|
14.2.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 40/7 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tas-7 ta’ Diċembru 2007
li tistabbilixxi l-Bord taż-Żona Ewropea tar-Riċerka
(2008/111/KE, Euratom)
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea ta’ l-Enerġija Atomika,
Billi:
|
(1) |
Sabiex jeżamina kwistjonijiet ġenerali tal-politika ta’ riċerka, twaqqaf il-Bord Konsultattiv Ewropew għar-Riċerka permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/531/KE, Euratom (1) |
|
(2) |
Minħabba l-isfidi l-ġodda f’dak li għandu x’jaqsam mar-riċerka, il-Kummissjoni, fil-Green Paper tagħha “Iż-Żona Ewropea tar-Riċerka: Perspettivi Ġodda” (2), ħasbet għal bidla fil-Bord Konsultattiv Ewropew għar-Riċerka sabiex jitjieb ir-rwol tagħha fil-ħolqien ta’ Żona Ewropea tar-Riċerka u sabiex l-operat ta’ dak il-grupp isir iktar flessibbli u effiċjenti. |
|
(3) |
Għalhekk hu neċessarju li jitwaqqaf grupp ġdid ta’ esperti fil-qasam tal-politiki Ewropej tar-riċerka u ta’ l-iżvilupp teknoloġiku u li jkunu definiti dmirijietu u l-istruttura tiegħu. |
|
(4) |
Il-grupp għandu jagħti parir lill-Kummissjoni dwar il-ħolqien taż-Żona Ewropea tar-Riċerka, filwaqt li jqis l-għanijiet imniżżla fil-Green Paper tal-Kummissjoni msejħa “Iż-Żona Ewropea tar-Riċerka: Perspettivi Ġodda”. |
|
(5) |
Il-grupp għandu jagħti appoġġ lill-Kummissjoni fl-isforzi tagħha biex tilħaq l-għanijiet imniżżla fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/970/Euratom dwar is-Seba’ Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea ta’ l-Enerġija Atomika (Euratom) għar-riċerka nukleari u attivitajiet ta’ taħriġ (2007-2011) (3) u fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/971/KE dwar il-Programm Speċifiku “Kooperazzjoni” li jimplimenta s-Seba’ Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea dwar ir-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u attivitajiet ta’ dimostrazzjoni (2007-2013) (4). |
|
(6) |
Il-grupp irid ikun magħmul minn esperti mill-komunità xjentifika, mill-industrija, mis-settur tas-servizzi u minn parteċipanti soċjali. |
|
(7) |
Għandhom jitfasslu regoli dwar l-iżvelar ta’ tagħrif minn membri tal-grupp il-ġdid, mingħajr ħsara għar-regoli dwar is-sigurtà stipulati fl-Anness mar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kummissjoni wara d-Deċiżjoni 2001/844/KE, KEFA, Euratom (5). |
|
(8) |
Id-data personali kollha relatata mal-membri tal-grupp għandha tiġi pproċessata b’konformità mar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ l-individwu fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dak id-data (6). |
|
(9) |
Huwa xieraq li jiġi stabbilit perjodu għall-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni. Malli jasal il-waqt, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra r-rakkomandabilità ta’ estensjoni. |
|
(10) |
Id-Deċiżjoni 2001/531/KE, Euratom għandha għalhekk tinbidel b’din id-Deċiżjoni, |
IDDEĊIEDIET KIF ĠEJ:
Artikolu 1
Il-Bord taż-Żona Ewropea tar-Riċerka
Il-Bord taż-Żona Ewropea tar-Riċerka, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Bord”, qiegħed hawn jitwaqqaf b’effett mill-1 ta’ Marzu 2008.
