Rakkomandazzjoni għal deċiżjoni tal-Kunsill li tħassar id-Deċiżjoni 2004/917/KE dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv fil-Greċja /* SEK/2007/0620 finali */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 16.5.2007 SEG(2007) 620 finali Rakkomandazzjoni għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tħassar id-Deċiżjoni 2004/917/KE dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv fil-Greċja (preżentata mill-Kummissjoni) MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI 1. L-ISFOND L-Artikolu 104 tat-Trattat jistabbilixxi li l-Istati Membri għandhom jevitaw żbilanċi eċċessivi u jiffissa proċedura għall-identifikazzjoni u l-korrezzjoni tagħhom. Il-proċedura kontra defiċit eċċessiv (EDP) hija speċifikata ulterjorment fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 dwar “li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv”[1], li tagħmel parti mill-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Skond l-Artikolu 104(2) tat-Trattat, il-Kummissjoni trid tissorvelja l-konformità mad-dixxiplina baġitarja fuq il-bażi ta' żewġ kriterji, jiġifieri: (a) jekk id-defiċit pubbliku ppjanat jew attwali jaqbiżx il-valur ta' referenza ta' 3% tal-PGD (sakemm jew il-proporzjon tad-defiċit ma jkunx naqas sostanzjalment u kontinwament u jkun laħaq livell qrib il-valur ta' referenza; jew, alternattivament, l-eċċess fuq il-valur ta' referenza ma jkunx eċċezzjonali u temporanju u l-proporzjon jibqa' qrib il-valur ta' referenza); u (b) jekk id-dejn pubbliku jaqbiżx il-valur ta' referenza ta' 60% tal-PGD (sakemm il-proporzjon tad-dejn ikun qed jonqos biżżejjed u tkun qed jersaq b'ritmu sodisfaċenti lejn il-valur ta' referenza). Skond il-Protokoll dwar il-proċedura kontra d-defiċit eċċessiv anness mat-Trattat, il-Kummissjoni tipprovdi d- data għall-implimentazzjoni ta' l-EDP. Bħala parti mill-applikazzjoni ta' dan il-Protokoll, l-Istati Membri jridu jinnotifikaw id- data dwar l-iżbilanċ u d-dejn pubbliku rispettivi tagħhom kif ukoll dwar fatturi varjabbli oħra marbuta ma' dawn darbtejn fis-sena, jiġifieri qabel l-1 ta' April u qabel l-1 ta' Ottubru, skond l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3605/93[2],[3]. Fid-19 ta' Mejju 2004, il-Kummissjoni nidiet l-EDP għall-Greċja bl-adozzjoni ta' rapport skond l-Artikolu 104(3), ibbażat fuq defiċit pubbliku ġenerali ppjanat ta' 103% tal-PGD fl-2003[4]. Fil-5 ta' Lulju 2004, il-Kunsill iddeċieda, fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, li l-Greċja kellha defiċit eċċessiv skond l-Artikolu 104(6)[5]. Fl-istess waqt, u wkoll fuq il-bażi ta' rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, il-Kunsill indirizza r-rakkomandazzjonijiet[6] skond l-Artikolu 104(7) lill-Greċja bil-għan li s-sitwazzjoni tad-defiċit pubbliku eċċessiv tintemm sa mhux aktar tard mill-2005. Fit-18 ta' Jannar 2005, il-Kunsill iddeċieda skond l-Artikolu 104(8) u fuq il-bażi ta' rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni li ma kienet ittieħdet l-ebda azzjoni effettiva bi tweġiba għar-rakkomandazzjoni indirizzata skond l-Artikolu 104(7) fi żmien il-perijodu speċifikat[7]. Fis-17 ta' Frar 2005, il-Kunsill iddeċieda, fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni skond l-Artikolu 104(9)[8], li javża lill-Greċja biex tieħu miżuri għat-tnaqqis fid-defiċit – azzjoni li kienet titqies meħtieġa biex titrażżan is-sitwazzjoni tad-defiċit pubbliku eċċessiv u biex tinġieb fi tmiemha; l-iskadenza għall-korrezzjoni ttawlet b'sena, jiġifieri saret sa l-2006. Fid-deċiżjoni tiegħu skond l-Artikolu 104(9), il-Kunsill iddeċieda li ‘il-Greċja għandha ttemm is-sitwazzjoni preżenti ta’ defiċit eċċessiv bl-iżjed mod imgħaġġel possibbli u sa mhux aktar tard mill-2006, permezz ta’: (i) implimentazzjoni rigoruża tal-baġit ta’ l-2005 kif approvat mill-Parlament tagħha, u (ii) l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ l-aġġustamenti ta’ l-2006 ta’ natura permanenti li twassal għal korrezzjoni tad-defiċit ta’ mill-anqas 0.6 punti perċentwali tal-PGD’. Il-Kunsill eżiġa wkoll li l-Greċja tkompli ssegwi l-isforzi biex ‘tidentifika u tikkontrolla l-fatturi għajr dawk relatati ma’ self nett, li jikkontribwixxu għal bidla fil-livelli tad-dejn, bil-għan li jkun żgurat li r-relazzjoni tad-dejn pubbliku gross jonqos biżżejjed u jqarreb lejn il-valur ta’ referenza b'ritmu sodisfaċenti f’konformità mal-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv’ u ‘biex jittejbu l-ġbir u l-ipproċessar tad-data pubblika ġenerali’ . Il-Kunsill eżiġa li sa l-iskadenza tal-21 ta’ Marzu 2005 l-Greċja tissottometti rapport li jkun jiddeskrivi fid-dettal id-deċiżjoni mittieħda biex ikunu rrispettati r-rakkomandazzjonijiet tiegħu u wara dan ir-rapport is-sottomissjoni ta’ aktar rapporti regolari dwar il-progress irreġistrat. Barra dan, il-Kunsill talab lill-‘ Greċja tieħu l-miżuri meħtieġa biex tiżgura li l-konsolidazzjoni baġitarja li twassal għal sitwazzjoni li fiha l-finanzi pubbiċi jkunu qrib il-bilanċ, jew f'bilanċ favorevoli, f'terminu ta' żmien medju tintrifed minn tnaqqis fid-defiċit aġġustat ċiklikament għall-inqas b’0.5% tal-PGD kull sena wara li d-defiċit eċċessiv ikun ġie korrett’ . Tabella 1: L-aġġustament approvat mill-Kunsill fis-17 ta’ Frar 2005 % tal-PGD, sakemm m’hemmx indikazzjoni mod ieħor | 2004 | 2005 | 2006 | Bilanċ ġenerali pubbliku tibdil fil-bilanċ aġġustat ċiklikament tibdil fil-bilanċ strutturali Dejn gross pubbliku p.m.: Tkabbir