SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

21 ta’ April 2021 ( *1 )

“Disinn Komunitarju – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Disinn Komunitarju irreġistrat li jirrappreżenta flixkun tax-xorb – Disinn internazzjonali preċedenti – Raġuni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Kunflitt ma’ disinn preċedenti – Karattru individwali – Utent avżat – Grad ta’ libertà tad-disinjatur – Impressjoni globali differenti – Artikolu 6 u Artikolu 25(1)(d)(iii) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002”

Fil-Kawża T‑326/20,

Bibita Group, stabbilita f’Tirana (l-Albanija), irrappreżentata minn C. Seyfert, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn G. Sakalaitė-Orlovskienė u J. Crespo Carrillo, bħala aġenti,

konvenuta,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO kienet

Benkomers OOD, stabbilita f’Sofia (il-Bulgarija),

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO tas‑27 ta’ April 2020 (Każ R 1070/2018‑3), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn Bibita Group u Benkomers,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),

komposta minn D. Spielmann, President, O. Spineanu-Matei (Relatriċi) u R. Mastroianni, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑27 ta’ Mejju 2020,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑27 ta’ Lulju 2020,

wara li rat li ma kienx hemm talba għall-iffissar ta’ seduta mressqa mill-partijiet fit-terminu ta’ tliet ġimgħat mid-data tan-notifika tal-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara li ddeċidiet, skont l-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tagħti deċiżjoni mingħajr il-fażi orali tal-proċedura,

tagħti l-preżenti

Sentenza ( 1 )

Il-fatti li wasslu għall-kawża

1

Fit‑13 ta’ Marzu 2017, Benkomers OOD ippreżentat applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ disinn Komunitarju fl-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 tat‑12 ta’ Diċembru 2001 dwar id-disinji Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 142), kif emendat.

2

Id-disinn Komunitarju li għalih saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni u li huwa kkontestat f’dan il-każ huwa rrappreżentat fl-immaġini li ġejjin:

Image

3

Il-prodotti li għalihom huwa intiż li jiġi applikat id-disinn ikkontestat jaqgħu fil-klassi 09–01 fis-sens tal-Ftehim ta’ Locarno tat‑8 ta’ Ottubru 1968 li jistabbilixxi klassifika internazzjonali għad-disinni industrijali, kif emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti: “Fliexken tax-xorb”.

[omissis]

5

Fl‑24 ta’ Lulju 2017, ir-rikorrenti, Bibita Group, ressqet, skont l-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 6/2002, talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tad-disinn ikkontestat.

6

Il-motiv invokat insostenn tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kien dak imsemmi fl-Artikolu 25(1)(d)(iii) tar-Regolament Nru 6/2002.

7

Fit-talba tagħha għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, ir-rikorrenti sostniet li, peress li, fil-kuntest tal-Artikolu 25(1)(d) tar-Regolament Nru 6/2002, kellhom jiġu applikati l-istess kriterji bħal dawk għall-evalwazzjoni tal-karattru individwali skont l-Artikolu 25(1)(b), moqri flimkien mal-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament, id-disinn ikkontestat kien nieqes minn karattru individwali meta mqabbel mad-disinn li huwa s-suġġett tar-reġistrazzjoni internazzjonali Nru 095336, li tiegħu hija kienet il-proprjetarja, li kien protett minn data preċedenti għat-talba għal reġistrazzjoni kkontestata. Id-disinn internazzjonali preċedenti huwa rrappreżentat kif ġej:

Image

[omissis]

It-talbiet tal-partijiet

17

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–

tannulla d-deċiżjoni kkontestata u, għaldaqstant, tiddikjara l-invalidità tad-disinn ikkontestat;

–

tikkundanna lill-EUIPO u lill-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem l-EUIPO għall-ispejjeż relatati mal-proċedimenti quddiem it-Tielet Bord tal-Appell, skont l-Artikolu 190 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali;

–

tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż kollha relatati ma’ din il-proċedura.

18

L-EUIPO jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–

tiċħad ir-rikors;

–

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

Id-dritt

[omissis]

Fuq il-mertu

24

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka motiv wieħed, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 25(1)(d)(iii) tar-Regolament Nru 6/2002.

25

L-EUIPO jikkontesta l-argumenti kollha tar-rikorrenti.

