European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/2243

12.10.2026

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2026/2243

tad-9 ta’ Ottubru 2026

li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2020/472 dwar operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fil-Mediterran (EUNAVFOR MED IRINI)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 42(4) u l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fil-31 ta’ Marzu 2020, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2020/472 (1), li stabbiliet operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fil-Mediterran (EUNAVFOR MED IRINI).

(2)

Fil-11 ta’ Marzu 2025, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2025/488 (2), li estendiet l-EUNAVFOR MED IRINI sal-31 ta’ Marzu 2027.

(3)

Fil-25 ta’ Mejju 2026, skadiet ir-Riżoluzzjoni 2292 (2016) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (“KSNU”). Dik ir-Riżoluzzjoni awtorizzat lill-Istati, li jaġixxu nazzjonalment jew permezz ta’ organizzazzjonijiet reġjonali, jispezzjonaw fl-ibħra internazzjonali ’l barra mill-kosta tal-Libja kwalunkwe bastiment li kellhom raġunijiet raġonevoli biex jemmnu li kien qed iġorr armi jew materjal relatat lejn jew mil-Libja, direttament jew indirettament, bi ksur tal-embargo tan-Nazzjonijiet Uniti fuq l-armi impost fuq il-Libja.

(4)

Fl-14 ta’ Lulju 2026, fil-kuntest ta’ Rieżami Strateġiku tal-operazzjoni, il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) qabel li jestendi l-EUNAVFOR MED IRINI b’sentejn sal-31 ta’ Marzu 2029.

(5)

Barra minn hekk, il-KPS laqa’ d-direzzjoni deskritta fir-Rieżami Strateġiku biex jiġu organizzati, bħala parti mill-approċċ integrat tal-Unjoni, il-kompiti attwali tal-operazzjoni madwar tliet rwoli ewlenin.

(6)

Jenħtieġ li d-Deċiżjoni (PESK) 2020/472 tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni (PESK) 2020/472 hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 1, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-Unjoni b’dan tistabbilixxi u tniedi operazzjoni ta’ maniġġar militari ta’ kriżijiet bl-objettivi politiċi li tissalvagwarda l-interessi tal-Unjoni fil-Baħar Mediterran u li tikkontribwixxi għall-paċi u l-istabbiltà fil-Libja.”

;

(2)

L-Artikoli 2 sa 5 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“Artikolu 2

Mandat

Sabiex jintlaħqu l-objettivi stipulati fl-Artikolu 1(1), l-EUNAVFOR MED IRINI għandha, skont il-mezzi u l-kapaċitajiet tagħha:

(a)

tissalvagwarda l-interessi tal-Unjoni fil-Mediterran permezz ta’ protezzjoni u deterrenza kredibbli;

(b)

tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tar-riżoluzzjonijiet tal-KSNU b’appoġġ għall-paċi u l-istabbiltà fil-Libja; u

(c)

trawwem sħubijiet Mediterranji permezz tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet u t-taħriġ (CB&T), u d-diplomazija navali, bħala parti mill-approċċ integrat tal-Unjoni.

Artikolu 3

Salvagwardja tal-interessi tal-Unjoni fil-Mediterran permezz ta’ protezzjoni u deterrenza kredibbli

1.   L-EUNAVFOR MED IRINI għandha tikkontribwixxi għall-Għarfien tas-Sitwazzjoni Marittima (MSA) fir-rigward ta’ attivitajiet illeċiti, estiża aktar lejn l-Għarfien tad-Dominju Marittimu (MDA), sabiex tidentifika, timmonitorja u tirrapporta dwar attivitajiet illeċiti u theddid għas-sigurtà, is-sikurezza u l-interessi ekonomiċi tal-Unjoni. L-EUNAVFOR MED IRINI għandha tiġbor ukoll informazzjoni utli għall-ippjanar ta’ kontinġenza.

