12.7.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 185/12


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1192

tal-11 ta’ Lulju 2022

li jistabbilixxi miżuri għall-qerda ta’ Globodera pallida (Stone) Behrens u Globodera rostochiensis (Wollenweber) Behrens u għall-prevenzjoni tat-tifrix tagħhom

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar il-miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 228/2013, (UE) Nru 652/2014 u (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 69/464/KEE, 74/647/KEE, 93/85/KEE, 98/57/KE, 2000/29/KE, 2006/91/KE u 2007/33/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 28(1), il-punti (a) sa (h) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2016/2031 jipprovdi l-bażi għal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-miżuri protettivi kontra l-pesti tal-pjanti. Peress li dak ir-Regolament jistabbilixxi sett ġdid ta’ regoli, huwa jħassar, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2022, bosta atti li kienu bbażati fuq ir-regoli preċedenti fis-settur.

(2)

Wieħed minn dawk l-atti mħassra huwa d-Direttiva tal-Kunsill 2007/33/KE (2), li stabbiliet miżuri kontra n-nematodi forma ta’ ċisti fil-patata, li huma l-pesti Globodera pallida (Stone) Behrens (il-popolazzjonijiet Ewropej) u Globodera rostochiensis (Wollenweber) Behrens (il-popolazzjonijiet Ewropej) (“il-pesti speċifikati”).

(3)

Barra minn hekk, mill-adozzjoni ta’ dik id-Direttiva ’l hawn, saru żviluppi tekniċi u xjentifiċi ġodda dwar il-bijoloġija u d-distribuzzjoni tal-pesti speċifikati, filwaqt li ġew żviluppati metodi ġodda ta’ ttestjar għad-detezzjoni u l-identifikazzjoni tagħhom kif ukoll metodi għall-qerda tagħhom u biex jiġi evitat it-tixrid tagħhom.

(4)

Għalhekk huwa xieraq li jiġu adottati miżuri ġodda għall-pjanti ta’ Solanum tuberosum L., għajr iż-żrieragħ (“il-pjanti speċifikati”), biex jinqerdu l-pesti speċifikati f’siti tal-produzzjoni infestati f’każ li jinstabu preżenti fit-territorju tal-Unjoni u biex jiġi evitat li jinfirxu fih. Madankollu, ċerti miżuri stabbiliti fid-Direttiva 2007/33/KE, b’mod partikolari dawk li jikkonċernaw id-detezzjoni u l-prevenzjoni tat-tifrix tal-pesti speċifikati, għadhom xierqa u għalhekk jenħtieġ li jiġu previsti.

(5)

L-ewwel pass li jenħtieġ isir huwa li l-awtoritajiet kompetenti jwettqu stħarriġ uffiċjali ta’ detezzjoni għall-preżenza tal-pesti speċifikati fuq is-sit tal-produzzjoni li fih ikunu se jitħawlu jew jinħażnu l-pjanti speċifikati, maħsuba għat-tħawwil mill-ġdid, jew il-patata maħsuba għall-produzzjoni tat-tuberi tal-patata għat-tħawwil. Ir-regoli dwar tali stħarriġ għandhom l-għan li jiżguraw l-identifikazzjoni, u, jekk ikun meħtieġ, il-qerda tal-pesti speċifikati, jekk jinstabu preżenti.

(6)

Huwa xieraq li r-regoli dwar l-istħarriġ uffiċjali ta’ detezzjoni jinkludu dispożizzjonijiet dwar il-kampjunar u l-ittestjar għall-preżenza tal-pesti speċifikati, imwettqa f’konformità mal-aktar żviluppi tekniċi u xjentifiċi aġġornati.

(7)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom il-possibbiltà li jidderogaw mir-regoli dwar l-istħarriġ uffiċjali ta’ detezzjoni f’kundizzjonijiet speċifiċi u f’żoni ddefiniti mill-awtorità kompetenti, inkluż, fejn ikun xieraq, fit-territorju kollu tal-Istat Membru kkonċernat.

(8)

Jenħtieġ li jitwettaq stħarriġ uffiċjali ta’ monitoraġġ fuq siti tal-produzzjoni li jintużaw għall-produzzjoni tal-patata, għajr dawk maħsuba għall-produzzjoni tat-tuberi tal-patata maħsuba għat-tħawwil, sabiex tiġi ddeterminata d-distribuzzjoni tal-pesti speċifikati. Jenħtieġ li dan l-istħarriġ jitwettaq fuq mill-inqas 0,5 % tal-ettari li jintużaw fis-sena rilevanti għall-produzzjoni tal-patata, għajr dik maħsuba għall-produzzjoni tat-tuberi tal-patata maħsuba għat-tħawwil. Din ir-rata tal-istħarriġ hija meħtieġa biex issir l-aktar sorveljanza ġenerali effettiva tas-sitwazzjoni tal-pesti speċifikati u sabiex tittieħed azzjoni preventiva ħalli tiġi żgurata l-qerda tagħhom u ma jitħallewx jinfirxu fit-territorju tal-Unjoni.

(9)

Is-siti tal-produzzjoni li jinstabu infestati mill-pesti speċifikati jenħtieġ li jiġu rreġistrati uffiċjalment, u l-pjanti infestati jenħtieġ li jiġu uffiċjalment iddeżinjati bħala infestati, sabiex ikunu jistgħu jsiru kontroll trasparenti ta’ dawk il-pjanti u l-applikazzjoni tal-miżuri rilevanti.

(10)

Għalhekk jixraq li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw is-siti tal-produzzjoni infestati u l-pjanti infestati biex jiġi ggarantit li l-pesti speċifikati jinqerdu u ma jinfirxux aktar. Sabiex dawn il-miżuri jkunu proporzjonati u effettivi, jeħtieġ li jkunu differenti skont jekk il-pjanti kkonċernati jkunux maħsuba għat-tħawwil mill-ġdid jew għall-ipproċessar industrijali.

