Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

16 ta’ Lulju 2026 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili jew kummerċjali bejn il-qrati tal-Istati Membri – Regolament (UE) 2020/1783 – Artikolu 12(2) – Talba lill-qorti rikjesta sabiex timplimenta miżura istruttorja adottata mill-qorti rikjedenti – Raġunijiet għal rifjut ta’ eżekuzzjoni ta’ tali talba – Regola ta’ dritt sostanzjali tal-Istat Membru rikjest – Kisba ta’ prova kkunsidrata kuntrarja għall-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Istat Membru rikjest – Eżumazzjoni ta’ ġisem bl-għan li tiġi stabbilita filjazzjoni – Perizja ġenetika post mortem – Artikoli 1 u 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt għar-rispett tad-dinjità tal-bniedem – Dritt li wieħed ikun jaf l-oriġini ġenetika tiegħu”

Fil-Kawża C‑196/24 [Aucrinde] (i),

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-tribunal judiciaire de Chambéry (il-Qorti tal-Ewwel Istanza, (Franza)), permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ Jannar 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑20 ta’ Frar 2024, fil-proċedura

xx

vs

ww,

yy,

zz,

vv,

fil-preżenza ta’:

Ministère public

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, T. von Danwitz (Relatur), Viċi President, K. Jürimäe, C. Lycourgos, I. Jarukaitis, M. Condinanzi u F. Schalin, Presidenti ta’ Awla, S. Rodin, E. Regan, N. Piçarra, A. Kumin, M. Gavalec, S. Gervasoni, N. Fenger u R. Frendo, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,

Reġistratur: C. Di Bella, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad‑29 ta’ April 2025,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal xx, minn M. Coppola, avocate,

–        għall-Gvern Franċiż, minn B. Dourthe, O. Duprat-Mazaré u B. Fodda, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Noë, P. J. O. Van Nuffel u W. Wils, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑11 ta’ Settembru 2025,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12(2) tar-Regolament (UE) 2020/1783 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2020 dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni tax-xhieda f’materji ċivili jew kummerċjali (kumpilazzjoni tax-xhieda) (ĠU 2020, L 405, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2020, L 2023/90050 u fil-ĠU 2024, L 2024/90158), kif ukoll tal-Artikoli 1 u 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, fl-Italja, xx minn naħa u ww, yy, zz u vv, ulied irrikonoxxuti ta’ aa min-naħa l-oħra, dwar l-istabbiliment ta’ rabta ta’ filjazzjoni bejn xx u aa, midfun fi Franza, u li tat lok għal talba għall-eżekuzzjoni, f’dan l-aħħar Stat Membru, ta’ miżura istruttorja ordnata minn qorti Taljana u intiża għall-eżumazzjoni tal-ġisem ta’ aa sabiex titwettaq perizja ġenetika post mortem.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Il-Karta

3        L-Artikolu 1 tal-Karta, intitolat “Dinjità”, jipprevedi:

“Id-dinjità tal-bniedem hija invjolabbli. Hija għandha tkun irrispettata u protetta.”

4        L-Artikolu 7 tal-Karta, intitolat “Ir-rispett għall-ħajja privata u tal-familja”, jipprovdi:

“Kull persuna għandha d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tagħha, ta’ darha u tal-kommunikazzjonijiet tagħha.”

 Ir‑Regolament 2020/1783

5        Il-premessi 3, 4, 15 u 16 tar-Regolament 2020/1783 jistipulaw:

“(3)      Għall-finijiet tal-funzjonament tajjeb tas-suq intern u tal-iżvilupp ta’ spazju ta’ ġustizzja ċivili fl-Unjoni [Ewropea] li huwa rregolat bil-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka u rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi, huwa neċessarju li tkompli tittejjeb u titħaffef il-kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri differenti fir-rigward tal-kumpilazzjoni tax-xhieda. Dan ir-Regolament għandu l-għan li jtejjeb l-effettività u l-ħeffa tal-proċedimenti ġudizzjarji billi jissimplifika u jirrazzjonalizza l-mekkaniżmi għall-kooperazzjoni fil-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-proċedimenti transfruntiera, filwaqt li jgħin biex inaqqas id-dewmien u l-ispejjeż għall-individwi u n-negozji. [...]

(4)      Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri differenti fir-rigward tal-kumpilazzjoni tax-xhieda f’materji ċivili jew kummerċjali.

[...]

(15)      Talbiet għall-kumpilazzjoni tax-xhieda jenħtieġ li jiġu eżegwiti bil-ħeffa. [...]

(16)      Biex jiġi żgurat li dan ir-Regolament ikun effettiv, iċ-ċirkostanzi li fihom hija possibbli li tiġi miċħuda l-eżekuzzjoni tat-talba ta’ kumpilazzjoni tax-xhieda jenħtieġ li jiġu limitati għal sitwazzjonijiet eċċezzjonali strettament limitati.”

6        L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Dan ir-Regolament japplika f’materji ċivili jew kummerċjali fejn il-qorti ta’ Stat Membru, f’konformità mal-liġi ta’ dak l-Istat Membru, titlob:

(a)      lill-qorti kompetenti ta’ Stat Membru ieħor biex tikkumpila xhieda; jew

(b)      il-kumpilazzjoni tax-xhieda direttament fi Stat Membru ieħor.”

7        L-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament, intitolat “Trażmissjoni diretta bejn il-qrati”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“It-talbiet imsemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 1(1) għandhom jiġu trażmessi mill-qorti li quddiemha qed jinbdew il-proċedimenti jew li quddiemha jkun hemm il-ħsieb li jinbdew (il-‘qorti rikjedenti’), direttament lill-qorti kompetenti ta’ Stat Membru ieħor (il-‘qorti rikjesta’) għall-kumpilazzjoni tax-xhieda.”

8        L-Artikolu 5 tal-istess regolament, intitolat “Formola u kontenut tat-talba”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“It-talbiet għandhom isiru permezz tal-formola A jew, fejn applikabbli, il-formola L li tinsab fl-Anness I.”

9        L-Artikolu 10 tar-Regolament 2020/1783, intitolat “Talbiet mhux kompluti”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Jekk talba ma tistax tiġi eżegwita minħabba li ma fihiex l-informazzjoni kollha meħtieġa imsemmija fl-Artikolu 5, il-qorti rikjesta għandha tinforma b’dan lill-qorti rikjedenti mingħajr dewmien u, l-aktar tard, fi żmien 30 jum minn meta tkun irċeviet it-talba, permezz tal-formola D fl-Anness I, u għandha titlob lill-qorti rikjedenti biex tibgħat l-informazzjoni nieqsa, fejn għandha tispeċifika liema hija l-informazzjoni nieqsa b’mod preċiż kemm jista’ jkun.”

