KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
RANTOS
ippreżentati fit-2 ta’ Ġunju 2022 ( 1 )
Kawża C‑470/20
AS Veejaam,
OÜ Espo
vs
AS Elering
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Riigikohus (il-Qorti Suprema, l-Estonja))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 108(3) TFUE – Regolament (UE) 2015/1589 – Artikolu 1(c) – Għajnuna mogħtija mill-Istati Membri – Appoġġ għall-enerġija rinnovabbli – Kumpanniji ta’ produzzjoni ta’ enerġija idroelettrika minn sorsi rinnovabbli li rċevew appoġġ għall-enerġija rinnovabbli għall-elettriku prodott mill-idroġeneraturi tagħhom – Effett ta’ inċentiv ta’ għajnuna mitluba wara l-bidu tax-xogħlijiet marbutin mal-proġett”
I. Introduzzjoni
|
1. |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 108(3) TFUE, tal-Artikolu 1(c) tar-Regolament (UE) 2015/1589 ( 2 ) kif ukoll tal-punt 50 tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija 2014-2020 (iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida tal-2014”) ( 3 ). |
|
2. |
Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest tat-tilwim bejn żewġ produtturi tal-enerġija rinnovabbli, jiġifieri l-kumpanniji Veejaam u Espo (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti”), ma’ AS Elering, l-Awtorità Estonjana Responsabbli mill-Għoti tal-Għajnuna għall-Enerġija Rinnovabbli, u tirrigwarda t-talbiet għall-ħlas tal-għajnuna għall-enerġija rinnovabbli prevista mil-leġiżlazzjoni Estonjana u ppreżentati mill-imsemmija kumpanniji. |
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
|
3. |
L-Artikolu 1 tar-Regolament 2015/1589, intitolat “Definizzjonijiet” jipprovdi li: “Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin: […]
[…]” |
|
4. |
Il-punti 49 u 50 tal-Linji Gwida tal-2014 jipprovdu li: “(49) L-għajnuna ambjentali u tal-enerġija tista’ biss titqies kompatibbli mas-suq intern, jekk ikollha effett ta’ inċentiv. Effett ta’ inċentiv iseħħ meta l-għajnuna ġġiegħel lill-benefiċjarju jibdel l-imġiba tiegħu sabiex iżid il-livell ta’ ħarsien ambjentali jew li jtejjeb il-funzjonament ta’ suq tal-enerġija sikur, għal but ta’ kulħadd u sostenibbli, tibdil fl-imġiba li kieku ma kienx isir mingħajr l-għajnuna. L-għajnuna m’għandhiex tissussidja l-kostijiet [l-ispejjeż] ta’ attività li impriża xorta waħda kienet ser taffaċċja u m’għandhiex tikkumpensa għar-riskju normali tan-negozju ta’ attività ekonomika. (50) Il-Kummissjoni tqis li l-għajnuna ma tippreżentax effett tal-inċentiv għall-benefiċjarju fil-każijiet kollha fejn ix-xogħol fuq il-proġett kien diġà beda qabel ma l-benefiċjarju jkun applika għall-għajnuna mal-awtoritajiet nazzjonali. F’tali każijiet fejn il-benefiċjarju jibda jimplimenta proġett qabel ma japplika għall-għajnuna, kwalunkwe għajnuna mogħtija fir-rigward ta’ dak il-proġett ma tiġix ikkunsidrata kompatibbli mas-suq intern”. |
|
5. |
Permezz tad-deċiżjoni tagħha tat-28 ta’ Ottubru 2014, li tikkonċerna skema ta’ għajnuna għall-elettriku prodott b’sorsi rinnovabbli u għall-koġenerazzjoni effiċjenti (għajnuna mill-Istat SA.36023) ( 5 ) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni tal-2014”), il-Kummissjoni Ewropea kkonstatat li l-iskema ta’ għajnuna Estonjana, filwaqt li tikser l-obbligu previst fl-Artikolu 108(3) TFUE, kienet kompatibbli mal-Artikolu 107(3)(c) TFUE. |
|
6. |
