SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

16 ta’ Ottubru 2025 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Antidumping – Dazju antidumping estiż – Eżenzjoni għall-importazzjonijiet ta’ ċerti partijiet ta’ roti provenjenti mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina – Eżenzjoni għall-importazzjoni ta’ kwantitajiet żgħar minn operaturi fuq skala żgħira – Limitu minimu ta’ 300 unità għal kull tip ta’ parti essenzjali tar-roti ddikjarati għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera minn parti jew ikkonsenjati lilha”

Fil-Kawża C‑659/24,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Mejju 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta’ Ottubru 2024, fil-proċedura

A-GmbH & Co. KG

vs

Hauptzollamt C,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn F. Schalin (relatur), President tal-Awla, M. Gavalec u Z. Csehi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Biondi,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għal A-GmbH & Co. KG, minn U. Reimer, Steuerberater,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Gattinara u R. Pethke, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 14(ċ) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 88/97 tal-20 ta’ Jannar 1997 dwar l-awtorizzazzjoni għall-eżenzjoni tal-importazzjoni ta’ uħud mill-partijiet tar-rota li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina mill-estensjoni permezz tar-Regolament (KE) Nru 71/97 tal-Kunsill, tad-dazju anti-dumping impost mir-Regolament (KEE) Nru 2474/93 tal-Kunsill (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 25, p. 158), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 512/2013 tal-4 ta’ Ġunju 2013 (ĠU 2013, L 152, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 88/97, kif emendat fl-2013”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn A-GmbH & Co. KG (iktar ’il quddiem l-“importatur”) u l-Hauptzollamt C (l-Uffiċċju Prinċipali tad-Dwana C, il-Ġermanja) dwar il-kundizzjonijiet tal-importazzjoni fl-Unjoni Ewropea ta’ uħud mill-partijiet tar-rota li joriġinaw miċ-Ċina liberi minn dazji antidumping estiżi.

Il-kuntest ġuridiku

Ir-Regolament (KE) Nru 71/97

3

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2474/93 tat-8 ta’ Settembru 1993 li jimponi dazju definittiv anti-dumping lejn il-Komunità ta’ biċikletti li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u jiġbor definittivament id-dazju proviżorju anti-dumping (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 51, p. 3).

4

Sabiex tiġi evitata l-evażjoni tal-miżuri antidumping imposti mir-Regolament Nru 2474/93 permezz tal-importazzjoni ta’ partijiet tar-roti li joriġinaw miċ-Ċina li jintużaw fl-assemblaġġ ta’ roti fl-Unjoni, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 71/97, tal-10 ta’ Jannar 1997, li jestendi d-dazju antidumping definittiv impost mir-Regolament (KEE) Nru 2474/93 fuq roti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għal importazzjonijiet ta’ ċerti partijiet tar-roti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u li jiġbor id-dazju estiż fuq dawn l-importazzjonijiet irreġistrati skont ir-Regolament (KE) Nru 703/96 (ĠU 1997, L 16, p. 55).

5

Il-Premessa 38 tar-Regolament Nru 71/97 tipprovdi:

“L-użu finali li jiġġustifika eżenzjoni mid-dazju anti-dumping għandu jiġi ddefinit fir-rigward ta’ (i) l-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ li għalihom ikun ġie pprovat in-nuqqas ta’ evażjoni u (ii) l-użu ta’ partijiet essenzjali tar-roti fi kwantitajiet żgħar minn operaturi żgħar, b’mod partikolari bħala sostituzzjoni, liema operazzjoni x’aktarx ma tkunx evażjoni. F’dan l-aħħar każ, l-importazzjonijiet ta’ partijiet essenzjali tar-roti għandu jkollhom importanza ekonomika pjuttost limitata u x’aktarx li ma jipperikolawx id-dazju eżistenti fis-sens tal-Artikolu 13(2)(c) tar-regolament bażiku f’termini ta’ kwantitajiet ta’ roti li jistgħu jiġu manifatturati bl-użu ta’ dawk il-partijiet importati.

Sabiex l-intermedjarji li ma jimportawx direttament il-partijiet essenzjali tar-roti jkunu jistgħu jixtru dawn il-partijiet mingħand importaturi u jerġgħu jbigħuhom għal operazzjonijiet ta’ assemblaġġ li ma jikkostitwixxux evażjoni, jeħtieġ li tali tranżazzjoni tiġi kkontrollata wkoll permezz tas-sistema ta’ kontroll tal-użu finali.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

6

L-Artikolu 3(1) u t-tieni inċiż tal-paragrafu (2) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“1.   Wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, il-Kummissjoni għandha tadotta, f’Regolament, il-miżuri meħtieġa biex tiżgura li l-importazzjonijiet ta’ partijiet essenzjali tar-roti li ma jikkostitwixxux evażjoni tad-dazju antidumping impost bir-Regolament (KEE) Nru 2474/93 jiġu eżentati mid-dazju estiż imsemmi fl-Artikolu 2.