reali tal-PGD (%) | -5.5 ca. 112 3.8 | -3.6 +1.7 ca. 112 3.3 | defiċit <3 mill-inqas +0.6 ca. 110 3.3 | Nota : Bilanċ strutturali = bilanċ aġġustat ċiklikament li jeskludi miżuri ta’ darba u miżuri temporanji oħrajn. Sors : Notifika tal-Kunsill skond l-Artikolu 104(9) lill-Greċja, li tikkwota t-tbassir li kien sar mis-servizzi tal-Kummissjoni fil-Ħarifa ta’ l-2004. Fis-6 ta’ April 2005, fuq il-bażi ta’ l-aġġornament rivedut tal-programm Grieg ta’ stabbiltà ta’ Marzu 2005 flimkien ma’ l-impenn pubbliku ta’ l-awtoritajiet Griegi tad-29 ta’ Marzu biex jinkiseb defiċit taħt it-3% tal-PGD fl-abbozz tal-baġit tal-2006, li kienu meqjusa bħala r-rapport ta’ implimentazzjoni mitlub fid-deċiżjoni tal-Kunsill, il-Kummissjoni adottat komunikazzjoni tal-Kunsill[9], u kkonkludiet li d-deċiżjonijiet meħuda sa dakinhar mill-Greċja kienu konsistenti mad-deċiżjoni tal-Kunsill u li f’dak l-istadju ma kienx meħtieġ li jittieħdu passi ulterjuri taħt l-EDP. Fil-laqgħa tiegħu tat-12 ta’ April 2005, il-Kunsill qabel ma’ din il-valutazzjoni. Skond l-Artikolu 104(12), deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv kellha titħassar, fuq il-bażi ta’ rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, meta d-defiċit eċċessiv fl-Istat Membru kkonċernat kien, fl-opinjoni tal-Kunsill, ġie korrett. 2. ŻVILUPPI RIċENTI DWAR ID-DEFIċIT Skond id- data attwali pprovduta mill-Kummissjoni (Eurostat) ibbażata fuq ir-rapporti sottomessi mill-Greċja f’April 2007 skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3605/93[10] u t-tbassir tar-Rebbiegħa 2007 mis-servizzi tal-Kummissjoni, id-defiċit pubbliku ġenerali nominali fl-2006 kien ta’ 2.6% tal-PGD[11]. Iċ-ċifra tad-defiċit tinkludi 0.6% tad-dħul temporanju tal-PGD, jiġifieri pagamenti u pagamenti differiti mill-banek bi skambju għall-assunzjoni mis-sigurtà soċjali ta’ l-impenji marbuta mal-pensjonijiet. Dan ir-riżultat huwa konformi mad-deċiżjoni tal-Kunsill skond l-Artikolu 104(9) dwar it-tnaqqis tad-defiċit nominali għal taħt it-3% tal-valur ta’ referenza sa l-2006 u huwa identiku għall-mira stabbilita fl-aġġornament ta’ Diċembru 2005 fil-programm Grieg ta’ stabbiltà. Il-miżuri prinċipali implimentati fl-2006 kienu, fejn jirrigwarda d-dħul, il-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa, ir-riforma tat-taxxa fuq il-proprjetà u ż-żieda fit-taxxi tas-sisa fuq il-fjuwil u t-tabakk. Kienu implimentati wkoll għadd ta’ miżuri oħra biex jiżdied id-dħul matul it-tieni nofs tas-sena sabiex titħares l-eżekuzzjoni tal-baġit ta’ l-2006, jiġifieri: żieda fir-rata tal-ħlas minn qabel tat-taxxa fuq id-dħul mill-impriżi u l-banek, żidiet ulterjuri fit-taxxa tas-sisa fuq il-fjuwil u t-tabakk u żieda fit-taxxa imposta fuq is-servizz tal-konnessjonijiet tal-mowbajl. Fejn jirrigwarda l-infiq, il-miżuri prinċipali kienu t-trażżin kemm fil-kont tal-pagi kif ukoll fl-ispejjeż operattivi, qafas ġdid għall-Impriżi u l-Entitajiet Pubbliċi (DEKO) bil-għan li jkun razzjonalizzat l-infiq pubbliku u li tiżdied l-effiċjenza fl-allokazzjoni tar-riżorsi u d-dħul ta’ leġiżlazzjoni ġdida għall-Partenarjat bejn is-Settur Privat u dak Pubbliku li ffaċilita l-investiment fi proġetti infrastrutturali ta’ skala kbira kif ukoll iżgħar mingħajr ma ntefa’ piż fuq il-baġit. Iż-0.4% tad-dħul temporanju mill-PGD li kien ibbaġitjat fil-bidunett kien meqjus bħala mezz kif jitnaqqas id-defiċit. Madankollu, instab li dan ma kienx konsistenti ma’ l- ESA95 u anqas ma kien tqies fid- data dwar id-defiċit irrappurtata f’April 2007 mill-Eurostat. Dan kellu jirreġistra żieda fir-riżultat tad-defiċit, kbira daqs kemm kien l-ammont. Imma d-dħul temporanju aktar baxx ikkumpensat għalih għal kollox reviżjoni ’l fuq ta’ l-i swaps [12],[13]. Id-dħul u l-infiq kellhom kontribut għall-aġġustament nominali ta’ kważi 3 punti perċentwali tal-PGD meta mqabbel mad-defiċit ta’ l-2005 ta’ 5½% bi kważi l-istess ammont ta’ ishma. F’termini tal-PGD, id-dħul totali żdied b’1½ punt perċentwali, bit-taxxi indiretti jirrappreżentaw ½% tal-PGD. Iż-żidiet fil-kontribuzzjonijiet soċjali u dħul ieħor, inklużi t-trasferimenti kapitali (it-trasferimenti ta’ l-UE) jispjegaw il-punt perċentwali li jifdal. In-nefqa totali tnaqqset b’1¼ punt perċentwali tal-PGD, prinċipalment bħala riżultat tat-tnaqqis fl-infiq primarju (½% tal-PGD) u fl-infiq fuq l-imgħaxijiet (¼% tal-PGD). L-infiq kapitali tnaqqas ukoll b’madwar ½ punt perċentwali tal-PGD. Il-bilanċ strutturali (jiġifieri l-ammont nett tal-bilanċ aġġustat ċiklikament tal-miżuri ta’ darba u miżuri temporanji oħrajn) tjieb b’2¼ punti perċentwali tal-PGD u dan hu konformi mad-deċiżjoni tal-Kunsill. Komplessivament, id-defiċit ta’ l-2006 huwa 3½ punti perċentwali inqas minn dak ta’ l-2003, is-sena bażi għall-bidu ta’ l-EDP, u 5¼ punti perċentwali tal-PGD inqas mill-2004, is-sena meta d-defiċit laħaq l-ogħla punt ta’ 7.9% tal-PGD. It-titjib korrispondenti fil-bilanċ primarju kien ta’ 2¾ u kważi 4½ punti perċentwali tal-PGD rispettivament. Minkejja l-aġġustament fiskali matul dan il-perjodu, it-tkabbir reali fil-PGD kien b’saħħtu ħafna. Imkejjel skond it-tibdil li huwa stmat li sar fil-bilanċ strutturali, it-titjib fil-bilanċ pubbliku implika sforz fiskali ta’ 4½ punti perċentwali tal-PGD bejn l-2004 u l-2006. Jekk ma jitqiesx l-impatt tal-piż ta’ l-imgħax għan-niżla, l-isforz fiskali jaqa’ għal 3¾ punti perċentwali tal-PGD. Dawn iċ-ċifri huma ferm ogħla mill-aġġustament irrikkmandat fid-deċiżjoni tal-Kunsill