(11)

Jixraq li l-miżuri jinkludu programm ta’ kontroll uffiċjali li jqis, fost elementi oħra, is-sistemi partikolari tal-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-pjanti ospitanti tal-pesti speċifikati fl-Istat Membru rilevanti, il-karatteristiċi tal-popolazzjoni tal-pesti speċifikati preżenti, l-użu ta’ varjetajiet reżistenti tal-patata tal-ogħla livelli ta’ reżistenza disponibbli, u għażliet agronomiċi oħra għat-trażżin tal-pesti, kif imsemmi fil-punt 1 tal-Anness III tad-Direttiva 2009/128/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(12)

Sabiex il-Kummissjoni jkollha idea ġenerali tal-miżuri meħuda mill-Istati Membri fl-Unjoni u biex l-Istati Membri jadattaw il-miżuri rispettivi tagħhom kif meħtieġ, jenħtieġ li l-Istati Membri jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra, sal-31 ta’ Jannar ta’ kull sena, lista tal-varjetajiet ġodda kollha ta’ patata, li, permezz ta’ ttestjar uffiċjali, ikunu sabu li huma reżistenti għall-pesti speċifikati matul is-sena preċedenti.

(13)

Fejn il-preżenza tal-pesti speċifikati ma tibqax tiġi kkonfermata f’sit tal-produzzjoni, abbażi ta’ ċerti rekwiżiti ta’ kampjunar, jenħtieġ li l-miżuri f’dak is-sit jiġu revokati, minħabba li f’dan il-każ ir-riskju fitosanitarju jkun negliġibbli.

(14)

Il-metodu biex jiġu iżolati n-nematodi forma ta’ ċisti mill-fdalijiet, segwit mid-detezzjoni tal-ispeċi u identifikazzjoni permezz ta’ PCR f’ħin reali bbazżat fuq Beniers et al. 2014 (4), jintuża f’ċerti Stati Membri, iżda l-proċess ta’ validazzjoni tiegħu għadu għaddej. Biex jiġi evitat tfixkil fid-detezzjoni u l-identifikazzjoni tan-nematodi fl-Istati Membri fejn jintuża dak il-metodu, jixraq li jibqa’ jkun permess għal perjodu tranżizzjonali, sakem jiġi vvalidat, peress li bħalissa ma jeżistux alternattivi f’dawk l-Istati Membri.

(15)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, biex jiġi żgurat li japplika mill-aktar fis possibbli wara t-tħassir tad-Direttiva 2007/33/KE.

(16)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

SUĠĠETT U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-miżuri għall-fini tal-qerda ta’ Globodera pallida (Stone) Behrens u Globodera rostochiensis (Wollenweber) Behrens, u għall-prevenzjoni tat-tifrix tagħhom fit-territorju tal-Unjoni.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“il-pest speċifikat” tfisser eżemplar tal-ispeċi Globodera pallida (Stone) Behrens jew tal-ispeċi Globodera rostochiensis (Wollenweber) Behrens;

(2)

“varjetà ta’ patata reżistenti” tfisser varjetà li, meta tiġi kkoltivata, twassal għat-trażżin sinifikanti tal-iżvilupp ta’ popolazzjoni partikolari ta’ pesti speċifikati;

(3)

“pjanti speċifikati” tfisser:

(a)

pjanti tas-Solanum tuberosum L. (patata) għajr iż-żrieragħ; jew

(b)

il-pjanti elenkati fl-Anness I;

(4)

“stħarriġ ta’ detezzjoni” tfisser proċedura metodika għad-determinazzjoni tal-preżenza tal-pesti speċifikati f’żona speċifika;

(5)

“stħarriġ ta’ monitoraġġ” tfisser proċedura metodika mwettqa fuq perjodu ta’ żmien iddefinit biex tiġi ddeterminata d-distribuzzjoni tal-pesti speċifikati fi Stat Membru speċifiku, jew f’żona partikolari tiegħu.

KAPITOLU II

STĦARRIĠ UFFIĊJALI TA’ DETEZZJONI

Artikolu 3

Stħarriġ uffiċjali ta’ detezzjoni

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu stħarriġ uffiċjali ta’ detezzjoni għall-preżenza tal-pest speċifikat fis-siti tal-produzzjoni, li fihom ikunu se jitħawlu jew jinħażnu l-pjanti elenkati fl-Anness I, maħsuba għat-tħawwil mill-ġdid, jew il-patata maħsuba għall-produzzjoni tat-tuberi tal-patata għat-tħawwil, f’kundizzjonijiet fejn l-għeruq jew partijiet oħra tal-pjanta jkunu f’kuntatt dirett mal-ħamrija tas-sit tal-produzzjoni.

2.   L-istħarriġ uffiċjali ta’ detezzjoni għandu jitwettaq fil-perjodu bejn il-ħsad tal-aħħar għalla u t-tħawwil tal-pjanti jew tat-tuberi tal-patata għat-tħawwil imsemmi fil-paragrafu 1.

B’deroga mill-ewwel subparagrafu, l-istħarriġ uffiċjali ta’ detezzjoni jista’ jitwettaq:

(a)

qabel dak il-perjodu, bil-kundizzjoni li l-awtorità kompetenti żżomm disponibbli rekord dwar l-evidenza dokumentarja tar-riżultati ta’ dak l-istħarriġ uffiċjali ta’ detezzjoni, li jikkonferma li l-pesti speċifikati ma jkunux instabu, u li l-patata u pjanti ospitanti oħra elenkati fil-punt 1 tal-Anness I ma kinux preżenti fiż-żmien tal-istħarriġ ta’ detezzjoni u ma tkabbrux miż-żmien ta’ meta sar dak l-istħarriġ; jew

(b)

matul perjodu meta l-għelejjel li ma jinħasdux, bħad-demel aħdar jew l-għelejjel tat-titwiq, jitkabbru fis-sit tal-produzzjoni kkonċernat.

3.   Ma għandux ikun meħtieġ stħarriġ uffiċjali ta’ detezzjoni:

(a)

għat-tħawwil tal-pjanti elenkati fl-Anness I, maħsuba għat-tħawwil mill-ġdid fl-istess post tal-produzzjoni li jkun jinsab f’żona ddefinita mill-awtoritajiet kompetenti;

(b)

għat-tħawwil tal-patata maħsuba għall-produzzjoni tat-tuberi tal-patata għat-tħawwil li tkun se tintuża fl-istess post tal-produzzjoni li jkun jinsab f’żona ddefinita mill-awtoritajiet kompetenti;

(c)

għat-tħawwil tal-pjanti elenkati fil-punti 2 u 3 tal-Anness I, maħsuba għat-tħawwil mill-ġdid fejn il-pjanti maħsuda se jkunu soġġetti għall-miżuri approvati uffiċjalment imsemmija fil-punt 1 tal-Anness II.

