Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)
16 ta’ Lulju 2026 (*)
“Appell – Regolamentazzjoni finanzjarja tal-Unjoni – Implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni Ewropea taħt ġestjoni konġunta jew indiretta ma’ organizzazzjoni internazzjonali – Deċiżjoni li tirrifjuta li tirrikonoxxi entità bħala organizzazzjoni internazzjonali b’effett retroattiv – Kunċett ta’ ‘organizzazzjoni internazzjonali’ – Elementi kostituttivi – Interpretazzjoni tal-ftehim internazzjonali li jistabbilixxi l-organizzazzjoni – Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati – Artikoli 31 u 32 – Responsabbiltà mhux kuntrattwali”
Fil-Kawża C‑790/24 P,
li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fl‑14 ta’ Novembru 2024,
International Management Group (IMG), stabbilit fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentat minn J.-Y. de Cara u L. Levi, avocats,
appellant,
il-parti l-oħra fil-kawża li hija:
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Baquero Cruz, J.-F. Brakeland u L. Puccio, bħala aġenti,
konvenuta fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),
komposta minn M. L. Arastey Sahún, Presidenta tal-Awla, J. Passer, E. Regan, D. Gratsias (Relatur) u B. Smulders, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,
Reġistratur: F. Cathagne, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑11 ta’ Diċembru 2025,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑12 ta’ Marzu 2026,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz tal-appell tiegħu, International Management Group (IMG), jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑4 ta’ Settembru 2024, IMG vs Il‑Kummissjoni (T‑509/21, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2024:590), li permezz tagħha hija ċaħdet ir-rikors tiegħu intiż, minn naħa, għall-annullament tad-Deċiżjoni tat‑8 ta’ Ġunju 2021 li permezz tagħha l-Kummissjoni Ewropea rrifjutat li tirrikonoxxilu, b’effett retroattiv mis‑16 ta’ Diċembru 2014, l-istatus ta’ organizzazzjoni internazzjonali previst mir-regolamentazzjoni finanzjarja tal-Unjoni għall-implimentazzjoni tal-fondi tal-Ewropea skont il-metodu tal-ġestjoni indiretta (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”) u, min-naħa l-oħra, għall-kumpens għad-danni materjali u morali li huwa ġarrab.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt internazzjonali
2 L-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-trattati tat‑23 ta’ Mejju 1969 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1155, p. 331, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Vjenna”), jistipula:
“Għall-finijiet ta’ din il-konvenzjoni:
(a) ‘trattat’ tfisser ftehim internazzjonali konkluż bejn Stati b’forma miktuba u rregolat mid-dritt internazzjonali, kemm jekk imfassal fi strument wieħed jew f’iktar minn strument wieħed relatati u irrispettivament mill-isem partikolari li jingħata;
[...]
(i) ‘organizzazzjoni internazzjonali’ tfisser organizzazzjoni intergovernattiva.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
3 L-Artikolu 5 ta’ din il-konvenzjoni jippreċiża li din “tapplika għal kwalunkwe trattat li jkun l-istrument li jistabbilixxi organizzazzjoni internazzjonali [...], bla ħsara għal kwalunkwe regoli rilevanti tal-organizzazzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
4 Skont l-Artikolu 31 tal-imsemmija konvenzjoni, intitolat “Regola ġenerali ta’ interpretazzjoni”:
“1. Trattat għandu jiġi interpretat in bona fide konformement mat-tifsira ordinarja li għandha tingħata lit-termini tat-trattat fil-kuntest tagħhom u fid-dawl tal-għan u tal-iskop tiegħu.
2. Għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ trattat, il-kuntest għandu jinkludi, minbarra t-test, inklużi l-preambolu u l-annessi tiegħu:
(a) kwalunkwe ftehim dwar it-trattat li jkun sar bejn il-Partijiet kollha fl-okkażjoni tal-konklużoni tat-trattat;
(b) kwalunkwe ftehim li jkun sar minn Parti waħda jew iktar fl-okkażjoni tal-konklużjoni tat-trattat u aċċettat mill-Partijiet l-oħra bħala strument marbut mat-trattat.
3. Flimkien mal-kuntest, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni:
(a) kwalunkwe ftehim sussegwenti bejn il-Partijiet fir-rigward tal-interpretazzjoni tat-trattat jew tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tiegħu;
(b) kwalunkwe prassi sussegwenti fl-applikazzjoni tat-trattat li tistabbilixxi l-ftehim tal-Partijiet dwar l-interpetazzjoni tiegħu;
[...]
4. Għandha tingħata tifsira speċjali lil terminu jekk jiġi stabbilit li din kienet l-intenzjoni tal-Partijiet.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
5 L-Artikolu 32 tal-istess konvenzjoni, intitolat “Mezzi supplimentari ta’ interpretazzjoni”, huwa redatt kif ġej:
“Mezzi supplimentari ta’ interpretazzjoni, inkluż ix-xogħol preparatorju tat-trattat u ċ-ċirkustanzi tal-konklużjoni tiegħu, jistgħu jintużaw sabiex tiġi kkonfermata t-tifsira li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-Artikolu 31, jew sabiex tiġi ddeterminata t-tifsira meta l-interpretazzjoni skont l-Artikolu 31:
(a) tħalli t-tifsira ambigwa jew mhux ċara; jew
(b) twassal għal riżultat manifestament assurd jew irraġonevoli.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
Id-dritt tal-Unjoni
Ir-Regolament Finanzjarju tal‑2002
6 Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 1605/25 tal‑25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli ghall-bagit generali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 74), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1995/2006 tat‑13 ta’ Diċembru 2006 (ĠU 2006, L 390, p. 1, rettifika fil-ĠU 2008, L 48, p. 88) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Finanzjarju tal‑2002”), tħassar, b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2013, permezz tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU 2012, L 298, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Finanzjarju tal‑2012”). Madankollu, l-Artikolu 212(a) tar-Regolament Finanzjarju tal‑2012 ippreveda, b’mod partikolari, li l-Artikoli 53 u 53d tar-Regolament Finanzjarju tal‑2002 kellhom jibqgħu japplikaw għall-impenji kollha konklużi sal‑31 ta’ Diċembru 2013.
7 L-Artikolu 53 tar-Regolament Finanzjarju tal‑2002 kien jipprevedi:
“Il-Kummissjoni għandha timplimenta l-baġit skond id-dispożizzjonijiet imniżżin fl-Artikoli 53a sa 53d fi kwalunkwe minn dawn il-metodi:
(a) fuq bażi ċentralizzata;
(b) b’ġestjoni maqsuma jew deċentralizzata;
(ċ) b’ġestjoni konġunta ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali.”
8 L-Artikolu 53d ta’ dan ir-regolament kien jistipula:
“1. Meta l-Kummissjoni timplimenta l-baġit permezz ta’ amministrazzjoni konġunta, ċerti kompiti implimentattivi għandhom ikunu delegati lill-organizzazzjonijiet internazzjonali [...]
[...]
2. Il-ftehim individwali li ntlaħqu ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali għall-għoti ta’ finanzjament għandu jinkludi dispożizzjonijiet dettaljati għall-implimentazzjoni tal-kompiti fdati f’idejn it-tali organizzazzjonijiet internazzjonali.
[...]”
Ir-Regolament Finanzjarju ta’ Implimentazzjoni tal‑2002
9 Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, EURATOM) Nru 2342/2002 tat‑23 ta’ Diċembru 2002 li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 fuq ir-Regolamenti Finanzjaru li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 145), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 478/2007 tat‑23 ta’ April 2007 (ĠU 2008, L 56M, p. 337) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Finanzjarju ta’ Implimentazzjoni tal‑2002”), tħassar, b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2013, permezz tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad‑29 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU 2012, L 362, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Finanzjarju Delegat tal‑2012”).
10 L-Artikolu 43 tar-Regolament Finanzjarju ta’ Implimentazzjoni tal‑2002, intitolat “Ġestjoni konġunta”, kien jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu:
“L-organizzazzjonijiet internazzjonali msemmija fl-Artikolu 53d tar-Regolament [Finanzjarju tal-2002] huma dawn li ġejjin:
(a) organizzazzjonijiet internazzjonali tas-settur pubbliku mwaqqfa permezz ta’ ftehimiet intergovernattivi, u aġenziji speċjalizzati mwaqqfa minn dawn l-organizzazzjonijiet;
[...]”
Ir-Regolament Finanzjarju tal‑2012
11 Ir-Regolament Finanzjarju tal‑2012 daħal fis-seħħ fis‑27 ta’ Ottubru 2012, konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 214 tiegħu. Huwa kien applikabbli mill‑1 ta’ Jannar 2013 skont it-tieni paragrafu ta’ dan l-artikolu, bla ħsara għad-dati ta’ applikazzjoni speċifiċi previsti f’dan l-istess paragrafu għal ċerti dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament.
12 Fost dawn id-dispożizzjonijiet kien hemm l-Artikolu 58 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Modi ta’ implimentazzjoni tal-baġit”, li kien applikabbli biss għall-impenji meħuda mill‑1 ta’ Jannar 2014. Il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu kien ifformulat kif ġej:
“Il-Kummissjoni għandha timplimenta l-baġit b’dawn il-modi:
(a) direttament (‘ġestjoni diretta’), permezz tad-dipartimenti tagħha [...];
(b) taħt ġestjoni kondiviża mal-Istati Membri (‘ġestjoni kondiviża’); or
(c) indirettament (‘ġestjoni indiretta’), [...] billi tafda kompiti tal-implimentazzjoni tal-baġit lil:
[...]
(ii) organizzazzjonijiet internazzjonali u l-aġenziji tagħhom;
[...]”
Ir-Regolament Finanzjarju Delegat tal‑2012
13 L-Artikolu 43 tar-Regolament Finanzjarju Delegat tal‑2012, intitolat “Dispożizzjonijiet speċifiċi għal ġestjoni indiretta ma’ Organizzazzjonijiet Internazzjonali”, kien jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:
“L-organizzazzjonijiet internazzjonali msemmija fil-punt (ii) tal-Artikolu 58(1)(c) tar-Regolament Finanzjarju [tal‑2012] jkunu:
(a) organizzazzjonijiet tas-settur pubbliku internazzjonali stabbiliti permezz ta’ ftehimiet intergovernattivi u aġenziji speċjalizzati mwaqqfa minn tali organizzazzjonijiet;
[...]”
Il-fatti li wasslu għall-kawża
14 Il-fatti li wasslu għall-kawża, esposti fil-punti 2 sa 24 tas-sentenza appellata, jistgħu, għall-ħtiġijiet ta’ din il-kawża, jiġu deskritti fil-qasir bil-mod segwenti.
15 L-appellant, IMG, li inizjalment kellu l-isem International Management Group – Infrastructure for Bosnia and Herzegovina (IMG-IBH), inħoloq fil‑25 ta’ Novembru 1994 bil-għan li jippermetti lill-Istati u lill-organizzazzjonijiet internazzjonali li jipparteċipaw fir-rikostruzzjoni tal-Bosnja-Ħerzegovina li jkollhom entità ddedikata għal dan l-għan. Minn dak iż-żmien ’l hawn, gradwalment espanda l-attivitajiet tiegħu fl-oqsma tar-rikostruzzjoni u tal-iżvilupp.
16 Fis‑7 ta’ Novembru 2013, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2013) 7682 final dwar il-Programm ta’ Azzjoni Annwali tal‑2013 għall-Myanmar/Burma ffinanzjat mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea. Dik id-deċiżjoni kienet tipprevedi, b’mod partikolari, programm ta’ żvilupp tal-kummerċ, stmat li kien se jiswa EUR 10 miljuni, li kellu jiġi ffinanzjat mill-Unjoni u li l-implimentazzjoni tiegħu kellha titwettaq f’ġestjoni konġunta mar-rikorrent.
17 Fis‑17 ta’ Frar 2014, l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) informa lill-Kummissjoni li kien fetaħ investigazzjoni fuq l-istatus tar-rikorrent. Fil‑15 ta’ Diċembru 2014, Il-Kummissjoni rċeviet ir-rapport ippreparat mill-OLAF fi tmiem l-investigazzjoni tiegħu, li fih l-OLAF qies, essenzjalment, li l-appellant ma kienx organizzazzjoni internazzjonali, fis-sens tar-Regolament Finanzjarju tal‑2002 u tar-Regolament Finanzjarju tal‑2012.
18 Fis‑16 ta’ Diċembru 2014, il-Kummissjoni ddeċidiet li tafda l-implimentazzjoni, skont il-metodu tal-ġestjoni indiretta, tal-programm ta’ żvilupp tal-kummerċ previst mid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2013) 7682 final, imsemmija fil-punt 16 ta’ din is-sentenza, lil organizzazzjoni oħra li ma kinitx l-appellant (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tas‑16 ta’ Diċembru 2014”).
19 Fit‑8 ta’ Mejju 2015, il-Kummissjoni bagħtet lill-appellant ittra li permezz tagħha hija informatu li kienet iddeċidiet, b’mod partikolari, li, sakemm ikun hemm ċertezza assoluta dwar l-istatus tiegħu bħala organizzazzjoni internazzjonali, id-dipartimenti tagħha ma kinux ser jikkonkludu ftehimiet ta’ delega ġodda miegħu skont il-metodu tal-ġestjoni indiretta previst mir-Regolament Finanzjarju tal‑2012 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tat‑8 ta’ Mejju 2015”).
20 Permezz tal-ewwel rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑21 ta’ Jannar 2015 u rreġistrat bin-numru tal-kawża T‑29/15, imbagħad permezz tat-tieni rikors ippreżentat f’dan l-istess Reġistru fl‑14 ta’ Lulju 2015 u rreġistrat bin-numru tal-kawża T‑381/15, l-appellant ippreżenta żewġ rikorsi intiżi, l-ewwel wieħed, għall-annullament tad-deċiżjoni tas‑16 ta’ Diċembru 2014 u, it-tieni wieħed, għall-annullament tad-deċiżjoni tat‑8 ta’ Mejju 2015 kif ukoll għall-kumpens għad-danni kkawżati lilu minnha. Dawn ir-rikorsi ġew miċħuda permezz tas-sentenzi tat‑2 ta’ Frar 2017, International Management Group vs Il‑Kummissjoni (T‑29/15, EU:T:2017:56) u tat‑2 ta’ Frar 2017, IMG vs Il‑Kummissjoni (T‑381/15, EU:T:2017:57). Permezz ta’ żewġ appelli ppreżentati fil‑11 ta’ April 2017 u rreġistrati, rispettivament, bin-numri tal-kawża C‑183/17 P u C‑184/17 P, l-appellant talab l-annullament ta’ dawk iż-żewġ sentenzi.
