20.3.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 84/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/419

tat-30 ta’ Jannar 2020

li jidderoga mir-Regolament Delegat (UE) 2016/1149 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li jirrigwarda l-programmi ta’ appoġġ nazzjonali fis-settur tal-inbid

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-punti (b) u (h) tal-Artikolu 53 tiegħu,

Billi:

(1)

Fit-2 ta’ Ottubru 2019, l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) ħarġet id-deċiżjoni ta’ arbitraġġ fil-Komunitajiet Ewropej u f’Ċerti Stati Membri – Miżuri li Jaffettwaw il-Kummerċ f’Inġenji Ċivili Kbar (Measures Affecting Trade in Large Civil Aircraft), WT/DS316/ARB. Id-deċiżjoni tal-arbitraġġ intitolat lill-Istati Uniti tal-Amerka (USA) jitolbu awtorizzazzjoni biex jimponu kontromiżuri f’livell li ma jaqbiżx USD 7,5 biljun fis-sena b’reazzjoni għas-sussidji tal-Unjoni lil Airbus. Fit-18 ta’ Ottubru 2019, l-Istati Uniti tal-Amerka imponew dazju tal-importazzjoni ad valorem ta’ 25 % fuq, fost l-oħrajn, l-inbejjed bla gass esportati lejn l-Istati Uniti tal-Amerika mill-Ġermanja, minn Spanja, minn Franza u mir-Renju Unit. Din is-sitwazzjoni eċċezzjonali, inġusta u imprevedibbli qed ikollha impatt serju u detrimentali fuq il-kummerċ globali tal-inbejjed kollha tal-Unjoni. L-Istati Uniti tal-Amerka heddew ukoll li japplikaw dazji tal-importazzjoni ad valorem ta’ 100 % fuq l-inbejjed frizzanti Franċiżi b’reazzjoni għat-Taxxa fuq is-Servizzi Diġitali Franċiża (it-taxxa GAFA).

(2)

Id-dazji tal-importazzjoni imposti mill-Istati Uniti tal-Amerka qed ikollhom impatt dirett u serju fuq il-kummerċ tal-inbid tal-Unjoni fis-suq tal-Istati Uniti tal-Amerka, li huwa l-akbar suq ta’ esportazzjoni tal-Unjoni għall-prodotti agrikoli, u b’mod partikolari għall-inbid, kemm f’termini ta’ valur kif ukoll ta’ volum ta’ esportazzjonijiet. Fl-2018, l-esportazzjonijiet tal-inbid tal-Unjoni lejn l-Istati Uniti tal-Amerka ammontaw għal 6,5 miljun ettolitru, li jammontaw għal EUR 4 biljun. L-esportazzjonijiet tal-inbid tal-Unjoni lejn l-Istati Uniti tal-Amerka tipikament jirrappreżentaw bejn 30 % u 40 % tal-valur globali tal-esportazzjoni tal-inbid tal-Unjoni.

(3)

