European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/967

21.5.2025

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2025/967

tal-20 ta’ Mejju 2025

dwar il-parteċipazzjoni tal-Iżvizzera fil-proġett PESCO Federazzjonijiet ta’ Ambjenti ta’ Taħriġ Ċibernetiku

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 46(6) tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/2315 tal-11 ta’ Diċembru 2017 li tistabbilixxi kooperazzjoni strutturata permanenti (PESCO) u li tiddetermina l-lista ta’ Stati Membri parteċipanti (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) tagħha,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/1639 tal-5 ta’ Novembru 2020 li tistabbilixxi kondizzjonijiet ġenerali li skonthom Stati terzi jkunu jistgħu b’mod eċċezzjonali jiġu mistiedna biex jipparteċipaw fi proġetti individwali tal-PESCO (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 2(4) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

L-Artikolu 9(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2315 jipprevedi li l-Kunsill jiddeċiedi, f’konformità mal-Artikolu 46(6) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), jekk Stat terz, li l-Istati Membri parteċipanti li jieħdu sehem fi proġett ta’ kooperazzjoni strutturata permanenti (PESCO) ikunu jixtiequ jistiednu biex jieħu sehem f’dak il-proġett, jissodisfax ir-rekwiżiti li għandhom jiġu stabbiliti mill-Kunsill.

(2)

Fis-6 ta’ Marzu 2018, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2018/340 (3), li stabbiliet il-lista ta’ proġetti li għandhom jiġu żviluppati taħt il-PESCO. L-Artikolu 1 ta’ dik id-Deċiżjoni jipprevedi proġett intitolat “Federazzjonijiet ta’ Ambjenti ta’ Taħriġ Ċibernetiku” li għandu tmien membri tal-proġett, inkluż l-Estonja bħala koordinatur tal-proġett.

(3)

Fil-5 ta’ Novembru 2020, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2020/1639, li stabbilixxiet kondizzjonijiet ġenerali li skonthom Stati terzi jkunu jistgħu b’mod eċċezzjonali jiġu mistiedna biex jipparteċipaw fi proġetti individwali tal-PESCO. L-Artikolu 2(4) ta’ dik id-Deċiżjoni jipprevedi li, abbażi ta’ avviż mill-koordinatur jew il-koordinaturi ta’ proġett PESCO, u wara opinjoni mill-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS), il-Kunsill irid jieħu deċiżjoni f’konformità mal-Artikolu 46(6) TUE u l-Artikolu 9(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2315 dwar jekk il-parteċipazzjoni tal-Istat terz f’dak il-proġett tissodisfax il-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1639.

(4)

Fit-3 ta’ Ottubru 2024, l-Iżvizzera bagħtet lill-koordinatur tal-proġett PESCO Federazzjonijiet ta’ Ambjenti ta’ Taħriġ Ċibernetiku t-talba tagħha għall-parteċipazzjoni f’dak il-proġett PESCO, f’konformità mal-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1639. Il-membri tal-proġett imbagħad ivvalutaw, abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Iżvizzera, jekk din tikkonformax mal-kondizzjonijiet ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1639, f’konformità mal-Artikolu 2(2).

(5)

Fl-14 ta’ Frar 2025, il-koordinatur tal-proġett PESCO Federazzjonijiet ta’ Ambjenti ta’ Taħriġ Ċibernetiku avża lill-Kunsill u lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, f’konformità mal-Artikolu 2(3) tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1639, li l-membri ta’ dak il-proġett PESCO kienu qablu unanimament: li jixtiequ jistiednu lill-Iżvizzera biex tipparteċipa f’dak il-proġett; dwar l-ambitu, il-forma u l-istadji rilevanti tal-parteċipazzjoni tal-Iżvizzera f’dak il-proġett; u li l-Iżvizzera tikkonforma mal-kondizzjonijiet ġenerali stipulati fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1639.

