|
2.2.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 29/16 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
ta’ l-10 ta’ Lulju 2007
dwar l-għajnuna mill-Istat C 19/06 (ex NN 29/2006) implimentata mis-Slovenja favur Javor Lesna Industrija d.d.
(notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 3227)
(Il-verżjoni bis-Sloven biss hija awtentika)
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
(2008/91/KE)
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 88(2) tiegħu,
Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,
Wara li talbet lill-partijiet interessati sabiex jissottomettu l-kummenti tagħhom skond id-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq (1).
Billi:
I. IL-PROĊEDURA
|
(1) |
Fl-1 ta’ Diċembru 2004, il-Kummissjoni rċeviet ilment dwar allegata għajnuna mill-istat lill-manifattur ta’ l-injam Sloven Javor Pivka Lesna Industrija d.d (minn issa 'l quddiem “Javor Pivka”). |
|
(2) |
L-ilment kien dwar miżuri finanzjarji favur Javor Pivka fis-27 ta’ Mejju 2004 permezz ta’ riżoluzzjoni tal-Gvern tas-Slovenja skond l-Artikolu 21 ta’ l-Att Sloven dwar l-għajnuna biex ikunu salvati u rristrutturati kumpaniji li jkunu f'diffukultà. Sar magħruf ukoll li din il-miżura ma kinitx notifikata lill-Kummissjoni għar-raġuni li kienet ġiet approvata mill-kummissjoni Slovena inter-ministerjali ta’ esperti dwar l-għajnuna mill-istat fit-23 ta’ April, jiġifieri qabel l-adeżjoni. Madankollu, peress li l-kriterju rilevanti fid-deċiżjoni dwar meta tkun ingħatat għajnuna huwa l-att li jkun legalment jorbot, li permezz tiegħu l-awtorità kompetenti tidħol għall-impenn li tagħti l-għajnuna mill-istat, il-Kummissjoni qieset il-miżura bħala li tikkostitwixxi għajnuna mill-istat, li għalhekk kellha tiġi nnotifikata abbażi ta’ l-Artikolu 88 KE u evalwata skond l-Artikolu 87 KE (2). |
|
(3) |
Permezz ta’ ittra bid-data tas-16 ta’ Mejju 2006 il-Kummissjoni infurmat lis-Slovenja li hija kienet iddeċidiet li tibda l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 88(2) KE b'konnessjoni ma’ l-għajnuna. |
|
(4) |
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tinbeda l-proċedura ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea (3). Il-Kummissjoni stiednelill-partijiet interessati sabiex jippreżentaw il-kummenti tagħhom dwar l-għajnuna. |
|
(5) |
Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda kumment mingħand partijiet interessati. |
|
(6) |
Is-Slovenja ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Lulju 2006. Il-Kummissjoni talbet aktar informazzjoni permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Frar 2007 (ref. D/50797) li għaliha s-Slovenja wieġbet permezz ta’ ittra tat-23 ta’ April 2007. Barra minn dan, saret laqgħa bejn is-servizzi tal-Kummissjoni u l-awtoritajiet Sloveni fit-28 ta’ Ġunju 2006. |
II. DESKRIZZJONI TA’ L-GĦAJNUNA FID-DETTALL
1. Il-benefiċjarju
|
(7) |
Javor Pivka timmanifattura prodotti ta’ l-injam semi-manifatturati u għamara. Tinsab fiż-żona Pivka fis-Slovenja, żona li tirċievi għajnuna skond l-Artikolu 87(3)(a)KE. Fl-2003 kellha madwar 800 impjegat. Għandha erba’ kumpaniji sussidjarji. |
|
(8) |
Il-kumpanija hija l-proprjetà ta’ madwar 1 264 azzjonist li fosthom 9 kumpaniji ta’ investiment, jew persuni legali oħra, għandhom is-60 %, u l-40 % li jibqa' huma maqsuma bejn 1 255 azzjonist, li l-ebda wieħed minnhom m'għandu aktar minn 1 % (4). |
|
(9) |
Fis-snin sal-mument ta’ l-għoti ta’ l-għajnuna, Javor Pivka għaddiet minn diffikultajiet finanzjarji. L-indikaturi finanzjarji u operazzjonali ewlenin jinsabu fit-tabella li ġejja: Tabella 1 Indikaturi finanzjarji ta’ Javor Pivka
|
2. Programm ta’ ristrutturar
|
(10) |
Sabiex tegħleb id-diffikultajiet tagħħa, Javor Pivka ppreżentat pjan ta’ ristrutturar għall-perjodu 2004-2008 lill-Ministeru ta’ l-Ekonomija f'April 2004. |
|
(11) |
Il-kumpanija ddikjarat li d-diffikultajiet tagħha kienu ġejjin minn nuqqas ta’ kompetittività quddiem l-importazzjoni minn produtturi ta’ prodotti rħas f'pajjiżi li qed jiżviluppaw fis-swieq tradizzjonali tagħha fejn tesporta (b'mod partikolari il-Ġermanja u l-Istati Uniti). Sabiex tilqa' għal din il-kompetizzjoni u terġa' tikseb il-vijabbiltà, Javor Pivka identifikat il-ħtieġa li tiżdied il-produttività permezz ta’ modernizzazzjoni teknoloġika u tnaqqis ta’ spejjeż, u sabiex issib post ġdid f'niċeċ bi profil għola u fi swieq ġeografiċi ġodda. |
|
(12) |
Għal dan l-iskop, il-programm ta’ ristrutturar stipula dawn il-miżuri li ġejjin: |
|
(13) |