2.   Ir-Regolament tal-Kummissjoni għandu b’mod partikolari jipprevedi:

[…]

–

l-awtorizzazzjoni ta’ eżenzjoni u l-kontroll ta’ importazzjonijiet ta’ partijiet essenzjali tar-roti, b’mod partikolari permezz ta’ intermedjarji jew, fir-rigward tal-użu tagħhom fi kwantitajiet żgħar, minn operaturi fuq skala żgħira”.

Ir-Regolament Nru 88/97, kif emendat fl-2013

7

Il-premessi 3 u 4 tar-Regolament Nru 88/97 jipprovdu:

“3.

Dan ir-Regolament għandu jippreżenta indikazzjonijiet preċiżi lill-partijiet interessati f’dak li jirrigwarda kif is-sistema ta’ l-eżenzjoni sejra tkun applicata. B’mod partikolari, għandhom ikunu stabbiliti d-disposizzjonijiet relattivi għall-mod kif l-importazzjoni ta’ uħud mill-partijiet essenzali tar-rota jistgħu jkunu eżentati mill-applikazzjoni tad-dazzju estiż, u kif għanda tinkiseb l-awtorizzazzjoni għall-eżenzjoni.

4)

[…]

[…] l-importazzjoni diretta ta’ partijiet essenzali tar-rota huma eżentati mill-pagament tad-dazzju estiż kemm-il darba jkunu dikjarati għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa minn jew għan-nom ta’, persuna li timmonta eżentata mill-Kummissjoni.

[…] l-importazzjoni ta’ partijiet essenzali tar-rota għandha tkun eżentata mid-dazzju estiż kemm-il darba huma mdaħħla fl-ambitu tal-kontroll ta’ l-użu partikolari u huma kkonsenjati lill-persuna li timmonta eżentata jew meta huma dikjarati għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa jew ikkonsenjati lill-persuna f’kwantitajiet limitati. F’dan ir-rigward, huwa xieraq illi jkun użat il-mekkaniżmu ġja eżistenti tal-kontroll ta’ l-użu partikolari […]]mutatis mutandis. Fejn inqas minn 300 unità kull xahar ta’ kwalunkwe tip ta’ partijiet essenzali tar-rota huma dikjarati għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa minn, jew ikkonsenjati lil, persuna, tali mportazzjoni mhux sejra jkollha effett ekonomiku sinjifikattiv, u għalhekk x’aktarx illi l-effett tad-dazju mpost mir-Regolament (KEE) Nru 2474/93 sejjer jidgħajjef. Għaldaqstant, huwa meħtieġ illi jkun preżunt illi tali importazzjonijiet ma jikkostitwixxux xi forma ta’ elużjoni.

[…]”

8

L-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 88/97, kif emendat fl-2013, intitolat “L-eżenzjoni subordinata għall-kontroll ta’ l-użu partikolari”, jipprovdi:

“Fejn l-importazzjoni tal-partijiet essenzali tar-rota huma ddikjarati għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa minn persuna li mhijiex il-persuna eżentata, mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta’ Referenza, għandhom ikunu eżentati mill-applikazzjoni tad-dazju estiż skond l-istruttura Tarik f-Anness III u skond il-kondizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 82 tar-[Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307)] u l-Artikoli 291 [sa] 304 tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93, li għandha tkun applikabbli mutatis mutandis fejn:

(a)

il-partijiet essenzali tar-rota huma kkonsenjati lill-persuna eżentata skond l-Artikoli 7 u 12; jew

(b)

il-partijiet essenzali tar-rota huma kkonsenjati lill-persuna oħra titolari ta’ l-awtorizzazzjoni skond it-tifsira mogħtija mill-Artikolu 291 tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93; jew

(c)

kull xaħar, inqas minn 300 unità għal kull tip ta’ part essenzjali tar-rota jkunu jew iddikjarati għal ċirkolazzjoni ħielsa minn parti jew imwasslin lilha. L-għadd ta’ parts iddikjarati minn parti jew imwasslin lilha jiġu kkalkulati permezz ta’ referenza għall-għadd ta’ parts iddikjarati jew imwassla lill-partijiet kollha li huma assoċjati ma’ dik il-parti jew għandhom arranġamenti kumpensatorji magħha; jew

(d)

il-parts essenzjali tar-rota huma għall-użu fl-immuntar tar-roti lijkun fihom mutur supplimentari (TARIC kodiċi addizzjonali 8835).”