Permezz tad-deċiżjoni tagħha tas-6 ta’ Diċembru 2017 dwar tibdil għall-iskema ta’ għajnuna Estonjana għal sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u għall-koġenerazzjoni (għajnuna mill-Istat SA.47354) ( 6 ) (iktar ’il quddiem id-Deċiżjoni tal-2017”), il-Kummissjoni, filwaqt li kkonstatat li l-Estonja kienet implimentat it-tibdil għall-iskema ta’ għajnuna li kienet is-suġġett tad-Deċiżjoni tal-2014 bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE, iddeċidiet li l-iskema ta’ għajnuna li tirriżulta mill-imsemmija tibdil kienet kompatibbli mas-suq intern fis-sens tal-Artikolu 107(3) TFUE (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjonijiet tal-2014 u tal-2017”). |
B. Id-dritt Estonjan
|
7. |
L-Artikoli 59, 591 u 108 tal-elektrituruseadus (il-Liġi dwar is-Suq tal-Elettriku) (Riigi Teataja tat-30 ta’ Ġunju 2015, iktar ’il quddiem l-“ELTS”) jipprovdu li: “Artikolu 59. L-għajnuna (1) Il-produttur għandu d-dritt jikseb mill-ġestjonarju tan-network ta’ trasport għajnuna:
[…] Artikolu 591. Ir-rekwiżiti għall-għajnuna (1) Il-ksib tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 59 ta’ din il-liġi huwa suġġett għar-rekwiżiti li ġejjin:
(2) Il-produttur ma jibbenefikax mill-għajnuna: […]
(3) L-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 59(2) ta’ din il-liġi għandha tinkludi d-data tat-tagħmir tal-produzzjoni, l-indikazzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni għall-ksib tal-għajnuna u l-informazzjoni imposta mill-ġestjonarju tan-network ta’ trasport […]. […] Artikolu 108. Il-perijodu għall-eliġibbiltà għall-għajnuna (1) L-għajnuna msemmija fil-punti (1) sa (4) tal-Artikolu 59(1) ta’ din il-liġi tista’ tingħata f’terminu ta’ 12-il sena mit-tnedija tal-produzzjoni […]. […] (3) Id-data li tikkorrispondi għat-tnedija tal-produzzjoni msemmija iktar ’il fuq hija d-data li fiha t-tagħmir tal-produzzjoni adegwat jipprovdi għall-ewwel darba l-elettriku fin-network jew f’linja diretta. […]” |
III. Il-kawżi prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
|
8. |
Ir-rikorrenti huma żewġ kumpanniji li rċevew għajnuna mill-Istat għall-produzzjoni ta’ enerġija li toriġina minn riżorsi rinnovabbli fl-Estonja ( 7 ). Wara s-sostituzzjoni tat-tagħmir għall-produzzjoni li għalihom kienu rċevew inizjalment din l-għajnuna ( 8 ), dawn il-kumpanniji ppreżentaw talbiet ġodda għall-għajnuna mill-Istat ( 9 ), li ġew miċħuda minn Elering minħabba li ma kinux jissodisfaw ir-rekwiżiti preskritti mill-iskema ta’ għajnuna mill-Istat għall-enerġija rinnovabbli (iktar ’il quddiem l-“iskema ta’ għajnuna inkwistjoni”). Fil-fatt, din tal-aħħar kienet tipprovdi li l-għajnuna inkwistjoni setgħet titħallas biss, minn naħa, għall-elettriku prodott b’tagħmir ta’ produzzjoni kompletament ġdid u, min-naħa l-oħra, sabiex jinċentivaw id-dħul fis-suq ta’ operaturi ġodda u mhux biex tgħin lill-produtturi tal-elettriku b’mod permanenti. |
|
9. |
Ir-rikorrenti ppreżentaw għalhekk rikorsi kontra d-deċiżjonijiet ta’ Elering quddiem it-Tallina Halduskohus (il-Qorti Amministrattiva ta’ Tallin, l-Estonja). Permezz ta’ deċiżjonijiet tal-10 ta’ Ottubru u tas-27 ta’ Ottubru 2017, dik il-qorti ċaħdet l-imsemmija rikorsi. Dawn il-kumpanniji appellaw minn dawn id-deċiżjonijiet quddiem it-Tallina Ringkonnakohus (il-Qorti tal-Appell ta’ Tallin, l-Estonja). Wara ċ-ċaħda tal-imsemmija appelli, b’deċiżjonijiet tas-27 ta’ Ġunju u tal-15 ta’ Novembru 2018, ir-rikorrenti ppreżentaw appell ta’ kassazzjoni quddiem ir-Riigikohus (il-Qorti Suprema, l-Estonja), li hija l-qorti tar-rinviju. |