skond l-Artikolu 104(9) imma dan hu ġġustifikat meta titqies ir-reviżjoni ’l fuq tas-sensiela ta’ defiċitijiet minn mindu kienet adottata d-deċiżjoni tal-Kunsill. Ir-relazzjonijiet tad-defiċitijiet huma ġeneralment riveduti - ’il fuq jew ’l isfel – wara l-pubblikazzjoni ta’ l-ewwel riżultati fin-notifika tar-Rebbiegħa. Għall-Istati Membri b’mod ġenerali, ir-reviżjonijiet huma normali, ġeneralment relattivament żgħar u fuq bażi medja mhux wisq aktar minn żero. Fil-każ tal-Greċja, ir-reviżjonijiet ta’ kobor mhux ħażin fil-kontijiet pubbliċi mill-2004 ’l hawn (ara l-kaxxa), li saru wara r-riżervi mistqarra mill-Eurostat dwar id- data rrappurtata, kienu r-riżultat tal-miżuri meħuda biex jittejbu l-ġbir u l-ipproċessar ta’ l-istatistika tal-finanzi pubbliċi, kif mitlub mir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2004 u d-Deċiżjoni tas-17 ta’ Frar 2005. Dawn il-miżuri wasslu biex l-Eurostat jivvalida d-defiċit pubbliku Grieg u ċ-ċifri tad-dejn irrappurtati f’Ottubru 2006 u f’April 2007. Għalkemm ma jistgħux ikunu esklużi reviżjonijiet fid-defiċit pubbliku Grieg fil-ġejjieni, minħabba d-distanza bejn id-defiċit irrappurtat issa u l-valur ta’ riferenza tad-defiċit, teżisti probabbiltà relattivament żgħira li kwalunkwe reviżjoni ġejjiena tal-kontijiet pubbliċi se ttella’ r-relazzjoni tad-defiċit ta’ l-2006 aktar ’il fuq minn 3% tal-PGD. Din il-probabbiltà se tkun ukoll iżgħar f’każ li s-sensiela riveduta ta’ PGD rrappurtata mill-Greċja f’Ottubru 2006 u f’April 2007 tiġi vvalidata mill-Eurostat aktar tard fis-sena. 3. STIMA TA’ X’SER IKUN ID-DEFIċIT FIS-SENA 2007 U LILHINN MINNHA Skond it-tbassir tar-Rebbiegħa 2007 tas-servizzi tal-Kummissjoni, id-defiċit pubbliku ġenerali għall-2007 huwa stmat li se jkun 2.4% tal-PGD[14] bil-PGD reali jikber bir-rata ta’ 3¾%. Dan jinkludi miżuri ulterjuri ta’ natura permanenti għat-tnaqqis fl-infiq ta’ madwar ¼% tal-PGD kif ukoll dħul ulterjuri ta’ darba ta’ l-istess ammont, it-tnejn skond l-avviż tal-Ministru tal-Finanzi qabel l-iskadenza tad-data ffissata fit-tbassir tar-Rebbiegħa ta’ l-2007 mis-servizzi tal-Kummissjoni[15]. Skond l-aġġornament ta’ Diċembru 2006 tal-programm Grieg ta’ stabbiltà, il-mira uffiċjali tad-defiċit għall-2007 kienet ukoll ta’ 2.4% tal-PGD. Madankollu, dan id-defiċit uffiċjali ma inkludiex il-miżuri msemmija hawn fuq. It-total tad-dħul ta’ darba inkluż fit-tbassir tar-Rebbiegħa għall-2007 jammonta għal madwar ½% tal-PGD, imqabbel ma’ ammont żero fil-programm ta’ stabbiltà. Mingħajr il-miżuri ta’ darba, id-defiċit ta’ l-2007 skond it-tbassir tar-Rebbiegħa, bi 2.9% tal-PGD, jibqa’ taħt il-valur ta’ referenza. Fl-2008, jekk ikun applikat xenarju li ma jipprevedi l-ebda bidliet ta' politika, id-defiċit jiżdied bi ftit għal 2¾% tal-PGD, imma mingħajr ebda rikors għall-miżuri ta’ darba. L-istimi ta’ x’ser ikun id-defiċit jindikaw korrezzjoni kredibbli u sostenibbli tad-defiċit eċċessiv. Minkejja l-miżuri permanenti u ta’ darba ulterjuri mħabbra f’April, it-tbassir tar-Rebbiegħa dwar l-istimi ta’ x’ser ikun id-defiċit fl-2007 huwa identiku għall-miri fil-programm ta’ stabbiltà u mhux aħjar minnhom. B’mod partiklari, l-impatt ta’ dawn il-miżuri ġodda huwa stmat li se jkun ikkumpensat minn (i) assunzjonijiet dwar tkabbir aktar kawti fit-tbassir tar-Rebbiegħa u (ii) il-fatt li l-miżuri permanenti fil-programm ta’ stabbiltà mhumiex, fil-fehma tal-Kummissjoni, biżżejjed biex jikkumpensaw totalment għat-tnaqqis fid-dħul ta’ darba minn 0.6% tal-PGD fl-2006 għal (jekk jitħallew barra dawk imħabbra f’April) ½% fl-2007. Il-miżuri prinċipali previsti fil-baġit ta’ l-2007 huma, fir-rigward tad-dħul, riforma tat-tassazzjoni fuq id-dħul personali u żieda oħra fit-taxxi tas-sisa fuq il-fjuwil fl-2007, filwaqt li l-awtoritajiet jibqgħu impenjati biex jintensifikaw il-ġlieda tagħhom kontra l-evażjoni tat-taxxa. Fir-rigward ta’ l-infiq, it-tkabbir annwali ta’ l-infiq primarju huwa stmat li mhux se jlaħħaq ma’ dak tal-PGD nominali u dan, flimkien ma’ tnaqqis ulterjuri fl-ispejjeż fuq l-imgħaxijiet, ser iwassal għal tnaqqis totali fin-nefqa bħala perċentwal tal-PGD. It-tnaqqis ser ikun iffaċilitat minn tkabbir b'ritmu inqas mgħaġġel fil-kont totali ta’ l-spiża fuq il-pagi pubbliċi (madwar 25% ta’ l-ispiża primarja totali), li skond il-baġit mhix se taqbeż is-6%, kif ukoll minn tnaqqis kbir fl-ispiża pubblika intermedja (prinċipalment fl-ispiża amministrattiva u l-akkwisti). L-istima ta’ x’ser ikun id-defiċit għall-2007 tkun tirrappreżenta tnaqqis f'termini nominali ta’ ¼ ta’ punt perċentwali tal-PGD meta mqabbel ma’ l-2006. Dan l-aġġustament mistenni jkun attribwit kważi kompletament għall-miżuri permanenti mħabbra sad-data ta’ skadenza tat-tbassir tar-Rebbiegħa 2007 tas-servizzi tal-Kummissjoni. Id-dħul totali huwa stmat li ser jinżel b’inqas minn ¼ ta’ punt perċentwali; it-taxxi indiretti ogħla jikkumpensaw b’mod parzjali biss għat-tnaqqis fid-dħul minn akkwisti ta’ fondi tal-pensjonijiet, u f'livell inqas, fid-dħul minn taxi diretti, li jirriflettu t-tnaqqis li ġie implimentat fit-taxxa fuq id-dħul personali. L-infiq totali huwa stmat li se jonqos b’½ ta’ punt perċentwali tal-PGD, prinċipalment bħala riżultat ta’ spiża inqas fuq l-imgħaxijiet, il-konsum pubbliku u l-formazzjoni grossa ta’ kapital fiss. It-titjib strutturali jkun madwar ¼% tal-PGD, u jqiegħed id-defiċit strutturali fl-ambitu ta’ madwar 3¾% fl-2007. Skond it-tbassir tar-Rebbiegħa ta’ l-2007 tas-servizzi