12004V179

Trattat Li Jistabbilixxi kostituzzjoni għall-Ewropa - PARTI III - POLITIKA U FUNZJONAMENT TA' L-UNJONI - TITOLU III - POLITIKA U AZZJONIJIET INTERNI - KAPITOLU II - POLITIKA EKONOMIKA U MONETARJA - Sezzjoni 1 - Politika ekonomika - Artikolu III-179

Official Journal 310 , 16/12/2004 P. 0076 - 0077


Artikolu III-179

1. L-Istati Membri għandhom iqisu l-politika ekonomika tagħhom bħala kwistjoni ta' interess komuni u għandhom jikkordinawhom fil-Kunsill, skond l-Artikolu III-178.

2. Il-Kunsill, fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, għandu jifformula abbozz għal-linji gwida wiesa' tal-politika ekonomika ta' l-Istati Membri u ta' l-Unjoni, u għandu jirrapporta ir-riżultati tiegħu lill-Kunsill Ewropew.

Il-Kunsill Ewropew, fuq bażi tar-rapport mill-Kunsill, għandu jiddiskuti konklużjoni dwar il-linji gwida wiesa' tal-politika ekonomika ta' l-Istati Membri u ta' l-Unjoni. Fuq bażi ta' din il-konklużjoni, l-Kunsill għandu jadotta rakkomandazzjoni li tistabbilixxi dawn il-linji gwida wiesa'. Għandu jinforma lill-Parlament Ewropew bir-rakkomandazzjoni tiegħu.

3. Sabiex tiġi assigurata kordinazzjoni iktar mill-qrib tal-politika ekonomika u konverġenza sostnuta tar-rendimenti ekonomiċi ta' l-Istati Membri, l-Kunsill, fuq bażi ta' rapporti sottomessi mill-Kummissjoni, għandu jagħmel kontroll ta' l-iżviluppi ekonomiċi f'kull wieħed mill-Istati Membri u fl-Unjoni, kif ukoll tal-konsistenza tal-politika ekonomika mal-linji gwida wiesa' previsti fil-paragrafu 2, u għandu jagħmel regolarment stima globali.

Għall-għanijiet ta' din is-sorveljanza multilaterali, l-Istati Membri għandhom jgħaddu informazzjoni lill-Kummissjoni dwar miżuri importanti meħuda minnhom fil-qasam tal-politika ekonomika tagħhom u informazzjoni oħra li jqisu neċessarja.

4. Meta jigi stabbilit, taħt il-proċedura prevista fil-paragrafu 3, li l-politika ekonomika ta' Stat Membru mhiex konformi mal-linji gwida wiesa' previsti fil-paragrafu 2 jew li hemm ir-riskju li jipperikolaw il-funzjonament xieraq ta' l-unjoni ekonomika u monetarja, l-Kummissjoni tista' tindirizza twissija lill-Istat Membru konċernat. Il-Kunsill, fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, jista' jindirizza r-rakkomandazzjonijiet meħtieġa lill-Istat Membru konċernat. Il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, jista' jiddeċiedi li jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu pubbliċi.

Fil-kamp ta' l-applikazzjoni ta' dan il-paragrafu, l-Kunsill għandu jaġixxi mingħajr ma jieħu in kunsiderazzjoni l-vot tal-membru tal-Kunsill li jkun qed jirrappreżenta lill-Istat Membru konċernat.

Maġġoranza kwalifikata għandha tkun definita bħala li hija ugwali għal mill-inqas 55 % tal-membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw lil Stati Membri li flimkien jinkludu mill-inqas 65 % tal-popolazzjoni ta' dawn l-Istati.

Minoranza li timblokka għandha tinkludi mill-inqas in-numru minimu ta' dawn il-membri l-oħra tal-Kunsill li jirrappreżentaw iktar minn 35 % tal-popolazzjoni ta' l-Istati Membri parteċipanti, u membru ieħor, u fin-nuqqas ta' dan, il-maġġoranza kwalifikata tkun meqjusa li nkisbet.

5. Il-President tal-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jirrapportaw lill-Parlament Ewropew dwar ir-riżultati tas-sorveljanza multilaterali. Il-President tal-Kunsill jista' jkun mistieden jidher quddiem il-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew jekk il-Kunsill ikun għamel ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu pubbliċi.

6. Il-liġi Ewropea tista' tistabbilixxi regoli dettaljati għall-proċedura ta' sorveljanza multilaterali prevista fil-paragrafi 3 u 4.

--------------------------------------------------