Iż-żieda tad-dazji tal-importazzjoni imposti mill-Istati Uniti tal-Amerka qed ikollha effett ta’ ħsara fuq l-inbid kollu tal-Unjoni, mhux biss fuq l-inbejjed bla gass li joriġinaw mill-erba’ Stati Membri li huma soġġetti għaż-żieda tad-dazji tal-importazzjoni. B’riżultat ta’ dan, ir-reputazzjoni u l-kummerċ tal-inbid kollu tal-Unjoni preżenti fis-suq tal-Istati Uniti tal-Amerka qed jiġu affettwati b’mod negattiv. Ir-reputazzjoni ta’ nbid ma tiġix iddeterminata biss mill-kwalità tiegħu, iżda anke mill-prezz tiegħu u mill-proporzjon perċeput ta’ bejn il-prezz u l-kwalità. Dan japplika b’mod partikolari għall-inbejjed bi prezz baxx sa medju, li, f’termini assoluti, huma aktar affettwati minn dazju tal-importazzjoni ta’ 25 % minn inbejjed aktar għaljin li jinxtraw minn esperti fil-prodott li għalihom iż-żieda fil-prezz mhijiex ta’ deterrent. L-inbejjed tal-Unjoni jikkompetu fis-suq tal-Istati Uniti tal-Amerka ma’ nbejjed minn oriġini oħra, bħall-Amerika t’Isfel, l-Awstralja jew l-Afrika t’Isfel. Fid-dawl ta’ tali kompetizzjoni ħarxa u intensiva, il-perċezzjoni tal-livelli ġenerali tal-prezzijiet taqdi rwol sinifikanti. Jekk il-konsumatur ikun konxju li l-prezz tal-inbid minn ċerti oriġini fl-Unjoni huwa soġġett għal żieda tad-dazju tal-importazzjoni, dan se jkollu impatt negattiv fuq il-perċezzjoni globali tal-livell tal-prezzijiet tal-inbejjed tal-Unjoni u b’hekk jidderieġi d-domanda tal-konsumaturi għal prodotti ta’ oriġini oħra. Fid-dawl tal-kundizzjonijiet tas-suq li jirriżultaw u li ġew identifikati u tat-tnaqqis fir-redditi ġenerali għall-produtturi, huma meħtieġa miżuri immedjati biex jiġu indirizzati l-effetti tad-dazji tal-importazzjoni li jkopru l-inbejjed kollha li joriġinaw fl-Istati Membri kollha u mhux biss f’dawk li huma direttament fil-mira tad-dazji tal-importazzjoni.

(4)

Minn perspettiva ta’ stabbiltà tas-suq, ir-reġim tad-dazju tal-importazzjoni impost mill-Istati Uniti tal-Amerka ma jirrappreżentax miżura nazzjonali iżolata b’effetti limitati għall-kummerċ mal-Istati Uniti tal-Amerka. Is-suq dinji tal-inbid huwa suq globali li fih miżuri uniċi li jittieħdu minn atturi ekonomiċi importanti bħall-Istati Uniti tal-Amerka għandhom riperkussjonijiet estensivi li jaffettwaw il-kummerċ internazzjonali tal-inbid b’mod ġenerali. Kwalunkwe bidla negattiva fil-kundizzjonijiet f’suq ewlieni ta’ destinazzjoni għall-inbejjed tal-Unjoni, bħall-Istati Uniti tal-Amerka, inevitabbilment taffettwa swieq oħra peress li l-prodotti li ma jistgħux jinbiegħu fl-Istati Uniti tal-Amerka, minħabba li jkunu saru għaljin wisq, jeħtieġ li jiġu ddevjati xi mkien ieħor. Konsegwentement, il-konsumaturi f’dawk is-swieq l-oħra, filwaqt li jkunu konxji sew tal-kundizzjonijiet tas-suq, se jeżerċitaw pressjoni addizzjonali fuq il-prezzijiet u l-kompetizzjoni se tkun ħafna aktar ħarxa mis-soltu. Għalhekk, id-dazji tal-importazzjoni attwali imposti mill-Istati Uniti tal-Amerka mistennija li jikkawżaw staġnar fl-esportazzjonijiet tal-inbid tal-Unjoni madwar id-dinja. Rapporti mis-settur tal-inbid urew li diġà ġew ikkanċellati ordnijiet sinifikanti ta’ nbejjed Franċiżi fis-suq tal-Istati Uniti tal-Amerka.

(5)

Is-suq tal-inbid tal-Unjoni kien soġġett għal kundizzjonijiet aggravanti matul l-2019 u l-ħażniet tal-inbid jinsabu fl-ogħla livell tagħhom mill-2009. Dan l-iżvilupp huwa primarjament dovut għal taħlita ta’ ħsad rekord fl-2018 u għat-tnaqqis fil-konsum tal-inbid fl-Unjoni. Jekk l-inbejjed affettwati mid-dazji tal-importazzjoni imposti mill-Istati Uniti tal-Amerka ma jinbigħux fis-swieq tal-esportazzjoni barra mill-Unjoni, dan se jwassal biss biex jiġu amplifikati l-urġenza u s-serjetà tas-sitwazzjoni fis-suq tal-Unjoni. Barra minn hekk, l-urġenza tas-sitwazzjoni hija aggravata miż-żmien tal-applikazzjoni tad-dazji tal-importazzjoni. Dawn huma applikabbli mit-18 ta’ Ottubru 2019, li taħbat eżattament f’nofs il-kampanja tal-ħsad u tal-produzzjoni tal-2019 u eżattament qabel it-tmiem tal-istaġun tal-festi; tnejn mill-aktar perjodi importanti ta’ bejgħ tas-sena għas-settur tal-inbid tal-Unjoni. F’dan l-isfond, huwa għalhekk meħtieġ li jittieħdu miżuri immedjati biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni.