tal-Kummissjoni, ir-ritmu ta’ aġġustament fl-2007 huwa taħt iż-0.5% tat-titjib minimu tal-PGD f’termini strutturali speċifikati fid-deċiżjoni tal-Kunsill skond l-Artikolu 104(9) għall-perjodu lilhinn mill-korrezzjoni u mhux f’konformità mal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Fl-opinjoni tiegħu ta’ l-aġġornament ta’ Diċembru 2006 tal-programm ta’ stabbiltà[16], il-Kunsill jikkostata li l-programm ma pprevediex il-ksib tal-mira ta’ matul medda medja ta’ żmien (MTO) għall-pożizzjoni baġitarja (għall-Greċja, pożizzjoni bilanċjata f’termini strutturali) fl-ambitu tal-perjodu tal-programm (li jintemm fl-2009)[17]. Il-Kunsill ikkostata wkoll li, matul is-snin ta’ wara l-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv, ir-ritmu ta’ aġġustament lejn l-MTO li jimplika l-programm għandu jitħaffef, speċjalment wara l-2007, biex tintlaħaq konformità mal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. 4. ŻVILUPPI TAD-DEJN U STIMI TA’ KEMM SE JKUN Matul il-perjodu 2003-2006, l-iżviluppi fir-relazzjoni ta’ dejn gross ma rriflettewx b’mod sħiħ l-iżviluppi fil-bilanċ pubbliku ġenerali u l-prestazzjoni globali ta’ l-ekonomija. F’kuntest ta’ tkabbir b’saħħtu tal-PGD nominali (ta’ aktar mill-medja ta’ 7½% fis-sena, li għalhekk jgħaddi l-medja tat-tkabbir ta’ l-UE b’għadd ta’ snin), ta’ spiża fuq l-imgħaxijiet li tinsab nieżla, u ta’ titjib fil-bilanċi primarji, il-proporzjon tad-dejn tnaqqas bi 3¾ punti perċentwali biss bejn l-2003 u l-2006. It-tkabbir fil-PGD nominali kien il-fattur prinċipali li mbotta t-tnaqqis fid-dejn, li aktar minn biżżejjed biex jikkumpensa l-effett taż-żieda fid-dejn bl-ispiża fuq l-imgħaxijiet. L-effett ikkombinat tat-tkabbir fil-PGD nominali u l-ispiża fuq l-imgħaxijiet (effett “valanga” ( snow-ball )) ikkontribwixxa għal nuqqas fid-dejn ta’ 8¾ punti perċentwali tal-PGD. Il-bilanċ primarju kkontribwixxa għal żieda fid-dejn sa l-2005 (bi 3 punti perċentwali tal-PGD), filwaqt li fl-2006 u għall-ewwel darba mill-2003, qaleb għal bilanċ favorevoli li kkontribwixxa għal tnaqqis ta’ madwar 2 punti fir-relazzjoni tad-dejn. Madankollu, l-aġġustamenti stokk-flussi sinifikanti (SFA) li jkabbru d-dejn li ammontaw għal total ta’ madwar 4¼ punti perċentwali bejn l-2004 u l-2006 xekklu l-għaġġla fir-ritmu għat-tnaqqis fid-dejn, minkejja d-dħul mill-privatizzazzjoni li ammonta għal 1½% tal-PGD. Xorta waħda, l-SFA matul dawn l-aħħar snin kien anqas milli kien ftit tas-snin ilu. Barra dan, illum teżisti ferm iktar informazzjoni dettaljata dwar kull komponent ta’ l-SFA u d-diskrepanzi statistiċi huma iżgħar; dan jikkontribwixxi għal żieda fit-tisħiħ tad- data rrappurtata. Fl-2004, l-aġġustament stokk-flussi li jkabbar id-dejn li ammont għal 1% tal-PGD kien prinċipalment dovut għall-akkumulazzjoni tad-depożiti tal-gvern ċentrali fil-banek; fl-2005 l-emissjoni tad-dejn li qabżet id-defiċit kienet prinċipalment relatata mal-pagament ta’ l-spejjeż fuq il-kura tas-saħħa li kienu b’lura. Fl-2006, l-SFA ta’ 2.3% tal-PGD nibet partiklarment minn akkumulazzjoni ulterjuri ta’ depożiti fil-banek (0.6% tal-PGD), mill-fatt li parti kbira mid-dħul marbut mat-trasferiment lis-sigurtà soċjali ta’ l-impenji relatati mal-pensjonijiet kif imsemmi hawn fuq għad ma ssarrfitx (0.5% tal-PGD),[18] mill-pagamenti pendenti mill-baġit ta’ l-UE (0.6% tal-PGD), mill-pagamenti relatati max-xiri ta’ tagħmir militari li se jżidu mad-defiċit malli tasal il-kunsinna (0.4% tal-PGD), mill-bejgħ ta’ ekwità (-1.4% tal-PGD), mid-diskrepanzi statistiċi (0.6% tal-PGD), kif ukoll minn għadd ta’ fatturi varjabbli oħra żgħar[19]. L-aġġornament ta’ Diċembru 2006 tal-programm Grieg ta’ stabbiltà jimmira għal aċċelerazzjoni progressiva u sinifikanti fit-tnaqqis tar-relazzjoni bejn id-dejn u l-PGD bi 12-il punt perċentwali u ¾, mill-2006 sa l-2009. L-effett kombinat ta’ bilanċi favorevoli primarji li qed jissaħħu (b’7¼ punti perċentwali) u l-effett “valanga” ( snow-ball ) li jnaqqas id-dejn (ta’ ammont simili, grazzi għal tkabbir b’saħħtu tal-PGD nominali), ikunu l-forzi animaturi prinċipali. L-aġġornament jistma wkoll li se jkun hemm tnaqqqis kbir fl-aġġustamenti stokk-flussi li jkabbru d-dejn, li jammonta għal 1¾ punt perċentwali mill-2007 sa l-2009. Fl-opinjoni tiegħu dwar il-programm, il-Kunsill ikkostata li l-evoluzzjoni tar-relazzjoni tad-dejn wara l-2007 tista’ tkun inqas favorevoli minn dik stmata fil-programm meta jitqiesu l-istimi ta’ tkabbir favorevoli u r-riskji għall-miri tad-defiċit. Huwa kkostata wkoll li r-relazzjoni tad-dejn, madankollu, dehret li qed tonqos biżżejjed u tqarreb lejn il-valur ta’ referenza matul il-perjodu tal-programm. Skond it-tbassir tar-Rebbiegħa ta’ l-2007 tas-servizzi tal-Kummisssjoni, ir-ritmu li miexi bih it-tnaqqis tad-dejn se jkun kemmxejn inqas mgħaġġel mill-programm ta’ stabbiltà, u jilħaq is- 97½% fl-2008, f’xenarju li ma jipprevedi ebda bidliet fil-politika. Meta jiġu kkunsidrati dawn it-tendenzi tad-dejn, ir-relazzjoni tad-dejn jidher li qed tonqos biżżejjed u tqarreb lejn il-valur ta’ referenza. 