Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fit‑18 ta’ Settembru 2025 (1)

Kawżi magħquda C‑188/24 u C‑190/24

WebGroup Czech Republic, a.s.,

NKL Associates s. r. o.

vs

Ministre de la Culture,

Premier ministre (C‑188/24),

fil-preżenza ta’:

Osez le féminisme !,

Le mouvement du Nid,

Les effronté-E-S

u

Coyote System

vs

Ministre de l’Intérieur et des Outre-mer ,

Premier ministre (C‑190/24)

(talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-Conseil d’État [il-Kunsill tal-Istat] (Franza))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kummerċ elettroniku – Direttiva 2000/31/KE – Servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni – Qasam ikkoordinat – Leġiżlazzjoni kriminali li tipprojbixxi b’mod ġenerali l‑provvista ta’ kontenut pornografiku lil minuri – Projbizzjoni ta’ xandir mill-ġdid ta’ informazzjoni pprovduta mill-utenti”






I.      Introduzzjoni

1.        Permezz ta’ dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar‑rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-possibbilitajiet li jistgħu jippermettu lil Stat Membru ta’ destinazzjoni ta’ servizz tas-soċjetà tal‑informazzjoni japplika fuq fornitur ta’ dan is-servizz, stabbilit fi Stat Membru ieħor, miżuri nazzjonali li jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku ta’ dan l-ewwel Stat Membru.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

1.      Id-Direttiva 2000/31/KE

2.        L-Artikolu 1  tad-Direttiva 2000/31/KE (2), intitolat “Għan u qasam ta’ applikazzjoni”, jistipula, fil-paragrafi 2 u 5 tiegħu:

“2.      Din id-Direttiva tressaq [tapprossima], sal-limiti meħtieġa għall-akkwist tal‑għanijiet stipulati fil-paragrafu 1, ċerti disposizzjonijiet nazzjonali dwar servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni li jirrigwardaw is-suq intern, l-istabbiliment ta’ dawk li jipprovdu servizzi, komunikazzjonijiet kummerċjali, kuntratti elettroniċi, ir-responsabbilità ta’ intermedjarji, kodiċi ta’ kondotta, ftehim fuq kwistjonijiet barra mill-qorti, azzjonijiet ġudizzjarji u koperazzjoni bejn Stati Membri.

[...]

5.      Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika fil-

a)      qasam tat-tassazzjoni;

b)      kwistjonijiet li jirrigwardaw servizzi minn soċjetà ta’ l‑informazzjoni koperti bid-Direttivi 95/46/KE [(3)]u 97/66/KE [(4)];

ċ)      kwistjonijiet li jirrigwardaw ftehim jew prattiċi regolati b’liġi dwar kartell;

d)      dawn l-attivitajiet li ġejjin ta’ servizzi minn soċjetà ta’ l‑informazzjoni:

–        l-attivitajiet ta’ nutara jew professjonijiet ekwivalenti sal‑limiti li dawn jinvolvu konnessjoni diretta u speċifika fl‑eżerċizzju ta’ awtorità pubblika,

–        ir-rappreżentanza ta’ klijenti u d-difiża ta’ l-interessi tagħhom quddiem il-qrati,

–        attivitajiet ta’ logħob li jinvolvu mħatri b’valur monetarju f’logħob tax-xorti, inklużi lotteriji u transazzjonijiet ta’ logħob ta’ l-ażżard.”

3.        L-Artikolu 2(h) ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jistipula li, għall-għanijiet tagħha, dan it-terminu jfisser:

“‘qasam ikkordinat’: ħtiġijiet stipulati fis-sistemi legali ta’ Stati Membri applikabbli għal min jipprovdi servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni jew għas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, independentement minn jekk dawn ikunux ta’ natura ġenerali jew iddisinjati speċifikament għalihom.

i)      Il-qasam ikkordinat jikkonċerna ħtiġijiet li magħhom dak li jipprovdi s-servizz għandu jkun konformi fir-rigward ta’:

–        il-bidu ta’ l-attività ta’ servizz minn soċjetà ta’ l‑informazzjoni, bħal ma huma l-ħtiġijiet li jikkonċernaw kwalifiki, awtorizzazzjoni jew notifikazzjoni,

–        l-prattika ta’ l-attività ta’ servizz minn soċjetà ta’ l‑informazzjoni, bħal ma huma ħtiġijiet li jikkonċernaw l‑imġieba ta’ dak li jipprovdi servizzi, ħtiġijiet li jirrigwardaw il-kwalità jew kontenut tas-servizz inklużi dawk applikabbli għal reklamar u kuntratti, jew ħtiġijiet li jikkonċernaw ir‑responsabbilità ta’ min jipprovdi s-servizz.

ii)      Il-qasam ikkordinat ma jkoprix ħtiġijiet bħal ma huma:

–        ħtiġijiet applikabbli għal merkanzija bħala tali,

–        ħtiġijiet applikabbli għal kunsinna ta’ merkanzija,

–        ħtiġijiet applikabbli għal servizzi li ma humiex ipprovduti b’mezzi elettroniċi.”

4.        L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Suq intern”, jistipula:

“1.      Kull Stat Membru għandu jassigura li s-servizzi minn soċjetà ta’ l‑informazzjoni provduti minn dak li jipprovdi servizz li jkun stabbilit fit‑territorju tiegħu ikun konformi mad-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli fl-Istat Membru f’dak il-każ li huwa fil-qasam ikkordinat.

2.      L-Istati Membri ma jistgħux, għal raġunijiet li jidħlu fil-qasam ikkordinat, jillimitaw il-libertà li jkunu provduti servizz [il-moviment liberu tas-servizzi] minn soċjetà ta’ l-informazzjoni minn Stat Membru ieħor.

3.      Il-paragrafi 1 u 2 m’għandhomx ikunu applikabbli fl-oqsma li hemm referenza għalihom fl-Anness.

4.      L-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri biex jidderogaw mill‑paragrafu 2 fir-rigward ta’ servizz partikolari għas-soċjetà ta’ l‑informazzjoni jekk dawn il-kundizzjonijiet ikunu mwettqa:

a)      il-miżuri għandhom ikunu:

i)      meħtieġa għal waħda minn dawn ir-raġunijiet:

–        strateġija pubblika, partikolarment għal prevenzjoni, investigazzjoni, tkixxif u prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, inklużi il-protezzjoni ta’ minuri u tal-ġlieda kontra t-tixwix għall-mibegħda fuq il-bażi ta’ razza, sess, reliġjon jew nazzjonalità, u vjolazzjonijiet tad‑dinjità umana li jikkonċernaw persuni ndividwali,

[...]

ii)      meħuda kontra servizz partikolari għas-soċjetà ta’ l‑informazzjoni mingħajr preġudizzju għall-għanijiet li hemm referenza għalihom f’punt (1) jew li jippreżentaw riskju serju u gravi għal dawk l-għanijiet;

iii)      proporzjonat għal dawk l-għanijiet;

b)      qabel ma jittieħdu l-miżuri f’dak il-każ u mingħajr preġudizzju għal proċess fil-qrati, inklużi proċedimenti prelimenari u atti mwettqa fil-qafas ta’ investigazzjoni kriminali, l-Istat Membru jkun:

–        talab lill-Istat Membru li hemm referenza għalih fil‑paragrafu 1 biex jieħu l-miżuri u dan ta’ l-aħħar ma jkunx ħa dawk il-miżuri, jew li dawn kienu inadegwati,

–        innotifika lill-Kummissjoni u lill-Istat Membru li hemm referenza għalih fil-paragrafu 1 bl-intenzjoni tiegħu li jieħu dawk il-miżuri.

5.      L-Istati Membri jistgħu, f’każ ta’ urġenza, jidderogaw mill‑kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 4(b). Meta dan ikun il-każ, il‑miżuri għandhom ikunu innotifikati fl-iqsar żmien possibbli lill‑Kummissjoni u lill-Istat Membru li hemm referenza għalih fil‑paragrafu 1, b’indikazzjonijiet tar-raġunijiet il-għala l-Istat Membru jikkunsidra li hemm urġenza.

[...]”

5.        L-Artikoli 12 sa 14 tal-istess direttiva, li jinsabu fit-Taqsima 4, intitolata “Responsabbilità ta’ intermedjarji li jipprovdu servizz”, tal‑Kapitolu II, intitolat “Prinċipji”, ikopru fornitur ta’ servizzi tas‑soċjetà tal-informazzjoni li jeżerċita, rispettivament, attività ta’ sempliċi trasport (“mere conduit”), forma ta’ ħażna msejħa “caching” jew attività ta’ hosting. Dawn id-dispożizzjonijiet jistabbilixxu wkoll il‑kundizzjonijiet li bis-saħħa tagħhom tali fornituri huma eżentati minn responsabbiltà għall-informazzjoni li toriġina mill-utenti tas-servizzi tagħhom.

6.        B’mod partikolari, l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2000/31, intitolat “Hosting”, jistipula:

“1.      Meta servizz għas-soċjetà ta’ l-informazzjoni jkun provdut li jikkonsisti fiż-żamma ta’ informazzjoni ipprovduta minn dak li jirċievi s‑servizz, Stati Membri għandhom jassiguraw li dak li jipprovdi s-servizz ma jkunx responsabbli għall-informazzjoni miżmuma fuq it-talba ta’ dak li jirċievi s-servizz, bil-kundizzjoni li:

a)      dak li jipprovdi attwalment ma jkollux tagħrif ta’ attività jew informazzjoni illegali u, fir-rigward ta’ ħsarat, ma jkunx konxju tal‑fatti jew taċ-ċirkostanzi li minnhom l-attività jew l‑informazzjoni illegali tkun apparenti;

jew

b)      dak li jipprovdi, malli jakkwista t-tagħrif jew meta jsir konxju, jaġixxi mingħajr dewmien biex ineħħi jew iwaqqaf l-aċċess għall‑informazzjoni.

2.      Il-paragrafu 1 m’għandux ikun applikabbli meta dak li jirċievi s‑servizz ikun jaġixxi permezz ta’ l-awtorità jew tal-kontroll ta’ dak li jipprovdi.

3.      Dan l-Artikolu m’għandux jaffettwa l-possibiltà għal qorti jew awtorità amministrattiva, bi qbil mas-sistemi leġali ta’ Stati Membri, tal‑ħtieġa li dak li jipprovdi s-servizz jittermina jew iwaqqaf ksur, l-anqas ma taffettwa l-possibiltà għal Stati Membri li jistabbilixxu proċeduri li jirregolaw it-tneħħija jew it-twaqqif ta’ aċċess għall-informazzjoni.”

7.        L-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva, intitolat “L-ebda obbligu ġenerali li jsir monitoraġġ”, jistipula:

“1.      L-Istati Membri m’għandhomx jimponu obbligu ġenerali fuq dawk li jipprovdu, meta jipprovdu s-servizzi koperti mill-Artikoli 12, 13 u 14, li jagħmlu monitoraġġ ta’ l-informazzjoni li huma jittrasmettu jew iżommu, l-anqas obbligu ġenerali biex ikunu mfittxija fatti jew ċirkostanzi li jindikaw attività illegali.

2.      L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu obbligi għal dawk li jipprovdu servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, li malajr kemm jista’ jkun jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti pubbliċi dwar l-allegati attivitajiet illegali jew informazzjoni provduta minn dawk li jirċievu s-servizz tagħhom, jew obbligi li jikkomunikaw lill-awtoritajiet kompetenti, fuq talba tagħhom stess, informazzjoni li tiffaċilita l-identifikazzjoni ta’ dawk li jirċievu s-servizz tagħhom li magħhom ikollhom ftehim għaż-żamma.”

2.      Id-Direttiva 2010/13/UE

8.        L-Artikolu 28b tad-Direttiva 2010/13/UE (5) jistipula:

“1.      Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 12 sa 15 tad‑Direttiva 2000/31/KE, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l‑fornituri ta’ pjattaforma ta’ video-sharing taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jipproteġu:

a)      lill-minorenni [minuri] minn programmi, videos iġġenerati mill-utenti u komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi li jistgħu jfixklu l‑iżvilupp fiżiku, mentali jew morali tagħhom f’konformità mal‑Artikolu 6a(1);

[...]

3.      Għall-iskopijiet tal-paragrafi 1 u 2, il-miżuri xierqa għandhom jiġu ddeterminati fid-dawl tan-natura tal-kontenut inkwistjoni, il-ħsara li jista’ jikkawża, il-karatteristiċi tal-kategorija ta’ persuni li għandhom jiġu protetti kif ukoll id-drittijiet u l-interessi leġittimi involuti, inkluż dawk tal-fornituri tal-pjattaformi ta’ video-sharing u l-utenti li jkunu ħolqu jew tellgħu l-kontenut, kif ukoll l-interess pubbliku ġenerali.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri kollha ta’ pjattaformi ta’ video-sharing taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom għandhom japplikaw dawk il-miżuri. Dawk il-miżuri għandhom ikunu prattikabbli u proporzjonati, b’kont meħud tad-daqs ta’ servizz ta’ pjattaforma ta’ video-sharing u n-natura tas-servizz li jiġi pprovdut. Dawk il-miżuri ma għandhom iwasslu għall-ebda miżura ta’ kontroll ex ante jew filtraġġ tal‑kontenut imtella’ li ma jikkonformax mal-Artikolu 15 tad‑[Direttiva 2000/31]. Għall-iskopijiet tal-protezzjoni tal-minuri, prevista fil-punt (a) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-aktar kontenut ta’ ħsara għandu jkun soġġett għall-miżuri l-aktar stretti tal-kontroll tal‑aċċess.

Dawk il-miżuri għandhom jikkonsistu minn, kif xieraq:

a)      l-inklużjoni u l-applikazzjoni, fit-termini u l-kondizzjonijiet tas‑servizzi ta’ pjattaforma ta’ video-sharing, tar-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 1;

[...]

f)      l-istabbiliment u t-tħaddim ta’ sistemi ta’ verifika tal-età għall‑utenti ta’ pjattaformi ta’ video-sharing fir-rigward ta’ kontenut li jista’ jfixkel l-iżvilupp fiżiku, mentali jew morali tal‑minorenni;

[...]

h)      l-provvediment għal sistemi ta’ kontroll mill-ġenituri li jkunu taħt il-kontroll tal-utent finali fir-rigward ta’ kontenut li jista’ jfixkel l‑iżvilupp fiżiku, mentali jew morali tal-minorenni;

i)      l-istabbiliment u t-tħaddim ta’ proċeduri trasparenti, faċli li jintużaw u effikaċi għall-ġestjoni u għar-riżoluzzjoni ta’ lmenti mill-utenti lill-fornitur tal-pjattaforma ta’ video-sharing fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-miżuri msemmija fil-punti (d) sa (h);

[...]

4.      Għall-finijiet tal-implimentazzjoni tal-miżuri msemmija fil‑paragrafi 1 u 3 ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom iħeġġu l‑użu tal-koregolamentazzjoni kif previst fl-Artikolu 4a(1).

5.      L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-mekkaniżmi meħtieġa biex jivvalutaw l-adegwatezza tal-miżuri msemmija fil-paragrafu 3 meħudin minn fornituri ta’ pjattaforma ta’ video-sharing. L-Istati Membri għandhom jinkarigaw lill-awtoritajiet jew lill-korpi regolatorji nazzjonali bil-valutazzjoni ta’ dawk il-miżuri.

6.      L-Istati Membri jistgħu jimponu fuq il-fornituri ta’ pjattaforma ta’ video-sharing miżuri li huma aktar dettaljati jew stretti mill-miżuri msemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu. Meta jadottaw tali miżuri, l‑Istati Membri għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti mil-liġi tal-Unjoni applikabbli, bħal pereżempju dawk stabbiliti fl-Artikoli 12 sa 15 tad-[Direttiva 2000/31] jew fl-Artikolu 25 tad‑Direttiva 2011/93/UE [ (6)].

[...]”

B.      Id-dritt Franċiż

1.      Il-Kawża C‑188/24

9.        L-Artikolu 227-24 tal-Kodiċi Kriminali jistipula:

“Il-fatt jew li jiġi prodott, ittrasportat, imxandar b’kull mezz u fuq kwalunkwe medium, messaġġ ta’ natura vjolenti, li jħajjar għat‑terroriżmu, pornografiku, inklużi immaġini pornografiċi li jinvolvu annimal wieħed jew aktar, jew ta’ natura li jikkawża preġudizzju serju għad-dinjità tal-bniedem jew li jħajjar lil minuri jipparteċipaw f’logħob li jpoġġihom fiżikament fil-periklu, jew inkella l-fatt li jsir kummerċ minn dan it-tip ta’ messaġġ, huwa suġġett għal piena ta’ tliet snin priġunerija u għal multa ta’ EUR 75 000 meta dan il-messaġġ jista’ jarah jew jiġi rċevut minuri.

Meta r-reati previsti f’dan l-artikolu jkunu seħħew permezz tal-istampa miktuba jew awdjoviżiva jew permezz ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku online, id-dispożizzjonijiet speċjali tal-liġijiet li jirregolaw dawn l-oqsma japplikaw fir-rigward tad-determinazzjoni tal-persuni responsabbli.

Ir-reati previsti f’dan l-artikolu jikkostitwixxu reat anki jekk l-aċċess ta’ minuri għall-messaġġi msemmija fl-ewwel paragrafu jirriżulta minn sempliċi dikjarazzjoni tiegħu stess li tindika li għandu minn tal-inqas tmintax-il sena.”

10.      L-Artikolu 23 tal-loi n° 2020-936, du 30 juillet 2020, visant à protéger les victimes de violences conjugales (7) [il-Liġi Nru 2020-936 tat‑30 ta’ Lulju 2020 dwar il-protezzjoni tal-vittmi ta’ vjolenza domestika] (iktar ’il quddiem il‑“Liġi tat‑30 ta’ Lulju 2020”) jistipula (8):

“Meta jikkonstata li persuna li l-attività tagħha hija li teditja servizz ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku online tippermetti li l-minuri jkollhom aċċess għal kontenut pornografiku bi ksur tal-Artikolu 227-24 tal-Kodiċi Kriminali, il-President tal-Autorité de régulation de la communication audiovisuelle et numérique [l-Awtorità għar-Regolamentazzjoni tal‑Komunikazzjoni Awdjoviżiva u Diġitali] (ARCOM) għandu jibgħat lil din il-persuna [...] intimazzjoni sabiex din tieħu kull miżura meħtieġa biex tipprevjeni l-aċċess tal-minuri għall-kontenut inkriminat. [...]

Meta jiskadi [terminu ta’ ħmistax-il jum], f’każ ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-ordni [...] u jekk il-kontenut jibqa’ aċċessibbli għall‑minuri, il-President tal-[ARCOM] jista’ jirrikorri għand il‑President tat-tribunal judiciaire de Paris [il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Pariġi, Franza] bil-għan li jordna [li jintemm l-aċċess għal dan is-servizz u r-riferiment għalih permezz ta’ magna tat-tiftix jew ta’ direttorju]”.

11.      Il-kundizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tal-Artikolu 23 ta’ din il‑liġi ġew ippreċiżati fid-décret n° 2021-1306, du 7 octobre 2021, relatif aux modalités de mise en œuvre des mesures visant à protéger les mineurs contre l’accès à des sites diffusant un contenu pornographique (9) [id-Digriet Nru 2021-1306 tas‑7 ta’ Ottubru 2021 relatat mal-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tal-miżuri li għandhom l‑għan li jipproteġu lill-minuri kontra l-aċċess għal siti li jxandru kontenut pornografiku] (iktar ’il quddiem id-“digriet tas‑7 ta’ Ottubru 2021”). Skont l-Artikolu 3 ta’ dan id-digriet, “[b]iex jiġi evalwat [...] jekk persuna li l-attività tagħha hija li teditja servizz ta’ komunikazzjoni lill‑pubbliku online tippermettix li l-minuri jkollhom aċċess għal kontenut pornografiku [...], il-President tal-Kunsill Superjuri tal‑Awdjoviżiv għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-livell ta’ affidabbiltà tal-proċedura teknika stabbilita minn din il-persuna sabiex tiżgura li l‑utenti li jixtiequ aċċess għas-servizz huma maġġorenni”.

2.      Il-Kawża C‑190/24

12.      L-Artikolu L. 130-11 tal-code de la route [il-Kodiċi tat-Traffiku, Franza] jistipula:

“I. - Meta jitwettaq kontroll fit-triq, kemm jekk fuq toroq miftuħa għaċ‑ċirkolazzjoni pubblika u kemm jekk le, li jinvolvi l-interċettazzjoni ta’ vetturi u li għandu l-għan jew li jsiru l-operazzjonijiet previsti fl‑Artikoli L. 234-9 jew L. 235-2 ta’ dan il-Kodiċi jew fl-Artikoli 78-2-2 jew 78-2-4 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, jew inkella li jiġi vverifikat li s-sewwieqa jew il-passiġġieri ma humiex is-suġġett ta’ tfittxijiet ordnati mill‑awtoritajiet ġudizzjarji għal delitti gravissimi jew għal reati serji punibbli b’mill-inqas tliet snin priġunerija, jew li ma humiex irreġistrati fil-fajl imsemmi fl-Artikolu 230-19 tal-istess kodiċi, minħabba t‑theddida li huma jikkostitwixxu għall-ordni jew għas-sigurtà pubblika, jew għax huma suġġetti għal deċiżjoni ta’ tqegħid ex officio f’istituzzjoni psikjatrika jew għax ħarbu minn tali istituzzjoni, l-awtorità amministrattiva tista’ tipprojbixxi lil kull operatur ta’ servizz elettroniku ta’ għajnuna għas-sewqan jew għan-navigazzjoni permezz ta’ ġeolokalizzazzjoni milli jxandar mill-ġdid permezz ta’ dan is-servizz kwalunkwe messaġġ jew indikazzjoni mibgħuta mill-utenti ta’ dan is‑servizz, sa fejn tali xandir mill-ġdid ikun jista’ jippermetti lill-utenti l‑oħra jevitaw il-kontroll.

Il-projbizzjoni ta’ xandir mill-ġdid msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu I tikkonsisti, għal kull operatur ta’ servizz elettroniku ta’ għajnuna għas-sewqan jew għan-navigazzjoni permezz ta’ ġeolokalizzazzjoni, fl-oskurazzjoni, għat-toroq jew għal partijiet tat-toroq kollha li jiġu indikati lilu mill-awtorità kompetenti, tal-messaġġi u tal-indikazzjonijiet kollha li normalment kien jixxandar mill-ġdid lill-utenti f’modalità normali tas‑servizz. It-tul ta’ din il-projbizzjoni ma jistax jaqbeż sagħtejn jekk il‑kontroll fit-triq jirrigwarda operazzjoni prevista fl-Artikoli L. 234-9 jew L. 235-2 ta’ dan il-kodiċi, jew tnax-il siegħa jekk tirrigwarda operazzjoni oħra msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu I. It‑toroq jew il-partijiet tat-toroq involuti ma jistgħux ikunu lil hinn minn raġġ ta’ għaxar kilometri mill-punt tal-kontroll fit-triq meta dan jinsab barra minn agglomerazzjoni, u lil hinn minn żewġ kilometri mill‑punt tal-kontroll fit-triq meta dan jinsab fl-agglomerazzjoni.

[...]”

13.      L-Artikolu L. 130-12 ta’ dan il-kodiċi jistipula li reat ta’ ksur tal‑projbizzjoni ta’ xandir, prevista fl-Artikolu L. 130-11 ta’ dan il‑kodiċi, huwa punibbli b’sentejn priġunerija u b’multa ta’ EUR 30 000.

14.      Id-Digriet Nru 2021-468 tad‑19 ta’ April 2021 li jimplimenta l‑Artikolu L. 130-11 tal-Kodiċi tat-Traffiku (10) (iktar ’il quddiem id‑“digriet tad‑19 ta’ April 2021”) jippreċiża l-modalitajiet ta’ implimentazzjoni ta’ dan l-artikolu. L-Artikolu 1  ta’ dan id-digriet introduċa l-Artikolu R. 130-12 ta’ dan il-kodiċi li jistipula, b’mod partikolari, li “[i]d-deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ xandir mill-ġdid għandha tispeċifika t-toroq jew il-partijiet tat-toroq involuti u għandha tistabbilixxi d‑data u l-ħinijiet tal-bidu u tat-tmiem ta’ din il-projbizzjoni” u li “[l]‑informazzjoni relatata mal-projbizzjoni ta’ xandir mill-ġdid, bl‑eċċezzjoni ta’ kull informazzjoni relatata mar-raġunijiet tal-kontroll fit-triq inkwistjoni, tiġi kkomunikata lill-operaturi ta’ servizz elettroniku ta’ għajnuna għas-sewqan jew għan-navigazzjoni permezz ta’ sistema ta’ informazzjoni [...]”.

III. Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

A.      Il-Kawża C‑188/24

15.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-kumpanniji Webgroup Czech Republic u NKL Associates s.r.o., li s-sede tagħhom hija fi Praga (ir‑Repubblika Ċeka), joperaw siti web ta’ natura pornografika. Il‑President tal-ARCOM bagħtilhom intimazzjoni skont l‑Artikolu 227‑24 tal-Kodiċi Kriminali u l-Artikolu 22 tal-Liġi tat‑30 ta’ Lulju 2020 (11).

16.      Fir-rigward tal-Artikolu 227-24 tal-Kodiċi Kriminali, dan jipprojbixxi lil kull persuna milli xxandar messaġġ ta’ natura pornografika li jista’ jarah minuri. L-Artikolu 22 tal-Liġi tat‑30 ta’ Lulju 2020 jispjega li dan ir-reat iseħħ “anki jekk l-aċċess ta’ minuri għall-messaġġi msemmija fl-ewwel paragrafu jirriżulta minn sempliċi dikjarazzjoni tiegħu stess li tindika li għandu minn tal-inqas tmintax-il sena”. Barra minn hekk, l-Artikolu 23 ta’ din il-Liġi – li l‑kundizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tagħha ġew ippreċiżati fid-digriet tas‑7 ta’ Ottubru 2021 – ta lill-President tal-ARCOM is-setgħa li jibgħat intimazzjoni lill-persuna li ma tosservax din il-projbizzjoni.

17.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kkontestaw dawn l‑intimazzjonijiet quddiem it-tribunal judiciaire de Paris [il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Pariġi] (12) u, b’mod parallel, adixxew lill-Conseil d’État [il-Kunsill tal-Istat] (Franza), fl-ewwel u l‑aħħar istanza, b’rikors għall-annullament tad-dispożizzjonijiet tad-digriet tas‑7 ta’ Ottubru 2021. Insostenn tar-rikors tagħhom, huma invokaw, b’mod partikolari, il-ksur tad-dritt tal-Unjoni. L-istess ilment huwa mqajjem, bħala eċċezzjoni, kontra d-dispożizzjonijiet tal-Liġi tat‑30 ta’ Lulju 2020. Iż-żewġ talbiet ġew magħquda għall-finijiet tad‑deċiżjoni ta’ dik il-qorti.