Fuq il-preċedenza tad-disinn invokat insostenn tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità u l-kunċett ta’ kunflitt fis-sens tal-Artikolu 25(1)(d)(iii) tar-Regolament Nru 6/2002

[omissis]

29

Fit-tieni lok, peress li l-kunċett ta’ kunflitt fis-sens tal-Artikolu 25(1)(d)(iii) tar-Regolament Nru 6/2002 ma huwiex iddefinit bħala tali f’dan ir-regolament, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-interpretazzjoni tiegħu pprovduta mill-ġurisprudenza.

30

Għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 25(1)(d) tar-Regolament Nru 6/2002, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 10 tal-imsemmi regolament, il-protezzjoni mogħtija minn disinn testendi għal kull disinn li ma jagħtix lill-utent avżat impressjoni globali differenti u li, sabiex tiġi evalwata l-portata ta’ din il-protezzjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-grad ta’ libertà tad-disinjatur fl-elaborazzjoni tad-disinn.

31

Konsegwentement, l-Artikolu 25(1)(d) tar-Regolament Nru 6/2002 għandu jiġi interpretat fis-sens li disinn Komunitarju jkun f’kunflitt ma’ disinn preċedenti meta, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-libertà tad-disinjatur fl-elaborazzjoni tal-imsemmi disinn Komunitarju, dan id-disinn ma jagħtix lill-utent avżat impressjoni globali differenti minn dik mogħtija mid-disinn preċedenti invokat (sentenza tat‑18 ta’ Marzu 2010, Grupo Promer Mon Graphic vs UASI – PepsiCo (Rappreżentazzjoni ta’ oġġetti promozzjonali ċirkulari), T‑9/07, EU:T:2010:96, punt 52).

32

Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 25(1)(d) tar-Regolament Nru 6/2002 hija l-unika waħda li tista’ tiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet ta’ proprjetarju ta’ disinn li jibbenefika minn preċedenza bħal dik deskritta f’din id-dispożizzjoni kontra kwalunkwe preġudizzju għall-imsemmi disinn minħabba l-koeżistenza ta’ disinn Komunitarju sussegwenti li jagħti l-istess impressjoni globali lill-utent avżat. Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ tali interpretazzjoni tal-Artikolu 25(1)(d) tar-Regolament Nru 6/2002, il-proprjetarju ta’ dritt preċedenti jiċċaħħad mill-possibbiltà li jitlob dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ tali disinn Komunitarju sussegwenti u mill-protezzjoni effettiva mogħtija mid-disinn tiegħu skont l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 6/2002 (sentenza tat‑18 ta’ Marzu 2010, Rappreżentazzjoni ta’ oġġetti promozzjonali ċirkulari, T‑9/07, EU:T:2010:96, punt 53).

33

Huwa għalhekk ġustament li, fil-punt 23 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell adotta tali interpretazzjoni billi qies, bħad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, li kien hemm kunflitt bejn żewġ disinni meta jagħtu l-istess impressjoni globali lill-utent avżat u li kien hemm lok f’dan ir-rigward li jittieħed inkunsiderazzjoni l-grad ta’ libertà tad-disinjatur fl-elaborazzjoni tad-disinn ikkontestat.

Fuq l-allegata protezzjoni “partikolarment wiesgħa” tad-disinn preċedenti

34

Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li d-disinn preċedenti jibbenefika minn protezzjoni partikolarment wiesgħa skont l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002, moqri flimkien mal-premessa 14 tal-istess regolament.

[omissis]

37

Minkejja r-riferiment għall-eżistenza ta’ differenza “ċara” bejn l-impressjonijiet globali mogħtija mid-disinni inkwistjoni li jinsab fil-premessa 14 tar-Regolament Nru 6/2002, għandu jiġi osservat li l-kliem tal-Artikolu 6 ta’ dan tal-aħħar huwa ċar u nieqes minn ambigwità. Konformement mal-ġurisprudenza dwar din id-dispożizzjoni, hemm lok li għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 25(1)(d) tal-imsemmi regolament u tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ kunflitt bejn id-disinni inkwistjoni għandu jitqies li disinn jista’ jibbenefika mill-protezzjoni offruta mid-disinn Komunitarju, bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni rilevanti, jekk jagħti lill-utent avżat impressjoni globali differenti minn dik prodotta minn disinn preċedenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2018, Buck-Chemie vs EUIPO – Henkel (Sistema ta’ tindif għat-tojlit), T‑296/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:823, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li d-disinn preċedenti kien kompletament ġdid fid-data tal-preżentata tiegħu. Hija ssostni li n-natura unika tal-forma li tixbah l-istruttura ta’ dumbbell għal flixkun tax-xorb tiġġustifika l-protezzjoni miżjuda li ngħatat lid-disinn preċedenti.