21 Permezz tas-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2019, International Management Group vs Il‑Kummissjoni (C‑183/17 P u C‑184/17 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2019”, EU:C:2019:78), il-Qorti tal-Ġustizzja annullat is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali msemmija fil-punt preċedenti, tat deċiżjoni hija stess dwar ir-rikorsi intiżi għall-annullament tad-deċiżjonijiet tas‑16 ta’ Diċembru 2014 u tat‑8 ta’ Mejju 2015, annullat dawk id-deċiżjonijiet u bagħtet il-kawża T‑381/15 lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi dwar ir-rikors f’dik il-kawża, inkwantu kien intiż għall-kumpens għad-dannu allegatament imġarrab mill-appellant minħabba l-adozzjoni tad-deċiżjoni tat‑8 ta’ Mejju 2015.
22 Permezz ta’ ittra tas‑6 ta’ Mejju 2019, il-Kummissjoni stiednet lill-appellant, fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tas-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2019, biex jipproduċi ċerti dokumenti sabiex juri li kien jissodisfa effettivament ir-rekwiżiti meħtieġa sabiex ikun jista’ jaħdem magħha skont il-metodu tal-ġestjoni indiretta. Peress li l-appellant ma pproduċiex id-dokumenti mitluba, il-Kummissjoni, permezz ta’ ittra tat‑18 ta’ Lulju 2019, tenniet it-talba tagħha għall-produzzjoni ta’ dokumenti, billi indikat li, fil-każ ta’ rifjut tal-appellant, hija kienet ser tindirizza direttament lill-Istati li l-appellant kien iqis bħala l-membri tiegħu.
23 Fis‑26 ta’ Novembru 2019, il-Kummissjoni talbet lill-Istati li l-appellant kien iqis bħala l-membri tiegħu jekk kinux iqisu li l-appellant kien organizzazzjoni internazzjonali, jekk kinux membri ta’ din l-organizzazzjoni u jekk kinux iffirmaw ftehim internazzjonali jew intergovernattiv li jistabbilixxi lill-appellant bħala organizzazzjoni internazzjonali. Fil-każ li r-risposta tagħhom tkun fl-affermattiv, huma ntalbu jibagħtu lill-Kummissjoni kopja ċċertifikata ta’ dan il-ftehim kif ukoll il-prova li l-firmatarji tiegħu kellhom is-setgħat sħaħ biex jiffirmawh, jew kopja tal-istrument ta’ ratifika tal-imsemmi ftehim. Il-Kummissjoni tenniet din it-talba quddiem uħud minn dawn l-Istati, fis‑27 ta’ Jannar, fil‑11 ta’ Marzu, fil‑25 ta’ Mejju u fl‑14 ta’ Ottubru 2020.
24 Wara li informat lill-appellant, permezz ta’ ittra tad‑19 ta’ Frar 2021, li hija kellha l-intenzjoni li tadotta deċiżjoni li tirrifjuta li tirrikonoxxilu l-istatus ta’ organizzazzjoni internazzjonali, il-Kummissjoni stednitu jippreżenta osservazzjonijiet, li l-appellant għamel fil‑5 u fit‑30 ta’ Marzu 2021.
25 Fit‑8 ta’ Ġunju 2021, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kontenzjuża.
Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata
26 Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑18 ta’ Awwissu 2021, l-appellant ippreżenta rikors intiż, fl-ewwel lok, għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża u, fit-tieni lok, sabiex il-Kummissjoni tiġi kkundannata tħallsu, minn naħa, kumpens fl-ammont ta’ EUR 20 000 bħala kumpens għad-dannu li huwa allegatament ġarrab minħabba t-terminu irraġonevoli tal-proċedura ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża u, min-naħa l-oħra, kumpens fl-ammont ta’ EUR 23 651 903 bħala kumpens għad-danni finanzjarji u morali li huwa allegatament ġarrab minħabba l-illegalitajiet li jivvizzjaw id-deċiżjoni kontenzjuża, li ssostitwixxiet id-deċiżjonijiet tas‑16 ta’ Diċembru 2014 u tat‑8 ta’ Mejju 2015.
27 Preliminarjament, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod partikolari dwar l-ammissibbiltà tal-Annessi A.24 tar-rikors u C.1 tar-replika, li hija ddikjarat inammissibbli.
28 B’mod iktar partikolari, fir-rigward tal-Anness A.24 tar-rikors, li l-ammissibbiltà tiegħu kienet ġiet ikkontestata mill-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punti 45 u 46 tas-sentenza appellata, li dan l-anness kien jikkonsisti f’parir tas-servizz legali tal-Kummissjoni, li l-iżvelar tiegħu ma kienx ġie awtorizzat minn dik l-istituzzjoni u li ma kienx jirrigwarda proċedura leġiżlattiva li għaliha hija meħtieġa trasparenza ikbar. Il-Qorti Ġenerali żiedet li l-appellant ma kien invoka l-ebda interess ħlief dak li jkun jista’ jinvoka dan il-parir legali fil-kuntest tat-tilwima, b’tali mod li l-produzzjoni tiegħu ma jidhirx li kienet iggwidata minn interess pubbliku superjuri.
29 Mill-punti 58, 59, 92 u 190 tas-sentenza appellata jsegwi li, quddiem il-Qorti Ġenerali, l-appellant kien invoka erba’ motivi insostenn tat-talbiet tiegħu għal annullament. Skont il-Qorti Ġenerali, l-ewwel motiv kien maqsum fi tliet partijiet, ibbażati, l-ewwel waħda, fuq ksur tal-Artikolu 266 TFUE u tal-awtorità ta’ res judicata marbuta mas-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2019, it-tieni waħda, fuq ksur tar-regolamenti finanzjarji tal-Unjoni u tal-Linji Gwida tal-Kummissjoni tas‑7 ta’ Jannar 2015 dwar l-evalwazzjoni tal-istatus ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali u l-possibbiltà ta’ assimilazzjoni ta’ organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali, ta’ diversi żbalji ta’ liġi kif ukoll ta’ diversi prinċipji fosthom, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività, u, it-tielet waħda, fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza. It-tieni motiv kien ukoll maqsum fi tliet partijiet, ibbażati fuq ksur, rispettivament, tal-obbligu ta’ motivazzjoni, tal-obbligu ta’ diliġenza u tal-obbligu ta’ imparzjalità. It-tielet motiv kien ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali. Fl-aħħar nett, ir-raba’ motiv kien maqsum fi tliet partijiet ibbażati fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u fuq żbalji ta’ liġi li jirriżultaw, fir-rigward tal-ewwel parti, mill-fatt li l-Kummissjoni ma identifikatx b’mod korrett il-membri tal-appellant, fir-rigward tat-tieni parti, mill-fatt li hija rrifjutat li tikkwalifika l-istrument ta’ kostituzzjoni tal-appellant bħala ftehim internazzjonali li jistabbilixxi organizzazzjoni internazzjonali u, fir-rigward tat-tielet parti, mill-fatt li hija rrifjutat li tirrikonoxxi lill-appellant l-istatus ta’ organizzazzjoni internazzjonali minkejja l-prassi sussegwenti tal-membri tiegħu u r-rikonoxximent ta’ dan l-istatus mill-Unjoni u minn ċerti Stati terzi.
30 Il-Qorti Ġenerali eżaminat, qabelxejn, l-ewwel parti tat-tieni motiv, sussegwentement, l-ewwel sar-raba’ motiv u, fl-aħħar nett, it-tieni u t-tielet parti tat-tieni motiv. Hija kkunsidrat li dawn il-motivi, bħat-talbiet għal annullament tal-appellant, kellhom jiġu miċħuda.
31 B’mod partikolari, ir-raba’ motiv ġie eżaminat fil-punti 190 sa 370 tas-sentenza appellata. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali, fl-ewwel lok, esponiet, fil-punti 190 sa 213 tas-sentenza appellata, ċerti kunsiderazzjonijiet preliminari dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “organizzazzjoni internazzjonali” previst mir-regolamentazzjoni finanzjarja tal-Unjoni. Minn dan isegwi, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali qieset li l-kunċetti ta’ “organizzazzjoni internazzjonali” u ta’ “ftehim internazzjonali” koperti mir-regolamentazzjoni finanzjarja tal-Unjoni kellhom jiġu interpretati fid-dawl tar-regoli rilevanti tad-dritt internazzjonali, filwaqt li għandhom jiġu interpretati b’mod strett, sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.
32 Fit-tieni lok, fil-punti 215 sa 232 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat l-ewwel ilment tal-ewwel parti tar-raba’ motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-Kummissjoni inkwantu hija għamlet distinzjoni artifiċjali bejn l-Istati fundaturi tal-appellant, l-Istati kontribwenti u l-Istati li jipparteċipaw fil-korpi tal-appellant, jiġifieri fil-kumitat ta’ tmexxija u fil-Grupp Governattiv ta’ Appoġġ (iktar ’il quddiem il-“GSG”). F’dan ir-rigward, fil-punti 216 u 217 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat li mill-motivi tad-deċiżjoni kontenzjuża ma kienx jirriżulta li l-Kummissjoni kienet formalment għamlet tali distinzjoni.
33 Madankollu, fil-punti 218 sa 231 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali eżaminat l-ipoteżi li d-deċiżjoni kontenzjuża tista’ tiġi interpretata bħala li tagħmel distinzjoni bħal dik allegata mill-appellant. Wara analiżi tat-termini tad-dokument tal‑25 ta’ Novembru 1994 dwar l-istabbiliment ta’ IMG-IBH (iktar ’il quddiem ir-“riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994”), kif ukoll tal-istatus tal-appellant, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 230 tal-imsemmija sentenza, li kienu biss l-Istati u l-organizzazzjonijiet internazzjonali li kienu applikaw għall-adeżjoni mal-kumitat tat-tmexxija jew il-Kumitat Permanenti tal-appellant, li l-applikazzjoni tagħhom ma kinitx qajmet oġġezzjonijiet mill-membri ta’ dak il-korp deċiżjonali, u li kienu għadhom jagħmlu parti minnu fis‑16 ta’ Diċembru 2014 u, fejn applikabbli, lil hinn minn dakinhar, li kellhom jitqiesu bħala membri tal-appellant fid-data ta’ effett tad-deċiżjoni kontenzjuża. Abbażi ta’ din il-konstatazzjoni, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 231 u 232 tas-sentenza appellata, li l-appellant ma kienx fondat jikkritika lill-Kummissjoni li ma kkunsidratx ċerti Stati u ċerti organizzazzjonijiet internazzjonali bħala l-membri tiegħu jekk dawn l-Istati jew dawn l-organizzazzjonijiet ma kinux sedenti fi ħdan il-kumitat ta’ tmexxija tiegħu jew fi ħdan il-kumitat permanenti tiegħu mis‑16 ta’ Diċembru 2014 u li, għaldaqstant, l-ewwel ilment tal-ewwel parti tar-raba’ motiv kellu jiġi miċħud bħala infondat.
34 Fit-tielet lok, fil-punti 233 sa 248 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat it-tieni lment tal-ewwel parti tar-raba’ motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni, li jivvizzja l-interpretazzjoni tat-teħid ta’ pożizzjoni tal-awtoritajiet Belġjani u Awstrijaċi.
35 Minn naħa, fir-rigward tat-tweġiba tal-awtoritajiet Awstrijaċi, mill-punti 235 sa 239 tas-sentenza appellata jsegwi li l-Qorti Ġenerali, essenzjalment, qieset li l-Kummissjoni ma kinitx wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni ta’ din it-tweġiba, peress li hija kienet irriproduċietha b’mod fidil fid-deċiżjoni kontenzjuża, filwaqt li qieset li hija ma kinitx qiegħda tikkontesta l-konklużjonijiet li waslet għalihom dik id-deċiżjoni.
36 Min-naħa l-oħra, fir-rigward tat-tweġiba tal-awtoritajiet Belġjani, mill-punti 241 u 242 tas-sentenza appellata jsegwi li l-Qorti Ġenerali qieset li l-Kummissjoni rriproduċiet b’mod fidil, fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-kontenut ta’ din it-tweġiba. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument tal-appellant li r-Renju tal-Belġju kellu jitqies bħala wieħed mill-membri tiegħu. Għaldaqstant, fil-punt 248 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-tieni lment tal-ewwel parti tar-raba’ motiv.
37 Fir-raba’ lok, fil-punti 249 sa 257 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat it-tielet ilment tal-ewwel parti tar-raba’ motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni, inkwantu hija rrifjutat li tirrikonoxxi l-adeżjoni tal-Unjoni mal-appellant. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan l-ilment, minn naħa, għar-raġuni, bħalma jsegwi mill-punti 253 u 254 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kinitx għadha membru tal-kumitat ta’ tmexxija tal-appellant mill‑20 ta’ Mejju 2003 u li, konsegwentement, l-Unjoni ma tistax titqies bħala membru tal-appellant matul il-perijodu effettiv tad-deċiżjoni kontenzjuża. Min-naħa l-oħra, fil-punt 255 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li r-rikorrent ma kienx stabbilixxa, u lanqas biss sostna, li, fid-data ta’ effett tad-deċiżjoni kontenzjuża, kien jinkludi fost il-membri tiegħu organizzazzjoni internazzjonali oħra. Peress li l-ilmenti kollha invokati insostenn tal-ewwel parti tar-raba’ motiv tal-appellant ġew miċħuda, il-Qorti Ġenerali qieset li din il-parti kellha tiġi miċħuda fl-intier tagħha.
38 Fil-ħames lok, fil-punti 260 sa 303 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat l-ewwel ilment tat-tieni parti tar-raba’ motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi li jirriżultaw mir-rifjut tal-Kummissjoni li tikklassifika r-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994 bħala ftehim internazzjonali.
39 F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punti 273 u 274 tas-sentenza appellata, li din ir-riżoluzzjoni kienet tinkludi mill-inqas impenn legalment vinkolanti għall-firmatarji tagħha u li l-Kummissjoni kienet ivvizzjat id-deċiżjoni kontenzjuża bi żball ta’ liġi meta ħadet inkunsiderazzjoni l-pożizzjoni tar-Repubblika tal-Awstrija u tar-Repubblika tal-Finlandja, li skontha l-imsemmija riżoluzzjoni kienet tikkostitwixxi dikjarazzjoni politika nieqsa minn natura legalment vinkolanti.
40 Barra minn hekk, fil-punt 289 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li l-Kummissjoni kienet ivvizzjat id-deċiżjoni kontenzjuża bi żball ta’ liġi billi rrifjutat li tikklassifika r-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994 bħala ftehim internazzjonali minħabba l-assenza ta’ setgħat sħaħ tal-parteċipanti fil-laqgħa tal-istess jum li matulha ġiet adottata din ir-riżoluzzjoni, peress li l-iffirmar ta’ din ir-riżoluzzjoni ġie sussegwentement ikkonfermat minn mill-inqas żewġ Stati.
41 Barra minn hekk, fil-punti 295 u 299 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, essenzjalment, qieset li l-Kummissjoni ma kinitx wettqet żball ta’ liġi meta talbet lill-Istati Membri tal-appellant jippreċiżaw jekk kinux iffirmaw ir-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994 u, jekk ikun il-każ, jipproduċu eventwali strumenti ta’ firma jew ta’ ratifika ta’ din ir-riżoluzzjoni.