(6)

Fost il-miżuri ta’ appoġġ fis-settur tal-inbid stabbiliti fl-Artikolu 43 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, il-miżura ta’ promozzjoni biss skont l-Artikolu 45(1)(b) ta’ dak ir-Regolament hija mmirata direttament lejn il-promozzjoni tal-inbejjed tal-Unjoni f’pajjiżi terzi sabiex tittejjeb il-kompetittività tagħhom. Matul is-snin, il-miżura ta’ promozzjoni wriet li hija effettiva ħafna biex jintrebħu u jiġu kkonsolidati s-swieq f’pajjiżi terzi. Din uriet li kienet l-aktar għodda effettiva biex jiġu appoġġati l-inbejjed tal-Unjoni fis-swieq ta’ pajjiżi terzi billi saħħet ir-reputazzjoni tagħhom u qajmet kuxjenza dwar il-kwalità tagħhom. Is-suq internazzjonali tal-inbid huwa suq globali u kwalunkwe operazzjoni ta’ promozzjoni tal-inbid tal-Unjoni fi swieq ta’ pajjiżi terzi hija ta’ benefiċċju għall-inbejjed kollha tal-Unjoni. Dan jagħti opportunitajiet lil dawk li sussegwentement se jidħlu fis-suq inkwistjoni ma’ nbejjed oħra tal-Unjoni. Il-promozzjonijiet individwali għandhom effett “multiplikatur” fuq il-bejgħ peress li jkopru firxiet sħaħ ta’ nbejjed jew reġjuni sħaħ tal-produzzjoni tal-inbid u mhux biss marka individwali waħda jew tip ta’ nbid wieħed. Għalhekk huwa essenzjali li jitkomplew, jitnedew u jiġu intensifikati l-attivitajiet ta’ promozzjoni fis-swieq kollha sabiex jinstabu postijiet għall-inbejjed li mhux se jinbiegħu fis-suq tal-Istati Uniti tal-Amerka u li tiġi ppreservata r-reputazzjoni tal-inbejjed tal-Unjoni f’dawk is-swieq l-oħra kif ukoll li tiġi miġġielda l-pressjoni fuq il-prezzijiet.

(7)

Għalhekk, biex l-operaturi jiġu megħjuna jwieġbu għaċ-ċirkostanzi eċċezzjonali attwali fis-swieq tal-esportazzjoni madwar id-dinja kollha skont ir-reġim tad-dazju tal-importazzjoni impost mill-Istati Uniti tal-Amerka u biex jindirizzaw din is-sitwazzjoni imprevedibbli u prekarja, jixraq li titħalla aktar flessibbiltà fl-implimentazzjoni tal-miżura ta’ promozzjoni skont l-Artikolu 45(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 billi tingħata deroga minn ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1149 (2).

(8)

Sabiex il-benefiċjarji jkunu jistgħu jsaħħu l-azzjonijiet ta’ promozzjoni tagħhom u jikkonsolidaw il-preżenza tagħhom fis-swieq fil-mira, jenħtieġ li jkun possibbli li l-Istati Membri jestendu d-durata tal-appoġġ għal operazzjonijiet diġà magħżula skont il-miżura ta’ promozzjoni msemmija fl-Artikolu 45(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 lil hinn mit-tul massimu ta’ ħames snin stabbilit fl-Artikolu 4 tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1149. Tali miżura se tipprovdi aktar stabbiltà u kontinwità tal-operazzjonijiet ta’ promozzjoni għall-operaturi li diġà jinsabu fis-suq tal-Istati Uniti tal-Amerka u li jiġu affettwati direttament mid-dazji tal-importazzjoni. Barra minn hekk, se tkun ta’ benefiċċju wkoll għal dawk l-operaturi li jippromwovu l-inbid fi swieq ta’ pajjiżi terzi oħra li mhumiex soġġetti direttament għar-reġim tad-dazju tal-importazzjoni impost mill-Istati Uniti tal-Amerka iżda li qegħdin ibatu biex iżommu l-pożizzjoni tagħhom fis-sitwazzjoni l-ġdida ta’ instabbiltà tas-suq dinji tal-inbid u ta’ kompetizzjoni ħarxa.

