|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2024/3970 |
21.6.2024 |
Avviż sommarju dwar il-bidu ta’ investigazzjoni fil-fond fil-każ FS.100011 – EMIRATES TELECOMMUNICATIONS GROUP / PPF TELECOM GROUP skont l-Artikolu 10(3)(d) tar-Regolament (UE) 2022/2560
(C/2024/3970)
Fil-10 ta’ Ġunju 2024, f’konformità mal-Artikolu 10(3) tar-Regolament (UE) 2022/2560 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) (l-“FSR”), il-Kummissjoni ddeċidiet li tibda investigazzjoni fil-fond fil-każ imsemmi hawn fuq wara li sabet, abbażi ta’ rieżami preliminari, biżżejjed indikazzjonijiet li mill-inqas waħda mill-partijiet fil-konċentrazzjoni notifikata deskritta hawn taħt ingħatat sussidju barrani li joħloq distorsjoni fis-suq intern. Il-bidu tal-investigazzjoni fil-fond fir-rigward tal-konċentrazzjoni notifikata huwa mingħajr preġudizzju għad-deċiżjoni finali f’dan il-każ.
1. Konċentrazzjoni notifikata
Fis-26 ta’ April 2024, il-Kummissjoni rċeviet notifika ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 21 tal-FSR, li permezz tagħha Emirates Telecommunications Group Company PJSC (l-Emirati Għarab Magħquda jew l-“EGħM”) (l-“e&” jew “il-Parti Notifikanti”) takkwista, skont it-tifsira tal-Artikolu 20(1), il-punt (b) tal-FSR, il-kontroll uniku ta’ PPF Telecom Group B.V. (il-“Mira” u, flimkien mal-Parti Notifikanti, il-“Partijiet”).
L-attivitajiet kummerċjali tal-partijiet fil-konċentrazzjoni notifikata huma kif ġej:
|
— |
e& hija operatur tat-telekomunikazzjoni bbażat f’Abu Dhabi, l-EGħM; |
|
— |
PPF Telecom Group B.V., flimkien mas-sussidjarji tagħha, hija n-negozju tat-telekomunikazzjoni tal-grupp PPF immexxi minn PPF Group N.V., li jikkonsisti f’operazzjonijiet tat-telekomunikazzjoni (fornituri tas-servizzi tat-telekomunikazzjoni u infrastruttura sottostanti) fil-Bulgarija, l-Ungerija, is-Serbja u s-Slovakkja. In-negozju tat-telekomunikazzjoni Ċek tal-grupp PPF mhux parti mit-tranżazzjoni u se jitneħħa minn PPF Telecom Group B.V. |
2. Indikazzjonijiet tal-preżenza ta’ sussidji barranin
Abbażi tal-informazzjoni disponibbli għaliha f’dan l-istadju, il-Kummissjoni tqis li hemm biżżejjed indikazzjonijiet li l-e& rċeviet is-sussidji barranin li ġejjin skont it-tifsira tal-Artikolu 3 tal-FSR:
|
— |
Garanzija illimitata, mogħtija mill-EGħM, li tirriżulta b’mod partikolari mill-eżenzjoni tal-e& mil-Liġi applikabbli dwar il-Falliment tal-EGħM. Din il-garanzija illimitata tista’ tippermetti lill-e& sabiex jinkisbu kundizzjonijiet finanzjarji aktar favorevoli fin-negozjati tagħha mal-istituzzjonijiet finanzjarji, li immaterjalizzaw fit-tliet snin ta’ qabel il-konklużjoni tal-ftehim. Dik il-garanzija hija limitata għal impriżi li huma kompletament jew parzjalment proprjetà tal-EGħM. |
|
— |
Self b’Terminu, mogħti f’Novembru 2022 minn sindakat ta’ 5 banek, li l-azzjonijiet tagħhom jistgħu jiġu attribwiti lill-EGħM, li għalih hemm biżżejjed indikazzjonijiet li ma nkisibx taħt kundizzjonijiet normali tas-suq. Is-Self b’Terminu huwa miżura individwali u għalhekk huwa limitat għall-e&. Is-Self b’Terminu huwa użat mill-e& biex tiffinanzja t-tranżazzjoni. |
|
— |
Fl-aħħar nett, ir-rieżami preliminari tal-Kummissjoni identifika kontribuzzjonijiet finanzjarji barranin oħra li jistgħu jikkwalifikaw bħala sussidji barranin lill-e&, li l-Kummissjoni se tkompli tirrieżamina matul l-investigazzjoni fil-fond, b’mod partikolari fir-rigward ta’ kuntratti mogħtija lill-e&. |
3. Indikazzjonijiet ta’ distorsjoni fis-suq intern
Abbażi tal-informazzjoni disponibbli f’dan l-istadju, il-Kummissjoni tqis b’mod preliminari li l-konċentrazzjoni notifikata tinvolvi sussidji barranin li x’aktarx joħolqu distorsjoni fis-suq intern, skont it-tifsira tal-Artikolu 5 tal-FSR.