42 Fi tmiem l-eżami tagħha tal-ewwel ilment tat-tieni parti tar-raba’ motiv, il-Qorti Ġenerali, essenzjalment, qieset, fil-punti 302 u 303 tas-sentenza appellata, li l-iżbalji ta’ liġi tal-Kummissjoni msemmija fil-punti 39 u 40 ta’ din is-sentenza ma kinux, waħedhom, ta’ natura li jwasslu għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża. Fil-fatt, skont il-Qorti Ġenerali, kellu jiġi ddeterminat ukoll jekk l-appellant kienx twaqqaf permezz ta’ ftehim internazzjonali li kellu l-għan li jistabbilixxih bħala organizzazzjoni internazzjonali.
43 Fis-sitt lok, fil-punti 304 sa 319 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat it-tieni lment tat-tieni parti tar-raba’ motiv, ibbażat fuq żball ta’ interpretazzjoni fir-rigward tal-intenzjoni tal-firmatarji tar-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994 li jagħtu lill-appellant l-istatus ta’ organizzazzjoni internazzjonali. Wara analiżi tal-kliem, tal-għan u tal-kuntest ta’ din ir-riżoluzzjoni, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 319 ta’ dik is-sentenza, li l-Kummissjoni ma kinitx ivvizzjat bi żball id-deċiżjoni kontenzjuża, billi qieset li l-imsemmija riżoluzzjoni la kellha l-għan u lanqas l-effett li tagħti lill-appellant l-istatus ta’ organizzazzjoni internazzjonali. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali qieset li kien hemm lok li jiġu miċħuda bħala infondat it-tieni lment tat-tieni parti tar-raba’ motiv tar-rikors tal-appellant u, konsegwentement, bħala infondata din il-parti kollha kemm hi.
44 Fis-seba’ lok, fil-punti 321 sa 347 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat l-ewwel ilment tat-tielet parti tar-raba’ motiv tar-rikors tal-appellant, ibbażat fuq żball ta’ liġi fir-rigward tal-prassi sussegwenti tal-firmatarji tar-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994 li tikkonferma rikonoxximent suffiċjentement wiesa’ u ċar tal-istatus ta’ organizzazzjoni internazzjonali tiegħu.
45 F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 329 tas-sentenza appellata, li, konformement mas-sentenza tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja, Whaling in the Antarctic (L‑Awstralja vs Il‑Ġappun; New Zealand (intervenjent)) tal‑31 ta’ Marzu 2014 (Ġabra tal-QIĠ 2014, p. 226), it-turija tal-fatt li ftehimiet sussegwenti jew prassi sussegwenti tal-firmatarji tar-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994 immodifikaw l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din ir-riżoluzzjoni bil-ħsieb li l-appellant jingħata l-istatus ta’ organizzazzjoni internazzjonali kienet suġġetta għall-kundizzjoni li l-firmatarji kollha ta’ din ir-riżoluzzjoni jew, tal-inqas, il-membri kollha tal-appellant ikunu approvaw tali modifika.
46 Il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 330 tas-sentenza appellata, minn naħa, li l-istatuti tal-appellant adottati fl‑10 ta’ Marzu 1995 (iktar ’il quddiem l-“istatuti inizjali”) tawh il-personalità ġuridika u pprevedew li parti mill-persunal tiegħu tibbenefika minn immunitajiet u, min-naħa l-oħra, li l-Artikolu 1 tal-istatuti tal-appellant adottati fl‑2012 (iktar ’il quddiem l-“Istatuti tal‑2012”) ikklassifikah bħala organizzazzjoni internazzjonali. Madankollu, fil-punt 331 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-appellant ma kienx stabbilixxa li dawn iż-żewġ statuti kienu jirriflettu r-rieda tal-firmatarji kollha tar-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994 jew, tal-inqas, tal-membri tiegħu, li jagħtuh l-istatus ta’ organizzazzjoni internazzjonali. Il-Qorti Ġenerali esponiet il-motivi li jiġġustifikaw din il-konstatazzjoni fil-punti 332 sa 345 tas-sentenza appellata. Għaldaqstant, hija kkonkludiet, fil-punti 346 u 347 ta’ dik is-sentenza, li l-Kummissjoni ma kinitx wettqet żball ta’ liġi meta qieset li l-prassi sussegwenti għall-adozzjoni tar-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994, imbagħad għall-adozzjoni tal-istatuti inizjali u tal-Istatuti tal‑2012 tal-appellant, ma kinitx turi rikonoxximent suffiċjentement wiesa’ u ċar tal-istatus ta’ organizzazzjoni internazzjonali tiegħu u li, konsegwentement, l-ewwel ilment tat-tielet parti tar-raba’ motiv kellu jiġi miċħud bħala infondat.
47 Fit-tmien lok, fil-punti 348 sa 365 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat u ċaħdet it-tieni lment tat-tielet parti tar-raba’ motiv tar-rikors tal-appellant, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi inkwantu l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni r-rikonoxximent tal-istatus ta’ organizzazzjoni internazzjonali li minnu bbenefika l-appellant min-naħa tal-Unjoni u ta’ ċerti Stati.
48 F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali, minn naħa, fil-punti 349 sa 359 tas-sentenza appellata, eżaminat u ċaħdet l-argument tal-appellant li l-konklużjoni ta’ ftehimiet bejnu u l-Kummissjoni taħt ġestjoni konġunta jew indiretta kienet timplika neċessarjament għal dik l-istituzzjoni l-obbligu li tirrikonoxxi l-istatus tiegħu ta’ organizzazzjoni internazzjonali.
49 Min-naħa l-oħra, fil-punti 360 sa 365 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat u ċaħdet l-argument tal-appellant ibbażat fuq żball ta’ liġi inkwantu l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-ftehimiet dwar is-sede konklużi mill-appellant. Bħalma jsegwi mill-punt 364 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-fatt li Stati li ma aderixxewx għall-ftehim kostituttiv ta’ organizzazzjoni u li ma humiex, jew ma għadhomx, membri jikkunsidrawha bħala organizzazzjoni internazzjonali ma jobbligax lill-Kummissjoni tirrikonoxxi lil din l-organizzazzjoni l-istatus ta’ organizzazzjoni internazzjonali.
50 Fid-disa’ lok, fil-punti 366 sa 370 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat u ċaħdet it-tielet ilment tat-tielet parti tar-raba’ motiv tar-rikors tal-appellant ibbażat fuq żball ta’ liġi inkwantu l-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-membri tal-appellant ma kinux xoljewh u l-fatt li kien jissodisfa l-prinċipju ta’ speċjalità. Il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet, fil-punt 367 ta’ dik is-sentenza, li l-firmatarji tar-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994 li aderixxew mal-appellant kellhom l-intenzjoni, fiż-żmien tal-adozzjoni tal-istatuti tal-appellant tas-sena 2008 kif ukoll tal-Istatuti tal‑2012, li jipprovduh b’ċerta stabbiltà u li jafdawlu kompiti speċjalizzati fl-oqsma tar-rikostruzzjoni u tal-iżvilupp, lil hinn mit-territorju tal-Bosnja-Ħerzegovina. Madankollu, hija qieset, fil-punti 368 u 369 tal-imsemmija sentenza li, inkwantu la l-firmatarji tar-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994 u lanqas il-membri tal-appellant ma wrew intenzjoni unanima jew, tal-inqas, maġġoritarja, li jagħtuh l-istatus ta’ organizzazzjoni internazzjonali, il-fatt li l-appellant ma kienx ġie xolt ma kellux effett fuq il-legalità tad-deċiżjoni kontenzjuża. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-tielet ilment tat-tielet parti tar-raba’ motiv kif ukoll, konsegwentement, din il-parti u dan il-motiv fl-intier tagħhom.
51 It-talbiet għal kumpens tal-appellant ġew eżaminati fil-punti 418 sa 447 tas-sentenza appellata. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 418 ta’ dik is-sentenza, li l-appellant kellu żewġ kapijiet ta’ dannu li għalihom huwa kien qiegħed jitlob, rispettivament, kumpens fl-ammont ta’ EUR 20 000 minħabba t-terminu allegatament irraġonevoli li jikkaratterizza l-proċedura ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża u kumpens fl-ammont ta’ EUR 23 651 903 bħala kumpens għad-danni finanzjarji u morali li huwa kien qiegħed jattribwixxi għall-illegalitajiet li jivvizzjaw id-deċiżjoni kontenzjuża, li ssostitwixxiet id-deċiżjonijiet tas‑16 ta’ Diċembru 2014 u tat‑8 ta’ Mejju 2015.
52 L-ewwel kap tad-dannu, li ġie eżaminat fil-punti 429 sa 442 tas-sentenza appellata, ġie miċħud għar-raġunijiet, kif jirriżultaw mill-punti 440 sa 442 ta’ dik is-sentenza, li t-terminu meħud mill-Kummissjoni sabiex tfassal u tadotta d-deċiżjoni kontenzjuża ma kienx ta’ natura irraġonevoli u li l-appellant ma kienx stabbilixxa l-eżistenza ta’ dannu materjali jew morali li jirriżulta mill-illegalità allegata.
53 It-tieni kap tad-dannu, li ġie eżaminat fil-punti 443 sa 447 tas-sentenza appellata, ġie miċħud għar-raġunijiet, kif jirriżultaw mill-punti 444 u 446 ta’ dik is-sentenza, li t-talbiet intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża kienu ġew miċħuda, b’tali mod li l-kundizzjoni għall-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, relatata mal-eżistenza ta’ ksur ta’ dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi, ma kinitx issodisfatta u li, barra minn hekk, l-appellant ma kienx invoka, insostenn ta’ dan it-tieni kap ta’ dannu, kapijiet ta’ illegalità li kienu differenti minn dawk invokati insostenn tat-talbiet tiegħu għal annullament.
54 Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tal-appellant fl-intier tiegħu.
It-talbiet tal-partijiet
55 L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata, tiddeċiedi hija stess dwar ir-rikors tiegħu u tilqgħu kif ukoll tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kemm tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali kif ukoll ta’ dik quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
56 Il-Kummissjoni Ewropea titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tikkundanna lill-appellant għall-ispejjeż.
Fuq l-appell
57 Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant jinvoka seba’ aggravji. L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 266 TFUE, tal-obbligu tal-Qorti Ġenerali li timmotiva s-sentenzi tagħha, tal-projbizzjoni li tiddeċiedi ultra petita u tal-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività, kif ukoll fuq l-iżnaturament tal-provi tal-proċess. It-tieni aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-awtorità ta’ res judicata kif ukoll tal-obbligu ta’ motivazzjoni. It-tielet aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza u tad-drittijiet tad-difiża. Ir-raba’ aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Il-ħames aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi, inkwantu l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-raba’ motiv tar-rikors tal-appellant. Is-sitt aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, tad-dmir ta’ diliġenza kif ukoll tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Fl-aħħar nett, is-seba’ aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipji tal-kontradittorju u tal-opportunitajiet ugwali għall-partijiet.
Fuq is-seba’ aggravju
L-argumenti tal-partijiet
58 Permezz tas-seba’ aggravju, li għandu jiġi eżaminat fl-ewwel lok, l-appellant jikkontesta l-motivi li jinsabu fil-punti 38 sa 47 tas-sentenza appellata sabiex jiġġustifikaw id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li tiddikjara inammissibbli l-Anness A.24 tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali.
59 Fl-ewwel lok, huwa jsostni li hija l-Qorti Ġenerali stess li, waqt is-seduta quddiemha, ħadet l-inizjattiva li tistaqsi lill-Kummissjoni jekk kinitx qiegħda topponi għaż-żamma ta’ dan l-anness fil-proċess. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali biddlet is-suġġett tal-kawża u ddeċidiet ultra petita.
60 Fit-tieni lok, l-appellant isostni li ċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża huma differenti minn dawk tal-kawża li tat lok għas-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2022, L‑Ungerija vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑156/21, EU:C:2022:97, punti 54 sa 56), li fuqha bbażat ruħha l-Qorti Ġenerali. Il-parir tas-servizz legali tal-Kummissjoni li jinsab fl-Anness A.24 tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali jinsab fid-dominju pubbliku wara żvelar fl-istampa. Minn dan isegwi, skont l-appellant, li dan il-parir, min-natura tiegħu u mill-kundizzjonijiet tal-iżvelar tiegħu, la jippreġudika l-kunfidenzjalità u lanqas interess pubbliku superjuri. Barra minn hekk, l-imsemmi parir jikkostitwixxi dokument determinanti, li jirrigwarda esklużivament il-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali.
61 Fit-tielet lok, l-appellant jinvoka “l-prinċipju tal-opportunitajiet ugwali għall-partijiet fi smigħ xieraq”, li jimplika, skont hu, l-obbligu li kull parti tiġi offruta possibbiltà raġonevoli li tippreżenta l-kawża tagħha, inkluż il-provi tagħha, f’kundizzjonijiet li ma jpoġġuhiex f’sitwazzjoni ta’ “żvantaġġ nett” meta mqabbla mal-avversarju tagħha. L-appellant iqis, għaldaqstant, li l-Qorti Ġenerali kellha żżomm l-Anness A.24 tar-rikors fil-proċess u li hija wettqet żball ta’ liġi meta ddikjaratu inammissibbli.
62 Il-Kummissjoni tqis li s-seba’ aggravju għandu jiġi miċħud.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
63 Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argument tal-appellant, li jgħid li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet ultra petita, billi ddeċidiet li tirtira l-Anness A.24 tar-rikors mill-proċess, mill-punt 38 tas-sentenza appellata jsegwi li, waqt is-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni kienet qajmet l-inammissibbiltà ta’ dan l-anness, inkwantu dan kien jinkludi parir tas-servizz legali tagħha.
64 Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali ħadet id-deċiżjoni li teskludi l-imsemmi anness mill-proċess tal-kawża fuq talba tal-Kummissjoni u, għaldaqstant, ma tistax, fi kwalunkwe każ, tiġi kkritikata li ddeċidiet ultra petita. F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti li l-Kummissjoni qajmet l-inammissibbiltà tal-istess anness bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali.
65 Fit-tieni lok, kuntrarjament għal dak li jsostni, essenzjalment, l-appellant, fil-punti 45 u 46 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali għamlet applikazzjoni korretta tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2022, L‑Ungerija vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑156/21, EU:C:2022:97, punti 54 sa 56), li l-Qorti Ġenerali stess semmiet fil-punti 42 sa 44 tas-sentenza appellata.