10      It-Taqsima 3, intitolata “Kumpilazzjoni tax-xhieda mill-qorti rikjesta”, tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament, tinkludi b’mod partikolari l-Artikoli 12 u 16 tiegħu.

11      L-Artikolu 12 tal-imsemmi regolament, intitolat “Dispożizzjonijiet ġenerali dwar l-eżekuzzjoni ta’ talba”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      Il-qorti rikjesta għandha teżegwixxi t-talba mingħajr dewmien u, l-aktar tard, fi żmien 90 jum minn meta tirċievi t-talba.

2.      Il-qorti rikjesta għandha teżegwixxi t-talba f’konformità mal-liġi nazzjonali tagħha.

3.      Il-qorti rikjedenti tista’ titlob li t-talba tiġi eżegwita f’konformità ma’ proċedura speċjali prevista mil-liġi nazzjonali tagħha, permezz tal-formola A fl-Anness I. Il-qorti rikjesta għandha teżegwixxi t-talba skont il-proċedura speċjali għajr jekk li jsir hekk ikun inkompatibbli mal-liġi nazzjonali tagħha jew minħabba li hija ma tkunx tista’ tagħmel dan minħabba diffikultajiet prattiċi kbar. Jekk il-qorti rikjesta ma tikkonformax mat-talba li t-talba tiġi eżegwita skont il-proċedura speċjali għal waħda minn dawk ir-raġunijiet, hija għandha tinforma lill-qorti rikjedenti permezz tal-formola H fl-Anness I.

[...]”

12      L-Artikolu 16 tal-istess regolament, intitolat “Ċaħda tal-eżekuzzjoni ta’ talbiet” jipprovdi fil-paragrafi 2 sa 3 tiegħu:

“2.      L-eżekuzzjoni ta’ talba tista’ tinċaħad biss għal raġunijiet oħra minbarra dawk imsemmija fil-paragrafu 1, fejn tapplika raġuni waħda jew aktar minn dawn li ġejjin:

a)      it-talba ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament;

b)      l-eżekuzzjoni tat-talba ma taqax fil-funzjonijiet tal-ġudikatura skont il-liġi tal-Istat Membru tal-qorti rikjesta;

c)      il-qorti rikjedenti ma tikkonformax mat-talba tal-qorti rikjesta li tikkompleta t-talba għall-kumpilazzjoni tax-xhieda skont l-Artikolu 10 fi żmien 30 jum minn meta l-qorti rikjesta tkun talbet dan; jew

d)      id-depożitu jew il-ħlas bil-quddiem mitlub f’konformità mal-Artikolu 22(3) ma jsirx fi żmien 60 jum minn meta l-qorti rikjesta tkun talbet dan id-depożitu jew il-ħlas bil-quddiem.

3.      Il-Qorti rikjesta ma għandhiex tiċħad li teżegwixxi talba għall-unika raġuni li, skont il-liġi nazzjonali tagħha, qorti oħra ta’ dak l-Istat Membru għandha ġurisdizzjoni esklussiva fuq is-suġġett tal-każ jew li l-liġi ta’ dak l-Istat Membru ma tammettix id-dritt ta’ azzjoni dwar is-suġġett.”

13      Taħt it-Taqsima 4, intitolata “Kumpilazzjoni diretta tax-xhieda mill-qorti rikjedenti u kumpilazzjoni tax-xhieda minn aġenti diplomatiċi jew konsulari”, tal-Kapitolu II tar-Regolament 2020/1783, l-Artikolu 19 tiegħu jirrigwarda, konformement mat-titolu tiegħu, il-kumpilazzjoni diretta tax-xhieda mill-qorti rikjedenti. Skont it-termini ta’ dan l-Artikolu 19:

“1.      Fejn qorti titlob il-kumpilazzjoni diretta tax-xhieda fi Stat Membru ieħor, hija għandha tissottometti talba lill-korp ċentrali jew lill-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru, permezz tal-formola L fl-Anness I.

[...]

7.      Il-korp ċentrali jew l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru rikjest jistgħu jiċħdu talba għall-kumpilazzjoni diretta tax-xhieda biss jekk:

a)      din ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament;

b)      din ma jkunx fiha l-informazzjoni kollha meħtieġa msemmija fl-Artikolu 5; jew

c)      il-kumpilazzjoni diretta tax-xhieda mitluba tmur kontra l-prinċipji fundamentali tal-liġi fl-Istat Membru tagħha.

[...]”

 Id-dritt Franċiż

14      L-Artikolu 16 tal-code civil (il-Kodiċi Ċivili), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Ċivili Franċiż”), jipprovdi:

“Il-liġi tiżgura s-supremazija tal-persuna, tipprojbixxi kull ksur tad-dinjità tagħha u tiggarantixxi r-rispett tal-bniedem sa mill-bidu ta’ ħajtu.”

15      L-Artikolu 16‑1‑1 ta’ dan il-kodiċi jipprevedi:

“Ir-rispett dovut għall-ġisem tal-bniedem ma jieqafx bil-mewt.

Il-fdalijiet tal-persuni mejta, inklużi l-irmied ta’ dawk li l-ġisem tagħhom ta lok għal kremazzjoni, għandhom jiġu ttrattati b’rispett, dinjità u deċenza.”

16      L-Artikolu 16‑9 tal-imsemmi kodiċi jiddisponi:

“Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kapitolu huma ta’ ordni pubbliku.”

17      L-Artikolu 16‑11 tal-istess kodiċi jiddisponi:

“L-identifikazzjoni ta’ persuna mill-impronti ġenetiċi tagħha tista’ tintalab biss:

1°      Fil-kuntest ta’ miżuri ta’ investigazzjoni jew ta’ perizja mwettqa fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja;

2°      Għal raġunijiet mediċi jew ta’ riċerka xjentifika;

3°      Sabiex tiġi stabbilita, meta ma tkunx magħrufa, l-identità ta’ persuni deċeduti;

4°      Taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu L. 2381‑1 tal-code de la défense (il-Kodiċi tad-Difiża);

5°      Għall-finijiet tal-ġlieda kontra d-doping, fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu L. 232‑12‑2 tal-code du sport (il-Kodiċi tal-Isport).

