European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/5794

31.10.2025

Avviż ta’ reklutaġġ PE/340/2025/S

Direttur

(grupp ta’ funzjonijiet AD, grad 14)

Direttorat Ġenerali għas-Servizzi ta’ Riċerka Parlamentari, Direttorat għar-Relazzjonijiet mad-Dinja Akkademika, ir-Riċerka u l-Prospettiva

(C/2025/5794)

 

1.   Pożizzjoni vakanti

Il-President tal-Parlament Ewropew iddeċidiet li tniedi proċedura għall-pożizzjoni ta’ direttur (AD, grad 14) fi ħdan id-Direttorat Ġenerali għas-Servizzi ta’ Riċerka Parlamentari, id-Direttorat għar-Relazzjonijiet mad-Dinja Akkademika, ir-Riċerka u l-Prospettiva, skont l-Artikolu 29(2) tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (1) (minn hawn ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”).

Din il-proċedura ta’ selezzjoni, li għandha l-iskop li tagħti lill-Awtorità tal-Ħatra għażla akbar ta’ kandidati, se tiżvolġi b’mod parallel mal-proċedura interna u dik interistituzzjonali ta’ reklutaġġ.

Ir-remunerazzjoni u l-kondizzjonijiet tal-impjieg huma previsti mir-Regolamenti tal-Persunal. Ir-reklutaġġ se jsir fil-grad AD 14 (2). Mas-salarju bażiku, li huwa soġġett għat-taxxa għall-benefiċċju tal-Unjoni u eżenti mit-taxxa nazzjonali, jistgħu jiżdiedu ċerti allowances skont il-kondizzjonijiet previsti mir-Regolamenti tal-Persunal.

Il-kandidati għandhom jieħdu nota li, b’obbligu impost mir-Regolamenti tal-Persunal, il-membri l-ġodda kollha tal-persunal jeħtiġilhom itemmu b’suċċess perjodu ta’ prova ta’ disa’ xhur u li dan l-impjieg huwa soġġett għar-regoli dwar il-politika tal-mobbiltà li ġew adottati mill-Bureau tal-Parlament Ewropew fil-15 ta’ Jannar 2018.

Dan l-impjieg jirrikjedi disponibbiltà kif ukoll kuntatt frekwenti ma’ nies fil-Parlament u barra minnu, b’mod partikolari mal-Membri tal-Parlament Ewropew. Il-persuna reklutata bħala direttur se tkun mitluba twettaq missjonijiet frekwenti fil-postijiet tax-xogħol differenti tal-Parlament Ewropew.

2.   Post tax-xogħol

Strażburgu. Dan l-impjieg jaf jiġi trasferit lejn wieħed mill-postijiet tax-xogħol l-oħra tal-Parlament Ewropew.

3.   Opportunitajiet indaqs

Il-Parlament Ewropew japplika politika ta’ opportunitajiet indaqs u jagħti l-akbar attenzjoni lill-applikazzjonijiet kollha mingħajr ebda diskriminazzjoni, kemm jekk tkun ibbażata fuq il-ġeneru, l-etniċità, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjonijiet politiċi jew oħrajn, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabbiltà, l-età, l-orjentament sesswali, l-istat ċivili jew is-sitwazzjoni tal-familja.

4.   Deskrizzjoni tal-funzjonijiet

Bħala uffiċjal ta’ livell għoli, il-persuna reklutata bħala direttur, fid-dawl tal-linji gwida u d-deċiżjonijiet stabbiliti mill-awtorità parlamentari u mid-Direttur Ġenerali, tkun inkarigata minn dawn il-kompiti (3):

—

tiżgura l-funzjonament tajjeb ta’ dipartiment kbir tas-Segretarjat Ġenerali li jinkludi diversi unitajiet li jkopru l-oqsma ta’ attività tad-direttorat, f’konformità mal-politiki tal-istituzzjoni,

—

tmexxi, tistimula, timmotiva u tikkoordina timijiet ta’ aġenti; taħdem biex isir l-aħjar użu mir-riżorsi tad-direttorat filwaqt li tiżgura servizz ta’ kwalità għolja (organizzazzjoni, ġestjoni tar-riżorsi umani u baġitarji, innovazzjoni, eċċ.) fl-oqsma ta’ attività tiegħu,

—

tippjana l-attivitajiet tad-direttorat (tfassil tal-objettivi u l-istrateġiji); tieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti; tivvaluta s-servizzi pprovduti bl-iskop li tiggarantixxi l-kwalità tagħhom,