Ristrutturar teknoloġiku: Dan fisser modernizzazzjoni sħiħa ta’ apparat u ta’ programmi ta’ produzzjoni li għadda żmienhom. L-għan ma kienx li tiżdied il-kapaċità iżda li tiżdied il-produttività u sabiex jintlaqgħu it-talbiet tal-klijenti billi jiddaħħlu prodotti ġodda u billi jinbdew jintużaw livelli ekoloġiċi ta’ manifattura. Faċilitajiet ġodda ta’ produzzjoni jkunu wkoll jippermettu lill-kumpanija li timxi lil hinn minn prodotti intermedjarji lejn prodotti aktar ipproċessati b'valur miżjud ogħla (b'mod partikolari fil-programm tal-plywood). L-ispejjeż ta’ din il-parti tal-pjan ta’ ristrutturar kellhom jiġu ffinanzjati kif ġej: 50 % minn self mill-banek fuq garanzija mogħtija mill-istat Sloven, u l-50 % li jibqa' mill-fondi stess ta’ Javor Pivka. |
|
(14) |
Ir-ristrutturar fejn jidħlu l-ħaddiema: Din il-parti tal-pjan kienet taħseb għal tnaqqis ta’ ħaddiema permezz ta’ madwar 100 sensja (bid-dritt għall-ħlas ta’ liċenzjament) kif ukoll għat-taħriġ tas-700 li jibqa' sabiex dawn jadattaw il-kapaċitajiet tagħhom għall-ħtiġijiet il-ġodda tal-programm ta’ ristrutturar. |
|
(15) |
Stħarriġ ta’ strateġija kummerċjali: Element ieħor tal-pjan ta’ ristrutturar kien it-tiftix għal niċeċ fi swieq ġodda li jkun fihom aktar qliegħ u d-dħul fi swieq ġodda (ir-Russja, l-aktar għall-għamara, u x-Xlokk ta’ l-Ewropa), bħala adattament għat-tibdil fit-talba u fil-kompetizzjoni fis-swieq il-qodma tal-kumpanija. Fejn jidħlu l-prodotti, il-kumpanija kellha l-ħsieb li tifrex l-attenzjoni tagħha aktar lejn plywood lest, plywood speċjali għall-industrija tal-bini u, fis-settur ta’ l-għamara, siġġijiet apposta għall-isptarijiet, għad-djar ta’ l-anzjani u faċilitajiet oħra bħal dawn. |
|
(16) |
Ir-rijorganizzazzjoni ta’ l-istrutturi tal-kumpanija: It-ritorn lejn il-vijabbiltà se tkun teħtieġ ukoll xi rijorganizzazzjoni tal-kumpanija (pereżempju l-amalgamazzjoni tas-sussidjarji u t-titjib tas-superviżjoni ta’ l-ispejjeż billi jiġu ċċentralizzati l-funzjonijiet kummerċjali ta’ bejgħ, xiri u finanzi. L-ispiża ta’ dawn il-miżuri kellha tiġi koperta għal kollox mir-riżorsi ta’ Javor Pivka stess. |
|
(17) |
Ristrutturar finanzjarju: In-nuqqas ta’ likwidità wassal għal responsabbiltajiet u spejjeż akbar. L-iskop tar-ristrutturar finanzjarju kien dak li s-sorsi li għandha l-kumpanija fejn jidħlu finanzi u skedi ta’ pagamenti jiġu adattati sabiex tkun garantita l-kapaċità tagħha li tħallas, sew bħalissa kif ukoll għat-tul. L-attivitajiet kellhom ikunu ffukati fuq l-iskedar mill-ġdid tad-djun, it-tnaqqis ta’ rati ta’ interessi, l-estensjoni ta’ skadenzi għall-pagamenti u l-kisba ta’ moratorju fuq il-pagament tas-somma prinċipali. |
3. L-ispejjeż u l-iffinanzjar tar-ristrutturar
|
(18) |
It-tabella li ġejja tagħti sommarju ġenerali ta’ l-iffinanzjar ta’ l-ispejjeż tar-ristrutturar (5): Tabella 2 L-ispejjeż u l-iffinanzjar tar-ristrutturar
|
|
(19) |
L-element ewlieni ta’ appoġġ minn riżorsi ta’ l-istat huwa l-garanziji pubbliċi li jkopru self ta’ SIT 1 100 000 000 maħsub għall-iffinanzjar tar-ristrutturar teknoloġiku ta’ Javor Pivka. Bħala sigurtà għall-garanziji, l-awtoritajiet Sloveni rċivew ipoteka fuq assi proprjetà ta’ Javor Pivka għal valur ta’ l-ammont kopert mill-garanziji, jiġifieri SIT 1 100 000 000 (madwar EUR 4 584 000). |
|
(20) |
Barra minn dan, ingħatat għajnuna fil-forma ta’ għotja ta’ SIT 382 250 000 (madwar EUR 1 592 000) għall-ispejjeż tar-ristrutturar fejn jidħlu l-ħaddiema. Din l-għajnuna se tikkontribwixxi sew għall-ħlas tal-liċenzjament għall-ħaddiema mogħtija s-sensja kif ukoll għall-ispejjeż tat-taħriġ ta’ dawk il-ħaddiema li jinżammu. |
|
(21) |
Is-Slovenja ddikjarat li Javor Pivka se tikkontribwixxi SIT 2 119 650 000 (madwar EUR 8 832 000) għar-ristrutturar, li jikkorrispondi għal 53,7 % ta’ l-ispejjeż totali. |
4. Is-sitwazzjoni tas-suq
|
(22) |
Javor Pivka tipproduċi l-prodotti li ġejjin, li l-ishma li għandha fihom fis-swieq Ewropej huma kif ġej (iċ-ċifri huma għall-2003, u l-kodiċi NM jirreferu għan-Nomenklatura Magħquda):
|
|
(23) |
Is-sehem totali ta’ Javor Pivka fejn tidħol il-firxa ta’ prodotti tagħha fis-suq ta’ l-UE-25 kien ta’ 0,21 % fl-2003. |
III. RAĠUNIJIET GĦALL-FTUĦ TAL-PROĊEDURA SKOND L-ARTIKOLU 88(2) KE
|
(24) |
Kif intqal aktar 'l fuq, l-awtoritajiet Sloveni ma nnotifikawx il-miżuri favur Javor Pivka. Fl-ittra tagħha tas-16 ta’ Mejju 2006 li permezz tagħha nfetħet il-proċedura skond l-Artikolu 88(2) KE, il-Kummissjoni spjegat fid-dettall għaliex il-miżuri msemmija jikkostitwixxu għajnuna ġdida li trid tkun innotifikata abbażi ta’ l-Artikolu 88 KE u evalwata skond l-Artikolu 87 KE. |
|
(25) |