39

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, billi tinvoka l-“protezzjoni partikolarment wiesgħa” li minnha jibbenefika d-disinn preċedenti, ir-rikorrenti tfittex fir-realtà li tintroduċi kriterju ġdid ta’ protezzjoni ta’ disinn preċedenti marbut mal-allegat karattru innovattiv u ġdid fis-settur tal-industrija li taħtu jaqgħu l-prodotti inkwistjoni.

40

Issa, minn naħa, jekk jitqies li huwa stabbilit il-fatt li, fid-data tar-reġistrazzjoni tagħha, il-forma li tixbah l-istruttura ta’ dumbbell applikata għal flixkun tax-xorb kienet kompletament ġdida fis-settur industrijali kkonċernat, il-karattru uniku ta’ tali forma ma jagħtix lid-disinn preċedenti protezzjoni iktar wiesgħa minn dik li jibbenefika minnha skont ir-Regolament Nru 6/2002. Min-naħa l-oħra, il-karattru individwali ta’ disinn neċessarju għar-reġistrazzjoni tiegħu japplika għad-disinn ikkontestat meta mqabbel mad-disinn preċedenti, mingħajr ma n-natura allegatament ġdida jew l-oriġinalità tad-dehra ta’ dan tal-aħħar ma jkollha ebda influwenza fuq l-evalwazzjoni tal-karattru individwali tad-disinn ikkontestat. Għaldaqstant, l-argumenti tar-rikorrenti f’dan ir-rigward għandhom jiġu miċħuda.

41

Għalhekk, għandu jiġi eżaminat jekk id-disinn ikkontestat huwiex f’kunflitt mad-disinn preċedenti, fis-sens li jagħti l-istess impressjoni globali lill-utent avżat, fid-dawl tal-grad ta’ libertà tad-disinjatur fl-elaborazzjoni tad-disinn ikkontestat, u dan billi jsir eżami f’erba’ stadji. Dan l-eżami jikkonsisti f’li jiġi ddeterminat, l-ewwel, is-settur tal-prodotti li fihom id-disinn huwa intiż li jiġi inkorporat jew li għalihom huwa intiż li jiġi applikat, it-tieni, l-utent avżat tal-imsemmija prodotti skont l-iskop tagħhom u, b’riferiment għal dan l-utent avżat, il-grad ta’ għarfien tal-arti preċedenti kif ukoll il-livell ta’ attenzjoni għax-xebh u għad-differenzi fit-tqabbil tad-disinni, it-tielet, il-grad ta’ libertà tad-disinjatur fl-elaborazzjoni tad-disinn, li l-influwenza tiegħu fuq il-karattru individwali hija proporzjonalment inversa, u, ir-raba’, billi jittieħed inkunsiderazzjoni dan kollu, ir-riżultat tat-tqabbil, dirett jekk possibbli, tal-impressjonijiet globali mogħtija lill-utent avżat mid-disinn ikkontestat u mid-disinn preċedenti żvelat lill-pubbliku, meħud individwalment (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2019, Visi/one vs EUIPO – EasyFix (Tabelli li jiddendlu għall-karozzi), T‑74/18, EU:T:2019:417, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42

Il-karattru individwali ta’ disinn jirriżulta minn impressjoni globali ta’ differenza, jew ta’ assenza ta’ “déjà vu”, mill-perspettiva tal-utent avżat, meta mqabbel ma’ disinn preċedenti invokat, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni differenzi li, minkejja li ma humiex sempliċement dettalji irrilevanti, ma humiex sinjifikattivi biżżejjed sabiex jaffettwaw l-imsemmija impressjoni globali, iżda billi jittieħdu inkunsiderazzjoni differenzi suffiċjentement sinjifikattivi sabiex joħolqu impressjonijiet ġenerali li ma jixxiebhux (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2017, Antrax It vs EUIPO – Vasco Group (Termosifuni għal radjaturi), T‑828/14 u T‑829/14, EU:T:2017:87, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