(6)

Fil-15 ta’ April 2025, il-KPS qabel dwar opinjoni dwar l-avviż mill-koordinatur tal-proġett PESCO Federazzjonijiet ta’ Ambjenti ta’ Taħriġ Ċibernetiku rigward it-talba mill-Iżvizzera biex tipparteċipa f’dak il-proġett (l-“avviż”). B’mod partikolari, il-KPS ħa nota tad-deskrizzjoni tal-proġett PESCO Federazzjonijiet ta’ Ambjenti ta’ Taħriġ Ċibernetiku kif ipprovduta fl-avviż, inkluż l-objettivi, l-organizzazzjoni, it-teħid ta’ deċiżjonijiet tiegħu kif ukoll l-oqsma ta’ prijorità tal-ħidma. Innota wkoll li l-ebda informazzjoni klassifikata jew sensittiva tal-UE ma tinqasam f’dak il-proġett u li l-proġett mhuwiex implimentat bl-appoġġ tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA) skont it-tifsira tal-Artikolu 3, il-punt (g), tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1639. Barra minn hekk, innota li l-proġett PESCO Federazzjonijiet ta’ Ambjenti ta’ Taħriġ Ċibernetiku ma jinvolvix l-akkwist ta’ armamenti, ir-riċerka u l-iżvilupp tal-kapaċitajiet, jew l-użu u l-esportazzjoni ta’ armi jew mezzi jew teknoloġija. Innota wkoll li ma jinvolvix entitajiet, investimenti jew finanzjament mill-Istati Membri li jipparteċipaw fil-PESCO jew talbiet għal finanzjament mill-Unjoni għal attivitajiet tal-proġett.

(7)

Il-KPS qabel mal-ambitu, il-forma u l-livell proposti tal-parteċipazzjoni tal-Iżvizzera fil-proġett PESCO Federazzjonijiet ta’ Ambjenti ta’ Taħriġ Ċibernetiku kif deskritti fl-avviż. Irrikonoxxa li l-Iżvizzera kienet esprimiet li hija tappoġġa bis-sħiħ l-ambitu ta’ dak il-proġett kif definit fl-avviż.

(8)

Fl-istess opinjoni, il-KPS ikkonferma l-fehma maqbula unanimament mill-membri tal-proġett li l-Iżvizzera tikkonforma mal-kondizzjonijiet ġenerali stipulati fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1639, kif ġej:

—

l-Iżvizzera tissodisfa l-kondizzjoni stipulata fl-Artikolu 3, il-punt (a), tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1639, li teħtieġ: il-kondiviżjoni tal-valuri li fuqhom hija msejsa l-Unjoni, kif stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE, u l-prinċipji msemmija fl-Artikolu 21(1) TUE, kif ukoll l-objettivi tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK) kif imsemmija fl-Artikolu 21(2), il-punti (a), (b), (c) u (h), TUE; li ma tmurx kontra l-interessi tas-sigurtà u d-difiża tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha, inkluż ir-rispett għall-prinċipju ta’ relazzjonijiet tajbin ta’ viċinat mal-Istati Membri; u li jkollha djalogu politiku mal-Unjoni, li jenħtieġ li jkopri wkoll aspetti ta’ sigurtà u difiża meta tieħu sehem fi proġett PESCO;

—

fir-rigward tal-kondizzjoni stipulata fl-Artikolu 3, il-punt (b), tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1639 dwar il-valur miżjud sostanzjali tal-Iżvizzera għall-proġett PESCO Federazzjonijiet ta’ Ambjenti ta’ Taħriġ Ċibernetiku, l-avviż jipprovdi deskrizzjoni dettaljata tal-kontribut tal-Iżvizzera, inkluż dwar l-ambitu, il-forma u l-livell tal-parteċipazzjoni tagħha fil-proġett, li tissostanzja l-issodisfar ta’ dik il-kondizzjoni;

—

fir-rigward tal-kondizzjoni stipulata fl-Artikolu 3, il-punt (c), tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1639, il-parteċipazzjoni tal-Iżvizzera fil-proġett PESCO Federazzjonijiet ta’ Ambjenti ta’ Taħriġ Ċibernetiku ser tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni (PSDK) u tal-livell ta’ ambizzjoni tal-Unjoni, inkluż b’appoġġ għall-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK, kif speċifikat ukoll fl-avviż;

—

fir-rigward tal-kondizzjoni stabbilita fl-Artikolu 3, il-punt (d) tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1639, il-proġett PESCO Federazzjonijiet ta’ Ambjenti ta’ Taħriġ Ċibernetiku ma jinvolvix l-akkwist ta’ armamenti, ir-riċerka u l-iżvilupp tal-kapaċitajiet, jew l-użu u l-esportazzjoni ta’ armi jew kapaċitajiet u teknoloġija; ma jiżviluppa l-ebda mezz jew teknoloġija. Konsegwentement, il-parteċipazzjoni tal-Iżvizzera fil-proġett mhux ser twassal għal dipendenzi fuqha jew għal restrizzjonijiet imposti minnha kontra xi Stat Membru tal-Unjoni;