—

tagħti pariri lid-Direttur Ġenerali, lis-Segretarju Ġenerali u lill-Membri tal-Parlament Ewropew fl-oqsma ta’ attività tad-direttorat,

—

tikkoopera mad-direttorati differenti tas-Segretarjat Ġenerali, tirrappreżenta lill-istituzzjoni u tinnegozja kuntratti jew ftehimiet fl-oqsma ta’ attività tad-direttorat,

—

tmexxi u twassal fi tmiemhom proġetti speċifiċi li jistgħu jinvolvu responsabbiltajiet finanzjarji,

—

twettaq il-funzjoni ta’ uffiċjal awtorizzanti b’sottodelega.

5.   Rekwiżiti ta’ eleġibbiltà

Din il-proċedura ta’ selezzjoni hija miftuħa għall-kandidati kollha li, sad-data meta jagħlqu l-applikazzjonijiet, ikunu ssodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

(a)   Rekwiżiti ġenerali

Skont l-Artikolu 28 tar-Regolamenti tal-Persunal, jeħtieġ b’mod partikolari li l-kandidati:

—

ikunu ċittadini ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (4),

—

igawdu mid-drittijiet ċivili tagħhom,

—

ikunu ssodisfaw kull obbligu impost fuqhom mil-liġijiet dwar is-servizz militari,

—

joffru l-garanziji ta’ moralità mitluba għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet previsti.

(b)   Rekwiżiti speċifiċi

(i)   Kwalifiki u diplomi meħtieġa

—

Livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal ċiklu sħiħ ta’ studji universitarji ċċertifikati b’diploma rikonoxxuta uffiċjalment f’wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni, meta l-perjodu normali ta’ dawn l-istudji universitarji jkun ta’ erba’ snin jew aktar,

jew

—

livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal ċiklu sħiħ ta’ studji universitarji ċċertifikati b’diploma rikonoxxuta uffiċjalment f’wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni flimkien ma’ esperjenza professjonali xierqa ta’ mill-anqas sena (5) meta l-perjodu normali ta’ dawn l-istudji universitarji jkun ta’ tliet snin jew aktar.

Id-diplomi, kemm jekk maħruġa fi Stat Membru tal-Unjoni jew f’pajjiż ieħor, iridu jiġu rikonoxxuti minn korp uffiċjali ta’ Stat Membru tal-Unjoni, bħall-ministeru għall-edukazzjoni ta’ Stat Membru.

Il-kandidati li jkollhom diplomi maħruġa f’pajjiż mhux tal-UE (6) jeħtiġilhom jehmżu mal-applikazzjoni tagħhom ekwivalenza tal-UE għad-diplomi tagħhom. Għal aktar informazzjoni dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki miksuba f’pajjiż mhux tal-UE fin-networks ENIC-NARIC, ara: https://www.enic-naric.net/.

(ii)   Esperjenza professjonali meħtieġa

Esperjenza professjonali miksuba wara li jkunu nkisbu l-kwalifiki msemmija hawn fuq:

—

tnax-il sena, eżerċitati mill-anqas parzjalment fl-oqsma ta’ attività tad-direttorat u li jinkludu:

—

minimu ta’ sitt snin f’ambjent Ewropew u/jew internazzjonali, u

—

minimu ta’ sitt snin f’funzjonijiet maniġerjali f’dipartiment kbir.

(iii)   Għarfien lingwistiku

Il-pożizzjoni teżiġi għarfien komplut (livell minimu C1) ta’ waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (7), kif ukoll għarfien sodisfaċenti (livell minimu B2) ta’ mill-anqas lingwa waħda oħra minnhom.

Dan l-għarfien huwa definit fil-Qafas Komuni Ewropew ta’ Referenza għal-Lingwi. Tista’ tikkonsultah fuq dan is-sit:

https://europa.eu/europass/common-european-framework-reference-language-skills.

Il-Kumitat Konsultattiv għall-Ħatra ta’ Uffiċjali Għolja jqis ukoll l-għarfien ta’ lingwi uffiċjali oħrajn tal-Unjoni Ewropea.

6.   Testijiet

Sabiex jgħin lill-Awtorità tal-Ħatra fl-għażla tagħha, il-Kumitat Konsultattiv għall-Ħatra ta’ Uffiċjali Għolja jistabbilixxi l-lista tal-kandidati u jirrakkomanda lill-Bureau tal-Parlament Ewropew il-persuni li għandhom jiġu mistiedna għal intervista. Il-Bureau jiffinalizza l-lista ta’ dawn il-persuni, filwaqt li l-kumitat jagħmel l-intervisti u jippreżenta r-rapport finali tiegħu lill-Bureau għad-deċiżjoni. F’dan il-qafas, il-Bureau jkun jista’ jipproċedi għas-smigħ tal-kandidati.