Fil-qasam ċivili, din l-identifikazzjoni tista’ titfittex biss b’eżekuzzjoni ta’ investigazzjoni ordnata mill-qorti adita b’azzjoni intiża jew għall-istabbiliment jew għall-kontestazzjoni tal-filjazzjoni, jew għall-kisba jew għat-tneħħija ta’ sussidji. Il-kunsens tal-persuna kkonċernata għandu jinkiseb b’mod espliċitu u minn qabel. L-identifikazzjoni ma għandhiex issir billi jitfasslu impronti ġenetiċi wara l-mewt ta’ persuna, sakemm dik il-persuna ma tkunx tat il-kunsens espliċitu tagħha matul ħajjitha.

[...]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

18      Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, xx, adixxa lit-Tribunale di Genova (il‑Qorti ta’ Genova, l-Italja) b’azzjoni intiża sabiex jiġi kkonstatat li huwa l-iben naturali ta’ aa, midfun fi Franza, sabiex jiġi awtorizzat juża l-kunjom patern tiegħu, sabiex tordna lir-reġistratur ċivili kompetenti jirreġistra s-sentenza li għandha tingħata meta din issir definittiva u sabiex tiġi stabbilita perizja li tikkonstata l-filjazzjoni naturali, wara l-eżumazzjoni tal-ġisem tal-missier preżunt.

19      It-tfal irrikonoxxuti ta’ aa, li huma l-konvenuti fil-kawża prinċipali, opponew l-eżamijiet neċessarji għal perizja ematoloġika li tippermetti li jiġi ddeterminat jekk ir-rikorrent fil-kawża prinċipali għandux karatteristiċi ġenetiċi li jikkorrispondu għall-karatteristiċi ġenetiċi tagħhom. Huma talbu li jsir eżami ġenetiku fuq il-ġisem tal-missier mejjet tagħhom fil-post fejn qiegħed jistrieħ il-kadavru tiegħu. It-Tribunale di Genova (il-Qorti ta’ Genova) ordnat perizja ematoloġika u ħatret espert inkarigat li jwettaq paragun ġenetiku bejn ir-rikorrent fil-kawża prinċipali u l-kadavru tal-missier preżunt, wara l-eżumazzjoni ta’ dan tal-aħħar.

20      Fit‑18 ta’ Novembru 2022, it-Tribunale di Genova (il-Qorti ta’ Genova) bagħtet lit-tribunal judiciaire de Chambéry (il-qorti ta’ Chambéry, Franza), li hija l-qorti tar-rinviju, talba skont ir-Regolament 2020/1783, intiża għall-eżekuzzjoni ta’ miżura istruttorja, f’dan il-każ l-eżumazzjoni tal-ġisem tal-missier preżunt, flimkien mat-teħid ta’ aċidu deossiribonuklejku (DNA) fid-dawl tal-perizja ematoloġika kkonċernata.

21      Il-qorti tar-rinviju tikkonstata li t-talba mressqa mill-qorti Taljana taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament 2020/1783 u li hija ammissibbli. Fil-fatt, din it-talba toriġina minn qorti ta’ Stat Membru u għandha tiġi eżegwita minn qorti ta’ Stat Membru ieħor, f’dan il-każ fil-ġurisdizzjoni tal-qorti tar-rinviju. Il-mezzi ta’ prova li din l-aħħar qorti hija mitluba tiġbor huma intiżi sabiex jintużaw fi proċedura ġudizzjarja f’materji ċivili.

22      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tosserva li hija ma hijiex sempliċi awtorità ta’ eżekuzzjoni ta’ miżura istruttorja ordnata mill-qorti Taljana, iżda li hija għandha tagħti deċiżjoni ġudizzjarja sabiex tivverifika jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti mir-Regolament 2020/1783 humiex issodisfatti. Issa, din il-verifika ma tistax titqies li hija sempliċi formalità fid-dawl tal-Artikolu 12(2) ta’ dan ir-regolament, li jimponi fuq il-qorti rikjesta li “teżegwixxi t-talba f’konformità mal-liġi nazzjonali tagħha”.

23      F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tqis li ebda raġuni ma tipprekludi l-eżekuzzjoni tal-imsemmija talba skont l-Artikolu 16 tar-Regolament 2020/1783. Fil-fatt, talba għal eżumazzjoni ta’ ġisem sabiex jinkiseb il-ġbir tad-DNA tikkostitwixxi talba għal kisba ta’ prova. L-eżekuzzjoni ta’ tali talba taqa’ taħt il-kompetenzi tas-setgħa ġudizzjarja Franċiża, peress li d-dritt ta’ azzjoni għall-istabbiliment tal-filjazzjoni huwa rrikonoxxut mid-dritt Franċiż. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju ma qieset li kellha tressaq ebda talba intiża sabiex it-talba għall-eżekuzzjoni tal-miżura istruttorja tiġi kkompletata mit-Tribunale di Genova (il-Qorti ta’ Genova), kif l-Artikolu 10(1) ta’ dan ir-regolament jagħtiha l-possibbiltà li tagħmel.

24      Il-qorti tar-rinviju tikkonstata li, kieku t-Tribunale di Genova (il-Qorti ta’ Genova) kienet xtaqet li t-talba tagħha tiġi eżegwita, fi Franza, konformement ma’ “proċedura speċjali”, fis-sens tal-Artikolu 12(3) tar-Regolament 2020/1783, din il-qorti kien messa imliet il-punt 12 tal-formola A li jinsab fl-Anness I ta’ dan ir-regolament, ħaġa li hija ma għamlitx f’dan il-każ. Il-kwistjoni tal-kompatibbiltà ta’ tali proċedura speċjali mad-dritt tal-Istat Membru rikjest għalhekk ma tqumx.

25      Madankollu, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar jekk l-Artikolu 12(2) tar-Regolament 2020/1783 jippermettix lil qorti rikjesta tirrifjuta li tapplika dan ir-regolament u li ma tikkonformax ma’ talba għal miżura istruttorja, minħabba li l-“forma” ta’ din it-talba jidhrilha li tmur kontra prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Istat Membru tagħha. Skont din il-qorti, fil-fatt, mill-Gwida Prattika, redatta mis-servizzi tal-Kummissjoni Ewropea, għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001 tat‑28 ta’ Mejju 2001 dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta’ xhieda f’materji ċivili jew kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 121), imħassar u ssostitwit, mill‑1 ta’ Lulju 2022, bir-Regolament 2020/1783, jirriżulta li “forma” tista’ titqies li hija inkompatibbli mad-dritt ta’ dan l-Istat Membru jekk tmur kontra l-prinċipji fundamentali tad-dritt tiegħu. Dan huwa l-każ hawnhekk, peress li d-dritt Franċiż, jiġifieri l-Artikolu 16–11 tal-Kodiċi Ċivili Franċiż, jipprojbixxi l-eżumazzjoni ta’ ġisem għall-finijiet tal-istabbiliment ta’ rabta ta’ filjazzjoni, sakemm il-persuna kkonċernata ma tkunx tat il-kunsens espliċitu tagħha għal dan.