(9)

Madankollu, l-estensjoni individwali mogħtija lill-proġetti jenħtieġ li ma testendix lil hinn mill-perjodu ta’ programmazzjoni attwali li jibda mill-2019 sal-2023 u għalhekk jenħtieġ li tintemm fil-15 ta’ Ottubru 2023.

(10)

Jenħtieġ li tkun permessa aktar flessibbiltà fir-rigward tal-bidliet possibbli fl-operazzjonijiet skont il-miżura ta’ promozzjoni msemmija fl-Artikolu 45(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 kif stabbilit fl-Artikolu 53(1) tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1149. Sabiex il-benefiċjarji jkunu jistgħu jirreaġixxu b’mod adegwat u effiċjenti għal ċirkostanzi eċċezzjonali u jadattaw is-swieq fil-mira tagħhom kif meħtieġ, jixraq li l-Istati Membri jiġu awtorizzati biex jidderogaw minn dawk ir-regoli billi jippermettu bidliet fis-suq tad-destinazzjoni anke jekk il-bidla ma tkunx konformi mal-objettiv inizjali tal-operazzjoni. Tali deroga se tgħin lill-benefiċjarji li bħalissa qed iwettqu operazzjonijiet ta’ promozzjoni fl-Istati Uniti tal-Amerka biex jimmiraw lejn swieq oħra u jipprevjenu aktar telf ekonomiku. Din se tipprovdi wkoll għajnuna lil dawk il-benefiċjarji li jwettqu operazzjonijiet f’pajjiżi terzi oħra affettwati mir-riperkussjonijiet tar-reġim tad-dazju tal-importazzjoni impost mill-Istati Uniti tal-Amerka fuq dak is-suq partikolari u li jixtiequ jidderieġu mill-ġdid l-isforzi tagħhom xi imkien ieħor.

(11)

Sabiex jiġi evitat xenarju li permezz tiegħu, il-benefiċjarji li jużaw il-flessibbiltà u li jiddeċiedu li jibdlu s-suq fil-mira jiġu ppenalizzati talli ma jkunux implimentaw l-operazzjoni ġenerali tagħhom kif approvata inizjalment mill-awtorità kompetenti, jeħtieġ ukoll li jkun hemm deroga mill-Artikolu 54(1) tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1149. Dan se jiżgura li jingħata appoġġ lill-azzjonijiet individwali, kif emendat b’dan ir-Regolament, sakemm dawk l-azzjonijiet jiġu implimentati bis-sħiħ u jkunu soġġetti għall-kontrolli applikabbli stabbiliti fit-Taqsima 1 tal-Kapitolu IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1150 (3).

(12)

Iż-żewġ miżuri introdotti minn dan ir-Regolament jenħtieġ li jkunu applikabbli għall-operaturi kollha diġà preżenti f’suq ta’ pajjiż terz partikolari biex jiġi żgurat li dawn jiġu appoġġati bl-istess mod bħal dawk ġodda f’dak is-suq li se jkunu intitolati li jibbenefikaw minn rata ta’ kontribuzzjoni ogħla tal-Unjoni sa 60 % tan-nefqa eliġibbli skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/132 (4). Dawn il-miżuri jenħtieġ li japplikaw ukoll għall-operazzjonijiet kollha li jippromwovu l-inbid skont l-Artikolu 45(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 bi ksur tal-kategorija speċifika tal-inbid li hija promossa minħabba l-fatt li r-reġim tad-dazju tal-importazzjoni impost mill-Istati Uniti tal-Amerka jaffettwa r-reputazzjoni tal-inbejjed kollha tal-Unjoni b’mod ġenerali. Barra minn hekk, se jkun diffiċli ħafna li f’operazzjoni ta’ promozzjoni waħda jiġu separati l-azzjonijiet li jikkonċernaw inbejjed bla gass mill-azzjonijiet li jikkonċernaw inbejjed oħra peress li l-operazzjonijiet ta’ promozzjoni huma tipikament imfassla biex jippromwovu firxa sħiħa ta’ prodotti u mhux biss kategorija speċifika. Bosta kampanji ta’ promozzjoni jikkonċernaw l-inbejjed kollha ta’ reġjun jew varjetà wiesgħa ta’ nbejjed mibjugħa minn operatur partikolari. Is-separazzjoni tal-azzjonijiet li jikkonċernaw inbejjed oħra mill-azzjonijiet li jikkonċernaw inbejjed bla gass f’kampanja ta’ promozzjoni tirrappreżenta piż amministrattiv kbir u se ddgħajjef l-effetti pożittivi tal-operazzjoni ta’ promozzjoni.