2.   L-EUNAVFOR MED IRINI għandha tikkontribwixxi għar-restrizzjoni tal-‘flotta mistura’ Russa, kif definita fir-Riżoluzzjoni A.1192 (33) tal-Assemblea tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) adottata fis-6 ta’ Diċembru 2023, f’konformità mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar (UNCLOS) u r-regolamenti internazzjonali, permezz ta’ approċċ ta’ ‘rotta sħiħa’.

3.   L-EUNAVFOR MED IRINI għandha tappoġġa l-protezzjoni tal-Infrastruttura Marittima Kritika (CMI), bil-ħsieb li ttejjeb l-għarfien tas-sitwazzjoni marittima u l-għarfien tad-dominju marittimu, inkluż permezz ta’ provi u skjeramenti pilota ta’ soluzzjonijiet teknoloġiċi għall-protezzjoni marittima.

4.   L-EUNAVFOR MED IRINI għandha tikkontribwixxi għat-tfixkil tal-mudell kummerċjali tan-networks ta’ faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin u traffikar ta’ bnedmin. Għal dak l-għan, l-EUNAVFOR MED IRINI għandha tappoġġa d-detezzjoni u l-monitoraġġ ta’ networks ta’ faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin u traffikar ta’ bnedmin permezz tal-ġbir ta’ informazzjoni u tal-pattuljar imwettqa b’assi ajrunawtiċi fuq l-ibħra internazzjonali, fiż-Żona tal-Operazzjoni maqbula.

5.   L-informazzjoni miġbura fil-kuntest tal-kompiti stabbiliti fil-paragrafi 1 sa 4 tista’ tinħażen u tiġi rilaxxata lill-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri u lill-korpi kompetenti tal-Unjoni, kif ukoll, jekk applikabbli, lin-NATO, u fil-kuntest tal-kompitu stabbilit fil-paragrafu 4, lill-Panel ta’ Esperti tan-NU dwar il-Libja.

6.   L-EUNAVFOR MED IRINI għandha tirrapporta lill- Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) dwar il-kwistjonijiet u l-avvenimenti kollha relatati mal-azzjonijiet, bħal spezzjonijiet jew żjarat biex tiġi vverifikata l-bandiera, fit-twettiq tal-kompiti stabbiliti fil-paragrafi 1 sa 4. Il-KPS jista’ jikkunsidra kwalunkwe miżura sussegwenti, kif xieraq.

Artikolu 4

Kontribut għall-implimentazzjoni tar-riżoluzzjonijiet tal-KSNU b’appoġġ għall-paċi u l-istabbiltà fil-Libja

1.   L-EUNAVFOR MED IRINI għandha tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-embargo tan-NU fuq l-armi impost fuq il-Libja skont ir-riżoluzzjoni tal-KSNU 1970 (2011) u r-riżoluzzjonijiet tal-KSNU sussegwenti, billi tirrapporta dwar it-traffikar illeċitu ta’ armi lejn jew mil-Libja u tiskoraġġih. Għal dak l-għan, l-EUNAVFOR MED IRINI għandha tiġbor informazzjoni, b’assi tal-ajru, satellitari, marittimi u oħrajn, dwar it-traffikar ta’ armi u materjal relatat mid-direzzjonijiet kollha (fuq rotot tal-baħar, tal-ajru u tal-art) u taqsamha mas-sħab u l-aġenziji rilevanti, fuq bażi ta’ każ b’każ u ta’ ħtieġa ta’ tagħrif, permezz tal-mekkaniżmi fid-dokumenti ta’ ppjanar rilevanti u f’konformità mal-Artikolu 14.

2.   L-EUNAVFOR MED IRINI għandha tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-miżuri tan-NU kontra l-esportazzjonijiet illeċiti ta’ petroleum mil-Libja. L-EUNAVFOR MED IRINI għandha twettaq attivitajiet ta’ monitoraġġ u sorveljanza u tiġbor informazzjoni dwar esportazzjonijiet illeċiti mil-Libja ta’ petroleum, inkluż żejt mhux maħdum u prodotti tal-petroleum raffinati, li jiksru r-riżoluzzjoni tal-KSNU 2146 (2014) u r-riżoluzzjonijiet tal-KSNU sussegwenti, u taqsamha mas-sħab u l-aġenziji rilevanti fuq bażi ta’ każ b’każ u ta’ ħtieġa ta’ tagħrif, permezz tal-mekkaniżmi fid-dokumenti ta’ ppjanar rilevanti u f’konformità mal-Artikolu 14.