18.      Fir-rikorsi tagħhom, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu, b’mod partikolari, li l-għanijiet tad-Direttiva 2000/31 ġew miksura inkwantu d-dispożizzjonijiet tad-digriet tas‑7 ta’ Ottubru 2021 jimponu miżuri ta’ natura ġenerali u astratta għal kategorija ta’ servizzi partikolari tas-soċjetà tal-informazzjoni deskritta f’termini ġenerali u li japplikaw għal kull fornitur ta’ din il-kategorija ta’ servizzi.

19.      Fid-dawl tal-għan u tan-natura tat-tilwima, diversi assoċjazzjonijiet ġew ammessi jintervjenu fil-proċedura fil-kawża prinċipali, b’mod partikolari, “Les effronté-E-S”, li jsostnu li l-motivi mqajma mir‑rikorrenti fil-kawża prinċipali ma humiex fondati.

20.      Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Conseil d’État [il-Kunsill tal-Istat] iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel is-segwenti domandi preliminari lill‑Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Fl-ewwel lok, dispożizzjonijiet li jaqgħu taħt id-dritt kriminali, b’mod partikolari dispożizzjonijiet ġenerali u astratti li jiddeskrivu ċertu aġir bħala li jikkostitwixxi reat kriminali suġġett għal azzjoni legali, għandhom jitqiesu li jaqgħu taħt il-‘qasam ikkoordinat’ mid‑[Direttiva 2000/31] meta dawn ikunu jistgħu japplikaw kemm għall-aġir ta’ fornitur tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni kif ukoll għal dak ta’ kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika oħra, jew għandu jitqies, ladarba d-direttiva għandha l-għan biss li tarmonizza ċerti aspetti ġuridiċi ta’ dawn is-servizzi mingħajr ma tarmonizza l‑qasam tad-dritt kriminali bħala tali u ladarba din tistabbilixxi biss rekwiżiti applikabbli għas-servizzi, li tali dispożizzjonijiet kriminali ma jistgħux jitqiesu bħala rekwiżiti applikabbli għall‑aċċess għal u għall-eżerċizzju tal-attività ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni li jaqgħu taħt il-“qasam ikkoordinat” minn din id-direttiva? B’mod partikolari, dispożizzjonijiet kriminali maħsuba sabiex jiżguraw il-protezzjoni tal-minuri jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-‘qasam ikkoordinat’?

2)      Il-fatt li tiġi imposta fuq edituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni online l-implimentazzjoni ta’ miżuri [arranġamenti] maħsuba sabiex jipprevjenu l‑possibbiltà li minuri jaċċedu għal kontenut pornografiku li huma jxandru għandu jitqies li jaqa’ taħt il-‘qasam ikkoordinat’ mid‑Direttiva 2000/31, li tarmonizza biss ċerti aspetti ġuridiċi tas‑servizzi kkonċernati, filwaqt li, għalkemm dan l-obbligu jikkonċerna l-eżerċizzju tal-attività ta’ servizz tas-soċjetà tal‑informazzjoni, sa fejn dan jirrigwarda l-aġir tal-fornitur, il‑kwalità jew il-kontenut tas-servizz, dan madankollu la jikkonċerna l-istabbiliment tal-fornituri, la l-komunikazzjonijiet kummerċjali, la l-kuntratti b’mezzi elettroniċi, la r-regoli dwar ir‑responsabbiltà tal-intermedjarji, la l-kodiċijiet ta’ kondotta, la r‑riżoluzzjoni extraġudizzjarja [ftehim barra mill-qorti] tat-tilwim, la l-azzjonijiet ġudizzjarji u lanqas il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, u għalhekk ma jirrigwarda ebda waħda mill-oqsma rregolati mid‑dispożizzjonijiet ta’ armonizzazzjoni tal-Kapitolu II tagħha?

3)      Fil-każ ta’ risposta affermattiva għad-domandi preċedenti, kif għandha titwettaq ir-rikonċiljazzjoni bejn ir-rekwiżiti li jirriżultaw mid-Direttiva 2000/31 u dawk li jirriżultaw mill-protezzjoni tad‑drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea, b’mod iktar partikolari mill-protezzjoni tad-dinjità tal-bniedem u l-aħjar interessi tal-wild, iggarantiti mill-Artikoli 1 u 24 tal-Karta tad‑Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea [iktar ’il quddiem il-“Karta”] u mill-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali [(13)], meta s-sempliċi adozzjoni ta’ miżuri individwali meħuda fir-rigward ta’ servizz partikolari ma tidhirx li tista’ tiżgura l-protezzjoni effettiva ta’ dawn id-drittijiet? Jeżisti prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea li jawtorizza lill-Istati Membri jieħdu, b’partikolari f’każijiet ta’ emerġenza, il-miżuri - inkluż meta dawn ikunu ġenerali u astratti fir-rigward ta’ kategorija ta’ fornituri ta’ servizzi - li jimponu l-protezzjoni tal-minuri minn ksur tad-dinjità u tal-integrità tagħhom, b’deroga, fejn meħtieġ, fir‑rigward ta’ fornituri rregolati mid-Direttiva 2000/31, mill‑prinċipju ta’ regolamentazzjoni ta’ dawn il-fornituri mill-Istat ta’ oriġini tagħhom stabbilit minn din id-direttiva?”

B.      Il-Kawża C‑190/24

21.      Il-kumpannija Coyote System, stabbilita fi Franza, tipprovdi servizz li taħt id-dritt Franċiż huwa kklassifikat bħala “servizz elettroniku ta’ għajnuna għas-sewqan jew għan-navigazzjoni permezz ta’ ġeolokalizzazzjoni” kif stipulat fl-Artikolu L. 130-11 tal-Kodiċi tat‑Traffiku.

22.      Din id-dispożizzjoni tippermetti li l-awtorità amministrattiva kompetenti tipprojbixxi lill-operaturi ta’ dan it-tip ta’ servizzi milli jxandru mill-ġdid, għal perijodu u f’perimetru ġeografiku limitat, il‑messaġġi tal-utenti tagħhom li jistgħu jiżvelaw il-lokalizzazzjoni tal‑kontrolli tal-livell ta’ alkoħol u l-użu ta’ drogi kif ukoll ċerti operazzjonijiet tal-pulizija ġudizzjarja, pereżempju kontra persuni li qed jiġu mfittxija għal delitti gravissimi jew għal reati serji, jew għax ħarbu minn istituzzjoni psikjatrika (iktar ’il quddiem il-“projbizzjoni ta’ xandir mill-ġdid inkwistjoni”). Id-digriet tad‑19 ta’ April 2021 ddefinixxa l‑kundizzjonijiet uniformi għall-eżerċizzju ta’ din is-setgħa.

23.      Coyote System ressqet rikors quddiem il-Conseil d’État [il-Kunsill tal-Istat] għall‑annullament ta’ dan id-digriet. Insostenn ta’ dan ir-rikors, din il‑kumpannija tinvoka, b’mod partikolari, il-ksur tal-għanijiet u tal‑Artikolu 15 tad-Direttiva 2000/31. L-istess ilment huwa mqajjem ukoll, bħala eċċezzjoni, kontra l-Artikolu L. 130-11 tal-Kodiċi tat‑Traffiku.

24.      Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Conseil d’État [il-Kunsill tal-Istat] iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel is-segwenti domandi preliminari lill‑Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Il-projbizzjoni fuq l-operaturi ta’ servizz elettroniku ta’ assistenza għas-sewqan jew għan-navigazzjoni permezz ta’ ġeolokalizzazzjoni milli jiċċirkolaw permezz ta’ dan is-servizz kwalunkwe messaġġ jew kwalunkwe indikazzjoni mibgħuta mill‑utenti u li jistgħu jippermettu lill-utenti l-oħra jevitaw ċerti kontrolli fit-toroq għandha titqies bħala parti mill-“qasam ikkoordinat” kif previst mid-[Direttiva 2000/31], filwaqt li, għalkemm din il‑projbizzjoni tikkonċerna l-eżerċizzju tal-attività ta’ servizz tas‑soċjetà tal-informazzjoni, sa fejn din tirrigwarda l‑aġir tal‑fornitur, il-kwalità jew il-kontenut tas-servizz, din madankollu la tikkonċerna l-istabbiliment tal-fornituri, la l‑komunikazzjonijiet kummerċjali, la l-kuntratti b’mezzi elettroniċi, la r-regoli dwar ir-responsabbiltà tal-intermedjarji, la l‑kodiċijiet ta’ kondotta, la r-riżoluzzjoni extraġudizzjarja [ftehim barra mill-qorti ] tat‑tilwim, la l-azzjonijiet ġudizzjarji u lanqas il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, u għalhekk ma tirrigwarda ebda waħda mill-oqsma rregolati mid‑dispożizzjonijiet ta’ armonizzazzjoni tal-Kapitolu II tagħha?

2)      Projbizzjoni ta’ xandir mill-ġdid li għandha l-għan b’mod partikolari li tevita li persuni mfittxija għal delitti gravissimi jew għal reati serji, jew li jkunu ta’ theddida għall-ordni jew għas‑sigurtà pubblika, ikunu jistgħu jevitaw il-kontrolli fit-toroq taqa’ taħt il-kamp tar-rekwiżiti relatati mal-eżerċizzju tal-attività ta’ servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni li Stat Membru ma jistax jimponi fuq fornituri li joriġinaw minn Stat Membru ieħor filwaqt li l-premessa 26 tad-[Direttiva 2000/31] tispeċifika li din id‑direttiva ma ċċaħħadx lill-Istati Membri mill-possibbiltà li japplikaw ir-regoli nazzjonali tagħhom tad-dritt kriminali u tal‑proċedura kriminali sabiex jieħdu l-miżuri investigattivi u dawk il-miżuri l-oħra kollha meħtieġa għall-identifikazzjoni tar-reati u għat-tressiq ta’ proċeduri kriminali fir-rigward tagħhom?

3)      L-Artikolu 15 tad-Direttiva 2000/31, li jipprojbixxi l-impożizzjoni, fuq il-fornituri ta’ servizzi previsti minnu, ta’ obbligu ġenerali fil‑qasam tas-sorveljanza [tal-monitoraġġ], minbarra l-obbligi applikabbli għal każ speċifiku, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l‑applikazzjoni ta’ dispożizzjoni li sempliċement tipprevedi li jista’ jiġi impost fuq l-operaturi ta’ servizz elettroniku ta’ assistenza għas‑sewqan jew għan-navigazzjoni permezz ta’ ġeolokalizzazzjoni l-obbligu li ma jiċċirkolawx, f’każijiet speċifiċi u fil-kuntest ta’ dan is-servizz, ċerti kategoriji ta’ messaġġi jew ta’ indikazzjoni, mingħajr ma l-operatur għandu għal dan il-għan ikun jaf dwar il-kontenut tagħhom?”

IV.    Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

25.      Il-Kawżi C‑190/24 u C‑188/24 ġew magħquda għall-finijiet tal‑fażi bil-miktub u tal-fażi orali tal-proċedura kif ukoll għall-finijiet tas‑sentenza. Inżammet seduta waħda fl‑24 ta’ Marzu 2025, li matulha Webgroup u NKL Associates, Coyote System, Les effronté-E-S, il-Gvern Franċiż, dak Ċek u dak Norveġiż, kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw l-osservazzjonijiet orali tagħhom.

V.      Analiżi

26.      Id-domandi preliminari f’dawn il-kawżi jkopru dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/31 u, fuq kollox, il-mekkaniżmu stabbilit bl‑Artikolu 3 tagħha kif ukoll il-kunċett ċentrali ta’ dan il-mekkaniżmu, jiġifieri dak tal-“qasam ikkoordinat”, fis-sens tal-Artikolu 2(h) ta’ din id-direttiva.

27.      Qabel ma nibda l-analiżi tad-domandi preliminari, ser nagħmel, b’mod preliminari, xi osservazzjonijiet fir-rigward ta’ dan il‑mekkaniżmu (taqsima A). Ser nikkompleta dawn l‑osservazzjonijiet billi nindirizza d-dimensjoni transkonfinali tal-proċeduri fil-kawżi prinċipali li, kif ser nuri, tibqa’ rilevanti fid-dawl tas-suġġett ta’ dawn id‑domandi preliminari (taqsima B). Sussegwentement, ser niċċara l‑portata ta’ dawn id-domandi qabel ma nispjega l-istruttura tal-analiżi tiegħi (taqsima C). Fl-aħħar nett, ser inwettaq l-eżami ta’ dawn id‑domandi (taqsimiet D u E).

A.      Il-mekkaniżmu stabbilit fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/31

28.      Fl-ewwel lok, nosserva li l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/31 ikopri biss il-fornituri ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni u li l-qorti tar‑rinviju titlaq mill-premessa li s-servizzi li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni – li l-validità tagħhom hija kkontestata – jikkostitwixxu tali servizzi.

29.      Fit-tieni lok, nirrileva li l-mekkaniżmu stabbilit fl-Artikolu 3 tad‑Direttiva 2000/31 – li l-kunċett ċentrali tiegħu huwa l-“qasam ikkoordinat” – japplika biss fis-sitwazzjonijiet transkonfinali fejn fornitur ta’ servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni stabbilit fi Stat Membru jista’ jiġi affaċjat b’miżura adottata minn Stat Membru ieħor (14).

30.      Fil-fatt, l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/31 jistipula, fil‑paragrafu 1 tiegħu, li kull Stat Membru għandu jiżgura li s-servizzi tas-soċjetà tal‑informazzjoni pprovduti minn fornitur stabbilit fit‑territorju tiegħu jkunu konformi mad-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli f’dan l-Istat Membru li jaqgħu taħt il-qasam ikkoordinat. Barra minn hekk, il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jippreċiża li l-Istati Membri ma jistgħux, “għal raġunijiet li jidħlu fil-qasam ikkordinat”, jillimitaw il-moviment liberu tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni li jkunu ġejjin minn Stat Membru ieħor. Bħala eċċezzjoni, skont l-Artikolu 3(4) ta’ din id-direttiva, Stat Membru jista’ jieħu, fir-rigward ta’ servizz partikolari għas-soċjetà tal-informazzjoni, miżuri li jidderogaw mill-prinċipju ta’ moviment liberu tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, taħt numru ta’ kundizzjonijiet kumulattivi previsti fl-Artikolu 3(4)(a) (kundizzjonijiet sostantivi), u fl-Artikolu 3(4)(b) (kundizzjonijiet proċedurali) tal-imsemmija direttiva.

31.      Minkejja li l-kliem “għal raġunijiet li jidħlu fil-qasam ikkordinat”, li jinsab fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2000/31, jista’ jqajjem dubji ta’ interpretazzjoni, mill-ġurisprudenza jirriżulta li din id-direttiva hija bbażata fuq l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ kontroll fl-Istat Membru ta’ oriġini u ta’ rikonoxximent reċiproku. B’hekk, fil-kuntest tal-qasam ikkoordinat iddefinit fl-Artikolu 2(h) ta’ din id-direttiva, is-servizzi tas‑soċjetà tal-informazzjoni huma rregolati biss fl-Istat Membru li fit‑territorju tiegħu huma stabbiliti l-fornituri ta’ dawn is-servizzi (15).

B.      Id-dimensjoni transkonfinali tal-kwistjonijiet inkwistjoni fil-kawżi prinċipali

32.      Dawn il-kawżi jirrigwardaw b’mod partikolari l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2000/31, li jiddefinixxi l-kunċett ta’ “qasam ikkoordinat”. F’dan ir-rigward, kif diġà osservajt (16), il‑mekkaniżmu stabbilit fl-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva – li l-kunċett ċentrali tiegħu huwa l-“qasam ikkoordinat” – għandu rwol biss fis‑sitwazzjonijiet transkonfinali.

33.      F’dan il-każ, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑190/24, Coyote System, hija stabbilita fi Franza u t-talba għal deċiżjoni preliminari ġejja minn qorti Franċiża. Mal-ewwel daqqa ta’ għajn, għalhekk, huwa leġittimu li jiġi mistoqsi jekk ir-risposti li għandhom jingħataw għad-domandi preliminari li jirrigwardaw il-qasam ikkoordinat humiex rilevanti għall-finijiet tal-kawża prinċipali korrispondenti.

34.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-rikors ta’ Coyote System quddiem il-Conseil d’État [il-Kunsill tal-Istat] ma ġiex ippreżentat fil-qafas ta’ proċedura amministrattiva li tikkonċernaha direttament, iżda huwa rikors għal annullament awtonomu minħabba eċċess ta’ poter, kif għamlu r-rikorrenti fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑188/24. Barra minn hekk, waqt is-seduta ġie kkonfermat li, fil-qafas ta’ din il-proċedura, il-Conseil d’État [il-Kunsill tal-Istat] iwettaq stħarriġ in abstracto tal-legalità tad-dispożizzjonijiet ikkontestati. Għalhekk, jidher li l‑karatteristiċi stess ta’ Coyote System la jillimitaw l‑ilmenti li din il-kumpannija tista’ tqajjem fil-qafas tar-rikors tagħha quddiem il-Conseil d’État [il-Kunsill tal-Istat] u lanqas il-ġurisdizzjoni ta’ dik il-qorti. Minn dan isegwi li d-domandi preliminari fil-Kawża C‑190/24 huma rilevanti għall-finijiet tal-kawża prinċipali korrispondenti u għandhom jingħataw risposta.

C.      Rimarki preliminari dwar id-domandi preliminari

1.      Il-miżuri nazzjonali inkwistjoni

35.      Id-domandi preliminari magħmula f’dawn il-kawżi jirrigwardaw miżuri nazzjonali li r-Repubblika Franċiża għandha l-ħsieb li timponi wkoll fuq il-fornituri ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni stabbiliti fl-Istati Membri l-oħra.

36.      Fir-rigward tal-Kawża C‑188/24, il-miżuri inkwistjoni jirrigwardaw l-obbligu impost fuq l-edituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni online li jimplimentaw arranġamenti tekniċi maħsuba sabiex jipprevjenu l-possibbiltà li minuri jkollhom aċċess għal kontenut pornografiku li huma jxandru (iktar ’il quddiem l-“obbligu inkwistjoni”).

37.      F’dan ir-rigward, id-dispożizzjonijiet nazzjonali li l-legalità tagħhom hija kkontestata fil-kawża prinċipali jagħtu lill-awtorità kompetenti s-setgħa li tibgħat lil editur ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni online intimazzjoni li tordnalu sabiex jieħu kull miżura meħtieġa biex jipprevjeni l-aċċess tal-minuri għall-kontenut ta’ natura pornografika (17). Madankollu, l-obbligu msemmi fid-domandi preliminari ma jirriżultax minn tali intimazzjoni, iżda mid-dispożizzjonijiet ġenerali u astratti li jissanzjonaw kriminalment il-fatt li minuri jingħataw aċċess għal kontenut ta’ natura pornografika abbażi ta’ sempliċi dikjarazzjoni tal-età (18).

38.      Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju tispjega li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu li d-dispożizzjonijiet ikkontestati ma humiex limitati li jipprevedu proċedura li tippermetti li awtorità amministrattiva tordna lill-fornitur biex itemm ksur, iżda għandhom ukoll l-effett, fid-dawl tas‑sustanza tar-reat kriminali kkonċernat, speċifikat miż-żieda, fl‑Artikolu 227-24 tal-Kodiċi Kriminali, ta’ dispożizzjonijiet li jirriżultaw mill-Artikolu 22 tal-Liġi tat‑30 ta’ Lulju 2020, li jobbligaw lill-fornituri ta’ servizzi stabbiliti fi Stati Membri oħra biex jimplimentaw arranġamenti tekniċi biex iwaqqfu l-aċċess tal-minuri għall-kontenut li jxandru (19).

39.      Fir-rigward tal-Kawża C‑190/24, il-miżuri nazzjonali inkwistjoni jirrigwardaw il-projbizzjoni ta’ xandir mill-ġdid, imposta fuq l-operaturi ta’ servizz elettroniku ta’ assistenza għas-sewqan jew għan-navigazzjoni, li tipprekludihom milli jxandru mill-ġdid, bħalma kieku jagħmlu normalment waqt funzjonament normali tas-servizz, messaġġi u indikazzjonijiet maħruġa mill-utenti tiegħu.

2.      Id-domandi preliminari u l-istruttura tal-analiżi

40.      Il-domandi preliminari fiż-żewġ kawżi jikkoinċidu parzjalment u jikkonċernaw kwistjonijiet komuni.

41.      L-ewwel domanda fil-Kawża C‑188/24 u t-tieni domanda fil‑Kawża C‑190/24 jirrigwardaw il-kwistjoni dwar jekk il-miżuri nazzjonali inkwistjoni jaqgħux fil-qasam ikkoordinat fis-sens tal‑Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2000/31, minkejja l-fatt li dawn il-miżuri ma jikkonċernaw l-ebda wieħed mill-oqsma rregolati mid‑dispożizzjonijiet ta’ armonizzazzjoni tal-Kapitoli II u III ta’ din id-direttiva.

42.      Barra minn hekk, it-tieni domanda fil-Kawża C‑188/24 u l-ewwel domanda fil-Kawża C‑190/24 huma intiżi sabiex jiġi stabbilit jekk il‑miżuri nazzjonali inkwistjoni humiex esklużi mill-qasam ikkoordinat minħabba li jikkostitwixxu, rispettivament, korollarju ta’ dispożizzjonijiet ġenerali u astratti rilevanti tad-dritt kriminali u miżura meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-effikaċja tal-kontrolli fit-toroq.

43.      Min-naħa l-oħra, it-tielet domandi f’dawn il-kawżi jqajmu kwistjonijiet differenti. Fil-fatt, it-tielet domanda fil-Kawża C‑188/24 tirrigwarda r-rikonċiljazzjoni bejn ir-rekwiżiti tad-Direttiva 2000/31 u dawk li jirriżultaw mill-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea. It-tielet domanda fil-Kawża C‑190/24 tirrigwarda l‑interpretazzjoni tal-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva u hija intiża sabiex tistabbilixxi jekk il-projbizzjoni li jiġi impost obbligu ġenerali ta’ monitoraġġ, prevista f’din id-dispożizzjoni, tostakola l-applikazzjoni tal‑projbizzjoni ta’ xandir mill-ġdid inkwistjoni.

44.      Fid-dawl tad-differenzi li jippreżentaw il-Kawżi C‑188/24 u C‑190/24 u sabiex dawn il-konklużjonijiet jinqraw aħjar, ser neżamina kull kawża u d-domandi magħmula fihom b’mod separat.

D.      Il-Kawża C‑188/24

45.      L-analiżi tiegħi tal-kwistjonijiet ġuridiċi mqajma fil-Kawża C‑188/24 tirrikjedi bidla fl-ordni tad-domandi kif magħmula mill-qorti tar‑rinviju.

46.      Għaldaqstant, ser nanalizza l-ewwel nett il-kwistjoni tar-relazzjoni bejn il-portata tal-qasam ikkoordinat u l-armonizzazzjoni mwettqa fil‑livell tad-dritt tal-Unjoni mid-Direttiva 2000/31, filwaqt li nivverifika wkoll jekk l-obbligu inkwistjoni jistax, a priori, jitqies bħala rekwiżit li jaqa’ taħt il-qasam ikkoordinat (it-tieni domanda). Sussegwentement, ser nindirizza r-relazzjoni bejn dan il-qasam u dak tad-dritt kriminali (l‑ewwel domanda). Fl-aħħar nett, ser neżamina jekk l-obbligu inkwistjoni, jekk jitqies li din id-direttiva tipprekludi li dan jiġi impost fuq il-fornituri stabbiliti fl-Istati Membri l-oħra, jistax xorta japplika għal dawn tal-aħħar permezz tad-drittijiet fundamentali (it-tielet domanda).

1.      It-tieni domanda

a)      Dwar il-portata tad-domanda preliminari

47.      It-tieni domanda tistaqsi, essenzjalment, jekk il-qasam ikkoordinat, kif iddefinit fl-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2000/31, jinkludix l-obbligu impost fuq l-edituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni online li jimplimentaw arranġamenti tekniċi maħsuba sabiex jipprevjenu l‑possibbiltà li minuri jkollhom aċċess għal kontenut pornografiku li huma jxandru, minkejja l-fatt li dan l-obbligu ma jirrigwarda l-ebda wieħed mill‑oqsma rregolati mid-dispożizzjonijiet ta’ armonizzazzjoni tal‑Kapitoli II u III ta’ din id-direttiva.

48.      Preliminarjament, nosserva li minkejja li din id-domanda tirreferi għall-Kapitolu II tad-Direttiva 2000/31, l-oqsma li ssemmi ma humiex irregolati biss minn dan il-kapitolu, iżda wkoll mill-Kapitolu III. Fil-fatt, l-istabbiliment tal-fornituri (Artikolu 4), il-komunikazzjonijiet kummerċjali (Artikoli 6 sa 8), il-kuntratti b’mezzi elettroniċi (Artikoli 9 sa 11), ir-regoli dwar ir-responsabbiltà tal-intermedjarji, (Artikoli 12 sa 15), il-kodiċijiet ta’ kondotta (Artikolu 16), il-ftehim barra mill-qorti tat-tilwim (Artikolu 17), l-azzjonijiet ġudizzjarji (Artikolu 18) u l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri (Artikolu 19) huma rregolati bil-Kapitoli II u III ta’ din id-direttiva li taħthom jiġbru, l-Artikoli 4 sa 15 u l-Artikoli 16 sa 20, rispettivament.

49.      Fir-rigward tal-eżami ta’ din id-domanda, fl-ewwel lok, għandu jiġi ċċarat jekk il-qasam ikkoordinat jinkludix l-oqsma rregolati mid‑dispożizzjonijiet ta’ armonizzazzjoni tal-Kapitoli II u III tad‑Direttiva 2000/31 u, jekk fl-affermattiv, għandu jiġi vverifikat, fit-tieni lok, in concreto, jekk il-miżura nazzjonali inkwistjoni taqax fil-qasam ikkoordinat.

50.      Fil-fatt, minn naħa, il-qorti tar-rinviju tagħmel il-premessa li din il-miżura nazzjonali ma tirrigwardax l-aspetti armonizzati mill‑Kapitoli II u III tad-Direttiva 2000/31. Għandu jiġi kkonstatat li dwar dan ma hemm l-ebda dubju.