4.   L-Istati Membri għandhom jirreġistraw uffiċjalment ir-riżultati tal-istħarriġ uffiċjali ta’ detezzjoni u jagħmluhom aċċessibbli għall-Kummissjoni, fuq talba, f’konformità mal-mudell stabbilit fl-Anness IV.

Artikolu 4

Kampjunar u ttestjar għall-istħarriġ ta’ detezzjoni uffiċjali

1.   Fil-każ ta’ siti tal-produzzjoni fejn se jitħawlu jew jinħażnu t-tuberi tal-patata maħsuba għat-tħawwil, jew il-pjanti elenkati fil-punt 1 tal-Anness I maħsuba għall-produzzjoni ta’ pjanti għat-tħawwil, l-istħarriġ uffiċjali ta’ detezzjoni għandu jinvolvi l-kampjunar u l-ittestjar għall-preżenza tal-pest speċifikat, imwettqa f’konformità mal-Anness III.

2.   Fil-każ ta’ siti tal-produzzjoni fejn se jitħawlu jew jinħażnu l-pjanti elenkati fil-punti 2 u 3 tal-Anness I, maħsuba għall-produzzjoni tal-pjanti għat-tħawwil, l-istħarriġ uffiċjali ta’ detezzjoni għandu jinvolvi l-kampjunar u l-ittestjar għall-pest speċifikat, imwettaq f’konformità mal-Anness III.

3.   B’deroga mill-paragrafu 2, ma għandu jkun meħtieġ l-ebda kampjunar u ttestjar għall-pest speċifikat jekk sit tal-produzzjoni ma jkollu:

(a)

l-ebda storja ta’ preżenza tal-pest speċifikat matul l-aħħar 12-il sena, abbażi tar-riżultati ta’ ttestjar xieraq approvat uffiċjalment; jew

(b)

l-ebda storja magħrufa ta’ koltivazzjoni fejn ma tkun tkabbret l-ebda patata jew pjanta ospitanti oħra elenkata fil-punt 1 tal-Anness I fl-aħħar 12-il sena.

Artikolu 5

Deżinjazzjoni ta’ siti tal-produzzjoni infestati u ta’ pjanti speċifikati infettati

1.   Meta l-pesti speċifikati jkunu nstabu preżenti f’sit tal-produzzjoni matul stħarriġ uffiċjali ta’ detezzjoni jew stħarriġ uffiċjali ta’ monitoraġġ, kif imsemmi fl-Artikolu 6, u dik il-preżenza tkun ġiet ikkonfermata uffiċjalment mit-testijiet imsemmija fl-Artikolu 4 u fl-Artikolu 7(2), l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiddeżinjaw is-sit bħala infestat.

2.   Pjanti speċifikati li joriġinaw minn sit tal-produzzjoni ddeżinjat bħala infestat skont il-paragrafu 1, jew pjanti speċifikati li kienu f’kuntatt mal-ħamrija, li fih instabu l-pesti speċifikati, għandhom jiġu ddeżinjati bħala infestati.

KAPITOLU III

STĦARRIĠ ta’ MONITORAĠĠ UFFIĊJALI

Artikolu 6

Stħarriġ ta’ monitoraġġ uffiċjali

1.   Għandu jitwettaq stħarriġ uffiċjali annwali ta’ monitoraġġ ibbażat fuq ir-riskju fuq siti tal-produzzjoni li jintużaw għall-produzzjoni tal-patata, għajr dawk maħsuba għall-produzzjoni tat-tuberi tal-patata maħsuba għat-tħawwil, sabiex tiġi ddeterminata d-distribuzzjoni tal-pesti speċifikati f’dawk is-siti.

2.   Sat-30 ta’ April ta’ kull sena, l-Istati Membri għandhom jirrapportaw, ir-riżultati tal-istħarriġ ta’ monitoraġġ imsemmija fil-paragrafu 1 li twettqu fis-sena preċedenti f’konformità mal-mudell stabbilit fl-Anness IV lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra.

Artikolu 7

Kampjunar u ttestjar għall-istħarriġ ta’ monitoraġġ uffiċjali

1.   L-istħarriġ ta’ monitoraġġ uffiċjali għandu jitwettaq fuq mill-inqas 0,5 % tal-ettari użati fis-sena rilevanti għall-produzzjoni tal-patata, għajr il-patata maħsuba għall-produzzjoni tat-tuberi tal-patata għat-tħawwil.

2.   Dak l-istħarriġ ta’ monitoraġġ uffiċjali għandu jinvolvi l-kampjunar u l-ittestjar għall-preżenza tal-pesti speċifikati, f’konformità mal-punt 2 tal-Anness III.

3.   Meta l-Istati Membri jużaw id-daqs tal-kampjun imsemmi fil-punt 6 tal-Anness III, għandhom jinnotifikaw id-dettalji taż-żoni fejn ikun intuża dak id-daqs tal-kampjun lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra.

KAPITOLU IV

MIŻURI

Artikolu 8

Miżuri ta’ qerda

1.   F’sit tal-produzzjoni li jkun ġie ddeżinjat uffiċjalment bħala infestat skont l-Artikolu 5(1), l-awtoritajiet kompetenti, jew l-operaturi professjonali taħt is-superviżjoni uffiċjali tal-awtoritajiet kompetenti, għandhom japplikaw, għall-fini tal-qerda tal-pesti speċifikati, il-miżuri kollha li ġejjin:

(a)

ma għandha titħawwel ebda patata maħsuba għall-produzzjoni tat-tuberi tal-patata għat-tħawwil;

(b)

ma għandha titħawwel jew tinħażen l-ebda pjanta elenkata fl-Anness I u maħsuba għall-produzzjoni tal-pjanti għat-tħawwil, bl-eċċezzjoni tal-pjanti speċifikati elenkati fil-punti 2 jew 3 tal-Anness I, dment li dawn il-pjanti, wara li jinħasdu jkunu soġġetti għall-miżuri approvati uffiċjalment imsemmija fil-punt 1 tal-Anness II, sabiex ma jkun hemm l-ebda riskju identifikabbli ta’ tifrix tal-pest speċifikat; u

(c)

il-makkinarju għandu jitnaddaf mill-ħamrija u mill-fdalijiet tal-pjanti qabel ma jinħareġ minn dak is-sit tal-produzzjoni jew immedjatament wara, u qabel ma jidħol f’ebda sit tal-produzzjoni li jinsab barra dan, li ma jkunx ġie ddeżinjat bħala infestat skont l-Artikolu 5(1).