3.   L-informazzjoni miġbura fil-kuntest tal-kompiti stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2 tista’ tinħażen u tiġi rilaxxata lill-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri u lill-korpi kompetenti tal-Unjoni, kif ukoll lill-Panel ta’ Esperti tan-NU dwar il-Libja u, jekk applikabbli, lill-awtoritajiet Libjani rilevanti.

4.   Fit-twettiq tal-kompiti stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2, l-EUNAVFOR MED IRINI għandha tirrapporta lill-KPS dwar il-kwistjonijiet u l-avvenimenti kollha relatati ma’ azzjonijiet, bħal spezzjonijiet jew żjarat biex tiġi vverifikata l-bandiera. Il-KPS jista’ jikkunsidra kwalunkwe miżura sussegwenti, kif xieraq.

Artikolu 5

Trawwim ta’ sħubijiet Mediterranji permezz tas-CB&T, u d-diplomazija navali, bħala parti mill-approċċ integrat tal-Unjoni

1.   L-EUNAVFOR MED IRINI għandha twettaq attivitajiet ta’ CB&T b’appoġġ għall-istituzzjonijiet Libjani responsabbli għall-infurzar tal-liġi marittima u t-Tfittxija u s-Salvataġġ (SAR) fuq il-baħar, filwaqt li tfittex proġetti sostenibbli fit-tul. Dak il-kompitu għandu jitwettaq fiż-Żona tal-Operazzjoni maqbula tal-EUNAVFOR MED IRINI jew fit-territorju ta’ Stat Membru, fuq stedina minn dak l-Istat Membru. Dak il-kompitu jista’ jitwettaq ukoll fit-territorju, inkluż il-baħar territorjali, tal-Libja jew ta’ Stat terz ospitanti viċin il-Libja, fejn il-KPS jiddeċiedi hekk wara valutazzjoni mill-Kunsill fuq il-bażi ta’ stedina mil-Libja jew mill-Istat ospitanti kkonċernat, u f’konformità mad-dritt internazzjonali. Għall-fini ta’ dak il-kompitu, l-EUNAVFOR MED IRINI għandha tistabbilixxi u tħaddem mekkaniżmu ta’ monitoraġġ f’koordinazzjoni mill-qrib ma’ partijiet ikkonċernati rilevanti oħra, inkluż fejn meħtieġ fil-Libja.

2.   L-EUNAVFOR MED IRINI għandha tipprovdi pjattaforma għall-kooperazzjoni fis-sigurtà marittima fil-Mediterran u tesplora, permezz tad-diplomazija navali u eżerċizzji, opportunitajiet lil hinn mil-Libja biex tinkludi pajjiżi terzi interessati oħra fir-reġjun, bħall-Eġittu, it-Tuneżija u l-Libanu.

3.   Għall-implimentazzjoni tal-kompiti msemmija fil-paragrafi 1 u 2, l-EUNAVFOR MED IRINI tista’ tiġbor, taħżen u tiskambja mal-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri, il-korpi kompetenti tal-Unjoni, il-Missjoni ta’ Appoġġ tan-NU fil-Libja, l-INTERPOL, il-Qorti Kriminali Internazzjonali u l-Istati Uniti tal-Amerka l-informazzjoni, inkluż data personali, miġbura għall-fini tal-proċeduri ta’ eżami ta’ trainees possibbli, dment li dawn ikunu taw il-kunsens tagħhom bil-miktub. Barra minn hekk, l-EUNAVFOR MED IRINI tista’ tiġbor u taħżen l-informazzjoni medika u d-data bijometrika meħtieġa dwar trainees dment li dawn ikunu taw il-kunsens tagħhom bil-miktub.”