66 Bħalma fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja, bħala prinċipju, il-fatt li jiġi aċċettat li appellant jista’ jippreżenta fil-proċess parir legali minn istituzzjoni li l-iżvelar tiegħu ma jkunx ġie awtorizzat minn din tal-aħħar jikser ir-rekwiżiti ta’ smigħ xieraq u jammonta għal evażjoni tal-proċedura biex jintalab aċċess għal tali dokument, stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2022, L‑Ungerija vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑156/21, EU:C:2022:97, punt 54 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
67 Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ trasparenza, stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 u fl-Artikolu 10(3) TUE kif ukoll fl-Artikolu 15(1) u fl-Artikolu 298(1) TFUE, li jippermetti, b’mod partikolari, li jiġu ggarantiti leġittimità, effiċjenza u responsabbiltà ikbar tal-amministrazzjoni lejn iċ-ċittadini f’sistema demokratika. Billi tippermetti li d-diverġenzi bejn diversi fehmiet jiġu diskussi fil-miftuħ, it-trasparenza tikkontribwixxi, barra minn hekk, sabiex tiżdied il-fiduċja ta’ dawn iċ-ċittadini (sentenza tas‑16 ta’ Frar 2022, L‑Ungerija vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑156/21, EU:C:2022:97, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).
68 Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li huwa biss f’każijiet eċċezzjonali li l-prinċipju ta’ trasparenza jista’ jiġġustifika żvelar fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja ta’ dokument ta’ istituzzjoni li ma jkunx sar aċċessibbli għall-pubbliku u li jinkludi parir legali. Għalhekk, iż-żamma, fil-proċess ta’ kawża, ta’ dokument li jinkludi parir legali ta’ istituzzjoni ma hija ġġustifikata minn ebda interess pubbliku superjuri meta, minn naħa, dan il-parir legali ma jirrigwardax proċedura leġiżlattiva li għaliha hija meħtieġa trasparenza ikbar u, min-naħa l-oħra, l-interess ta’ din iż-żamma jikkonsisti biss, għall-parti li tkun ipproduċietu, li tkun f’pożizzjoni li tinvoka l-imsemmi parir legali fil-kuntest ta’ tilwima. F’tali ċirkustanzi, il-produzzjoni ta’ tali parir legali tidher li hija ggwidata mill-interessi tal-appellant stess li jissostanzja l-argumenti tiegħu, u mhux minn xi interess pubbliku superjuri, bħal dak li ssir pubblika l-proċedura li wasslet għall-att ikkontestat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2022, L‑Ungerija vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑156/21, EU:C:2022:97, punt 56 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
69 F’dan il-każ, minn naħa, fil-punt 45 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, mingħajr ma ġiet kontradetta mill-appellant, li l-parir legali li jinsab fl-Anness A.24 tar-rikors ma kienx jirrigwarda proċedura leġiżlattiva li għaliha hija meħtieġa trasparenza ikbar.
70 Min-naħa l-oħra, fil-punt 46 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-appellant ma kien invoka l-ebda interess ħlief dak li jkun jista’ jinvoka dan il-parir legali fil-kuntest tat-tilwima quddiem il-Qorti Ġenerali, b’tali mod li l-produzzjoni tiegħu ma jidhirx li kienet iggwidata minn interess pubbliku superjuri, iżda mill-interessi rispettivi tal-appellant.
71 Issa, dawn iċ-ċirkustanzi, kif ikkonstatati mill-Qorti Ġenerali, ma kinux ta’ natura li jiġġustifikaw, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 66 sa 68 ta’ din is-sentenza, iż-żamma tal-Anness A.24 tar-rikors fil-proċess tal-kawża.
72 Fit-tielet lok, fir-rigward tal-allegat ksur tal-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, għandu jiġi kkonstatat li l-appellant ma ppreċiżax b’liema mod il-Qorti Ġenerali kisret dan il-prinċipju, peress li mis-sentenza appellata ma jsegwix, u l-appellant ma jallegax, li l-Qorti Ġenerali ppermettiet lill-Kummissjoni tinvoka dokumenti kunfidenzjali, li kellhom jiġu rtirati mill-proċess.
73 F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi inkwantu ddikjarat inammissibbli l-Anness A.24 tar-rikors, b’tali mod li s-seba’ aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.
Fuq il-ħames aggravju
74 Permezz tal-ħames aggravju, li għandu jiġi eżaminat fit-tieni lok, l-appellant jikkontesta l-motivi esposti fil-punti 197 sa 370 tas-sentenza appellata sabiex jiġġustifika ċ-ċaħda tar-raba’ aggravju tar-rikors tiegħu. Dan l-aggravju huwa maqsum f’erba’ partijiet.
L-argumenti tal-partijiet
75 Permezz tal-ewwel parti tal-ħames aggravju, l-appellant isostni li d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “organizzazzjoni internazzjonali” li bbażat ruħha fuqha l-Qorti Ġenerali hija żbaljata. Huwa jsostni li l-ġurisprudenza tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja, iċċitata fil-punti 206 u 208 tas-sentenza appellata, ma hijiex rilevanti u li, fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali wettqet qari żbaljat tagħha.
76 Permezz tat-tieni parti tal-ħames aggravju, l-appellant jikkontesta l-punti 218 sa 232 u 235 sa 248 tas-sentenza appellata.
77 Fir-rigward tal-punti 218 sa 232 ta’ dik is-sentenza, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali ma fehmitx korrettament il-portata tal-ewwel ilment tal-ewwel parti tar-raba’ motiv tar-rikors tiegħu, ibbażat fuq l-assenza ta’ distinzjoni ċara, fid-deċiżjoni kontenzjuża, bejn l-Istati fundaturi tal-appellant u l-Istati donaturi tiegħu. Huwa jsostni, f’dan ir-rigward, li l-Istati li ffirmaw ir-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994 huma l-membri tiegħu u jikkostitwixxu, skont l-istatuti inizjali, il-GSG. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali kienet żbaljata meta ċaħdet, fil-punt 222 tas-sentenza appellata, l-argument li s-sempliċi fatt li Stat jew organizzazzjoni internazzjonali kienu membri tal-GSG u li, bl-iffirmar tar-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994, kienu pparteċipaw fit-twaqqif tal-appellant, jagħmel lil dak l-Istat jew lil dik l-organizzazzjoni waħda mill-membri tal-appellant.
78 Fir-rigward tal-punti 235 sa 248 tas-sentenza appellata, l-appellant isostni, l-ewwel, li dawn jirrigwardaw ilment imressaq fil-kuntest mhux tar-raba’ motiv iżda tat-tieni motiv tar-rikors tiegħu, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tad-dmir ta’ diliġenza.
79 It-tieni, huwa jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli kkonfermat, fil-punti 235 sa 239 tas-sentenza appellata, l-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tat-tweġiba tal-awtoritajiet Awstrijaċi, mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li r-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994 kienet tikkostitwixxi ftehim internazzjonali, aspett li l-Qorti Ġenerali stess irrikonoxxiet.
80 It-tielet, l-appellant iqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, inkwantu qieset, fil-punt 246 tas-sentenza appellata, li l-parteċipazzjoni tar-Renju tal-Belġju fil-ħolqien tal-appellant u fil-laqgħat tal-korpi tiegħu sas-sena 2013 kienet irrilevanti, peress li l-kwalità bħala membru tal-appellant ta’ dan l-Istat, tista’ tiġi evalwata biss fid-data tas‑16 ta’ Diċembru 2014. Issa, skont l-appellant, il-kriterji oġġettivi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-klassifikazzjoni ta’ entità bħala “organizzazzjoni internazzjonali” ma jinkludux il-fatt, għal Stat, li jikkunsidra ruħu membru ta’ din l-organizzazzjoni. L-appellant iżid li r-Renju tal-Belġju stess ikklassifika lill-appellant bħala organizzazzjoni internazzjonali kkostitwita minn ftehim internazzjonali.
81 Permezz tat-tielet parti, l-appellant isostni, fl-ewwel lok, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi inkwantu evalwat b’mod distint, fil-punti 258, 260 u 321 sa 347 tas-sentenza appellata, ir-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994 u l-istatuti inizjali, filwaqt li jikkostitwixxu “ġabra konvenzjonali”. L-appellant iżid li l-istatuti tal‑2012 huma rilevanti wkoll, bħala prova ta’ prattika sussegwenti tal-firmatarji tar-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994 li tikkonferma rikonoxximent suffiċjentement wiesa’ u ċar tal-istatus tiegħu ta’ organizzazzjoni internazzjonali, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punti 322 sa 346 tas-sentenza appellata.
82 Minn dan isegwi, skont l-appellant, li l-motivi tas-sentenza appellata huma vvizzjati bi żball ta’ liġi, inkwantu l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, l-ewwel, li l-partijiet kollha fi ftehim internazzjonali għandhom ikunu kkontribwixxew għal prattika sussegwenti sabiex din il-prattika tkun tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni għall-interpretazzjoni ta’ dan il-ftehim, it-tieni, li l-membri kollha tal-appellant kellhom japprovaw emenda tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994 minħabba prattika sussegwenti għaliha li tikkonferma rikonoxximent suffiċjentement wiesa’ u ċar tal-istatus ta’ organizzazzjoni internazzjonali tal-appellant u, it-tielet, li l-appellant kellu jistabbilixxi li l-istatuti inizjali jew l-istatuti tal‑2012 kienu jirriflettu r-rieda tal-firmatarji kollha ta’ din ir-riżoluzzjoni.
83 Fit-tieni lok, l-appellant isostni li l-motivi esposti fil-punti 285 u 286 tas-sentenza appellata, dwar ir-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994, jirriżultaw minn evalwazzjoni żbaljata taċ-ċirkustanzi tal-adozzjoni ta’ din ir-riżoluzzjoni. Bħalma jsegwi mid-dokumenti prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali, din ir-riżoluzzjoni ġiet approvata u ffirmata mir-rappreżentanti tal-Istati li pparteċipaw fil-laqgħa tal-istess jum kif ukoll mill-Kummissjoni.
84 Fit-tielet lok, l-appellant isostni li l-punti 291 sa 300 tas-sentenza appellata huma vvizzjati bi żball ta’ liġi, inkwantu l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li, konformement mal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, l-Istati jistgħu jesprimu r-rieda tagħhom li jkunu marbuta bi ftehim internazzjonali b’diversi modi. Skont l-appellant, ir-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994 kienet “ftehim f’forma ssemplifikata”, li huwa forma ta’ ftehim irrikonoxxut fid-dritt internazzjonali.
85 Fir-raba’ lok, l-appellant isostni li l-motivi esposti fil-punti 306 sa 319 tas-sentenza appellata huma vvizzjati bi żball ta’ liġi, inkwantu l-Qorti Ġenerali, li wriet formaliżmu eċċessiv, qieset li r-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994 ma stabbilixxietx lill-appellant bħala organizzazzjoni internazzjonali.
86 L-appellant josserva, f’dan ir-rigward, li mill-minuti tal-laqgħa li matulha ġiet adottata din ir-riżoluzzjoni jirriżulta li huwa “entità indipendenti”. Barra minn hekk, l-Artikolu 19 tal-Istatuti inizjali jipprevedi li l-appellant seta’ jibbenefika minn immunitajiet fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-attivitajiet tiegħu, filwaqt li l-istatuti tal‑2012 kienu jirrikonoxxu espressament lir-rikorrent l-istatus ta’ organizzazzjoni internazzjonali.
87 Barra minn hekk, bħalma jsegwi mill-punt 310 tas-sentenza appellata, ir-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994 tipprevedi, fil-punt 3 tagħha, li l-kumitat ta’ tmexxija tal-appellant kellu jevalwa mill-ġdid kull sitt xhur in-neċessità li tinżamm l-attività tiegħu, li jikkontradixxi l-kunsiderazzjoni li l-firmatarji tar-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994 ma kinux taw lill-appellant garanziji aħjar ta’ effikaċja għall-eżerċizzju tal-kompiti tiegħu. Din ir-riżoluzzjoni attribwixxiet ukoll lill-appellant “kompetenzi funzjonali”, taħt il-kontroll tal-membri tiegħu, li jfisser li l-appellant kien jissodisfa l-prinċipju ta’ speċjalità, kif irrikonoxxiet il-Qorti Ġenerali stess fil-punt 369 tas-sentenza appellata.
88 Permezz tar-raba’ parti, l-appellant jikkontesta l-punti 321 sa 370 tas-sentenza appellata. Fl-ewwel lok, huwa jsostni li, kuntrarjament għal dak li qieset il-Qorti Ġenerali fil-punt 328 tas-sentenza appellata, huwa fondat li jinvoka l-Artikolu 32 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, peress li l-Kummissjoni rrikonoxxietu matul is-snin bħala organizzazzjoni internazzjonali u rrikorriet għas-servizzi tiegħu, qabel ma f’daqqa waħda kkunsidrat li ma kienx għadu tali organizzazzjoni.
89 Fit-tieni lok, huwa jikkritika lill-Qorti Ġenerali bi żnaturament tal-elementi tal-proċess, inkwantu affermat, fil-punt 335 tas-sentenza appellata, li, waqt is-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali, l-appellant kien sostna li l-istatuti tal‑2012 kienu ġew iffirmati mir-Repubblika Franċiża, mir-Repubblika Taljana, mir-Repubblika tal-Finlandja, mir-Renju tal-Iżvezja u mir-Renju tan-Norveġja. L-appellant jafferma li ma huwiex possibbli li huwa għamel tali dikjarazzjoni, peress li mill-proċess tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali jsegwi b’mod ċar li l-istatuti tal‑2012 kienu ġew iffirmati mill-President tal-kumitat ta’ tmexxija tal-appellant u approvati unanimament mill-parteċipanti kollha fil-laqgħa tas‑27 ta’ Novembru 2012 ta’ dan il-kumitat.
90 Fit-tielet lok, l-appellant isostni li, fil-punti 338 sa 341 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rreferiet għal dokumenti relatati mar-rapport tal-OLAF li l-Kummissjoni kienet espliċitament iddeċidiet li tinjora għall-finijiet tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża. B’hekk, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, billi bbażat ruħha fuq motivi li ma kinux jinsabu fid-deċiżjoni kontenzjuża.
91 Fir-raba’ lok, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali żnaturat l-ittra tar-Renju tal-Iżvezja tat‑2 ta’ Lulju 2020, billi affermat, fil-punt 339 tas-sentenza appellata, li dan l-Istat kien iqis li l-appellant ma kienx organizzazzjoni internazzjonali. Skont l-appellant, minn din l-ittra jsegwi li r-Renju tal-Iżvezja kien ibbaża ruħu fuq il-fatt li huwa ma kienx irratifika r-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994, filwaqt li tali ratifika ma hijiex neċessarja għall-kostituzzjoni ta’ organizzazzjoni internazzjonali.
92 Fil-ħames lok, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali kisret ukoll l-obbligu ta’ motivazzjoni billi naqset milli tispjega, fil-punt 340 tas-sentenza appellata, għal liema raġuni l-elementi tal-proċess li huwa kien invoka, dwar ir-Repubblika Taljana u r-Renju tan-Norveġja, kienu rrilevanti.
93 Fis-sitt lok, l-appellant jikkritika lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi fil-punt 351 tas-sentenza appellata, sa fejn qieset li l-appellant ma setax jinvoka l-Artikoli 27 u 46 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, li d-dispożizzjonijiet tagħhom ma humiex direttament applikabbli għall-Unjoni. Skont l-appellant, din il-konvenzjoni hija applikabbli għat-trattati li jikkostitwixxu organizzazzjonijiet internazzjonali u l-imsemmija artikoli jirriflettu l-użanza u l-prassi internazzjonali.