[omissis]

Fuq il-grad ta’ libertà tad-disinjatur

[omissis]

52

Madankollu, hija ssostni li l-Bord tal-Appell wettaq żbalji fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tal-prinċipji msemmija fl-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002, peress li l-grad ta’ libertà tad-disinjatur fl-elaborazzjoni tad-disinn preċedenti kien illimitat fir-rigward tal-użu ta’ forma li tixbah l-istruttura ta’ dumbbell. Fil-fatt, fil-fehma tagħha, ma kinitx teżisti limitazzjoni li tirriżulta mill-funzjonalitajiet jew mill-istandardizzazzjonijiet tal-kwantità li kienet tirrendi neċessarja tali forma. F’dan ir-rigward, hija tenfasizza li disinn li jirrigwarda flixkun li għandu tali forma ma kienx jeżisti qabel id-disinn preċedenti. Barra minn hekk, l-imsemmija forma ma tissodisfax biss funzjoni teknika, iżda tagħti impressjoni u immaġni sportiva lill-prodott billi tiddistingwih minn fliexken oħra preżenti fis-suq b’partijiet ċentrali irqaq.

53

Il-grad ta’ libertà tad-disinjatur fl-elaborazzjoni ta’ disinn huwa ddefinit, b’mod partikolari, mir-restrizzjonijiet marbuta mal-karatteristiċi imposti mill-funzjoni teknika tal-prodott jew ta’ element tal-prodott, jew ukoll mir-rekwiżiti legali applikabbli għall-prodott. Dawn ir-restrizzjonijiet iwasslu għal standardizzazzjoni ta’ ċerti karatteristiċi, li jsiru komuni għad-disinni applikati għall-prodott ikkonċernat (sentenza tat‑18 ta’ Marzu 2010, Rappreżentazzjoni ta’ oġġetti promozzjonali ċirkulari, T‑9/07, EU:T:2010:96, punt 67).

54

Għalhekk, iktar ma tkun kbira l-libertà tad-disinjatur fl-elaborazzjoni ta’ disinn, inqas ikun probabbli li differenzi żgħar bejn id-disinni inkwistjoni jkunu biżżejjed sabiex jagħtu impressjoni globali differenti lill-utent avżat. Bil-maqlub, iktar ma tkun ristretta l-libertà tad-disinjatur fl-elaborazzjoni ta’ disinn, iktar ikun probabbli li differenzi żgħar bejn id-disinni inkwistjoni jkunu biżżejjed sabiex jagħtu impressjoni globali differenti lil-utent avżat. Għaldaqstant, grad għoli ta’ libertà tad-disinjatur fl-elaborazzjoni ta’ disinn isaħħaħ il-konklużjoni li d-disinni li ma jkollhomx differenzi sinjifikattivi jagħtu l-istess impressjoni globali lill-utent avżat (ara s-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2017, Ornement, T‑57/16, EU:T:2017:517, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

[omissis]

Fuq l-impressjoni globali mogħtija mid-disinni inkwistjoni lill-utent avżat

[omissis]

60

Ir-rikorrenti ssostni, għall-kuntrarju, li d-disinn ikkontestat huwa nieqes minn karattru individwali, peress li ma teżistix differenza ċara bejn l-impressjoni globali li huwa jagħti lill-utent avżat u dik mogħtija lil dan l-utent mid-disinn preċedenti. Fil-fatt, waqt il-paragun dirett bejn id-disinni inkwistjoni, il-Bord tal-Appell ikkonċentra fuq karatteristiċi żgħar tad-disinn ikkontestat. Barra minn hekk, il-linji suwed preżenti f’dan id-disinn li ssemmew mill-Bord tal-Appell ma humiex iddisinjati bl-iswed fuq il-fliexken li huma s-suġġett tal-imsemmi disinn, iżda jirrappreżentaw bidla fil-forma bilkemm viżibbli.