L-intervisti jkunu bbażati fuq id-deskrizzjoni tal-funzjonijiet, kif imsemmija fil-punt 4 ta’ dan l-avviż, kif ukoll fuq il-kapaċitajiet li ġejjin:

—

sens ta’ strateġija,

—

kapaċità maniġerjali,

—

kapaċità ta’ ppjanar bil-quddiem,

—

kapaċità ta’ reazzjoni għall-avvenimenti,

—

approċċ metikoluż,

—

kapaċità ta’ komunikazzjoni.

7.   Tressiq tal-applikazzjonijiet

Id-data li fiha jagħlqu l-applikazzjonijiet hija:

L-Erbgħa, 12 ta’ Novembru 2025, f’12.00 (nofsinhar), ħin ta’ Brussell.

Il-kandidati huma mitluba jibagħtu, permezz ta’ email biss, f’format pdf u b’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (8), ittra ta’ motivazzjoni (Għall-attenzjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew, Avviż ta’ reklutaġġ numru PE/340/2025/S) u curriculum vitae fil-format tal-Europass (9), b’indikazzjoni tar-referenza tal-avviż (PE/340/2025/S) fis-suġġett tal-messaġġ, fl-indirizz li ġej:

PERS-EPSeniorManagement@ep.europa.eu

u jitqiesu bħala prova d-data u l-ħin tat-trażmissjoni tal-email.

Il-kandidati jeħtiġilhom jiżguraw li d-dokumenti skennjati jkunu jistgħu jinqraw.

Il-kandidati li jissejħu għal intervista għandhom jieħdu nota li jeħtiġilhom jipprovdu, sad-data tal-intervista, kopji jew fotokopji tad-dokumenti li jikkonfermaw l-istudji tagħhom, kif ukoll l-esperjenza professjonali tagħhom u l-attività li jeżerċitaw fil-preżent  (10) . L-ebda wieħed minn dawn id-dokumenti ma jingħata lura lill-kandidati.

Id-data ta’ natura personali li l-kandidati jibagħtu fil-qafas ta’ din il-proċedura ta’ selezzjoni se tkun ipproċessata skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11), speċjalment f’dak li jirrigwarda l-kunfidenzjalità u s-sigurtà ta’ tali data.


(1)  Ara r-Regolament (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 tal-Kunsill (ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1) emendat mir-Regolament (KE, Euratom) Nru 723/2004 (ĠU L 124, 27.4.2004, p. 1) u l-aktar reċentement mir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1023/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 15).

(2)  Bħala uffiċjal, il-persuna reklutata tingħata grad skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 32 tar-Regolamenti tal-Persunal.

(3)  Għad-dmirijiet prinċipali, ara l-Anness.

(4)  L-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea huma: il-Belġju, il-Bulgarija, iċ-Ċekja, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Estonja, l-Irlanda, il-Greċja, Spanja, Franza, il-Kroazja, l-Italja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, l-Ungerija, Malta, in-Netherlands, l-Awstrija, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja, is-Slovakkja, il-Finlandja u l-Iżvezja.

(5)  Din is-sena ta’ esperjenza ma titqiesx għall-evalwazzjoni tal-esperjenza professjonali li jirreferi għaliha l-punt li jmiss.

(6)  Il-kwalifiki/diplomi Brittaniċi miksuba sal-31 ta’ Diċembru 2020 jiġu aċċettati mingħajr rikonoxximent ieħor. Għad-diplomi miksuba wara din id-data, huwa meħtieġ rikonoxximent NARIC. Fil-prattika, dan ifisser li d-diplomi Brittaniċi maħruġa mill-1 ta’ Jannar 2021 iridu jkunu akkumpanjati minn ekwivalenza maħruġa minn awtorità kompetenti ta’ pajjiż li jkun Stat Membru tal-UE.

(7)  Il-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea huma: il-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ingliż, l-Irlandiż, l-Ispanjol, l-Iżvediż, il-Kroat, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, it-Taljan u l-Ungeriż.

(8)  Il-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea huma: il-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ingliż, l-Irlandiż, l-Ispanjol, l-Iżvediż, il-Kroat, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, it-Taljan u l-Ungeriż.