|
10. |
Dik il-qorti tqajjem, fl-ewwel lok, il-problema ta’ kunflitt potenzjali bejn id-deċiżjonijiet tal‑ 2014 u 2017 u l-Linji Gwida tal-2014 inkwantu jikkonċerna l-evalwazzjoni tal-effett ta’ inċentiv tal-għajnuna għall-enerġija rinnovabbli previst mill-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni. Fil-fatt, f’dawn id-deċiżjonijiet, il-Kummissjoni, fil-fatt, aċċettat il-possibbiltà li l-applikazzjoni għall-għajnuna tiġi ppreżentata wkoll wara l-istallazzjoni tat-tagħmir ta’ produzzjoni inkwistjoni, filwaqt li, skont il-punt 50 tal-Linji Gwida tal-2014, l-għajnuna ma tippreżentax effett ta’ inċentiv fil-każijiet kollha fejn il-benefiċjarju jkun applika għall-għajnuna mal-awtoritajiet nazzjonali wara l-bidu tax-xogħlijiet marbutin mal-proġett. |
|
11. |
Fit-tieni lok, l-imsemmija qorti tirrileva li, fl-opinjoni li ntalbet mill-Kummissjoni, matul il-proċedura tal-kawża prinċipali, fuq il-bażi tal-Artikolu 29(1) tar-Regolament 2015/1589, il-Kummissjoni kienet ikkonstatat li kumpannija li tkun tinsab fis-sitwazzjoni ta’ Veejaam, li kienet bdiet ix-xogħlijiet ta’ installazzjoni għat-tagħmir ta’ produzzjoni ġdid biex tikkonforma ruħha mar-rekwiżiti ġodda għall-awtorizzazzjoni għall-użu tal-ilmijiet, ma kellhiex dritt għall-għajnuna għall-enerġija rinnovabbli. Fil-fatt, inkwantu x-xogħlijiet għall-konformità mar-rekwiżiti previsti mil-leġiżlazzjoni Estonjana kellhom, fi kwalunkwe każ, jitwettqu, ir-rekwiżit dwar l-effett ta’ inċentiv tal-għajnuna ma kienx issodisfatt, peress li dawn ix-xogħlijiet ma kienu jindirizzaw ebda skop utli. L-istess qorti tistaqsi, madankollu, jekk hemmx bżonn li tiġi indirizzata r-raġuni li wasslet lil Veejaam biex tinstalla tagħmir ġdid. Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-analiżi dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat f’din il-kawża għandhiex tieħu inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li, mingħajr il-prospett tal-għajnuna għall-enerġija rinnovabbli, Veejaam kinitx tkun obbligata li twaqqaf il-produzzjoni tal-elettriku u li, fid-dawl ta’ dan il-fatt, l-għajnuna inkwistjoni jkollha tabilħaqq effett ta’ inċentiv. |
|
12. |
Fit-tielet lok, din il-qorti tistaqsi dwar il-konsegwenzi proċedurali tal-ksur mir-Repubblika tal-Estonja tal-Artikolu 108(3) TFUE fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni. Fil-fatt, jirriżulta mid-deċiżjoni tal-2014 li r-Repubblika tal-Estonja kienet ipprevediet żewġ skemi ta’ għajnuna għall-enerġija rinnovabbli. Skont l-ewwel skema, kienu biss il-produtturi eżistenti li kienu niedew il-produzzjoni mhux iktar tard mill-1 ta’ Marzu 2013 li kienu eliġibbli biex jibbenefikaw mill-għajnuna li kienet ingħatat b’mod awtomatiku peress li l-kundizzjonijiet previsti mil-liġi fis-seħħ dak iż-żmien kienu ssodisfatti (iktar ’il quddiem l-“iskema qadima”). It-tieni skema kienet tipprovdi li, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2015, il-produtturi li kienu niedew il-produzzjoni tagħhom wara l-1 ta’ Marzu 2013 setgħu jiksbu għajnuna mill-Istat biss fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sejħa għall-offerti (iktar ’il quddiem l-“iskema l-ġdida”). Issa, ir-Repubblika tal-Estonja ma adottatx il-miżuri leġiżlattivi li kienu jippermettu li tiġi implimentata l-iskema l-ġdida u kompliet tapplika l-iskema qadima sas-sena 2017, li ppermettiet għaldaqstant ukoll lill-produtturi li kienu niedew il-produzzjoni tagħhom wara l-1 ta’ Marzu 2013 biex jibbenefikaw mill-għajnuna. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkonstatat, fid-deċiżjoni tal-2017, li r-Repubblika tal-Estonja kienet kisret il-projbizzjoni tal-għoti ta’ għajnuna mill-Istat prevista fl-Artikolu 108(3) TFUE. |