2.   Jekk is-siti tal-produzzjoni li għandhom jintużaw għall-produzzjoni tal-patata għajr dawk maħsuba għall-produzzjoni tat-tuberi tal-patata għat-tħawwil ikunu uffiċjalment iddeżinjati bħala infestati skont l-Artikolu 5(1), dawk is-siti ta’ produzzjoni għandhom ikunu soġġetti għal programm ta’ kontroll uffiċjali li jkollu l-għan li jiżgura li l-pesti speċifikati ma jinfirxux minn dawk is-siti tal-produzzjoni.

Il-programm ta’ kontroll uffiċjali msemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jqis, skont kif japplika, l-elementi kollha li ġejjin:

(a)

is-sistemi partikolari tal-produzzjoni u tal-kummerċjalizzazzjoni għall-pjanti ospitanti tal-pesti speċifikati fl-Istat Membru rilevanti;

(b)

il-karatteristiċi tal-popolazzjoni tal-pesti speċifikati preżenti;

(c)

l-użu ta’ varjetajiet ta’ patata reżistenti tal-ogħla livelli ta’ reżistenza disponibbli (punteġġ ta’ reżistenza ta’ 8 jew 9, kif speċifikat fil-punt 1 tal-Anness V, fejn disponibbli);

(d)

għażliet agronomiċi oħra għat-trażżin tal-pest, kif imsemmi fil-punt 1 tal-Anness III tad-Direttiva 2009/128/KE; u

(e)

il-miżuri deskritti fil-punt (b) tal-Artikolu 12(1).

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw il-programm ta’ kontroll uffiċjali lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra.

3.   Il-grad ta’ reżistenza tal-varjetajiet tal-patata għandu jiġi kkwantifikat f’konformità mat-tabella standard tan-notazzjoni tal-klassifikazzjoni stabbilita fil-punt 1 tal-Anness V.

L-ittestjar għar-reżistenza għandu jitwettaq f’konformità mal-protokoll stabbilit fil-punt 2 tal-Anness V.

Artikolu 9

Miżuri dwar pjanti infestati

1.   L-awtoritajiet kompetenti, jew l-operaturi professjonali taħt is-superviżjoni uffiċjali tal-awtoritajiet kompetenti, għandhom japplikaw, għall-fini tal-qerda tal-pesti speċifikati, il-miżuri kollha li ġejjin fuq pjanti speċifikati, li jkunu ġew iddeżinjati bħala infestati skont l-Artikolu 5:

(a)

il-patata maħsuba għall-produzzjoni tat-tuberi tal-patata ma għandhiex titħawwel;

(b)

il-patata maħsuba għall-ipproċessar jew għall-klassifikazzjoni industrijali għandha tkun soġġetta għall-miżuri approvati uffiċjalment f’konformità mal-punt 2 tal-Anness II; u

(c)

il-pjanti elenkati fil-punti 2 jew 3 tal-Anness I ma għandhomx jitħawlu sakemm ma jkunux ġew soġġetti għall-miżuri approvati uffiċjalment kif imsemmi fil-punt 1 tal-Anness II, sabiex ma jibqgħux infestati.

2.   Il-miżuri meħuda skont il-punt (b) tal-paragrafu 1 għandhom iqisu s-sistemi partikolari tal-produzzjoni u tal-kummerċjalizzazzjoni għall-pjanti ospitanti tal-pest speċifikat fl-Istat Membru kkonċernat u l-karatteristiċi tal-popolazzjoni tal-pest speċifikat.

KAPITOLU V

Notifiki ta’ pesti u ta’ varjetajiet speċifikati u revoka tal-miżuri

Artikolu 10

Notifika tal-preżenza kkonfermata tal-pest speċifikat fuq varjetà ta’ patata reżistenti

1.   L-operaturi professjonali u kull persuna oħra li jintebħu b’xi sintomu tal-pest speċifikat, li jirriżulta minn degradazzjoni jew bidla fl-effettività ta’ varjetà tal-patata reżistenti li jkun relatat ma’ bidla eċċezzjonali fil-kompożizzjoni tal-ispeċi, tal-patotip jew tal-grupp ta’ virulenza tan-nematodu, għandhom jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti b’dan.

2.   Fil-każijiet kollha rrapportati skont il-paragrafu 1, kif ukoll meta jintebħu b’każijiet bħal dawn, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jinvestigaw l-ispeċijiet tan-nematodu forma ta’ ċisti fil-patata u, fejn japplika, il-patotip jew il-grupp ta’ virulenza involut, u jikkonfermaw il-preżenza tagħhom permezz ta’ metodi xierqa.

3.   Sal-31 ta’ Jannar ta’ kull sena, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra bid-dettalji tal-konfermi magħmula skont il-paragrafu 2 fir-rigward tas-sena preċedenti.

Artikolu 11

Notifika ta’ varjetajiet reżistenti għall-pesti speċifikati

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra, sal-31 ta’ Jannar ta’ kull sena, lista tal-varjetajiet ġodda kollha ta’ patata li jkunu awtorizzaw għall-kummerċjalizzazzjoni matul is-sena preċedenti, u li jkunu sabu, permezz ta’ testijiet uffiċjali kif imsemmi fl-Anness V, li jkunu reżistenti għall-pesti speċifikati. Għandhom jindikaw il-varjetajiet flimkien mal-ispeċijiet, il-patotipi, gruppi jew popolazzjonijiet tal-pesti speċifikati skont il-virulenza li għalihom ikunu reżistenti, kif ukoll is-suxxettibbiltà relattiva.

