Brussell, 12.9.2025

COM(2025) 487 final

2025/0276(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE, dwar emenda tal-Anness IX (Servizzi finanzjarji) tal-Ftehim ŻEE

(Bonds Ekoloġiċi Ewropej)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE b’rabta mal-adozzjoni prevista tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt dwar emenda tal-Anness IX (Servizzi Finanzjarji) tal-Ftehim ŻEE

2.Kuntest tal-proposta

2.1.Il-Ftehim ŻEE

Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE’’) jiggarantixxi drittijiet u obbligi ugwali fi ħdan is-Suq Intern għaċ-ċittadini u l-operaturi ekonomiċi fiż-ŻEE. Dan jipprevedi l-inklużjoni ta’ leġiżlazzjoni tal-UE li tkopri l-erba’ libertajiet fit-30 Stat taż-ŻEE li jinkludu l-Istati Membri tal-UE, in-Norveġja, l-Iżlanda u l-Liechtenstein. Barra minn hekk, il-Ftehim ŻEE jkopri l-kooperazzjoni f’oqsma importanti oħra bħar-riċerka u l-iżvilupp, l-edukazzjoni, il-politika soċjali, l-ambjent, il-protezzjoni tal-konsumatur, it-turiżmu u l-kultura, li kollettivament huma magħrufin bħala l-politiki “ta’ appoġġ u orizzontali”. Il-Ftehim ŻEE daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1994. L-Unjoni, flimkien mal-Istati Membri tagħha, hija parti għall-Ftehim ŻEE.

2.2.Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE huwa responsabbli mill-ġestjoni tal-Ftehim ŻEE. Huwa forum għall-iskambju ta’ fehmiet marbuta mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE. Id-deċiżjonijiet tiegħu jittieħdu b’kunsens u huma vinkolanti fuq il-Partijiet. Ir-responsabbiltà għall-koordinazzjoni tal-kwistjonijiet taż-ŻEE fuq in-naħa tal-UE hija tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea. 

2.3.L-att previst tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mistenni jadotta d-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE (“l-att previst”) rigward l-emenda tal-Anness IX (Servizzi Finanzjarji) tal-Ftehim ŻEE.

L-għan tal-att previst huwa li jinkorpora fil-Ftehim ŻEE r-Regolament (UE) 2023/2631 dwar il-Bonds Ekoloġiċi Ewropej u d-divulgazzjonijiet fakultattivi għall-bonds ikkummerċjalizzati bħala ambjentalment sostenibbli u għall-bonds marbuta mas-sostenibbiltà (Bonds Ekoloġiċi Ewropej) 1 u r-Regolament (UE) 2023/2869 li jemenda ċerti Regolamenti fir-rigward tal-istabbiliment u l-funzjonament tal-punt ta’ aċċess uniku Ewropew 2 .

L-atti previsti se jsiru vinkolanti għall-partijiet f’konformità mal-Artikoli 103 u 104 tal-Ftehim ŻEE.

3.Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni

Il-Kummissjoni tippreżenta l-abbozz ta’ Deċiżjoni anness tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE għall-adozzjoni mill-Kunsill bħala l-pożizzjoni tal-Unjoni. Ladarba tiġi adottata, il-pożizzjoni għandha tiġi ppreżentata fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mal-ewwel opportunità possibbli.

L-abbozz ta’ Deċiżjoni anness tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE fih adattamenti istituzzjonali estensivi, li essenzjalment jirreplikaw l-approċċ tas-servizzi finanzjarji eżistenti għar-rwol tal-awtoritajiet superviżorji finanzjarji tal-UE u tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA fil-qasam tas-swieq fil-Bonds Ekoloġiċi Ewropej, li jmorru lil hinn minn dak li jista’ jitqies bħala sempliċi adattamenti tekniċi fis-sens tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 3 . Għaldaqstant, il-pożizzjoni tal-Unjoni għandha tiġi stabbilita mill-Kunsill.

4.Bażi legali

4.1.Bażi legali proċedurali

4.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw il-korp inkwistjoni. Jinkludi wkoll l-istrumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni” 4 .

4.1.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE huwa korp stabbilit minn ftehim, jiġifieri l-Ftehim ŻEE. L-att, li l-Kumitat Konġunt taż-ŻEE huwa mitlub jadotta, jikkostitwixxi att b’effetti legali. L-att previst se jkun vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikoli 103 u 104 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE.