;

(3)

fl-Artikolu 10, il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   L-EUNAVFOR MED IRINI għandha tospita Ċellula ta’ Informazzjoni dwar il-Kriminalità (CIC, Crime Information Cell) magħmula minn persunal tal-awtoritajiet rilevanti tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u ta’ aġenziji tal-Unjoni msemmija fil-paragrafu 3, sabiex tiffaċilita r-riċezzjoni, il-ġbir u t-trażmissjoni ta’ informazzjoni, inklużi data personali, dwar il-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin u t-traffikar ta’ bnedmin kif imsemmi fl-Artikolu 3, dwar l-embargo fuq l-armi impost fuq il-Libja u dwar l-esportazzjonijiet illeċiti ta’ petroleum kif imsemmi fl-Artikolu 4, kif ukoll dwar reati rilevanti għas-sigurtà tal-operazzjoni.”

;

(4)

fl-Artikolu 13, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“6.   Għall-perjodu mill-1 ta’ April 2027 sal-31 ta’ Marzu 2029, l-ammont ta’ referenza għall-ispejjeż komuni tal-EUNAVFOR MED IRINI għandu jkun ta’ EUR 16 880 000. Il-perċentwal tal-ammont ta’ referenza msemmi fl-Artikolu 51(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 (*1) għandu jkun ta’ 0 % għal impenji u 0 % għal pagamenti.

(*1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 tat-22 ta’ Marzu 2021 li tistabbilixxi Faċilità Ewropea għall-Paċi, u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2015/528 (ĠU L 102, 24.3.2021, p. 14, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/509/oj).”;"

(5)

fl-Artikolu 14, il-paragrafi 8, 9 u 10 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“8.   Ir-RGħ għandu jkun awtorizzat jikkonkludi l-arranġamenti meħtieġa għall-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar ir-rilaxx jew l-iskambju ta’ informazzjoni f’din id-Deċiżjoni.

9.   Ir-RGħ jista’ jiddelega l-awtorizzazzjonijiet biex tiġi rilaxxata jew skambjata informazzjoni kif ukoll il-kapaċità li jiġu konklużi l-arranġamenti msemmijin f’din id-Deċiżjoni lil uffiċjali tas-SEAE, lill-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE jew lill-Kmandant tal-Forza tal-UE f’konformità mat-taqsima VII tal-Anness VI tad-Deċiżjoni 2013/488/UE.

10.   L-EUNAVFOR MED IRINI hija b’dan awtorizzata tikkondividi mal-Bord ta’ Esperti tan-NU dwar il-Libja l-informazzjoni, għajr data personali, miġbura dwar attivitajiet illegali jew mhux awtorizzati u dwar inċidenti suspettati ta’ nuqqas ta’ konformità mal-embargo fuq l-armi tan-NU impost fuq il-Libja kif previst fir-riżoluzzjoni tal-KSNU 1970 (2011) u f’Riżoluzzjonijiet sussegwenti, kif ukoll l-informazzjoni miġbura dwar inċidenti suspettati ta’ nuqqas ta’ konformità mal-miżuri tan-NU għall-prevenzjoni tal-esportazzjonijiet illeċiti ta’ petroleum mil-Libja kif previst fir-riżoluzzjoni tal-KSNU 2146 (2014) u f’Riżoluzzjonijiet sussegwenti.”

;

(6)

fl-Artikolu 15, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   L-EUNAVFOR MED IRINI għandha tintemm fil-31 ta’ Marzu 2029.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, id-9 ta’ Ottubru 2026.

Għall-Kunsill

Il-President

S. HARRIS


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/472 tal-31 ta’ Marzu 2020 dwar operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fil-Mediterran (EUNAVFOR MED IRINI) (ĠU L 101, 1.4.2020, p. 4, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2020/472/oj).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2025/488 tal-11 ta’ Marzu 2025 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2020/472 dwar operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fil-Mediterran (EUNAVFOR MED IRINI) (ĠU L, 2025/488, 12.3.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/488/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/2243/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)