Ir-Regolament Nru 88/97, kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/611

9

L-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 88/97, kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/611, tas-17 ta’ Marzu 2023 (ĠU 2023, L 80, p. 67), jipprovdi:

“Fejn il-partijiet imsemmija fil-paragrafu 1 jinstabu li ddikjaraw għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa jew irċevew kunsinni ta’ kwantitajiet ta’ partijiet essenzjali tar-roti ’l fuq mil-limitu stabbilit fl-Artikolu 14(c), jew fejn jonqsu milli jikkooperaw mal-eżami, m’għandhomx ikunu preżunti iżjed li jaqggħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 13(2) tar-[Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, L 176, p. 21, rettifika fil-ĠU L, 2023/90208)], u kwalunkwe awtorizzazzjoni ta’ eżenzjoni mogħtija lil dawn il-partijiet għandha tiġi revokata retrospettivament. […]”

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2023/611

10

Il-premessi 23 sa 25 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 2023/611 jipprovdu:

“(23)

Jenħtieġ li eżenzjoni tiġi revokata wkoll meta parti eżentata tinstab li tkun involuta fi prattiki li jevitaw id-dazju estiż, inter alia billi timmina l-effetti rimedjali tad-dazju billi timporta kwantitajiet sinifikanti. L-Artikolu 14(c) tar-Regolament ta’ Eżenzjoni [Nru 88/97, kif emendat fl-2013] jimplika li l-effetti rimedjali tad-dazju jiġu mminati meta 300 unità jew aktar għal kull tip ta’ partijiet essenzjali tar-roti jew jiġu ddikjarati għaċ-ċirkolazzjoni libera minn parti jew jiġu kkonsenjati lilha.

(24)

Sabiex jiġu żgurati ċ-ċertezza legali u t-trasparenza, [il-limitu stabbilit fl-Artikolu 14(c) tar-Regolament Nru 88/97, kif emendat fl-2013] jenħtieġ li jkun espliċitu fir-Regolament [Nru 88/97].

(25)

Il-Kummissjoni tqis ukoll li huwa xieraq li tiġi ċċarata l-interpretazzjoni tal-limitu stabbilit fl-Artikolu 14(c). F’dan ir-rispett, il-limitu ta’ inqas minn 300 unità għal kull tip ta’ partijiet essenzjali tar-roti fuq bażi ta’ kull xahar għandu jirreferi għall-medja ta’ kull xahar ta’ unitajiet għal kull tip ta’ partijiet essenzjali tar-roti matul perjodi ta’ 12-il xahar li jibdew mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-awtorizzazzjoni tal-użu finali rilevanti. Fi kwalunkwe każ, it-total ta’ perjodu wieħed jew aktar ma jistax ikun itwal mill-perjodu ta’ validità tal-awtorizzazzjoni tal-użu aħħari rilevanti.”

Il-Kodiċi Doganali tal-Unjoni

11

L-Artikolu 211 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2013, L 269, p. 1, rettifika fil-ĠU 2013 L 287, p. 90, u fil-ĠU 2016 L 267, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali tal-Unjoni”), intitolat “Awtorizzazzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafu 1(a) tiegħu:

“Awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet doganali hija meħtieġa għal dan li ġej:

(a)

l-użu tal-proċedura tal-ipproċessar attiv jew passiv, tal-proċedura ta’ dħul temporanju jew tal-użu aħħari;”.

12

L-Artikolu 254 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, intitolat “Proċedura ta’ użu aħħari”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Taħt il-proċedura ta’ użu aħħari, il-merkanzija tista’ tkun rilaxxata għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa taħt eżenzjoni mid-dazju jew b’rata mnaqqsa ta’ dazju minħabba l-użu speċifiku tagħha.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13

Fil-kuntest tal-attività tiegħu, l-importatur jimporta diversi komponenti tar-roti miċ-Ċina. Għal dan l-għan, huwa ilu detentur għal snin ta’ awtorizzazzjoni ta’ użu aħħari, maħruġa mill-Uffiċċju Doganali Prinċipali C. Din l-awtorizzazzjoni, mogħtija abbażi tal-Artikolu 254 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, tippermettilu, konformement mal-paragrafu 1 tal-imsemmi artikolu, jipproċedi għar-rilaxx għal ċirkulazzjoni libera fl-Unjoni ta’ merkanzija b’eżenzjoni totali jew parzjali mid-dazji minħabba l-użu speċifiku tagħha.

14

L-awtorizzazzjoni msemmija kienet inizjalment tikkonċerna:

–

il-partijiet essenzjali tar-roti maħruġa lil parti eżenti konformement mar-Regolament Nru 88/97, kif emendat fl-2013 [Artikolu 14(a)],

–

il-kunsinna lil detenturi oħra ta’ awtorizzazzjoni għall-proċedura ta’ użu aħħari, fis-sens tal-Artikolu 254 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni u tal-Artikolu 291 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta’ Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi il-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6, p. 3), li ma jwettqux il-formalitajiet ta’ importazzjoni huma stess [Artikolu 14(b) tar-Regolament Nru 88/97, kif emendat fl-2013],

–

u l-importazzjonijiet, kull xaħar, ta’ inqas minn 300 unità għal kull tip ta’ parti essenzjali tar-rota, li jkunu jew iddikjarati għal ċirkolazzjoni ħielsa minn parti jew imwasslin lilha [Artikolu 14(c) tar-Regolament Nru 88/97, kif emendat fl-2013].