94 Huwa jżid li l-fatt li l-Kummissjoni ma kinitx sedenti fil-kumitat ta’ governanza tar-rikorrent mill‑20 ta’ Mejju 2003 huwa irrilevanti, inkwantu dik l-istituzzjoni ma esprimietx formalment ir-rieda tagħha li ma tibqax membru tal-appellant u, barra minn hekk, kompliet tikkoopera miegħu skont ir-regolamenti finanzjarji tal-Unjoni. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 356 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet, fid-data ta’ effett tad-deċiżjoni kontenzjuża, meħlusa minn kull obbligu li tirrikonoxxi lill-appellant l-istatus ta’ organizzazzjoni internazzjonali.
95 Barra minn hekk, l-appellant jikkritika lill-Qorti Ġenerali li bbażat ruħha, fil-punti 362 sa 365 tas-sentenza appellata, fuq interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ “rikonoxximent” fid-dritt internazzjonali u li tfixklitu mal-kunċett ta’ “ħolqien” ta’ organizzazzjoni internazzjonali. Din tal-aħħar tirriżulta minn qbil tal-intenzjonijiet tal-Istati. Min-naħa l-oħra, ir-rikonoxximent jirrendi infurzabbli kontra l-awtur tiegħu, b’mod partikolari, l-eżistenza ta’ suġġett tad-dritt, f’dan il-każ ta’ organizzazzjoni internazzjonali. Għaldaqstant l-appellant iqis li l-fatt li l-Kummissjoni kienet ikkonkludiet miegħu diversi kuntratti kien jikkostitwixxi att ta’ rikonoxximent, minn dik l-istituzzjoni, tal-istatus tiegħu ta’ organizzazzjoni internazzjonali.
96 L-appellant iqis, għaldaqstant, li analiżi oġġettiva tal-entità maħluqa mir-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994 u mill-istatuti inizjali li kkompletawha turi li organizzazzjoni internazzjonali kienet ġiet stabbilita u li din l-organizzazzjoni setgħet tiġi xolta biss permezz ta’ deċiżjoni adottata mill-korpi rispettivi tagħha jew mill-membri li ħolquha.
97 Bi tweġiba għall-ewwel parti, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi, fir-rigward tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “organizzazzjoni internazzjonali”. Il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 206 u 208 tas-sentenza appellata hija rilevanti sabiex tkun tista’ ssir distinzjoni bejn, minn naħa, strument internazzjonali mhux vinkolanti u, min-naħa l-oħra, ftehim internazzjonali, fis-sens tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, kif ukoll bejn, minn naħa, organizzazzjoni internazzjonali u, min-naħa l-oħra, organizzazzjoni oħra.
98 Fir-rigward tat-tieni parti, il-Kummissjoni ssostni, l-ewwel, li l-motivi li jinsabu fil-punti 215 sa 217 tas-sentenza appellata huma suffiċjenti sabiex jiġġustifikaw iċ-ċaħda tal-ewwel ilment tal-ewwel parti tar-raba’ motiv tar-rikors u ma humiex ivvizzjati bi żball ta’ liġi, b’tali mod li l-argument tal-appellant dirett kontra l-punti 218 sa 232 tas-sentenza appellata għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.
99 It-tieni, fir-rigward tal-argumenti tal-appellant dwar il-punti 235 sa 239 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet biss, fil-punt 238 tas-sentenza appellata, li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet tirriproduċi fedelment it-tweġiba tar-Repubblika tal-Awstrija għall-mistoqsijiet li kienet għamlitilha l-Kummissjoni.
100 It-tielet, fir-rigward tal-kritika magħmula mill-appellant fir-rigward tal-evalwazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, tat-tweġiba tar-Renju tal-Belġju għall-mistoqsijiet tal-Kummissjoni, din tal-aħħar tippreċiża li hija ma tqisx li l-iffirmar tar-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994 kien biżżejjed sabiex jittrasforma Stat f’membru permanenti tal-appellant, inkwantu din ir-riżoluzzjoni ma kienet timplika ebda obbligu ta’ kontribuzzjoni għall-baġit jew għall-operazzjonijiet tal-appellant. Għaldaqstant, ir-Renju tal-Belġju jista’ leġittimament ma jibqax jitqies bħala membru tal-appellant. Minn dan isegwi, skont il-Kummissjoni, li l-punt 246 tas-sentenza appellata ma huwiex ivvizzjat bi żball ta’ liġi.
101 Fir-rigward tat-tielet parti, il-Kummissjoni twieġeb lill-appellant li l-Qorti Ġenerali eżaminat il-kwistjoni dwar jekk l-istatuti tiegħu tawhx l-istatus ta’ organizzazzjoni internazzjonali, billi bbażat ruħha fuq ġurisprudenza rilevanti. Fir-rigward tal-argument tal-appellant dwar il-punti 285 u 286 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni tirrileva li l-Qorti Ġenerali, f’dawn il-punti, sempliċement ikkonstatat li r-rappreżentanti tal-Istati kkonċernati ma kinux jibbenefikaw minn eżenzjoni mis-setgħat sħaħ sabiex jinnotifikaw il-kunsens tal-Istat tagħhom għall-adozzjoni tar-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994. Minkejja din il-konstatazzjoni, il-Qorti Ġenerali qieset li din ir-riżoluzzjoni tikkostitwixxi ftehim internazzjonali, b’tali mod li dan l-argument tal-appellant huwa ineffettiv. Il-Kummissjoni żżid li, għalkemm hija ma ppreżentatx appell inċidentali mis-sentenza appellata sabiex tikkontesta din l-aħħar evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali, hija tibqa’ “xettika” fir-rigward tal-motivi li fuqhom hija bbażata, kif esposti fil-punti 276 sa 289 tas-sentenza appellata.
102 Fir-rigward tal-kritika tal-appellant kontra l-motivi esposti fil-punti 291 sa 300 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni tosserva li l-appellant ma jippreċiżax liema hija r-regola proċedurali jew sostantiva li allegatament inkisret mill-Qorti Ġenerali. Il-Kummissjoni tfakkar li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat, ġustament, li hija kienet fondata tistaqsi lill-Istati allegatament membri tal-appellant dwar il-kwistjoni jekk huma kinux iffirmaw ir-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994 u li tistedinhom jipproduċu l-eventwali strumenti ta’ firma jew ta’ ratifika. Fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali qieset li din ir-riżoluzzjoni tikkostitwixxi ftehim internazzjonali, b’tali mod li l-argumenti tal-appellant diretti kontra din il-parti tas-sentenza appellata huma ineffettivi.
103 Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument tal-appellant dwar il-punti 306 sa 319 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni tafferma li l-kundizzjoni tar-rikonoxximent ta’ entità bħala organizzazzjoni internazzjonali, marbuta mal-għoti lil din l-entità tal-mezzi kollha neċessarji għall-funzjonament tagħha kif ukoll mal-aħjar garanziji ta’ stabbiltà, ta’ kontinwità u ta’ effettività sabiex teżerċita l-kompiti tagħha, tirriżulta b’mod ċar mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 212 tas-sentenza appellata. Il-Kummissjoni żżid tgħid li mit-test tar-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994, b’mod partikolari mill-punti 4 u 5 tagħha, jirriżulta b’mod ċar li l-parteċipazzjoni fl-appellant kienet fuq bażi fakultattiva u li dan tal-aħħar inizjalment kien jikkostitwixxi mekkaniżmu temporanju, li kellu jiġġedded kull sitt xhur.
104 Bi tweġiba għar-raba’ parti, il-Kummissjoni tippreċiża, fl-ewwel lok, li, fil-punt 335 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat il-kwistjoni dwar jekk l-istatuti inizjali kinux ġew adottati mill-partijiet kollha li adottaw ir-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994 jew, tal-inqas, mill-membri kollha tal-appellant.
105 Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ssostni li l-punti 338 sa 341 tas-sentenza appellata jipprevedu s-sitwazzjoni ipotetika fejn l-appellant kellu biss ħames membri, li adottaw l-istatuti tal‑2012. L-appellant stess jikkontradixxi din l-ipoteżi fl-appell tiegħu. Il-Kummissjoni żżid li, fid-dawl tar-risposti ta’ Stati differenti, miġbura fil-qosor fil-punt 340 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ġustament ikkunsidrat, fil-punt 341 ta’ dik is-sentenza, li mill-proċess tal-kawża ma jirriżultax li l-klawżola tal-istatut tal‑2012, li tipprovdi li l-appellant huwa organizzazzjoni internazzjonali, tirrifletti r-rieda ċara u inekwivoka ta’ dawn l-Istati li jagħtu lill-appellant tali kwalità.
106 Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argumenti tal-appellant dwar il-punti 339, 340 u 351 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni tqis li l-Qorti Ġenerali esponiet b’mod suffiċjenti fid-dritt il-motivi li għalihom hija ċaħdet l-argument tal-appellant u li ma wettqitx żball ta’ liġi.
107 Fir-raba’ u l-aħħar lok, fir-rigward tal-kritika tal-appellant dwar il-punti 362 sa 365 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni ssostni li ma jistax jiġi aċċettat li, meta l-partijiet fi ftehim internazzjonali ma kellhomx l-intenzjoni li jistabbilixxu organizzazzjoni internazzjonali permezz ta’ dan il-ftehim, ir-rikonoxximent tal-istatus ta’ organizzazzjoni internazzjonali tal-entità maħluqa mill-imsemmi ftehim jista’ jirriżulta mill-fatt li hija ġiet irrikonoxxuta bħala tali organizzazzjoni minn terzi. Il-Kummissjoni tqis, għaldaqstant, li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ċaħdet l-argumenti tal-appellant ibbażati fuq l-allegat rikonoxximent tiegħu bħala organizzazzjoni internazzjonali.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
108 Hemm lok li jiġu eżaminati flimkien il-partijiet tal-ħames aggravju li jirrigwardaw il-punti 190 sa 370 tas-sentenza appellata. F’dawn il-punti, il-Qorti Ġenerali eżaminat u ċaħdet ir-raba’ motiv tar-rikors tal-appellant, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi u fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, inkwantu l-Kummissjoni ma kinitx identifikat b’mod korrett il-membri tal-appellant, kienet irrifjutat li tikklassifika l-att kostituttiv tal-appellant bħala ftehim internazzjonali li jistabbilixxi organizzazzjoni internazzjonali u ma kinitx ħadet inkunsiderazzjoni l-prattika sussegwenti tal-membri tal-appellant kif ukoll ir-rikonoxximent ta’ dan tal-aħħar bħala organizzazzjoni internazzjonali mill-Unjoni u minn ċerti Stati terzi.
109 Kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 92 tas-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2019, il-kunċett ta’ “organizzazzjoni internazzjonali”, imsemmi fl-Artikoli 53 u 53d tar-Regolament Finanzjarju tal‑2002 u fl-Artikolu 58 tar-Regolament Finanzjarju tal‑2012 ġie ddefinit, fl-istess termini, fl-Artikolu 43(2) tar-Regolament Finanzjarju ta’ Implimentazzjoni tal‑2002, u sussegwentement fl-Artikolu 43(1) tar-Regolament Finanzjarju Delegat tal‑2012. Skont dawn l-aħħar żewġ dispożizzjonijiet, dan il-kunċett jinkludi, fost l-oħrajn, “organizzazzjonijiet internazzjonali tas-settur pubbliku [tad-dritt internazzjonali pubbliku] mwaqqfa permezz ta’ ftehimiet intergovernattivi, u aġenziji speċjalizzati mwaqqfa minn dawn l-organizzazzjonijiet”.
110 Huwa fid-dawl ta’ din id-definizzjoni li l-Qorti Ġenerali kellha tistħarreġ il-legalità tad-deċiżjoni kontenzjuża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2019, punt 93).
111 Mill-punti 197 sa 199 tas-sentenza appellata jsegwi li l-Qorti Ġenerali ma kinitx injorat li hija kienet obbligata tibbaża ruħha fuq l-imsemmija definizzjoni, sabiex tiddetermina jekk il-Kummissjoni kinitx ġustament qieset, fid-deċiżjoni kontenzjuża, li l-appellant ma kienx organizzazzjoni internazzjonali.
112 Madankollu, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 200 tas-sentenza appellata, li l-kunċett ta’ “organizzazzjoni internazzjonali” għandu jiġi interpretat b’mod strett, għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regolamentazzjoni finanzjarja tal-Unjoni.
113 Fil-fatt, bħalma rrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 72 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kunċett ta’ “organizzazzjoni internazzjonali” għandu jiġi interpretat bl-istess mod irrispettivament mill-kuntest li fih jintuża. Li jiġi aċċettat il-kuntrarju jkun jikkostitwixxi inċertezza legali, sa fejn l-istess entità tista’, skont il-kuntest, xi drabi tiġi rrikonoxxuta bħala organizzazzjoni internazzjonali, kultant tiġi rrifjutata tali kwalità.
114 Fit-tieni lok, mill-punti 274, 289 u 301 tas-sentenza appellata jsegwi li l-Qorti Ġenerali qieset li r-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994 kienet tikkostitwixxi ftehim internazzjonali u li, billi qieset, fid-deċiżjoni kontenzjuża, li dan ma kienx il-każ, il-Kummissjoni kienet ivvizzjat dik id-deċiżjoni bi żball ta’ liġi. Għalkemm il-Kummissjoni tindika li hija “xettika” fir-rigward ta’ din il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali, hija ma ressqet ebda argument speċifiku li jista’ jikkontestaha, u lanqas ma ppreżentat appell inċidentali sabiex tikkontesta din il-parti tas-sentenza appellata.
115 F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandhom jiġu miċħuda, bħala ineffettivi, l-argumenti tal-appellant diretti kontra l-punti 259 sa 300 tas-sentenza appellata. Fil-fatt, ir-raġunament żviluppat f’din il-parti tas-sentenza appellata wassal lill-Qorti Ġenerali sabiex tikkunsidra, fil-punti 274, 289 u 301 ta’ dik is-sentenza, li, kif sostna l-appellant, id-deċiżjoni kontenzjuża kienet ivvizzjata bi żball ta’ liġi, sa fejn il-Kummissjoni kienet qieset li r-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994 ma kinitx ftehim internazzjonali. Għaldaqstant, l-iżbalji ta’ liġi invokati mill-appellant li jivvizzjaw l-imsemmija parti tas-sentenza appellata, anki jekk jitqiesu stabbiliti, ma pprekludewx lill-Qorti Ġenerali milli tasal għal riżultat favorevoli għall-appellant.
116 Fit-tielet lok, għandu jiġi eżaminat l-ilment ibbażat fuq il-“formaliżmu eċċessiv” waqt l-evalwazzjoni tat-termini tar-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994, li permezz tiegħu l-appellant jikkritika, essenzjalment, lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi li jikkonsisti fil-klassifikazzjoni ġuridika żbaljata tal-għan u tal-effetti ta’ din ir-riżoluzzjoni.