Artikolu 12

Kampjunar mill-ġdid u ttestjar uffiċjali bil-ħsieb li jiġu revokati l-miżuri f’sit tal-produzzjoni infestat

1.   L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jwettqu kampjunar mill-ġdid ta’ sit tal-produzzjoni infestat iddeżinjat skont l-Artikolu 5(1), u ttestjar, f’konformità ma’ wieħed mill-metodi li ġejjin:

(a)

kampjunar mill-ġdid uffiċjali tas-sit tal-produzzjoni, u ttestjar, bl-użu ta’ wieħed mill-metodi speċifikati fl-Anness III, wara perjodu minimu ta’ sitt snin li jibda jgħodd mill-konferma pożittiva tal-pest speċifikat, jew li jibda jgħodd mit-tkabbir tal-aħħar għalla tal-patata; jew

(b)

kampjunar mill-ġdid uffiċjali tas-sit tal-produzzjoni, u ttestjar, bl-użu ta’ wieħed mill-metodi speċifikati fl-Anness III, wara tgħarriq bl-ilma f’konformità mal-kundizzjonijiet li ġejjin:

(i)

it-tgħarriq għandu jseħħ matul perjodu mhux interrott ta’ 12-il ġimgħa b’temperatura tal-ħamrija ta’ mill-inqas 16 °C f’fond ta’ 15-il cm u saff tal-ilma ta’ mill-inqas 5 cm ’il fuq mill-art;

(ii)

l-iskular tal-ilma miż-żona tat-tgħarriq minħabba l-elevazzjoni tal-art għandu jiġi eskluż;

(iii)

it-tgħarriq ma huwiex permess fuq siti tal-produzzjoni, li jkunu taħt kontroll uffiċjali minħabba l-preżenza tas- Synchytrium endoboticum;

(iv)

jekk it-tgħarriq jitwettaq f’għalqa miftuħa jew jekk jintuża ilma tal-wiċċ minn sors li dwaru ma jistax jiġi eskluż li hu kkontamint bir-Ralstonia solanacearum, l-ebda pjanta tas-Solanum tuberosum jew tas-Solanum lycopersicum ma għandha titħawwel fis-sit tal-produzzjoni ttrattat tal-anqas waqt l-istaġun tat-tkabbir wara t-tgħarriq.

Il-perjodu previst fil-punt (a) tal-paragrafu 1 jista’ jitnaqqas għal minimu ta’ tliet snin, jekk ikunu ġew implimentati miżuri ta’ kontroll effettivi u approvati uffiċjalment.

2.   Jekk il-preżenza tal-pesti speċifikati ma tiġix ikkonfermata, wara l-kampjunar mill-ġdid u l-ittestjar uffiċjali msemmija fil-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jaġġornaw ir-rekord uffiċjali msemmi fl-Artikolu 3(4) u fl-Artikolu 5(1) u jirrevokaw minnufih kwalunkwe restrizzjoni imposta fuq is-sit tal-produzzjoni rispettiv.

KAPITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 13

Miżuri tranżizzjonali fuq il-metodi ta’ ttestjar

B’deroga mill-Artikolu 4(1) u (2) u mill-Artikolu 7(2) u sal-15 ta’ Lulju 2024, l-ittestjar jista’ jsir bil-metodu tal-iżolament tan-nematodi forma ta’ ċisti mill-fdalijiet, segwit mid-detezzjoni tal-ispeċi u l-identifikazzjoni permezz ta’ PCR f’ħin reali bbazżat fuq Beniers et al. 2014, minflok bil-metodi ta’ detezzjoni u identifikazzjoni tal-pesti speċifikati elenkati fil-punt 1(b) tal-Anness III.

Artikolu 14

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Lulju 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 317, 23.11.2016, p. 4.

(2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2007/33/KE tal-11 ta’ Ġunju 2007 dwar il-kontroll ta’ nematodi taċ-ċisti fil-patata u li tħassar id-Direttiva 69/465/KEE (ĠU L 156, 16.6.2007, p. 12).

(3)  Id-Direttiva 2009/128/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja biex jinkiseb użu sostenibbli tal-pestiċidi (ĠU L 309, 24.11.2009, p. 71).

(4)  Beniers JE, Been TH, Mendes O, van Gent-Pelzer MPE & van der Lee TAJ (2014) Quantification of viable eggs of the potato cyst nematodes (Globodera spp.) using either trehalose or RNA-specific Real-Time PCR. Nematology, 16, 1219–1232.


ANNESS I

Lista ta’ pjanti speċifikati msemmija fl-Artikolu 2, il-punt (3)(b)

1.   

Pjanti ospitanti bl-għeruq:

 

Solanum lycopersicum L.

 

Solanum melongena L.

2.   

Pjanti oħra bl-għeruq:

 

Allium porrum L.

 

Asparagus officinalis L.

 

Beta vulgaris L.

 

Brassica spp.

 

Capsicum spp.

 

Fragaria L.

3.   

Basal, tuberi u riżomi, mhux soġġetti għall-miżuri approvati uffiċjalment kif imsemmija fil-punt 1(a) tal-Anness II, li jikbru fil-ħamrija u li jkunu maħsuba għat-tħawwil mill-ġdid, għajr dawk li għalihom ikun hemm evidenza, fl-għamla tal-imballaġġ tagħhom jew b’mod ieħor, li jkunu maħsuba għall-bejgħ lill-utenti finali li ma jkunux involuti fil-produzzjoni professjonali tal-pjanti jew ta’ fjuri maqtugħin, ta’:

 

Allium ascalonicum L.

 

Allium cepa L.

 

Dahlia spp.

 

Gladiolus Tourn. Ex L.

 

Hyacinthus spp.

 

Iris spp.

 

Lilium spp.

 

Narcissus L.

 

Tulipa L.


ANNESS II

Miżuri uffiċjali kif imsemmija fl-Artikolu 3(3), il-punt (c), l-Artikolu 9, l-ewwel paragrafu, il-punti (b) u (c), u l-punt 3 tal-Anness I

1.   