15

L-imsemmija awtorizzazzjoni kienet tindika li, kull xahar, inqas minn 300 unità għal kull tip ta’ parti essenzjali tar-roti setgħu jiġu ddikjarati għall-bżonnijiet proprji jew ittrasferiti minn parti partikolari lil partijiet oħra (klijenti finali). Madankollu, wara emendi suċċessivi mwettqa mill-amministrazzjoni doganali, l-awtorizzazzjoni ma baqgħetx tkopri l-eżenzjoni li tikkorrispondi għal dik imsemmija fl-Artikolu 14(c) tar-Regolament Nru 88/97.

16

Fl-2018, l-importatur talab lill-amministrazzjoni doganali, abbażi tal-Artikolu 211(1)(a) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, estensjoni tal-istess awtorizzazzjoni, b’effett retroattiv mill-1 ta’ Jannar 2018, sabiex tissemma l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 14(c) tar-Regolament Nru 88/97 kif emendat fl-2013.

17

F’dan ir-rigward, huwa sostna li din id-dispożizzjoni kienet tawtorizza l-eżenzjoni mid-dazju antidumping estiż b’mod partikolari meta, fuq bażi ta’ kull xahar, inqas minn 300 unità għal kull tip ta’ parti essenzjali tar-roti jiġu “kkunsinnati” lil parti. Skont l-importatur, din l-ipoteżi ta’ eżenzjoni għandha tinftiehem fis-sens li, fil-kuntest tal-attività ta’ importatur li jimporta partijiet ta’ roti sabiex jikkonsenjahom lill-klijenti differenti tiegħu, dan huwa awtorizzat jimporta kull xahar u għal kull klijent, billi jkun eżentat mid-dazji antidumping, 299 unità għal kull tip ta’ partijiet essenzjali tar-roti.

18

Peress li l-amministrazzjoni doganali ċaħdet din it-talba, l-importatur ippreżenta rikors kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ din l-amministrazzjoni quddiem il-Finanzgericht (il-Qorti tal-Finanzi, il-Ġermanja), li ċaħdet dan ir-rikors u kkonfermat ir-rifjut tal-estensjoni tal-awtorizzazzjoni ta’ użu aħħari li l-importatur huwa detentur tagħha.

19

Din il-qorti qieset li l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 14(c) tar-Regolament Nru 88/97, kif emendat fl-2013, kienet prevista biss għall-operaturi fuq skala żgħira u li għalhekk hija kellha tillimita ruħha għal sitwazzjonijiet li fihom total ta’ inqas minn 300 unità jiġu kkunsinnati lill-klijenti kollha tal-importatur inkwistjoni. Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mit-tieni inċiż tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 71/97, li jgħid li, essenzjalment, li r-regolament ta’ eżenzjoni li l-Kummissjoni ser tadotta għandu jipprevedi “l-awtorizzazzjoni ta’ eżenzjoni u l-kontroll ta’ importazzjonijiet ta’ partijiet essenzjali tar-roti, b’mod partikolari minn intermedjarji jew, fid-dawl tal-użu tagħhom fi kwantitajiet żgħar, minn operaturi fuq skala żgħira”.

20

L-importatur ippreżenta rikors għal reviżjoni kontra d-deċiżjoni tal-Finanzgericht (il-Qorti tal-Finanzi) quddiem il-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi, il-Ġermanja), li hija l-qorti tar-rinviju.

21

F’dan ir-rigward, huwa sostna li l-kunċett ta’ “operaturi fuq skala żgħira”, fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, ma huwiex iddefinit mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ u li l-għan tar-Regolament Nru 88/97 jikkonsisti biss f’li tiġi evitata evażjoni tad-dazju antidumping fil-każ fejn diversi impriżi li jiddikjaraw merkanzija jikkunsinnaw lil klijent kwantitajiet tagħha li, flimkien, jaqbżu l-limitu previst. Għalhekk, għall-finijiet tal-eżenzjoni mid-dazju antidumping, għandu jiġi ddeterminat mhux liema huwa l-volum ta’ partijiet essenzjali ta’ roti mibjugħa mill-impriżi intermedjarji lil operaturi oħra, iżda l-kwantità fix-xahar finalment ikkunsinnata lil kull klijent finali. Barra minn hekk, il-limitu ta’ “inqas minn 300 unità għal kull tip ta’ parti essenzjali tar-roti”, fuq bażi ta’ kull xahar, jikkostitwixxi limitu li jagħti lok għall-eżenzjoni ta’ 299 minn dawn l-unitajiet anki fil-każ li jinqabeż l-imsemmi limitu minimu, u mhux valur limitu li jkollu bħala konsegwenza li ebda eżenzjoni ma tiġi applikata jekk parti tiddikjara u tikkunsinna, fuq bażi mensili, iktar minn 299 mill-imsemmija unitajiet.