51.      Min-naħa l-oħra, il-formulazzjoni ta’ din id-domanda tissuġġerixxi li dik il-qorti tagħmel ukoll bħala premessa li, bla ħsara għar-risposta li għandha tingħata għad-domanda dwar jekk il-qasam ikkoordinat huwiex limitat għall-oqsma msemmija fil-Kapitoli II u III tad-Direttiva 2000/31, il-miżura nazzjonali inkwistjoni taqa’ fil-qasam ikkoordinat bħala rekwiżit relatat mal-eżerċizzju tal-attività ta’ servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni. Jiena nqis li dan huwa l-każ. Madankollu, għal raġunijiet ta’ kompletezza u peress li diversi partijiet jikkontestaw din il-premessa, ser nivverifika jekk din il-miżura tikkostitwixxix tali rekwiżit.

b)      Il-portata tal-qasam ikkoordinat u l-armonizzazzjoni mwettqa mid-Direttiva 2000/31

52.      Il-Gvern Franċiż, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, isostni li d-Direttiva 2000/31 tistabbilixxi rabta bejn il-qasam ikkoordinat u l‑qasam li tarmonizza. Dan il-Gvern isostni li d-dispożizzjonijiet ġenerali li jinsabu fil-parti introduttiva ta’ att ta’ dritt sekondarju għandhom, bħala prinċipju, il-funzjoni li jitfgħu dawl fuq il-kontenut tal-parti sostantiva ta’ dak l-att. Dawn id-dispożizzjonijiet ġenerali għandhom għalhekk jinqraw flimkien mal-kumplament tat-test tad-dritt sekondarju. Minn dan isegwi li huma biss id-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati sabiex jittrasponu fid‑dritt nazzjonali l-Kapitoli II u III ta’ din id-direttiva li għandhom jiġu “ikkoordinati” skont l-Artikolu 3 tagħha.

53.      Issa, fid-Direttiva 2000/31 ma hemm xejn li jippermetti li jiġi konkluż li l-portata tal-qasam ikkoordinat hija limitata għall-oqsma rregolati mid-dispożizzjonijiet ta’ armonizzazzjoni tal-Kapitoli II u III ta’ din id-direttiva.

54.      Fl-ewwel lok, għall-kuntrarju, l-għan tad-Direttiva 2000/31 huwa, skont l-Artikolu 1(1) tagħha, li tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern billi tiżgura l-moviment liberu tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni bejn l-Istati Membri. Barra minn hekk, skont l‑Artikolu 1(2) tagħha, din id-direttiva tapprossima, sa fejn meħtieġ għat‑twettiq ta’ dan il-għan, ċerti dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli għas‑servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni u li jirrigwardaw, minbarra l‑oqsma rregolati mill-Kapitoli II u III tal-imsemmija direttiva, is-suq intern.

55.      Fuq dan l-aħħar punt, għandu jiġi rrilevat li l-loġika tal‑mekkaniżmu relatat mas-suq intern tas-servizzi tas-soċjetà tal‑informazzjoni, stabbilit l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/31, hija differenti minn dik tad-dispożizzjonijiet tal-Kapitoli II u III tagħha. Fil‑fatt, l-għan ta’ dan il-mekkaniżmu huwa, essenzjalment, li jissuġġetta s-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, bħala prinċipju, għas‑sistema legali tal-Istat Membru li fih il-fornitur huwa stabbilit (20) filwaqt li dawn id-dispożizzjonijiet huma intiżi sabiex jarmonizzaw ċerti aspetti speċifiċi tal-kummerċ elettroniku.

56.      Barra minn hekk, il-mekkaniżmu stabbilit fl-Artikolu 3 tad‑Direttiva 2000/31 għandu l-iktar interess fil-każ ta’ assenza ta’ dispożizzjonijiet ta’ armonizzazzjoni, meta Stat Membru jixtieq jimponi fuq fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor dispożizzjonijiet nazzjonali li ma jaqblux ma’ dawk adottati minn dak l-Istat Membru l-ieħor.

57.      Fil-fatt, kif diġà ċċarajt (21), dan il-mekkaniżmu huwa bbażat fuq l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ kontroll fl-Istat Membru ta’ oriġini u ta’ rikonoxximent reċiproku, b’tali mod li, fil-kuntest tal-qasam ikkoordinat iddefinit fl-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2000/31, is-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni huma rregolati biss fl-Istat Membru li fit‑territorju tiegħu huma stabbiliti l-fornituri ta’ dawn is-servizzi (22).

58.      Konsegwentement, minn naħa, huwa kull Stat Membru, bħala Stat Membru ta’ oriġini ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, li għandu jirregola dawn is-servizzi u għandu, għal dan l-għan, jipproteġi l-għanijiet ta’ interess ġenerali msemmija fl-Artikolu 3(4)(a)(i) tad‑Direttiva 2000/31. Stat Membru ta’ oriġini jista’ jimponi obbligi fuq il-fornituri tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni sabiex jiġi żgurat it‑twettiq ta’ dawn l-għanijiet. Min-naħa l-oħra, konformement mal‑prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, huwa kull Stat Membru, bħala Stat Membru ta’ destinazzjoni ta’ servizzi tas-soċjetà tal‑informazzjoni, li għandu ma jirrestrinġix il-moviment liberu ta’ dawn is-servizzi billi jeżiġi l-osservanza ta’ obbligi addizzjonali, li jaqgħu taħt il‑qasam ikkoordinat, li huwa jkun adotta (23).

59.      Għalhekk, sabiex jiġi żgurat l-effett utli tal-mekkaniżmu stabbilit fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/31 u sabiex dan il-mekkaniżmu jiġi implimentat b’mod sħiħ, b’mod konformi mal-għan tiegħu (24), il-portata tal-qasam ikkoordinat ma tistax tkun limitata għall-oqsma rregolati mid-dispożizzjonijiet ta’ armonizzazzjoni tal-Kapitoli II u III ta’ din id-direttiva (25).

60.      Fit-tieni lok, l-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2000/31 jenfasizza l-fatt li l-qasam ikkoordinat jinkludi r-rekwiżiti previsti mis-sistemi ġuridiċi tal-Istati Membri applikabbli għall-fornituri tas-servizzi tas-soċjetà tal‑informazzjoni jew għas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni. Din il‑formulazzjoni hija wiesgħa biżżejjed biex tinkludi wkoll dispożizzjonijiet purament nazzjonali li ma għandhomx l-oriġini tagħhom fid-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, hija tikkuntrasta ma’ dik użata fl-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva li, fir-rigward ta’ komunikazzjonijiet kummerċjali mhux mitluba, tagħmel riferiment għar-rekwiżiti previsti mid-dritt tal-Unjoni (26).

61.      Fit-tielet lok, il-premessa 21 tad-Direttiva 2000/31 tistipula li “[l]‑iskop ta’ qasam ikkordinat huwa mingħajr preġudizzju għal armonizzazzjoni futura fil-Komunità li tirrigwarda servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni u għal leġislazzjoni futura adottata f’livell nazzjonali bi qbil mal-liġi tal-Komunità”. Din l-ispjegazzjoni tikkostitwixxi indizju tal-fatt li, f’dan l-istadju, il-qasam ikkoordinat ikopri wkoll ir-rekwiżiti previsti fil-livell nazzjonali li ma joriġinawx fid-dritt armonizzat tal-Unjoni.

62.      Fir-raba’ lok, l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2000/31 jistipula li l‑mekkaniżmu stabbilit f’dan l-artikolu ma japplikax fil-każijiet elenkati fl-anness tagħha, li jaqgħu taħt atti ġuridiċi oħra tad-dritt tal-Unjoni jew taħt id-dritt dwar l-obbligi tal-Istati Membri. Issa, jekk il-qasam ikkoordinat ikun limitat għall-oqsma rregolati mill-Kapitoli II u III ta’ din id-direttiva, ma jkunx neċessarju li mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-mekkaniżmu jiġu esklużi l-każijiet irregolati mill-atti ġuridiċi tad-dritt tal-Unjoni li ma jkunux l-imsemmija direttiva jew l-atti ġuridiċi li jaqgħu taħt id-dritt dwar l-obbligi. Fil-fatt, dawn il-każijiet ma humiex is-suġġett tal‑armonizzazzjoni mwettqa mill-Kapitoli II u III u għalhekk ma jaqgħux fil-qasam ikkoordinat.

63.      Fl-aħħar nett, fil-ħames lok u kif osservat korrettament Coyote System, din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-ġurisprudenza tal‑Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, sabiex tiddetermina jekk leġiżlazzjoni nazzjonali taqax fil-qasam ikkoordinat fis-sens tad-Direttiva 2000/31, il‑Qorti tal-Ġustizzja tillimita ruħha li tivverifika x’inhu inkluż fil-kamp tad-definizzjoni ta’ dan il-qasam stabbilit fl-Artikolu 2(h) ta’ din id-direttiva. Min-naħa l-oħra, hija ma tivverifikax jekk il-miżuri inkwistjoni jaqgħux taħt wieħed mill-oqsma rregolati mill-Kapitoli II u III tal-imsemmija direttiva (27).

64.      Għalhekk hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-qasam ikkoordinat, kif iddefinit fl-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2000/31, jinkludi r-rekwiżiti li jirrigwardaw l-eżerċizzju tal-attività ta’ servizz tas-soċjetà tal‑informazzjoni anki meta dawn ir-rekwiżiti ma jirrigwardawx l-oqsma rregolati mid-dispożizzjonijiet ta’ armonizzazzjoni tal-Kapitoli II u III ta’ din id-direttiva.

65.      Issa għandu jiġi eżaminat in concreto jekk il-miżura nazzjonali inkwistjoni taqax fil-qasam ikkoordinat fis-sens tad-Direttiva 2000/31. Nenfasizza li dan l-eżami ma jieħux inkunsiderazzjoni l-punt dwar jekk din il-miżura hijiex eskluża mill-qasam ikkoordinat minħabba li taqa’ taħt id-dritt kriminali: din il-kwistjoni hija s-suġġett tal-ewwel domanda f’din il-kawża, li ser neżamina f’taqsima sussegwenti ta’ dawn il‑konklużjonijiet.

66.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandhom jiġu spjegati xi aspetti tal‑kunċett ta’ “qasam ikkoordinat”, fis-sens tad-Direttiva 2000/31.

c)      Ir-rekwiżiti li jaqgħu taħt il-qasam ikkoordinat

67.      L-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2000/31 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “qasam ikkordinat” bħala “ħtiġijiet stipulati fis-sistemi legali ta’ Stati Membri applikabbli għal min jipprovdi servizz minn soċjetà ta’ l‑informazzjoni jew għas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, independentement minn jekk dawn ikunux ta’ natura ġenerali jew iddisinjati speċifikament għalihom”.

68.      Barra minn hekk, l-Artikolu 2(h)(i) ta’ din id-direttiva jipprevedi li l-qasam ikkoordinat jikkonċerna rekwiżiti li l-fornitur għandu jissodisfa u li jirrigwardaw kemm l-aċċess għall-attività ta’ servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni kif ukoll l-eżerċizzju tagħha. Din id-dispożizzjoni tispjega li r-rekwiżiti ta’ eżerċizzju jirrigwardaw, b’mod partikolari, l‑imġieba tal-fornitur u l-kwalità u l-kontenut tas-servizz tiegħu.

69.      Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li r-rekwiżiti li jaqgħu taħt il-qasam ikkoordinat għandhom l-għan li jindikaw kif għandha tkun l-attività ta’ servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni sabiex tkun tista’ teżerċitaha b’mod legali (28). Tkun xi tkun in-natura ta’ responsabbiltà li tista’ tiġi attivata minħabba nuqqas ta’ osservanza ta’ tali obbligi (ċivili, amministrattivi, kriminali, eċċ.), l-għan ta’ dawn tal-aħħar għandu importanza deċiżiva. Fil-fatt, rekwiżit fis-sens tad-Direttiva 2000/31 għandu xorta waħda jikkonċerna l-aċċess għall-attività ta’ servizz tas‑soċjetà tal-informazzjoni jew l-eżerċizzju ta’ dik l-attività.

70.      L-Artikolu 2(h)(ii) tad-Direttiva 2000/31 jipprevedi li l-qasam ikkoordinat ma jkoprix ir-rekwiżiti bħal dawk applikabbli għall‑merkanzija bħala tali, għall-kunsinna ta’ merkanzija u għal servizzi li ma humiex ipprovduti b’mezzi elettroniċi. Huwa veru li din id‑dispożizzjoni tuża termini wiesgħa (“bħalma huma”). Madankollu, l‑intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni rigward dawn il-limitazzjonijiet tal‑portata tal-qasam ikkoordinat tirriżulta b’mod ċar mill-premessa 21 ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, kif tispjega din il-premessa (29), il-qasam ikkoordinat ikopri biss ir-rekwiżiti relatati mal-attivitajiet online.

71.      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li hemm lok li jiġi vverifikat jekk obbligu bħal dak previst mill-miżura nazzjonali inkwistjoni jikkostitwixxix rekwiżit relatat mal-eżerċizzju tal-attività ta’ servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni.

d)      L-obbligu li jiġu implimentati l-arranġamenti tekniċi inkwistjoni

72.      Sabiex jiġi vverifikat jekk l-obbligu impost fuq l-edituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni online li jimplimentaw arranġamenti tekniċi jaqax taħt il-qasam ikkoordinat, għandu jiġi stabbilit jekk dan jirrigwardax l‑aċċess għall-attività ta’ servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni jew l‑eżerċizzju ta’ din l-attività.

73.      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tħares lejn il‑kwistjoni dwar jekk leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq spiżeriji li jbiegħu mediċini online l-obbligu li jinkludu kwestjonarju dwar is-saħħa fil-proċess tal-ordni taqax taħt il-qasam ikkoordinat, fis-sens tad‑Direttiva 2000/31. Din il-leġiżlazzjoni kienet tissuġġetta l‑validazzjoni tal-ewwel ordni ta’ prodotti mediċinali magħmula minn pazjent fuq is-sit internet ta’ spiżerija għall-mili minn qabel ta’ kwestjonarju dwar is-saħħa online (30).

74.      Fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet riferiment għall‑Artikolu 2(h)(i) tad-Direttiva 2000/31 li jistipula li “qasam ikkoordinat” jinkludi r-rekwiżiti marbuta mal‑eżerċizzju tal-attività ta’ servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni, bħalma huma b’mod partikolari r-rekwiżiti li jirrigwardaw il-kontenut tas-servizz, inkluż fil-qasam tal-kuntratti, u wieġbet għal din id-domanda fl-affermattiv (31).

75.      Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-miżura inkwistjoni fil‑kawża prinċipali tirregola l-kundizzjonijiet li fihom il-kuntratt ta’ bejgħ online ta’ prodotti mediċinali li ma humiex suġġetti għal preskrizzjoni medika jista’ jiġi konkluż kif ukoll il-mod kif l-attività ta’ bejgħ u ta’ għoti ta’ parir tal-ispiżjar għandha tiġi eżerċitata online (32). Minn dan niddeduċi li miżura nazzjonali li timponi fuq fornitur ta’ servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni l-obbligu li jistabbilixxi l-modalitajiet speċifiċi tal-aċċess għas-servizz li huwa jipprovdi jew għall-użu tal-istess servizz tikkostitwixxi rekwiżit li jirrigwarda l-kontenut ta’ dan is-servizz. Fil‑fatt, tali miżura tiddetermina l-mod li bih l-attività tal-fornitur tas‑servizz għandha tiġi eżerċitata, fl-ambjent online, fil-konfront tal‑utenti tas-servizzi tiegħu.

76.      Fid-dawl ta’ dawn il-kjarifiki ġurisprudenzjali, għandu jiġi kkunsidrat li l-miżura nazzjonali inkwistjoni tirregola l-kontenut tas‑servizz aċċessibbli għall-utenti, peress timponi fuq l-operatur l-obbligu li jistabbilixxi arranġamenti tekniċi li kull utent għandu jiffaċċja. Din il-miżura tiddetermina għalhekk kif il-fornitur għandu jeżerċita l-attività tiegħu.

77.      Barra minn hekk, awtorità amministrattiva kompetenti tista’ tibgħat intimazzjoni lil fornitur li ma jkunx stabbilixxa l-arranġamenti tekniċi xierqa, u nuqqas ta’ osservanza ta’ din l-intimazzjoni jista’ jwassal għat-tneħħija tal-aċċess għas-siti kkonċernati kif ukoll għat‑tneħħija tar-referenza għalihom. Għalhekk, fornitur għandu jissodisfa l-obbligu li jimplimenta mekkaniżmi li jimblukkaw l-aċċess għall-minuri biex ikun jista’ jwettaq b’mod legali l-attività ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni online.

78.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti u ta’ dawk ippreżentati fil-punt 64 ta’ dawn il-konklużjonijiet, hemm lok li r-risposta għat-tieni domanda tkun li l-qasam ikkoordinat, kif iddefinit fl-Artikolu 2(h) tad‑Direttiva 2000/31, jinkludi l-obbligu impost fuq l-edituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni online li jimplimentaw arranġamenti tekniċi maħsuba sabiex jipprevjenu l-possibbiltà li minuri jkollhom aċċess għal kontenut pornografiku, minkejja l-fatt li dan l-obbligu ma jirrigwarda l-ebda wieħed mill-oqsma rregolati mid-dispożizzjonijiet ta’ armonizzazzjoni tal-Kapitoli II u III ta’ din id-direttiva.

2.      L-ewwel domanda

a)      Fuq il-portata tal-ewwel domanda

79.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-obbligu li timplimenta arranġamenti tekniċi maħsuba sabiex jipprevjenu l-possibbiltà li minuri jkollhom aċċess għal kontenut pornografiku huwiex eskluż mill-qasam ikkoordinat, fis-sens tal‑Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2000/31, minħabba li dan l-obbligu huwa korollarju ta’ dispożizzjonijiet ġenerali u astratti tad-dritt kriminali li jiddeskrivu ċertu aġir bħala li jikkostitwixxi reat kriminali suġġett għal azzjoni legali u japplikaw mingħajr distinzjoni għal kull persuna fiżika u ġuridika.

80.      Huwa meħtieġ li jiġu eżaminati diversi elementi determinanti biex jiġi stabbilit jekk l-obbligu inkwistjoni huwiex eskluż mill-qasam ikkoordinat, jiġifieri, l-ewwel nett, in-natura ġenerali u astratta tad‑dispożizzjonijiet nazzjonali li japplikaw irrispettivament għal kull persuna fiżika jew ġuridika; it-tieni nett, id-dispożizzjonijiet tad‑Direttiva 2000/31 li jiddeterminaw il-limiti ta’ dan il-qasam; u t-tielet nett, il-bażi legali ta’ din id-direttiva. Ser nikkumplimenta l‑kunsiderazzjonijiet relatati ma’ dawn l-elementi b’osservazzjonijiet dwar l-Artikolu 3(4) tal-imsemmija direttiva.

b)      In-natura ġenerali u astratta tad-dispożizzjonijiet nazzjonali

81.      Il-qorti tar-rinviju tiġbed l-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-fatt li l-obbligu inkwistjoni jirriżulta minn dispożizzjonijiet ta’ natura ġenerali u astratta li jistgħu japplikaw kemm għall-imġieba ta’ fornitur ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni kif ukoll għal dik ta’ kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika oħra.

82.      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2000/31 jiddefinixxi l-“qasam ikkoordinat” bħala r-rekwiżiti applikabbli għall‑fornituri tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni jew għal dawn is‑servizzi, irrispettivament minn jekk dawn ikunux ta’ natura ġenerali jew minn jekk kinux speċifikament ikkonċepiti għall-imsemmija fornituri. Għalhekk, fir‑rigward tal-klassifikazzjoni tagħha bħala rekwiżit, ma huwiex rilevanti li l-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae ta’ dispożizzjoni nazzjonali ma jkunx limitat biss għall-fornituri tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni. Minkejja dan, nenfasizza li rekwiżit previst minn leġiżlazzjoni nazzjonali ma jaqax taħt il-qasam ikkoordinat ħlief jekk dan japplika għall-fornituri tas-servizzi ta’ soċjetà tal-informazzjoni.

83.      Għall-kompletezza, nirrileva li l-fatt li t-tixrid ta’ immaġini ta’ natura pornografika li minuri jista’ jara kien ġie pprojbit qabel ma tfaċċaw is‑servizzi online ma jfissirx li l-obbligu inkwistjoni huwa eskluż mill‑qasam ikkoordinat. Fil-fatt, bla ħsara għal ċerti eċċezzjonijiet previsti mid-Direttiva 2000/31, kull miżura nazzjonali li tikkonċerna l‑aċċess għall-attività jew l-eżerċizzju tal-attività ta’ servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni taqa’ taħt il-qasam ikkoordinat. F’dan ir-rigward, il‑Qorti tal-Ġustizzja diġà ċċarat li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma pprevediex derogi li jawtorizzaw lill-Istati Membri jżommu fis-seħħ miżuri preċedenti għal din id-direttiva li jistgħu jirrestrinġu l-libertà li jiġu pprovduti servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni mingħajr ma josservaw il-kundizzjonijiet previsti għal dan il-għan mill-imsemmija direttiva (33). Għalhekk tali miżuri tabilħaqq jaqgħu taħt il-qasam ikkoordinat.

84.      Il-fatt li l-obbligu inkwistjoni jirriżulta minn dispożizzjonijiet li japplikaw “għal kull persuna fiżika jew ġuridika” għalhekk ma jistax jeskludih mill-qasam ikkoordinat. Issa ser ngħaddi għall-eżami tal‑elementi li jistabbilixxu l-limiti tal-qasam ikkoordinat.

c)      Il-limiti tal-qasam ikkoordinat

85.      Il-limiti tal-qasam ikkoordinat huma stabbiliti permezz ta’ diversi elementi tad-Direttiva 2000/31.

86.      Nirrileva li l-portata tal-qasam ikkoordinat hija suġġetta għall‑kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/31 stess (Artikolu 1(5)) u hija ddefinita minn naħa, b’mod pożittiv, permezz tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “qasam ikkoordinat” (Artikolu 2(h)(i)), u min-naħa l-oħra, b’mod negattiv, permezz tal-esklużjonijiet espressament previsti minn din id-direttiva (Artikolu 2(h)(ii)). Fl-aħħar nett, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-mekkaniżmu stabbilit fl-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva huma limitat bil-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu u l-anness li għalih jagħmel riferiment.

87.      Ser neżamina dawn id-diversi elementi sabiex nistabbilixxi jekk id-dispożizzjonijiet tad-dritt kriminali humiex esklużi mill-qasam ikkoordinat.

88.      Fl-ewwel lok, id-Direttiva 2000/31 tispjega, fl-Artikolu 1(5) tagħha, li ma hijiex applikabbli għall-qasam tat-tassazzjoni u lanqas għal ċerti kwistjonijiet u attivitajiet speċifiċi. Il-leġiżlatur tal-Unjoni għalhekk la kellu l-ħsieb li jissuġġetta dan il-qasam u dawn il-kwistjonijiet għal din id-direttiva u lanqas għall-mekkaniżmu stabbilit fl-Artikolu 3 tagħha (34). Madankollu, din id-dispożizzjoni ma ssemmix, fost l-oqsma u l-kwistjonijiet esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva, id-dritt kriminali.

89.      Fit-tieni lok, l-Artikolu 2(h)(ii) tad-Direttiva 2000/31 jispjega li l‑qasam ikkoordinat ma jkoprix ir-rekwiżiti bħal ma huma dawk applikabbli għall-merkanzija bħala tali, għall-kunsinna ta’ merkanzija u għas-servizzi li ma humiex ipprovduti b’mezzi elettroniċi. Minkejja li din id-dispożizzjoni tuża kliem wiesgħa (“bħal ma huma”), mill-premessa 21 ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jeskludi mill‑qasam ikkoordinat ir-rekwiżiti li ma jirrigwardawx l-attivitajiet online (35). Għalhekk, ir-rekwiżiti li jirrigwardaw il-komponent online tal‑attività ta’ fornitur ta’ servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni ma humiex, abbażi tal-Artikolu 2(h)(ii) tal-imsemmija direttiva, esklużi mill-qasam ikkoordinat sempliċement għaliex joriġinaw mill-qasam tad‑dritt kriminali.

90.      Fl-aħħar nett, fit-tielet lok, id-dritt kriminali ma huwiex imsemmi fil-lista ta’ każijiet li għalihom ma japplikax il-mekkaniżmu stabbilit fl-Artikolu 3 tad‑Direttiva 2000/31, skont il-paragrafu 3 ta’ dan l‑artikolu (36). Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li dan il-paragrafu, bħala deroga mir-regola ġenerali prevista f’dan l-artikolu, għandu jiġi interpretat b’mod strett (37).

91.      Konsegwentement, ma hemm xejn fid-dispożizzjonijiet tad‑Direttiva 2000/31 li jistabbilixxu l-limiti tal-qasam ikkoordinat li jippermetti li jiġi konkluż li l-miżuri li jaqgħu taħt id-dritt kriminali ta’ Stat Membru huma esklużi minn dan il-qasam.

d)      Il-bażi legali tad-Direttiva 2000/31 u d-dritt kriminali

92.      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Franċiż isostni li d-Direttiva 2000/31 ġiet adottata abbażi, b’mod partikolari, tal‑Artikolu 95 KE (li t-termini tiegħu huma riprodotti fl‑Artikolu 114 TFUE (38)), li ma jirrigwardax id-dritt kriminali tal-Istati Membri, u fi żmien fejn il-leġiżlatur tal-Unjoni kien għad ma kellux kompetenza sabiex jadotta direttiva li jkollha suġġett fil-qasam kriminali jew li taffettwa d-dritt kriminali tal-Istati Membri. Issa, l-applikazzjoni tal‑Artikolu 3 ta’ din id-direttiva għar-regoli tad-dritt kriminali tkun tfisser, skont dan il-Gvern, li jiġu indikati bħala liġi applikabbli u bħala awtoritajiet kompetenti għall-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali dawk ta’ Stat Membru wieħed biss, u dan jikkostitwixxi armonizzazzjoni tad-dritt kriminali li hija pprojbita mill-premessa 8 tal-imsemmija direttiva.

93.      Barra minn hekk, il-Gvern Franċiż isostni li definizzjoni wiesgħa żżejjed tal-qasam ikkoordinat fis-sens tad-Direttiva 2000/31, li tinkludi d-dritt kriminali, tikser il-prinċipju ta’ territorjalità tal-liġi kriminali. Tali definizzjoni twassal, minn naħa, għal armonizzazzjoni tal‑kompetenzi fil-qasam ta’ dritt kriminali u tal-proċedura kriminali li ma jkollhiex bażi fid-dawl tal-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni u, min‑naħa l-oħra, għal korrelazzjoni perikoluża bejn is-sistema applikabbli fil-ġlieda kontra d-delitti u l-kriminalità, skont jekk humiex jitwettqu online jew le.

94.      F’dan ir-rigward, huwa veru li l-premessa 8 tad-Direttiva 2000/31 tispjega li “[l]-iskop ta’ din id-Direttiva huwa l-ħolqien ta’ qafas legali biex jassigura il-moviment liberu ta’ servizz minn soċjetà ta’ l‑informazzjoni bejn Stati Membri u mhux biex jarmonizza il-qasam tal‑liġi kriminali bħala tali”.

95.      Madankollu, din l-ispjegazzjoni ma tistax tinftihem fis-sens li, sabiex tiġi evitata l-armonizzazzjoni tal-qasam tad-dritt kriminali bħala tali, ir-rekwiżiti applikabbli għas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni jew għall-fornituri tagħhom u li għandhom l-oriġini tagħhom fid-dritt kriminali għandhom jiġu esklużi mill-qasam ikkoordinat.

