24.4.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 112/6


ATT

dwar il-kondizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja u l-aġġustamenti għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika

L-EWWEL PARTI

PRINĊIPJI

Artikolu 4

1.   Id-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen kif imsemmija fil-Protokoll dwar l-acquis ta’ Schengen integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea (minn hawn il-quddiem imsejjaħ “il-Protokoll ta’ Schengen”), anness għat-TUE u t-TFUE, u l-atti li jibnu fuqu jew li huma b’xi mod ieħor relatati miegħu, elenkati fl-Anness II, kif ukoll kwalunkwe att ieħor bħal dan adottat qabel id-data tal-adeżjoni, għandhom jorbtu lill-Kroazja, u jkunu applikabbli fiha, mid-data tal-adeżjoni.

2.   Dawk id-dispożizzjonjiet tal-acquis ta’ Schengen kif integrati fil-qafas tal-Unjoni Ewropea u l-atti li jibnu fuqu jew li b’xi mod ieħor huma relatati miegħu li mhumiex imsemmija fil-paragrafu 1, filwaqt li jorbtu lill-Kroazja mid-data tal-adeżjoni, għandhom japplikaw biss fil-Kroazja skont deċiżjoni tal-Kunsill għal dak il-għan, wara verifika, f’konformità mal-proċeduri ta’ evalwazzjoni ta’ Schengen applikabbli, li l-kondizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni tal-partijiet kollha tal-acquis rilevanti jkunu ġew sodisfatti fil-Kroazja, inkluża l-applikazzjoni effettiva tar-regoli kollha ta’ Schengen f’konformità mal-istandards komuni maqbula u mal-prinċipji fundamentali. Dik id-deċiżjoni għandha tittieħed mill-Kunsill, f’konformità mal-proċeduri ta’ Schengen applikabbli u b’kont meħud ta’ rapport tal-Kummissjoni li jikkonferma li l-Kroazja għadha tissodisfa l-impenji li ħadet fin-negozjati dwar l-adeżjoni tagħha li huma rilevanti għall-acquis ta’ Schengen.

Il-Kunsill għandu jieħu d-deċiżjoni tiegħu, wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, waqt li jaġixxi bl-unanimità tal-membri tiegħu li jirrappreżentaw il-Gvernijiet tal-Istati Membri li fir-rigward tagħhom id-dispożizzjonijiet imsemmija f’dan il-paragrafu diġà ddaħħlu fis-seħħ u tar-rappreżentant tal-Gvern tar-Repubblika tal-Kroazja. Il-membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw il-Gvernijiet tal-Irlanda u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għandhom jieħdu sehem f’tali deċiżjoni safejn tirrigwarda d-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen u l-atti li jibnu fuqu jew li huma b’xi mod ieħor relatati miegħu li fihom jipparteċipaw dawn l-Istati Membri.