Artikolu 2
Id-dmirijiet
1. Id-dmirijiet tal-Bord għandhom ikunu dawn li ġejjin:
|
(a) |
li jagħti parir lill-Kummissjoni dwar il-ħolqien ta’ Żona Ewropea tar-Riċerka; |
|
(b) |
li, fuq talba tal-Kummissjoni jew fuq inizjattiva tiegħu stess, jagħti opinjonijiet dwar il-ħolqien ta’ Żona Ewropea tar-Riċerka; |
|
(ċ) |
li jipprovdi rapport annwali lill-Kummissjoni dwar l-istat attwali taż-Żona Ewropea tar-Riċerka. |
2. Il-Bord għandu jiġi mgħarraf regolarment dwar żviluppi u azzjonijiet relevanti.
3. Meta mitluba formalment mill-Bord, is-servizzi tal-Kummissjoni għandhom jipprovdu lill-Bord kummenti bil-miktub dwar l-opinjonijiet jew il-pariri tiegħu. Is-servizzi tal-Kummissjoni jistgħu jipprovdu wkoll tagħrif regolari dwar l-azzjonijiet ta’ segwiment possibbli li jittieħdu.
4. L-opinjoni tal-Bord għandha tingħata fil-perjodu taż-żmien stipulat mill-Kummissjoni.
Artikolu 3
Konsultazzjoni
1. Il-Kummissjoni tista’ tikkonsulta l-Bord dwar kwalunkwe kwistjoni li għandha x’taqsam mal-ħolqien taż-Żona Ewropea tar-Riċerka.
2. Il-President tal-Bord jista’ jagħti parir lill-Kummissjoni li huwa mixtieq li l-grupp jiġi kkonsultat dwar kwistjoni speċifika.
Artikolu 4
Kompożizzjoni - Ħatra
1. Il-Bord għandu jinkludi 22 membru li jirrappreżentaw lill-komunità xjentifika, lill-industrija, u lis-soċjetà ċivili.
2. Il-membri tal-Bord għandhom jinħatru mill-Kummissjoni. Is-sett ta’ kriterji li jrid jiġi applikat matul il-proċess ta’ l-għażla u tan-nomina huwa dan li ġej:
|
— |
esperjenza fit-tfassil u fl-implimentazzjoni tal-politika ta’ riċerka, |
|
— |
eċċellenza fir-riċerka u/jew fit-tmexxija ta’ riċerka, |
|
— |
esperjenza konsultattiva fuq livell Ewropew jew internazzjonali, |
|
— |
bilanċ fost id-dixxiplini tax-Xjenza u t-Teknoloġija, inkluż persuni b’esperjenza speċifika universitarja ta’ l-industrija, |
|
— |
bilanċ ġeografiku, billi jitqiesu l-pajjiżi assoċjati mal-programmi ta’ qafas, |
|
— |
bilanċ ta’ sess xieraq. |
3. L-applikanti li jitqiesu xierqa għas-sħubija iżda li ma jinħatrux jistgħu jitniżżlu fuq lista ta’ riżerva, li l-Kummissjoni tista’ tuża għall-ħatra ta’ sostituzzjonijiet.
4. Il-membri jinħatru mill-Kummissjoni fil-kapaċità personali tagħhom u għandhom jagħtu parir lill-Kummissjoni indipendentement minn kull influwenza esterna.
5. Huma għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni fi żmien xieraq b’kull kunflitt ta’ interessi li jista’ jikkomprometti l-imparzjalità tagħhom.
6. Il-membri għandhom jinħatru għal perjodu ta’ ħatra ta’ erba’ snin li jista’ jiġġedded u għandhom jibqgħu fil-kariga sakemm jinbidlu skond il-paragrafu 7 jew sakemm jispiċċa l-perjodu ta’ ħatra tagħhom.
7. Il-membri jistgħu jinbidlu għall-bqija tal-perjodu tal-ħatra tagħhom fi kwalunkwe każ minn dawn li ġejjin:
|
(a) |
meta l-membru jirriżenja; |
|
(b) |
meta l-membru ma jkollux aktar il-ħila li jikkontribwixxi b’mod effettiv fid-deliberazzjonijiet tal-grupp; |
|
(ċ) |
meta l-membru ma josservax l-Artikolu 287 tat-Trattat; |
|
(d) |
meta, għall-kuntrarju ta’ paragrafu 4, il-membru ma jkunx indipendenti minn kull influwenza esterna; |
|
(e) |
meta, għall-kuntrarju ta’ paragrafu 5, il-membru jkun naqas milli javża lill-Kummissjoni fi żmien xieraq dwar kunflitt ta’ interessi. |
8. L-ismijiet tal-membri għandhom ikunu ppubblikati fuq is-sit ta’ l-Internet tad-Direttorat Ġenerali tar-Riċerka.
L-ismijiet tal-membri għandhom jinġabru, jiġu pproċessati u ppubblikati skond ir-Regolament (KE) Nru 45/2001.