117 F’dan ir-rigward, mill-punt 305 tas-sentenza appellata jsegwi li l-Qorti Ġenerali qieset, mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi, li, peress li hija ftehim internazzjonali, l-imsemmija riżoluzzjoni kellha, konformement mar-regoli tad-dritt internazzjonali konswetudinarju riflessi mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna li, bħala tali, jorbtu lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u jagħmlu parti mill-ordinament ġuridiku ta’ din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, Western Sahara Campaign UK, C‑266/16, EU:C:2018:118, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata), tiġi interpretata in bona fide, skont is-sens ordinarju li għandu jingħata lit-termini ta’ din ir-riżoluzzjoni fil-kuntest tagħhom u fid-dawl tal-għan u tal-iskop tagħha.
118 Fil-punti 306 sa 312 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet sensiela ta’ konstatazzjonijiet dwar it-termini tar-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994 li, fil-fehma tagħha, kienu jiġġustifikaw li jitqies li l-awturi ta’ din ir-riżoluzzjoni ma kellhomx l-intenzjoni li jistabbilixxu organizzazzjoni internazzjonali meta ħolqu l-appellant.
119 B’mod partikolari, fil-punt 306 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li din ir-riżoluzzjoni ma kinitx tikkwalifika lill-appellant bħala organizzazzjoni internazzjonali u lanqas ma kienet tiddefinixxi l-istatus ġuridiku tiegħu.
120 Madankollu, is-sempliċi fatt li r-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994 ma kklassifikatx lill-appellant bħala organizzazzjoni internazzjonali ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi konkluż li l-awturi ta’ din ir-riżoluzzjoni ma kellhomx l-intenzjoni li joħolqu lill-appellant bħala organizzazzjoni internazzjonali, speċjalment peress li, kif irrilevat il-Qorti Ġenerali stess, l-imsemmija riżoluzzjoni ma kinitx tiddefinixxi, fi kwalunkwe każ, l-istatus ġuridiku tal-appellant.
121 Fil-fatt, kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 101 u 102 tal-konklużjonijiet tiegħu, ma huwiex indispensabbli li l-att kostituttiv ta’ organizzazzjoni internazzjonali jistipula b’mod espress li hija ġiet ikkostitwita bħala tali.
122 Għall-istess raġunijiet, il-fatt, imsemmi mill-Qorti Ġenerali fil-punt 307 tas-sentenza appellata, li r-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994 ma tinkludix klawżola li tagħti lill-appellant personalità ġuridika ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi konkluż li l-awturi ta’ din ir-riżoluzzjoni ma kellhomx l-intenzjoni li jikkostitwixxu l-appellant bħala organizzazzjoni internazzjonali.
123 Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 308 tas-sentenza appellata, li din ir-riżoluzzjoni lanqas ma kienet ipprevediet li l-appellant jista’ jibbenefika minn immunitajiet għall-eżerċizzju tal-attivitajiet tiegħu, “filwaqt li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 209 u 210 [tas-sentenza appellata], l-organizzazzjonijiet internazzjonali jibbenefikaw, bħala prinċipju, għall-eżerċizzju tal-missjonijiet tagħhom, minn immunitajiet li huma previsti mit-trattati kostitwenti tagħhom”.
124 Madankollu, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li la mill-ġurisprudenza tal-qrati internazzjonali, iċċitata fil-punt 209 tas-sentenza appellata, u lanqas mis-sentenzi tat‑3 ta’ Settembru 2020, Supreme Site Services et (C‑186/19, EU:C:2020:638, punt 61) jew tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kummissjoni vs Is‑Slovenja (Arkivji tal-BĊE) (C‑316/19, EU:C:2020:1030, punt 73), iċċitati fil-punt 210 ta’ din is-sentenza, ma jsegwi li, sabiex ftehim internazzjonali jitqies li jikkostitwixxi organizzazzjoni internazzjonali, dan il-ftehim għandu bilfors jagħti immunitajiet lill-entità li huwa joħloq.
125 Barra minn hekk, fil-punt 309 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li mit-termini tar-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994 kien isegwi li l-firmatarji tagħha ma kellhomx l-intenzjoni, fit-twaqqif tal-appellant, li jistabbilixxu “organizzazzjoni bil-mezzi kollha meħtieġa għall-funzjonament tagħha u l-aħjar garanziji ta’ stabbiltà, kontinwità u effiċjenza għall-eżerċizzju tal-missjonijiet tagħha, iżda mekkaniżmu fakultattiv magħmul disponibbli għall-partijiet, li kull waħda minnhom tista’ tużah kif jidhrilha xieraq”.
126 F’dan ir-rigward, fir-rigward, l-ewwel, tal-istabbiltà u tal-kontinwità tal-missjonijiet tal-appellant, il-Qorti Ġenerali għamlet riferiment, fil-punt 310 tas-sentenza appellata, għall-punt 3 tar-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994, li minnu jsegwi li l-kumitat tat-tmexxija tal-appellant kellu jevalwa mill-ġdid kull sitt xhur il-ħtieġa li tinżamm l-attività tal-appellant, filwaqt li, skont it-termini tal-punt 5 ta’ din ir-riżoluzzjoni, l-Istati partijiet għaliha kellhom jiddeċiedu jew li jintegraw lill-appellant fil-qafas komprensiv għar-rikostruzzjoni tal-Bosnja-Ħerzegovina jew li jtemmu gradwalment l-attivitajiet tiegħu.
127 Madankollu, kuntrarjament għal dak li l-Qorti Ġenerali tidher li ddeduċiet minn dawn il-punti tar-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994, dawn juru pjuttost ċerta stabbiltà prevista għall-appellant, fis-sens li, sakemm il-kumitat ta’ tmexxija tal-appellant jew l-Istati partijiet f’din ir-riżoluzzjoni ma jkunux iddeċidew li jtemmu l-attivitajiet tal-appellant jew li jintegrawh f’kuntest ieħor, l-appellant ikompli jeżisti.
128 Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li xejn ma jeskludi li d-dispożizzjonijiet tal-att kostituttiv ta’ organizzazzjoni internazzjonali jipprevedu li din l-organizzazzjoni għandha tkompli teżisti biss għal ċertu perijodu jew li, f’ċerti sitwazzjonijiet, isir ix-xoljiment tagħha, mingħajr ma tali dispożizzjonijiet jistgħu jipprekludu r-rikonoxximent tal-istatus ta’ organizzazzjoni internazzjonali tal-entità kkonċernata.
129 It-tieni, fir-rigward tal-effikaċja tal-kompiti fdati lill-appellant, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 311 tas-sentenza appellata, li għalkemm il-punt 3 tar-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994 kien isemmi l-ħlas regolari ta’ kontribuzzjonijiet lill-appellant min-naħa tal-partijiet f’din ir-riżoluzzjoni, dawn il-kontribuzzjonijiet ma kinux ta’ natura obbligatorja iżda fakultattiva.
130 Madankollu, din iċ-ċirkustanza ma tistax turi l-assenza ta’ rieda tal-awturi tal-imsemmija riżoluzzjoni li jagħtu lill-appellant l-istatus ta’ organizzazzjoni internazzjonali, sa fejn, kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali stess, kien previst li l-kontribuzzjonijiet lill-appellant, għalkemm fakultattivi, kienu ta’ natura regolari. Minn dan jista’ jiġi dedott li l-awturi tar-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994 kienu jistennew li l-appellant ikollu, permezz ta’ tali kontribuzzjonijiet fakultattivi, il-mezzi finanzjarji neċessarji għall-funzjonament tiegħu.
131 It-tielet, fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali semmiet, fil-punt 312 tas-sentenza appellata, il-fatt li r-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994 ma kinitx ipprevediet it-trasferiment ta’ kompetenzi obbligatorji mill-Istati u mill-organizzazzjonijiet partijiet għal din ir-riżoluzzjoni lill-appellant u li dawn l-Istati u dawn l-organizzazzjonijiet jibqgħu liberi li jaderixxu mal-appellant, li jitilqu unilateralment u meta jqisu xieraq kif ukoll li jissostitwixxuh b’mezzi oħra ta’ komunikazzjoni.
132 Madankollu, minn naħa, il-possibbiltà, għall-membri ta’ entità kkostitwita minn ftehim internazzjonali, li jiddeċiedu li ma jibqgħux membri tagħha ma hijiex irrikonċiljabbli mal-istatus ta’ organizzazzjoni internazzjonali tal-imsemmija entità.
133 Min-naħa l-oħra, mill-punt 315 tas-sentenza appellata jsegwi li r-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994 kienet tinkludi anness, intitolat “Termini ta’ referenza tal-IMG-IBH”, li kien jelenka l-kompiti mogħtija lill-appellant, jiġifieri, fit-territorju tal-Bosnja-Ħerzegovina u fl-oqsma tal-enerġija, tas-servizzi pubbliċi, tad-djar u l-akkomodazzjoni, fil-ġbir ta’ informazzjoni, fl-evalwazzjoni tal-ħtiġijiet fundamentali tal-popolazzjoni, fid-determinazzjoni ta’ setturi ta’ prijorità li jeħtieġu assistenza internazzjonali rapida, fl-identifikazzjoni u l-iżvilupp ta’ programmi jew ta’ proġetti li jistgħu jiġu ffinanzjati mill-komunità internazzjonali u fl-assistenza lill-Istati u lill-istituzzjonijiet internazzjonali għall-finanzjament ta’ programmi jew ta’ proġetti.
134 Għalhekk, minn dan id-dokument jsegwi li l-partijiet fil-laqgħa tal‑25 ta’ Novembru 1994 li fiha ġiet adottata din ir-riżoluzzjoni effettivament taw ċerti kompetenzi lill-appellant, b’mod partikolari dawk li jippermettulu, minn naħa, li jiddetermina s-setturi li jeħtieġu assistenza internazzjonali rapida u, min-naħa l-oħra, li jfassal programmi jew proġetti li jistgħu jiġu ffinanzjati mill-komunità internazzjonali.
135 Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li, bħalma jsegwi mis-sunt tat-termini tar-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994 li jinsab fil-punti 266 sa 270 tas-sentenza appellata, il-firmatarji ta’ din ir-riżoluzzjoni qablu li jifformalizzaw, minn din id-data, l-istabbiliment tal-appellant, ħatru d-Direttur Ġenerali tiegħu u stabbilixxew il-kumitat ta’ tmexxija tal-appellant, li huma taw il-kompetenza sabiex, b’mod partikolari, jadottaw il-baġit tal-appellant u jiddeċiedu dwar il-ħtiġijiet tiegħu ta’ persunal.
136 Issa, il-fatt li kien previst li l-appellant ma jkollux biss Direttur Ġenerali, iżda wkoll il-baġit u l-persunal tiegħu stess, kif ukoll il-kompetenzi msemmija fil-punt 134 ta’ din is-sentenza, jista’ jikkontesta l-konstatazzjoni li l-appellant kien maħsub bħala sempliċi “mekkaniżmu fakultattiv magħmul disponibbli għall-partijiet, li kull waħda minnhom tista’ tużah kif jidhrilha xieraq”, kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 309 tas-sentenza appellata.
137 Fil-fatt, l-espressjoni “mekkaniżmu fakultattiv” tirreferi pjuttost għal struttura mhux awtonoma, amministrata minn Stat wieħed jew iktar jew minn organizzazzjoni internazzjonali waħda jew iktar, li jipprovdu r-riżorsi, inkluż il-persunal, neċessarji għall-funzjonament tagħha.
138 Mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 117 sa 137 ta’ din is-sentenza jsegwi li, sa fejn qieset, fil-punt 313 tas-sentenza appellata, li l-interpretazzjoni tal-kliem u tal-għan tar-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994 kienet tiġġustifika li jitqies li l-awturi ta’ din ir-riżoluzzjoni ma kellhomx l-intenzjoni li jistabbilixxu organizzazzjoni internazzjonali meta huma stabbilixxew lill-appellant, il-Qorti Ġenerali wettqet klassifikazzjoni ġuridika żbaljata tal-għan u tal-effetti ta’ din ir-riżoluzzjoni u, għaldaqstant, wettqet żball ta’ liġi.
139 Din il-konstatazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-kunsiderazzjoni tal-Qorti Ġenerali, li tinsab f’dan il-punt 313 tas-sentenza appellata, li tgħid li l-interpretazzjoni tagħha tat-termini u tal-għan tar-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994 hija kkorroborata mill-kuntest li din ir-riżoluzzjoni kienet ġiet adottata fih.
140 Fil-kuntest tar-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994, il-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni, l-ewwel, il-minuti tal-laqgħa tal-istess jum li fiha ġiet adottata din ir-riżoluzzjoni, li minnhom jirriżulta, skont il-punt 314 tas-sentenza appellata, li diversi parteċipanti kienu esprimew riżervi fir-rigward ta’ inizjattiva li kienet twassal għall-istabbiliment ta’ organu istituzzjonalizzat ġdid u kienu insistew fuq in-natura temporanja tal-attività tal-appellant, li ebda wieħed minnhom ma kkwalifika bħala organizzazzjoni internazzjonali.
141 Għalkemm il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ħadet inkunsiderazzjoni dawn il-minuti, għandu jiġi osservat li r-riżervi ta’ ċerti parteċipanti f’din il-laqgħa fir-rigward tal-istabbiliment ta’ organizzazzjoni internazzjonali ġdida ma humiex biżżejjed, waħedhom, sabiex jitqies li l-appellant ma ġiex stabbilit bħala organizzazzjoni internazzjonali matul l-imsemmija laqgħa. Fil-fatt, ma jistax jiġi eskluż li l-fatt li r-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994 ipprevediet evalwazzjoni mill-ġdid, kull sitt xhur, tan-neċessità li tinżamm l-attività tal-appellant, evalwazzjoni mill-ġdid li tista’, jekk ikun il-każ, twassal għax-xoljiment tal-appellant jew għall-inklużjoni mill-ġdid tiegħu fi struttura oħra, seta’ jtaffi r-riżervi ta’ ċerti parteċipanti fl-istess laqgħa u jikkonvinċi lil dawn il-parteċipanti li jagħtu l-kunsens tagħhom għall-istabbiliment tal-appellant bħala organizzazzjoni internazzjonali.
142 It-tieni, fil-punti 315 u 316 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali għamlet riferiment għall-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt tal-appellant, imsemmija fil-punt 133 ta’ din is-sentenza, billi rrimarkat li dan id-dokument ma kien jgħid xejn dwar l-istatus ġuridiku tal-appellant u lanqas ma kien jagħtih il-fakultà li jikkonkludi ftehimiet internazzjonali.
143 Għandu jiġi rrilevat li l-imsemmi dokument, peress li kien anness mar-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994, kien jagħmel parti integrali minnha u ma kienx element tal-kuntest tagħha. Fi kwalunkwe każ, peress li l-għan tal-istess dokument ma kienx li jiddefinixxi l-istatus ġuridiku tal-appellant, iżda li jelenka l-missjonijiet li kienu fdati lilu, il-fatt li ma kien jgħid xejn dwar l-istatus ġuridiku tal-appellant huwa irrilevanti.
