali wieħed, b’żieda assoċjata ta’ EUR 0,3 miljun fis-sussidju tal-Unjoni tal-Aġenzija, biex l-Aġenzija tingħata l-persunal biex twettaq il-kompiti addizzjonali; jinnota wkoll li l-Parlament emenda l-baġit tal-Aġenzija għall-2020, żied is-sussidju ewlieni b’EUR 1,3 miljun u ta ħames postijiet ta’ aġenti temporanji u żewġ postijiet ta’ aġenti kuntrattwali biex l-Aġenzija tingħata riżorsi biex tappoġġja kompiti ġodda fl-ambitu tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, b’mod partikolari dak tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u t-telfien tal-bijodiversità; |
|
16. |
Jinnota li, fir-rigward tas-segwitu għar-rapport ta’ kwittanza tal-2019 rigward il-linji gwida tal-persunal, l-Aġenzija rrevediet il-politika dwar il-postijiet sensittivi tagħha u fit-3 ta’ Diċembru 2020 adottat id-deċiżjoni tal-bord ta’ mmaniġġjar tagħha dwar il-Linji Gwida taż-ŻEE rigward l-Identifikazzjoni u l-Ġestjoni ta’ Postijiet Sensittivi f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri; |
|
17. |
Jilqa’ l-isforzi li saru fil-politika dwar il-persunal biex jiġu promossi t-telexogħol u l-ħajja b’saħħitha u jkompli jħeġġeġ lill-Aġenzija ssegwi l-iżvilupp ta’ qafas ta’ politika fit-tul dwar ir-riżorsi umani li jindirizza l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, l-iggwidar tul il-ħajja u l-iżvilupp tal-karriera, il-bilanċ bejn il-ġeneri, it-telexogħol, il-bilanċ ġeografiku u r-reklutaġġ u l-integrazzjoni ta’ persuni b’diżabilità; |
Akkwist
|
18. |
Jinnota li l-Aġenzija ssegwi b’mod attiv proċeduri ta’ akkwist konġunt mal-Kummissjoni; jinnota li l-Aġenzija tagħmel enfasi fuq il-konverżjoni għall-proċessi ta’ amministrazzjoni elettronika (l-akkwist, il-finanzi u r-riżorsi umani), li wasslet għat-titjib fl-effiċjenza u appoġġjatha biex taqleb malajr u b’mod effettiv għal ambjent ta’ ħidma mid-dar fil-bidu tal-pandemija tal-COVID-19; |
Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess, u trasparenza
|
19. |
Jirrikonoxxi l-miżuri eżistenti tal-Aġenzija u l-isforzi kontinwi tagħha biex tiżgura t-trasparenza biex tipprevjeni u tiġġestixxi l-kunflitti ta’ interess, u tipprovdi l-protezzjoni lill-informaturi; |
|
20. |
Jinnota li, fir-rigward tas-segwitu għar-rapport ta’ kwittanza tal-2019, il-membri tal-bord ta’ mmaniġġjar tal-Aġenzija huma kontinwament imfakkra bit-talba biex jipprovdu curriculum vitae u dikjarazzjonijiet ta’ interess bl-għan li jiġu ppubblikati fuq is-sit web tal-Aġenzija; għandu fehma qawwija li l-pubblikazzjoni tal-curriculum vitae u d-dikjarazzjonijiet ta’ interess tal-membri tal-bord ta’ mmaniġġjar għandha tkun obbligatorja u mhux fuq bażi volontarja; jistieden lill-Aġenzija tiżgura li l-membri tal-bord ta’ mmaniġġjar jissodisfaw dan ir-rekwiżit u jirrapportaw lill-awtorità ta’ kwittanza dwar l-iżviluppi f’dan ir-rigward; |
Kontroll intern
|
21. |