Artikolu 5
Operat
1. Il-Bord għandu jaħtar President u żewġ Viċi-Presidenti minn fost il-membri tiegħu permezz ta’ maġġoranza sempliċi.
Il-President u ż-żewġ Viċi-Presidenti se jiffurmaw il-Bureau tal-Bord. Il-Bureau għandu jorganizza x-xogħol tal-Bord.
2. Bi ftehim mal-Kummissjoni, il-Bord jista’ jwaqqaf sottogruppi biex jeżaminaw kwistjonijiet speċifiċi skond it-termini ta’ referenza stabbiliti mill-grupp. It-tali sottogruppi għandhom jiġu xolti hekk kif jintemm il-mandat tagħhom.
3. Il-Kummissjoni tista’ tistieden esperti jew osservaturi b’kompetenza speċifika f’suġġett fuq l-aġenda biex jipparteċipaw fil-ħidma tal-Bord jew fid-deliberazzjonijiet jew fil-ħidma ta’ sottogrupp meta, fil-fehma tal-Kummissjoni, dan ikun neċessarju jew utli.
4. It-tagħrif miksub mis-sehem fid-deliberazzjonijiet jew fil-ħidma tal-Bord jew ta’ sottogrupp għandu jinżamm mistur, jekk, fil-fehma tal-Kummissjoni, dak it-tagħrif jittratta kwistjonijiet kunfidenzjali.
5. Il-Bord u s-sottogruppi tiegħu ġeneralment jiltaqgħu fil-bini tal-Kummissjoni skond il-proċeduri u l-iskeda stabbilita minnha. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi s-servizzi segretarjali. Rappreżentanti tal-Kummissjoni jistgħu jattendu l-laqgħat tal-Bord u tas-sottogruppi tiegħu.
6. Il-Bord għandu jadotta r-regoli tiegħu ta’ proċedura fuq il-bażi ta’ abbozz imressaq mill-Kummissjoni.
7. Il-Kummissjoni tista’ tippubblika jew turi fuq l-Internet, fil-lingwa oriġinali tad-dokument ikkonċernat, kwalunkwe taqsira, konklużjoni, parti minn konklużjoni jew dokument ta’ ħidma tal-Bord.
Artikolu 6
Rimborż ta’ l-ispejjeż
L-ispejjeż tal-vjaġġ u, fejn meħtieġ, ta’ l-għajxien tal-membri, l-esperti u l-osservaturi li jsiru fl-ambitu ta’ l-attivitajiet tal-Bord għandhom jitħallsu lura mill-Kummissjoni skond ir-regoli tal-Kummissjoni dwar ir-rimborż ta’ l-ispejjeż għal esperti esterni.
Il-membri tal-Bord, tas-sottogruppi, l-esperti u l-osservaturi m’għandhomx jitħallsu għas-servizzi mogħtija.
L-ispejjeż għal-laqgħat għandhom jitħallsu lura fil-limiti tal-baġit annwali allokat għall-grupp mid-dipartiment kompetenti tal-Kummissjoni.
Artikolu 7
Tħassir
Id-Deċiżjoni 2001/531/KE, Euratom hija mħassra.
Artikolu 8
Skadenza
Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi fid-29 ta’ Frar 2012.
Magħmula fi Brussell, 7 ta’ Diċembru 2007
Għall-Kummissjoni
Janez POTOČNIK
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 192, 14.7.2001, p. 21.
(2) COM(2007) 161 finali, 4.4.2007.
(3) ĠU L 400, 30.12.2006, p. 60. Verżjoni korretta fil-ĠU L 54, 22.2.2007, p. 21.
(4) ĠU L 400, 30.12.2006, p. 86. Verżjoni korretta fil-ĠU L 54, 22.2.2007, p. 30.
(5) ĠU L 317, 3.12.2001, p. 1. Id-Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2006/548/KE, Euratom (ĠU L 215, 5.8.2006, p. 38).