Barra minn dan, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar il-kumpatibbiltà ta’ l-għajnuna mas-suq komuni, u b'mod partikolari mal-Linji-Gwida ta’ l-1999 (6) tal-Komunità dwar l-għajnuna biex jiġu salvati u rristrutturati ażjendi f'diffikultà (minn issa 'l quddiem “il-linji-gwida”), għar-raġunijiet li ġejjin:
|
IV. IL-KUMMENTI TAS-SLOVENJA
|
(26) |
Waqt il-proċeduri formali, is-Slovenja għamlet, fis-sustanza, il-kummenti li ġejjin. |
1. Għajnuna ġdida, jew għajnuna mogħtija qabel l-adeżjoni
|
(27) |
Is-Slovenja insistiet li l-opinjoni favorevoli tal-kummissjoni ta’ esperti inter-ministerjali kienet, għall-iskopijiet prattiċi kollha, Deċiżjoni ta’ l-għoti ta’ għajnuna li kienet torbot lill-istat Sloven. Peress li din id-Deċiżjoni kienet ġiet adottata fis-6 ta’ April 2004, jiġifieri qabel l-adeżjoni tas-Slovenja ma’ l-Unjoni Ewropea, u peress li l-għajnuna ma baqgħetx tapplika wara l-adeżjoni, is-Slovenja qieset li kienet għajnuna mogħtija qabel l-adeżjoni li għaliha ma jgħoddux id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 87 u 88(3) KE. |
2. L-eliġibbiltà
2.1. Il-kunċett ta’ kumpanija “f'diffikultà”
|
(28) |
Is-Slovenja wriet, billi ssottomettiet fost affarijiet oħra l-indikaturi ta’ prestazzjoni fit-tabella nru. 1 ta’ hawn fuq, li Javor Pivka kienet qed turi ħafna karatteristiċi ta’ kumpanija f'diffikultà, u li dan ma kienx biss bħala ġrajja ta’ darba fl-2003, iżda xejra li wieħed seta' jilmah fuq perjodu ta’ erba’ snin (2000-2003). |
|
(29) |
F'dan ir-rigward, is-Slovenja indikat li Javor Pivka ma rnexxilux iżid id-dħul nett mill-bejgħ fi żmien il-perjodu msemmi. Ir-riżultat operattiv kien negattiv tul il-perjodu kollu, ħlief għall-2000, u t-telf żdied bejn l-2001 u l-2003. It-telf kurrenti fl-2003 kien qrib nofs il-kapital ta’ l-ishma tal-kumpanija. Il-qliegħ mill-bejgħ, l-ekwità u l-assi kien fin-negattiv u mar lura l-ħin kollu bejn l-2001 u l-2003. Il-likwidità ħielsa mill-operazzjonijiet niżlet tul il-perjodu u kienet fin-negattiv fl-2003. Din ix-xejra negativa waslet biex Javor Pivka ikollu fuqu theddida kbira ta’ falliment fl-2003. |
2.2. Il-proprjetà f'Javor Pivka
|
(30) |
Is-Slovenja kkjarifikat l-istruttura ta’ proprjetà f'Javor Pivka, b'referenza għad-dettalji tal-mudell ta’ privatizzazzjoni applikat mis-Slovenja wara tmiem ir-reġim Komunista. Is-Slovenja applikat il-kunċett uniku li l-kapital tal-kumpaniji ma kellux sidien identifikabbli, la privati u lanqas pubbliċi, iżda kien “kapital soċjali”, proprjetà tal-popolazzjoni kollha kemm hi. Il-proċess ta’ privatizzazzjoni kellu l-għan li jittrasforma dan il-kunċett astratt fi strutturi ta’ proprjetà aktar ċari permezz ta’ ċertifikati ta’ proprjetà li kienu tqassmu lill-popolazzjoni. Dawn iċ-ċertifikati setgħu jitpartu ma’ ishma f'dawk li kienu kumpaniji “soċjali”. |
|
(31) |
F'dan il-proċess, kellhom rwol importanti l-hekk imsejħa kumpaniji ta’ l-investiment awtorizzati (magħrufa bit-taqsira “PID”) u l-kumpaniji ta’ amministrazzjoni (“DZU”) li kienu twaqqfu sabiex jippermettu lill-investituri privat jiġbru flimkien iċ-ċertifikati tagħhom. Dawn kienu imbagħad jiġu mibdula mill-PIDs f'ishma f'diversi kumpaniji privatizzati, filwaqt li l-investituri individwali min-naħa tagħhom irċevew ishma fil-PID, pjuttost milli fil-kumpaniji privatizzati direttament (il-PIDs kienu jaġixxu qishom fond ta’ investiment). |
|
(32) |
Madankollu, il-PIDs ma kellhomx fondi disponibbli liberament (peress li l-valuta ta’ l-investimenti tagħhom kienu ċ-ċertifikati) u ma kellhomx il-ħiliet u l-esperjenza professjonali biex jieħdu sehem attiv fit-tmexxija korporattiva. Bħala riżultat ta’ dan, huma kienu sidien passivi li kienu jieħdu jew sehem żgħir jew l-ebda sehem fit-tmexxija tal-kumpaniji li tagħhom kienu sidien. |
|
(33) |
Investituri passivi bħal dawn jiffurmaw parti kbira mill-proprjetarji ta’ Javor Pivka (madwar 44 % ta’ l-ishma). M'għandhom l-ebda kapital frisk x'jinvestu fil-kumpanija. Tabilħaqq, meta tnieda l-programm ta’ ristrutturar, is-sidien istituzzjonali kollha ġew mistiedna jipparteċipaw fl-iffinanzjar mill-ġdid, iżda ħadd ma wieġeb. 40 % oħra ta’ l-ishma huma maqsuma fost l-1 255 detentur żgħar ta’ l-ishma u b'hekk mill-anqas 80 % tal-proprjetà f'Javor Pivka mhix immaniġġjata b'mod attiv. |
3. Il-kisba mill-ġdid tal-vijabbiltà
|
(34) |
Dwar dan il-punt, is-Slovenja spjegat li l-projezzjonijiet dwar il-prestazzjoni ta’ Javor Pivka skond il-pjan ta’ ristrutturar u l-kisba mill-ġdid tal-vijabbiltà li kellha sseħħ bħala konsegwenza tiegħu kienu bbażati fuq analiżi tas-suq inkorporati fil-pjan ta’ ristrutturar, fuq previżjonijiet ta’ bejgħ fid-diversi partijiet tal-kumpanija, u fuq riċerka tas-suq. |
|
(35) |