22

Il-qorti tar-rinviju tqis li s-soluzzjoni għat-tilwima li tressqet quddiemha tiddependi mill-kwistjoni dwar liema importazzjonijiet ta’ partijiet essenzjali ta’ roti huma eżentati mid-dazju antidumping estiż u, f’dan ir-rigward, tesprimi d-dubji tagħha dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 14(c) tar-Regolament Nru 88/97 kif emendat fl-2013.

23

L-ewwel nett, hija tistaqsi jekk l-eżenzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni tistax tiġi kkombinata ma’ eżenzjoni oħra, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 14(a) u/jew (b). F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tqis li għalkemm l-eżenzjonijiet mid-dazju antidumping estiż previsti fil-punti (a) u (b) tal-imsemmi Artikolu 14 jistgħu jiġu kkombinati mal-eżenzjoni prevista fil-punt (d) tiegħu, dan huwa minħabba li dawn jikkonċernaw kull waħda mid-destinatarji ta’ prodotti u ta’ operazzjonijiet ta’ assemblaġġ differenti u li għalhekk ma jistgħux jikkoinċidu. Min-naħa l-oħra, parti tista’ tinjora l-għan tar-Regolament Nru 88/97 li jikkonsisti fl-eżenzjoni biss tal-importazzjonijiet ekonomikament minimi sa fejn, billi tirrikorri għall-eżenzjonijiet abbażi tal-Artikolu 14(a) u/jew b) tar-Regolament Nru 88/97, kif emendat fl-2013, flimkien ma’ dawk imsemmija fl-Artikolu 14(c) tal-istess regolament, kif emendat, hija tista’ timporta kull xahar numru ta’ unitajiet ikbar minn 299 unità ta’ partijiet essenzjali tar-roti, ħielsa mid-dazju antidumping.

24

It-tieni nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, fid-dawl tal-Artikolu 14(c) tar-Regolament Nru 88/97, kif emendat fl-2013, l-awtorizzazzjoni ta’ użu aħħari tistax tipprevedi eżenzjoni mid-dazju antidumping estiż għal inqas minn 300 unità għal kull tip ta’ parti essenzjali tar-roti, għal kull klijent u għal kull xahar, jew jekk dan il-limitu minimu japplikax għall-klijenti kollha. Hija tirrileva li l-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma tipprovdix indikazzjonijiet f’dan ir-rigward u li interpretazzjoni wiesgħa tagħha tista’ twassal għall-evażjoni tad-dazju antidumping. Hija tindika wkoll li l-mod li bih parti tmexxi n-negozju tagħha jew tintervjeni fis-suq għandu jkun irrilevanti fil-kuntest tal-eżami ta’ din il-kwistjoni.

25

It-tielet nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-kwistjoni dwar jekk il-limitu minimu ta’ “inqas minn 300 unità għal kull tip ta’ parti essenzjali tar-roti” fuq bażi ta’ kull xahar, fis-sens tal-Artikolu 14(c) tar-Regolament Nru 88/97, kif emendat fl-2013, jikkostitwixxix valur limitu, bil-konsegwenza li l-eżenzjoni mid-dazju antidumping estiż tisparixxi kompletament jekk parti tiddikjara u tikkunsinna iktar minn 299 unità fix-xahar. Timmilita favur din l-interpretazzjoni l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jagħti l-eżenzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni lill-importaturi żgħar jew lid-destinatarji tal-prodotti.

26

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1.

L-Artikolu 14(c) tar-[Regolament Nru 88/97, kif emendat fl-2013], għandu jiġi interpretat fis-sens li din l-eżenzjoni mid-dazju antidumping estiż tista’ tiġi abbinata, bl-istess awtorizzazzjoni taħt il-proċedura ta’ użu aħħari fis-sens tal-Artikolu 25[4] tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, ma’ eżenzjonijiet oħra taħt l-Artikolu 14(a) u/jew (b) tar-Regolament Nru 88/97[, kif emendat fl-2013]?

2)

L-Artikolu 14(c) tar-Regolament Nru 88/97[, kif emendat fl-2013] għandu jiġi interpretat fis-sens li fl-awtorizzazzjoni tista’ tiġi prevista, għal kull klijent u għal kull xahar, eżenzjoni mid-dazju antidumping estiż għal inqas minn 300 unità għal kull tip ta’ parti essenzjali ta’ rota?

3)

Il-kwantità ta’ inqas minn 300 unità fix-xahar, imsemmija fl-Artikolu 14(c) tar-Regolament Nru 88/97[, kif emendat fl-2013], għandha titqies li hija valur limitu għall-eżenzjoni b’tali mod li l-eżenzjoni mid-dazju antidumping estiż ma tapplikax fl-intier tagħha meta persuna tiddikjara [u] tikkunsinna iktar minn 299 unità, jew għandha titqies li hija kwantità eżentata dejjem, b’tali mod li 299 unità jibqgħu eżentati mid-dazju antidumping anki fil-każ li tinqabeż din il-kwantità?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

27

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 14(c) tar-Regolament Nru 88/97, kif emendat fl-2013, għandux jiġi interpretat fis-sens li l-eżenzjoni mid-dazju antidumping estiż previst minnu tistax tiġi abbinata, bl-istess awtorizzazzjoni tal-użu aħħari, fis-sens tal-Artikolu 254 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, ma’ eżenzjoni oħra taħt l-Artikolu 14(a) u/jew (b) ta’ dan ir-regolament kif emendat?