5. KONSIDERAZZJONIJIET DWAR IS-SAħħA STATISTIKA TAD- DATA GRIEGA Skond ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2004 u d-Deċiżjoni tas-17 ta’ Frar 2005, il-Greċja għandha “ittejjeb il-ġbir u l-ipproċessar tad- data pubblika ġenerali”. Is-Servizz Statistiku Nazzjonali tal-Greċja (NSSG) wettaq għadd ta’ miżuri biex itejjeb il-kwalità tad- data dwar id-defiċit u d-dejn irrappurtata lill-Kummissjoni. Notevolment, dan kien jinkludi stħarriġ ġdid biex tinġabar data mhux biss mingħand l-Istat imma wkoll mingħand entitajiet tas-sigurtà soċjali, il-gvern lokali u l-gvern ċentrali bi frekwenza ta’ darba kull tliet xhur ipprovduta fil-waqt; l-istħarriġ preċedenti kien wieħed annwali u r-riżultati kultant kienu jkunu disponibbli wara li jgħaddu sentejn jew tlieta. Barra minn hekk, ir-riżultati mill-parti finanzjarja ta’ l-istħarriġ kienu jkunu sistematikament imqabbla ma’ data disponibbli dwar statistika bankarja miġbura mill-Bank tal-Greċja. L-NSSG wettaq ukoll analiżi aktar dettaljata ta’ l-injezzjonijiet kapitali fl-impriżi pubbliċi biex jirreġistahom korrettament fid-defiċit jew bħala tranżazzjonijiet finanzjarji, f’konformità mal-kriterji ta’ l-Eurostat. Ir-reġistrazzjoni ta’ l-ispiża fuq il-kura tas-saħħa iċċaqalqet għall-bażi tad-dovuti u ma baqgħetx titqies fuq bażi tal-kassa bħal qabel. L-ispiża militari, it-trasferimenti mill-baġit ta’ l-UE, it-taxxi u t-trasferimenti intergovernattivi kienu wkoll oqsma li l-NSSG bidlilhom il-proċedura tar-reġistrazzjoni tagħhom f’konformità mas-suġġerimenti ta’ l-Eurostat. Barra minn hekk, diversi rakkomandazzjonijiet tekniċi oħra mill-Eurostat – elenkati fir-rapport taż-żjarat metodoloġiċi – ġew stabbiliti mill-awtoritajiet statistiċi Griegi. Dan it-titjib wassal għal tnaqqis sinifikanti fid-diskrepanzi statistiċi għas-snin 2002-2005. B’riżultat ta’ dan, fit-23 ta’ Ottubru 2006, l-Eurostat irtira r-riżerva tiegħu dwar il-kwalità taċ-ċifri tad-defiċit u d-dejn nazzjonali rrappurtati mill-Greċja u vvalida dawk iċ-ċifri. Din il-validazzjoni ġiet ikkonfermata f’April 2007. Għalkemm għad baqa’ diskrepazzjonijiet li ma tistax tinstabilhom spjegazzjoni, dawn huma ferm inqas milli kien ikun hemm fl-imgħoddi. Kaxxa: Reviżjonijiet tal-kontijiet fiskali Griegi mill-2004 F'Settembru 2004, xahrejn wara li l-Kunsill kien iddeċieda li l-Greċja kellha defiċit eċċessiv, l-awtoritajiet Griegi ppreżentaw data riveduta f'notifika ġdida li turi li d-defiċit pubbliku kien qabeż it-3% tal-PGD mis-sena 2000 'il hawn. B'mod partiklari, id-defiċitijiet ta' bejn l-2000 u l-2003 kienu riveduti 'l fuq b'aktar minn żewġ punti perċentwali tal-PGD kull sena (ara t-tabella). Iċ-ċifri tad-dejn ukoll kienu ġew riveduti 'l fuq b'aktra minn 7 punti perċentwali tal-PGD. Iċ-ċifri ppjanati għall-2004 implikaw reviżjoni 'l fuq taċ-ċifri tad-defiċit u d-dejn bi 2.3% u 14% tal-PGD rispettivament[20]. Din ir-reviżjoni tad- data ntgħamlet fuq il-bażi ta' informazzjoni ġdida mibgħuta mill-awtoritajiet Griegi, fuq talba ta' l-Eurostat, għall-perjodu 2000-2003, u ssejset fuq applikazzjoni aktar fidila tal-qafas ta' kontabilità ta' l-ESA95. Wara skrutinju tad- data rrappurtata, l-Eurostat ivvalida ċ-ċifri l-ġodda għall-2002-2003 fit-23 ta' Settembru 2004[21]. Fin-notifika ta' Marzu 2005 saret reviżjoni oħra tad- data , speċjalment dik dwar id-defiċitijiet għall-2002-2003. Ir-raġunijiet ewlenin kienu (i) il-fatt li l-ispiża fuq il-kura tas-saħħa li l-pagamenti għaliha kienu pendenti ma kenitx ġiet irreġistrata kif suppost meta saret l-ispiża u (ii) ir-reviżjonijiet 'l isfel tal-bilanċi favorevoli tas-sigurtà soċjali b'0.1% fl-2002 u 0.2% fl-2003. Iċ-ċifri tad-dejn għas-snin 2002 u 2003 kienu wkoll riveduti kemmkemm 'l isfel, l-aktar minħabba r-riklassifikazzjoni ta' fond reċiproku fis-settur tas-sigurtà soċjali. L-Eurostat ma vvalidax id- data rrappurtata f'Marzu 2005, Settembru 2005 u April 2006, minkejja r-reviżjonijiet suċċessivi tad- data rrappurtata dwar id-defiċit u d-dejn[22]. Mid-29 ta' Mejju sat-2 ta' Ġunju u mis-27 sad-29 ta' Settembru 2006, l-Eurostat għamel żjara metodoloġika[23] fil-Greċja. Iż-żjara wasslet għal ftehim bejn l-Eurostat u l-awtoritajiet Griegi biex ikunu ċċarati l-kwistjonijiet pendenti msemmija fl-Istqarrijiet għall-Istampa ta' l-Eurostat tas-26 ta' Settembru 2005 u l-24 ta' April 2006, dwar ir-reġistrar tat-tranżazzjonijiet mal-baġit ta' l-UE, il-kontijiet tas-sigurtà soċjali u l-ammonti riċevibbli u pagabbli l-oħra għas-snin 2002-2005. Fid-29 ta' Settembru 2006, l-Eurostat ftiehem ma' l-awtoritajiet Griegi dwar tnaqqis f'bilanċi favorevoli ta' entitajiet oħrajn tal-gvern ċentrali u fondi oħra tas-sigurtà soċjali (korrezzjonijiet ta' trasferimenti riċevuti mill-baġit ordinarju bejn l-2002 u l-2005, u tibdil fis-sorsi tad- data fl-2005). Ir-reviżjonijiet ammontaw għal ¾ ta' punt perċentwali tal-PGD fl-2004 u l-2005. B'mod partiklari, ir-reviżjoni 'l isfel tal-bilanċi favorevoli tas-sigurtà soċjali rrappreżentat madwar ¼% tal-PGD fis-sena. Bħala riżultat ta' dan, id- data dwar id-defiċit u d-dejn reġgħet ġiet riveduta; l-Eurostat irtira r-riżervi tiegħu dwar id-defiċit u d-dejn pubbliċi Griegi u vvalida d- data rrappurtata[24]. In-notifika ta' April 2007 kompliet tirrevedi 'l fuq id-defiċit ta' l-2004 u speċjalment dak ta' l-2005. Iż-żieda fl-2004 kienet dovuta l-aktar għall-informazzjoni ġdida dwar iż-żmien ta' meta kienu ġew irreġistrati t-trasferimenti mal-baġit ta' l-UE parzjalment ikkompensati minn reviżjoni 'l fuq fl-ammonti riċevibbli mit-taxxa. Iż-żieda fl-2005 kienet dovuta l-aktar għal tnaqqis fil-bilanċi favorevoli ta' entitajiet oħra tal-gvern ċentrali. Tabella 2: Ir-reviżjoni tad-data Griega bejn iċ-ċifri rrappurtati fl-EDP ta'Marzu 2004 u April 2007 | Bilanċ pubbliku ġenerali | -6.2 | -7.9 | -5.5 | -2.6 | -2.4 | -2.4 | -2.7 | -1.8 | - Dħul totali | 43.0 | 42.1 | 41.6 | 43.2 | 