144 It-tielet, fil-punt 317 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali għamlet riferiment għal attestazzjoni tal-koordinatur tal-operazzjoni speċjali tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (UNHCR) fl-ex Jugoslavja, li kien ippresjeda l-laqgħa tal‑25 ta’ Novembru 1994 li fiha ġiet adottata din ir-riżoluzzjoni. Il-Qorti Ġenerali kkonstatat li din id-dikjarazzjoni kienet sempliċement issemmi l-istabbiliment formali tal-appellant matul din il-laqgħa, mingħajr ma kienet tippreċiża jekk din l-inizjattiva kinitx intiża li tagħti lill-appellant personalità ġuridika u, jekk ikun il-każ, li tagħtih l-istatus ta’ organizzazzjoni internazzjonali.
145 Issa, peress li l-imsemmija dikjarazzjoni ma tgħid xejn dwar l-istatus ġuridiku preċiż tal-appellant, ma setgħetx tikkorrobora l-kunsiderazzjoni li l-parteċipanti fir-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994 ma kellhomx l-intenzjoni li jistabbilixxu lill-appellant bħala organizzazzjoni internazzjonali.
146 Ir-raba’, fl-aħħar nett, fil-punt 318 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali invokat l-istedina għall-imsemmija laqgħa, li minnha jsegwi, skont il-Qorti Ġenerali, li l-għan ta’ din il-laqgħa kien li jiġi eżaminat ir-ristrutturar tal-entità li wasslet għall-appellant u l-istatus futur tiegħu, u mhux li tinħoloq organizzazzjoni internazzjonali.
147 Huwa biżżejjed li jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li l-fatt li s-suġġett tal-istess laqgħa kien ippreżentat bħala, b’mod partikolari, l-“istatus futur” tal-appellant bl-ebda mod ma jeskludi li l-parteċipanti fiha ddeċidew, matul din il-laqgħa, li jistabbilixxu lill-appellant bħala organizzazzjoni internazzjonali.
148 Minn dan isegwi, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 139 sa 147 ta’ din is-sentenza, li, mill-elementi msemmija mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest li fih taqa’ r-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994, wieħed biss, jiġifieri r-riżervi espressi minn ċerti parteċipanti fil-laqgħa tal-istess jum, li matulha ġiet adottata din ir-riżoluzzjoni, fir-rigward tal-perspettiva tal-istabbiliment ta’ organizzazzjoni internazzjonali ġdida, seta’ jiġi invokat insostenn tal-interpretazzjoni tat-termini ta’ din ir-riżoluzzjoni, fis-sens li hija ma stabbilixxietx lill-appellant bħala organizzazzjoni internazzjonali. Madankollu, għar-raġunijiet esposti fil-punt 141 ta’ din is-sentenza, dan l-element ma setax ikun ta’ natura determinanti.
149 Fir-raba’ lok, għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tal-appellant dwar l-istatuti inizjali.
150 Il-Qorti Ġenerali evalwat dawn l-istatuti fil-punti 330 sa 333 tas-sentenza appellata, skont l-Artikolu 31(3)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, bħala element li jista’ juri l-prassi segwita fl-applikazzjoni tar-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994, prassi li permezz tagħha jista’ jiġi stabbilit il-kunsens tal-awturi ta’ din ir-riżoluzzjoni fir-rigward tal-interpretazzjoni tagħha.
151 Wara din l-evalwazzjoni, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 334 tas-sentenza appellata, li, fid-dawl tal-pożizzjonijiet meħuda mill-UNHCR u mir-Repubblika tal-Finlandja fiż-żmien tal-adozzjoni tal-istatuti inizjali, invokati fil-punti 332 u 333 ta’ din is-sentenza, miċ-ċirkustanzi li fihom ġew adottati dawn l-istatuti ma kienx isegwi li dawn kienu jirriflettu r-rieda tal-awturi kollha tar-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994, jew tal-membri tal-appellant, li jagħtu lil dan tal-aħħar l-istatus ta’ organizzazzjoni internazzjonali.
152 Mill-punt 333 tas-sentenza appellata jsegwi li l-istatuti inizjali ma ġewx adottati mill-Istati u mill-organizzazzjonijiet internazzjonali kollha li adottaw ir-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994, iżda mill-kumitat ta’ tmexxija tal-appellant, b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri tiegħu, waqt il-laqgħa tiegħu tal‑10 ta’ Marzu 1995.
153 F’dawn iċ-ċirkustanzi, dawn l-istatuti ma jistgħux jitqiesu li jagħmlu parti mill-istess ftehim internazzjonali bħal din ir-riżoluzzjoni u li, għalhekk, jistgħu jiġu evalwati flimkien magħha. Għaldaqstant, ma jistax jintlaqa’ l-argument tal-appellant, li jgħid li r-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994 u l-istatuti inizjali kienu jikkostitwixxu “assjem konvenzjonali” u kellhom jiġu evalwati b’mod konġunt. Fil-fatt, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 85 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-istatuti inizjali huma differenti minn din ir-riżoluzzjoni, peress li, b’differenza minnha, dawn ma jikkostitwixxux ftehim internazzjonali, iżda att adottat minn korp tal-appellant innifsu.
154 Dan premess, xorta jibqa’ l-fatt, bħalma jsegwi mill-punti 287, 332 u 333 tas-sentenza appellata, li l-istatuti inizjali ġew adottati immedjatament wara l-adozzjoni tar-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994, mill-kumitat ta’ tmexxija tal-appellant stabbilit minn din ir-riżoluzzjoni, li fih kienet tagħmel parti mill-inqas parti mill-Istati u mill-organizzazzjonijiet internazzjonali li kienu adottaw din ir-riżoluzzjoni.
155 L-istatuti inizjali jaqgħu, għalhekk, fil-proċedura ta’ stabbiliment tal-appellant, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 119 tal-konklużjonijiet tiegħu. Dawn ġew adottati minn parti mill-firmatarji tar-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994, jiġifieri dawk fosthom li kienu jagħmlu parti mill-kumitat ta’ tmexxija tal-appellant. Barra minn hekk, mis-sentenza appellata ma jsegwix li l-firmatarji l-oħra ta’ din ir-riżoluzzjoni qajmu oġġezzjonijiet kontra l-istatuti inizjali.
156 F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li l-istatuti inizjali huma strument, stabbilit minn ċerti partijiet fl-okkażjoni tal-konklużjoni tal-ftehim internazzjonali kkostitwit mir-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994, strument li ġie aċċettat mill-partijiet l-oħra bħala li għandu x’jaqsam ma’ dan il-ftehim internazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 31(2)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna. Għaldaqstant, konformement ma’ din id-dispożizzjoni, l-istatuti inizjali kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-interpretazzjoni tar-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994 bħala element tal-kuntest tagħha.
157 Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali vvizzjat ukoll is-sentenza appellata bi żball ta’ liġi inkwantu qieset, essenzjalment, fil-punt 334 ta’ dik is-sentenza, li l-istatuti inizjali ma setgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-interpretazzjoni tar-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994, peress li ma kinux jirriflettu l-prattika sussegwenti segwita mill-awturi kollha ta’ din ir-riżoluzzjoni.
158 Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jsegwi li l-evalwazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, tal-fondatezza tal-kunsiderazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni kontenzjuża, li tgħid li l-appellant ma ġiex stabbilit bħala organizzazzjoni internazzjonali, hija vvizzjata bi żbalji ta’ liġi, bħalma jsegwi mill-punti 112, 138 u 157 ta’ din is-sentenza.
159 F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li l-kumplament tal-motivi esposti fid-deċiżjoni kontenzjuża ma humiex suffiċjenti sabiex tiġi kkonfermata l-legalità ta’ dik id-deċiżjoni, jeħtieġ, mingħajr ma jiġu eżaminati l-argumenti l-oħra mressqa mill-appellant, li jintlaqa’ l-ħames aggravju u, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu eżaminati l-ewwel sar-raba’ aggravju jew is-sitt aggravju, li jintlaqa’ l-appell u li s-sentenza appellata tiġi annullata, sa fejn il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża, kif ukoll it-talba intiża għall-kundanna tal-Kummissjoni sabiex tħallas lill-appellant kumpens fl-ammont ta’ EUR 23 651 903 għad-danni finanzjarji u morali li huwa allegatament ġarrab minħabba l-illegalitajiet li jivvizzjaw id-deċiżjoni kontenzjuża, li ssostitwixxiet id-deċiżjonijiet tas‑16 ta’ Diċembru 2014 u tat‑8 ta’ Mejju 2015.
160 Min-naħa l-oħra, peress li ebda aggravju ma huwa intiż li jikkontesta ċ-ċaħda, mill-Qorti Ġenerali, tat-talba tal-appellant intiża għall-kundanna tal-Kummissjoni sabiex tħallsu kumpens fl-ammont ta’ EUR 20 000 għad-dannu subit minħabba t-terminu allegatament irraġonevoli li jikkaratterizza l-proċedura ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, is-sentenza appellata saret, f’dan ir-rigward, definittiva.
Fuq ir-rikors
161 Konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, meta l-kawża tkun, kompletament jew parzjalment, fi stat li tiġi deċiża, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi definittivament hija stess, skont il-każ, il-kawża jew il-parti tagħha li tkun fi stat li tiġi deċiża, filwaqt li tibgħat, jekk ikun il-każ, dik li ma tkunx lura quddiem il-Qorti Ġenerali.
162 F’dan il-każ, hemm lok li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi b’mod definittiv dwar it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża kif ukoll, parzjalment, dwar it-talba għad-danni.
Fuq it-talba għal annullament
163 Permezz tat-tieni u tar-raba’ motiv tar-rikors tiegħu, l-appellant jikkritika lill-Kummissjoni, essenzjalment, li vvizzjat id-deċiżjoni kontenzjuża bi żbalji ta’ liġi u bi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni li wassluha tqis li l-appellant ma kienx organizzazzjoni internazzjonali u, għaldaqstant, ma kienx eliġibbli għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni skont il-metodu ta’ ġestjoni indiretta, previst mir-regolamentazzjoni finanzjarja tal-Unjoni.
164 Għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kummissjoni kienet wettqet żball ta’ liġi inkwantu hija qieset, fid-deċiżjoni kontenzjuża, li r-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994 ma kinitx ftehim internazzjonali. Ma hemmx lok li din il-konstatazzjoni tiġi kkontestata, peress li l-Kummissjoni ma ppreżentatx appell inċidentali fir-rigward ta’ din il-parti tas-sentenza appellata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2021, Il‑Kunsill vs Hamas, C‑833/19 P, EU:C:2021:950, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata).
165 Bħalma jsegwi mill-punti 136 u 138 ta’ din is-sentenza, il-kliem u l-għan tar-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994 ma jippermettux li jiġi kkonstatat li l-awturi ta’ din ir-riżoluzzjoni ma kellhomx l-intenzjoni li jistabbilixxu lill-appellant bħala organizzazzjoni internazzjonali, jew li l-intenzjoni tagħhom kienet li jistabbilixxu lill-appellant bħala sempliċi mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni bejniethom, nieqes minn personalità ġuridika awtonoma.
166 Għall-kuntrarju, mill-imsemmija riżoluzzjoni jsegwi li dawn l-awturi taw lill-appellant il-korpi tiegħu stess, jiġifieri d-Direttur Ġenerali, maħtur mill-imsemmija riżoluzzjoni, kif ukoll il-kumitat ta’ tmexxija u l-GSG, il-persunal tiegħu stess u l-baġit tiegħu stess. Barra minn hekk, l-appellant ingħata kompetenzi bħal dawk imsemmija fil-punt 134 ta’ din is-sentenza. Dawn l-elementi kollha juru li l-awturi tal-istess riżoluzzjoni kellhom l-intenzjoni li l-appellant jikkostitwixxi entità distinta, li tgawdi minn ċerta awtonomija meta mqabbla mal-membri tiegħu li, barra minn hekk, setgħu jvarjaw, inkwantu kien, essenzjalment, previst li kull membru tal-appellant seta’, f’kull mument, jiddeċiedi unilateralment li jtemm il-parteċipazzjoni tiegħu fih.
167 Issa, peress li l-imsemmija awturi kellhom l-intenzjoni li jikkostitwixxu lill-appellant bħala entità distinta, li tgawdi minn ċerta awtonomija, isegwi li l-istess awturi kellhom l-intenzjoni wkoll li jagħtu lill-appellant il-personalità ġuridika internazzjonali, peress li dawn l-elementi jinvolvu il-kapaċità tal-appellant li jkun detentur ta’ drittijiet u ta’ obbligi tiegħu fl-ordinament ġuridiku internazzjonali kif ukoll il-kapaċità li jaġixxi.
168 Din il-kunsiderazzjoni ma hijiex ikkontestata mit-tweġibiet li taw l-Istati msemmija fis-sit internet tal-appellant u li huma ppreżentati fih bħala l-membri tiegħu għall-mistoqsijiet li l-Kummissjoni kienet indirizzatilhom, dwar l-adozzjoni tar-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994 u dwar l-istatus tal-appellant.
169 Għandu jiġi osservat, f’dan ir-rigward, li dawn it-tweġibiet huma opinjonijiet li ngħataw 25 sena wara l-adozzjoni tar-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994. Bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punti 218 u 219 tal-konklużjonijiet tiegħu, tali opinjonijiet ma humiex rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-intenzjoni li kellhom il-partijiet waqt l-iffirmar tar-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994.
170 Fir-rigward tal-fatt li l-Istati kollha mistoqsija mill-Kummissjoni, bl-eċċezzjoni tar-Repubblika tal-Awstrija, kienu indikaw li ma kinux membri tal-appellant, għandu jiġi rrilevat li l-kwistjoni dwar jekk Stat huwiex membru ta’ entità hija differenti minn dik dwar jekk din l-entità tikkostitwixxix organizzazzjoni internazzjonali. Ma jistax jiġi eskluż li ċerti Stati jew organizzazzjonijiet internazzjonali li pparteċipaw fl-istabbiliment tal-appellant permezz tar-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994 u li, minħabba f’hekk, saru membri tiegħu, sussegwentement telqu minn mal-appellant u ma għadhomx membri ta’ dan tal-aħħar, mingħajr ma dan jaffettwa l-istatus ta’ organizzazzjoni internazzjonali tal-appellant.
171 Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li ladarba tiġi stabbilita, organizzazzjoni internazzjonali ma tiqafx teżisti sempliċement jekk uħud mill-membri tagħha jiddeċiedu li jitilqu minnha. Jekk ikun il-każ, huma l-membri rimanenti li għandhom jiddeċiedu dwar ix-xoljiment tal-organizzazzjoni kkonċernata, billi fl-istess ħin jieħdu l-passi neċessarji sabiex jirregolaw x’ser jiġri mir-relazzjonijiet ġuridiċi li din l-organizzazzjoni tkun stabbilixxiet matul l-eżistenza tagħha. Issa, mid-deċiżjoni kontenzjuża ma jsegwix li, matul il-perijodu ta’ madwar 27 sena li għaddew mill-adozzjoni tar-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994, ittieħdet id-deċiżjoni li l-appellant jiġi xolt.