L-att previst la jissupplimenta u lanqas ma jemenda l-qafas istituzzjonali tal-Ftehim. Għaldaqstant, il-bażi legali proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) TFUE flimkien mal-Artikolu 1(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94.

4.2.Bażi legali sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi legali sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE, flimkien mal-Artikolu 1(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94, tiddependi primarjament fuq il-bażi legali sostantiva tal-att legali tal-UE li għandu jiġi inkorporat fil-Ftehim ŻEE.

Jekk l-att previst isegwi żewġ għanijiet jew ikollu żewġ komponenti u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew il-komponenti jkun identifikabbli bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE trid tissejjes fuq bażi legali sostantiva unika, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

4.2.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

Peress li d-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt tinkorpora fil-Ftehim ŻEE r-Regolament (UE) 2023/2631 u r-Regolament (UE) 2023/2869, huwa xieraq li din id-deċiżjoni tal-Kunsill tiġi bbażata fuq l-istess bażi legali sostantiva bħall-atti li huma inkorporati. Għaldaqstant, il-bażi legali sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 114 TFUE.

4.3.Konklużjoni

Jenħtieġ li l-bażi legali tad-deċiżjoni proposta tkun l-Artikolu 114 TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) TFUE u l-Artikolu 1(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94.

5.Pubblikazzjoni tal-att previst

Billi l-att tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE se jemenda l-Anness IX (Servizzi finanzjarji) tal-Ftehim taż-ŻEE, huwa xieraq li wara l-adozzjoni tiegħu jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2025/0276 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE, dwar emenda tal-Anness IX (Servizzi finanzjarji) tal-Ftehim ŻEE

(Bonds Ekoloġiċi Ewropej)


(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 tat-28 ta’ Novembru 1994 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea 5 , u b’mod partikolari l-Artikolu 1(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea 6 (“il-Ftehim ŻEE”) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1994.

(2)Skont l-Artikolu 98 tal-Ftehim ŻEE, il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jista’ jiddeċiedi li, fost l-oħrajn, jemenda l-Anness IX (Servizzi finanzjarji) tal-Ftehim ŻEE.

(3)Ir-Regolament (UE) 2023/2631 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 7 u r-Regolament (UE) 2023/2869 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 8 jenħtieġ li jiġu inkorporati fil-Ftehim ŻEE.

(4)L-Anness IX (Servizzi finanzjarji) tal-Ftehim ŻEE għalhekk jenħtieġ li jiġi emendat kif xieraq.

(5)Għaldaqstant, jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-Deċiżjoni mehmuża,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar l-emenda proposta tal-Anness IX (Servizzi finanzjarji) għall-Ftehim ŻEE għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Ir-Regolament (UE) 2023/2631 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Novembru 2023 dwar il-Bonds Ekoloġiċi Ewropej u d-divulgazzjonijiet fakultattivi għall-bonds ikkummerċjalizzati bħala ambjentalment sostenibbli u għall-bonds marbuta mas-sostenibbiltà, ĠU L, 2023/2631, 30.11.2023.
(2)    Ir-Regolament (UE) 2023/2869 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2023 li jemenda ċerti Regolamenti fir-rigward tal-istabbiliment u l-funzjonament tal-punt ta’ aċċess uniku Ewropew, ĠU L, 2023/2869, 20.12.2023.
(3)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 tat-28 ta’ Novembru 1994 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, ĠU L 305, 30.11.1994, p. 6.
(4)    Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, Il-Ġermanja v Il-Kunsill, C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-punti 61 sa 64.
(5)    ĠU L 305, 30.11.1994, p. 6.
(6)    ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3.
(7)    Ir-Regolament (UE) 2023/2631 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Novembru 2023 dwar il-Bonds Ekoloġiċi Ewropej u d-divulgazzjonijiet fakultattivi għall-bonds ikkummerċjalizzati bħala ambjentalment sostenibbli u għall-bonds marbuta mas-sostenibbiltà, ĠU L, 2023/2631, 30.11.2023.
(8)    Ir-Regolament (UE) 2023/2869 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2023 li jemenda ċerti Regolamenti fir-rigward tal-istabbiliment u l-funzjonament tal-punt ta’ aċċess uniku Ewropew, ĠU L, 2023/2869, 20.12.2023.