26      Filwaqt li l-każijiet ta’ rifjut ta’ eżekuzzjoni ta’ talba għal miżura istruttorja huma elenkati b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 16 tar-Regolament 2020/1783, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-Artikolu 12(2) ta’ dan ir-regolament, li jipprevedi li l-qorti rikjesta “teżegwixxi t-talba f’konformità mal-liġi nazzjonali tagħha”, jippermettix li tiġi opposta, għal raġunijiet oħra, l-eżekuzzjoni ta’ tali talba.

27      Fil-każ li l-Artikolu 12(2) tar-Regolament 2020/1783 japplika mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni d-dritt tal-Istat Membru rikjest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll dwar il-mod kif l-Artikoli 1 u 7 tal-Karta għandhom jiġu interpretati u artikolati fil-kuntest tal-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament.

28      B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddetermina jekk id-dritt ta’ persuna għall-għarfien u r-rikonoxximent tal-axxendenza tagħha, li hija tqis li huwa ggarantit mill-Artikolu 7 tal-Karta, jipprevalix jew jistax jipprevali fuq id-dritt ta’ persuna li mietet li ma tkunx suġġetta għal eżami ġenetiku post mortem mingħajr ma tkun tat il-kunsens espliċitu tagħha għal dan matul ħajjitha, dritt li jirriżulta, fil-fehma tagħha, mill-prinċipju ta’ rispett tad-dinjità tal-bniedem stabbilit fl-Artikolu 1 tal-Karta.

29      Hija tippreċiża wkoll li t-talba għal miżura istruttorja ordnata mit-Tribunale di Genova (il-Qorti ta’ Genova) tmur kontra l-Artikolu 16–11 tal-Kodiċi Ċivili Franċiż, li jelenka l-każijiet li fihom l-identifikazzjoni ta’ persuna permezz tal-marki ġenetiċi tagħha hija permessa. Issa, din id-dispożizzjoni nazzjonali tista’ tkun min-naħa tagħha kuntrarja għall-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”). Għalhekk tqum ukoll il-kwistjoni dwar jekk dan l-Artikolu 16–11 huwiex konformi mal-Karta, b’mod partikolari mal-Artikolu 1 tagħha, li jiggarantixxi r-rispett tad-dinjità tal-bniedem u, sussegwentement, ir-rispett dovut lill-mejtin, kif ukoll mal-Artikolu 7 tagħha, li, inkwantu analogu għall-Artikolu 8 tal-KEDB, jirrikonoxxi lil kull persuna d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata tagħha.

30      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tribunal judiciaire de Chambéry (il-Qorti ta’ Chambéry) ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 12 tar-[Regolament 2020/1783] jippermetti lil qorti nazzjonali li tirrifjuta li tapplika r-Regolament inkwistjoni u li tikkonforma mat-talba tal-Istat rikjedenti, għar-raġuni li l-forma tat-talba tmur kontra l-prinċipji fundamentali tad-dritt nazzjonali tal-Istat rikjest u b’mod partikolari l-Artikolu 16‑11 tal-[code civil français] (il-Kodiċi Ċivili Franċiż)?

2)      Jekk l-Artikolu 12 tar-[Regolament 2020/1783] japplika mingħajr kunsiderazzjoni tad-dritt nazzjonali, kif għandhom jiġu interpretati u marbuta flimkien l-Artikoli 1 (dritt għad-dinjità) u 7 (dritt għar-rispett tal-ħajja privata) tal-[Karta] sabiex ikun jista’ jiġi kkonstatat jekk tali applikazzjoni tar-Regolament tinvolvix ksur tal-[Karta]?”

 Fuq id-domandi preliminari

31      Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 12(2) tar-Regolament 2020/1783, moqri fid-dawl tal-Artikoli 1 u 7 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lil qorti rikjesta tirrifjuta li teżegwixxi talba għal miżura istruttorja intiża għall-kisba ta’ prova li tikkonsisti f’teħid ta’ kampjun ġenetiku mwettaq wara l-eżumazzjoni tal-ġisem tal-ġenitur preżunt, trażmessa skont dan ir-regolament mill-qorti rikjedenti adita b’tilwima fil-qasam tal-filjazzjoni, minħabba li dispożizzjoni legali sostantiva tal-Istat Membru tal-qorti rikjesta tipprojbixxi l-kisba ta’ tali prova.

32      F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk hija tistax tapplika dispożizzjoni legali sostantiva nazzjonali, jiġifieri l-Artikolu 16–11 tal-Kodiċi Ċivili Franċiż, li tipprojbixxi l-eżumazzjoni ta’ ġisem għal eżami ġenetiku post mortem, sakemm il-persuna kkonċernata ma tkunx tat il-kunsens espress tagħha qabel il-mewt, sabiex topponi t-talba għall-eżekuzzjoni ta’ miżura istruttorja, trażmessa minn qorti Taljana abbażi tal-Artikolu 1(1)(a) u tal-Artikolu 12 tar-Regolament 2020/1783.

33      Qabelxejn, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikoli 1 u 12 tar-Regolament 2020/1783 jikkorrispondu, essenzjalment, għall-Artikoli 1 u 10 tar-Regolament Nru 1206/2001, li r-Regolament 2020/1783 ħassar u ssostitwixxa. Għaldaqstant, l-interpretazzjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tar-regolament imħassar tibqa’ rilevanti għall-finijiet tal-eżami ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari.

34      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament 2020/1783, għandu jitfakkar li dan ir-regolament huwa applikabbli biss, bħala prinċipju, fil-każ fejn il-qorti ta’ Stat Membru tiddeċiedi li tipproċedi bil-kisba tal-provi skont wieħed mill-mezzi previsti mill-imsemmi regolament, każ li fih hija obbligata ssegwi l-proċeduri relatati ma’ dawn il-mezzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Frar 2013, ProRail, C‑332/11, EU:C:2013:87, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      Fil-fatt, konformement mal-Artikolu 1(1)(a) u (b) tar-Regolament 2020/1783, dan huwa applikabbli f’materji ċivili jew kummerċjali, meta qorti ta’ Stat Membru, konformement mad-dritt tal-imsemmi Stat Membru, jew titlob lill-qorti kompetenti ta’ Stat Membru teżegwixxi miżura istruttorja, jew titlob li tkun tista’ twettaq hija stess l-eżekuzzjoni diretta ta’ miżura istruttorja fi Stat Membru ieħor.