(13)

Għalhekk, huwa meħtieġ li jkun hemm deroga mill-Artikolu 4, mill-Artikolu 53(1) u mill-Artikolu 54(1) tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1149,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Kategoriji ta’ prodotti koperti

Dan ir-Regolament għandu japplika għall-promozzjoni tal-inbid skont it-tifsira tal-punti (1) sa (9) u (15) sa (16) tal-Parti II tal-Anness VII tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

Artikolu 2

Tul ta’ żmien tal-appoġġ

B’deroga mill-Artikolu 4 tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1149 u jekk iġġustifikat fid-dawl tal-effetti tal-operazzjoni, it-tul ta’ żmien tal-appoġġ għal benefiċjarju partikolari f’pajjiż terz jew suq ta’ pajjiż terz partikolari għall-miżura ta’ promozzjoni msemmija fl-Artikolu 45(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jista’ jiġi estiż lil hinn mill-perjodu ta’ ħames snin stabbilit fl-Artikolu 4 tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1149, iżda mhux aktar tard mill-15 ta’ Ottubru 2023.

Artikolu 3

Bidliet fl-operazzjonijiet approvati

B’deroga mill-Artikolu 53(1) tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1149, l-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-benefiċjarji ta’ operazzjoni kontinwa taħt il-miżura ta’ promozzjoni msemmija fl-Artikolu 45(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 biex jippreżentaw, permezz ta’ notifika lill-awtorità kompetenti, bidliet fis-suq tad-destinazzjoni ta’ dik l-operazzjoni, anke jekk din il-bidla timmodifika l-objettiv inizjali tal-operazzjoni. Tali bidliet ma għandhomx jirrikjedu l-approvazzjoni minn qabel tal-awtorità kompetenti. In-notifika għandha tiġi ppreżentata mill-benefiċjarji fi żmien l-iskadenzi stabbiliti mill-Istati Membri.

Artikolu 4

Appoġġ għall-azzjonijiet individwali implimentati

B’deroga mill-Artikolu 54(1) tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1149, meta bidla fis-suq tad-destinazzjoni ta’ operazzjoni diġà approvata tkun ġiet notifikata lill-awtorità kompetenti skont l-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament, għandu jingħata appoġġ għall-azzjonijiet individwali diġà implimentati taħt din l-operazzjoni jekk dawn l-azzjonijiet ikunu ġew implimentati bis-sħiħ u jkunu ġew soġġetti għal verifiki amministrattivi u, fejn applikabbli, fuq il-post, skont it-Taqsima 1 tal-Kapitolu IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1150.

Artikolu 5

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Jannar 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1149 tal-15 ta’ April 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li jirrigwarda l-programmi ta’ appoġġ nazzjonali fis-settur tal-inbid u li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 555/2008 (ĠU L 190, 15.7.2016, p. 1).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1150 tal-15 ta’ April 2016 li jistabbilixxi r-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fil-każ ta’ programmi nazzjonali ta’ appoġġ fis-settur tal-inbid (ĠU L 190, 15.7.2016, p. 23).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/132 tat-30 ta’ Jannar 2020 li jistabbilixxi miżura ta’ emerġenza fil-forma ta’ deroga mill-Artikolu 45(3) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-miżura ta’ promozzjoni fis-settur tal-inbid (ĠU L 27, 31.1.2020, p. 20).