96.      Fil-fatt, skont l-Artikolu 1(2) tagħha, id-Direttiva 2000/31 tapprossima ċerti dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli għas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni li jirrigwardaw, b’mod partikolari, is-suq intern. Din l‑ispjegazzjoni tkopri l-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva. Essenzjalment, dan l-artikolu jarmonizza l-mod li bih l-Istati Membri jikkunsidraw l‑applikabbiltà ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jistgħu jillimitaw il‑moviment liberu ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni.

97.      B’dan il-mod, id-Direttiva 2000/31 ma tikkontestax il‑kompetenza tal-Istati Membri fil-qasam tad-dritt kriminali jew tal‑proċedura kriminali. Hija lanqas ma timponi l-adozzjoni ta’ regoli nazzjonali speċifiċi f’dan il-qasam. Madankollu, għandha ssir distinzjoni bejn il‑kwistjoni dwar jekk hemmx kompetenza nazzjonali u l-kwistjoni dwar jekk l‑eżerċizzju ta’ din il-kompetenza huwiex konformi mad-dritt tal-Unjoni.

98.      F’dan ir-rigward, id-Direttiva 2000/31 ġiet adottata abbażi tal‑Artikolu 47(2) KE u tal-Artikoli 55 KE u 95 KE, li t-termini tagħhom ġew riprodotti, essenzjalment, fl-Artikolu 53(1) TFUE, fl‑Artikolu 62 TFUE u fl-Artikolu 114 TFUE rispettivament. L-għan ta’ din id‑direttiva huwa, skont l-Artikolu 1(1) tagħha, li tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern billi tiżgura l‑moviment liberu tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni bejn l‑Istati Membri (39). Għal dan il-għan, hija tipprevedi, fl-Artikolu 3 tagħha, l-osservanza tar-rekwiżiti li jaqgħu fil-qasam ikkoordinat fis-seħħ fl-Istat Membru tal-fornitur (40). Jekk il-leġiżlatur tal-Unjoni kien ikkunsidra li l‑kisba ta’ dan l-għan kienet teħtieġ li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirriżultaw mid-dritt kriminali jiġu inklużi fil-qafas tal-qasam ikkoordinat, huwa seta’ jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 114 TFUE sabiex jagħmel dan.

99.      Fil-fatt, skont l-Artikolu 114(1) TFUE, il-Parlament u l-Kunsill għandhom jadottaw il-miżuri għall-approssimazzjoni tad‑dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi tal-Istati Membri li għandhom bħala għan it-twaqqif u l-funzjonament tas-suq intern. Il-leġiżlatur tal-Unjoni jista’ juża din id-dispożizzjoni b’mod partikolari meta jkun hemm differenzi bejn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali meta dawn id-differenzi huma ta’ natura li jostakolaw il‑libertajiet fundamentali jew joħolqu distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u b’dan il-mod ikollhom effett dirett fuq il-funzjonament tas-suq intern (41). Meta l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex l-Artikolu 114 TFUE jkun jista’ jintuża bħala bażi legali jkunu ssodisfatti, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma jistax jiġi prekluż milli jibbaża ruħu fuq din il-bażi legali minħabba l-fatt li l‑protezzjoni tal-interessi ġenerali previsti fil-paragrafu 3 ta’ dan l‑artikolu, fosthom is-sigurtà, hija determinanti fl-għażliet li għandhom isiru (42).

100. Barra minn hekk, jekk jitqies li kull miżura nazzjonali li taqa’ taħt il-qasam tad-dritt kriminali hija eskluża mill-qasam ikkoordinat, Stat Membru jkun jista’ faċilment jevita l-mekkaniżmu stabbilit fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/31: ikun biżżejjed li jirregola l-eżerċizzju ta’ attività ta’ servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni billi jadotta dispożizzjonijiet ta’ natura kriminali. Approċċ bħal dan fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “qasam ikkoordinat” jista’ jwassal biex jitpoġġa fil-periklu l-għan ta’ dan il-mekkaniżmu u l-effett utli tiegħu.

101. Barra minn hekk, jiena nifhem l-argument tal-Gvern Franċiż li l-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu stabbilit fl-Artikolu 3 tad‑Direttiva 2000/31 bil-għan li jintlaħaq l-għan tal-moviment liberu tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, tista’ taffettwa l‑applikabbiltà territorjali tar-regoli nazzjonali li jirriżultaw mid-dritt kriminali. Madankollu, u kif għadni kif indikajt, tali effett ġuridiku kien jaqa’ b’mod sħiħ fil-qafas tal-kompetenzi tal-leġiżlatur tal-Unjoni. Min‑naħa l-oħra, il-mekkaniżmi tas-suq intern, b’mod partikolari dawk ibbażati fuq il-prinċipju tal-pajjiż ta’ oriġini, jistgħu, min-natura tagħhom, jaffettwaw il-portata territorjali tar-regoli nazzjonali.

102. Dwar dan l-aħħar punt, kif irrikonoxxa l-Gvern Franċiż stess, id‑dritt kriminali ma għandux jiġi eskluż b’mod assolut mill-qasam ikkoordinat. Fil-fatt, dan il-Gvern iqis li s-soluzzjoni użata fl‑Artikolu 1(5) tad-Direttiva 2006/123/KE (43) tista’ tiġi trasposta, b’analoġija, għad-Direttiva 2000/31. Għalhekk, dispożizzjoni kriminali taqa’ taħt il-qasam ikkoordinat, iddefinit fl-Artikolu 2(h) ta’ din it-tieni direttiva, meta din tirregola b’mod speċifiku l-aċċess għal attività jew l‑eżerċizzju ta’ tali attività u jkollha l-effett li tevita r-regoli stabbiliti fl‑imsemmija direttiva (44).

103. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-Direttiva 2006/123 ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 47(2) KE u tal-Artikolu 55 KE, li jikkorrispondu, rispettivament, għall-Artikolu 53(1) TFUE u l‑Artikolu 62 TFUE. Dawn id-dispożizzjonijiet huma ċċitati wkoll fost dawk li jikkostitwixxu l-bażi legali tad-Direttiva 2000/31.

104. Għalhekk, jekk id-Direttiva 2006/123 – li tistipula hija stess li la taffettwa r-regoli tad-dritt kriminali (45) u lanqas ma tippreġudikah (46) –tista’ taffettwa l-applikazzjoni territorjali tad-dispożizzjonijiet tad-dritt kriminali, ma jistax ikun mod ieħor fir-rigward tad-Direttiva 2000/31, li tirregola r-regoli nazzjonali ta’ dan id-dritt b’mod aktar liberali. Fil-fatt, din it-tieni direttiva ma tinkludi ebda dispożizzjoni simili għal dik tal‑Artikolu 1(5) tad-Direttiva 2006/123. Fir-rigward tar-riferimenti għad-dritt kriminali, l-uniku punt komuni bejn iż-żewġ direttivi huwa l‑fatt li l-premessi tagħhom jindikaw li dawn ma jagħmlux armonizzazzjoni ta’ dan il-qasam tad-dritt (47).

105. Fi kwalunkwe każ, ir-riżultat li dawn iż-żewġ direttivi għandhom l-għan li jiksbu huwa l-istess. Fil-fatt, Stat Membru ma jistax jillimita l‑libertà li jiġu pprovduti servizzi fi ħdan is-suq intern, kif din tiġi implimentata skont il-modalitajiet previsti minn direttiva waħda jew oħra, billi juża dispożizzjonijiet kriminali tad-dritt nazzjonali tiegħu.

106. Bħala konklużjoni, il-fatt li d-Direttiva 2000/31 ġiet adottata abbażi tal-artikoli tat-Trattat KE li jikkorrispondu għall‑Artikolu 53(1) TFUE, l-Artikolu 62 TFUE u l-Artikolu 114 TFUE ma jfissirx li d-dispożizzjonijiet li jaqgħu taħt il-qasam tad-dritt kriminali huma esklużi mill-qasam ikkoordinat, fis-sens tal-Artikolu 2(h) ta’ din id-direttiva.

e)      L-implimentazzjoni tad-dritt kriminali bħala deroga mil-moviment liberu tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni

107. Skont il-loġika tal-mekkaniżmu stabbilit fl-Artikolu 3 tad‑Direttiva 2000/31, Stat Membru ieħor li ma huwiex dak li fih l‑fornitur ta’ servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni huwa stabbilit, ma għandux, bħala prinċipju, japplika rekwiżiti li jaqgħu taħt il-qasam ikkoordinat għal dan il-fornitur. Skont l-Artikolu 3(4) ta’ din id-direttiva, tali Stat jista’, madankollu, fir-rigward ta’ servizz partikolari tas-soċjetà tal‑informazzjoni, jieħu miżuri li jidderogaw mill-prinċipju tal-moviment liberu tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, imsemmija fl‑Artikolu 3(2) tal-imsemmija direttiva, sakemm dawn il-miżuri jissodisfaw diversi kundizzjonijiet kumulattivi (48).

108. Konformement mal-Artikolu 3(4)(a) tad-Direttiva 2000/31, il-miżura restrittiva kkonċernata għandha tkun neċessarja sabiex tiżgura, b’mod partikolari, l-ordni pubbliku, b’mod partikolari l-prevenzjoni, l‑investigazzjonijiet, it-tkixxif u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, inklużi l-protezzjoni ta’ minuri u l-ġlieda kontra t-tixwix għall‑mibegħda fuq il-bażi ta’ razza, sess, reliġjon jew nazzjonalità, u kontra l-ksur tad-dinjità tal-bniedem. Miżuri neċessarji biex jiġu protetti tali għanijiet ta’ interess ġenerali x’aktarx jaqgħu taħt id-dritt kriminali. Għaldaqstant, jista’ jiġi argumentat li, li kieku d-dispożizzjonijiet li jirriżultaw mid-dritt kriminali kienu esklużi mill-qasam ikkoordinat, ma kienx ikun hemm bżonn li l-Istat Membru jingħata l-possibbiltà li jidderoga mill-Artikolu 3(2) tad‑Direttiva 2000/31 għall-finijiet ta’ dawn l-għanijiet ta’ interess ġenerali.

109. Bl-istess loġika, id-Direttiva 2000/31 tistipula, fl-Artikolu 3(4)(b) tagħha li Stat Membru jista’ jidderoga mill-Artikolu 3(2) tagħha mhux biss bil‑kundizzjoni li jkun talab lill-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-fornitur tas-servizzi inkwistjoni huwa stabbilit sabiex jieħu miżuri, iżda wkoll bil-kundizzjoni li jinnotifika lill-Kummissjoni u lil dan l-Istat Membru bl-intenzjoni tiegħu li jieħu l-miżuri restrittivi kkonċernati. B’mod konformi ma’ din l-ewwel dispożizzjoni, Stat Membru li jixtieq jieħu tali miżuri ta’ deroga xorta jkun suġġett għal dawn l-obbligi “mingħajr preġudizzju għal proċess fil-qrati, inklużi proċedimenti prelimenari u atti mwettqa fil-qafas ta’ investigazzjoni kriminali”. Għalkemm dan l-inċiż jista’ jqajjem dubji ta’ interpretazzjoni, huwa evidenti li huwa jirrifletti r‑rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jirregola l-implimentazzjoni tad‑dispożizzjonijiet li jirriżultaw mid-dritt kriminali fil-kuntest tal‑mekkaniżmu stabbilit fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/31.

110. Dejjem f’dan il-kuntest, l-inċiż li jinsab fl-Artikolu 3(4)(b) tad‑Direttiva 2000/31 huwa ċċarat mill-premessa 26 tagħha, li tistipula li l-Istati Membri jistgħu, b’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-direttiva, japplikaw ir-regoli nazzjonali tagħhom tad-dritt kriminali jew li jirregolaw proċeduri kriminali biex jittieħdu l-miżuri kollha investigattivi u l-miżuri l-oħra meħtieġa għall-kxif u għall‑prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, “mingħajr ma jkun hemm il‑ħtieġa li jkunu notifikati miżuri bħal dawn lill-Kummissjoni”. Minn dan jirriżulta li l-applikazzjoni ta’ tali regoli nazzjonali, minkejja li tostakola l-moviment liberu tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, ma għandhiex tiġi nnotifikata skont l-Artikolu 3(4)(b) tal-imsemmija Direttiva. Bħal kull miżura oħra li taqa’ taħt il-qasam ikkoordinat, dawn ir-regoli nazzjonali għandhom madankollu jissodisfaw il-kundizzjonijiet sostantivi previsti fl-Artikolu 3(4)(a) tal-istess direttiva. Minn dan isegwi li d-dispożizzjonijiet nazzjonali tad-dritt kriminali u tal-proċedura kriminali ma humiex, fihom infushom, esklużi mill-qasam ikkoordinat.

f)      Konklużjoni

111. Għar-raġunijiet kollha li għadni kemm spjegajt, għandu jiġi kkunsidrat li l-obbligu inkwistjoni ma għandux jiġi eskluż mill-qasam ikkoordinat sempliċement għaliex huwa korollarju ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt kriminali.

112. Għalhekk nipproponi li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-obbligu li jiġu implimentati arranġamenti tekniċi maħsuba sabiex jipprevjenu l-possibbiltà li minuri jkollhom aċċess għal kontenut pornografiku ma għandux ikun eskluż mill-qasam ikkoordinat fis-sens tal-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2000/31 sempliċement għaliex dan l‑obbligu huwa korollarju tad-dispożizzjonijiet ġenerali u astratti tad-dritt kriminali li jiddeskrivu ċertu aġir bħala li jikkostitwixxi reat kriminali suġġett għal azzjoni legali u li japplikaw mingħajr distinzjoni għal kull persuna fiżika u ġuridika.

3.      It-tielet domanda

a)      Fuq il-portata tat-tielet domanda

113. Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk fid-dawl tal-fatt li l-adozzjoni ta’ miżuri individwali li jirrigwardaw servizz partikolari ma tippermettix li tiġi żgurata l-protezzjoni effettiva tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill‑Artikoli 1 u 24 tal-Karta u mill-Artikolu 8 tal-KEDB, huwiex possibbli li jkun hemm deroga mill-mekkaniżmu stabbilit fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/31 sabiex ikun impost obbligu li jirriżulta minn dispożizzjonijiet ġenerali u astratti fuq kategorija ta’ fornituri ta’ servizz.

114. Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju titlaq mill-premessa li, fid-dawl tal‑kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2000/31, l‑adozzjoni ta’ miżuri individwali ma hijiex ta’ natura li tiżgura tali protezzjoni. Minn dan isegwi li, għal dik il-qorti, il-possibbiltà li tittieħed miżura li tissodisfa dawn il-kundizzjonijiet kontra editur ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni online ma tissodisfax ir-rekwiżiti imposti mill‑protezzjoni tad-drittijiet fundamentali.

115. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, fil-każ li jitqies li d‑Direttiva 2000/31 tipprekludi obbligu li jirriżulta minn dispożizzjonijiet ġenerali u astratti bħal dawk inkwistjoni, Stat Membru ta’ destinazzjoni tas-servizzi jistax xorta waħda jimponi dan l-obbligu fuq fornituri stabbiliti fi Stati Membri oħra permezz tad-drittijiet fundamentali.

116. Din id-domanda tqum biss jekk ikunu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet: l-ewwel nett, l-obbligu inkwistjoni jaqa’ taħt il-qasam ikkoordinat, fis-sens tal-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2000/31, it-tieni nett, l-applikazzjoni ta’ dan l-obbligu tillimita, fis-sens tal-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva, il-moviment liberu tas-servizzi tas-soċjetà tal‑informazzjoni u, it-tielet nett, l-imsemmi obbligu ma jissodisfax il‑kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 3(4) tal-imsemmija direttiva.

117. F’dan ir-rigward, u kif jirriżulta mill-analiżi tiegħi tal-ewwel żewġ domandi, l-obbligu inkwistjoni jikkostitwixxi rekwiżit li jaqa’ taħt il‑qasam ikkoordinat, fis-sens tal-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2000/31 (49).

118. Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju hija ċertament konxja li l‑obbligu inkwistjoni ma jissodisfax l-obbligi previsti fl-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2000/31. Fil-fatt, dan l-obbligu jirriżulta minn dispożizzjonijiet ġenerali u astratti li, kif tindika dik il-qorti, japplikaw irrispettivament għal kull persuna fiżika u ġuridika. F’dan ir-rigward, il‑Qorti tal-Ġustizzja diġà ċċarat li miżuri nazzjonali li għandhom portata ġenerali u astratta ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala “miżuri meħuda fir-rigward ta’ servizz partikolari tas-soċjetà tal-informazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 3(4) ta’ din id-direttiva (50), li permezz tagħhom Stat Membru ta’ destinazzjoni ta’ servizzi jista’ jillimita l-moviment liberu ta’ tali servizz.

119. Għalhekk hemm lok, qabel ma nipproċedi bl-eżami tat-tielet domanda, li nistabbilixxi minn qabel jekk l-obbligu inkwistjoni jillimitax il-moviment liberu tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni.

b)      Dwar ir-restrizzjoni tal-moviment liberu tas-servizzi

120. Jiena tal-opinjoni li l-leġiżlatur tal-Unjoni ċċara li l‑applikazzjoni ta’ tali obbligu fuq fornitur jillimita l-moviment liberu tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni u li, bla ħsara għad‑derogi previsti fl-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2000/31, dan l-obbligu għandu jkun impost biss minn dak l-Istat Membru li fih dan il‑fornitur huwa stabbilit.

121. Fil-fatt, skont l-Artikolu 6a(1) tad-Direttiva 2010/13, l-Istati Membri għandhom jiżguraw b’mezzi xierqa li s-servizzi tal-media awdjoviżiva pprovduti minn fornituri li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom li jistgħu jfixklu l-iżvilupp fiżiku, mentali jew morali tal‑minuri jkunu disponibbli biss b’tali mod li jkun żgurat li l‑minuri normalment ma jarawhomx jew ma jisimgħuhomx, u dawn il-miżuri jistgħu jinkludu l-użu ta’ għodod li jippermettu l-verifika tal‑età.

122. Min-naħa l-oħra, mill-Artikolu 28a(1) tad-Direttiva 2010/13, moqri flimkien mal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2000/31, jirriżulta li fornitur ta’ pjattaforma ta’ video-sharing jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal‑Istat Membru li fit-territorju tiegħu huwa stabbilit. Barra minn hekk, l‑Artikolu 28b(1) tad-Direttiva 2010/13 jipprevedi li dan l-Istat Membru għandu jiżgura li l-fornitur jieħu l-miżuri xierqa biex jipproteġi l‑minuri minn videos iġġenerati mill-utent li jistgħu jfixklu l-iżvilupp fiżiku, mentali jew morali tagħhom. Skont l-Artikolu 28b(3) ta’ din id-direttiva, dawn il-miżuri jikkonsistu b’mod partikolari, skont kif ikun xieraq, fl-istabbiliment u fit-tħaddim ta’ sistemi li jippermettu l-verifika tal‑età tal-utenti ta’ pjattaformi ta’ video-sharing fir-rigward ta’ dawn il-videos.

123. Barra minn hekk, l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) 2024/1083 (51) stabbilixxa mekkaniżmu li jippermetti lil kwalunkwe awtorità jew korp regolatorju nazzjonali kompetenti li jitlob lill-kontro-parti tiegħu tal-Istat Membru li fih l-fornitur huwa stabbilit sabiex jieħu l-miżuri neċessarji u proporzjonati sabiex jiżgura l-osservanza mill-fornituri ta’ pjattaformi ta’ video-sharing tal-obbligi previsti fl-Artikolu 28b(1) sa (3) tad‑Direttiva 2010/13. Mill-Artikolu 15(1) ta’ dan ir-regolament (“mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/31”), moqri fid-dawl tal‑premessa 45 tiegħu, jirriżulta li meta l-użu ta’ dan il‑mekkaniżmu ma jwassalx għal soluzzjoni bonarja, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi tas‑soċjetà tal-informazzjoni minn Stat Membru ieħor tista’ tiġi limitata biss jekk jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fl‑Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/31 u jekk il-proċedura stabbilita f’dan l-artikolu tkun ġiet segwita.

124. Irrispettivament mill-punti dwar jekk ir-Regolament 2024/1083 huwiex applikabbli ratione temporis (52) u jekk is-servizzi ta’ komunikazzjoni online msemmija fir-rinviju għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C‑190/24 jinkludux ukoll is-servizzi li ma jikkostitwixxux pjattaformi ta’ video-sharing fis-sens ta’ dan ir-regolament, l‑Artikolu 15 ta’ dan ir-regolament jikkonferma li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried ifakkar il-prinċipju li jirriżulta mill-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/31 li l-miżuri neċessarji sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-minuri, bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 28b(1) sa (3) tad-Direttiva 2010/13, huma adottati u applikati mill-Istat Membru ta’ fejn huwa stabbilit il-fornitur tas-servizz tas‑soċjetà tal-informazzjoni kkonċernat, b’tali mod li l‑miżuri f’dan il-qasam adottati minn Stat Membru ieħor jaffettwaw il‑ġurisdizzjoni ta’ dan l-ewwel Stat Membru u jillimitaw l-moviment liberu tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni.

125. Għalhekk għandu jitqies li l-obbligu li jiġu implimentati arranġamenti tekniċi maħsuba sabiex jipprevjenu l-possibbiltà li minuri jkollhom aċċess għall-kontenut pornografiku, bħal dak inkwistjoni, jillimita, bħala prinċipju, il-moviment liberu tas-servizzi tas-soċjetà tal‑informazzjoni.

126. Nippreċiża li din il-kunsiderazzjoni tapplika mhux biss għal tali obbligu li jirriżulta minn dispożizzjonijiet ġenerali u astratti tad-dritt kriminali, iżda wkoll għal intimazzjoni li awtorità kompetenti tista’ tibgħat lil editur ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni online.

127. Fil-fatt, sabiex jissodisfaw l-obbligu previst fl-Artikolu 28b(2) tad-Direttiva 2010/13, l-operaturi tal-pjattaformi online mhux biss talli għandhom jillimitaw l-aċċess għal kontenut ta’ natura pornografika, iżda talli għandhom jimplimentaw ukoll soluzzjoni li tipproteġi b’mod effettiv lill-minuri kontra l-kontenut pornografiku, u dan għandu l-effett li jibdel il-mod li bih jeżerċitaw l-attività ta’ servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni.

128. Bl-istess mod, minkejja li l-Artikolu 23 tal-Liġi tat‑30 ta’ Lulju 2020 jista’ jinftiehem li intimazzjoni tista’ tintbagħat lil fornitur minħabba kontenut pornografiku (wieħed), l-Artikolu 3 tad-Digriet tas‑7 ta’ Ottubru 2021 jissuġġerixxi li dan il-mekkaniżmu jkopri l-proċess tekniku stabbilit sabiex jiġu żgurat li l-utenti li jixtiequ jiksbu aċċess għas-servizz huma adulti.

129. Għar-raġunijiet kollha li għadni kif spjegajt, għandu jiġi kkunsidrat li l-obbligu ta’ implimentazzjoni ta’ arranġamenti tekniċi maħsuba sabiex jipprevjenu l-possibbiltà li minuri jkollhom aċċess għal kontenut pornografiku jillimita, bħala prinċipju, il-moviment liberu tas-servizzi tas-soċjetà tal‑informazzjoni. Stat Membru għandu, sabiex jimponi tali obbligu fuq fornitur stabbiltà fi Stat Membru ieħor, jissodisfa l‑kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2000/31.

130. Issa ser ngħaddi għall-analiżi tal-kwistjoni fil-qalba tat-tielet domanda, jiġifieri r-rikonċiljazzjoni tar-rekwiżiti previsti mid‑Direttiva 2000/31 ma’ dawk relatati mal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali.

c)      L-applikazzjoni tad-drittijiet fundamentali sabiex ikun hemm deroga mill-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 2000/31

131. Kif osservat il-Kummissjoni, it-tielet domanda tissuġġerixxi li, minħabba l-limitazzjonijiet intrinsiċi tagħha, id-Direttiva 2000/31 ma tissodisfax ir-rekwiżiti relatati mal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali protetti kemm mill-Artikoli 1 u 24 tal-Karta u kif ukoll mill-Artikolu 8 tal-KEDB.

132. Madankollu, mill-premessa 10 tad-Direttiva 2000/31 jirriżulta li l‑mekkaniżmu stabbilit minnha, fl-Artikolu 3 tagħha, sabiex tiġi żgurata żona mingħajr fruntieri interni jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-għanijiet ta’ interess ġenerali, b’mod partikolari l-protezzjoni tal-minuri.

133. F’dan ir-rigward, kif indikajt (53), dan il-mekkaniżmu huwa bbażat fuq l-applikazzjoni, b’mod partikolari, tal-prinċipju ta’ kontroll fl-Istat Membru ta’ oriġini. Bis-saħħa ta’ dan il-prinċipju, huwa kull Stat Membru, bħala Stat Membru ta’ oriġini ta’ servizzi tas-soċjetà tal‑informazzjoni, li għandu jirregola dawn is-servizzi u għandu, għal dan l-għan, jipproteġi l-għanijiet ta’ interess ġenerali msemmija fl‑Artikolu 3(4)(a)(i) tad-Direttiva 2000/31 (54). Fost dawn l-għanijiet hemm dak tal-protezzjoni tal-ordni pubbliku, li jinkludi, fid-dawl tal‑kliem ta’ din id-dispożizzjoni u tal-premessa 10 ta’ din id-direttiva, il-protezzjoni tal-minuri. Il-kontroll imwettaq mill-Istat Membru ta’ oriġini għandu għalhekk jiżgura protezzjoni effettiva ta’ dan il-għan, u dan mhux biss fl-interess tal-Istat Membru ta’ oriġini u taċ-ċittadini tiegħu, iżda wkoll fl-interess ta’ Stati Membri oħra u taċ-ċittadini tagħhom (55).

134. Min-naħa l-oħra, id-Direttiva 2000/31 hija bbażata wkoll fuq il‑prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku li abbażi tiegħu kull Stat Membru, bħala Stat Membru ta’ destinazzjoni ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, għandu l-obbligu li jiżgura li ma jillimitax il-moviment liberu ta’ tali servizzi. Stat Membru ta’ destinazzjoni għandu għalhekk jikkunsidra li l-Istat Membru li fih il-fornitur huwa stabbilit jiżgura, f’livell xieraq, l-għan ta’ interess ġenerali tal-protezzjoni tal-minuri. Meta din il-protezzjoni tkun nieqsa, l-unika possibbiltà li dan l-ewwel Stat Membru għandu biex jirrimedja din is-sitwazzjoni hija li jadotta miżuri, skont ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 3(4) ta’ din id-direttiva.