43.0 | 43.2 | 42.5 | 43.6 | - Nefqa totali | 49.5 | 49.8 | 47.3 | 46.1 | 45.5 | 45.6 | 45.3 | 45.4 | Li minnhom : | - spejjeż fuq l-imgħax | 5.5 | 5.5 | 4.9 | 4.6 | 4.4 | 4.4 | 4.2 | 4.2 | - formazzjoni grossa ta' kapital fiss | 4.0 | 4.2 | 3.5 | 3.6 | 35 | 3.5 | 3.5 | 3.5 | Bilanċ primarju | -0.7 | -2.4 | -0.6 | 2.0 | 2.0 | 2.0 | 1.5 | 2.4 | Miżuri ta' darba u temporanji | 0.0 | 0.0 | 0.0 | 0.6 | 0.5 | 0.0 | 0.0 | 0.0 | Bilanċ strutturali(1) | -6.5 | -8.5 | -6.1 | -3.9 | -3.6 | -2.8 | -3.5 | -2.3 | Bilanċ primarju strutturali(1) | -1.0 | -3.0 | -1.2 | 0.7 | 0.8 | 1.6 | 0.7 | 1.9 | Dejn pubbliku gross(4) | 107.8 | 108.5 | 107.5 | 104.6 | 100.9 | 100.1 | 97.6 | 95.9 | Tibdil fir-relazzjoni tad-dejn (a) = (b) + (c) + (d) | -2.9 | 0.7 | -1 | -2.9 | -3.7 | -4.0 | -3.3 | -4.2 | Kontribuzzjonijiet: | - primarji bilanċ (b) | 0.7 | 2.4 | 0.6 | -2.0 | -2.0 | -2.0 | -1.5 | -2.4 | - effett“snow-ball” (c) | -3.1 | -2.8 | -2.7 | -3.2 | -2.4 | - | -2.6 | - | - aġġustament stokk-flussi (d) | -0.5 | 1.0 | 1.1 | 2.3 | 0.7 | 0.6 | 0.7 | 0.6 | Pm Tkabbir reali tal-PGD (%) | 4.8 | 4.7 | 3.7 | 4.3 | 3.7 | 3.9 | 3.7 | 4.0 | Pm Differenza fil-produzzjoni | 0.6 | 1.5 | 1.4 | 1.7 | 1.5 | 0.9 | 1.6 | 1.1 | (1) Bilanċ aġġustat ċiklikament bil-miżuri ta' darba u l-miżuri temporanji mħollija barra (2) Bilanċi aġġustati ċiklikament u bilanċi strutturali u differenzi fil-produzzjoni skond il-programm kif ikkalkulati mis-servizzi tal-Kummissjoni fuq il-bażi ta' l-informazzjoni fil-programm. Għall-2007, il-programm ma inkludiex miżuri ta' darba li jammontaw għal ¼ ta' punt perċentwali tal-PGD u miżuri permanenti li jammontaw ukoll għal ¼ ta' punt perċentwali tal-PGD kif imħabbar f'April 2007. Id-dħul totali u n-nefqa totali ġew aġġustati skond id-definizzjonijiet armonizzati ta' l-ESA95. (3) Ebda tibdil fil-politika previst (4) It-tibdil fir-relazzjoni tad-dejn gross tista' tkun dekomposta kif ġej [pic] fejn t hija subindiċi taż-żmien; D, PD, Y u SF huma l-istokk tal-dejn pubbliku, id-defiċit primarju, il-PGD nominali u l-aġġustament stokk-flussi rispettivament, u i u y jirrappreżentaw l-ispiża medja tat-tkabbir fid-dejn u l-PGD nominali. It-terminu fil-parentesi jirrappreżenta l-effett "valanga" (the snow-ball effect). Sorsi: It-tbissir tar-Rebbiegħa 2007 tas-servizzi tal-Kummissjoni (COM) u l-aġġornament tal-programm ta' stabbiltà (ta' Dicembru 2006). | Rakkomandazzjoni għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tħassar id-Deċiżjoni 2004/917/KE dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv fil-Greċja IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partiklari l-Artikolu 104(12) tiegħu, Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, Billi: (1) Bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/917/KE[25], wara rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 104(6) tat-Trattat, ġie deċiż li fil-Greċja kien jeżisti defiċit eċċessiv. Il-Kunsill ikkostata li fl-2003 id-defiċit pubbliku ġenerali kien ta’ 3.2% tal-PGD, li għalhekk kien qabeż it-3% tal-valur ta' referenza tal-PGD skond it-Trattat, filwaqt li d-dejn pubbliku gross ġenerali kien ta’ 103% tal-PGD, ferm ogħla mis-60% tal-valur ta' referenza tal-PGD skond it-Trattat[26]. (2) Fis-6 ta' Lulju 2004, skond l-Artikolu 104(7) tat-Trattat u l-Artikolu 3(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) 1467/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tħaffif u l-ikkjarifikar ta' l-implimentazzjoni tal-proċedura tad-defiċit eċċessiv[27], il-Kunsill, fuq il-bażi tar-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, għamel rakkomandazzjoni indirizzata lill-Greċja bil-għan li s-sitwazzjoni tad-defiċit pubbliku eċċessiv tinġieb fi tmiemha sa mhux aktar tard mill-2005. Ir-rakkomandazzjoni kienet ippubblikata. (3) Fid-19 ta' Jannar 2005, skond l-Artikolu 104(8), il-Kunsill iddeċieda, fuq il-bażi ta' rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, li l-Greċja ma kenitx ħadet azzjoni effettiva bi tweġiba għar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill skond l-Artikolu 104(7)[28]. Fis-17 ta' Frar 2005, il-Kunsill, fuq il-bażi ta' rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, iddeċieda[29] li javża lill-Greċja biex tieħu l-miżuri għat-tnaqqis fid-defiċit – azzjoni li kienet titqies meħtieġa biex tkun irrimedjata s-sitwazzjoni tad-defiċit eċċessiv. Il-Kunsill estenda l-iskadenza għall-korrezzjoni b'sena, sa l-2006. (4) Skond l-Artikolu 104(12) tat-Trattat, id-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv għandha titħassar meta d-defiċit eċċessiv fl-Istat Membru kkonċernat ikun, fil-fehma tal-Kunsill, ġie korrett. (5) Skond il-Protokoll dwar il-proċedura tad-defiċit eċċessiv anness mat-Trattat, il-Kummissjoni tipprovdi d-data għall-implimentazzjoni tal-proċedura. Bħala parti mill-applikazzjoni ta' dan il-Protokoll, l-Istati Membri jridu jissottomettu data dwar id-defiċitijiet u d-djun pubbliċi kif ukoll dwar fatturi varjabbli marbuta ma' dawn, darbtejn fis-sena, jiġifieri qabel l-1 ta' April u qabel l-1 ta' Ottubru, skond l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3605/93 tat-22 ta' Novembru 1993 dwar l-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura tad-defiċit eċċessiv anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea[30]. (6) Fuq il-bażi tad- data pprovduta mill-Kummissjoni (Eurostat) skond l-Artikolu 8g(1) tar-Regolament (KE) Nru 3605/93 wara n-notifika mill-Greċja ta' l-1 