28

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizja, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha (sentenza tal-14 ta’ Marzu 2024, VR Bank Ravensburg-Weingarten,C‑536/22, EU:C:2024:234, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni, għandu jiġi kkonstatat li la l-Artikolu 254 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, li huwa espressament imsemmi fl-ewwel domanda, u lanqas l-Artikolu 211 ta’ dan il-kodiċi, it-tnejn relatati mal-awtorizzazzjoni ta’ użu aħħari, ma jipprekludu li awtorizzazzjoni ta’ użu aħħari tkun tista’ tipprevedi l-kombinazzjoni ta’ diversi tipi ta’ eżenzjonijiet mid-dazju antidumping.

30

Bl-istess mod, id-diversi tipi ta’ eżenzjoni msemmija fl-Artikolu 14(a) sa (c) tar-Regolament Nru 88/97, kif emendat fl-2013, jissemmew suċċessivament, marbuta bil-konġunzjoni “jew”, u mill-użu ta’ din il-konġunzjoni ma jistax jiġi dedott li tip ta’ eżenzjoni jeskludi neċessarjament oħra. Fil-fatt, għalkemm raġuni ta’ eżenzjoni tista’ waħedha tkun il-bażi tal-benefiċċju tal-iskema ta’ eżenzjoni mid-dazji antidumping estiżi, dan ma jistax jeskludi li diversi raġunijiet ta’ eżenzjoni jkunu koperti mill-istess awtorizzazzjoni ta’ użu aħħari skont l-Artikoli 211 u 254 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni.

31

Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li, fid-dawl tal-premessa 38 tar-Regolament Nru 71/97, li tesponi l-motivi li jiġġustifikaw l-implimentazzjoni ta’ eżenzjonijiet mid-dazji antidumping estiżi, kif ukoll tal-premessa 4 tar-Regolament Nru 88/97, l-istruttura ġenerali tal-Artikolu 14(a) sa (c) tar-Regolament Nru 88/97, kif emendat fl-2013, tidher b’rabta mal-għan ta’ dan l-aħħar regolament li jikkonsisti fl-awtorizzazzjoni ta’ importazzjonijiet ta’ partijiet essenzjali ta’ roti, ħielsa minn dazji antidumping estiżi, li għandhom importanza ekonomika pjuttost limitata.

32

Għaldaqstant, huwa improbabbli li l-implimentazzjoni kkombinata ta’ tali eżenzjonijiet tikkomprometti l-għan imfittex mill-impożizzjoni tad-dazji antidumping, fir-rigward kemm tal-kwantitajiet ta’ roti li jistgħu jiġu mmanifatturati permezz ta’ dawn il-partijiet essenzjali importati kif ukoll tan-natura ekonomikament limitata tal-importazzjonijiet li jsiru billi jiġu eżentati minn dawn id-dazji.

33

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 14(c) tar-Regolament Nru 88/97, kif emendat fl-2013, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eżenzjoni mid-dazju antidumping estiż previst minnu tista tiġi abbinata, bl-istess awtorizzazzjoni tal-użu aħħari, fis-sens tal-Artikolu 254 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, ma’ eżenzjoni oħra taħt l-Artikolu 14(a) u/jew (b) ta’ dan ir-regolament kif emendat.

Fuq it-tieni domanda

34

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 14(c) tar-Regolament Nru 88/97, kif emendat fl-2013, għandux jiġi interpretat fis-sens li l-awtorizzazzjoni taħt il-proċedura ta’ użu aħħari, fis-sens tal-Artikolu 254 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, tistax tipprevedi eżenzjoni mid-dazju antidumping estiż għal inqas minn 300 unità għal kull tip ta’ parti essenzjali tar-roti, għal kull klijent u għal kull xahar, jew jekk dan il-limitu minimu japplikax għall-klijenti kollha tad-detentur ta’ din l-awtorizzazzjoni.

35

Qabel kollox, għandu jitfakkar li, fis-sentenza tad-29 ta’ Lulju 2010, Isaac International (C‑371/09, EU:C:2010:458, punti 33 u 34), il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Artikolu 14(c) tar-Regolament Nru 88/97, kif emendat fl-2013, li jistabbilixxi eżenzjoni de minimis favur ċerti operaturi, “[j]ipprevedi limitu mensili kwantitattiv u [j]ippreċiża li l-kalkolu tan-numru ta’ unitajiet għandu jsir billi jittieħed kont tal-persuni assocjati kollha jew li għandhom arranġamenti ta’ kumpens mal-importatur jew mad-dikjarant”.