61

Skont il-ġurisprudenza, il-paragun tal-impressjonijiet globali mogħtija mid-disinni inkwistjoni għandu jkun sintetiku u ma jistax ikun sempliċement paragun analitiku ta’ elenkar ta’ xebh u ta’ differenzi. Dan il-paragun għandu jkun ibbażat fuq il-karatteristiċi żvelati fid-disinn ikkontestat u għandu jirrigwarda biss il-karatteristiċi protetti, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi, b’mod partikolari dawk tekniċi, esklużi mill-protezzjoni (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2019, Tabelli li jiddendlu għall-karozzi, T‑74/18, EU:T:2019:417, punt 84 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62

Meta x-xebh bejn id-disinni inkwistjoni jkun jikkonċerna restrizzjonijiet marbuta mal-karatteristiċi imposti b’mod partikolari mill-funzjoni teknika tal-prodott jew ta’ element tal-prodott, dan ix-xebh ikollu ftit importanza fl-impressjoni globali mogħtija mill-imsemmija disinni lill-utent avżat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Marzu 2010, Rappreżentazzjoni ta’ oġġetti promozzjonali ċirkulari, T‑9/07, EU:T:2010:96, punt 72).

63

Barra minn hekk, differenzi jkunu insinjifikattivi fl-impressjoni globali mogħtija mid-disinni kunfliġġenti meta dawn ma jkunux suffiċjentement sinjifikattivi sabiex jiddistingwu l-prodotti inkwistjoni fil-perċezzjoni tal-utent avżat jew jikkontrobilanċjaw ix-xebh ikkonstatat bejn dawn id-disinni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Novembru 2013, El Hogar Perfecto del Siglo XXI vs UASI – Wenf International Advisers (Trabixu), T‑337/12, EU:T:2013:601, punt 53).

64

Fl-ewwel lok, kif ġie osservat fil-punt 31 iktar ’il fuq, disinn ikollu karattru individwali jekk l-impressjoni globali li jagħti lill-utent avżat tkun differenti minn dik mogħtija mid-disinn preċedenti lil tali utent. Kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, l-evalwazzjoni li għandha ssir f’dan ir-rigward timplika t-teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi kollha ta’ distinzjoni bejn id-disinni inkwistjoni ħlief għal dawk li ma humiex sinjifikattivi biżżejjed sabiex jaffettwaw l-imsemmija impressjoni globali.

[omissis]

70

Għal dak li jirrigwarda t-tikketta li tinsab fuq id-disinn preċedenti, fil-punt 35 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell qies li din ma kellhiex rwol sinjifikattiv fit-tqabbil tal-impressjonijiet globali mogħtija mid-disinni inkwistjoni. Quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti llimitat ruħha li tirriproduċi d-disinn preċedenti mingħajr l-elementi verbali li jinsabu fuq l-imsemmija tikketta, mingħajr madankollu ma kkontestat l-imsemmija konstatazzjoni. Issa, anki fl-assenza ta’ tikketta, id-disinni inkwistjoni għandhom differenzi sinjifikattivi, kif ġie kkonstatat fil-punti 66 sa 69 iktar ’il fuq.

71

Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell ma wettaqx żball ta’ evalwazzjoni meta qies, fil-punti 36 u 37 tad-deċiżjoni kkontestata, li d-disinn ikkontestat u d-disinn preċedenti jagħtu impressjonijiet globali differenti lill-utent avżat u meta kkonkluda li d-disinn ikkontestat ma setax jitqies li kien f’kunflitt mad-disinn preċedenti fis-sens tal-Artikolu 25(1)(d)(iii) tar-Regolament Nru 6/2002.

[omissis]

Fuq l-ispejjeż

[omissis]

74

Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-EUIPO. Barra minn hekk, fir-rigward tal-ispejjeż relatati mal-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell, huwa biżżejjed li jiġi osservat li, peress li din is-sentenza tiċħad ir-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni kkontestata, huwa d-dispożittiv tagħha li għadu jirregola l-ispejjeż inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2019, Lotte vs EUIPO – Générale Biscuit-Glico France (PEPERO original), T‑459/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:119, punt 194).

 

Għal dawn ir-raġunijiet,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

Bibita Group hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Spielmann

Spineanu-Matei

Mastroianni

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil‑21 ta’ April 2021.

Ir-Reġistratur

E. Coulon

Il-President


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

( 1 ) Qed jiġu riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis li l-pubblikazzjoni tagħhom hija utli.