Bħala turija ta’ l-affidabbiltà ta’ dawn il-previżjonijiet, is-Slovenja ppreżentat informazzjoni addizzjonali kumplementari. B'mod partikolari, is-Slovenja tat rendikont tas-sorsi tad-data li fuqha kienu bbażati l-projezzjonijiet għas-snin 2004-2006, maqsuma skond l-artikoli speċifiċi fi ħdan il-firxa ta’ prodotti tal-kumpanija. |
4. Miżuri ta’ kumpens
|
(36) |
Fuq dan il-punt, is-Slovenja ressqet l-argument li ma kienu meħtieġa l-ebda miżuri ta’ kumpens peress li, fid-dawl tas-sehem fis-suq negliġibbli ta’ Javor Pivka, ma hemm l-ebda distorzjoni indebita tal-kompetizzjoni. Barra minn dan, is-Slovenja ressqet l-argument li l-ħtieġa ta’ miżuri ta’ kumpens trid tkun evalwata billi jittieħed kont xieraq tal-fatt li Javor Pivka hija bbażata f'żona li hi eliġibbli għall-għajnuna reġjonali skond l-Artikolu 87(3)(a) KE (ara l-punt 54 tal-linji-gwida). |
5. Il-kontribuzzjoni proprja
|
(37) |
Is-Slovenja speċifikat is-sorsi tal-kontribuzzjoni proprja ta’ Javor Pivka kif imfissra fit-tabella fil-paragrafu (18) ta’ din id-Deċiżjoni. Dawn il-fondi kellhom jiġu ffinanzjati kif ġej: Il-bejgħ ta’ l-assi (proprjetà immobbli u finanzjarja) kellha tirrendi SIT 958 427 170. SIT 900 000 000 kellhom jiġu minn self mill-banek miksuba b'kundizzjonijiet tas-suq mingħajr għajnuna. Il-bqija kellhom jiġu pprovduti permezz ta’ “deprezzament u ammortizzament” ta’ l-assi (mistennija li jammontaw għal SIT 1 111 786 000 fl-2004-2006). |
6. Għajnuna oħra
|
(38) |
Fl-aħħarnett, dwar dan il-punt, is-Slovenja tat parir lill-Kummissjoni li Javor Pivka kien irċieva għajnuna mill-istat għal miżuri ta’ ffrankar ta’ l-enerġija. L-għajnuna kienet ingħatat taħt skema biex jiġi promoss l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija li jistgħu jiġġeddu, użu effettiv ta’ l-enerġija, u l-koġenerazzjoni tas-sħana u ta’ l-elettriku. L-għajnuna ngħatat fl-1 ta’ Settembru 2003 u tħallset fid-19 ta’ Frar 2004. Din l-informazzjoni ġiet ikkorroborata b'dokumenti. |
V. L-EVALWAZZJONI TA’ L-GĦAJNUNA
1. L-eżistenza ta’ għajnuna mill-istat
|
(39) |
Skond l-Artikolu 87 KE, kull għajnuna mogħtija minn Stat Membri jew permezz ta’ riżorsi ta’ l-istat, f'kull forma tkun xi tkun, li tikkawża, jew thedded li tikkawża, distorsjoni fil-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti prodotti, sakemm dan ikun jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, tikkostitwixxi għajnuna mill-istat inkompatibbli, sakemm din ma tkunx tista’ tiġi ġġustifikata skond l-Artikolu 87(2) jew (3) KE. |
|
(40) |
Il-Kummissjoni tinnota li l-għajnuna hija mogħtija permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat lil kumpanija individwali. Il-kriterju li l-kumpanija individwali tkun favoreġġjata huwa wkoll sodisfatt. Fejn tidħol l-għajnuna mogħtija fil-forma ta’ għotja, il-vantaġġ għall-benefiċjarju huwa ovvju. Fil-każ tal-garanzija, il-vantaġġ jista’ jidher anqas ovvju peress li Javor Pivka pprovdiet sigurtà fil-forma ta’ ipoteka bi għall-garanzija. Madankollu, l-awtoritajiet Sloveni aċċettaw li jagħtu l-garanzija kontra ipoteka bi proporzjon ta’ 1:1 (bil-valur ta’ l-ipoteka li huwa daqs l-ammont kopert mill-garanzija). B'kuntrast ma’ dan, dawk li jsellfu b'rati kummerċjali ma kinux ser jagħtu self kontra proporzjon ta’ ipoteka ta’ anqas minn 2,5:1. Dak iż-żmien, Javor Pivka ma kinitx tkun tista’ tipprovdi ipoteka biżżejjed biex jakkwista l-istess kreditu b'kundizzjonijiet kummerċjali. Fil-fatt, l-ipoteka pprovduta għall-garanzija kienet tirrappreżenta l-ammont totali tal-propjetà franka ta’ Javor Pivka f'dak il-mument. B'hekk, il-garanzija pprovduta mill-awtoritajiet Sloveni iffavorixxiet lil Javor Pivka billi ppermettiet lill-kumpanija takkwista self akbar milli kienet takkwista bis-saħħa biss tas-sigurtà li setgħat tipprovdi. |
|
(41) |
Peress li jeżisti kummerċ ta’ prodotti pproċessati ta’ l-injam u ta’ għamara bejn is-Slovenja u Stati Membri oħra, il-miżura tista’ ttejjeb il-pożizzjoni ta’ min jirċeviha meta mqabbel mal-kompetituri tiegħu fis-Slovenja u fl-UE, u għalhekk tista’ konsegwentement tikkawża distorsjoni fil-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. |
|
(42) |
Bħala konsegwenza, il-Kummissjoni tqis li l-garanzija u s-sussidju in kwistjoni jikkostitwixxu għajnuna mill-istat fi ħdan it-tifsira ta’ l-Artikolu 87(1) KE. |
2. L-eżistenza ta’ għajnuna ġdida
|
(43) |