135. F’dan ir-rigward, id-Direttiva 2010/13 tissodisfa r-rekwiżiti imposti għall-protezzjoni tal-minuri. B’mod partikolari, bis-saħħa tal‑Artikolu 28b tagħha, Stat Membru għandu jiżgura li l-fornituri ta’ pjattaformi ta’ video-sharing stabbiliti fit-territorju tiegħu japplikaw il‑miżuri adattati sabiex jipproteġu l-minuri. Dawn il-miżuri jistgħu jikkonsistu fl-implimentazzjoni ta’ sistema li tivverifika l-età (56). Meta l‑Istat Membru ta’ oriġini ma jiżgurax il-livell rikjest ta’ protezzjoni tal-minuri, l-Istat Membru ta’ destinazzjoni jista’ japplika l-miżuri previsti fl-Artikolu 3(4) ta’ din id-direttiva.

136. L-għan ta’ interess ġenerali tal-protezzjoni tal-minuri li għandu jintlaħaq mill-miżura nazzjonali inkwistjoni huwa protett, minn naħa, fil‑qafas tal-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ kontroll fl-Istat Membru ta’ oriġini, skont id-dispożizzjonijiet previsti għal dan l-għan mid‑Direttiva 2013/10, u, min-naħa l-oħra, permezz tal-mekkaniżmu ta’ deroga li Stati Membri oħra jistgħu jinvokaw każ b’każ u billi jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(4) tad‑Direttiva 2000/31.

137. B’hekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jirrikonċilja r-rekwiżiti tas‑suq intern mal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali. Jekk ikollu jitqies li l-mekkaniżmi previsti għal dan l-għan mid‑Direttivi 2000/31 u 2010/13 ma jissodisfawx ir-rekwiżiti stabbiliti fl‑Artikoli 1 u 24 tal-Karta, dan iwassal sabiex tiġi kkontestata l-validità ta’ dawn iż-żewġ direttivi.

138. Iktar importanti minn hekk, dawn il-mekkaniżmi jirriflettu l‑kunsens li laħqu l-Istati Membri fir-rigward tar-responsabbiltajiet tagħhom fil-protezzjoni tal-minuri kontra kontenut dannuż f’żona mingħajr fruntieri interni għall-kummerċ elettroniku. Kontestazzjoni tal-imsemmija mekkaniżmi tikkomprometti l-effettività tagħhom u timmina l-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri.

139. Barra minn hekk, minkejja li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li Stat Membru seta’ jinvoka dritt fundamentali sabiex jikseb il-protezzjoni tiegħu meta l-ebda dispożizzjoni tad-dritt sekondarju ma kienet tippermettilu dan, din is-soluzzjoni kienet applikabbli fil-kuntest fejn l‑att ġuridiku tad-dritt tal-Unjoni ma kienx jinkludi mekkaniżmu ta’ eċċezzjoni li joffri lil dan l-Istat Membru l-fakultà li jiżgura d-dritt fundamentali kkonċernat (57). Issa, id-Direttiva 2000/31 stabbilixxiet tali mekkaniżmu fl-Artikolu 3(4) tagħha b’tali mod li din il-ġurisprudenza ma hijiex trasponibbli f’dan il-każ.

140. Konsegwentement, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-fatt li l-adozzjoni ta’ miżuri individwali li jikkonċernaw servizz partikolari ma tkunx ta’ natura li tiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali protetti kemm mill-Artikoli 1 u 24 tal-Karta u kif ukoll mill-Artikolu 8 tal‑KEDB ma jippermettix li jkun hemm deroga mill-mekkaniżmu stabbilit fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/31 sabiex jiġi impost obbligu li jirriżulta minn dispożizzjonijiet ġenerali u astratti fuq kategorija ta’ fornituri ta’ servizz.

E.      Il-Kawża C‑190/24

1.      Fuq l-ewwel domanda

141. L-ewwel domanda tistaqsi jekk il-qasam ikkoordinat, kif iddefinit fl-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2000/31, jinkludix projbizzjoni imposta fuq l‑operaturi ta’ servizz elettroniku ta’ assistenza għas-sewqan jew għan‑navigazzjoni permezz ta’ ġeolokalizzazzjoni milli jxandru mill-ġdid permezz ta’ dan is-servizz kwalunkwe messaġġ jew kwalunkwe indikazzjoni mibgħuta mill-utenti u li jistgħu jippermettu li l-utenti l-oħra jevitaw ċerti kontrolli fit-toroq, minkejja l-fatt li din il-projbizzjoni ma tirrigwarda l-ebda wieħed mill-oqsma rregolati mid-dispożizzjonijiet ta’ armonizzazzjoni tal-Kapitoli II u III ta’ din id-direttiva.

142. Infakkar, kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet tiegħi relatati mat‑tieni domanda fil-Kawża C‑188/24, li l-qasam ikkoordinat, kif iddefinit fl-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2000/31, jinkludi r-rekwiżiti relatati mal-eżerċizzju tal-attività ta’ servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni anki meta dawn ir-rekwiżiti ma jirrigwardawx wieħed mill-oqsma rregolati mid-dispożizzjonijiet ta’ armonizzazzjoni tal-Kapitoli II u III ta’ din id-direttiva (58).

143. Konsegwentement, sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jiġi vverifikat jekk il-projbizzjoni ta’ xandir mill-ġdid inkwistjoni tikkostitwixxix rekwiżit li jaqa’ taħt il-qasam ikkoordinat.

144. F’dan ir-rigward, nosserva li l-projbizzjoni ta’ xandir mill-ġdid inkwistjoni taffettwa l-eżerċizzju tal-attività ta’ servizz tas-soċjetà tal‑informazzjoni. Fil-fatt, sabiex josserva tali projbizzjoni, il‑fornitur huwa obbligat li jillimita jew li jissospendi l-funzjonament normali tas-servizz tiegħu u, għalhekk, li jeżerċita l-attività kkonċernata b’mod speċifiku. F’dan il-każ, il-fatt li l-projbizzjoni ta’ xandir mill-ġdid inkwistjoni timponi fuq il-fornitur l-obbligu li jillimita l-funzjonament tas-servizz tiegħu biss f’ċirkustanzi speċifiċi u b’rabta ma’ kontroll tat-traffiku partikolari, ma jbiddilx in-natura tal-obbligu li joħroġ minn din il‑projbizzjoni. Min-naħa l-oħra, dan il-fatt jista’ jkun rilevanti fil-kuntest tal-eżami li għandu l-għan li jiddetermina jekk din il-projbizzjoni tillimitax il-moviment liberu tas-servizzi, fis-sens tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2000/31, jew jekk tissodisfax il-kundizzjonijiet previsti fl‑Artikolu 3(4) ta’ din id-direttiva.

145. Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li l-projbizzjoni ta’ xandir mill‑ġdid inkwistjoni hija akkumpanjata minn sanzjoni (59): għalhekk il‑konformità magħha hija kundizzjoni għall-eżerċizzju legali tal-attività ta’ servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni.

146. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li r-risposta għall-ewwel domanda tkun li l-qasam ikkoordinat, kif iddefinit fl-Artikolu 2(h) tad‑Direttiva 2000/31, jinkludi projbizzjoni imposta fuq l-operaturi ta’ servizz elettroniku ta’ assistenza għas-sewqan jew għan-navigazzjoni permezz ta’ ġeolokalizzazzjoni milli jxandru mill-ġdid, permezz ta’ dan is‑servizz, kwalunkwe messaġġ jew kwalunkwe indikazzjoni mibgħuta mill-utenti u li jistgħu jippermettu lill-utenti l-oħra jevitaw ċerti kontrolli fit-toroq, minkejja l-fatt li din il-projbizzjoni ma tirrigwarda l-ebda wieħed mill‑oqsma rregolati mid-dispożizzjonijiet ta’ armonizzazzjoni tal‑Kapitoli II u III ta’ din id-direttiva.

2.      Fuq it-tieni domanda

a)      Portata tad-domanda preliminari u r-riformulazzjoni tagħha

147. It-tieni domanda, kif ifformulata mill-qorti tar-rinviju, tirrigwarda essenzjalment il-punt dwar jekk il-projbizzjoni ta’ xandir mill-ġdid inkwistjoni hijiex eskluża mill-qasam ikkoordinat, fis-sens tal‑Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2000/31, minħabba li hija neċessarja sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-kontrolli fit-toroq imwettqa biex jinqabdu persuni mfittxija għal delitti gravissimi jew għal reati serji jew li jkunu ta’ theddida għall-ordni jew għas-sigurtà pubblika.

148. F’dan ir-rigward, din il-formulazzjoni tissuġġerixxi li d-domanda hija intiża sabiex tistaqsi jekk il-projbizzjoni ta’ xandir mill-ġdid inkwistjoni taqax taħt l-ambitu tal-qasam ikkoordinat fis-sens tal‑Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2000/31.

149. Min-naħa l-oħra, din id-domanda tirreferi għall-premessa 26 tad‑Direttiva 2000/31 (“filwaqt li l-premessa 26 [...] tispeċifika li”), li tistipula li “[l]-Istati Membri [...] jistgħu japplikaw ir-regoli nazzjonali tagħhom dwar liġi kriminali jew fi proċeduri kriminali bil-għan li jittieħdu l-miżuri kollha investigattivi u l-miżuri l-oħra meħtieġa għal tkixxif u prosekuzzjoni ta’ reati kriminali [...]”. Dan ir-riferiment, ippreċedut bil-kliem “filwaqt li”, jippermetti li jiġi mifhum li l-qorti tar‑rinviju qed tistaqsi dwar jekk il-projbizzjoni ta’ xandir mill-ġdid inkwistjoni hijiex eskluża mill-qasam ikkoordinat, fis-sens tal‑Artikolu 2(h) ta’ din id-direttiva, minħabba li hija neċessarja sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-kontrolli fit-toroq imwettqa biex jinqabdu persuni mfittxija għal delitti gravissimi jew għal reati serji jew li jkunu ta’ theddida għall-ordni jew għas-sigurtà pubblika.

150. Nirrileva li Coyote System tqis li, minkejja li l-projbizzjoni ta’ xandir mill-ġdid inkwistjoni taqa’ taħt il-qasam ikkoordinat, hija ma għandhiex tikkostitwixxi miżura li taqa’ taħt dan il-qasam li permezz tagħha Stat Membru ta’ destinazzjoni ta’ servizzi tas-soċjetà tal‑informazzjoni jista’ jidderoga mill-prinċipju previst fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2000/31 u jillimita l-moviment liberu ta’ dawn is‑servizzi.

151. F’dan ir-rigward, Coyote System issostni li, kuntrarjament għal dak li jeżiġi l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2000/31, il-miżura nazzjonali li timponi l-projbizzjoni ta’ xandir mill-ġdid inkwistjoni ma tkoprix servizz partikolari tas-soċjetà tal-informazzjoni. Għall-kuntrarju, fl-opinjoni tagħha, din il-projbizzjoni tikkostitwixxi, biex jintuża l-kliem tas-sentenza Google Ireland et (60) iċċitati fid-deċiżjoni tar-rinviju, “miżura ġenerali u astratta li tikkonċerna kategorija ta’ servizzi partikolari tas‑soċjetà tal-informazzjoni deskritta f’termini ġenerali u li tapplika mingħajr distinzjoni għal kull fornitur ta’ din il-kategorija ta’ servizzi” (61).

152. F’din il-perspettiva, il-qorti tar-rinviju tistieden għalhekk lill-Qorti tal-Ġustizzja, permezz tat-tieni domanda tagħha, sabiex tikkunsidra l‑kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/31 jipprekludix il‑projbizzjoni ta’ xandir mill-ġdid li r-Repubblika Franċiża, bħala Stat Membru ta’ destinazzjoni tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, għandha l-ħsieb li timponi fuq il-fornituri stabbiliti fl-Istati Membri l‑oħra.

153. Dejjem f’dan il-kuntest, il-Gvern Franċiż ippropona, fl‑osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, perspettiva oħra ta’ analiżi tal‑legalità tal-projbizzjoni ta’ xandir mill-ġdid inkwistjoni. Essenzjalment, din il-projbizzjoni ma tillimitax il-moviment liberu tas-servizzi u, għalhekk, ma hijiex suġġetta għall-kundizzjonijiet previsti fl‑Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2000/31. Insostenn tal-argument tiegħu, dan il-Gvern jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 14(3) ta’ din id-direttiva, li jirrigwarda l-ordnijiet indirizzati lill-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting.

154. Raġunament bħal dan jista’ jaffettwa l-konformità tal-projbizzjoni ta’ xandir mill-ġdid inkwistjoni mad-Direttiva 2000/31. Għaldaqstant, nipproponi li tiġi eżaminata wkoll din il-linja ta’ analiżi sabiex il-qorti tar-rinviju tingħata kull element ta’ interpretazzjoni rilevanti tad-dritt tal-Unjoni li jista’ jkun utli għaliha sabiex tevalwa l-konformità tad‑dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni ma’ din id-direttiva.

155. Għal dan il-għan, nipproponi li t-tieni domanda tiġi fformulata mill-ġdid u li jiġi kkunsidrat li, permezz tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/31 jipprekludix projbizzjoni ta’ xandir mill-ġdid ta’ messaġġi u ta’ indikazzjonijiet maħruġa mill-utenti ta’ servizz ta’ għajnuna għas-sewqan jew għan-navigazzjoni permezz ta’ ġeolokalizzazzjoni li Stat Membru ta’ destinazzjoni għandu l-intenzjoni li jimponi fuq l-operaturi tal-imsemmija servizzi stabbiliti fl-Istati Membri l-oħra.

b)      Struttura tal-analiżi

156. Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Franċiż jindika li l-eżami tal-legalità tal-projbizzjoni ta’ xandir mill-ġdid inkwistjoni fir‑rigward tad-Direttiva 2000/31 għandu jibda bl-analiżi tal-kwistjoni tal-ordnijiet previsti fl-Artikolu 14(3) tagħha, li ma humiex suġġetti għar‑rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 3 tagħha minħabba li dawn ma jillimitawx il-moviment liberu tas-servizzi tas-soċjetà tal‑informazzjoni.

157. Issa, fil-kuntest tad-Direttiva 2000/31, il-punt dwar jekk miżura nazzjonali tillimitax il-moviment liberu tas-servizzi huwa rilevanti biss jekk din il-miżura tikkostitwixxi rekwiżit li jaqa’ taħt il-qasam ikkoordinat, fis-sens tal-Artikolu 2(h) tagħha. Fil-fatt, mill-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-Istati Membri ma jistgħux, għal raġunijiet li jidħlu f’dan il-qasam, jillimitaw il-moviment liberu tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni minn Stat Membru ieħor (62). Miżura nazzjonali li twassal għal tali restrizzjoni, iżda li ma taqax taħt il-qasam ikkoordinat, għalhekk ma hijiex rilevanti fir-rigward tal-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva.

158. Fid-dawl ta’ din l-osservazzjoni, ser neżamina, fl-ewwel lok, jekk fid-dawl tal-għanijiet li għandha tilħaq, il-projbizzjoni ta’ xandir mill‑ġdid inkwistjoni hijiex eskluża mill-qasam ikkoordinat (taqsima c)); fit-tieni lok, ser inħares lejn l-argument tal-Gvern Franċiż li jgħid li din il‑projbizzjoni ma tillimitax il-moviment liberu tas-servizzi (taqsima d)) u, fit-tielet lok, ser neżamina fil-qosor l-argument ta’ Coyote System li jgħid li l‑imsemmija projbizzjoni ma għandhiex tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2000/31 (taqsima e)).

c)      Il-protezzjoni tal-ordni u tas-sigurtà pubblika

159. Il-kwistjoni li tqum hija dik dwar jekk il-projbizzjoni ta’ xandir mill‑ġdid inkwistjoni hijiex eskluża mill-qasam ikkoordinat minħabba li hija meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-kontrolli fit-toroq imwettqa sabiex jinqabdu persuni mfittxija għal delitti gravissimi jew għal reati serji jew li jkunu ta’ theddida għall-ordni jew għas-sigurtà pubblika.

160. F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok u kif diġà indikajt (63), miżura nazzjonali ma għandhiex tiġi eskluża mill-qasam ikkoordinat sempliċement għaliex hija korollarja ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt kriminali. Għaldaqstant, ma hemm ebda raġuni, a fortiori, biex jiġi kkunsidrat li miżura meħtieġa biex tikkontribwixxi għall‑implimentazzjoni tad-dritt kriminali jew għall-protezzjoni ta’ għanijiet ta’ interess ġenerali, bħall-ordni pubbliku jew is-sigurtà pubblika, għandha tkun eskluża mill-imsemmi qasam.

161. Fit-tieni lok, la n-natura ta’ għan ta’ interess ġenerali li Stat Membru jfittex li jipproteġi permezz ta’ miżura nazzjonali u lanqas il-fatt li din il-miżura tkun meħtieġa sabiex jintlaħaq dak l-għan ma huma determinanti biex din tiġi kklassifikata bħala “rekwiżit li jaqa’ taħt il‑qasam ikkoordinat”. Fil-fatt, sabiex jiġi stabbilit li miżura nazzjonali tikkostitwixxi tali rekwiżit, jeħtieġ li jiġi eżaminat is-suġġett tagħha u li jiġi vverifikat jekk tikkonċernax l-aċċess għall-attività tas-soċjetà tal‑informazzjoni jew l-eżerċizzju tagħha (64).

162. Fit-tielet lok, fil-kuntest tad-Direttiva 2000/31, l-għanijiet ta’ interess ġenerali għandhom rwol partikolari u distint minn dak tas-suġġett tal-miżura kkonċernata. Essenzjalment, Stat Membru jista’ jibbaża ruħu fuq l-għanijiet ta’ interess ġenerali elenkati fil-punt (i) tal‑Artikolu 3(4)(a) ta’ din id-direttiva sabiex jidderoga, permezz ta’ miżura li taqa’ taħt il-qasam ikkoordinat, mill-prinċipju tal-moviment liberu tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni. Il-protezzjoni tal-ordni pubbliku, b’mod partikolari l-prevenzjoni, l-investigazzjonijiet, it-tkixxif u l-prosekuzzjoni fil-qasam kriminali, kif ukoll il-protezzjoni tas‑sigurtà pubblika, huma fost dawn l-għanijiet ta’ interess ġenerali

163. Fir-raba’ lok, il-kliem tal-premessa 26 tad-Direttiva 2000/31 li għalih il-qorti tar-rinviju tiġbed l-attenzjoni jiddikjara li l-Istati Membri jistgħu japplikaw ir-regoli nazzjonali tagħhom tad-dritt kriminali u tal‑proċedura kriminali sabiex jieħdu l-miżuri kollha investigattivi u oħrajn meħtieġa għall-kxif u għall-prosekuzzjoni tal-ksur fil-qasam kriminali. Hemm lok li jiġi rrilevat li din il-premessa tiċċara wkoll li l-Istati Membri jistgħu jeżerċitaw din il-fakultà skont il-kundizzjonijiet iddefiniti f’din id-direttiva. Fil-fatt, kif indikajt fil-punt 110 ta’ dawn il‑konklużjonijiet, id-Direttiva 2000/31 tipprevedi l-kundizzjonijiet li taħthom Stat Membru ta’ destinazzjoni jista’ japplika l-miżuri meħtieġa għall-prevenzjoni, l-investigazzjoni, it-tkixxif u l-prosekuzzjoni tal-ksur fil-qasam kriminali. Bħal kull miżura oħra li taqa’ taħt il-qasam ikkoordinat li permezz tagħha Stat Membru ta’ destinazzjoni għandu l‑għan li jillimita l-moviment liberu tas-servizzi, il-miżuri msemmija fil-premessa 26 tad-Direttiva 2000/31 għandhom josservaw, mill-inqas, il-kundizzjonijiet sostantivi previsti fl-Artikolu 3(4)(a) tagħha. Minn dan niddeduċi li l-miżuri neċessarji għall-kxif u għall-prosekuzzjoni tal‑ksur fil-qasam kriminali ma humiex esklużi mill-qasam ikkoordinat.

164. Għalhekk, miżura li tikkonċerna l-eżerċizzju tal-attività ta’ soċjetà tal-informazzjoni ma tistax tiġi eskluża mill-qasam ikkoordinat sempliċement għaliex tissodisfa l-għanijiet ta’ interess ġenerali tal‑protezzjoni tal-ordni u tas-sigurtà pubblika.

165. Għalhekk, għandu jitqies, bħala konklużjoni intermedja, li l‑projbizzjoni ta’ xandir mill-ġdid inkwistjoni ma tistax tiġi eskluża mill‑qasam ikkoordinat, fis-sens tal-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2000/31, minħabba li hija neċessarja sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-kontrolli fit-toroq imwettqa biex jiġu arrestati persuni mfittxija għal delitti gravissimi jew għal reati serji jew li jkunu ta’ theddida għall-ordni jew għas-sigurtà pubblika.

d)      L-ordnijiet li ma jillimitawx il-moviment liberu tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni

1)      Espożizzjoni tal-problema

166. Mill-analiżi li saret sa issa jirriżulta li l-projbizzjoni ta’ xandir mill-ġdid inkwistjoni tassew taqa’ taħt il-qasam ikkoordinat.

167. Barra minn hekk, id-Direttiva 2000/31 ma tipprekludix, a priori, projbizzjoni ta’ xandir mill-ġdid li Stat Membru ta’ destinazzjoni ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni jkollu l-intenzjoni li jimponi fuq l-operaturi ta’ dawn is-servizzi stabbiliti fl-Istati Membri l-oħra, sakemm din il-projbizzjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 3(4)(a) u (b) ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, meta dawn il-kundizzjonijiet ikunu ssodisfatti, Stat Membru ta’ destinazzjoni ta’ servizzi tas-soċjetà tal‑informazzjoni jista’, permezz ta’ miżuri li jaqgħu taħt il-qasam ikkoordinat, jillimita l-moviment liberu ta’ dawn is-servizzi.

168. Issa, il-Gvern Franċiż jindika li l-projbizzjoni ta’ xandir mill-ġdid inkwistjoni ma tillimitax il-moviment liberu tas-servizzi, b’tali mod li ma hijiex suġġetta għall-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 3(4) tad‑Direttiva 2000/31.

169. B’mod iktar konkret, skont dan il-Gvern, din il-projbizzjoni taqa’ taħt l-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2000/31 u, bħala tali, ma tillimitax il‑moviment liberu tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni li toriġina minn Stat Membru ieħor fis-sens tal-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva. Din tista’ tiġi imposta fuq fornitur ta’ servizzi, irrispettivament mill-Istat Membru li fih ikun stabbilit, u Stat Membru ta’ destinazzjoni ta’ servizzi tas-soċjetà tal‑informazzjoni li jixtieq joħroġ tali ordni ma jkun fl-ebda każ obbligat li jsegwi l-proċedura ta’ deroga prevista fl-Artikolu 3(4) tal-imsemmija direttiva.

2)      Evalwazzjoni

170. L-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2000/31 jipprevedi b’mod partikolari li dan l-artikolu ma għandux jaffettwa l-possibbiltà, għal qorti jew għal awtorità amministrattiva u konformement mas-sistemi legali tal-Istati Membri, li jeżiġu li l-fornitur itemm ksur jew jipprevjeni ksur.

171. Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat, li l-ordni msemmija fl‑Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2000/31 tista’ tinħareġ kemm mill-Istat Membru fejn il-fornitur huwa stabbilit kif ukoll mill-Istat Membru ta’ destinazzjoni tas-servizz ikkonċernat (65).

172. F’dan ir-rigward, minkejja li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2000/31 jissuġġetta lil kull fornitur ta’ servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni għall‑kontroll tal-Istat Membru fejn ikun stabbilit, il-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu jipprevedi li Stat Membru ieħor jista’ jieħu miżuri fir-rigward ta’ dan il-fornitur skont il-kundizzjonijiet previsti għal dan l-iskop f’din l-aħħar dispożizzjoni. Huwa importanti li jiġi enfasizzat li dawn il‑kundizzjonijiet ma jirrigwardawx il-ġurisdizzjoni ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor, iżda l-miżura li dan jixtieq jimponi fuq il-fornitur ikkonċernat.

173. Barra minn hekk, id-Direttiva 2000/31 ma tirregolax, bħala tali, it‑tqassim tal-ġurisdizzjoni u tas-setgħat deċiżjonali tal-qrati u ta’ awtoritajiet oħra tal-Istati Membri. Fil-fatt, din id-direttiva tistipula b’mod partikolari, fl-Artikolu 1(4) tagħha, li hija ma tirrigwardax il‑ġurisdizzjoni tal-qrati, li hija rregolata, b’mod partikolari, mir‑Regolament (UE) Nru 1215/2012 (66). Min-naħa l-oħra, il-ġurisdizzjoni territorjali tal-awtoritajiet amministrattivi hija ddeterminata permezz ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt pubbliku u din id-direttiva ma tinkludix tali dispożizzjonijiet.

174. Wara li ġie stabbilit dan il-qafas, għandu jiġi eżaminat l-argument tal-Gvern Franċiż li l-projbizzjoni ta’ xandir mill-ġdid inkwistjoni, inkwantu ordni prevista fl-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2000/31, ma hijiex suġġetta għall-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 3(4) tagħha.

175. Mill-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2000/31 jirriżulta li dan l-artikolu ma jaffetwax il-possibbiltà li jinħarġu ordnijiet ġudizzjarji jew amministrattivi bil-għan li jintemm ksur jew li dan jiġi evitat. Dan l-artikolu jipprevedi biss, fil-paragrafu 1 tiegħu, il-kundizzjonijiet li taħthom fornitur ta’ servizz ta’ hosting jista’ jiġi eżentat mir‑responsabbiltà għal informazzjoni maħżuna fuq talba tal-utenti. Prima facie, għalhekk hemm dubju kemm l-Artikolu 14(3) tal-imsemmija direttiva jista’ jkollu l-effett li jeskludi l-applikazzjoni tal‑Artikolu 3 tagħha.

176. Madankollu, inqis li r-raġuni għaliex ordni li tista’ taqa’ taħt l‑Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2000/31 tista’ ma tkunx suġġetta għall‑kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 3 tagħha ma tinsabx f’dik l‑ewwel dispożizzjoni, iżda fit-tieni waħda. Fil-fatt, mill-Artikolu 3(2) jirriżulta li Stat Membru ieħor minbarra dak fejn il-fornitur ikun stabbilit ma jistax jillimita, permezz ta’ miżuri li jaqgħu taħt il-qasam ikkoordinat, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni. Jien nemmen li, taħt ċerti kundizzjonijiet, ordni li tikkonċerna ksur individwalizzat tista’ ma tillimitax il-libertà li jiġu pprovduti dawn is-servizzi.