36

B’hekk, essenzjalment, din qieset li din l-eċċezzjoni de minimis tiffissa numru massimu ta’ unitajiet għal kull tip ta’ parti essenzjali tar-roti, jiġifieri inqas minn 300 unità, li jistgħu jiġu importati kull xahar abbażi tal-Artikolu 14(c) tar-Regolament Nru 88/97, kif emendat fl-2013, minn importatur mhux eżentat, u dan ikun xi jkun in-numru ta’ impriżi/persuni li sussegwentement jiġu kkonsenjati lilhom dawn l-unitajiet.

37

Tali interpretazzjoni hija konformi mal-għan tar-Regolament Nru 88/97, li jikkonsisti fl-awtorizzazzjoni tal-eżenzjonijiet mid-dazji antidumping estiżi biss jekk dawn ma jikkompromettux l-għanijiet imfittxija mill-impożizzjoni tal-imsemmija dazji. Issa, l-awtorizzazzjoni ta’ importazzjonijiet liberi ta’ tali dazji, ċertament limitati għal inqas minn 300 unità għal kull tip ta’ partijiet essenzjali ta’ roti, għal kull xahar u għal kull klijent, li jistgħu jiġu kkunsinnati lil numru potenzjalment illimitat ta’ klijenti, tista’ tikkomprometti dawn l-għanijiet.

38

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 14(c) tar-Regolament Nru 88/97, kif emendat fl-2013, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtorizzazzjoni taħt il-proċedura ta’ użu aħħari, fis-sens tal-Artikolu 254 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, tista’ tipprevedi eżenzjoni mid-dazju antidumping estiż għal inqas minn 300 unità għal kull tip ta’ parti essenzjali tar-roti, għal kull xahar u għall-klijenti kollha flimkien tad-detentur ta’ din l-awtorizzazzjoni.

Fuq it-tielet domanda

39

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 14(c) tar-Regolament Nru 88/97, kif emendat fl-2013, għandux jiġi interpretat fis-sens li l-qbiż tal-limitu ta’ “inqas minn 300 unità għal kull tip ta’ parti essenzjali tar-roti”, fuq bażi mensili, jimplikax li parti li tiddikjara u li tikkunsinna iktar minn 299 unità fix-xahar ma tibbenefika minn ebda eżenzjoni mid-dazji antidumping estiżi skont l-imsemmija dispożizzjoni.

40

Qabel kollox, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 14(c) tar-Regolament Nru 88/97, kif emendat fl-2013, ma jirriżultax li l-limitu ta’ “inqas minn 300 unità għal kull tip ta’ parti essenzjali tar-roti”, fuq bażi mensili, jikkostitwixxi limitu li, fil-każ li jinqabeż, jagħti lok, sa dan il-limitu, għall-eżenzjoni mid-dazji antidumping estiżi.

41

Min-naħa l-oħra, mill-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 88/97, kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2023/611, b’mod partikolari, jirriżulta li meta l-partijiet ikunu ddikjaraw għar-rilaxx għaċ-ċirkulazzjoni libera jew irċevew kunsinni ta’ kwantitajiet ta’ partijiet essenzjali ta’ roti ogħla mil-limitu minimu previst f’dan l-Artikolu 14(c), kull awtorizzazzjoni ta’ eżenzjoni mogħtija lil dawn il-partijiet għandha tiġi rrevokata b’mod retroattiv. Minn dan jirriżulta li l-imsemmi limitu minimu jikkostitwixxi valur li l-qbiż tiegħu jċaħħad kompletament l-imsemmija partijiet minn tali eżenzjoni.

42

Ċertament, kif tindika l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, din l-evoluzzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni ppermettiet li ssir kjarifika fid-dawl tal-prattiki diverġenti tal-awtoritajiet doganali nazzjonali. Madankollu, mill-premessa 23 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 2023/611 jirriżulta li l-istess limitu minimu għandu jitqies li huwa, sa mill-istabbiliment tiegħu bir-Regolament Nru 88/97, fil-verżjoni inizjali tiegħu, valur li l-qbiż tiegħu jwassal għar-revoka tal-eżenzjoni. Dan huwa barra minn hekk ikkorroborat mill-premessa 24 ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni li tipprovdi li l-“limitu [de minimis] jeħtieġ li jkun espliċitu fir-Regolament [Nru 88/97]”, u dan “[s]abiex jiġu żgurati ċ-ċertezza legali u t-trasparenza”, kif ukoll mill-premessa 25 tal-imsemmi regolament ta’ implimentazzjoni.