172 Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kontenzjuża hija vvizzjata b’illegalità, inkwantu l-Kummissjoni qieset, bi ksur tal-Artikolu 43(1) tar-Regolament Finanzjarju Delegat tal‑2012 kif ukoll tal-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, li jirrifletti d-dritt konswetudinarju internazzjonali, li r-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994 ma kinitx tikkostitwixxi ftehim internazzjonali, li l-effett tiegħu kien li jikkostitwixxi lill-appellant bħala organizzazzjoni internazzjonali. Għaldaqstant, id-deċiżjoni kontenzjuża għandha tiġi annullata.
Fuq it-talba għal kumpens
173 L-appellant jitlob li l-Kummissjoni tiġi kkundannata tħallsu kumpens fl-ammont ta’ EUR 8 651 903 għad-dannu materjali, u fl-ammont ta’ EUR 15 miljun għad-dannu morali li huwa jqis li ġarrab minħabba l-illegalitajiet li jivvizzjaw id-deċiżjoni kontenzjuża, li ssostitwixxiet id-deċiżjonijiet tas‑16 ta’ Diċembru 2014 u tat‑8 ta’ Mejju 2015.
174 Fl-ewwel lok, fir-rigward tat-talba għal kumpens għad-dannu morali, l-appellant ifakkar li, fil-kuntest ta’ kawża preċedenti quddiem il-Qorti Ġenerali, huwa kien talab kumpens fl-ammont ta’ EUR 10 miljun bħala kumpens għad-dannu morali li huwa ġarrab minħabba l-adozzjoni tad-deċiżjoni tat‑8 ta’ Mejju 2015. Huwa jsostni li dan id-dannu morali “jiżdied b’EUR 5 miljun” minħabba l-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża.
175 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, permezz tas-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, IMG vs Il‑Kummissjoni (C‑619/20 P u C‑620/20 P, EU:C:2022:722), il-Qorti tal-Ġustizzja annullat is-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2020, IMG vs Il-Kummissjoni (T‑381/15 RENV, EU:T:2020:406), inkwantu l-Qorti Ġenerali kienet ċaħdet bħala infondata, b’mod partikolari, talba għal kumpens preċedenti tal-appellant intiża għall-kumpens għad-dannu morali li huwa allegatament ġarrab minħabba l-adozzjoni tad-deċiżjoni tat‑8 ta’ Mejju 2015.
176 Fid-deċiżjoni, wara li ħadet konjizzjoni tal-kawża, fuq il-mertu ta’ din it-talba, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li, ċertament, il-ksur suffiċjentement serju, mill-Kummissjoni, waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni tat‑8 ta’ Mejju 2015, tal-obbligu ta’ diliġenza impost fuqha kien stabbilit u li dan il-ksur kien ikkawża lil IMG dannu morali fil-forma ta’ ħsara għar-reputazzjoni tiegħu. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li hija kienet ikkonstatat l-illegalità ta’ dik id-deċiżjoni u kienet annullatha permezz tas-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2019. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-termini ċari li fihom kienet ġiet ifformulata l-konstatazzjoni tal-illegalità tal-imsemmija deċiżjoni kienu xierqa sabiex jiġi żgurat il-kumpens adegwat u suffiċjenti għad-dannu morali mġarrab mill-appellant, fid-dawl tal-kuntest li jidħlu fih, b’tali mod li t-talbiet għad-danni tal-appellant kellhom jiġu miċħuda bħala infondati inkwantu kienu jirrigwardaw id-dannu morali li jirriżulta mill-illegalità tad-deċiżjoni tat‑8 ta’ Mejju 2015 (sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, IMG vs Il‑Kummissjoni, C‑619/20 P u C‑620/20 P, EU:C:2022:722, punti 194 u 198 sa 200).
177 Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk applikat ġurisprudenza stabbilita, li tgħid li dannu immaterjali jew morali jista’, f’ċerti sitwazzjonijiet, jitqies li huwa kkumpensat b’mod adegwat u suffiċjenti permezz tal-annullament tal-att illegali li kkawżah (sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, IMG vs Il‑Kummissjoni, C‑619/20 P u C‑620/20 P, EU:C:2022:722, punt 197 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
178 Issa, skont din il-ġurisprudenza u għal raġunijiet analogi għal dawk ikkunsidrati mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tad-dannu morali mġarrab mill-appellant minħabba l-adozzjoni tad-deċiżjoni tat‑8 ta’ Mejju 2015, għandu jitqies li l-konstatazzjoni, fil-punt 172 ta’ din is-sentenza, tal-illegalità tad-deċiżjoni kontenzjuża, espressa f’termini ċari, u l-annullament tagħha li jikkostitwixxi l-konsegwenza tagħha, huma xierqa sabiex jiżguraw il-kumpens adegwat u suffiċjenti għad-dannu morali mġarrab mill-appellant minħabba l-adozzjoni ta’ dik id-deċiżjoni.
179 F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talba għad-danni għandha tiġi miċħuda bħala infondata, inkwantu hija intiża għall-kumpens ta’ dan id-dannu morali.
180 Fit-tieni lok, fir-rigward tat-talba għal kumpens għad-dannu materjali li l-appellant iqis li ġarrab minħabba l-illegalitajiet li jivvizzjaw id-deċiżjoni kontenzjuża, għandu jiġi rrilevat li, ċertament, il-kunċett ta’ “organizzazzjoni internazzjonali” jista’ jqajjem diffikultajiet ta’ interpretazzjoni, fl-assenza, b’mod partikolari, ta’ ġurisprudenza f’dan il-qasam (sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, IMG vs Il‑Kummissjoni, C‑619/20 P u C‑620/20 P, EU:C:2022:722, punt 191).
181 Madankollu, f’dan il-każ, sabiex tadotta d-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni bbażat ruħha kważi esklużivament fuq it-tweġibiet tal-Istati li hija kienet staqsiet. Għalhekk, hija injorat fil-biċċa l-kbira t-termini tar-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994 kif ukoll il-kuntest tagħha, b’mod partikolari l-istatuti inizjali li kienu jipprevedu espressament li l-appellant għandu personalità ġuridika. Issa, fl-assenza ta’ deċiżjoni li l-appellant jiġi kkostitwit bħala persuna ġuridika konformement mal-leġiżlazzjoni ta’ Stat jew ta’ organizzazzjoni internazzjonali, dan tal-aħħar seta’ jikseb personalità ġuridika biss jekk ikun ġie kkostitwit bħala organizzazzjoni internazzjonali.
182 Barra minn hekk, il-Kummissjoni llimitat ruħha li tinterpreta kif jidhrilha t-tweġibiet tal-Istati li hija kienet staqsiet, mingħajr ma daħlet fi djalogu ma’ dawn l-Istati sabiex tiddetermina jekk, u kif, dawn it-tweġibiet setgħux jiġu rrikonċiljati mal-elementi msemmija fil-punt preċedenti.
183 F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-diffikultajiet possibbli ta’ interpretazzjoni u ta’ applikazzjoni tal-kunċett ta’ “organizzazzjoni internazzjonali” ma jistgħux jippermettu li jiġi kkunsidrat li l-iżbalji, li jirriżultaw minn nuqqas ta’ diliġenza manifesta, imwettqa mill-Kummissjoni waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, huma skużabbli. Għaldaqstant, l-illegalità li biha hija vvizzjata dik id-deċiżjoni għandha titqies li hija suffiċjentement serja u, konsegwentement, li tista’ tistabbilixxi r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, IMG vs Il‑Kummissjoni (C‑619/20 P u C‑620/20 P, EU:C:2022:722, punti 193 u 194).
184 Madankollu, għandu jiġi osservat li l-eventwali dannu materjali mġarrab mill-appellant jirriżulta mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tibqax tikkonkludi miegħu ftehimiet ta’ delega skont il-metodu ta’ ġestjoni indiretta previst mir-regolamentazzjoni finanzjarja tal-Unjoni. Għalhekk, bħalma jirrileva l-appellant stess fir-rikors tiegħu, dan id-dannu joriġina mid-deċiżjoni tat‑8 ta’ Mejju 2015. Permezz tal-appell tiegħu f’din il-kawża, l-appellant jallega li jwettaq “aġġornament” tad-dannu mġarrab.
185 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, permezz tar-rikors tiegħu quddiem il-Qorti Ġenerali rreġistrat bin-numru tal-Kawża T‑381/15, l-appellant ressaq ukoll talba għal kumpens għad-dannu materjali li huwa ġarrab minħabba l-adozzjoni tad-deċiżjoni tat‑8 ta’ Mejju 2015, li ġiet miċħuda permezz tas-sentenza tat‑2 ta’ Frar 2017, IMG vs Il‑Kummissjoni (T‑381/15, EU:T:2017:57).
186 Bħalma ssemma fil-punt 21 ta’ din is-sentenza, permezz tas-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2019, il-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari, annullat is-sentenza tat‑2 ta’ Frar 2017, IMG vs Il‑Kummissjoni (T‑381/15, EU:T:2017:57) u bagħtet il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tingħata deċiżjoni dwar ir-rikors f’dik il-kawża, sa fejn kienet intiża għall-kumpens għad-dannu allegatament imġarrab mill-appellant minħabba l-adozzjoni tad-deċiżjoni tat‑8 ta’ Mejju 2015. Permezz tas-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2020, IMG vs Il‑Kummissjoni (T‑381/15 RENV, EU:T:2020:406), il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-talba tal-appellant intiża għall-kumpens għad-danni allegatament ikkawżati mid-deċiżjoni tat‑8 ta’ Mejju 2015.
187 Permezz tas-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, IMG vs Il‑Kummissjoni (C‑619/20 P u C‑620/20 P, EU:C:2022:722), il-Qorti tal-Ġustizzja annullat is-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2020, IMG vs Il‑Kummissjoni (T‑381/15 RENV, EU:T:2020:406) sa fejn ċaħdet bħala infondata t-talba għal kumpens tal-appellant relatata mad-dannu allegatament ikkawżat lilu mid-deċiżjoni tat‑8 ta’ Mejju 2015 u bagħtet il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tingħata deċiżjoni dwar din it-talba, sa fejn din tirrigwarda d-dannu materjali invokat mill-appellant.
188 Permezz tas-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2024, IMG vs Il‑Kummissjoni (T‑381/15 RENV II, EU:T:2024:589), il-Qorti Ġenerali ċaħdet dik it-talba bħala infondata.
189 Madankollu, permezz ta’ sentenza tal-lum fil-Kawża C‑789/24 P, il-Qorti tal-Ġustizzja annullat dik is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, fakkret li, fis-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, IMG vs Il‑Kummissjoni (C‑619/20 P u C‑620/20 P, EU:C:2022:722), hija kienet diġà ddeċidiet li l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju tal-obbligu ta’ diliġenza impost fuq il-Kummissjoni waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni tat‑8 ta’ Mejju 2015 kienet stabbilita, ikkonstatat li l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn dan il-ksur u d-dannu materjali allegat mill-appellant minħabba s-sospensjoni tal-konklużjoni ta’ ftehimiet ta’ delega mal-Kummissjoni kienet stabbilita wkoll u bagħtet il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi dwar l-eżistenza u l-portata tad-dannu eventwalment imġarrab mill-appellant, li jirriżulta mit-telf ta’ opportunità li jiġi fdat, mill-Kummissjoni, b’kompiti ta’ implimentazzjoni tal-baġit bħala organizzazzjoni internazzjonali.
190 Għaldaqstant, huwa neċessarju li jiġi ddeterminat jekk, u sa fejn, it-talba għal kumpens għad-dannu materjali f’din il-kawża tfittex kumpens għal dannu li għandu l-istess natura u l-istess ammont bħal dawk tad-dannu li l-kumpens tiegħu huwa mfittex mit-talba għad-danni fil-Kawża T‑381/15, li għadha pendenti, peress li, jekk dan ikun il-każ, it-talba għal kumpens għad-dannu materjali f’din il-kawża jkollha, f’dan ir-rigward, tiġi ddikjarata inammissibbli, minħabba lis pendens (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 1985, Hoogovens Groep vs Il‑Kummissjoni, 172/83 u 226/83, EU:C:1985:355, punt 9).
191 Barra minn hekk, sa fejn it-talba għal kumpens għad-dannu materjali invokat mill-appellant tikkonċerna dannu ta’ natura differenti minn dak tad-dannu kkonċernat mit-talba għal kumpens għad-dannu materjali fil-Kawża T‑381/15, jew ta’ ammont li jmur lil hinn minn dak kopert minn din l-aħħar talba, għandu jiġi rrilevat li, ċertament, fil-punt 183 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-kundizzjoni għall-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni dwar in-natura suffiċjentement serja tal-illegalità mwettqa kienet, f’dan il-każ, issodisfatta.
192 Madankollu, fl-istat attwali tal-proċess, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex l-elementi kollha neċessarji sabiex tiddeċiedi dwar ir-realtà u l-portata ta’ eventwali dannu, bħal dak imsemmi fil-punt preċedenti, subit mill-appellant kif ukoll, jekk ikun il-każ, dwar l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn tali dannu u l-illegalità mwettqa mill-Kummissjoni.
193 Għaldaqstant, il-kawża ma hijiex fi stat li tiġi deċiża u għandha tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali, b’tali mod li tkun tista’ tiddeċiedi dwar il-kwistjonijiet imsemmija fil-punti 190 sa 192 ta’ din is-sentenza.
Fuq l-ispejjeż
194 Peress li l-kawża ntbagħtet lura quddiem il-Qorti Ġenerali, l-ispejjeż relatati ma’ dan l-appell għandhom jiġu rriżervati.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑4 ta’ Settembru 2024, IMG vs Il‑Kummissjoni (T‑509/21, EU:T:2024:590) hija annullata inkwantu ċaħdet, minn naħa, it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tat‑8 ta’ Ġunju 2021 li tirrifjuta li tirrikonoxxi lil International Management Group (IMG), b’effett retroattiv mis‑16 ta’ Diċembru 2014, l-istatus ta’ organizzazzjoni internazzjonali previst mir-regolamentazzjoni finanzjarja tal-Unjoni għall-implimentazzjoni tal-fondi tal-Unjoni Ewropea skont il-metodu tal-ġestjoni indiretta u, min-naħa l-oħra, it-talba intiża sabiex il-Kummissjoni tiġi ordnata tħallas lil International Management Group (IMG) kumpens fl-ammont ta’ EUR 23 651 903 għad-dannu materjali u morali li huwa allegatament ġarrab minħabba l-illegalitajiet li jivvizzjaw dik id-deċiżjoni.
2) Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea msemmija fil-punt 1 ta’ dan id-dispożittiv hija annullata.
3) L-appell huwa miċħud inkwantu jirrigwarda t-talba għall-kumpens għad-dannu morali invokata minn International Management Group (IMG).
4) Il-kawża hija mibgħuta lura quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea sabiex tiddeċiedi dwar it-talba għall-kumpens għad-dannu materjali invokata minn International Management Group (IMG).
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.