177. F’dan ir-rigward, u fl-ewwel lok, l-Artikolu 18 tad‑Direttiva 2000/31 jistipula li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li r‑rimedji ġudizzjarji disponibbli fid-dritt nazzjonali tagħhom fir-rigward tal-attivitajiet tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni jippermettu l‑adozzjoni ta’ miżuri intiżi li jwaqqfu kull ksur allegat u jipprevjenu kull preġudizzju ġdid għall-interessi involuti. Għalkemm kull Stat Membru għandu jipprovdi l-possibbiltà li jadotta tali miżuri, ordni li għandha l-għan li ttemm ksur individwalizzat jew li tipprevjenih, indirizzata lil fornitur minn Stat Membru ieħor differenti minn dak fejn huwa stabbilit, għandha kapaċità limitata li tillimita l-moviment liberu tas-servizzi tas-soċjetà tal‑informazzjoni. Għalkemm din id-dispożizzjoni tirreferi biss għal rimedji ġudizzjarji, il-kwistjoni dwar jekk ordni tnaqqasx il-moviment liberu tas-servizzi mill-perspettiva tad-destinatarju tagħha ma tiddependix min-natura tal-awtorità li toħroġha, iżda mis-sustanza u mill-kontenut materjali tal-ordni kkonċernata.

178. Fit-tieni lok, kif korrettament josserva l-Gvern Franċiż, din l‑interpretazzjoni hija kkorroborata wkoll mis-sentenza GlawischnigPiesczek (67). F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kkontestatx il-konformità, fid-dawl tad-Direttiva 2000/31, ta’ ordni maħruġa minn qorti Awstrijaka lil fornitur ta’ servizzi ta’ hosting stabbilit fl-Irlanda u li kienet tirrigwarda kontenut identiku jew ekwivalenti għal dak ta’ informazzjoni ddikjarata illegali (68). B’dan il-mod, il-Qorti tal‑Ġustizzja ma poġġietx l-enfażi fuq in-natura ġudizzjarja tal-ordni kkonċernata, iżda fuq is-suġġett tagħha.

179. Fit-tielet lok, il-leġiżlatur tal-Unjoni kkonferma din l‑interpretazzjoni fir-Regolament (UE) 2022/2065 (69). Fil-fatt, il‑premessa 38 tiegħu tispjega, b’mod partikolari, li l-ordnijiet għall‑azzjoni li jirrigwardaw kontenut illegali speċifiku ma jillimitawx, bħala prinċipju, il-moviment liberu tas-servizzi intermedjarji, b’tali mod li l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/31 ma huwiex applikabbli għalihom (70).

180. Għal dawn ir-raġunijiet kollha, inqis li ordni għal azzjoni li tirrigwarda kontenut illegali speċifiku u li hija intiża sabiex ittemm ksur individwalizzat jew tipprevjenih ma hijiex suġġetta għall-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/31, sakemm ma tillimitax il‑moviment liberu tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni. Din il‑konstatazzjoni għandha tiġi interpretata b’mod strett sabiex ma jiġix kompromess il-mekkaniżmu stabbilit f’dan l-artikolu. Tali ordni għandha tkun intiża sabiex tirrimedja ksur individwalizzat, mingħajr madankollu ma taffettwa, mill-kumplament, l-eżerċizzju tal-attività ta’ servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni. Għalhekk, pereżempju, id‑destinatarju ta’ ordni għal azzjoni ma jistax jiġi mġiegħel jemenda l‑mod kif huwa jorganizza l-attività tiegħu bħala tali.

181. Il-kwistjoni li tqum hija dik dwar kif tali ordnijiet għal azzjoni li ma jillimitawx il-moviment liberu tas-servizzi, fis-sens tal‑Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2000/31, jinteraġixxu ma’ dawk previsti fl-Artikolu 14(3) tagħha.

182. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jaqdu funzjonijiet differenti (71). Barra minn hekk, l‑Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2000/31 jirreferi espressament għas‑sistemi ġuridiċi tal-Istati Membri u jidher li jħallilhom ċerta marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-ħruġ ta’ ordnijiet. Għaldaqstant, ma nistax nasal biex ngħid li kull ordni li tista’ tinħareġ lil fornitur permezz ta’ din id-dispożizzjoni ma tillimitax il-moviment liberu tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni. Madankollu, inqis li l-għan ta’ dawn il-miżuri kollha huwa l-istess, jiġifieri li jintemm ksur individwalizzat jew li tali ksur jiġi pprevenut billi jiġi indirizzat kontenut illegali speċifiku.

183. F’dawn iċ-ċirkustanzi, tqum issa l-kwistjoni dwar jekk il-miżura nazzjonali inkwistjoni tillimitax il-moviment liberu tas-servizzi.

3)      Il-projbizzjoni ta’ xandir mill-ġdid inkwistjoni

184. Infakkar li mill-analiżi tiegħi jirriżulta li ordni għal azzjoni kontra kontenut illegali speċifiku u li għandha l-għan li ttemm ksur individwalizzat jew tipprevjenih jista’ ma jkollhiex l-effett li tillimita l‑moviment liberu tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni (72).

185. F’dan il-każ, la l-informazzjoni relatata mal-kontrolli fit-toroq ikkomunikata mill-utenti ta’ servizz elettroniku ta’ għajnuna għas‑sewqan jew għan-navigazzjoni permezz ta’ ġeolokalizzazzjoni u lanqas il-komunikazzjoni tagħha minn dawn l-utenti ma hija illegali bħala tali. Min-naħa l-oħra, it-tixrid ta’ din l-informazzjoni minn operatur ta’ dan is-servizz bi ksur ta’ projbizzjoni maħruġa mill-awtorità kompetenti huwa illegali u din l-illegalità tidher li tinħoloq fil-mument meta l-ordni tiġi nnotifikata lill-operatur ikkonċernat (73). B’hekk, minn naħa waħda, il‑projbizzjoni ta’ xandir mill-ġdid inkwistjoni ma tikkonċernax kontenut illegali speċifiku u, min-naħa l-oħra, ma għandhiex l-għan li ttemm ksur individwalizzat jew tipprevjenih, iżda tista’ twassal għal tali ksur min-naħa tad-destinatarju tagħha jekk dan ma josservax il-projbizzjoni.

186. Għalhekk, din il-projbizzjoni ma tippreżentax il-karatteristiċi ta’ ordni għal azzjoni kontra kontenut illegali speċifiku li għandha l-għan li ttemm ksur individwalizzat jew tipprevjenih u li ma tillimitax il-moviment liberu tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni.

e)      L-adozzjoni ta’ miżuri li jirrigwardaw servizz partikolari

187. Mill-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2000/31 jirriżulta li miżura li biha Stat Membru ta’ destinazzjoni ta’ servizzi jista’ jidderoga mill‑Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva għandha tirrigwarda “servizz partikolari għas-soċjetà ta’ l-informazzjoni”. Fis-sentenza Google Ireland et (74), il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat li miżuri ġenerali u astratti li jikkonċernaw kategorija ta’ servizzi partikolari tas-soċjetà tal‑informazzjoni deskritta b’termini ġenerali u li japplikaw mingħajr distinzjoni għal kull fornitur ta’ din il-kategorija ta’ servizzi ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “miżuri meħuda fir-rigward ta’ servizz partikolari tas-soċjetà tal-informazzjoni”.

188. F’dan ir-rigward, minkejja li l-projbizzjoni ta’ xandir mill-ġdid inkwistjoni tipproduċi effetti fir-rigward ta’ operatur ta’ servizz ta’ għajnuna għas-sewqan jew għan-navigazzjoni permezz ta’ ġeolokalizzazzjoni sa mill-mument tan-notifika tagħha lill-operatur ikkonċernat, jidher li awtorità amministrattiva kompetenti toħroġ projbizzjoni waħda ta’ xandir mill-ġdid għall-kontroll fit-triq li tkun tixtieq teskludi minn dawn is-servizzi kollha.

189. Fil-fatt, minn naħa, l-Artikolu R. 130-12 tal-Kodiċi tat-Traffiku jeżiġi li l-informazzjoni dwar il-projbizzjonijiet ta’ xandir mill-ġdid tiġi kkomunikata lill-operaturi permezz ta’ sistema ta’ informazzjoni. Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li komunikazzjoni hekk imwettqa tgħodd bħala tqegħid għad-dispożizzjoni tad-deċiżjoni ta’ projbizzjoni.

190. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu L. 130-11 tal-Kodiċi tat-Traffiku jindika darbtejn li, permezz ta’ projbizzjoni ta’ xandir mill-ġdid, awtorità amministrattiva kompetenti tipprojbixxi lill-operaturi kollha ta’ servizz elettroniku ta’ għajnuna għas-sewqan jew għan-navigazzjoni permezz ta’ ġeolokalizzazzjoni milli jxandru mill-ġdid il-messaġġi u l‑indikazzjonijiet relatati ma’ kontroll fit-triq. Barra minn hekk, Coyote System sostniet, waqt is-seduta, li l-awtorità kompetenti ma tistax tiffoka biss fuq xi wħud mill-operaturi.

191. F’dan ir-rigward, nosserva li minkejja li l-projbizzjoni ta’ xandir mill-ġdid inkwistjoni tidher li għandha tapplika għall-fornituri kollha ta’ servizz ta’ għajnuna għas-sewqan jew għan-navigazzjoni permezz ta’ ġeolokalizzazzjoni (75), is-sentenza Google Ireland et madankollu kienet tirrigwarda miżuri li mhux biss kienu japplikaw mingħajr distinzjoni għal kategorija ta’ servizzi partikolari tas-soċjetà tal-informazzjoni deskritti f’termini ġenerali, iżda li kellhom ukoll natura ġenerali u astratta. Issa, il‑projbizzjoni ta’ xandir mill-ġdid inkwistjoni ma tapplikax għal sitwazzjonijiet ipotetiċi u ripetittivi, iżda għal kontroll fit-triq partikolari. Għalhekk, din ma hijiex paragunabbli ma’ leġiżlazzjoni ġenerali u astratta bħal dik inkwistjoni f’dik is-sentenza.

192. Dejjem f’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, fis-sentenza Google Ireland et (76), li miżuri ġenerali u astratti ma jistgħux jikkostitwixxu miżuri ta’ deroga msemmija fl-Artikolu 3(4) tad‑Direttiva 2000/31, b’mod partikolari għaliex li kieku Stat Membru ta’ destinazzjoni jiġi awtorizzat jadotta tali miżuri dan ikun jammonta għal indħil fil‑kompetenza regolatorja tal-Istat Membru ta’ oriġini bil-konsegwenza li l-fornituri jkunu suġġetti kemm għall-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ oriġini kif ukoll għal dik ta’ wieħed jew iktar Stati Membri ta’ destinazzjoni. L-adozzjoni ta’ miżura li tapplika għal każ partikolari madankollu ma tidhirx li għandha tali effett, sa fejn din pjuttost tirrigwarda l‑kompetenzi u l-poteri deċiżjonali tal-qrati u ta’ awtoritajiet oħra tal‑Istati Membri.

193. Barra minn hekk, huwa veru li, kif il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat fis-sentenza Google Ireland et (77), l-Artikolu 3(4)(b) tad‑Direttiva 2000/31 jimponi fuq l-Istat Membru ta’ destinazzjoni l-obbligu li jitlob lill-Istat Membru ta’ oriġini jieħu miżuri fil-qasam ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni u, f’dan is-sens, jippreżupponi li l-Istat Membru li lilu hija indirizzata tali talba jista’ jiġi identifikat qabel l-adozzjoni ta’ miżura abbażi tal-Artikolu 3(4) ta’ din id-direttiva, b’tali mod li l-Istat Membru ta’ destinazzjoni jkun jista’ jwettaq dan l-obbligu. Madankollu, mill‑Artikolu 3(4)(b) tal-imsemmija direttiva, moqri fid-dawl tal‑premessa 26 tagħha, jirriżulta li l-miżuri neċessarji għall-kxif u għall-prosekuzzjoni tal-ksur fil-qasam kriminali ma humiex suġġetti għal dan l-obbligu. Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 3(5) tal-istess direttiva, Stat Membru ta’ destinazzjoni jista’, f’każ ta’ urġenza, jidderoga mill‑kundizzjonijiet proċedurali previsti fl-Artikolu 3(4)(b) tagħha u jinnotifika, ex post, miżura lill-Kummissjoni u lill-Istat Membru ta’ oriġini ta’ fornitur. Dan jikkonferma l-interpretazzjoni li ċerti miżuri jistgħu jaqdu r-rwol ta’ miżura ta’ deroga anki meta ma jkunx possibbli li jiġu sodisfatti, qabel l-adozzjoni tagħhom, il-kundizzjonijiet proċedurali previsti fl-Artikolu 3(4)(b) tad-Direttiva 2000/31, sakemm dawk il-miżuri jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 3(4)(a) ta’ din id-direttiva.

194. F’dan il-każ, bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, jidher li l-projbizzjoni ta’ xandir mill-ġdid inkwistjoni tista’ tiġi kklassifikata bħala “miżura meħuda kontra servizz partikolari tas-soċjetà tal‑informazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2000/31.

f)      Konklużjoni

195. Mill-analiżi tiegħi jirriżulta, l-ewwel nett, li l-projbizzjoni ta’ xandir mill-ġdid inkwistjoni ma hijiex eskluża mill-qasam ikkoordinat fid-dawl tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu minnha (78); it-tieni nett, li din il-projbizzjoni tillimita l-moviment liberu tas-servizzi tas-soċjetà tal‑informazzjoni (79) u, it-tielet nett, bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar‑rinviju, l-imsemmija projbizzjoni jista’ jkollha r-rwol ta’ miżura li permezz tagħha Stat Membru jista’ jillimita l-moviment liberu tas-servizzi sakemm tissodisfa l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 3(4) tad‑Direttiva 2000/31 (80).

196. Għar-raġunijiet kollha li għadni kemm esponejt, ir-risposta għat‑tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/31 ma jipprekludix projbizzjoni ta’ xandir mill-ġdid ta’ messaġġi u ta’ indikazzjonijiet maħruġa mill-utenti ta’ servizz ta’ għajnuna għas‑sewqan jew għan-navigazzjoni permezz ta’ ġeolokalizzazzjoni li Stat Membru ta’ destinazzjoni ta’ dawn is-servizzi għandu l-intenzjoni li jimponi wkoll fuq l-operaturi ta’ dawn is-servizzi stabbiliti fl-Istati Membri l‑oħra, sakemm din il-projbizzjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl‑Artikolu 3(4) jew, jekk ikun il-każ, fl-Artikolu 3(5) ta’ din id-direttiva.

3.      Fuq it-tielet domanda

a)      Rimarki preliminari

197. It-tielet domanda tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2000/31 u hija intiża sabiex tistabbilixxi jekk il-projbizzjoni li timponi obbligu ġenerali ta’ monitoraġġ, previst minn din id-direttiva, tipprekludix l-applikazzjoni tal-projbizzjoni ta’ xandir mill-ġdid inkwistjoni.

198. F’dawn ir-rigward, il-premessi preċedenti kollha jirrigwardaw il‑funzjonament tal-mekkaniżmu tas-suq intern tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, stabbilit fl-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva.

199. Madankollu, minbarra l-kwistjoni tal-kundizzjonijiet li taħthom l‑Istati Membri jistgħu joħorġu ordnijiet kontra l-fornituri ta’ servizzi tas‑soċjetà tal-informazzjoni f’sitwazzjonijiet transkonfinali, id‑Direttiva 2000/31 tinkludi dispożizzjonijiet li jistgħu jaffettwaw il‑portata u l-kontenut ta’ tali ordnijiet. Fost dawn id-dispożizzjonijiet hemm l-Artikoli 14 u 15 tagħha.

200. Id-dispożizzjonijiet ikkonċernati japplikaw b’mod partikolari meta Stat Membru jkun jixtieq joħroġ ordni li xi fornituri stabbiliti fl‑Istati Membri l-oħra. F’dan il-każ, l-eżami ta’ konformità, fid-dawl tad-Direttiva 2000/31, tas-setgħa li tinħareġ din l-ordni, isir f’żewġ stadji: l-eżami tal-Artikolu 3(2) u (4) ta’ din id-direttiva, imbagħad dak tal‑Artikoli 14 u 15 tagħha.

201. Għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mit-termini tiegħu stess, l‑Artikolu 15 tad-Direttiva 2000/31, huwa biss rilevanti jekk il-fornitur tas-servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 12 sa 14 tagħha.

202. Sa fejn il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta wkoll l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2000/31 u sa fejn dan l-artikolu japplika għall-provvista tas-servizzi msemmija, b’mod partikolari, fl‑Artikolu 14 tagħha, jista’ jiġi kkunsidrat li dik il-qorti titlaq mill‑premessa li s-servizzi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad‑dispożizzjonijiet nazzjonali kkontestati quddiemha jikkostitwixxu servizzi ta’ hosting. Peress li din il-premessa ġiet diskussa waqt is‑seduta, ser niddedikalha, madankollu, xi rimarki.

b)      Servizz elettroniku ta’ għajnuna għas-sewqan jew għan‑navigazzjoni permezz ta’ ġeolokalizzazzjoni

1)      Rimarki preliminari

203. Id-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni jkopru lill-operaturi ta’ servizzi elettroniċi ta’ għajnuna għas-sewqan jew għan-navigazzjoni permezz ta’ ġeolokalizzazzjoni.

204. Minkejja li t-talba għal deċiżjoni preliminari ma tispjegax f’hiex jikkonsisti tali servizz, il-mod ta’ funzjonament tiegħu jista’ jiġi dedott mill-kliem ta’ dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali. Barra minn hekk, il‑partijiet ippreżentaw ċerti osservazzjonijiet li jirrigwardaw l-aspetti prattiċi tal-funzjonament ta’ dawn is-servizzi. F’dan ir-rigward, diffikultà oħra hija relatata mal-fatt li dawn l-osservazzjonijiet jidhru, minn tal-inqas parzjalment, li ma jirrigwardawx id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “servizz elettroniku ta’ għajnuna għas-sewqan u għan-navigazzjoni permezz ta’ ġeolokalizzazzjoni”, użat fid-dritt Franċiż, iżda s-servizz ipprovdut mill‑kumpannija Coyote System u s-servizzi simili għalih.

205. Madankollu, ser nibbaża ruħi fuq dawn l-osservazzjonijiet kollha sabiex nistabbilixxi l-punt ta’ tluq tal-analiżi segwenti. Fil-fatt, huwa stabbilit li l-kumpannija Coyote System hija l-operatur ta’ servizz elettroniku ta’ għajnuna għas-sewqan u għan-navigazzjoni permezz ta’ ġeolokalizzazzjoni fis-sens tad-dritt Franċiż. Konsegwentement, analiżi li tieħu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi tas-servizz ta’ din il-kumpannija ser tirrigwarda minn tal-inqas parti mill-kamp ta’ applikazzjoni tad‑dispożizzjonijiet ikkontestati quddiem il-qorti tar-rinviju.

206. Fi kwalunkwe każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tinterpreta d‑dritt nazzjonali u tistabbilixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tad‑dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni. Hija għandha tivverifika wkoll, fid-dawl tal-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja, jekk operatur ta’ dan is-servizz jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal‑Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31.

2)      Il-punt ta’ tluq tal-analiżi tiegħi

207. Waħda mill-funzjonijiet essenzjali ta’ servizz elettroniku ta’ għajnuna għas-sewqan u għan-navigazzjoni permezz ta’ ġeolokalizzazzjoni jidher li hija li tipprovdi lil sewwieq l-informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tat-traffiku u s-senjalazzjoni ta’ avvenimenti oħra tat-traffiku li seħħew matul ir-rotta li huwa għażel jew fil-perimetru fejn jinsab f’ħin partikolari. Fost dawn l-avvenimenti hemm il-kontrolli fit-toroq mwettqa mill-awtoritajiet pubbliċi.

208. L-Artikolu L. 130-11 tal-Kodiċi tat-Traffiku jassumi li servizz bħal dan jiġi alimentat, mill-inqas parzjalment, mill-messaġġi u mill‑indikazzjonijiet mogħtija minn xi utenti, li jixxandru mill-ġdid mill‑operatur ta’ dan is-servizz lill-utenti kollha.

209. Fil-prattika, kif spjegat minn Coyote System fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha u waqt is-seduta, l-utent ta’ servizz elettroniku ta’ għajnuna għas-sewqan jew għan-navigazzjoni permezz ta’ ġeolokalizzazzjoni jista’ jikklikkja fuq ikona li tikkorrispondi għal waħda mill-kategoriji predeterminati ta’ avvenimenti tat-traffiku biex juri avveniment, flimkien mal-pożizzjoni tiegħu, u jakkumpanja din is‑senjalazzjoni b’messaġġ personalizzat jew ritratt.

210. Din is-senjalazzjoni hija trażmessa b’mod immedjat u awtomatiku lill-utenti kollha li sussegwentement jistgħu, jekk jaħsbu li hija żbaljata, jinnotifikaw dan l-iżball billi jikklikkjaw fuq ikona speċifikament għal dan il-għan. Jekk diversi utenti jinnotifikaw żball, is‑senjalazzjoni kkonċernata titħassar.

211. Coyote System spjegat ukoll, fir-rigward tal-wiri tal-avvenimenti ssenjalati, li l-funzjonament tas-servizz tagħha huwa bbażat fuq algoritmu li jiġġestixxi dawn is-senjalazzjonijiet, b’mod partikolari billi jgħaqqad dawk li jikkoinċidu parzjalment u jħassar dawk li l-affidabbiltà tagħhom ġiet ikkontestata b’mod suffiċjenti mill-komunità tal-utenti. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tas-senjalazzjonijiet maħruġa mill-utenti, l‑operaturi ma jeżerċitaw l-ebda kontroll fuq il-kontenut tagħhom u jxandruhom mill-ġdid bħala tali lill-utenti.

212. Barra minn hekk, għalkemm il-mekkaniżmu li fuqu huwa bbażat il-funzjonament ta’ kwalunkwe servizz elettroniku ieħor ta’ għajnuna għas-sewqan jew għan-navigazzjoni permezz ta’ ġeolokalizzazzjoni huwa differenti, a priori, minn dak ta’ Coyote System, jidher li l‑funzjonament ta’ dawn is-servizzi kollha jiddependi fuq l-ipproċessar ta’ ammont kbir ta’ informazzjoni pprovduta mill-utenti, li jeħtieġ l-użu ta’ mekkaniżmu awtomatizzat.

213. Wara li saru dawn l-osservazzjonijiet, hemm il-ħtieġa li, fl-ewwel lok, jiġi kkunsidrat il-punt dwar jekk servizz ta’ għajnuna għas-sewqan jew għan-navigazzjoni permezz ta’ ġeolokalizzazzjoni jikkonsistix f’“żamma ta’ informazzjoni ipprovduta minn dak li jirċievi s-servizz”, fis-sens tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31 (Taqsima 3), u jiġi stabbilit, fit-tieni lok, jekk l-operatur ta’ tali servizz huwiex “intermedjarju li jipprovdi servizz”, fis-sens li ried il-leġiżlatur fil-qafas tat-Taqsima 4 tal‑Kapitolu II ta’ din id-direttiva (Taqsima 4).

3)      Fuq il-kunċett ta’ servizzi ta’ hosting

214. L-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31 jirrigwarda l-provvista ta’ servizzi ta’ hosting, jiġifieri s-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni li jikkonsistu f’żamma ta’ informazzjoni pprovduta mill-utent tas-servizz fuq talba tiegħu.

215. Tali servizz jista’ jinkludi wkoll ix-xandir ta’ din l-informazzjoni lill-pubbliku fuq it-talba ta’ utent. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, l-operatur ta’ pjattaforma ta’ netwerk soċjali li jopera fuq l-internet li taħżen informazzjoni pprovduta minn utenti ta’ din il-pjattaforma (81) u l‑operatur ta’ pjattaforma ta’ video-sharing (82) huma, għall-inqas bħala prinċipju, fornituri ta’ servizzi ta’ hosting, fis-sens tal-Artikolu 14 tad‑Direttiva 2000/31. Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset ukoll li servizz ta’ referenzjar jikkostitwixxi servizz ta’ hosting sa fejn il-fornitur tiegħu jibgħat informazzjoni lid-destinatarju ta’ dan is-servizz fuq netwerk ta’ komunikazzjoni miftuħ għall-utenti tal-internet u jaħżen, jiġifieri jżomm fil-memorja tas-server tiegħu, ċerta data magħżula minn min jirreklama (83). Il-leġiżlatur tal-Unjoni għażel tali definizzjoni wiesgħa tas‑servizz ta’ hosting fil-qafas tar-Regolament 2022/2065 (84).

216. Għalhekk, il-kwistjoni hija dwar jekk is-servizzi elettroniċi ta’ għajnuna għas-sewqan jew għan-navigazzjoni permezz ta’ ġeolokalizzazzjoni jikkostitwixxux servizzi li l-għan tagħhom jikkorrispondi mad-deskrizzjoni li għadni kemm tajt.

217. F’dan ir-rigward, b’differenza mill-informazzjoni pprovduta lill‑pjattaformi ta’ netwerk soċjali online u lill-pjattaformi ta’ video-sharing, l-informazzjoni relatata mal-kundizzjonijiet tat‑traffiku tingħata lil operatur ta’ servizz elettroniku mhux sabiex tinħażen u tixxandar kif inhi, iżda sabiex tkattar ir-riżerva ta’ informazzjoni li tkun għad-dispożizzjoni ta’ dan l-operatur u li tkun suġġetta għal trattament algoritmiku. Dan it-trattament jippermetti li tiġi ġġenerata stampa unika li tirrappreżenta, bl-iktar mod fidil possibbli, il‑kundizzjonijiet tat-traffiku f’perimetru partikolari. L-operatur imbagħad jibgħat ir-riżultat ta’ dawn it-tranżazzjonijiet lill-utenti sabiex jipprovdilhom, f’ħin reali, informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tat‑traffiku fil-perimetru li fih jinsabu.

218. Konsegwentement, bl-eċċezzjoni tas-senjalazzjoni inizjali ta’ avveniment, l-informazzjoni pprovduta minn utent ma tixxandarx lill‑utenti kollha, permezz tas-servizz ikkonċernat, fil-forma li fiha tkun ġiet ipprovduta. Min-naħa l-oħra, dan is-servizz joħloq “saff ġdid” ta’ informazzjoni abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-utenti, u huwa l‑aċċess għal dan is-saff li jikkostitwixxi l-għan prinċipali tas-servizz.

219. Sussegwentement, sabiex nerġa’ nirreferi għas-senjalazzjoni inizjali ta’ avveniment, huwa minnu li dan jidher li jiġi immedjatament u awtomatikament imxandar lill-utenti kollha tas-servizz ikkonċernat.

220. Fil-qafas tas-servizz ta’ hosting fis-sens tal-Artikolu 14 tad‑Direttiva 2000/31, l-operazzjonijiet ta’ ħażna u ta’ xandir isiru fuq talba ta’ utent, li jippreżupponi li dan iniedi dawn il-proċessi u jżomm ċertu kontroll fuq dawn it-tranżazzjonijiet.

221. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat, li l-funzjonament tas‑servizz ta’ Coyote System huwa bbażat fuq algoritmu li jħassar is‑senjalazzjonijiet li l-affidabbiltà tagħhom ġiet ikkontestata b’mod suffiċjenti mill-komunità tal-utenti. Ir-riżultat tal-operazzjonijiet imwettqa minn dan l-algoritmu għalhekk jissostitwixxi d-deċiżjoni tal‑utent li jkun ipprovda senjalazzjoni inizjali bil-għan li din tixxandar. Għalkemm huwa minnu li t-tħassir tas-senjalazzjonijiet ikkontestati jista’ jkun previst mill-kundizzjonijiet ġenerali ta’ użu tas-servizz, dan ma jbiddilx il-fatt li l-operazzjonijiet ta’ ħażna u ta’ xandir, imnedija fuq talba ta’ utent, jiġu interrotti bir-riżultat tat-trattament algoritmiku tal‑informazzjoni kollha riċevuta mill-operatur.

222. Fl-aħħar nett, jidher li l-istess trattament jiġi applikat għas‑senjalazzjonijiet akkumpanjati minn messaġġ personalizzat jew minn ritratt, kif imsemmi minn Coyote System. Fil-fatt, dawn jiġu immedjatament u awtomatikament imxandra u l-utenti l-oħra jistgħu jikkonfermaw jew jikkontestaw il-veraċità tagħhom. Dawn il‑komunikazzjonijiet kollha jkunu suġġetti għal trattament algoritmiku u huwa biss ir-riżultat ta’ dawn it-tranżazzjonijiet li jiġi trażmess lill-utenti permezz tas-servizz (85).

223. Minn dan isegwi li servizz elettroniku ta’ għajnuna għas-sewqan jew għan-navigazzjoni permezz ta’ ġeolokalizzazzjoni ma jikkonsistix fil-ħażna u fix-xandir tal-informazzjoni bħala tali, permezz ta’ dan is-servizz, ipprovduta mill-utenti, iżda fil-ħolqien, abbażi ta’ din l-informazzjoni, ta’ saff ġdid ta’ informazzjoni li jipprovdi lill-utenti stampa unika li tirrappreżenta, f’ħin reali u b’mod kemm jista’ jkun preċiż, il‑kundizzjonijiet tat-traffiku fil-perimetru li fih jinsabu.

224. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2000/31 jistipula, fil‑paragrafu 2 tiegħu, li l-paragrafu 1 tiegħu ma għandux japplika meta d-destinatarju tas-servizz ikun jaġixxi bl-awtorità jew taħt il-kontroll tal‑fornitur. Dan il-paragrafu 1 lanqas ma għandu japplika meta l-fornitur jikkomunika lill-utenti ġabra ta’ informazzjoni li tkun ingħatatlu iżda li, ladarba tkun ġiet miġbura flimkien, ma tibqax tkun rikonoxxibbli f’dik il-ġabra. Servizz ta’ għajnuna għas-sewqan jew għan-navigazzjoni permezz ta’ ġeolokalizzazzjoni għalhekk ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 14(1) ta’ din id-direttiva.

225. Madankollu, ser inkompli bl-analiżi tiegħi fil-każ li l-Qorti tal‑Ġustizzja ma timxix mal-proposta tiegħi u tqis li servizz ta’ għajnuna għas-sewqan jew għan-navigazzjoni permezz ta’ ġeolokalizzazzjoni jista’ jikkostitwixxi servizz ta’ hosting fis-sens tal-Artikolu 14 tad‑Direttiva 2000/31. Essenzjalment, sabiex il-ħażna magħmula mill‑fornitur ta’ servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni taqa’ taħt din id‑dispożizzjoni, jeħtieġ li l-aġir ta’ dan il-fornitur ikun limitat għal dak ta’ “intermedjarju li jipprovdi servizz” fis-sens li ried il-leġiżlatur fil-qafas tat‑taqsima 4 ta’ din id-direttiva (86).

4)      Fuq il-klassifikazzjoni ta’ fornitur ta’ servizzi ta’ hosting

226. Mill-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31, moqri fid-dawl tal‑premessa 42 tagħha, jirriżulta li, sabiex il-fornitur ta’ servizz tas‑soċjetà tal-informazzjoni jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id‑dispożizzjoni, l-attività tiegħu għandha tkun purament teknika, awtomatika u passiva, li jfisser li dan il-fornitur la jkollu l-għarfien u lanqas il-kontroll fuq l-informazzjoni li tkun trażmessa jew maħżuna.

227. Fil-qafas tal-eżami mwettaq biex jiġi stabbilit jekk l-attività ta’ fornitur għandhiex tali natura, il-grad tal-impenn ta’ dan il-fornitur fid‑determinazzjoni tal-mod kif l-informazzjoni pprovduta tiġi ppreżentata u fil-“ġestjoni u selezzjoni” tal-kontenut jilgħab rwol importanti.

228. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, fis-sentenza L’Oréal et, li kienet tirrigwarda l-operatur ta’ suq online (87), li s-sempliċi fatt li operatur jaħżen fuq is-server tiegħu l-offerti għall-bejgħ, jistabbilixxi l‑modalitajiet tas-servizz tiegħu, jitħallas għal dan tal-aħħar, u jagħti pariri ta’ natura ġenerali lil klijenti tiegħu, ma jistax ikollu l-effett li jelimina d-derogi fil-qasam tar-responsabbiltà previsti mid‑Direttiva 2000/31. Għall-kuntrarju, meta l-imsemmi operatur ikun ta assistenza li kienet tikkonsisti, b’mod partikolari, fit-titjib tal‑preżentazzjoni tal-offerti għall-bejgħ inkwistjoni jew fil-promozzjoni ta’ dawn l-offerti, hemm lok li jiġi kkunsidrat li huwa ma jkunx okkupa pożizzjoni newtrali bejn il-klijent bejjiegħ ikkonċernat u x‑xerrejja potenzjali, iżda li huwa jkun assuma rwol attiv ta’ natura li jagħtih għarfien jew kontroll tad-data relattiva għal dawk l-offerti.

229. B’hekk, qabelxejn, il-fatt li fornitur jistabbilixxi l-istruttura tal‑preżentazzjoni ġenerali tal-informazzjoni maħżuna fuq talba tal-utenti ma jfissirx li huwa jaf jew jikkontrolla l-kontenut ta’ dik l-informazzjoni. Għalhekk, il-fatt li operatur ta’ servizz ta’ għajnuna għas-sewqan jew għan-navigazzjoni permezz ta’ ġeolokalizzazzjoni jiddetermina minn qabel il-kategoriji ta’ avvenimenti tat-traffiku li l-utenti jistgħu jagħżlu biex jagħtu senjalazzjoni dwar avveniment, ma jfissirx li dan l-operatur għandu rwol attiv li jagħtih għarfien jew kontroll fuq id-data relatata ma’ din is-senjalazzjoni. Fil-fatt, id-deċiżjoni li senjalazzjoni tiġi assoċjata ma’ kategorija speċifika tittieħed mill-utent tas-servizz, u l-għażla li jagħmel jista’ ma tirriflettix b’mod korrett il-kundizzjonijiet attwali tat-traffiku.

230. Sussegwentement, is-senjalazzjoni inizjali ta’ avveniment tat‑traffiku tiġi immedjatament u awtomatikament imxandra lill-utenti kollha. F’dan l-istadju, l-operatur tas-servizz ma jwettaqx verifika tal‑veraċità ta’ din is-senjalazzjoni, u x-xandir tagħha ma jeħtieġ l-ebda azzjoni min-naħa tiegħu.

231. Madankollu, analiżi ffukata fuq is-senjalazzjoni inizjali tipprovdi stampa mhux kompluta tas-servizz ikkonċernat. Fil-fatt, l-informazzjoni pprovduta mill-utenti ma tixxandarx bħala tali, iżda tkun suġġetta għal trattament algoritmiku biex tipprovdi stampa unika li tirrappreżenta l‑kundizzjonijiet tat-traffiku fi ħdan perimetru partikolari (88).

232. Id-domanda li tqum hija għalhekk is-segwenti: l-operatur ta’ servizz elettroniku ta’ għajnuna għas-sewqan jew għan-navigazzjoni permezz ta’ ġeolokalizzazzjoni għandu rwol attiv ta’ natura li jagħtih għarfien jew kontroll fuq il-kontenut tal-messaġġi meta jkun stabbilixxa algoritmu ta’ ġestjoni awtomatizzata tas-senjalazzjonijiet li jinteraġixxu bejniethom, b’tali mod li l-preżentazzjoni ta’ dawn is-senjalazzjonijiet kollha fil-qafas tas-servizz tiegħu tiddependi mill-funzjonament ta’ dan l‑algoritmu? Fil-fatt, irrispettivament mill-kontenut tal-messaġġi u tal‑indikazzjonijiet ikkomunikati individwalment minn kull utent ta’ dan is-servizz, ir-riżultat finali ta’ dawn il-komunikazzjonijiet kollha, li jkun aċċessibbli għall-utenti kollha, jiġi determinat permezz ta’ algoritmu li jiġbor is-senjalazzjonijiet jew iħassarhom.

233. Coyote System issostni li l-operatur ta’ servizz elettroniku ta’ għajnuna għas-sewqan jew għan-navigazzjoni permezz ta’ ġeolokalizzazzjoni ma jikkontrollax is-senjalazzjonijiet maħruġa mill-utenti ta’ dan is-servizz: dawn is-senjalazzjonijiet jiġu mxandra immedjatament u awtomatikament lill-utenti kollha tas-servizz, mingħajr ebda intervent tal-operatur. L-eventwali emendi tas-senjalazzjonijiet irreġistrati, inkluż it-tħassir tagħhom, tirriżulta mill-intervent ta’ utenti oħra. Għaldaqstant, biex nuża l-kliem ta’ din il-kumpannija, l-utenti tas-servizz “jiġġeneraw, jikklassifikaw, jimmodifikaw u jħassru s-senjalazzjonijiet mill-bidu sal‑aħħar”.

234. F’dan ir-rigward, l-Avukat Ġenerali Poiares Maduro qies, fil‑konklużjonijiet tiegħu fil-kawżi Google France u Google (89), li operatur ta’ mutur ta’ tfittxija ta’ Google jibqa’ newtrali fir-rigward tal‑informazzjoni li għaliha jipprovdi servizz ta’ hosting, għaliex ir-riżultati tat-tiftix magħmul mill-utenti tiegħu huma r-riżultat ta’ algoritmi awtomatiċi li japplikaw kriterji oġġettivi sabiex itellgħu siti li x’aktarx ikunu ta’ interess għall‑utent tal-internet. Skont l-Avukat Ġenerali, il-preżentazzjoni ta’ dawn is-siti u l-ordni li fiha jiġu kklassifikati tiddependi fuq ir-rilevanza tagħhom mal-kliem prinċipali li jiġu ttajpjati, u mhux fuq l-interess ta’ Google fis-sit partikolari jew ir-relazzjoni tagħha mal-istess sit. Fis‑sentenza Google France u Google (90), il-Qorti tal-Ġustizzja ma rreferietx espressament għal dan il-kriterju u ffukat fuq in-natura purament teknika, awtomatika u passiva tal-attività tal-operatur ikkonċernat. Hija rrilevat, b’mod partikolari, li l-konkordanza bejn il‑kelma magħżula u t-terminu ta’ tiftix imdaħħal minn utent tal-internet ma hijiex biżżejjed fiha nnifisha sabiex jitqies li Google għandha tagħrif u kontroll tad-data mdaħħla fis-sistema tagħha minn dawk li jirreklamaw u miżmuma fil-memorja tas-server tagħha.

235. Iktar reċenti, fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawżi YouTube u Cyando (91), l-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe enfasizza li algoritmu introdott sabiex jiżgura ċerti funzjonijiet ta’ pjattaforma ta’ video‑sharing, jiġifieri dawk ta’ tfittxija, ta’ indiċjar u ta’ rakkomandazzjoni tat-tfittxija, kien iwettaq ipproċessar sempliċement tekniku u awtomatiku ta’ informazzjoni maħżuna mill-operatur ta’ din il‑pjattaforma, b’tali mod li, huwa ma għandux kontroll tal-kontenut tal‑informazzjoni maħżuna, iżda tal-kundizzjonijiet tal-wiri tar-riżultati tat-tfittxija.

236. Barra minn hekk, fis-sentenza YouTube u Cyando (92), il-Qorti tal‑Ġustizzja stabbilixxiet, fir-rigward ta’ waħda mill-kundizzjonijiet li għalihom l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31 jissuġġetta l-eżenzjoni ta’ responsabbiltà ta’ intermedjarju li jipprovdi servizz, li l-fatt li l-operatur ta’ pjattaforma ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online jagħmel indiċjar awtomatiku tal-kontenut imtella’ fuq din il-pjattaforma, li l-imsemmija pjattaforma tinkludi funzjoni ta’ tfittxija u li hija tirrakkomanda videos skont il-profil jew il-preferenzi tal-utenti ma huwiex biżżejjed sabiex jitqies li din il-kundizzjoni ma hijiex issodisfatta. Kif osservajt fil‑konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Russmedia Digital u Inform Media Press (93), dan il-fatt lanqas ma jista’, a fortiori, jipprekludi lil tali operatur mill-possibbiltà tal-eżenzjoni ta’ responsabbiltà prevista f’din id‑dispożizzjoni. Fil-fatt, il-kwistjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet li għalihom l-Artikolu 14(1)(a) u (b) tad-Direttiva 2000/31 jissuġġetta l‑eżenzjoni ta’ responsabbiltà humiex issodisfatti tqum biss jekk il‑fornitur ikkonċernat jista’ jiġi kklassifikat bħala “fornitur ta’ servizzi ta’ hosting li għandu rwol newtrali” fir-rigward tal-informazzjoni li huwa jaħżen u jista’, a priori, jibbenefika minn din l-eżenzjoni.

237. Minn dan niddeduċi li l-fornitur ma għandux jitlef il‑klassifikazzjoni tiegħu ta’ fornitur ta’ servizzi ta’ hosting sempliċement għaliex juża algoritmu li jwettaq indiċjar awtomatizzat tal-kontenut ipprovdut mill-utenti u jirrakkomanda lil dawn tal-aħħar kontenut li jista’ jinteressahom, mingħajr madankollu ma jħassar jew jimblokka kontenut ieħor.

238. Madankollu, trattament algoritmiku tal-informazzjoni pprovduta mill-utenti jista’ ma jkunx jikkonsisti fil-ġestjoni u selezzjoni tal‑kontenut, iżda jkun jinvolvi l-ħolqien ta’ korp ġdid ta’ informazzjoni li fih l-informazzjoni pprovduta mill-utenti ma tibqax rikonoxxibbli. Dan huwa speċjalment il-każ meta s-servizz ikkonċernat huwa intiż sabiex jipprovdi, kif inhu f’dan il-każ, stampa kemm jista’ jkun fidila ta’ parti mir-realtà. F’każ bħal dan, l-operatur ta’ dan is-servizz jista’ jkollu rwol li jagħtih, għall-inqas bħala prinċipju, kontroll fuq l-informazzjoni pprovduta mill-utenti. Fil-fatt, jekk l-operatur jiddetermina, permezz tal‑programmazzjoni tal-algoritmu tiegħu, il-livell ta’ rilevanza ta’ kull informazzjoni pprovduta mill-utenti tiegħu skont kriterji li, fil-fehma tiegħu, jippermettu li tinħoloq rappreżentazzjoni fidila tal-kundizzjonijiet tat‑traffiku, ikun xieraq li jiġi kkunsidrat li qed jeżerċita dan il-kontroll. B’dan il-mod, l-operatur jiddetermina l-kwantità u l-“kwalità” tal‑informazzjoni meħtieġa sabiex tiġi kkonfermata jew mħassra informazzjoni mis-sistema. Barra minn hekk, dawn il-kriterji jistgħu ma jkunux jirrigwardaw biss is-sempliċi kwantità ta’ informazzjoni konverġenti jew diverġenti relatata ma’ avveniment tat-traffiku partikolari, iżda jkunu jirrigwardaw ukoll, fost l-oħrajn, l-evalwazzjoni tal-affidabbiltà ta’ utent u tal-informazzjoni li jipprovdi.

239. Konsegwentement, għalkemm l-algoritmu użat mill-operatur ta’ servizz elettroniku ta’ għajnuna għas-sewqan jew għan-navigazzjoni permezz ta’ ġeolokalizzazzjoni jiffoka fuq l-informazzjoni trażmessa minn kull wieħed mill-utenti tiegħu, il-programmazzjoni tiegħu tinsab taħt il-kontroll ta’ dan l-operatur u tippermettilu li jeżerċita kontroll fuq l-informazzjoni trażmessa jew maħżuna. Dan l-operatur, għalhekk, ma jistax jinvoka l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31.

240. Fid-dawl tal-konklużjoni tiegħi misluta mill-analiżi tal‑Artikolu 14 tad-Direttiva 2000/31 u tal-fatt li l-Artikolu 15 tagħha japplika biss għall-provvista tas-servizzi msemmija, b’mod partikolari, f’din l-ewwel dispożizzjoni, għandu jiġi kkunsidrat li din it-tieni dispożizzjoni ma hijiex rilevanti fil-qafas tal-eżami tal-konformità tal‑projbizzjoni ta’ xandir mill-ġdid inkwistjoni fid-dawl tal-imsemmija direttiva. Għal finijiet ta’ kompletezza, ser nipproċedi xorta waħda għall-eżami tat-tielet domanda, f’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx mal-analiżi tiegħi relatata mal-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva.

c)      Fuq l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2000/31

241. Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2000/31 jipprekludix li jiġi impost obbligu fuq l-operaturi ta’ servizz elettroniku ta’ assistenza għas-sewqan jew għan-navigazzjoni permezz ta’ ġeolokalizzazzjoni li ma jxandrux mill‑ġdid f’każijiet partikolari, fil-qafas ta’ dan is-servizz, ċerti kategoriji ta’ messaġġ jew ta’ indikazzjoni, mingħajr il-bżonn li l-operatur ikollu jsir konxju mill-kontenut tagħhom.

242. Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jiġi stabbilit jekk projbizzjoni ta’ xandir mill-ġdid trażmessa lil operatur timponix fuqu obbligi li huma limitati għal każ speċifiku. Fil-fatt, għalkemm l‑Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2000/31 jipprojbixxi lill-Istati Membri milli jimponi fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting obbligu ġenerali ta’ monitoraġġ tal-informazzjoni li jittrasmettu jew jaħżnu jew obbligu ġenerali biex ikun hemm tfittxija attiva ta’ fatti jew ċirkustanzi li jaqgħu taħt attività illegali, mill-premessa 47 ta’ din id-direttiva jirriżulta li tali projbizzjoni ma tirrigwardax l-obbligi ta’ monitoraġġ “f’każ speċifiku”.

243. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi li l‑miżuri li jikkonsistu f’li fornitur jiġi ordnat jimplimenta, bl-ispejjeż esklużivi tiegħu, sistemi ta’ filtrazzjoni li jinvolvu monitoraġġ ġenerali u permanenti sabiex jiġi evitat kull ksur futur ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali kienu inkompatibbli mal-Artikolu 15(1) tad‑Direttiva 2000/31 (94). Minn dan jirriżulta li obbligu ta’ monitoraġġ ta’ kull ksur futur ta’ kategorija speċifika ta’ drittijiet bl-ebda mod ma jillimita ruħu għal każ speċifiku, fis-sens mixtieq mil-leġiżlatur tal-Unjoni fil‑premessa 47 ta’ din id-direttiva.

244. Min-naħa l-oħra, kif osservajt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Glawischnig-Piesczek (95), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, fis-sentenza L’Oréal et (96), li fornitur ta’ servizzi ta’ hosting jista’ jiġi ordnat jieħu miżuri li jikkontribwixxu, b’mod partikolari, sabiex jiġi evitat ksur ġdid tal-istess natura mill-istess destinatarju. Minn dan niddeduċi li, sabiex ma jirriżultax fl-impożizzjoni ta’ obbligu ġenerali, obbligu ta’ monitoraġġ għandu jissodisfa rekwiżiti addizzjonali, jiġifieri għandu jirrigwarda ksur tal-istess natura min-naħa tal-istess destinatarju fir-rigward tal-istess drittijiet (97). Obbligu ta’ monitoraġġ relatat ma’ każ speċifiku għandu għalhekk ikun limitat, b’mod partikolari, fir-rigward tal-informazzjoni li operatur għandu jidentifika u sussegwentement ineħħi jew jagħmel l‑aċċess għaliha impossibbli.

245. Fl-istess linja ta’ raġunament, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza Glawischnig-Piesczek (98), li ordni maħruġa lil fornitur ta’ servizz tas‑soċjetà tal-informazzjoni sabiex ineħħi elementi speċifiċi tal-kontenut li huwa jaħżen bħala fornitur ta’ servizzi ta’ hosting, li fihom messaġġi identiċi jew simili għal dawk li qorti nazzjonali kienet iddikjarat bħala diffamatorji kontra utenta, tirrigwarda każ speċifiku. Il-Qorti tal‑Ġustizzja enfasizzat li din l-ordni ma kinitx tobbliga lill-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting jipproċedi għal evalwazzjoni awtonoma tal-kontenut maħżun  (99). Hija qieset li dan il-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting seta’ jillimita ruħu biss sabiex jivverifika, permezz ta’ tiftix awtomatizzat, jekk kontenut ikunx fih l-elementi speċifikati fl-ordni, mingħajr ma jkollu jevalwa huwa stess, jekk din il-kundizzjoni tkunx ġiet issodisfatta, jekk dan il-kontenut kienx diffamatorju.

246. Barra minn hekk, fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Mc Fadden (100), relatata ma’ fornitur ta’ aċċess għal netwerk ta’ komunikazzjoni fis-sens tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2000/31, jien irrilevajt, billi għamilt riferiment għax-xogħol preparatorju ta’ din id-direttiva, li sabiex obbligu jista’ jiġi kkunsidrat bħala applikabbli għal każ speċifiku, dan għandu b’mod partikolari jkun limitat ukoll fir-rigward tal-perijodu ta’ monitoraġġ. Ir-rekwiżit relatat mal-limitazzjoni ratione temporis ta’ obbligu ta’ monitoraġġ huwa ripetut f’diversi sentenzi (101) u jidher li l‑Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat din l-interpretazzjoni fis-sentenza tagħha YouTube u Cyando (102), billi indikat li l-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva jipprekludi li jiġi impost monitoraġġ ġenerali u permanenti fuq fornitur ta’ servizz ta’ hosting.

247. Nosserva li l-elementi kollha li jiddefinixxu l-limitazzjonijiet ta’ obbligu ta’ monitoraġġ huma interdipendenti. Sabiex tingħata risposta għad-domanda dwar jekk ordni tosservax il-projbizzjoni prevista fl‑Artikolu 15 tad-Direttiva 2000/31, dawn l-elementi għalhekk għandhom jiġu evalwati b’mod globali.

248. Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi stabbilit jekk, sabiex ikun konformi mal-projbizzjoni ta’ xandir mill-ġdid inkwistjoni, operatur għandux iwettaq monitoraġġ suffiċjentement iffukat, sal-punt li jkun limitat għal każ speċifiku.

249. F’dan ir-rigward, infakkar li, skont id-dritt Franċiż, deċiżjoni ta’ projbizzjoni għandha tingħata għal kull kontroll li l-awtorità kompetenti tixtieq tneħħi mis-servizzi elettroniċi ta’ servizz ta’ għajnuna għas-sewqan jew għan-navigazzjoni permezz ta’ ġeolokalizzazzjoni. Barra minn hekk, l-obbligu impost fuq operatur permezz ta’ projbizzjoni ta’ xandir mill-ġdid hija limitata ratione temporis. Fil-fatt, mill‑Artikolu L 130-11 tal-Kodiċi tat-Traffiku jirriżulta li l-perijodu massimu ta’ projbizzjoni huwa ddeterminat min-natura tal-kontroll tat‑traffiku inkwistjoni u f’kull każ ma jistax ikun ta’ iktar minn għaxar sigħat. B’mod parallel, skont din id-dispożizzjoni, iż-żona suġġetta għall‑projbizzjoni tvarja skont jekk hijiex agglomerazzjoni jew le, b’tali mod li l-obbligu impost fuq l-operatur huwa suġġett ukoll għal restrizzjoni ratione loci.

250. Għalhekk, sabiex ikun konformi ma’ projbizzjoni ta’ xandir mill‑ġdid, operatur huwa obbligat li ma jibgħatx l-informazzjoni li tikkonċerna kontroll tat-triq iddefinit b’mod ċar. Huwa ma għandux jagħmel evalwazzjoni awtonoma tal-informazzjoni kollha maħżuna iżda, sabiex jidentifika dik li tkun koperta minn din il-projbizzjoni, huwa għandu japplika l-kriterji speċifikati fid-deċiżjoni ta’ projbizzjoni, li jillimitaw ratione materiae, ratione temporis u ratione loci l-portata ta’ din il‑projbizzjoni.

251. Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li, suġġett għall‑verifika li l-qorti nazzjonali għandha, jekk ikun il-każ, twettaq, il‑projbizzjoni ta’ xandir mill-ġdid inkwistjoni ma tinvolvix obbligi li jmorru lil hinn minn dawk relatati ma’ każ speċifiku.

252. Din il-kunsiderazzjoni ma hijiex ikkontestata mid‑dikjarazzjonijiet ta’ Coyote System li, kuntrarjament għal dak li tindika dik il-qorti, projbizzjoni ta’ xandir mill-ġdid de facto ġġiegħel lill‑operaturi jsiru konxji mill-messaġġi mibgħuta mill-utenti, jiddeterminaw jekk il-kontenut tagħhom jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fil-paragrafu II tal-Artikolu L. 130-11 tal-Kodiċi tat‑Traffiku (103), u jagħżlu minn fosthom dawk li jistgħu jixxandru mill‑ġdid lill-kumplament tal-komunità.

253. Fil-fatt, din il-kumpannija tikkontesta l-evalwazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju mingħajr madankollu ma tispjega għaliex ma jistax isir filtraġġ b’mod awtomatiku u mingħajr ma l-operatur janalizza minn qabel il‑kontenut tal-messaġġi, bħas-soluzzjoni msemmija fis-sentenza Glawischnig-Piesczek (104). Min-naħa l-oħra, kif irrilevajt (105), l‑Artikolu 15 tad-Direttiva 2000/31 ma jipprekludix kull obbligu ta’ tkixxif jew ta’ filtraġġ. Min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni tipprojbixxi kull forma ta’ monitoraġġ iġġeneralizzat, mingħajr preġudizzju għal obbligu f’dan il-qasam li jikkonċerna każ speċifiku.

254. Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi kollha, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2000/31 ma jipprekludix li jiġi impost fuq l-operaturi ta’ servizz elettroniku ta’ assistenza għas-sewqan jew għan-navigazzjoni permezz ta’ ġeolokalizzazzjoni l-obbligu li ma jxandrux mill-ġdid, fil-qafas ta’ dan is-servizz, ċerti kategoriji ta’ messaġġi jew ta’ indikazzjonijiet sakemm, sabiex jidentifikaw il-messaġġi u l-indikazzjonijiet koperti minn din il-projbizzjoni, dawn l-operaturi ma jkollhomx għalfejn iwettqu evalwazzjoni awtonoma tal-informazzjoni kollha maħżuna, iżda jkollhom, min-naħa l-oħra, japplikaw il-kriterji speċifikati fid-deċiżjoni ta’ projbizzjoni, li jillimitaw ratione materiae, ratione temporis u ratione loci l-portata tal-imsemmija projbizzjoni.