L-awtoritajiet Sloveni poġġew fid-dubju l-poter tal-Kummissjoni li tevalwa l-għajnuna skond l-Artikoli 87 u 88 KE, billi ressqu l-argument li din ingħatat qabel l-adeżjoni. Kif ikkjarifikat il-Kummissjoni fid-deċiżjoni tal-ftuħ, sabiex jiġi ddeterminat jekk għajnuna bdietx tingħata qabel jew wara l-adeżjoni, l-avveniment rilevanti huwa l-att li jorbot legalment li permezz tiegħu l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jimpenjaw rwieħhom li jagħtu l-għajnuna (7). Fin-nuqqas ta’ deċiżjoni bħal din qabel l-adeżjoni, il-miżura tikkostitwixxi għajnuna ġdida, anki jekk l-impenji ta’ l-istat kienu magħrufa qabel. |
|
(44) |
Fil-każ preżenti, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-att li jorbot, li permezz tiegħu l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali impenjaw rwieħhom li jagħtu l-għajnuna, ma daħalx fis-seħħ qabel l-adeżjoni. Id-dispożizzjonijiet Sloveni rilevanti jistqarru li l-għajnuna għandha tingħata b'deċiżjoni tal-gvern abbażi ta’ proposta minn ministeru kompetenti. Filwaqt li deċiżjonijiet minn qabel tal-kumitat ta’ esperti interdipartimentali u l-Ministru responsabbli huma tabilħaqq meħtieġa għall-għotja, mhumiex biżżejjed biex tingħata l-għajnuna. Id-Deċiżjoni aħħarija trid tittieħed mill-gvern. Fil-każ preżenti, ir-riżoluzzjoni tal-Gvern inħarġet fis-27 ta’ Mejju 2004, u s-Slovenja aderiet ma’ l-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Mejju 2004. Għaldaqstant, il-miżuri jikkostitwixxu għajnuna ġdida u kellhom jiġu nnotifikati abbażi ta’ l-Artikolu 88 KE u evalwati skond l-Artikolu 87 KE. |
3. Kumpatibbiltà ta’ l-għajnuna
|
(45) |
Peress li l-għajnuna msemmija hija għajnuna għar-ristrutturar, hija kumpatibbli mas-suq komuni jekk tkun konformi mal-kriterji fil-linji-gwida. |
|
(46) |
Fid-dawl tal-kummenti tas-Slovenja u ta’ l-informazzjoni miġbura matul l-inkjesta tagħha, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjonijiet li ġejjin dwar il-punti li wassluha biex tibda' l-proċedura formali. |
3.1. Eliġibbiltà
|
(47) |
Fid-dawl ta’ l-informazzjoni ppreżentata mis-Slovenja, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-prestazzjoni ta’ Javor Pivka kif deskritta fis-sezzjoni 2.1 hawn fuq turi li kienet tabilħaqq kumpanija f'diffikultà fiż-żmien meta ngħatatilha għajnuna mill-istat. Il-Kummissjoni tinnota b'mod partikolari li Javor Pivka kellu telf dejjem jiżdied, fatturat dejjem jonqos, u tnaqqis fil-likwidità. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li dawn il-problemi kienu parti minn xejra għas-snin 2000-2004, u mhumiex sempliċement ġrajja ta’ darba fl-2003. |
|
(48) |
Il-Kummissjoni tinnota wkoll l-ispjegazzjonijiet tas-Slovenja dwar in-natura tal-proprjetà f'Javor Pivka. Fid-dawl tan-natura passiva u tar-riżorsi kapitali fqar tas-sidien istituzzjonali ta’ Javor Pivka kif ukoll tal-frammentazzjoni tal-kumplament tal-proprjetà fiha, il-Kummissjoni taċċetta li l-kumpanija ma setgħetx takkwista l-fondi meħtieġa mingħand l-azzjonisti tagħha. Għall-istess raġunijiet, u meta wieħed jieħu f'kunsiderazzjoni l-fatt li l-ebda sid wieħed m'għandu aktar minn 15 % tal-kapital ta’ l-ishma ta’ Javor Pivka, il-Kummissjoni hija wkoll tal-fehma li Javor Pivka mhijiex il-proprjetà ta’ grupp kummerċjali akbar. |
|
(49) |
Għaldaqstant, il-Kummissjoni taċċetta li Javor Pivka kienet eliġibbli għal għajnuna għar-ristrutturar. |
3.2. Il-kisba mill-ġdid tal-vijabbiltà
|
(50) |
Il-Kummissjoni indikat fid-deċiżjoni tal-ftuħ li ma kienx ċar kif il-pjan ta’ ristrutturar kien jippermetti lil Javor Pivka sabiex terġa' takkwista l-vijabbiltà fit-tul. Dan l-aktar minħabba l-projezzjonijiet fuq ħames snin li kienu jindikaw kif il-kumpanija x'aktarx kienet se tevolvi bħala riżultat tal-miżuri ta’ ristrutturar. Il-Kummissjoni kkummentat li s-Slovenja ma kinitx issottomettiet l-informazzjoni u d-data meħtieġa sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tevalwa l-presunzjonijiet ta’ kif x'aktarx li tkun il-prestazzjoni ta’ Javor Pivka bil-pjan ta’ ristrutturar. |
|
(51) |
Matul il-proċedura, is-Slovenja ssottomettiet l-informazzjoni kumplementari msemmija fis-sezzjoni 4.3 hawn fuq. Din l-informazzjoni tispjega b'mod xieraq il-bażi tal-preżunzjonijiet. Il-Kummissjoni tinnota li l-previżjonijiet dwar il-prestazzjoni ta’ Javor Pivka fejn jidħol bejgħ jistħgu llum jidhru ottimisti meta wieħed iqis li fl-2005 u fl-2006 is-settur ħabbat wiċċu ma’ kompetizzjoni mil-Lvant Imbiegħed li rriżultat fi provvista żejda u pressjoni 'l isfel fuq il-prezzijiet. Madankollu, mhux ċar jekk din l-informazzjoni kinitx diġà magħrufa fil-bidu ta’ l-2004. Barra minn dan, fl-2006 il-Kummissjoni nnifisha osservat li: “kien hemm żieda sinifikanti fil-produzzjoni u l-konsum tal-plywood f'dawn l-aħħar ftit snin, bl-iżvilupp ta’ suq qawwi ta’ esportazzjoni għal ċerti gradi” (8). Peress li l-Kummissjoni ma ngħatat l-ebda informazzjoni kontra din li tixħet dubji fuq is-suppożizzjonijiet tal-kumpaniji u tagħha stess, il-Kummissjoni m'għandha l-ebda raġuni li ma temminhomx. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li l-projezzjonijiet magħmula fl-2004 jidhru realistiċi, b'tali mod li d-dubji tal-Kummissjoni dwar dan il-punt issa twarrbu. |
