Trattat li jistabbilixxi l-Komunita' Ewropea (Verżjoni konsolidata) - It-Tielet parti - Politika tal-Komunita' - TITOLU VII - Politika Ekonomika u Monetarja - Kapitolu 4 - Disposizzjonijiet Transitorji . - Artikolu 117
Official Journal C 321 E , 29/12/2006 P. 0094 - 0096
Official Journal C 325 , 24/12/2002 P. 0082 - Consolidated version
Official Journal C 340 , 10/11/1997 P. 0227 - Consolidated version
Official Journal C 224 , 31/08/1992 P. 0040 - Consolidated version
Artikolu 117 1. Fil-bidu tat-tieni stadju, għandu jiġi stabbilit u jibda jopera Istitut Monetarju Ewropew (hawn iżjed 'il quddiem imsejjaħ l-"IME"); dan għandu jkollu personalità ġuridika u għandu jiġi dirett u mmexxi minn Kunsill, li jkun jikkonsisti fi President u l-Gvernaturi tal-banek ċentrali nazzjonali, u li wieħed minnhom ikun Viċi-President. Il-President għandu jiġi magħżul bi ftehim komuni bejn il-Gvernijiet ta' l-Istati Membri fil-livell ta’ Kap ta’ Stat jew ta’ Gvern, fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill ta’ l-IME, u wara li jkun ġie kkonsultat il-Parlament Ewropew u l-Kunsill. Il-President għandu jiġi magħżul minn fost persuni ta’ statura rikonoxxuta u ta' esperjenza professjonali fi kwistjonijiet monetarji jew bankarji. Huma biss persuni ta' ċittadinanza ta' l-Istati Membri li jistgħu jkunu President ta’ l-IME. Il-Viċi President għandu jiġi maħtur mill-Kunsill ta’ l-IME. L-istatut ta’ L-IME jinsab stipulat fi Protokoll anness ma' dan it-Trattat. 2. L-IME għandu: - jsaħħaħ l-kooperazzjoni bejn il-banek ċentrali nazzjonali; - jsaħħaħ l-koordinazzjoni tal-politika monetarja ta' l-Istati Membri, bl-iskop li jiżgura stabbiltà fil-prezzijiet. - jissorvelja l-funzjonament tas-Sistema Monetarja Ewropea; - jagħmel konsultazzjonijiet dwar dawk l-affarjiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-banek ċentrali nazzjonali u li jolqtu l-istabbiltà ta' istituzzjonijiet finanzjarji u tas-swieq; - jassumi l-kompiti tal-Fond ta' Kooperazzjoni Monetarja Ewropea, li għandu jiġi xolt; il-modalitajiet kif isir dan ix-xoljiment jinsabu stipulati fl-Istatut ta’ l-IME; - jiffaċilita l-użu ta’ l-ECU u jissorvelja l-iżvilupp relattiv, inkluż il-funzjonament faċli tas-sistema ta' likwidazzjoni ta’ kontijiet ta’ L-ECU. 3. Għall-preparazzjoni tat-tielet stadju, l-IME għandu: - jipprepara l-istrumenti u l-proċeduri neċessarji għat-twettiq ta’ politika monetarja unika fit-tielet stadju; - jippromwovi l-armoniżżazzjoni, fejn ikun meħtieġ tar-regoli u l-użanzi li jirregolaw il-ġbir, il-kumpilazzjoni u d-distribuzzjoni ta’ kull statistika fl-oqsma li jaqgħu fil-kamp ta' kompetenza tiegħu; - jipprepara r-regoli għall-kompiti li għandhom isiru mill-banek ċentrali nazzjonali fl-qafas tas-SEBĊ; - jippromwovi l-effiċjenza ta’ ħlasijiet trans-konfini; - jissorvelja l-preparazzjoni teknika ta' karti tal-flus ta’ l-ECU. Mhux aktar tard mill- 31 ta’ Diċembru 1996, l-IME għandu jispeċifika l-istruttura regolatorja, organizzattiva, u loġistika meħtieġa għas-SEBĊ sabiex din tkun tista’ taqdi dmirijietha fit-tielet stadju. Din l-istruttura għandha tiġi ppreżentata għad-deċiżjoni tas-SEBĊ fid-data ta' l-istabbiliment tagħha. 4. l-IME, li jaġixxi b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri tiegħu, jista’: - jifformola opinjonijiet jew rakkomandazzjonijiet fuq l-orjentament ġenerali tal-politika monetarja u tal-politika tar-rata tal-kambju kif ukoll dwar miżuri relatati introdotti f’kull Stat Membru; - jissottometti opinjonijiet jew rakkomandazzjonijiet lill-Gvernijiet u lill-Kunsill dwar kull politika li tista' teffettwa s-sitwazzjoni monetarja interna jew esterna fil-Komunità u, b’mod partikolari, il-funzjonament tas-Sistema Monetarja Ewropea; - jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-awtoritajiet monetarji ta' l-Istati Membri dwar il-kondotta tal-politika monetarja tagħhom. 5. L-IME, li jaġixxi b’ mod unanimu, jista’ jiddeċiedi li jippubblika l-opinjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu. 6. L-IME għandu jiġi kkonsultat mill-Kunsill dwar kull att propost mill-Komunità fil-kamp tal-kompetenza tiegħu. L-IME għandu jiġi kkonsultat mill-awtoritajiet ta' l-Istati Membri fuq kull abbozz ta' leġislazzjoni fil-kamp tal-kompetenza tagħha, fil-limiti u taħt il-kundizzjonijiet stipulati mill-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni u wara li jikkonsulta mal-Parlament Ewropew u l-IME. 7. Il-Kunsill jista’, filwaqt li jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta mill-Kummissjoni u wara li jiġi kkonsultat il-Parlament Ewropew u l-IME, jassenja lill-IME ħidmiet oħra għat-tħejjija tat-tielet stadju. 8. Fejn dan it-Trattat jipprovdi għal rwol konsultattiv għall-BĊE, referenzi għall-BĊE għandhom jinqraw bħala li jirreferu għall-IME qabel ma jkun ġie stabbilit il-BĊE. 9. Matul it-tieni stadju it-terminu BĊE użat fl-Artikoli 230, 232, 233, 234, 237 u 288 għandu jinqara u jinftiehem bħala l-IME. --------------------------------------------------