|
13. |
Tqum għalhekk il-kwistjoni li jiġi stabbilit jekk, bil-fatt li kompliet tapplika l-iskema l-qadima lil hinn mid-data inizjalment prevista, l-għajnuna inkwistjoni għandhiex tkun ikklassifikata bħala “għajnuna ġdida” (li ngħatat mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni) jew “għajnuna eżistenti”, fid-dawl tad-distinzjoni bejn dawn iż-żewġ tipi ta’ għajnuna previsti mir-Regolament 2015/1589. F’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li din hija “għajnuna ġdida” u li l-estensjoni tal-iskema l-qadima inkwistjoni tista’ titqies li hija legali biss wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-2017, jeħtieġ li jiġi eżaminat il-punt dwar jekk ir-rikorrenti setgħux ikunu eliġibbli biex jibbenefikaw mill-għajnuna diġà b’effett mis-sena 2016, data li fiha dawn talbu l-għoti ta’ din l-għajnuna. |
|
14. |
Huma f’dawn iċ-ċirkustanzi li r-Riigikohus (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
|
15. |
Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati minn Elering, mill-Gvern Estonjan kif ukoll mill-Kummissjoni. Dawn il-partijiet kif ukoll Espo ttrattaw ukoll waqt is-seduta li nżammet fis-16 ta’ Marzu 2022. |
IV. Analiżi
A. Osservazzjonijiet preliminari
|
16. |
Ninnota mill-ewwel li din il-kawża hija parti minn kuntest ġuridiku u fattwali kumpless ikkaratterizzat, b’mod partikolari, bil-preżenza ta’ diversi skemi ta’ għajnuna mill-Istat, nuqqasijiet ta’ osservanza tal-obbligu ta’ “standstill” previst fl-Artikolu 108(3) TFUE u ta’ żewġ deċiżjonijiet li permezz tagħhom il-Kummissjoni ma qajmitx oġġezzjonijiet għal dawn l-iskemi. |
|
17. |
Nirrileva wkoll li, fuq ċerti punti, id-domandi preliminari li saru mill-qorti tar-rinviju jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali. Barra minn hekk, dik il-qorti tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja fuq ċerti aspetti li huma essenzjalment fattwali u pjuttost tekniċi. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ċerta data neċessarja biex tikkonferma jew tinvalida l-konklużjonijiet preliminari tal-imsemmija qorti. Fuq dawn il-punti, ser ikun l-obbligu, għaldaqstant, ta’ din tal-aħħar li tieħu d-deċiżjoni finali, fid-dawl tal-linji gwida li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun ipprovdietilha. |
|
18. |
Infakkar, f’dan il-kuntest, li meta l-Qorti tal-Ġustizzja tkun adita b’rinviju għal deċiżjoni preliminari, ir-rwol tagħha huwa li tagħti kjarifika lill-qorti nazzjonali dwar il-portata tar-regoli tal-Unjoni sabiex tippermettilha twettaq applikazzjoni korretta ta’ dawn ir-regoli għall-fatti mressqa quddiemha u mhux biex tipproċedi hija stess għal tali evalwazzjoni, speċjalment meta l-Qorti tal-Ġustizzja mhux neċessarjament ikollha għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi indispensabbli kollha f’dan ir-rigward ( 10 ). |
|
19. |
Wara dawn il-preċiżazzjonijiet, jidhirli li huwa utli li nippreżenta fil-qosor il-karatteristiċi prinċipali tal-iskema Estonjana tal-għajnuna mill-Istat u l-aspetti prinċipali tad-deċiżjonijiet tal-2014 u 2017. |
|
20. |