Il-miżuri approvati uffiċjalment imsemmija fl-Artikolu 3(3), il-punt (c), l-Artikolu 9, l-ewwel paragrafu, il-punt (c), u fil-punt 3 tal-Anness I huma dawn li ġejjin:

(a)

diżinfestazzjoni permezz ta’ metodi xierqa, b’mod li ma jkun hemm l-ebda riskju identifikabbli ta’ tixrid tal-pest speċifikat; jew

(b)

tneħħija ta’ ħamrija bil-ħasil jew bit-tfarfir sakemm tkun prattikament ħielsa mill-ħamrija, b’tali mod li ma jkun hemm l-ebda riskju identifikabbli ta’ tixrid tal-pest speċifikat u r-rimi tal-ħamrija mormija skont proċedura li għaliha jkun ġie stabbilit li ma hemm l-ebda riskju ta’ tixrid tal-pest speċifikat.

2.   

Il-miżuri approvati uffiċjalment imsemmija fl-Artikolu 9, l-ewwel paragrafu, il-punt (b) huma l-kunsinna għal impjant ta’ proċessar jew ta’ gradazzjoni li jkollu proċeduri xierqa għar-rimi tal-iskart u approvati uffiċjalment, inkluż għal ħamrija mormija, li għalih ġie stabbilit li ma hemm l-ebda riskju ta’ tixrid tal-pest speċifikat.


ANNESS III

Kampjunar u ttestjar kif imsemmi fl-Artikoli 4 u 7

1.   

Il-kampjunar u l-ittestjar għall-istħarriġ uffiċjali ta’ detezzjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 4(1) u (2), jitwettqu kif ġej:

Il-kampjunar li jinvolvi kampjun ta’ ħamrija b’rata standard ta’ mill-inqas 1 500 ml ħamrija/ettaru li jinġabar minn mill-inqas 100 qalba/ettaru, preferibbilment permezz ta’ grilja rettangolari ta’ mhux inqas minn 5 metri wisa’ u mhux iktar minn 20 metru tul bejn il-punti ta’ kampjunar li jkopru s-sit tal-produzzjoni kollu. Il-kampjun kollu jintuża għal aktar eżaminazzjoni, jiġifieri l-estrazzjoni taċ-ċisti, l-identifikazzjoni tal-ispeċi u, jekk ikun japplika, id-determinazzjoni tat-tip patoġeniku/il-grupp ta’ virulenza.

L-ittestjar permezz tal-applikazzjoni tal-metodi li ġejjin għall-estrazzjoni tal-pest speċifikat, li huma deskritti fil-protokolli ta’ dijanjożi rilevanti vvalidati u rikonoxxuti internazzjonalment:

(a)

fir-rigward tal-estrazzjoni, il-metodi bbażati fuq il-landa Fenwick, iċ-ċentrifuga Schuiling, l-elutrijatur Seinhorst jew l-elutrijatur Kort;

(b)

fir-rigward tad-detezzjoni u l-identifikazzjoni, wieħed minn dawn li ġejjin:

(i)

l-iżolament taċ-ċisti tal-Globodera mill-fdalijiet ibbażat fuq il-morfoloġija taċ-ċisti, segwit minn identifikazzjoni tal-ispeċijiet bbażata fuq il-morfoloġija ta’ ċisti u larvi individwali, flimkien mat-test tal-PCR konvenzjonali bbażat fuq Bulman u Marshall, 1997 (1) (f’każ ta’ dubju dwar il-preżenza tal- G. tabacum, jista’ jitwettaq ukoll it-test tal-PCR konvenzjonali bbażat fuq Skantar et al., 2007 (2));

(ii)

l-iżolament taċ-ċisti tal-Globodera mill-fdalijiet ibbażat fuq il-morfoloġija taċ-ċisti, segwit minn identifikazzjoni tal-ispeċijiet ibbażata fuq il-morfoloġija taċ-ċisti u tal-larvi individwali, flimkien ma’ PCR f’ħin reali bbażat fuq Gamel et al., 2017 (3);

(iii)

l-iżolament ta’ ċisti tan-nematodi mill-fdalijiet, segwit minn detezzjoni tal-ispeċijiet b’PCR f’ħin reali bbażata fuq Gamel et al., 2017 (3).

2.   

Il-kampjunar għall-istħarriġ uffiċjali ta’ monitoraġġ, kif imsemmi fl-Artikolu 7, jitwettaq f’konformità ma’ wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

il-kampjunar imsemmi fil-paragrafu 1, b’rata minima ta’ kampjunar tal-ħamrija ta’ mill-inqas 400 ml/ettaru;

(b)

il-kampjunar speċifiku ta’ mill-inqas 400 ml ta’ ħamrija wara eżaminazzjoni viżiva ta’ għeruq fejn ma jinstabux sintomi viżivi; jew

(c)

il-kampjunar ta’ mill-inqas 400 ml ta’ ħamrija li tkun assoċjata mal-patata wara l-ħsad, bil-kundizzjoni li s-sit tal-produzzjoni fejn tkabbret il-patata jkun rintraċċabbli.

L-ittestjar għall-istħarriġ uffiċjali ta’ monitoraġġ, kif imsemmi fl-Artikolu 7, jitwettaq f’konformità mal-punt 1.

3.   

B’deroga mill-punt 1, ir-rata standard ta’ kampjunar tista’ titnaqqas għal minimu ta’ 400 ml ta’ ħamrija/ettaru f’kull wieħed mill-każijiet li ġejjin:

(a)

ikun hemm prova dokumentata li l-ebda patata jew pjanta oħra elenkata fil-punt 1 tal-Anness I ma tkabbret u kienet preżenti fis-sit tal-produzzjoni fis-sitt snin qabel l-istħarriġ uffiċjali ta’ detezzjoni;

(b)

ma jkun instab l-ebda eżemplar tal-pest speċifikat matul l-aħħar żewġ stħarriġiet uffiċjali suċċessivi ta’ detezzjoni f’kampjuni ta’ 1 500 ml ħamrija/ettaru, u l-ebda patata jew pjanta elenkata fil-punt 1 tal-Anness I, għajr dawk li għalihom ikun meħtieġ stħarriġ uffiċjali ta’ detezzjoni f’konformità mal-Artikolu 4(1), ma tkun tkabbret wara li jkun twettaq l-ewwel stħarriġ ta’ detezzjoni uffiċjali;

