|
28.9.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 244/107 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1304
tad-19 ta' Settembru 2018
dwar il-proposta għal inizjattiva taċ-ċittadini bl-isem “Eat ORIGINal! Unmask your food”
(notifikata bid-dokument C(2018) 6054)
(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 211/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 4 tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Is-suġġett tal-proposta għal inizjattiva taċ-ċittadini bl-isem “Eat ORIGINal! Unmask your food' (Iekol oriġinali! Ara x'fih dak li qed tiekol) tirreferi għal li ġej:” Nitolbu lill-Kummissjoni Ewropea li timponi dikjarazzjoni obbligatorja tal-oriġini fuq il-prodotti kollha tal-ikel sabiex tiġi evitata l-frodi, titħares is-saħħa pubblika u jiġi ggarantit id-dritt tal-konsumaturi għall-informazzjoni. |
|
(2) |
L-objettivi tal-proposta għal inizjattiva taċ-ċittadini jirreferu għal dan li ġej: “1. Li l-indikazzjoni tal-pajjiż ta' oriġini ssir obbligatorja fil-każ ta' ikel ipproċessat u mhux ipproċessat kollu li jiċċirkola fl-UE, mingħajr ebda deroga għal trademarks u indikazzjonijiet ġeografiċi reġistrati. 2. Fir-rigward ta' ikel ipproċessat, it-tikkettar tal-oriġini ssir obbligatorja għall-ingredjenti primarji meta jkunu differenti mill-oriġini tal-prodott finali. 3. Titjieb il-konsistenza tat-tikketti inkluż l-informazzjoni armonizzata dwar il-metodi tal-produzzjoni u tal-ipproċessar sabiex tiġi ggarantita t-trasparenza tul il-katina alimentari.” |
|
(3) |
It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) jirrinforza ċ-ċittadinanza tal-Unjoni u jsaħħaħ aktar il-funzjonament demokratiku tal-Unjoni billi jipprevedi, inter alia, li kull ċittadin ikollu d-dritt li jipparteċipa fil-ħajja demokratika tal-Unjoni permezz ta' inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej. |
|
(4) |
Għal dan il-għan, il-proċeduri u l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-inizjattiva taċ-ċittadini għandhom ikunu ċari, sempliċi, faċli biex jintużaw u proporzjonati man-natura tal-inizjattiva taċ-ċittadini sabiex titħeġġeġ il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u biex l-Unjoni ssir aktar aċċessibbli. |
|
(5) |
Att legali tal-Unjoni għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati jista' jiġi adottat għall-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet stabbiliti b'xi liġi, regolament jew azzjoni amministrattiva fi Stati Membri li jkollhom bħala objettiv l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern, abbażi tal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). |
|
(6) |
Għal dawn ir-raġunijiet, l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta ma taqax manifestament barra mill-ambitu tas-setgħat tal-Kummissjoni li tressaq proposti għal att legali tal-Unjoni għall-iskop tal-implimentazzjoni tat-Trattati. |
|
(7) |
Barra minn hekk, il-kumitat taċ-ċittadini ġie ffurmat u l-persuni ta' kuntatt ġew maħtura skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament u l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta la tidher li hija abbużiva, la frivola u lanqas vessatorja u lanqas ma tidher li tmur kontra l-valuri tal-Unjoni kif stipulat fl-Artikolu 2 TUE. |
|
(8) |
Il-proposta għal inizjattiva taċ-ċittadini bl-isem “Eat ORIGINal! Unmask your food” jenħtieġ għalhekk li tiġi rreġistrata. |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-proposta għa inizjattiva taċ-ċittadini bl-isem “Eat ORIGINal! Unmask your food” hija b'dan irreġistrata.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-2 ta' Ottubru 2018.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-organizzaturi (il-membri tal-kumitat taċ-ċittadini) tal-inizjattiva taċ-ċittadini proposta bit-titolu “Eat ORIGINal! Unmask your food”, irrappreżentati mis-Sur Roberto Moncalvo u s-Sinjura Christiane Foulier Lambert, bħala persuni ta' kuntatt.
Magħmul fi Brussell, id-19 ta' Settembru 2018.
Għall-Kummissjoni
Frans TIMMERMANS
L-Ewwel Viċi President