36      Minn dan isegwi li l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-Regolament Nru°2020/1783, kif definit fl-Artikolu 1(1) tiegħu u kif huwa wkoll ikkonfermat mis-sistema ta’ dan ir-regolament, huwa limitat għaż-żewġ mezzi ta’ kisba tal-provi, jiġifieri, minn naħa, l-eżekuzzjoni tal-miżura istruttorja mill-qorti rikjesta b’mod konformi mal-Artikoli 12 sa 18 tal-imsemmi regolament fuq talba tal-qorti rikjedenti ta’ Stat Membru ieħor u, min-naħa l-oħra, l-eżekuzzjoni diretta ta’ miżura istruttorja mill-qorti rikjedenti fi Stat Membru ieħor, fejn il-metodi huma stabbiliti mill-Artikolu 19 tal-istess regolament.

37      F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-qorti tar-rinviju hija adita bit-talba għal eżekuzzjoni ta’ miżura istruttorja trażmessa mit-Tribunale di Genova (il-Qorti ta’ Genova), bħala qorti rikjedenti, permezz tal-formola A, li tinsab fl-Anness I tar-Regolament 2020/1783, dwar l-eżekuzzjoni indiretta ta’ miżura istruttorja msemmija fl-Artikolu 1(1)(a) ta’ dan ir-regolament. Tali talba għandha tintbagħat mill-qorti rikjedenti, konformement mal-Artikolu 3(1) tal-imsemmi regolament, “direttament lill-[qorti rikjesta], għall-kumpilazzjoni tax-xhieda”.

38      Minn dan isegwi li l-eżekuzzjoni indiretta ta’ miżura istruttorja, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mill-qorti rikjesta għandha ssir skont il-modalitajiet previsti fl-Artikoli 12 sa 18 tal-istess regolament.

39      F’dan il-kuntest, it-tqassim tal-kompetenzi u tar-responsabbiltajiet bejn kull waħda minn dawn iż-żewġ qrati fil-kuntest tal-implimentazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, kif previst mir-Regolament 2020/1783, huwa bbażat fuq distinzjoni ċara bejn l-aspetti li jaqgħu taħt id-dritt sostantiv applikabbli għal tilwima u r-regoli proċedurali li jirregolaw l-amministrazzjoni tal-provi.

40      F’dan ir-rigward, mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament 2020/1783 jirriżulta li l-adozzjoni, mill-qorti ta’ Stat Membru adita b’tilwima f’materji ċivili jew kummerċjali, ta’ miżura istruttorja intiża sabiex tinkiseb prova li għandha tinġabar fi Stat Membru ieħor hija rregolata mid-dritt tal-Istat Membru tal-qorti rikjedenti. Fil-fatt, hija biss din il-qorti, li għandha għarfien tal-fatti kollha ta’ din il-kawża, li hija f’pożizzjoni li tevalwa, fid-dawl tad-dritt sostantiv applikabbli, il-provi meħtieġa.

41      Meta l-prova mfittxija tkun tinsab fil-ġurisdizzjoni tal-qorti ta’ Stat Membru ieħor, u l-qorti adita b’tilwima f’materji ċivili jew kummerċjali tiddeċiedi, skont ir-Regolament 2020/1783, li tirrikorri għall-mezz ta’ kisba indiretta ta’ prova previst minn dan ir-regolament, billi titlob lill-qorti kompetenti tal-Istat Membru l-ieħor tipproċedi għall-eżekuzzjoni ta’ miżura istruttorja, il-modalitajiet proċedurali li skonthom din il-prova ser tinġabar huma rregolati mid-dritt tal-Istat Membru li taqa’ taħtu din l-aħħar qorti.

42      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-Regolament 2020/1783 jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja li huwa strettament limitat għall-aspetti proċedurali tal-kisba tal-provi fil-proċeduri ġudizzjarji li għandhom implikazzjonijiet transkonfinali. Għalhekk, dan ir-regolament ma huwiex intiż sabiex jarmonizza d-dritt tal-prova bejn l-Istati Membri differenti, iżda, kif jirriżulta mill-premessi 3 u 4 tiegħu, sabiex itejjeb l-effikaċja u l-ħeffa tal-proċeduri ġudizzjarji billi jissimplifika u jirrazzjonalizza l-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati ta’ dawn l-Istati fir-rigward tal-kisba tal-provi f’materji ċivili jew kummerċjali fil-proċeduri transkonfinali. Dan jiżgura l-funzjonament tajjeb tas-suq intern u l-istabbiliment ta’ spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja bbażat fuq il-livell għoli ta’ fiduċja li għandu jkun hemm bejn l-Istati Membri.

43      Minn dan isegwi li, konformement mas-sistema li tirriżulta mir-Regolament 2020/1783, hija l-qorti rikjedenti, adita b’tilwima f’materji ċivili jew kummerċjali li għandha implikazzjonijiet transkonfinali, li hija l-unika li għandha s-setgħa tiddeċiedi dwar il-mezz ta’ prova li hija tqis rilevanti u li tadotta għal dan l-għan il-miżura istruttorja li hija titlob l-eżekuzzjoni tagħha, fi Stat Membru ieħor, mill-qorti rikjesta. Għalhekk, kuntrarjament għal dak li sostna l-Gvern Franċiż quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, la hija l-qorti tar-rinviju u lanqas il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddefinixxi mill-ġdid is-suġġett ta’ tali miżura istruttorja, kif ġie ddefinit mill-qorti rikjedenti fit-talba tagħha li tipproċedi għall-eżekuzzjoni ta’ miżura istruttorja.