B’mod partikolari, il-Kummissjoni tqis b’mod preliminari li garanzija illimitata taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5(1)(b) tal-FSR u għalhekk x’aktarx li tfixkel is-suq intern.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis b’mod preliminari li hemm biżżejjed indikazzjonijiet li s-Self b’Terminu, kif ukoll il-garanzija illimitata li x’aktarx tejbet il-kundizzjonijiet ta’ finanzjament tas-Self b’Terminu, iffaċilitaw direttament il-konċentrazzjoni u għalhekk kienu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni jew fl-Artikolu 5(1)(d) tal-FSR, u għalhekk x’aktarx li jfixklu s-suq intern.
Abbażi tal-informazzjoni disponibbli għaliha f’dan l-istadju, il-Kummissjoni tqis li hemm biżżejjed indikazzjonijiet li s-sussidji identifikati b’mod preliminari fit-Taqsima 2 jistgħu jtejbu l-pożizzjoni kompetittiva tal-e& fis-suq intern u, meta jagħmlu dan, effettivament jew potenzjalment jaffettwaw b’mod negattiv il-kompetizzjoni fis-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 4 tal-FSR kif ġej.
B’mod partikolari, is-sussidji barranin identifikati x’aktarx li jkunu tejbu l-pożizzjoni kompetittiva tal-e& fil-proċess tal-akkwiżizzjoni. Il-Kummissjoni se tkompli tirrieżamina fl-investigazzjoni fil-fond jekk dawk is-sussidji barranin kellhomx effetti negattivi attwali jew potenzjali fuq il-proċess tal-akkwiżizzjoni, b’mod partikolari fid-dawl tal-eżistenza ta’ partijiet oħrajn possibbli interessati fl-akkwiżizzjoni tal-Mira, jew jekk l-e& kinitx se tkun tista’ twettaq l-akkwiżizzjoni bl-istess kundizzjonijiet fin-nuqqas tas-sussidji barranin identifikati.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssib li ċerti sussidji barranin, u b’mod partikolari l-garanzija illimitata għall-iffaċilitar lill-e&, jistgħu jtejbu l-pożizzjoni kompetittiva tal-entità kkombinata wara l-konċentrazzjoni, billi jippermettu lil dik l-entità kkombinata u finanzjarjament integrata tiġbor finanzjament għall-attivitajiet tagħha tal-UE b’termini preferenzjali. Il-Kummissjoni se tkompli tirrieżamina fl-investigazzjoni fil-fond jekk il-konċentrazzjoni tippermettix lill-entità kkombinata aċċess għal servizzi ssussidjati.
4. Konklużjonijiet
Għar-raġunijiet imsemmija hawn fuq u abbażi tal-informazzjoni disponibbli għaliha f’dan l-istadju, il-Kummissjoni tqis li hemm biżżejjed indikazzjonijiet li l-e& ingħatat is-sussidji barranin identifikati fit-Taqsima 2, li joħolqu distorsjoni fis-suq intern kif indikat fit-Taqsima 3 u għalhekk iddeċidiet li tibda investigazzjoni fil-fond f’konformità mal-Artikolu 10(3) tal-FSR.
5. Stedina għal kummenti
F’konformità mal-Artikoli 10(3)(d) u 40(1) tal-FSR u l-Artikolu 8(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2023/1441 (2) (l-“FSIR”) il-Kummissjoni tistieden lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, lill-Istati Membri kif ukoll lill-pajjiż terz li taw s-sussidji barranin identifikati fit-Taqsima 2 biex jissottomettu l-kummenti tagħhom. F’konformità mal-Artikolu 8(3) tal-FSIR, meta l-kummenti bil-miktub sottomessi jkunu jinkludu informazzjoni kunfidenzjali, il-persuna li tissottomettihom għandha tipprovdi verżjoni mhux kunfidenzjali tas-sottomissjoni fl-istess ħin tal-verżjoni kunfidenzjali.
F’każijiet debitament ġustifikati, il-fornituri tal-kummenti jistgħu jitolbu li l-identità tagħhom ma tiġix divulgata. L-anonimità tingħata abbażi ta’ raġuni valida u espliċita murija fit-talba.
Sabiex jitqiesu bis-sħiħ fil-proċedura, il-kummenti jenħtieġ li jaslu għand il-Kummissjoni sa mhux aktar tard minn 10 ijiem ta’ xogħol wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. L-osservazzjonijiet jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni bl-email lil COMP-FSR-REGISTRY@ec.europa.eu, bir-referenza FS.100011.
(1) Ir-Regolament (UE) 2022/2560 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar sussidji barranin li joħolqu distorsjoni fis-suq intern (ĠU L 330, 23.12.2022, p. 1).
(2) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1441 tal-10 ta’ Lulju 2023 dwar arranġamenti dettaljati għat-twettiq ta’ proċedimenti mill-Kummissjoni skont ir-Regolament (UE) 2022/2560 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar sussidji barranin li joħolqu distorsjoni fis-suq intern (ĠU L 177, 12.7.2023, p. 1).
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/3970/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)