IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 3.3.2023
COM(2023) 107 final
2023/0054(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta’ Kooperazzjoni stabbilit mill-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Iraq, min-naħa l-oħra, b’rabta mal-adozzjoni prevista ta’ deċiżjoni dwar l-istabbiliment ta’ Sottokumitat dwar il-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp
MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI
1.Suġġett tal-proposta
Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill ta’ Kooperazzjoni, stabbilit mill-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Iraq, min-naħa l-oħra, (“il-Ftehim”) b’rabta mal-adozzjoni prevista minnu ta’ deċiżjoni dwar l-istabbiliment tas-Sottokumitat speċjalizzat dwar il-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp.
2.Kuntest tal-proposta
2.1.Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Iraq, min-naħa l-oħra
Il-Ftehim għandu l-għan li jsaħħaħ ir-relazzjoni tal-partijiet, li jimpenjaw ruħhom li jorganizzaw djalogi komprensivi, u li jippromwovu aktar kooperazzjoni bejniethom fis-setturi kollha ta’ interess reċiproku. Il-Ftehim ġie ffirmat fil-11 ta' Mejju 2012 u daħal fis-seħħ fl-1 ta' Awwissu 2018.
2.2.Il-Kunsill ta’ Kooperazzjoni
L-Artikolu 111(1) tal-Ftehim jistabbilixxi Kunsill ta’ Kooperazzjoni, li jikkonsisti mir-rappreżentanti tal-Partijiet għall-Ftehim, u li jissorvelja l-implimentazzjoni tal-Ftehim. Jeżamina kull kwistjoni maġġuri li tinħoloq ġewwa l-qafas tal-Ftehim u kull kwistjoni oħra bilaterali jew internazzjonali ta' interess ta' bejn xulxin bil-għan li jinkisbu l-għanijiet immedjati ta' dan il-Ftehim. Il-Kunsill ta' Kooperazzjoni jista' wkoll jagħmel rakkomandazzjonijiet xierqa, bi qbil reċiproku bejn iż-żewġ Partijiet.
Skont l-Artikolu 112(2) tal-Ftehim, il-Kunsill ta' Kooperazzjoni jista' jiddeċiedi li jistabbilixxi sottokumitati speċjalizzati jew korpi li jistgħu jassistuh fit-twettiq ta' dmirijietu. Il-Kunsill ta’ Kooperazzjoni jiddetermina l-kompożizzjoni u d-dmirijiet ta’ dawn is-sottokumitati jew il-korpi u kif għandhom jiffunzjonaw. Kemm l-UE kif ukoll l-Iraq esprimew interess fit-twaqqif ta’ Sottokumitat speċjalizzat dwar il-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp.
2.3.L-att previst tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni
Matul it-tielet sessjoni tiegħu, jew, jekk ikun hemm bżonn, permezz ta’ proċedura bil-miktub minn qabel jew wara f’konformità mal-Artikolu 10(1) tal-Anness I tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, il-Kunsill ta’ Kooperazzjoni għandu jadotta deċiżjoni rigward l-istabbiliment ta’ Sottokumitat speċjalizzat dwar il-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp, inkluża l-adozzjoni tat-termini ta’ referenza tiegħu (“l-att previst”), f’konformità mal-Artikolu 112(2) tal-Ftehim.
L-għan tal-att previst huwa li jistabbilixxi Sottokumitat speċjalizzat dwar il-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp sabiex jassisti lill-Kunsill ta’ Kooperazzjoni fit-twettiq ta’ dmirijietu.
F’konformità mal-Artikolu 10(1) tal-Anness I tar-Regoli ta’ Proċedura, il-Kunsill ta’ Kooperazzjoni jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu u jagħmel rakkomandazzjonijiet bi qbil komuni tal-Partijiet indikati fil-Ftehim innifsu. Il-Kunsill tal-Koperazzjoni jista’ jieħu deċiżjonijiet jew jagħmel rakkomandazzjonijiet bi proċedura bil-miktub jekk iż-żewġ Partijiet jaqblu li jsir hekk.
3.Pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni
Din il-proposta tikkonċerna Deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill ta’ Kooperazzjoni stabbilit mill-Ftehim biex jiġi stabbilit Sottokumitat speċjalizzat dwar il-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u biex jiġu adottati t-termini ta’ referenza tiegħu. Kemm l-UE kif ukoll l-Iraq esprimew interess fit-twaqqif ta’ Sottokumitat speċjalizzat dwar il-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp.
Il-pożizzjoni proposta tal-Unjoni hija bbażata fuq l-abbozz tal-att tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni kif stabbilit fl-Anness mehmuż ma’ din il-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill.
4.Bażi ġuridika
4.1.Bażi ġuridika proċedurali
4.1.1.Prinċipji
L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi li l-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni, jadotta deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”
Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi atti li għandhom effetti legali skont ir-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregola s-sede inkwistjoni. Dan jinkludi wkoll l-istrumenti li ma jkollhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni”.