3.3. Miżuri ta’ kumpens
|
(52) |
Skond il-punti 35 u 36 tal-linji-gwida, iridu jittieħdu miżuri biex itaffu kemm jista’ kull ebda impatt negattiv ta’ l-għajnuna mill-istat fuq il-kompetituri. Madankollu, miżuri kumpensatorji bħal dawn mhumiex meħtieġa meta sehem il-benefiċjarju fis-suq rilevanti jkun negliġibbli. F'dawn il-każi, il-miżuri kumpensatorji mhumiex kundizzjoni biex l-għajnuna mill-istat tiġi dikjarata kumpatibbli mas-suq komuni. |
|
(53) |
Il-Kummissjoni tinnota li skond l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Sloveni, Javor Pivka hija attiva f'diversi swieq ta’ prodotti (plywood, pannelli ta’ l-għeluq, kisi tal-fuljetta u għamara, ara l-punt 22 ta’ din id-deċiżjoni). Fejn jidħol il-plywood, il-Kummissjoni l-ewwelnett tinnota li f'każ partikolari ta’ amalgamazzjoni “investigazzjoni tas-suq ikkonfermat li t-tipi differenti ta’ boards b'bażi ta’ injam bħal ma huma l-plywood, il-hardboard, ir-raw particleboards u l-coated particleboards, il-laminati dekorattivi (HPL/CLP) u l-elementi ta’ pannelli b'bażi ta’ injam għall-industrija ta’ l-għamara u dik tal-bini jagħmlu parti minn swieq separati ta’ prodotti.” (9) |
|
(54) |
Fejn tidħol id-definizzjoni tas-suq relevanti, is-Slovenja pprovdiet lill-Kummissjoni bi studju tas-suq li jindika l-ishma fis-suq, għas-suq tal-prodotti rilevanti, fl-UE-25. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni ftit għandha għaliex titbiegħed mis-suppożizzjoni fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20 tal-linji-gwida li s-suq rilevanti huwa ż-ŻEE. Tfakkar li kienet qabel għamlet xi investigazzjonijiet tas-suq fl-industrija Ewropea ta’ prodotti b'bażi ta’ injam (inkluż b'mod partikolari pannelli b'bażi ta’ injam magħmula mill-particleboard) f'każ partikolari ta’ amalgamazzjoni (10), u kkonkludiet li s-suq rilevanti kien usa' mis-suq nazzjonali, u ta’ l-anqas kien reġjonali f'sens transkonfinali. Dan kien enfasizzat mill-flussi kummerċjali transkonfinali importanti. Li flussi kummerċjali simili jeżistu wkoll fil-każ tal-plywood jidher miċ-ċifri pprovduti mis-Slovenja kif ikkonfermati mill-esperti interni tal-Kummissjoni (dan huwa wkoll ikkonfermat bil-fatt li l-esportazzjoni fi ħdan il-Komunità tifforma l-biċċa l-kbira mill-fattura ta’ Javor Pivka, b'55 %). Barra minn dan, instab li “reġjonali f'sens transkonfinali” kienet tfisser distanza ta’ madwar 1 000 km, bid-distanza li tvarja skond il-valur miżjud tal-prodotti, jiġifieri prodotti b'kisja kienu jsibu swieq f'distanzi anki akbar minn prodotti mingħajr kisja. Peress li l-plywood diġà huwa prodott ta’ kwalità ogħla u l-esportazzjoni hija l-aktar tal-plywood, l-ispejjeż tat-trasport huma anqas importanti milli għall-particleboard (u terġa' anqas importanti għal siġġijiet u għamara oħra magħmula mill-plywood). Fid-dawl ta’ dan, il-Kummissjoni hija tal-fehma li s-suq rilevanti għall-prodotti manifatturati minn Javor Pivka għandu jkun, jekk mhux iż-ŻEE kollha, jew l-UE-25, ta’ l-anqas parti mdaqqsa mill-UE-25. |
|
(55) |
Peress li s-sehem fis-suq ta’ Javor Pivka fl-UE-25, kif muri fis-sezzjoni 2.4 hawn fuq, huwa ta’ 0,21 % (fl-2003) għall-firxa ta’ prodotti tiegħu kollha kemm hi, u peress li dan is-sehem għandu fil-prinċipju mhux aktar milli jirdoppja anki kieku s-suq ġeografiku kellu jitnaqqas bin-nofs, il-Kummissjoni tqis li s-sehem fis-suq għadu sew taħt il-1 % li, marbut mal-fatt li s-suq jinkludi għadd kbir ta’ produtturi żgħar u ta’ daqs medju, jista’ jitqies bħala negliġibbli (11). Għaldaqstant, u peress li din id-deċiżjoni hija bbażata fuq il-linji-gwida ta’ l-1999, mhumiex meħtieġa miżuri kumpensatorji sabiex jiġi żgurat li l-għajnuna mill-istat tkun kumpatibbli mas-suq komuni. |
3.4. Għajnuna limitata kemm jista’ jkun
|
(56) |
Skond il-punt 40 tal-linji-gwida, l-għajnuna trid tkun limitata strettament għall-minimu meħtieġ sabiex ikun jista’ jsir ir-ristrutturar, u l-benfiċjarji huma mistennija li jagħmlu kontribuzzjoni sinifikanti għall-pjan ta’ ristrutturar mir-riżorsi tagħhom proprja “inkluż permezz tal-bejgħ ta’ assi li ma jkunux essenzjali biex l-ażjenda tkompli teżisti, jew minn iffinanzjar estern b'kundizzjonijiet tas-suq”. |
|
(57) |