Jirrikonoxxi l-valutazzjoni tal-qafas ta’ kontroll intern imwettqa mill-Aġenzija u l-konklużjoni tagħha li filwaqt li fis-snin preċedenti ġew implimentati u ħadmu b’mod effettiv xi prinċipji ta’ kontroll intern, dawn il-prinċipji issa huma kkunsidrati li huma implimentati biss parzjalment jew parzjalment effettivi; jieħu nota tal-konklużjoni tal-Aġenzija li dan jirrikjedi rispons fil-pront mill-maniġment għal mod ġdid ta’ ħidma; jinnota li, minkejja ċ-ċirkostanzi inċerti fir-rigward tal-COVID-19, is-Sistema ta’ kontroll intern tal-Aġenzija turi li l-persunal tal-Aġenzija rnexxielu jadatta malajr għas-sitwazzjoni u wettaq il-programm ta’ ħidma previst għall-2020, filwaqt li integra proċeduri ġodda fl-azzjonijiet tiegħu; |
Rispons għall-COVID-19 u kontinwità tal-operat
|
22. |
Jinnota li l-Aġenzija, bi tweġiba għar-restrizzjonijiet relatati mal-pandemija, introduċiet reklutaġġ online, appoġġjat mill-implimentazzjoni tal-pjattaforma ta’ reklutaġġ Systal, li ppermettiet lill-Aġenzija tlesti għadd kbir ta’ reklutaġġ fl-2020 u tħalli rata baxxa ta’ postijiet vakanti fi tmiem is-sena; |
|
23. |
Jinnota li r-rispons tal-Aġenzija għall-pandemija tal-COVID-19 u r-restrizzjonijiet relatati magħha, kellhom impatt pożittiv fuq il-biċċa l-kbira tad-data dwar il-prestazzjoni ambjentali tal-Aġenzija għall-2020, li juri tnaqqis sostanzjali fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra minn missjonijiet u laqgħat (tnaqqis ta’ madwar 90 % meta mqabbel mal-medja tal-2015-2019) u tnaqqis sinifikanti fl-użu tal-elettriku, tat-tisħin, tal-ilma, tal-karta u tal-iskart minħabba inqas persunal fil-bini tal-Aġenzija, jistieden lill-Aġenzija biex f’dan ir-rigward tmexxi ’l quddiem it-tagħlimiet meħuda wara l-pandemija fl-operazzjonijiet tagħha fis-snin li ġejjin; |
Kummenti oħra
|
24. |
Jilqa’ d-deċiżjoni tal-Aġenzija li ssaħħaħ l-impenn tagħha li timxi minn operazzjonijiet li ma jagħmlux ħsara lill-klima għal operazzjonijiet newtrali għall-klima f’konformità mal-miri klimatiċi miżjuda tal-Unjoni; |
|
25. |
Jistieden lill-Aġenzija tkompli tippromwovi l-kooperazzjoni ma’ aġenziji oħra tal-Unjoni u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali, sabiex jiġu vvalutati aħjar l-impatti ambjentali tal-attività tal-bniedem u jitrawwem djalogu mal-partijiet ikkonċernati u maċ-ċittadini; |
|
26. |
Jilqa’ l-isforzi li għamlet l-Aġenzija bl-għan li toħloq qasam ta’ ħidma li jirrispetta lill-ambjent kif ukoll il-miżuri kollha li ħadet l-Aġenzija bl-għan li tnaqqas l-impronta tal-karbonju u l-konsum tal-enerġija tagħha u tiżviluppa fluss tax-xogħol mingħajr karti; jinnota li, fir-rigward tas-segwitu għall-osservazzjonijiet mir-rapport ta’ kwittanza tal-2019 dwar l-effiċjenza fil-kost u l-prattiki li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, il-bini tal-uffiċċji tal-Aġenzija jmur lura għas-seklu 19 u għalhekk l-għażliet għat-titjib tal-effiċjenza fl-enerġija tal-bini huma limitati; jinnota li, bħala parti mis-sistema ta’ ġestjoni ambjentali tagħha, l-Aġenzija hija impenjata li kontinwament ittejjeb il-prestazzjoni ġenerali tagħha tal-enerġija billi tissostitwixxi twieqi magħżula fil-bini u timxi lejn spazju tax-xogħol ibbażat fuq l-attività f’diversi sulari li se jwassal għal titjib addizzjonali fil-prestazzjoni tal-enerġija għal kull unità ta’ erja; jinnota li, barra minn hekk, l-Aġenzija tixtri l-elettriku kollu minn sorsi rinnovabbli; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta’ kwittanza dwar l-iżviluppi f’dan ir-rigward; |