43

Sussegwentement, kif tirrileva l-qorti tar-rinviju u kif jirriżulta mill-premessa 4 tar-Regolament Nru 88/97, l-eżenzjoni taħt il-proċedura ta’ użu aħħari ġiet stabbilita sabiex tippermetti importazzjonijiet jew kunsinni fi kwantitajiet żgħar, li għandhom importanza ekonomika limitata. Issa, il-fatt li operaturi ekonomiċi li jwettqu importazzjonijiet jew bejgħ mill-ġdid sinjifikattivi jkunu jistgħu jibbenefikaw awtomatikament minn eżenzjoni, tal-inqas parzjali, fuq tali tranżazzjonijiet jippreġudika l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni antidumping.

44

Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tirreferi għas-sentenza tat-12 ta’ Mejju 2021, Hauptzollamt B (Kavjar tal-isturjun) (C‑87/20, EU:C:2021:382). F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-kwantità ta’ 125 gramma ta’ kavjar tal-isturjun għal kull persuna, li l-introduzzjoni tagħha ma hijiex suġġetta għall-preżentazzjoni ta’ permess ta’ importazzjoni, tikkostitwixxi valur limitu, billi bbażat ruħha b’mod partikolari fuq il-fatt li d-dispożizzjoni inkwistjoni għandha titqies bħala deroga li għandha, bħala tali, tkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta.

45

Il-fatti tal-kawża prinċipali jippreżentaw differenzi meta mqabbla ma’ dawk tal-kawża li tat lok għal din is-sentenza, li kienet tikkonċerna l-protezzjoni ta’ speċi ta’ fawna u flora selvaġġi, li huma mhedda b’estinzjoni, billi jiġi rregolat il-kummerċ fihom, skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 tad-9 ta’ Diċembru 1996 dwar il-protezzjoni ta’ speċi ta’ fawna u flora selvaġġi billi jkun regolat il-kummerċ fihom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3, p. 136).

46

Xorta jibqa’ l-fatt li l-leġiżlazzjoni antidumping hija intiża f’dan il-każ sabiex tipproteġi l-industrija Ewropea li taqa’ taħt is-settur tar-roti u li l-eżenzjonijiet mid-dazji antidumping estiżi, skont ir-Regolament Nru 88/97, jingħataw biss għall-operazzjonijiet li ma jikkostitwixxux evażjoni, b’mod partikolari dawk favur operaturi ekonomiċi żgħar. B’hekk, l-Artikolu 14(c) tar-Regolament Nru 88/97, kif emandat fl-2013, għandu jitqies li jikkostitwixxi dispożizzjoni derogatorja favur operaturi ekonomiċi żgħar li l-attività tagħhom, fid-dawl tal-impatt ekonomiku dgħajjef tagħha, ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet intiżi li jevitaw l-evażjoni tad-dazji antidumping estiżi.

47

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 14(c) tar-Regolament Nru 88/97, kif emendat fl-2013, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qbiż tal-limitu ta’ “inqas minn 300 unità għal kull tip ta’ parti essenzjali tar-roti”, fuq bażi mensili, jimplika li parti li tiddikjara u li tikkunsinna iktar minn 299 unità fix-xahar ma tibbenefika minn ebda eżenzjoni mid-dazji antidumping estiżi skont l-imsemmija dispożizzjoni.

Fuq l-ispejjeż

48

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 14(c) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 88/97 tal-20 ta’ Jannar 1997 dwar l-awtorizzazzjoni għall-eżenzjoni tal-importazzjoni ta’ uħud mill-partijiet tar-rota li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina mill-estensjoni permezz tar-Regolament (KE) Nru 71/97 tal-Kunsill, tad-dazju anti-dumping impost mir-Regolament (KEE) Nru 2474/93 tal-Kunsill, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 512/2013 tal-4 ta’ Ġunju 2013, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eżenzjoni mid-dazju antidumping estiż previst minnu tista tiġi abbinata, bl-istess awtorizzazzjoni tal-użu aħħari, fis-sens tal-Artikolu 254 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, ma’ eżenzjoni oħra taħt l-Artikolu 14(a) u/jew (b) tar-Regolament Nru 88/97 kif emendat.

 

2)

L-Artikolu 14(c) tar-Regolament Nru 88/97, kif emendat bir-Regolament Nru 512/2013, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtorizzazzjoni taħt il-proċedura ta’ użu aħħari, fis-sens tal-Artikolu 254 tar-Regolament Nru 952/2013, tista’ tipprevedi eżenzjoni mid-dazju antidumping estiż għal inqas minn 300 unità għal kull tip ta’ parti essenzjali tar-roti, għal kull xahar u għall-klijenti kollha flimkien tad-detentur ta’ din l-awtorizzazzjoni.

 

3)

L-Artikolu 14(c) tar-Regolament Nru 88/97, kif emendat bir-Regolament Nru 512/2013, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qbiż tal-limitu ta’ “inqas minn 300 unità għal kull tip ta’ parti essenzjali tar-roti”, fuq bażi mensili, jimplika li parti li tiddikjara u li tikkunsinna iktar minn 299 unità fix-xahar ma tibbenefika minn ebda eżenzjoni mid-dazji antidumping estiżi skont l-imsemmija dispożizzjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.