4.1.2.Applikazzjoni għall-każ attwali
Il-Kunsill ta’ Kooperazzjoni huwa korp stabbilit permezz ta’ ftehim, jiġifieri mill-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Iraq, min-naħa l-oħra ffirmat fl-11 ta’ Mejju 2012, u li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Awwissu 2018.
L-Unjoni Ewropea, flimkien mal-Istati Membri tagħha, huma parti għall-Ftehim.
L-att li l-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni huwa mitlub jadotta jikkostitwixxi att b’effetti legali. L-att previst għandu effetti legali peress li d-deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni, meħuda skont l-Artikolu 112(2) tal-Ftehim u bi qbil komuni tal-Partijiet skont l-Artikolu 10(1) tal-Anness I tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, se tippermetti l-ħolqien ta’ Sottokumitat speċjalizzat dwar il-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp.
L-att previst la jissupplimenta u lanqas jemenda l-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.
Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
4.2.Bażi ġuridika sostantiva
4.2.1.Prinċipji
Il-bażi ġuridika sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi qabelxejn mill-objettiv u mill-kontenut tal-att previst li fir-rigward tiegħu tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawn l-għanijiet jew komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tissejjes fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik rikjesta mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.
Fir-rigward ta’ att previst li jsegwi għadd ta’ objettivi f’daqqa, jew li għandu diversi komponenti, li huma marbuta b’mod inseparabbli mingħajr ma wieħed ikun inċidentali għall-ieħor, il-bażi ġuridika sostantiva ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE jkollha tinkludi, eċċezzjonalment, id-diversi bażijiet ġuridiċi korrispondenti.
4.2.2.Applikazzjoni għall-każ attwali
L-objettiv ewlieni tal-att previst huwa relatat mal-implimentazzjoni tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp fl-Iraq.
Għalhekk, il-bażi ġuridika sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 209 tat-TFUE.
4.3.Konklużjoni
Jenħtieġ li l-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta tkun l-Artikolu 209 tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
2023/0054 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta’ Kooperazzjoni stabbilit mill-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Iraq, min-naħa l-oħra, b’rabta mal-adozzjoni prevista ta’ deċiżjoni dwar l-istabbiliment ta’ Sottokumitat dwar il-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 209 TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Il-Ftehim tas-Sħubija u l-Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika tal-Iraq, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”) ġie konkluż mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2018/1107 u daħal fis-seħħ fl-1 ta' Awwissu 2018.
(2)Skont l-Artikolu 111(1) tal-Ftehim, jiġi stabbilit Kunsill ta’ Kooperazzjoni li se jissorvelja l-implimentazzjoni tal-Ftehim. Skont l-Artikolu 112(2) tal-Ftehim, il-Kunsill ta' Kooperazzjoni jista' jiddeċiedi li jistabbilixxi sottokumitati speċjalizzati jew korpi li jistgħu jassistuh fit-twettiq ta' dmirijietu. Il-Kunsill ta’ Kooperazzjoni jiddetermina l-kompożizzjoni u d-dmirijiet ta’ dawn il-kumitati jew il-korpi u kif għandhom jiffunzjonaw.
(3)L-Unjoni u l-Iraq it-tnejn esprimew interess fit-twaqqif ta’ Sottokumitat speċjalizzat dwar il-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp sabiex jiġi ffaċilitat djalogu dedikat dwar l-aspetti kollha tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp bejn l-Unjoni u l-Iraq u tiġi promossa l-implimentazzjoni effettiva tal-programmi ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-Unjoni fl-Iraq.
(4)Matul it-tielet sessjoni tiegħu, jew, jekk ikun hemm bżonn, permezz ta’ proċedura bil-miktub minn qabel jew wara f’konformità mal-Artikolu 10(1) tal-Anness I tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,il-Kunsill ta’ Kooperazzjoni għandu jadotta deċiżjoni dwar il-ħolqien ta’ Sottokumitat speċjalizzat dwar il-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u dwar l-adozzjoni tat-termini ta’ referenza tiegħu.
(5)Ikun xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, billi d-deċiżjoni se tkun vinkolanti fuq l-Unjoni,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fit-tielet sessjoni tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni, jew, jekk xieraq, permezz ta’ proċedura bil-miktub minn qabel jew wara, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tal-att tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni kif jinsab fl-Anness mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni — l-istabbiliment ta’ sottokumitati speċjalizzati u l-adozzjoni tat-termini ta’ referenza tagħhom.
2. Bidliet tekniċi żgħar fil-formulazzjoni tal-abbozz tal-att tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni jistgħu jiġu miftiehma mir-rappreżentanti tal-Unjoni fi ħdan il-Kunsill ta’ Kooperazzjoni mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President