(c)

ma jkun instab l-ebda eżemplar tal-pest speċifikat jew taċ-ċisti tal-pest speċifikat mingħajr kontenut ħaj fl-aħħar stħarriġ ta’ detezzjoni uffiċjali, li jrid ikun jikkonsisti minn daqs tal-kampjun ta’ mill-inqas 1 500 ml ħamrija/ettaru, u l-ebda patata jew pjanta elenkata fil-punt 1 tal-Anness I, għajr dawk li għalihom huwa meħtieġ stħarriġ ta’ detezzjoni uffiċjali f’konformità mal-Artikolu 4(1), ma tkun tkabbret fis-sit tal-produzzjoni wara li jkun twettaq l-aħħar stħarriġ ta’ detezzjoni uffiċjali.

4.   

Ir-rata ta’ kampjunar tista’ titnaqqas għal għelieqi akbar minn 8 ha u 4 ha, rispettivament, f’kull wieħed mill-każijiet li ġejjin:

(a)

fil-każ tar-rata standard imsemmija fil-punt 1, għandhom jittieħdu kampjuni mill-ewwel 8 ettari bir-rata speċifikata f’dan il-punt, iżda din tista’ titnaqqas għal kull ettaru addizzjonali għal minimu ta’ 400 ml ħamrija/ettaru;

(b)

fil-każ tar-rata standard imsemmija fil-punt 3, għandhom jittieħdu kampjuni mill-ewwel 4 ettari bir-rata speċifikata f’dan il-punt, iżda din tista’ titnaqqas għal kull ettaru addizzjonali għal minimu ta’ 200 ml ħamrija/ettaru.

5.   

L-użu tad-daqs imnaqqas tal-kampjun, kif imsemmi fil-punti 3 u 4, jista’ jitkompla fl-istħarriġ uffiċjali ta’ detezzjoni sussegwenti msemmi fl-Artikolu 3(1), sakemm il-pesti speċifikati ma jkunux instabu fis-sit tal-produzzjoni kkonċernat.

6.   

Id-daqs standard tal-kampjun tal-ħamrija jista’ jitnaqqas għal minimu ta’ 200 ml ħamrija/ettaru, sakemm is-sit tal-produzzjoni jkun jinsab f’żona ddikjarata ħielsa mill-pest speċifikat, u tkun iddeżinjata, miżmuma u mistħarrġa f’konformità mal-Istandards Internazzjonali għall-Miżuri Fitosanitarji rilevanti (ISPM Nru 4) (4).

7.   

Id-daqs minimu tal-kampjun tal-ħamrija f’kull każ għandu jkun ta’ 200 ml ta’ ħamrija għal kull sit tal-produzzjoni.


(1)  Bulman, S.R. & Marshall, J.W. (1997). Differentiation of Australasian potato cyst nematode (PCN) populations using the Polymerase Chain Reaction (PCR). New Zealand Journal of Crop and Horticultural Science 25, 123-129.

(2)  Skantar, A.M., Handoo, Z.A., Carta, L.K., Chitwood, D.J. (2007). Morphological and molecular identification of Globodera pallida associated with Potato in Idaho. Journal of Nematology 39(2), 133-144.

(3)  Gamel, S., Letort A., Fouville D., Folcher L., Grenier E. (2017). Development and validation of real-time PCR assays based on novel molecular markers for the simultaneous detection and identification of Globodera pallida, G. rostochiensis and Heterodera schachtii. Nematology 19 (7):789-804.

(4)  ISPM 4. 1995. Requirements for the establishment of pest free areas. Rome, IPPC, FAO. https://www.ippc.int/en/publications/614/


ANNESS IV

Mudell tal-istħarriġ imsemmi fl-Artikoli 3u 6

Il-mudell għall-preżentazzjoni tar-riżultati tal-istħarriġ dwar in-nematodu taċ-ċisti fil-patata mill-ħsad tal-patata tas-sena preċedenti.

Jekk jogħġbok uża din it-tabella għal patata maħsuda f’pajjiżek biss

Stat Membru

jew

żona

Tip ta’ stħarriġ (Detezzjoni/Monitoraġġ)

Erja totali tal-kultivazzjoni (ettari)

Erja inkluża fil-kampjun  (1)

Rata ta’ kampjunar

Żona infestata wara l-ittestjar fil-laboratorju

Informazzjoni oħra

G. p.  (2) biss

G. r.  (3) biss

G. p.  (2) u G. r.  (3) flimkien fl-istess sit tal-produzzjoni

Erja totali infestata

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 


(1)  Rilevanti biss f’każ ta’ stħarriġ ta’ monitoraġġ.

(2)  G. p. = Globodera pallida.

(3)  G. r. = Globodera rostochiensis.


ANNESS V

Kwantifikazzjoni tal-grad ta’ reżistenza tal-varjetajiet tal-patata u l-protokoll għall-ittestjar reżistenti, kif imsemmi fl-Artikolu 8(3)

1.

Grad ta’ reżistenza

Is-suxxettibbiltà relattiva ta’ varjetà partikolari tal-patata tiġi attribwita f’konformità mal-punteġġi indikati fit-tabella u l-formula stabbilita fil-punt 2.16. Il-punteġġ 9 jikkorrispondi mal-ogħla livell ta’ reżistenza.

Notazzjoni tal-għoti ta’ punteġġi standard fir-rigward tas-suxxettibbiltà relattiva tal-varjetajiet tal-patata għall-pesti speċifikati

Suxxettibbiltà relattiva (%) (SR)

Punteġġ

≤ 1

9

1<SR≤ 3

8

3<SR≤ 5

7

5<SR≤ 10

6

10<SR≤ 15

5

15<SR≤ 25

4

25<SR≤ 50

3

50<SR≤ 100

2

> 100

1

2.

Protokoll għall-ittestjar tar-reżistenza

2.1.

It-test għandu jsir f’faċilità ta’ kwarantina, jew fi spazju miftuħ, f’serer jew fi kmamar klimatiċi.