B’effett mis-sena 2003, il-Gvern Estonjan implimenta verżjonijiet differenti ta’ skema ta’ għajnuna mill-Istat sabiex ikabbar sehemhom mill-produzzjoni tal-elettriku fl-Estonja ( 11 ). L-għajnuna mogħtija kienet intiża prinċipalment biex tikkumpensa għad-differenza bejn l-ispejjeż tal-produzzjoni u l-prezz tas-suq sabiex tinċentiva lill-impriżi jibnu tagħmir ta’ produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli. |
|
21. |
F’dan il-kuntest, din l-iskema ta’ għajnuna kienet tipprovdi li produttur jkun jista’ jikseb mill-ġestjonarju tan-network għajnuna għall-produzzjoni tal-elettriku li toriġina minn sors ta’ enerġija rinnovabbli, taħt ċerti kundizzjonijiet. L-ewwel, l-għajnuna kienet limitata għall-produtturi ġodda li jidħlu fis-suq bl-użu ta’ ċertu tip ta’ tagħmir ta’ produzzjoni ta’ qawwa predefinita. It-tieni, l-ammont tal-għajnuna ma kienx stabbilit b’rabta mal-ispiża tal-investiment tal-operatur għall-installazzjoni tat-tagħmir ta’ produzzjoni, imma kienet tiddependi mill-kwantità ta’ enerġija rinnovabbli prodotta. It-tielet, il-ħlas tal-għajnuna kien marbut mhux mal-produttur tal-enerġija, imma mat-tagħmir ta’ produzzjoni, b’mod li, fil-prinċipju, l-istess produttur jista’ jikseb għajnuna mill-Istat għal diversi installazzjonijiet differenti. Ir-raba’, l-imsemmija skema llimitat il-perijodu li matulu din l-għajnuna setgħet titħallas għal perijodu ta’ 12-il sena minn meta tnediet il-produzzjoni, b’din tal-aħħar tikkorrispondi għad-data li minnha dan it-tagħmir kien ipprovda għall-ewwel darba l-elettriku għan-network. |
|
22. |
Issa, jidher li d-dubji tal-qorti tar-rinviju dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “tnedija tal-produzzjoni” huma, fil-parti l-kbira, dawk li wasslu għal dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari. Għaldaqstant, dik il-qorti tistaqsi, b’mod partikolari, fuq il-punt dwar jekk jeħtieġx li jittieħed inkunsiderazzjoni, bħala “data tat-tnedija tal-produzzjoni” fis-sens tal-Artikolu 108(3) tal-ELTS, dik tat-tnedija inizjali tal-produzzjoni fl-impjant jew jekk is-sempliċi sostituzzjoni ta’ “tagħmir ta’ produzzjoni” fl-istess impjant jippermettix li jiġi kkunsidrat li twettqet “tnedija tal-produzzjoni” ġdida. L-imsemmija qorti tqis ukoll li din id-domanda hija marbuta mill-qrib mal-interpretazzjoni li jeħtieġ li tingħata lill-kunċett “tagħmir tal-produzzjoni” li għalih tagħmel riferiment il-liġi Estonjana ( 12 ). |
|
23. |
Għalkemm fil-fatt, kif tosserva l-qorti tar-rinviju, ir-risposta għad-domandi preliminari tiddependi mill-klassifikazzjoni ta’ dawn iż-żewġ kunċetti, jeħtieġ li jiġi nnotat li din id-domanda, inkluża dik dwar jekk it-tnedija tal-produzzjoni tistax tissussisti wkoll meta xi tagħmir tal-produzzjoni jkun ġie mibdul parzjalment biss, taqa’ esklużivament taħt id-dritt nazzjonali ( 13 ). |
|
24. |
Madankollu, huwa importanti li jiġi enfasizzat li, fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, il-qorti nazzjonali hija marbuta li tosserva d-deċiżjonijiet tal-2014 u tal-2017. Ninnota, f’dan ir-rigward, li, għalkemm il-kunċett ta’ tnedija tal-produzzjoni ma huwiex iddefinit bħala tali f’dawn id-deċiżjonijiet, dan ġie adottat biex jistabbilixxi l-punt tat-tluq tal-perijodu li fih kumpannija tista’ tibbenefika minn għajnuna tal-Istat fil-kuntest tal-iskema tal-għajnuna inkwistjoni. Għaldaqstant, l-imsemmija deċiżjonijiet kienu mogħnija b’rekwiżiti differenti għall-għoti tal-għajnuna, li fosthom kien hemm – b’mod partikolari – dak li jipprevedi li l-perijodu totali tal-għajnuna ma għandux jaqbeż perijodu ta’ 12-il sena b’effett mit-“tnedija tal-produzzjoni” ( 14 ). |