255. Mingħajr preġudizzju għar-rimarki addizzjonali preċedenti, relatati mal-interpretazzjoni tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2000/31, jiena nżomm il-pożizzjoni li ressaqt fil-punt 240 ta’ dawn il-konklużjonijiet li tgħid li din id-dispożizzjoni ma hijiex rilevanti fil-qafas tal-eżami tal-konformità tal-projbizzjoni ta’ xandir mill-ġdid inkwistjoni fid-dawl tal-imsemmija direttiva.

VI.    Konklużjoni

256. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi lill‑Qorti tal-Ġustizzja tagħti r-risposti segwenti għad-domandi preliminari magħmula mill-Conseil d’État [il-Kunsill tal-Istat]:

fil-Kawża C‑188/24:

1)      il-qasam ikkoordinat, kif iddefinit fl-Artikolu 2(h) tad‑Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern, jinkludi l-obbligu impost fuq l-edituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni online li jimplimentaw arranġamenti tekniċi maħsuba sabiex jipprevjenu l-possibbiltà li minuri jkollhom aċċess għal kontenut pornografiku, minkejja l-fatt li dan l-obbligu ma jirrigwarda l-ebda wieħed mill-oqsma rregolati mid‑dispożizzjonijiet ta’ armonizzazzjoni tal-Kapitoli II u III ta’ din id-direttiva;

2)      l-obbligu li jiġu implimentati arranġamenti tekniċi maħsuba sabiex jipprevjenu l-possibbiltà li minuri jkollhom aċċess għal kontenut pornografiku ma għandux ikun eskluż mill-qasam ikkoordinat, fis-sens tal-Artikolu 2(h) tal-imsemmija direttiva, sempliċement għaliex dan l-obbligu huwa korollarju tad‑dispożizzjonijiet ġenerali u astratti tad-dritt kriminali li jiddeskrivu ċertu aġir bħala li jikkostitwixxi reat kriminali suġġett għal azzjoni legali u li japplikaw mingħajr distinzjoni għal kull persuna fiżika u ġuridika;

3)      il-fatt li l-adozzjoni ta’ miżuri individwali li jikkonċernaw servizz partikolari ma tkunx ta’ natura li tiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali protetti kemm mill-Artikoli 1 u 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u kif ukoll mill‑Artikolu 8 tal‑Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali ma jippermettix li jkun hemm deroga mill-mekkaniżmu stabbilit fl-Artikolu 3 tal-istess direttiva sabiex jiġi impost obbligu li jirriżulta minn dispożizzjonijiet ġenerali u astratti fuq kategorija ta’ fornituri ta’ servizz;

fil-Kawża C‑190/24:

1)      il-qasam ikkoordinat, kif iddefinit fl-Artikolu 2(h) tad‑Direttiva 2000/31, jinkludi projbizzjoni imposta fuq l-operaturi ta’ servizz elettroniku ta’ assistenza għas-sewqan jew għan-navigazzjoni permezz ta’ ġeolokalizzazzjoni milli jxandru mill-ġdid, permezz ta’ dan is‑servizz, kwalunkwe messaġġ jew kwalunkwe indikazzjoni mibgħuta mill-utenti u li jistgħu jippermettu lill-utenti l-oħra jevitaw ċerti kontrolli fit-toroq, minkejja l-fatt li din il-projbizzjoni ma tirrigwarda l-ebda wieħed mill‑oqsma rregolati mid‑dispożizzjonijiet ta’ armonizzazzjoni tal‑Kapitoli II u III ta’ din id-direttiva;

2)      L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/31 ma jipprekludix projbizzjoni ta’ xandir mill-ġdid ta’ messaġġi u ta’ indikazzjonijiet maħruġa mill‑utenti ta’ servizz ta’ għajnuna għas-sewqan jew għan‑navigazzjoni permezz ta’ ġeolokalizzazzjoni li Stat Membru ta’ destinazzjoni ta’ dawn is-servizzi għandu l-intenzjoni li jimponi wkoll fuq l‑operaturi ta’ dawn is-servizzi stabbiliti fl-Istati Membri l-oħra, sakemm din il-projbizzjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl‑Artikolu 3(4) jew, jekk ikun il-każ, fl-Artikolu 3(5) tal-istess direttiva.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25 p. 399).


3      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Ottubru 1995 dwar il‑protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il‑moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355).


4      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Diċembru 1997 dwar l‑ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-ħajja privata fis-settur tat‑telekomunikazzjonijiet (ĠU 1997, L 24, p. 1).


5      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑10 ta’ Marzu 2010 dwar il‑koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva) (ĠU 2010, L 95, p. 1, u rettifika fil-ĠU 2010, L 263, p. 15), kif emendata bid-Direttiva (UE) 2018/1808 tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill tal‑14 ta’ Novembru 2018 (ĠU 2018, L 303, p. 69).


6      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar il‑ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l‑pedopornografija, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/68/ĠAI (ĠU 2011, L 335, p. 1, rettifika fil-ĠU 2012, L 18, p. 7).


7      JORF Nru 0187 tal‑31 ta’ Lulju 2020.


8      Il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni huwa riprodott biss parzjalment fit-talba għal deċiżjoni preliminari.


9      JORF Nru 0235 tat‑8 ta’ Ottubru 2021.


10      JORF nru 0093 tal‑20 ta’ April 2021.


11      Din l-informazzjoni hija misluta mill-konklużjonijiet tar-Relatur Pubbliku tal‑Kunsill tal-Istat fil-kawżi prinċipali, li huma disponibbli fis-sit ta’ dik il-qorti: https://www.conseil-etat.fr/fr/arianeweb/CRP/conclusion/2024-03-06/453763?download_pdf.


12      Mill-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni jirriżulta li dik il-qorti ssospendiet il-proċeduri tagħha biex tistenna l-eżitu tal-proċedura quddiem il-qorti tar-rinviju.


13      Iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”).


14      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑3 ta’ Diċembru 2020, Star Taxi App (C‑62/19, EU:C:2020:980, punt 72), u tas‑27 ta’ April 2023, Viagogo (C‑70/22, EU:C:2023:350, punti 25 sa 28).


15      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Novembru 2023, Google Ireland et (C‑376/22, iktar ’il quddiem is-“sentenza Google Ireland et” EU:C:2023:835, punt 42), u tat‑30 ta’ Mejju 2024, Airbnb Ireland u Amazon Services Europe (C‑662/22 u C‑667/22, EU:C:2024:432, punt 55).


16      Ara l-punti 29 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.


17      Is-setgħa ta’ awtorità kompetenti li toħroġ tali intimazzjoni kienet prevista bl‑Artikolu 23 tal-Liġi tat‑30 ta’ Lulju 2020. Għandi nosserva li dan l-artikolu ġie ssostitwit fl‑2024 mill-Artikoli 10-1 u 10-2 ġodda tal-loi n° 2004-575 du 21 juin 2004 pour la confiance dans l'économie numérique [il-Liġi Nru 2004-575 tal‑21 ta’ Ġunju 2004 dwar il-fiduċja fl-ekonomija diġitali] (JORF nru 0143 tat‑22 ta’ Ġunju 2004) u li din l-aħħar dispożizzjoni tipprevedi issa l-implimentazzjoni ta’ proċeduri eċċezzjonali previsti fl-Artikolu 3(4)(a) u (b), jew fl-Artikolu 3(5) tad‑Direttiva 2000/31.


18      B’hekk, id-domandi preliminari ma jirrigwardawx miżuri individwali li ġew adottati abbażi ta’ dispożizzjonijiet ġenerali u astratti u li jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 3(4) u (5) tad-Direttiva 2000/31, iżda jirrigwardaw dawn id‑dispożizzjonijiet ġenerali u astratti stess, li huma applikati bħala tali għall-fornituri tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni.


19      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni sostniet, waqt is-seduta, li l-konformità tal‑Artikolu 22 tal-Liġi tat‑30 ta’ Lulju 2020 mad-Direttiva 2000/31 ma hijiex ikkontestata fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, minbarra d-digriet tas‑7 ta’ Ottubru 2021, huwa biss l-Artikolu 23 ta’ din il-Liġi li huwa eżaminat mill‑qorti tar-rinviju mill-perspettiva tal-konformità tiegħu mad-dritt tal-Unjoni. Din ir-rimarka tista’ tissuġġerixxi li l-analiżi tal-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tkun ikkonċentrata fuq obbligu li jkun korollarju tad-dispożizzjonijiet ġenerali u astratti fid-dritt kriminali, iżda fuq il-intimazzjoni li l-awtorità kompetenti tista’ timponi fuq editur ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni online. Madankollu, jirriżulta, b’mod partikolari mit-tielet domanda f’din il-kawża, li huwa dan l-obbligu li huwa msemmi mill-qorti tar-rinviju.


20      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2011, eDate Advertising et (C‑509/09 u C‑161/10, EU:C:2011:685, punt 57).


21      Ara l-punt 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


22      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Google Ireland et (punt 42), u s-sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2024, Airbnb Ireland u Amazon Services Europe (C‑662/22 u C‑667/22, EU:C:2024:432, punt 55).


23      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Google Ireland et (punti 43 u 44), u s-sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2024, Airbnb Ireland u Amazon Services Europe (C‑662/22 u C‑667/22, EU:C:2024:432, punti 56 u 57).


24      Ara l-premessa 22 tad-Direttiva 2000/31: “[...] sabiex tkun iggarantita effettivament il-libertà li jkunu provduti servizzi u ċ-ċertezza legali għall-fornituri u għal dawk li jirċievu s-servizzi.”


25      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2011, eDate Advertising et (C‑509/09 u C‑161/10, EU:C:2011:685, punt 57). Ara, ukoll, Crabit, E., “La directive sur le commerce électronique: le projet “Méditerranée”, Revue du droit de l’Union européenne, 2000, nru 4, p. 767.


26      L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2000/31 jistipula li “[m]inbarra l-ħtiġijiet l-oħra stabbiliti b’liġi tal-Komunità, Stati Membri li jippermettu komunikazzjoni kummerċjali mhix mitluba bil-posta elettronika għandhom jassiguraw li komunikazzjoni kummerċjali bħal din minn dak li jipprovdi s-servizz li jkun stabbilit fit-territorju tagħhom għandha tkun identifikabbli b’mod ċar u mingħajr ambigwità bħala tali malli din tkun twasslet għand dak li jirċeviha.”


27      Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Airbnb Ireland (C‑390/18, EU:C:2019:1112, punt 82), tal‑1 ta’ Ottubru 2020, A (Reklamar u bejgħ ta’ prodotti mediċinali online) (C‑649/18, EU:C:2020:764, punti 87 u 88), u tat‑30 ta’ Mejju 2024, Airbnb Ireland u Amazon Services Europe (C‑662/22 u C‑667/22, EU:C:2024:432, punt 64).


28      Ara s-sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2024, Airbnb Ireland u Amazon Services Europe (C‑662/22 u C‑667/22, EU:C:2024:432, punt 62). Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawżi Airbnb Ireland et (C‑662/22 sa C‑667/22, EU:C:2024:18, punti 155 u 158).


29      Il-premessa 21 tad-Direttiva 2000/31 tistipula li “[l]-iskop ta’ qasam ikkordinat huwa mingħajr preġudizzju għal armonizzazzjoni futura fil-Komunità li tirrigwarda servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni u għal leġislazzjoni futura adottata f’livell nazzjonali bi qbil mal-liġi tal-Komunità; il-qasam kordinat ikopri biss ħtiġijiet li jirrigwardjaw attivitajiet online bħal ma hija informazzjoni minn, reklamar online, xiri online, kuntratti online u ma tikkonċernax il-ħtiġijiet legali ta’ Stati Membri li jirrigwardaw oġġetti bħal ma huma normi ta’ sigurtà, obbligu ta’ tikkettjar, jew responsabbilità għal oġġetti, jew il-ħtiġijiet ta’ Stati Membri li jirrigwardaw il‑kunsinna jew it-trasport ta’ oġġetti, inkluża d-distribuzzjoni ta’ prodotti mediċi; il‑qasam kordinat ma jkoprix l-eżerċitar ta’ drittijiet ta’ irkupru minn awtoritajiet pubbliċi li jikkonċerna ċerti oġġetti bħal ma huma xogħolijiet ta’ l-arti”.


30      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2020, A (Reklamar u bejgħ ta’ prodotti mediċinali online) (C‑649/18, EU:C:2020:764, punt 86).


31      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2020, A (Reklamar u bejgħ ta’ prodotti mediċinali online) (C‑649/18, EU:C:2020:764, punt 87).


32      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2020, A (Reklamar u bejgħ ta’ prodotti mediċinali online) (C‑649/18, EU:C:2020:764, punt 88).


33      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Airbnb Ireland (C‑390/18, EU:C:2019:1112, punt 87).


34      Ċertament jista’ jiġi argumentat, teoretikament, li l-portata tal-qasam ikkoordinat hija iktar wiesgħa mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/31, kif limitat mill‑Artikolu 1(5) tagħha. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet tali interpretazzjoni fis-sentenza tat‑2 ta’ Diċembru 2010, Ker-Optika (C‑108/09, EU:C:2010:725, punti 27 u 28) u impliċitament skartata wkoll fis-sentenza tagħha tas‑27 ta’ April 2022, Airbnb Ireland (C‑674/20, EU:C:2022:303, punti 35 u 49). Fil‑fatt, minkejja li l-imsemmija direttiva ma hijiex applikabbli għal qasam, il‑mekkaniżmu stabbilit fl-Artikolu 3 tagħha ma għandux jaffettwa l-applikabbiltà tar-regoli li jaqgħu f’dan il-qasam fis-sitwazzjonijiet transkonfinali.


35      Ara l-punt 70 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


36      Ara l-punt 62 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


37      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2024, LEA (C‑10/22, EU:C:2024:254, punt 67).


38      Sentenza tas‑27 ta’ April 2022, Airbnb Ireland (C‑674/20, EU:C:2022:303, punt 27).


39      Ara s-sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2024, Airbnb Ireland u Amazon Services Europe (C‑662/22 u C‑667/22, EU:C:2024:432, punt 46).


40      Ara l-punt 55 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


41      Ara s-sentenza tal‑10 ta’ Frar 2009, L-Irlanda vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑301/06, EU:C:2009:68, punt 63).


42      Ara s-sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 2019, Ir-Repubblika Ċeka vs Il-Parlament u Il‑Kunsill (C‑482/17, EU:C:2019:1035, punt 36).


43      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU 2006, L 376, p. 36).


44      Il-Gvern Franċiż jislet dan l-argument mill-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 2006/123, li jipprevedi dan li ġej: “Din id-Direttiva ma taffettwax ir-regoli tal-liġi kriminali ta’ l‑Istati Membri. Madankollu, l-Istati Membri ma jistgħux jirrestrinġu l-libertà fil‑provvista ta’ servizzi billi japplikaw dispożizzjonijiet tal-liġi kriminali li jirregolaw jew jaffettwaw speċifikament l-aċċess għal jew l-eżerċizzju ta’ attività ta’ servizz b’elużjoni tar-regoli stabbiliti f’din id-Direttiva”.


45      Ara l-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 2006/123.


46      Ara l-premessa 12 tad-Direttiva 2006/123.


47      Ara l-premessa 8 tad-Direttiva 2000/31 u l-premessa 12 tad-Direttiva 2006/123, li tiċċara li din “ma tarmonizzax jew tippreġudika l-liġi kriminali. Madankollu, l‑Istati Membri ma għandhomx ikunu jistgħu jirrestrinġu l-libertà ta’ forniment ta’ servizzi billi japplikaw dispożizzjonijiet tal-liġi kriminali li jaffettwaw speċifikament l-aċċess għal jew l-eżerċizzju ta’ attività ta’ servizz b’eluzjoni tar-regoli stabbiliti f’din id-Direttiva”.


48      Ara l-punt 30 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


49      Ara l-punt 112 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


50      Ara s-sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2024, Airbnb Ireland u Amazon Services Europe (C‑662/22 u C‑667/22, EU:C:2024:432, punt 71).


51      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ April 2024 li jistabbilixxi qafas komuni għas-servizzi tal-media fis-suq intern u li jemenda d‑Direttiva 2010/13/UE (l-Att Ewropew dwar il-Libertà tal-Media) (ĠU L 2024/1083).


52      Mill-Artikolu 29 tar-Regolament 2024/108 jirriżulta li l-Artikolu 15 huwa applikabbli b’effett mit‑8 ta’ Mejju 2025.


53      Ara l-punt 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


54      Ara s-sentenza Google Ireland et (punt 43), u s-sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2024, Airbnb Ireland u Amazon Services Europe (C‑662/22 u C‑667/22, EU:C:2024:432, punt 56).


55      Il-premessa 22 tad-Direttiva 2000/31 tistipula li “[s]ervizzi minn soċjetà ta’ l‑informazzjoni għandhom ikunu taħt superviżjoni fis-sorsi ta’ l-attività, sabiex tkun assigurata l-protezzjoni effettiva ta’ għanijiet ta’ interess pubbliku [...] mhux biss għal ċittadini ta[l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu fornitur huwa stabbilit], imma għaċ-ċittadini ta[l-Unjoni] kollha”. Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi Airbnb Ireland et (C‑662/22 sa C‑667/22, EU:C:2024:18, punt 147).


56      Ara l-punti 122 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


57      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru (C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punti 80 sa 83 u 88).


58      Ara l-punt 64 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


59      Ara l-punt 13 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


60      Punt 60.


61      Fid-dawl tal-konklużjonijiet li ppreżenta fil-kawżi prinċipali, din tidher ukoll li hija l-pożizzjoni tar-Relatur Ġenerali tal-Kunsill tal-Istat, li jgħid li “[i]l-Kawża [C‑190/24] tirrigwarda rekwiżiti relatati mal-eżerċizzju tal-attività tagħhom minn fornituri li jaqgħu taħt kategorija ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni. Ir-regoli inkwistjoni huma ġenerali u astratti, u ma jirrigwardawx ‘servizz partikolari’”.


62      Ara l-punt 30 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


63      Ara l-punt 111 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


64      Ara l-punt 69 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


65      Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Google Ireland et (C‑376/22, EU:C:2023:467, punti 47 u 50), li fihom semmejt il-possibbiltà li tiġi adottata interpretazzjoni f’dan is-sens. Fil-fatt, l-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2000/31 bl-ebda mod ma jirriżerva din il-ġurisdizzjoni.


66      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il‑ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1).


67      Sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019 (C‑18/18, EU:C:2019:821).


68      Għandu nispjega li l-konklużjonijiet li jistgħu jiġu misluta minn din is-sentenza jistgħu ma jkunux determinanti. Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju fil-kawża li wasslet għal dik is-sentenza ma kinitx talbet l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3 tad‑Direttiva 2000/31. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja rriformulat id‑domandi preliminari u eżaminat din id-direttiva fil-kompletezza tagħha. Barra minn dan, il-Qorti tal-Ġustizzja setgħet tqis jew li ma kellhiex tinterpreta dik id-dispożizzjoni, jew li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 3(4) tal-imsemmija direttiva kienu ssodisfatti.


69      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑19 ta’ Ottubru 2022 dwar Suq Uniku għas-Servizzi Diġitali u li jemenda d-Direttiva 2000/31/KE (l-Att dwar is‑Servizzi Diġitali) (ĠU 2022, L 277, p. 1).


70      Il-premessa 38 tar-Regolament 2022/2065 tistipula li “[l]-ordnijiet għall-azzjoni kontra l-kontenut illegali u biex tiġi pprovduta l-informazzjoni huma soġġetti għar‑regoli li jissalvagwardjaw il-kompetenza tal-Istat Membru fejn ikun stabbilit il‑fornitur tas-servizz indirizzat u r-regoli li jistabbilixxu derogi possibbli minn dik il-kompetenza f’ċerti każijiet, stabbiliti fl-Artikolu 3 tad-[Direttiva 2000/31], biss jekk jiġu ssodisfati l-kondizzjoni ta’ dak l-Artikolu. Peress li l-ordnijiet inkwistjoni huma relatati ma’ elementi speċifiċi tal-kontenut u tal-informazzjoni illegali, rispettivament, meta dawn ikunu indirizzati lill-fornituri tas-servizzi intermedjarji stabbiliti fi Stat Membru ieħor, fil-prinċipju, dawn ma jirrestrinġux il-libertà ta’ dawk il-fornituri fil-forniment tas-servizzi tagħhom bejn il-fruntieri. Għalhekk, ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 3 ta’ [din id-direttiva] ma japplikawx fir-rigward ta’ dawk l‑ordnijiet”.


71      Ara, f’dan is-sens, fil-kuntest tar-relazzjoni bejn l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/31 u r-Regolament 2022/2065, Husovec, M., Principles of the Digital Services Act, Cambridge University Press, 2017, p. 153, u Wilman, F., f’Wilman, F., Kaleda, S.L., Loewenthal, P.J., The EU Digital Services Act. A Commentary, Oxford University Press, Oxford 2024, p. 56.


72      Ara l-punt 180 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


73      F’dan ir-rigward, il-Gvern Franċiż jidher jissuġġerixxi, fl-osservazzjonijiet bil‑miktub tiegħu, li l-informazzjoni relatata ma’ kontroll fit-triq partikolari tiġi “iddikjarata illegali” qabel ma tinħareġ l-ordni biex ma tiġix imxandra mill-ġdid. Madankollu, il-qari tal-Artikoli L. 130-11 u R. 130-11 tal-Kodiċi tat-Traffiku jindika li awtorità amministrattiva tista’ tipprojbixxi x-xandir mill-ġdid ta’ informazzjoni relatata ma’ dak il-kontroll fit-triq, u li l-illegalità tal-att ta’ xandir mill-ġdid ma tinħoloqx qabel il-mument tan-notifika tal-ordni lill-operatur ikkonċernat. Fi kwlaunkwe każ, din il-problema taqa’ taħt l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali u l‑kompetenza esklużiva tal-qorti tar-rinviju.


74      Punt 60.


75      Issa, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-projbizzjoni ta’ xandir mill-ġdid inkwistjoni tipproduċi effetti fir-rigward tal-operaturi li lilhom tkun ġiet ikkomunikata u, min‑naħa l-oħra, li t-talba għal deċiżjoni preliminari ma tindikax kif tiġi stabbilita l‑lista tal-operaturi li lilhom tiġi kkomunikata projbizzjoni.


76      Punt 49.


77      Punt 35.


78      Ara l-punt 165 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


79      Ara l-punt 186 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


80      Ara l-punt 194 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


81      Ara s-sentenzi tas‑16 ta’ Frar 2012, SABAM (C‑360/10, EU:C:2012:85, punt 27), u tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Glawischnig-Piesczek (C‑18/18, EU:C:2019:821, punt 22).


82      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Ġunju 2021, YouTube u Cyando (C‑682/18 u C‑683/18, EU:C:2021:503, punt 104), u tas‑26 ta’ April 2022, Il-Polonja vs Il‑Parlament u Il-Kunsill (C‑401/19, EU:C:2022:297, punt 28).


83      Sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2010, Google France u Google (C‑236/08 sa C‑238/08, EU:C:2010:159, punt 111).


84      Meta biddel din id-definizzjoni li ma hijiex adattata għall-isfidi ta’ llum, il-leġiżlatur tal-Unjoni ddistingwa, fi ħdan din il-kategorija wiesgħa ta’ servizzi ta’ hosting, is‑sotto-kategorija magħmula mis-servizzi pprovduti mill-pjattaformi online li jikkonsistu mhux biss fiż-żamma ta’ informazzjoni pprovduta mill-utenti, iżda wkoll fit-tixrid tagħha lill-pubbliku. Skont ir-Regolament 2022/2065, il-fornituri ta’ dawn il-pjattaformi huma suġġetti, għall-inqas bħala prinċipju, għal obbligi supplimentari speċifiċi. Ara wkoll il-premessa 13 ta’ dan ir-regolament.


85      F’dan ir-rigward, ma jistax jiġi eskluż li komponent ta’ dan is-servizz, li jikkonsisti fit-trażmissjoni ta’ messaġġi bejn l-utenti, jista’ jikkostitwixxi servizz ta’ hosting. Madankollu, il-kwistjoni dwar din il-funzjoni ta’ komunikazzjoni ma tqajmitx f’dan il-każ.


86      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2010, Google France u Google (C‑236/08 sa C‑238/08, EU:C:2010:159, punt 112).


87      Ara s-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2011, (C‑324/09, EU:C:2011:474, punti 115 u 116).


88      Ara l-punt 223 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


89      C‑236/08 sa C‑238/08, EU:C:2009:569, punt 144.


90      Sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2010 (C‑236/08 sa C‑238/08, EU:C:2010:159, punti 114 u 117).


91      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe fil-Kawżi magħquda YouTube u Cyando (C‑682/18 u C‑683/18, EU:C:2020:586, punti 160 u 162).


92      Ara s-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021 (C‑682/18 u C‑683/18, EU:C:2021:503, punt 114).


93      C‑492/23, EU:C:2025:68, punt 53.


94      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, YouTube u Cyando (C‑682/18 u C‑683/18, EU:C:2021:503, punt 135 u l-ġurisprudenza ċċitata).


95      C‑18/18, EU:C:2019:458, punt 42.


96      Sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2011 (C‑324/09, EU:C:2011:474, punt 144).


97      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Glawischnig-Piesczek (C‑18/18, EU:C:2019:458, punt 45).


98      Sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019 (C‑18/18, EU:C:2019:821).


99      Ara s-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Glawischnig-Piesczek (C‑18/18, EU:C:2019:821, punti 45, 46 u 53).


100      C‑484/14, EU:C:2016:170, punt 132.


101      Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Glawischnig-Piesczek (C‑18/18, EU:C:2019:458, punt 49).


102      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, YouTube u Cyando (C‑682/18 u C‑683/18, EU:C:2021:503, punt 135).


103      Skont il-paragrafu II tal-Artikolu L. 130-11, “[i]l-projbizzjoni msemmija fil‑paragrafu I ta’ dan l-artikolu ma tapplikax għall-avvenimenti jew ċirkustanzi previsti fl-Artikolu 3 tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 886/2013 tal‑15 ta’ Mejju 2013, li jissupplimenta d-Direttiva 2010/40/UE tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tad-dejta u l-proċeduri għall-forniment, fejn possibbli, ta’ informazzjoni minima universali dwar it-traffiku stradali marbuta mas-sikurezza b’xejn lill-utenti [ĠU 2013, L 247, p. 6]”. Din id‑dispożizzjoni tinkludi lista ta’ tnax-il kundizzjoni meteoroloġika jew tat-triq (bħal annimal, persuna, ostaklu jew fdal fuq it-triq) li jistgħu jaffettwaw is-sigurtà fit-toroq bħala tali.


104      Sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Glawischnig-Piesczek (C‑18/18, EU:C:2019:821, punt 46).


105      Ara l-punt 245 ta’ dawn il-konklużjonijiet.