Il-kontribuzzjoni proprja ta’ Javor Pivka għar-ristrutturar hija indikata fis-sezzjoni 4.5 hawn fuq. Irid jingħad mill-ewwel li l-Kummissjoni ma tistax taċċetta li d-deprezzament ta’ l-assi jipprovdi kontribuzzjoni proprja ġenwina (12), peress li dan ma jipprovdix riżorsi disponibbli lill-kumpanija u huwa wkoll dipendenti fuq operazzjonijiet futuri li jkunu riżultat ta’ l-għajnuna mill-istat mogħtija (13). Għalhekk ma jistgħux jittieħdu f'kunsiderazzjoni l-fondi minn dan is-sors għall-iskop tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni proprja ta’ Javor Pivka. |
|
(58) |
Min-naħa l-oħra, l-assi mibjugħa minn Javor Pivka ma jidhrux li huma essenzjali biex l-ażjenda tibqa' teżisti u d-dħul minn dan il-bejgħ għalhekk jikkostitwixxi kontribuzzjoni proprja valida. L-istess jista’ jingħad għall-fondi miksuba permezz ta’ self meħud b'kundizzjonijiet kummerċjali mill-banek u li hu mingħajr għajnuna. Flimkien, il-fondi minn dawn is-sorsi jammontaw għal SIT 2 119 650 000, li l-Kummissjoni tqis bħala l-kontribuzzjoni proprja ta’ Javor Pivka lejn ir-ristrutturar. |
|
(59) |
Il-kontribuzzjoni proprja tikkorrispondi għal 45,5 % ta’ l-ispejjeż totali ta’ ristrutturar li tista’ titqies bħala sinifikanti skond il-linji gwida (14). L-għajnuna tidher ukoll li hi limitata għall-minimu meħtieġ peress li hi limitata għall-għoti ta’ fondi addizzjonali meħtieġa sabiex isir ir-ristrutturar teknoloġiku u r-ristrutturar li jolqot lill-ħaddiema u ma jagħtix lill-kumpanija xi flus żejda. |
3.5. Għajnuna oħra
|
(60) |
Skond il-prinċipju ta’ “darba waħda, l-aħħar darba”, stipulat fil-punti 48 sa 51 tal-linji-gwida, il-Kummissjoni ma tistax tapprova għajnuna għar-ristrutturar lil kumpanija li diġà qabel tkun irċeviet għajnuna għar-ristrutturar. Il-Kummissjoni tqis li dan il-prinċipju jobbligaha li tieħu kont ta’ kull għajnuna ta’ ristrutturar mogħtija f'perjodu ta’ 10 snin qabel l-għajnuna li tkun qiegħda tiġi kkunsidrata, irrispettivament minn jekk l-ewwel għajnuna mill-istat kinitx ingħatat qabel l-adeżjoni fl-UE ta’ l-Istat Membru li jkun qed jagħtiha. Għajnuna mill-istat barra għajnuna għar-ristrutturar mhix rilevant f'dan ir-rigward. |
|
(61) |
Is-Slovenja ressqet l-argument li l-iskop ta’ din l-għajnuna kien dak li jkun promoss l-iffrankar ta’ l-enerġija għal skopijiet ambjentali. Ma sar magħruf xejn li jwassal lill-Kummissjoni tiddubita dik l-informazzjoni. Il-Kummissjoni għalhekk taċċetta li din l-għajnuna ma ngħatatx għal skopijiet ta’ ristrutturar u li m'għandhiex tiġi kkunsidrata fl-applikazzjoni tal-prinċipju “darba waħda, l-aħħar darba”. |
4. Osservazzjoni addizzjonali
|
(62) |
Waqt il-proċedimenti sar magħruf li l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturar kienet iddewmet u li xi partijiet tar-ristrutturar teknoloġiku ma ġewx implimentati skond l-iskeda. Ma jidhirx li dawn il-problemi fil-pjan ta’ ristrutturar kienu jidhru fil-mument ta’ l-għoti ta’ l-għajnuna u għaldaqstant ma jiġġustifikawx li jinxteħet dubju fuq l-abbiltà tal-pjan biex iwassal lil Javor Pivka biex tkun vijabbli. Madankollu, il-Kummissjoni tfakkar li l-approvazzjoni ta’ l-għajnuna hija bil-kundizzjoni li l-pjan jiġi implimentat bis-sħiħ (il-punt 43 tal-linji-gwida) u li jkun sorveljat (il-punt 45 tal-linji-gwida). |
|
(63) |
Il-Kummissjoni għalhekk tistenna li s-Slovenja, skond il-punt 46 tal-linji-gwida, tipprovdi ta’ l-anqas żewġ rapport ta’ monitoraġġ, wieħed dwar l-2007 fi tmiem Jannar 2008, u ieħor dwar l-2008 fi tmiem Jannar 2009, li jkun fihom informazzjoni fid-dettall dwar il-prestazzjoni finanzjarja tal-kumpanija kif ukoll ta’ l-investimenti li jkunu saru. Il-Kummissjoni tisħaq li jekk il-kumpanija ma tagħmilx l-investimenti kollha fil-pjan ta’ ristrutturar, tista’ tiġi obbligata tħallas lura xi għajnuna mill-istat anki jekk ikun irnexxielha terġa' ssir vijabbli (15). |
VI. KONKLUŻJONI
|
(64) |
Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Kummissjoni tiddikjara li l-għajnuna imsemmija hija għajnuna għar-ristrutturar li hija konformi mal-kundizzjonijiet tal-linji-gwida applikabbli, jiġifieri l-linji-gwida ta’ l-1999 dwar is-salvezza u r-ristrutturar. Il-Kummissjoni għalhekk tiddikjara li għalkemm is-Slovenja implimentat kontra l-liġi l-għajnuna għar-ristrutturar favur Javor Pitka bi ksur ta’ l-Artikolu 88(3) tat-Trattat, l-għajnuna mill-istat hija kumpatibbli mas-suq komuni. |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-għajnuna mill-istat li s-Slovenja implimentat favur Javor Pivka hija kumpatibbli mas-suq komuni skond l-Artikolu 87(3)(c) KE u l-linji-gwida tal-Komunità ta’ l-1999 dwar l-għajnuna mill-istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ ażjendi f'diffikultà.