|
25. |
Nippreċiża wkoll li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-portata tal-awtorizzazzjoni mogħtija bid-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istati hija ddeterminata b’riferiment għall-iskema ta’ għajnuna kkomunikata mill-Istat Membru kkonċernat ( 15 ). Jeħtieġ li jiġi osservat ukoll li d-dispożizzjoni rilevanti tal-abbozz ta’ liġi, jiġifieri l-Artikolu 108 tal-ELTS, ikkomunikat mill-awtoritajiet Estonjani lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-iskema ta’ għajnuna awtorizzata mid-Deċiżjoni tal-2014, ma tħalli ebda dubju f’dan ir-rigward ( 16 ). |
|
26. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jidher, mad-daqqa ta’ għajn, u b’riżerva għall-verifiki li jeħtieġ li tagħmel il-qorti nazzjonali, li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni ma tippermettix li jintlaqgħu t-talbiet tar-rikorrenti (u li Elering kienet iġġustifikata tiċħad l-applikazzjoni tagħhom). Għaldaqstant, jien tal-fehma li d-deċiżjonijiet tal-2014 u 2017 għandhom jiġu interpretati fis-sens li s-sostituzzjoni ta’ tagħmir tal-produzzjoni ma toħloqx “dritt ġdid” għall-għajnuna mill-Istat u, fi kwalunkwe każ, ma jiskattax id-dekorrenza ta’ perijodu ġdid għall-ħlas tal-għajnuna ta’ 12-il sena. |
|
27. |
Jeħtieġ li jiġi osservat li, bl-ewwel u t-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tidher li qegħda tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibbiltà tal-iskema qadima mar-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat u, għaldaqstant, fuq il-legalità stess tad-deċiżjonijiet tal-2014 u tal-2017. |
|
28. |
Madankollu, jeħtieġ li jiġi ppreċiżat, li ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura fil-kawża prinċipali ma kkontestat il-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni ċċitati iktar ’il fuq, jew b’mod iktar ġenerali, il-legalità tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni. Bl-istess mod, la l-partijiet fil-kawża prinċipali u lanqas it-terzi persuni ma kkontestaw id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fit-terminu ta’ xahrejn impost mill-Artikolu 263 TFUE. F’dawn iċ-ċirkustanzi, kif ġustament jenfasizza l-Gvern Estonjan, id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni għandhom jorbtu lill-qrati nazzjonali sabiex jiggarantixxu l-prinċipju taċ-ċertezza legali ( 17 ). |
|
29. |
Wara li saru dawn il-kjarifiki li jikkonċernaw l-iskemi ta’ għajnuna inkwistjoni u wara li ngħataw id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, jeħtieġ issa li jiġu analizzati d-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju li jirrigwardaw, għal dak li jikkonċerna l-ewwel u t-tieni domanda, l-interpretazzjoni tal-kriterju tal-“effett ta’ inċentiv” li jikkostitwixxi prerekwiżit għall-għoti ta’ għajnuna mill-Istat għall-enerġija u l-ambjent. Għal dak li jirrigwarda t-tielet, ir-raba’ u l-ħames domanda, dawn jirrigwardaw aspetti proċedurali marbutin mal-koeżistenza tad-diversi skemi ta’ għajnuna mill-Istat implimentati mir-Repubblika tal-Estonja u l-konsegwenzi proċedurali tan-nuqqas ta’ komunikazzjoni, jekk ikun il-każ, ta’ dawn l-iskemi lill-Kummissjoni. |
B. Fuq l-ewwel domanda preliminari
|