2.2.

It-test għandu jsir fi qsari li jkun fihom mill-inqas litru ta’ ħamrija kull wieħed jew substrat ieħor xieraq.

2.3.

It-temperatura tal-ħamrija fil-kontenituri tat-test matul id-durata tat-test ma għandhiex taqbeż il-25 °C u għandha tiġi pprovduta tisqija adegwata.

2.4.

Meta jsir it-tħawwil tal-varjetà għat-test jew għall-kontroll għandha tintuża għajn ta’ patata waħda ta’ kull varjetà għat-test jew għall-kontroll.

2.5.

Il-varjetà ta’ patata “Désirée” għandha tintuża bħala varjetà ta’ kontroll ta’ suxxettibbiltà standard f’kull test. Varjetajiet ta’ kontroll addizzjonali li huma kompletament suxxettibbli ta’ rilevanza lokali jistgħu jiġu inklużi bħala kontrolli interni.

2.6.

Il-popolazzjonijiet standard li ġejjin tal-pest speċifikat għandhom jintużaw f’testijiet ta’ reżistenza kontra l-patotipi Ro1 u Ro5 ta’ Globodera rostochiensis u l-patotipi Pa1 u Pa3 ta’ Globodera pallida:

 

Ro1: popolazzjoni Ecosse

 

Ro5: popolazzjoni Harmerz

 

Pa1: popolazzjoni Scottish

 

Pa3: popolazzjoni Chavornay

Jistgħu jiżdiedu popolazzjonijiet oħra ta’ rilevanza lokali. Għal dawn il-popolazzjonijiet, għandhom ikunu disponibbli rekords ta’ kif ġie ddeterminat il-patotip tagħhom. Jistgħu jiżdiedu popolazzjonijiet virulenti ġodda, filwaqt li jitqies fejn popolazzjonijiet bħal dawn jaf ma jkunux għadhom stabbli u l-patotipi jkunu għadhom ma ġewx stabbiliti.

2.7.

L-identità tal-popolazzjoni standard użata għandha tiġi vverifikata permezz ta’ metodi xierqa. Huwa rrakkomandat li fl-esperimenti ta’ ttestjar jintużaw mill-inqas żewġ varjetajiet reżistenti jew żewġ kloni standard differenzjali b’kapaċità ta’ reżistenza magħrufa.

2.8.

L-inokulu tal-pest speċifikat (Pi) għandu jikkonsisti b’kollox minn ħames bajdiet u larvi infettivi għal kull ml ta’ ħamrija. Il-pest speċifikat jista’ jitlaqqam bħala ċisti, jew f’taħlita bħala bajd u larvi f’sospensjoni.

2.9.

Il-vijabbiltà tal-kontenut ta’ ċisti tal-pest speċifikat użat bħala s-sors tal-inokulu għandha tkun tal-anqas 70 %. Huwa rrakkomandat li ċ-ċisti jkunu ta’ età ta’ bejn 6 xhur u 24 xahar u jinżammu għal mill-inqas 4 xhur f’temperatura ta’ 4 °C immedjatament qabel l-użu.

2.10.

Għandu jkun hemm mill-inqas erba’ repliki (qsari) għal kull taħlita ta’ popolazzjoni tal-pest speċifikat u varjetà ta’ patata ttestjata.

2.11.

Id-durata tat-test għandha tkun mill-inqas tliet xhur u l-maturità tan-nisa li qed jiżviluppaw għandha tiġi vverifikata qabel ma jitlesta l-esperiment.

2.12.

Iċ-ċisti tal-pest speċifikat mill-erba’ repliki għandhom jiġu estratti u jingħaddu separatament għal kull qasrija.

2.13.

Il-popolazzjoni finali (Pf) għall-varjetà ta’ kontroll ta’ suxxettibbiltà standard fi tmiem it-test ta’ reżistenza għandha tiġi ddeterminata billi jingħaddu ċ-ċisti kollha mir-repliki kollha u l-bajd u l-larvi minn mill-inqas erba’ repliki.

2.14.

Għandha tinkiseb rata ta’ multiplikazzjoni ta’ mill-inqas 20 × (Pf/Pi) fuq il-varjetà ta’ kontroll ta’ suxxettibbiltà standard.

2.15.

Il-koeffiċjent tal-varjazzjoni (KV) fuq il-varjetà ta’ kontroll ta’ suxxettibbiltà standard ma għandux jeċċedi l-35 %. Jistgħu jiġu applikati testijiet statistiċi oħra aktar ’il quddiem jekk ikun hemm evidenza li dawk it-testijiet iżidu l-preċiżjoni tar-riżultati tat-test.

2.16.

Is-suxxettibbiltà relattiva tal-varjetà ta’ patata ttestjata għall-varjetà ta’ kontroll ta’ suxxettibbiltà standard għandha tiġi ddeterminata u espressa bħala perċentwali skont il-formula:

Varjetà tat-test Pf/varjetà ta’ kontroll ta’ suxxettibbiltà standard Pf × 100 %.

2.17.

Jekk varjetà ta’ patata ttestjata jkollha suxxettibbiltà relattiva ta’ 3 % jew aktar, l-għadd taċ-ċisti jkun biżżejjed. Fil-każijiet fejn is-suxxettibbiltà relattiva tkun inqas minn 3 %, il-bajd u l-larvi għandhom jingħaddu flimkien mal-għadd taċ-ċisti.

2.18.

Meta r-riżultati tat-testijiet fl-ewwel sena jindikaw li varjetà tkun suxxettibbli kompletament għal patotip (meta l-punteġġ ikun < 3), ma jkun hemm l-ebda ħtieġa li t-testijiet jerġgħu jsiru fit-tieni sena.

2.19.

Jekk il-varjetà ttestjata ma tkunx suxxettibbli kompletament għal patotip (meta l-punteġġ ikun ≥ 3), ir-riżultati tat-testijiet għandhom jiġu kkonfermati minn mill-inqas prova waħda oħra mwettqa f’sena oħra. Il-medja aritmetika tas-suxxettibbiltà relattiva fis-sentejn għandha tintuża biex jinkiseb il-punteġġ f’konformità mat-tabella stabbilita fil-punt 1.