ta' April 2007 u tat-tbassir tar-Rebbiegħa 2007 tas-servizzi tal-Kummissjoni, dawn il-konklużjonijiet li ġejjin huma ġġustifikati: - Id-defiċit pubbliku ġenerali tniżżel minn 7.9% tal-PGD[31] fl-2004 għal 2.6% tal-PGD fl-2006, u għalhekk ġie taħt it-3% tal-valur ta' referenza tal-PGD għad-defiċitijiet. Dan ir-riżultat huwa identiku għall-mira ffissata f'Diċembru 2005 fil-programm ta' stabbiltà; - Id-dħul u l-infiq taw kontribut għall-aġġustament nominali ta' kważi 3 punti perċentwali tal-PGD meta mqabbel mad-defiċit tal-2005 ta' 5½% bi kważi l-istess ammont ta’ ishma. F’termini tal-PGD, id-dħul totali żdied b’1½ punt perċentwali tal-PGD, bit-taxxi indiretti jirrappreżentaw ½ punt perċentwali tal-PGD. Iż-żidiet fil-kontribuzzjonijiet soċjali u dħul ieħor, inklużi t-trasferimenti kapitali (it-trasferimenti ta’ l-UE) jispjegaw il-punt perċentwali li jifdal. In-nefqa totali tnaqqset b’1¼ punt perċentwali tal-PGD, prinċipalment bħala riżultat tat-tnaqqis fl-infiq primarju (½% tal-PGD) u fl-infiq fuq l-imgħaxijiet (¼% tal-PGD). L-infiq kapitali tnaqqas ukoll b’madwar ½ punt perċentwali tal-PGD. Id-dħul ta' darba ammonta għal 0.6% tal-PGD. It-titjib fil-bilanċ strutturali (jiġifieri l-bilanċ aġġustat ċiklikament wara l-miżuri ta' darba u miżuri temporanji oħra) huwa stmat li kien 2¼% tal-PGD fl-2006; - Għall-2007, it-tbassir tar-Rebbiegħa 2007 tas-servizzi tal-Kummissjoni jistma li d-defiċit se jonqos aktar u jinżel għal 2.4% tal-PGD. Dan huwa konformi mal-mira uffiċjali għad-defiċit ta' 2.4% tal-PGD li kienet iffissata fl-aġġornament tal-programm ta' stabbiltà ta' Diċembru 2006. Madankollu, it-tbassir tas-servizzi tal-Kummissjoni jinkludi dħul ulterjuri ta' darba li jammonta għal ¼% tal-PGD, kif ukoll miżuri permanenti għat-tnaqqis fl-ispiża li jammontaw għal madwar ¼% tal-PGD, it-tnejn imxandra qabel id-data ta' l-iskadenza tat-tbassir tar-Rebbiegħa 2007 tas-servizzi tal-Kummissjoni u għalhekk ma kinux ġew riflessi fil-mira uffiċjali ta' Diċembru 2006. Minkejja dan, l-istima tad-defiċit għall-2007 mit-tbassir tar-Rebbiegħa mhix aħjar mill-mira għaliex l-impatt ta' dawn il-miżuri ġodda huma kkumpensati minn (i) assunzjonijiet dwar tkabbir aktar kawti u (ii) il-fatt li l-miżuri permanenti ppjanati għall-2007, fil-fehma tal-Kummissjoni, ma jikkumpensawx għal kollox, it-tnaqqis fid-dħul ta' darba. Mingħajr il-miżuri ta' darba d-defiċit xorta kien jibqa' taħt il-valur ta' referenza bi 2.9% tal-PGD. Għall-2008, it-tbassir tar-Rebbiegħa jistma, f'xenarju li ma jipprevedix tibdil fil-politika, li d-defiċit se jkun 2.7% tal-PGD (mhumiex inklużi miżuri ta' darba għall-2008). Dan jindika li d-defiċit tnaqqas għal taħt il-livell massimu ta' 3% tal-PGD b'mod kredibbli u sostenibbli. Il-bilanċ strutturali huwa stmat li fl-2007 se jitjieb b'madwar ¼ ta' punt perċentwali tal-PGD u, f'xenarju li ma jipprevedi l-ebda tibdil fil-politika, b'ammont marġinali fl-2008. Dan għandu jkun ikkunsidrat fl-isfond tal-ħtieġa ta' reġistrazzjoni ta' progress lejn il-ksib ta' l-għan matul medda medja ta' żmien (MTO) għall-pożizzjoni baġitarja f'termini strutturali; - Id-dejn pubbliku niżel minn 108½% tal-PGD fl-2004 għal 104½% fl-2006. Skond it-tbassir tar-Rebbiegħa 2007, ir-relazzjoni tad-dejn hija stmata li ser tibqa' nieżla sa madwar 97½% sa l-aħħar ta' l-2008, xorta ferm ogħla mis-60% tal-valur ta' referenza tal-PGD. Jista' jingħad li r-relazzjoni tad-dejn qed titbaxxa biżżejjed u tqarreb lejn is-60% tal-valur ta' referenza tal-PGD. (7) L-awtoritajiet statistiċi Griegi tejbu l-proċeduri tagħhom, u dan wassal għal tnaqqis sinifikanti fid-diskrepanzi statistiċi u għal kwalità aħjar tad- data f'sens globali. B'riżultat ta' dan, l-Eurostat irtira r-riżervi tiegħu dwar il-kwalità tad- data li qed tkun irrappurtata attwalment. (8) Fil-fehma tal-Kunsill, id-defiċit eċċessiv fil-Greċja ġie korrett u d-Deċiżjoni 2004/917/KE għandha għalhekk tkun imħassra. ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 Minn valutazzjoni globali jsegwi li s-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv fil-Greċja ġiet korretta. Artikolu 2 Id-Deċiżjoni 2004/917/KE hija b'dan imħassra. Artikolu 3 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Ellenika. Magħmula fi Brussell, Għall-Kunsill Il-President [1] ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1056/2005 (ĠU L 174, 7.7.2005, p. 5). [2] ĠU L 332, 31.12.1993, p. 7. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2103/2005 (ĠU L 337, 22.12.2005, p. 1). [3] In-notifika l-iżjed riċenti li ntbagħtet lill-Greċja tidher f': http://epp.eurostat.ec.europa.eu/portal/page?_pageid=2373,58110711&_dad=portal&_schema=portal. [4] SEG(2004) 623. Iċ-ċifri tad-defiċit pubbliku ġenerali u d-dejn pubbliku gross ġenerali għall-2003 kienu rriveduti diversi drabi (ara l-kaxxa). Skond id- data l-iżjed riċenti, id-defiċit u d-dejn fl-2003 rrappreżentaw 6.2% tal-PGD u 107.8% tal-PGD rispettivament. [5] ĠU L 389, 30.12.2004, p. 25. [6] Id-dokumenti kollha relatati ma' l-EDP mibgħuta lill-Greċja jinstabu fuq il-websajt: http://ec.europa.eu/economy_finance/about/activities/sgp/edp_list_en.htm. [7] ĠU L 107, 28.4.2005, p. 24. [8] ĠU L 153, 16.6.2005, p. 29. [9] SEG(2005) 443. [10] Stqarrija għall-Istampa mill-Eurostat Nru 55/2007 tat-23 ta’ April 2007. [11] Il-PGD f’dan id-dokument jirreferi għas-sensiela l-qadima ta' PGD pprovduta mill-awtoritajiet Griegi bħala anness tan-notifika ta’ l-EDP ta’ April 2007 u mhux għad- data “riveduta” tal-PGD rrappurtata mill-awtoritajiet Griegi f’Ottubru 2006, li jista’ jwassal għal reviżjoni ’l fuq tal-PGD nominali ta’ madwar 26% fis-sena mis-sena 2000 ’il hawn. Minħabba l-kobor u l-kumplessità tagħha, din ir-reviżjoni għadha soġġetta għal eżami mill-Eurostat. [12] Fl-ESA95, l-i swaps huma arranġamenti kuntrattwali bejn żewġ partijiet li jiftiehmu li, fuq medda ta’ żmien u skond regoli predeterminati, jiskambjaw pagamenti relatati ma' ammonti speċifiċi ta' dejn. Il-varjetajiet l-iżjed komuni huma l-i swaps fuq ir-rati ta’ l-imgħax, l-i swaps fuq l-iskambju barrani u l-i swaps fuq il-munita (magħrufa wkoll bħala swaps fuq imgħaxijiet bejn il-muniti – cross-currency interest swaps ). L-ebda pagament li jirriżulta minn dawn mhu meqjus bħala dħul mill-proprjetà u l-pagamenti kollha huma rreġistrati fil-kont finanzjarju. [13] Skond ir-Regolament Nru 2558/2001 (ĠU L 344, 28.12.2001, p. 1), li emenda l-ESA95, il-flussi marbuta ma’ l-i swaps huma tranżazzjonijiet finanzjarji u, għalhekk, huma esklużi mill-kalkoli tad-defiċitijiet pubbliċi. Madankollu, skond l-istess regolament, għall-għan speċifiku tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv, dawn il-flussi għadhom ikunu rreġistrati bħala mgħax. Fil-każ tal-Greċja, il-flussi marbuta ma’ l-i swaps kienu għenu biex inaqqsu d-defiċit pubbliku ta’ l-2006 li għall-proċedura ta’ defiċit eċċessiv fisser tnaqqis ta' 0.29% tal-PGD. [14] F’Settembru 2006 l-awtoritajiet Griegi nnotifikaw reviżjoni ’l fuq ta’ 26% taċ-ċifri nominali tal-PGD. Din ir-reviżjoni tista’ tfisser li l-effett tad-denominatur ta’ PGD ogħla jista’ jniżżel id-defiċit għal kemmkemm inqas minn 2%. Madankollu, skond stimi preliminari, ir-reviżjoni konkomitanti tad-dħul gross nazzjonali tista’ twassal għal żieda permanent fil-kontribuzzjoni tal-Greċja għall-baġit ta’ l-UE ta’ anqas minn ¼% tal-PGD, kif ukoll għal ħlas ta’ darba ta’ arretrati fuq din il-kontribuzzjoni ta’ madwar ¾% tal-PGD, li jistgħu jiżdiedu mal-bilanċ ta’ l-2007. Dan jista’ jirriżulta f’defiċit qrib imma anqas minn 3% tal-PGD. Madankollu, għandu jkun enfasizzat li dawn l-istimi huma msejsa biss fuq in-notifika tal-Greċja. F’Ottubru 2006 l-kumitat tad-DGN ssospenda l-opinjoni tiegħu dwar iċ-ċifri l-ġodda sottomessi mill-Greċja u ser jagħti l-opinjonji tiegħu aktar tard fl-2007 wara li l-Eurostat ikun temm l-analizzar bir-reqqa tiegħu tad- data Griega. Il-Kummissjoni ma tistax, qabel ma jkun sar dan, tiddetermina l-livell riżervat tal-PGD u l-konsegwenzi attwali marbuta mal-kontribuzzjoni Griega għall-baġit ta’ l-UE. [15] Dawn il-miżuri ġew ratifikati fir-rapport ta’ l-EDP tat-30 ta’ April 2007 sottomess mill-Greċja kif mitlub mir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill skond l-Artikolu 104(9). [16] ĠU C 70, 27.3.2007, p. 9. [17] Fl-24 ta’ April, il-Ministru tal-Finanzi Grieg ħabbar pubblikament li l-gvern Grieg kien iddeċieda li jċaqlaq id-data ta’ l-iskadenza biex jikseb MTO għal bilanċ jew bilanċ favorevoli fil-baġits mill-2012 sa l-2010, u għalhekk sentejn qabel minn kif kien ġie ppjanat fl-Aġġornament tal-Programm Grieg ta’ Stabbiltà u Tkabbir f’Diċembru 2006. Din il-wegħda ġiet ratifikata fir-rapport ta’ l-EDP tat-30 ta’ April 2007 sottomess mill-Greċja f’konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill skond l-Artikolu 104(9). [18] Dan l-ammont irid jitħallas bin-nifs f’għaxar pagamenti annwali. [19] Ara n-nota ta’ l-Eurostat dwar “L-aġġustament stokk-flussi (SFA) għall-Istati Membri, iż-żona ewro u l-UE27 għall-perjodu 2003-2006, kif irrappurtat fin-notifika ta’ l-EDP f’April 2007”, disponibbli fuq: http://epp.eurostat.ec.europa.eu/cache/ITY_PUBLIC/STOCK_FLOW_2007/EN/STOCK_FLOW_2007-EN.PDF. [20] Ara wkoll il-Kummissjoni Ewropea, Finanzi Pubbliċi fl-EMU – 2005, L-Ekonomija Ewropea, 3 , b'mod partikolari Kaxxa I.1 tiegħu. [21] Stqarrija għall-Istampa, Eurostat, Nru 117/2004. [22] Stqarrijiet għall-Istampa, Eurostat, Nri 39/2005, 120/2005 u 48/2006. [23] Iż-żjarat metodoloġiċi kienu stabbiliti bl-Artikoli 8d u 8e tar-Regolament tal-Kunsill 3605/93. Dawn iż-żjarat "inħalqu biex ikunu ssorveljati l-proċessi u l-kontijiet pubbliċi li jiġġustifikaw id- data attwali rrappurtata"; dawn isiru "f'każi meta jkunu identifikati riskji sostanzjali jew problemi potenzali fir-rigward tal-kwalità tad- data , speċjalment meta dawn ikunu relatati mal-metodi, kunċetti u klassifikar li jkunu ġew applikati għad- data , li l-Istati Membri huma fl-obbligu li jirrappurtaw". Ir-rapport dwar iż-żjara metodoloġika hija disponibbli fuq http://epp.eurostat.ec.europa.eu/portal/page?_pageid=2373,47631456&_dad=portal&_schema=portal. [24] Stqarrija għall-Istampa, Eurostat, Nru 139/2006. [25] ĠU L 389, 30.12.2004, p. 25. [26] Iċ-ċifri tad-defiċit pubbliku ġenerali u d-dejn pubbliku gross ġenerali għall-2003 ġew riveduti f'diversi okkażjonijiet. Skond id- data l-iżjed riċenti, id-defiċit u d-dejn kienu jirrappreżentaw 6.2% tal-PGD u 107.8% tal-PGD rispettivament. [27] ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1056/2005 (ĠU L 174, 7.7.2005, p. 5). [28] ĠU L 107, 28.4.2005, p. 24. [29] ĠU L 153, 16.6.2005, p. 29. [30] ĠU L 332, 31.12.1993, p. 7. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2103/2005 (ĠU L 337, 22.12.2005, p. 1). [31] Il-PGD f'din id-deċiżjoni jirreferi għas-sensiela l-antika ta' PGD u mhux għad- data "riveduta" tal-PGD kif irrappurtata mill-awtoritajiet Griegi f'Ottubru 2006 u April 2007.