—

il-kondizzjoni stipulata fl-Artikolu 3, il-punt (e), tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1639 fir-rigward tal-konsistenza tal-parteċipazzjoni tal-Iżvizzera mal-impenji aktar vinkolanti rilevanti tal-PESCO, kif speċifikati fl-Anness tad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2315, hija sodisfatta wkoll, kif spjegat aktar fid-dettall fl-avviż. Peress li l-proġett PESCO Federazzjonijiet ta’ Ambjenti ta’ Taħriġ Ċibernetiku mhuwiex proġett orjentat lejn il-mezzi, il-kondizzjoni dwar il-kontribut tal-parteċipazzjoni tal-Iżvizzera għat-twettiq tal-prijoritajiet derivati mill-Pjan tal-Iżvilupp tal-Kapaċitajiet u r-Rieżami Annwali Koordinat dwar id-Difiża (CARD) jew biex ikun hemm impatt pożittiv fuq il-Bażi Industrijali u Teknoloġika tad-Difiża Ewropea (EDTIB) mhijiex applikabbli f’dan il-kuntest;

—

ir-rekwiżit stipulat fl-Artikolu 3, il-punt (f), tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1639 huwa sodisfatt peress li l-Ftehim bejn il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Unjoni Ewropea dwar il-proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju ta’ informazzjoni klassifikata (4) ilu fis-seħħ mill-1 ta’ Ġunju 2008;

—

il-kondizzjoni stipulata fl-Artikolu 3, il-punt (g), tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1639 mhijiex applikabbli f’dan il-każ, peress li l-proġett PESCO Federazzjonijiet ta’ Ambjenti ta’ Taħriġ Ċibernetiku mhuwiex implimentat bl-appoġġ tal-EDA u għalhekk mhuwiex meħtieġ arranġament amministrattiv li jkun fis-seħħ mal-EDA;

—

fir-rigward tal-kondizzjoni stipulata fl-Artikolu 3, il-punt (h), tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1639, l-Iżvizzera ħadet l-impenn li tfittex li tikkonkludi arranġament amministrattiv speċifiku għall-proġett u kwalunkwe dokumentazzjoni neċessarja oħra f’konformità mad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2315 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/909 (5) rigward regoli ta’ governanza tal-PESCO.

(9)

Fl-opinjoni tiegħu, il-KPS irrakkomanda li l-Kunsill jieħu deċiżjoni pożittiva dwar jekk il-parteċipazzjoni tal-Iżvizzera fil-proġett PESCO Federazzjonijiet ta’ Ambjenti ta’ Taħriġ Ċibernetiku tissodisfax il-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1639.

(10)

Għalhekk, jenħtieġ li l-Kunsill jiddeċiedi li l-parteċipazzjoni tal-Iżvizzera fil-proġett PESCO Federazzjonijiet ta’ Ambjenti ta’ Taħriġ Ċibernetiku tissodisfa l-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1639. L-Iżvizzera ser tingħaqad ma’ dak il-proġett fid-data speċifikata fl-arranġament amministrattiv li għandhom jidħlu fih l-Iżvizzera u l-membri tal-proġett, f’konformità mal-Artikolu 2(7) tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1639. Il-Kunsill ser jeżerċita s-sorveljanza tiegħu f’konformità mal-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1639 u jista’ jieħu deċiżjonijiet ulterjuri f’konformità mal-Artikolu 6(2) u (3) tagħha,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-parteċipazzjoni tal-Iżvizzera fil-proġett PESCO Federazzjonijiet ta’ Ambjenti ta’ Taħriġ Ċibernetiku tissodisfa l-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1639.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Mejju 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

K. KALLAS


(1)   ĠU L 331, 14.12.2017, p. 57, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2017/2315/oj.

(2)   ĠU L 371, 6.11.2020, p. 3, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2020/1639/oj.

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/340 tas-6 ta’ Marzu 2018 li tistabbilixxi l-lista ta’ proġetti li għandhom jiġu żviluppati taħt il-PESCO (ĠU L 65, 8.3.2018, p. 24, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2018/340/oj).

(4)  Il-Ftehim bejn il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Unjoni Ewropea dwar il-proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju ta’ informazzjoni klassifikata (ĠU L 181, 10.7.2008, p. 58, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2008/568/oj).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/909 tal-25 ta’ Ġunju 2018 li tistabbilixxi sett komuni ta’ regoli ta’ governanza għall-proġetti PESCO (ĠU L 161, 26.6.2018, p. 37, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2018/909/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/967/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)