44      Fil-fatt, f’każ ta’ dubju dwar il-mezz ta’ kisba ta’ provi magħżul mill-qorti rikjedenti jew fil-każ ta’ informazzjoni nieqsa, ir-Regolament 2020/1783 jirrikonoxxi biss lill-qorti rikjesta li l-possibbiltà, skont l-Artikolu 10 tiegħu, li tinforma b’dan lill-qorti rikjedenti mingħajr dewmien, billi titlobha tibgħatilha l-informazzjoni nieqsa, billi tiddeskrivi tali informazzjoni bl-iktar mod preċiż possibbli. Issa, f’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju, fil-kwalità tagħha ta’ qorti rikjesta, ma ressqet ebda talba lill-qorti rikjedenti intiża sabiex din tal-aħħar tikkompleta t-talba tagħha għall-eżekuzzjoni tal-miżura istruttorja inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

45      Fit-tieni lok, l-Artikolu 12(1) tar-Regolament 2020/1783, jipprovdi li l-qorti rikjesta għandha teżegwixxi t-talba mingħajr dewmien u, l-iktar tard fi żmien 90 jum minn meta tirċievi t-talba. Skont l-Artikolu 12(2) ta’ dan ir-regolament, il-qorti rikjesta għandha teżegwixxi t-talba bi qbil mad-dritt nazzjonali tagħha.

46      Skont ġurisprudenza stabbilita, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet li l-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti tfittex li tilħaq (sentenzi tal‑4 ta’ Mejju 2010, TNT Express Nederland, C‑533/08, EU:C:2010:243, punt 44; tat‑28 ta’ Ottubru 2022, Generalstaatsanwaltschaft München (Estradizzjoni u ne bis in idem), C‑435/22 PPU, EU:C:2022:852, punt 67, kif ukoll tas‑26 ta’ Marzu 2026, Pumpyanskiy et vs Il-Kunsill, C‑696/23 P, C‑704/23 P, C‑711/23 P, C‑35/24 P u C‑111/24 P, EU:C:2026:245, punt 99).

47      Fir-rigward tal-formulazzjoni tal-Artikolu 12 tar-Regolament 2020/1783, minn naħa, mill-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu 12, li juża b’mod partikolari l-kliem “mingħajr dewmien”, u li għandu jinqara fid-dawl tal-premessa 15 tal-istess regolament, jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jimponi fuq il-qorti rikjesta l-eżekuzzjoni rapida tal-miżura istruttorja mitluba mingħandha.

48      Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 12(2) tar-Regolament 2020/1783 jistabbilixxi l-prinċipju li jgħid li talba għal miżura istruttorja għandha tiġi eżegwita mill-qorti rikjesta, “f’konformità mal-liġi nazzjonali tagħha”, mingħajr ma jippreċiża l-portata ta’ dan ir-riferiment għal-“liġi nazzjonali”.

49      Madankollu, mill-kuntest li fih tinsab din id-dispożizzjoni jirriżulta li r-riferiment għal-“liġi nazzjonali” li jinsab fih għandu jinftiehem bħala li jirreferi għall-modalitajiet proċedurali ddeterminati mid-dritt tal-Istat Membru li taqa’ taħtu l-qorti rikjesta. Fil-fatt, l-Artikolu 12(3) tal-imsemmi regolament jintroduċi eċċezzjoni għal dan il-prinċipju billi jipprevedi li, bla ħsara għall-osservanza tal-kundizzjonijiet previsti minn din l-aħħar dispożizzjoni, il-qorti rikjedenti tista’ titlob lill-qorti rikjesta sabiex tikkonforma ruħha, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tat-talba għal miżura istruttorja, ma’ “proċedura speċjali”, kif prevista mid-dritt tal-Istat tal-qorti rikjedenti.

50      F’dan ir-rigward, kif enfasizzat l-Avukata Ġenerali fil-punt 58 tal-konklużjonijiet tagħha, ir-riferiment għall-espressjoni “liġi nazzjonali”, fl-Artikolu 12(2) tar-Regolament 2020/1783, jirrigwarda l-leġiżlazzjoni ta’ natura proċedurali dwar il-kisba tal-provi. L-Artikolu 12(3) ta’ dan ir-regolament huwa intiż, min-naħa tiegħu, li jippermetti, b’mod eċċezzjonali, bidla fil-proċedura applikabbli, billi jissostitwixxi d-dritt proċedurali tal-Istat Membru li l-qorti rikjesta taqa’ taħtu b’dak tal-Istat Membru tal-qorti rikjedenti, minkejja li l-proċedura għall-kisba tal-provi taqa’ dejjem taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti rikjesta.

51      Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti jimmilitaw favur interpretazzjoni tal-Artikolu 12(2) tar-Regolament 2020/1783 fis-sens li din id-dispożizzjoni tapplika biss għall-modalitajiet proċedurali ta’ eżekuzzjoni tal-miżuri istruttorji, b’tali mod li huma biss dawn il-modalitajiet li huma rregolati, bħala prinċipju, mid-dritt tal-Istat Membru rikjest.

52      Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata wkoll mill-għanijiet imfittxija mir-Regolament 2020/1783, li huwa intiż, kif diġà ġie rrilevat fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, li jtejjeb l-effikaċja u l-ħeffa tal-proċeduri ġudizzjarji billi jissimplifika u jirrazzjonalizza l-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fir-rigward tal-kisba tal-provi f’materji ċivili jew kummerċjali fil-proċeduri ġudizzjarji li għandhom implikazzjonijiet transkonfinali. Dan jiżgura l-funzjonament tajjeb tas-suq intern u l-istabbiliment ta’ spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja bbażat fuq il-livell għoli ta’ fiduċja li għandu jkun hemm bejn l-Istati Membri.

53      Fid-dawl ta’ dan l-għan, ir-Regolament 2020/1783 stabbilixxa sistema li hija imposta fuq l-Istati Membri sabiex ineħħu l-ostakoli li jistgħu jirriżultaw f’dan il-qasam. Għalhekk, dan ir-regolament ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jirrestrinġi l-possibbiltajiet ta’ kisba tal-provi li jinsabu fi Stati Membri oħra. Għall-kuntrarju, huwa jfittex li jsaħħaħ dawn il-possibbiltajiet, billi jiffavorixxi l-kooperazzjoni bejn il-qrati f’dan il-qasam (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Frar 2011, Weryński, C‑283/09, EU:C:2011:85, punt 62, u tas‑6 ta’ Settembru 2012, Lippens et, C‑170/11, EU:C:2012:540, punt 29, kif ukoll tal‑21 ta’ Frar 2013, ProRail, C‑332/11, EU:C:2013:87, punti 43 u 44).

