1.8.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-25 ta’ Settembru 2006

li tawtorizza lir-Renju Unit biex jintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikoli 5(6) u 11(A)(1)(b) tad-Direttiva 77/388/KEE dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar it-taxxi fuq it-turnover

(2006/659/KE)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra s-Sitt Direttiva tal-Kunsill (77/388/KEE) tas-17 ta' Mejju 1977 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri fir-rigward ta’ taxxi fuq it-turnover — Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud; bażi uniformi ta’ stima (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 27 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi:

(1)

Permezz ta’ ittra rreġistrata mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni tas-7 ta’ April 2005, ir-Renju Unit talab awtorizzazzjoni biex jidderoga mill-Artikolu 5(6) u 11(A)(1)(b) tad-Direttiva 77/388/KEE.

(2)

B’konformità ma’ l-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 77/388/KEE, il-Kummissjoni informat lill-Istati Membri l-oħra b’ittra li ġġib id-data tat-26 ta’ Ottubru 2005 bit-talba magħmula mir-Renju Unit. B’ittra li ġġib id-data tas-27 ta’ Ottubru 2005, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Renju Unit li kellha l-informazzjoni kollha li kkunsidrat meħtieġa biex tivvaluta t-talba.

(3)

Ir-Renju Unit jixtieq jissostitwixxi d-deroga, stipulata fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 86/356/KEE tal-21 ta’ Lulju 1986 li tawtorizza lir-Renju Unit biex japplika miżuri ta’ rata fissa relatati mat-taxxa fuq il-valur miżjud li ma tistax titnaqqas imħallsa fuq l-ispiża tal-fjuwil tal-karozzi tax-xogħol (2), li awtorizzat miżuri ta’ simplifikazzjoni speċjali sabiex tiddetermina fuq bażi ta’ rata fissa l-proporzjon tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) li tikkonċerna l-ispiża tal-fjuwil fil-karozzi tax-xogħol użati parzjalment għal użu privat. Din il-proċedura teħles lill-persuni taxxabbli mill-bżonn li jżommu reġistri dettaljati tal-mili li għamlu sabiex jikkalkulaw, għal kull karozza, l-ammont eżatt ta’ VAT li għandu x’jaqsam mas-sewqan privat u ma’ dak tal-kumpanija. Bħal din is-sistema, is-sistema proposta l-ġdida se tkun fakultattiva għal persuni taxxabbli.

(4)

Is-sistema attwali tissejjes fuq it-tip ta’ fjuwil użat u d-daqs tal-magna tal-karozza. Ir-Renju Unit jixtieq jemenda din is-sistema u jibbażaha fuq il-livell ta’ emissjonijiet ta’ dijossidju tal-karbonju (CO2) mill-karozza, peress li hemm korrelazzjoni proporzjonali bejn l-emissjoniiet u l-konsum tal-fjuwil u għalhekk ma’ l-ispiża fuq il-fjuwil. Dan ifisser li sistema ta’ skala ta’ rata fissa msejsa fuq l-emissjonijiet tas-CO2 tista’ tikseb l-istess għan tat-taxxa fuq l-ispiża tal-fjuwil tal-kumpanija għas-sewqan privat. Fl-istess ħin, ir-Renju Unit jistenna wkoll li jikseb aktar reqqa fid-determinazzjoni ta’ l-ispiża għal konsum privat billi jżid, u b’hekk jispeċifika, in-numru tal-meded ta’ l-iskala meta mqabbel mal-meded eżistenti.

(5)

Dan l-arranġament ippermetta effettivament lir-Renju Unit sabiex jissimplifika l-proċedura għall-ħlas tat-taxxa fuq l-ispiża tal-fjuwil għall-karozzi tax-xogħol u s-sistema proposta, imsejsa fuq l-emissjonijiet tas-CO2 se jkollha effett simili. Il-konsum privat għandu jintwera b’aktar reqqa bis-sistema l-ġdida.

(6)

L-awtorizzazzjoni għandha tkun limitata fiż-żmien, sabiex fid-dawl ta' l-esperjenza miksuba sa dik id-data tista’ tintlaħaq valutazzjoni dwar jekk id-deroga tibqax ġustifikata jew le.

(7)

Id-Deċiżjoni 86/356/KEE għandha tiġi revokata wara ċertu perjodu iżda f’kwalunkwe każ fid-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jintroduċu l-miżura speċjali, sabiex tiġi evitata sitwazzjoni fejn l-awtorizzazzjoni għaż-żewġ sistemi teżisti fl-istess ħin.

(8)

Ir-Renju Unit għandu jinforma lill-Kummissjoni dwar id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jintroduċu l-miżura speċjali l-ġdida malli jiġu adottati u għandu jiżgura li din il-miżura ma tidħolx fis-seħħ qabel it-30 ta’ April 2007.

(9)

Id-deroga ma għandha l-ebda impatt negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Komunità li jirriżultaw mill-ġbir tal-VAT,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

B’deroga mill-Artikoli 5(6) u 11(A)(1)(b) tad-Direttiva 77/388/KEE, ir-Renju Unit hu awtorizzat, mill-1 ta’ Mejju 2007 sal-31 ta’ Diċembru 2015, li jiffissa fuq bażi ta’ rata fissa l-proporzjon tat-taxxa ta’ valur miżjud relatata ma’ l-ispiża tal-fjuwil użat għal raġunijiet privati fuq karozzi tax-xogħol.

Artikolu 2

Dan il-proporzjon tat-taxxa msemmi fl-Artikolu 1 għandu jintwera f’ammonti fissi, stabbiliti fuq il-bażi tal-livell ta’ emissjonijiet tas-CO2 tat-tip ta’ vettura, li jirrifletti l-konsum tal-fjuwil. Ir-Renju Unit għandu jaġġusta dawn l-ammonti fissi annwalment biex jirrifletti l-bidliet fin-nefqa medja tal-fjuwil.

Artikolu 3

Is-sistema stabbilita fuq il-bażi ta’ din id-Direttiva għandha tkun fakultattiva għal persuni taxxabbli.

Artikolu 4

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 86/356/KEE hija revokata fit-30 ta’ April 2007.

Ir-Renju Unit għandu jinforma lill-Kummissjoni dwar id-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fl-Artikolu 1 malli dawn jiġu adottati.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta’ Fuq.

Magħmul fi Brussell, 25 ta’ Settembru 2006.

Għall-Kunsill

Il-President

M. PEKKARINEN


(1)   ĠU L 145, 13.6.1977, p. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2006/69/KE (ĠU L 221, 12.8.2006, p. 9).

(2)   ĠU L 212, 2.8.1986, p. 35.