|
27. |
Jinnota li, fir-rigward tal-osservazzjonijiet ta’ segwitu dwar l-aċċessibbiltà, l-Aġenzija għad trid torganizza l-pjattaformi online tagħha biex tagħmilhom aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità; |
|
28. |
Ifakkar fl-importanza li tiżdied id-diġitalizzazzjoni tal-Aġenzija f’termini ta’ operazzjoni u ġestjoni interni iżda wkoll sabiex titħaffef id-diġitalizzazzjoni tal-proċeduri; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Aġenzija tibqa’ tkun proattiva f’dan ir-rigward sabiex jiġi evitat distakk diġitali bejn l-aġenziji akkost ta’ kollox; jiġbed l-attenzjoni, madankollu, għall-ħtieġa li jittieħdu l-miżuri ta’ sigurtà kollha meħtieġa biex jiġi evitat kwalunkwe riskju għas-sigurtà online tal-informazzjoni pproċessata; jistieden lill-Aġenzija tiżviluppa l-politika tagħha fil-qasam taċ-ċibersigurtà aktar malajr, wasslitha qabel il-31 ta’ Jannar 2022 u tirrapporta lura lill-awtorità ta’ kwittanza; |
|
29. |
Jinnota li, fir-rigward tal-osservazzjonijiet ta’ segwitu dwar it-tixrid tar-riżultati tagħha lill-pubbliku, fl-2020 l-Aġenzija implimentat attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni online u tat spinta lil formati innovattivi bħal avvenimenti ta’ tnedija, serje u dibattiti ta’ “Staqsi lil espert”; jinnota li l-Aġenzija tipparteċipa fi proġett bejn l-aġenziji biex ittejjeb l-indikaturi tagħha ffokati fuq il-potenzjal ta’ komunikazzjoni tagħhom; jinnota li fl-2020 l-għadd ta’ sessjonijiet reġistrati fis-sit web tal-Aġenzija kien ogħla minn 8 miljuni; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta’ kwittanza dwar bidliet futuri li għandhom l-għan li jissimplifikaw il-preżenza online tal-Aġenzija; |
|
30. |
Jinnota li, fir-rigward tas-segwitu mill-osservazzjonijiet tal-Qorti dwar l-ilħuq tal-media, l-Aġenzija tkompli tiżviluppa l-viżibbiltà tagħha bħala sors affidabbli għall-għarfien dwar l-ambjent u l-klima fil-livell tal-Unjoni; jinnota li fl-2020 l-Aġenzija ppubblikat 25 626 artiklu tal-media, b’żieda ta’ 80 % meta mqabbla mal-2019, u laħqet total ta’ 178 593 segwaċi, b’żieda ta’ 56 % meta mqabbla mal-2019; |
|
31. |
Jirreferi, rigward kummenti oħrajn ta’ natura orizzontali li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tagħha dwar il-kwittanza, għar-riżoluzzjoni tagħha tal-4 ta’ Mejju 2022 (3) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji. |
(1) ĠU C 114, 31.3.2021, p. 14.
(2) European Environment – State and Outlook 2020 (L-Ambjent Ewropew – l-Istat u l-Prospetti) https://www.eea.europa.eu/soer/2020
(3) Testi adottati, P9_TA(2022)0196.