(9)   https://europa.eu/europass/.

(10)  Dan ma japplikax għall-kandidati li jkunu fis-servizz tal-Parlament Ewropew fid-data meta jagħlqu l-applikazzjonijiet. Hija r-responsabbiltà tal-kandidati li jiżguraw li s-servizzi tal-Parlament ikollhom il-fajl komplut li jikkorrispondi għall-applikazzjoni tagħhom (fil-każ li xi dokumenti rilevanti jkunu neqsin fil-portal HRM (Streamline)).

(11)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).


ANNESS

DIRETTORAT ĠENERALI GĦAS-SERVIZZI TA’ RIĊERKA PARLAMENTARI

DIRETTORAT GĦAR-RELAZZJONIJIET MAD-DINJA AKKADEMIKA, IR-RIĊERKA U L-PROSPETTIVA

DMIRIJIET PRINĊIPALI

—

Jiżgura d-direzzjoni, il-koordinament u t-tmexxija tad-direttorat kif ukoll tal-unitajiet u tas-servizzi tiegħu;

—

Isaħħaħ il-kapaċità tal-Parlament Ewropew li joqgħod fuq l-għarfien xjentifiku ta’ kwalità għolja u fuq approċċ b’viżjoni li tħares lejn il-futur;

—

Irawwen kooperazzjoni strutturata mal-komunità akkademika, billi jistabbilixxi sħubijiet sostenibbli mal-universitajiet u mal-istituti ta’ riċerka fl-Ewropa kollha;

—

Jikkontribwixxi għall-kapaċità tal-Parlament Ewropew li jantiċipa t-tendenzi emerġenti u l-isfidi futuri; jappoġġja l-ippjanar strateġiku u r-reżiljenza fit-tul;

—

Jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ kontenut relatat ma’ dawn l-oqsma biex jiġi ppubblikat fuq id-diversi siti esterni u interni tal-Parlament Ewropew;

—

Jappoġġja lill-unitajiet fl-iżvilupp u fiż-żamma tal-kuntatti mas-servizzi rilevanti tal-Parlament Ewropew u ta’ istituzzjonijiet oħra;

—

Iwettaq il-funzjonijiet ta’ uffiċjal awtorizzanti b’sottodelega.

UNITÀ TAN-NETWORK AKKADEMIKU

—

Tiffaċilita l-aċċess tal-Parlament Ewropew għal network mifrux ta’ esperti, billi tiżgura kontributi xjentifiċi ta’ kwalità għolja u fornuti fi żmien utli f’kull fażi tal-proċess leġiżlattiv;

—

Issaħħaħ is-sħubijiet mal-komunità akkademika billi trawwem kooperazzjoni aktar stretta mal-universitajiet u mal-istituti ta’ riċerka, inklużi dawk diġà appoġġjati mill-baġit tal-Unjoni Ewropea;

—

Tfittex li toħloq kuntest dinamiku li jippermetti lill-Parlament Ewropew jaċċedi malajr u b’mod effikaċi għar-riċerki u għad-data adattati għall-bżonnijiet leġiżlattivi tiegħu.

UNITÀ TAL-PROSPETTIVA TAL-POLITIKI

—

Tappoġġja lill-Parlament Ewropew fil-promozzjoni ta’ kultura ta’ governanza antiċipatorja u fl-iżvilupp tar-riflessjoni u tal-fehim tat-tendenzi, tal-isfidi u tal-għażliet fit-terminu medju u twil;

—

Tiżgura li l-Parlament Ewropew ikun infurmat u ppreparat sewwa għall-isfidi tad-deċennji li ġejjin, billi tipproduċi u tikkoordina analiżijiet dwar ir-riskji, il-vulnerabbiltajiet, il-kapaċitajiet, l-opportunitajiet u l-lakuni tal-Unjoni Ewropea, bil-għan li ssaħħaħ ir-reżiljenza tagħha u l-awtonomija strateġika tagħha;

—

Tinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni attiva fis-Sistema Ewropea ta’ Analiżi tal-Istrateġiji u l-Politiki (ESPAS) – il-qafas ta’ kooperazzjoni interistituzzjonali tal-Unjoni Ewropea ddedikat għall-prospettiva strateġika u għall-istudji tat-tendenzi fit-terminu twil – u tiżviluppa sħubijiet mal-gruppi ta’ riflessjoni, mal-istituti akkademiċi u ma’ atturi esterni oħra f’dawn l-oqsma.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/5794/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)