27.9.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 243/5


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1294

tas-26 ta' Settembru 2018

dwar in-nonapprovazzjoni tal-qatran mill-arżnu ta' Landes bħala sustanza bażika skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 23(5) flimkien mal-Artikolu 13(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Fit-22 ta' Diċembru 2015, il-Kummissjoni rċeviet applikazzjoni mingħand Progarein France SAS għall-approvazzjoni tal-qatran tal-arżnu ta' Landes bħala sustanza bażika. Dik l-applikazzjoni kellha magħha l-informazzjoni meħtieġa skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

(2)

Il-Kummissjoni talbet lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (minn hawn 'il quddiem “l-Awtorità”) għall-assistenza xjentifika. Fit-30 ta' Ottubru 2017, l-Awtorità ppreżentat lill-Kummissjoni b'rapport tekniku dwar il-qatran mill-arżnu ta' Landes (2). Fl-24 ta' Mejju 2018 il-Kummissjoni ppreżentat ir-rapport ta' reviżjoni (3) u l-abbozz ta' dan ir-Regolament dwar in-nonapprovazzjoni tal-qatran mill-arżnu ta' Landes lill-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, u ffinalizzathom għal-laqgħa ta' dak il-Kumitat fl-20 ta' Lulju 2018.

(3)

Id-dokumentazzjoni ppreżentata mill-applikant ma turix li l-qatran mill-arżnu ta' Landes jissodisfa l-kriterji ta' oġġett tal-ikel kif iddefinit fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

(4)

Madankollu fir-rapport tekniku tal-Awtorità ġie identifikat tħassib speċifiku, dwar il-qatran mill-arżnu ta' Landes. Il-qatran mill-arżnu ta' Landes huwa taħlita kumplessa, li l-kompożizzjoni eżatta tagħha mhix magħrufa. Il-qatran mill-arżnu ta' Landes għandu jitqies bħala sustanza ta' tħassib għaliex jista' jkun fih sustanzi ta' tħassib (eż. furfurali, fenoli). Barra minn hekk il-preżenza ta' sustanzi ta' tħassib serju ħafna ma tistax tiġi eskluża (eż. karċinoġeni ġenotossiċi bħal idrokarburi aromatiċi poliċikliċi). Barra minn hekk, il-valutazzjoni tar-riskju għall-operaturi, għall-ħaddiema, għal persuni fil-qrib u għall-konsumaturi ma setgħetx tiġi ffinalizzata abbażi tad-data disponibbli fl-applikazzjoni.

(5)

Ma saret disponibbli ebda evalwazzjoni, imwettqa skont il-leġiżlazzjoni l-oħra tal-Unjoni kif imsemmija fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

(6)

Il-Kummissjoni stiednet lill-applikant iressaq il-kummenti tiegħu dwar ir-rapport tekniku tal-Awtorità u dwar l-abbozz tar-rapport ta' reviżjoni. L-applikant ressaq il-kummenti tiegħu, li ġew eżaminati bir-reqqa.

(7)

Madankollu, minkejja l-argumenti mressqa mill-applikant, it-tħassib relatat mas-sustanza ma jistax jiġi eliminat.

(8)

B'riżultat ta' dan, kif stabbilit fir-rapport ta' reviżjoni tal-Kummissjoni, ma ġiex stabbilit li r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 huma ssodisfati. Huwa għalhekk xieraq li l-qatran mill-arżnu ta' Landes ma jiġix approvat bħala sustanza bażika.

(9)

Dan ir-Regolament ma jippreġudikax is-sottomissjoni ta' applikazzjoni oħra għall-approvazzjoni tal-qatran mill-arżnu ta' Landes bħala sustanza bażika skont l-Artikolu 23(3) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

(10)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Is-sustanza qatran mill-arżnu ta' Landes mhijiex approvata bħala sustanza bażika.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta' Settembru 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

(2)  EFSA (l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel), 2017. Technical report on the outcome of the consultation with Member States and EFSA on the basic substance application for Landes pine tar for use in plant protection as protectant and repellent. Pubblikazzjoni ġustifikattiva tal-EFSA 2017:EN-1311. 57 pp.

(3)  http://ec.europa.eu/food/plant/pesticides/eu-pesticides-database/public/?event=activesubstance.selection&language=EN.

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1).