54      F’din il-perspettiva, l-Artikolu 16 tar-Regolament 2020/1783, li jaqa’ fil-kuntest rilevanti għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 12(2) ta’ dan ir-regolament, jistabbilixxi b’mod eżawrjenti r-raġunijiet għar-rifjut tal-eżekuzzjoni indiretta ta’ miżura istruttorja. Barra minn hekk, din in-natura eżawrjenti tirriżulta espliċitament mill-premessa 16 tar-Regolament 2020/1783, li tistabbilixxi li, “[b]iex jiġi żgurat li dan ir-Regolament ikun effettiv, iċ-ċirkostanzi li fihom hija possibbli li tiġi miċħuda l-eżekuzzjoni tat-talba ta’ kumpilazzjoni tax-xhieda jenħtieġ li jiġu limitati għal sitwazzjonijiet eċċezzjonali strettament limitati” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Frar 2011, Weryński, C‑283/09, EU:C:2011:85, punt 53).

55      Barra minn hekk, minn dan jirriżulta li, tali raġunijiet ta’ rifjut għall-eżekuzzjoni indiretta ta’ miżura istruttorja peress li għandhom jitqiesu bħala eċċezzjonijiet, għandhom jingħataw interpretazzjoni stretta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, Diageo Brands, C‑681/13, EU:C:2015:471, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56      Dan għandu japplika iktar u iktar peress li l-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja stabbilit mir-Regolament 2020/1783 fil-qasam tal-kisba tal-provi fil-proċeduri ġudizzjarji transkonfinali huwa intiż, kif jirriżulta mill-premessa 3 ta’ dan ir-regolament, li jiffaċilita l-ksib tal-provi, filwaqt li jikkontribwixxi għat-tnaqqis tad-dewmien u tal-ispejjeż għall-individwi kif ukoll għall-impriżi. Għaldaqstant, dan il-mekkaniżmu jikkontribwixxi għad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

57      F’dawn iċ-ċirkustanzi, interpretazzjoni tal-Artikolu 12(2) tar-Regolament 2020/1783, li timplika li tiżdied raġuni għal rifjut għall-eżekuzzjoni ta’ talba għal miżuri istruttorji mhux prevista fl-Artikolu 16 ta’ dan ir-regolament, tkun ta’ natura li tikkontesta l-effettività tas-sistema ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja li l-imsemmi regolament jistabbilixxi fir-rigward tal-kisba tal-provi f’materji ċivili jew kummerċjali bejn il-qrati tal-Istati Membri, li l-obbligu tagħhom bħala prinċipju li jeżegwixxu tali talba għal miżuri istruttorji jikkostitwixxi wieħed mill-elementi essenzjali.

58      Minn dan isegwi li l-qorti rikjesta, adita b’talba għal eżekuzzjoni ta’ miżura istruttorja trażmessa mill-qorti rikjedenti abbażi tal-Artikolu 1(1)(a) u tal-Artikolu 12 tar-Regolament 2020/1783, għandha, sabiex tiżgura kooperazzjoni effikaċi fil-kisba tal-provi f’materji ċivili u kummerċjali, tipproċedi għall-eżekuzzjoni tal-miżura istruttorja mitluba, konformement mad-dritt proċedurali tal-Istat Membru rikjest. F’dan ir-rigward, is-setgħa tal-qorti rikjesta li tirrifjuta l-eżekuzzjoni ta’ tali miżura istruttorja hija limitata biss għar-raġunijiet għal rifjut stabbiliti fl-Artikolu 16 ta’ dan ir-regolament, mingħajr ma, b’mod partikolari, motivi bbażati fuq id-dritt sostantiv tal-Istat Membru tal-qorti rikjesta, inklużi motivi bbażati fuq prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Istat tal-qorti rikjesta, jistgħu jiġġustifikaw rifjut ta’ eżekuzzjoni tal-miżura istruttorja, fis-sens tal-Artikolu 12 tar-Regolament 2020/1783.

59      Minn dan jirriżulta li hija l-qorti rikjedenti li għandha tevalwa, fid-dawl tad-dritt sostantiv tal-Istat Membru tagħha, il-kundizzjonijiet li fihom tista’ tiġi adottata l-miżura istruttorja sabiex tinkiseb prova li tinsab fi Stat Membru ieħor. F’dan il-każ, dawn il-kundizzjonijiet għandhom għalhekk jiġu evalwati mhux mill-qorti tar-rinviju, fid-dawl tal-Artikolu 16–11 tal-Kodiċi Ċivili Franċiż, iżda mill-qorti rikjedenti, fid-dawl tad-dritt sostantiv Taljan.

60      F’dan ir-rigward, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dan l-aħħar dritt jirrikonoxxi d-dritt ta’ persuna li tkun taf l-oriġini tagħha u jawtorizza, fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja intiża għall-istabbiliment tal-filjazzjoni, it-twettiq ta’ eżami ġenetiku post mortem wara l-eżumazzjoni tal-ġisem tal-ġenitur preżunt.

61      Fit-tielet lok, peress li l-applikazzjoni tar-Regolament 2020/1783 tikkostitwixxi implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, il-qrati nazzjonali li jagħtu effett lill-kooperazzjoni skont dan ir-regolament għandhom jikkonformaw ruħhom mar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-drittijiet fundamentali stabbiliti minnha.

62      Fil-fatt, inkwantu strument ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja, ir-Regolament 2020/1783 jikkonkretizza, fil-qasam ċivili u kummerċjali, il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri, li għandu importanza fundamentali fid-dritt tal-Unjoni peress li dan il-prinċipju jippermetti l-ħolqien u ż-żamma ta’ spazju mingħajr fruntieri interni. Issa, dan il-prinċipju jimponi, b’mod partikolari fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, li kull wieħed mill-Istati Membri jikkunsidra, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, li l-Istati Membri l-oħra kollha josservaw id-dritt tal-Unjoni u, b’mod iktar partikolari, id-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti minn dan id-dritt (Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB) tat‑18 ta’ Diċembru 2014, EU:C:2014:2454, punt 191).

63      B’hekk, meta jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri jistgħu jkunu obbligati, bis-saħħa ta’ dan l-istess dritt, jippreżumu r-rispett tad-drittijiet fundamentali mill-Istati Membri l-oħrajn, b’tali mod li la jkunu jistgħu jirrikjedu minn Stat Membru ieħor livell ta’ protezzjoni nazzjonali tad-drittijiet fundamentali ogħla minn dak żgurat mid-dritt tal-Unjoni u lanqas, ħlief f’każijiet eċċezzjonali, ma jkunu jistgħu jivverifikaw jekk dan l-Istat Membru l-ieħor ikunx effettivament irrispetta, f’każ konkret, id-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Unjoni (Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB) tat‑18 ta’ Diċembru 2014, EU:C:2014:2454, punt 192).