Artikolu 2
1. Il-pjan ta’ ristrutturar għandu jkun implimentat bis-sħiħ. Għandhom jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex il-pjan ikun implimentat.
2. L-implimentazzjoni tal-pjan għandha tkun sorveljata fuq il-bażi ta’ rapporti annwali ppreżentati mis-Slovenja lill-Kummissjoni. B'mod partikolari, rapport dwar l-attivitajiet ta’ l-2007 għandu jkun sottomess sa tmiem Jannar 2008, u rapport dwar l-attivitajiet ta’ l-2008 għandu jkun sottomess sa tmiem Jannar 2009. Ir-rapporti għandu jkun fihom informazzjoni dettaljata dwar il-prestazzjoni finanzjarja tal-kumpanija kif ukoll dwar l-investimenti li tkun għamlet.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tas-Slovenja.
Magħmula fi Brussell, 10 ta’ Lulju 2007
Għall-Kummissjoni
Neelie KROES
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU C 194, 18.8.2006, p. 26.
(2) Id-dettalji tal-proċedura kienu ġew deskritti fid-Deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 1) u jibqgħu rilevanti għall-iskop tad-Deċiżjoni preżenti.
(3) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 1.
(4) Ċifri fit-30 ta’ Jannar 2004.
(*1) Il-konverżjoni ta’ l-ammonti minn SIT għal ewro hija biss għal skop ta’ informazzjoni u bbażata fuq ir-rata ta’ EUR 1 = SIT 240.
(5) Matul il-proċedura, is-Slovenja ddikjarat li l-ispejjeż tar-ristrutturar finanzjarju kienu “barra l-programm ta’ ristrutturar” u kellhom jiġu ffinanzjarji permezz ta’ self kummerċjali miksub minn Javor Pivka mingħajr għajnuna mill-istat. L-ammont korrispondenti ta’ SIT 400 000 000 ma kienx inkluż mis-Slovenja fl-ispejjeż tal-programm ta’ ristrutturar. Madankollu, il-Kummissjoni hija tal-fehma li r-ristrutturar finanzjarju huwa parti integrali u neċessarja tal-programm ta’ ristrutturar u li għaldaqstant l-ispejjeż tiegħu għandhom jiġu inklużi fl-ispiża tar-ristrutturar. L-iffinanzjar tiegħu, safejn huwa ggarantit permezz ta’ self miksub b'termini kummerċjali u mingħajr għajnuna, għandu jkun meqjus bħala kontribuzzjoni ta’ Javor Pivka stess. F'din it-tabella, bħal fil-kumplament tad-deċiżjoni, il-Kummissjoni inkorporat dawn l-ammonti fl-ispejjeż ta’ ristrutturar u fil-“fondi proprji”.
(6) Linji-gwida tal-Komunità dwar Għajnujna mill-Istat biex jiġu salvati u rristrutturati ażjendi f'diffikultà, ĠU C 288, 9.10.1999, p. 2
(7) Ara d-Deċiżjoni tal-ftuħ (imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 1), il-punti 19 u 20, kif ukoll id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-każ C-3/2005 FSO, ĠU C 100 26.4.2005, p. 2, punt 38 et seq.
(8) http://ec.europa.eu/enterprise/forest_based/tradeflows_en.html
(9) Każ Nru COMM/M.4165 - Sonae Industria/Hornitex, Deċiżjoni tal-Kummissjoni 28.6.2006, punt 11
(10) Każ Nru COMM/M.4165 - Sonae Industria/Hornitex, Deċiżjoni 28.6.2006.
(11) Ta' l-anqas fid-dawl ta’ eżempji oħra skond il-linji-gwida ta’ l-1999, ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-każ C-3/2005 FSO, GU C 100 26.4.2005, p.2, punt 38 et seq.
(12) Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Każ N464/05 AB Kauno 22.2.2006, punt 17.
(13) Dan kien ikkonfermat, fejn jidħlu l-flussi ta’ flus kontanti, fid-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni f'Każ C-19/2000 TGI, ĠU L 62, 5.3.2002, p. 30, punt 106, u fil-Każ C-30/1998 Wildauer Kurbelwelle, ĠU L 287, 14.11.2000, p. 51 punt 52 u, għal-Linji-Gwida 2004, f'AB Kauno.
(14) Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Każ C39/2000 Doppstadt, ĠU 2003 L 108, p. 8, punt 74 u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Każ C33/1998 Babcock Wilcox, ĠU 2002 L 67, p. 50
(15) Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Settembru 2006 fil-Każ N 350/06 MSO, ĠU C 280, 18.11.2006.