64      Kif jirriżulta mill-punt 43 ta’ din is-sentenza, skont ir-Regolament 2020/1783, hija l-qorti rikjedenti li għandha tiddetermina, konformement mad-dritt tal-Istat Membru tagħha, il-miżura istruttorja li għandha tiġi adottata fi proċedura ġudizzjarja pendenti quddiemha. Għaldaqstant, hija wkoll din il-qorti rikjedenti biss li għandha tivverifika li d-deċiżjoni tagħha li tordna tali miżura hija konformi mad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Unjoni.

65      F’dan il-każ, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali miġbura fil-qosor fil-punt 19 ta’ din is-sentenza, jidher li l-miżura istruttorja inkwistjoni, jiġifieri l-eżumazzjoni tal-ġisem tal-missier preżunt, flimkien mat-teħid tad-DNA fid-dawl tal-perizja ġenetika kkonċernata, ġiet ordnata biss wara r-rifjut tal-ulied irrikonoxxuti minn dan tal-aħħar li jissottomettu ruħhom għall-eżamijiet neċessarji għal perizja ematoloġika li tippermetti li jiġi ddeterminat jekk ir-rikorrent fil-kawża prinċipali għandux karatteristiċi ġenetiċi li jikkorrispondu għal dawk tal-konvenuti fil-kawża prinċipali, u wara t-talba tagħhom li jsir eżami ġenetiku fuq il-ġisem tal-missier mejjet tagħhom fil-post fejn jistrieħ il-kadavru tiegħu.

66      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 7 tal-Karta, dwar id-dritt ta’ kull persuna għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, ta’ darha u tal-komunikazzjonijiet tagħha, jinkludi, tal-inqas, l-istess garanziji bħal dawk previsti fl-Artikolu 8 tal-KEDB li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, bħala limitu ta’ protezzjoni minima (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Mirin, C‑4/23, EU:C:2024:845, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

67      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-Artikolu 8 tal-KEDB, id-dritt għall-identità huwa kkunsidrat bħala parti integrali mill-kunċett ta’ ħajja privata, li jinkludi wkoll id-dritt ta’ individwu li jkun jaf u li jara li tiġi rrikonoxxuta l-axxendenza tiegħu. Fil-fatt, skont din il-ġurisprudenza, l-interess tal-persuni li jippruvaw jistabbilixxu l-axxendenza tagħhom li jiksbu l-informazzjoni li hija indispensabbli għalihom sabiex jiskopru l-verità dwar aspett importanti tal-identità personali tagħhom jikkostitwixxi interess vitali, protett mill-KEDB, anki jekk dan l-interess għandu jiġi bbilanċjat mad-dritt ta’ terzi għall-intanġibbiltà tal-ġisem tad-deċedut, id-dritt għar-rispett tal-mejtin kif ukoll l-interess pubbliku għall-protezzjoni taċ-ċertezza legali (ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 13 ta’ Lulju 2006, Jäggi vs L-Iżvizzera, CE:ECHR:2006:0713JUD005875700, punti 38 u 39).

68      F’dan il-kuntest, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem diġà rrilevat li l-protezzjoni tal-interessi tal-ġenitur preżunt ma tistax tikkostitwixxi waħedha argument suffiċjenti sabiex iċċaħħad lill-persuna li tfittex li tistabbilixxi l-filjazzjoni tagħha mid-drittijiet tagħha fid-dawl tal-Artikolu 8 tal-KEDB. Hija diġà ddeċidiet b’mod partikolari li, fir-rigward taċ-ċirkustanzi speċifiċi għat-tilwima kkonċernata, ir-rifjut ta’ perizja ġenetika post mortem ibbażata fuq l-assenza ta’ kunsens espress u preliminari tal-ġenitur bijoloġiku allegat jikkostitwixxi ksur inġustifikat tad-dritt tar-rikorrent sabiex ikun jaf l-oriġini tiegħu (ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 16 ta’ Ġunju 2011, Pascaud vs Franza, CE:ECHR:2011:0616JUD001953508, punti 64 u 65 kif ukoll 68).

69      Issa, fir-rigward tad-domandi tal-qorti tar-rinviju dwar ir-rispett tad-dritt għad-dinjità tal-bniedem stabbilit fl-Artikolu 1 tal-Karta, xejn fil-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja ma juri li, waqt l-ibbilanċjar tal-interessi kompetituri fil-kawża prinċipali, it-Tribunale di Genova (il-Qorti ta’ Genova) ma ħaditx debitament inkunsiderazzjoni dan id-dritt.

70      Barra minn hekk, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, ebda ċirkustanza ma tippermetti li jiġi preżunt li dan huwa każ eċċezzjonali, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punti 62 u 63 ta’ din is-sentenza, li fih il-qorti rikjesta għandha raġun tikkontesta l-fatt li l-miżura istruttorja inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija konformi mad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Unjoni.

71      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 12(2) tar-Regolament 2020/1783, moqri fid-dawl tal-Artikoli 1 u 7 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jippermettix lil qorti rikjesta tirrifjuta li teżegwixxi talba għal miżura istruttorja intiża għall-kisba ta’ prova li tikkonsisti f’teħid ta’ kampjun ġenetiku mwettaq wara l-eżumazzjoni tal-ġisem tal-ġenitur preżunt, trażmessa skont dan ir-regolament mill-qorti rikjedenti adita fil-kuntest ta’ tilwima fil-qasam ta’ filjazzjoni, minħabba li dispożizzjoni legali sostantiva tal-Istat Membru tal-qorti rikjesta tipprojbixxi l-kisba ta’ tali prova.

 Fuq l-ispejjeż

72      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 12(2) tar-Regolament (UE) 2020/1783 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2020 dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni tax-xhieda f’materji ċivili jew kummerċjali (kumpilazzjoni tax-xhieda), moqri fid-dawl tal-Artikoli 1 u 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ma jippermettix lil qorti rikjesta tirrifjuta li teżegwixxi talba għal miżura istruttorja intiża għall-kisba ta’ prova li tikkonsisti f’teħid ta’ kampjun ġenetiku mwettaq wara l-eżumazzjoni tal-ġisem tal-ġenitur preżunt, trażmessa skont dan ir-regolament mill-qorti rikjedenti adita fil-kuntest ta’ tilwima fil-qasam ta’ filjazzjoni, minħabba li dispożizzjoni legali sostantiva tal-Istat Membru tal-qorti rikjesta tipprojbixxi l-kisba ta’ tali prova.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.


i      L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.