30. |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, fuq il-punt dwar jekk l-iskema qadima hijiex kompatibbli mal-punt 50 tal-Linji Gwida tal-2014, li jipprovdi li għajnuna ma jkollhiex effett ta’ inċentiv jekk l-applikazzjoni għall-għajnuna tal-benefiċjarju tkun saret lill-awtoritajiet nazzjonali wara li jkun inbeda x-xogħol fuq il-proġett. Din il-qorti tistaqsi għaldaqstant lill-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod iktar ġenerali, biex tiddeċiedi dwar il-portata tal-linji gwida adottati mill-Kummissjoni f’każ ta’ kunflitt eventwali ma’ deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. |
|
31. |
Infakkar, l-ewwel nett, li, kif ġie ppreċiżat b’mod partikolari mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Kotnik ( 18 ), l-atti tal-Kummissjoni, bħalma huma l-linji gwida, ma jistgħux joħolqu obbligi awtonomi fuq l-Istati Membri, iżda jistabbilixxu biss kundizzjonijiet intiżi li jiżguraw il-kompatibbiltà mas-suq intern ta’ għajnuna mill-Istat li l-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li hija għandha taħt l-Artikolu 107(3) TFUE. |
|
32. |
Fl-adozzjoni ta’ dawn ir-regoli ta’ kondotta u meta bil-pubblikazzjoni tagħhom ħabbret li ser tapplikahom għall-każijiet ikkonċernati minnhom, il-Kummissjoni tillimita lilha nnifisha fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha u ma tistax, fil-prinċipju, titbiegħed minn dawn ir-regoli taħt piena li tiġi ssanzjonata, jekk ikun il-każ, minħabba ksur tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, bħalma huma l-ugwaljanza fit-trattament jew il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ( 19 ). Dan ifisser fil-prattika, li jekk Stat Membru jikkomunika proġett ta’ għajnuna mill-Istat li huwa konformi mal-linji gwida, il-Kummissjoni għandha, fil-prinċipju, tawtorizza dan il-proġett. Madankollu, l-Istati Membri jżommu l-possibbiltà li jikkomunikaw lill-Kummissjoni proġetti ta’ għajnuna mill-Istat li ma jissodisfawx il-kriterji previsti minn din il-komunikazzjoni u l-Kummissjoni tista’ tawtorizza tali proġetti f’ċirkustanzi eċċezzjonali ( 20 ). |
|
33. |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni żżomm il-libertà li tiddikjara kompatibbli mas-suq intern skema ta’ għajnuna li għaliha l-osservanza tal-kundizzjoni tal-effett ta’ inċentiv tiġi żgurata b’mod differenti milli bil-preżentazzjoni tal-applikazzjoni qabel it-tnedija tax-xogħlijiet. F’dan il-każ, il-Kummissjoni filwaqt li ħadet inkunsiderazzjoni sensiela ta’ kriterji oħra kif ukoll l-effetti ekonomiċi konkreti tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, sostniet li din kellha “effett ta’ inċentiv” minkejja l-fatt li l-applikazzjoni għall-għajnuna ta’ benefiċjarju tista’ ssir wara t-tnedija tax-xogħlijiet. |
|
34. |
F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni kkonstatat li, f’ċirkustanzi normali tas-suq (u fl-assenza ta’ għajnuna mill-Istat), l-impriżi kkonċernati ma jistgħux ikunu inċentivati jibnu tagħmir ta’ produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli, peress li dawn tal-aħħar ma jkunux kompetittivi. Għaldaqstant, l-għajnuna mogħtija kienet intiża prinċipalment biex tikkumpensa għad-differenza bejn l-ispejjeż tal-produzzjoni u l-prezz tas-suq sabiex tinċentiva lill-impriżi jibnu tali tagħmir. Barra minn hekk, il-Kummissjoni enfasizzat li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni għandha bħala karatteristika essenzjali li min jagħti l-għajnuna huwa nieqes minn kull setgħa diskrezzjonali fir-rigward tal-għoti tal-għajnuna, sakemm l-applikant għal dik l-għajnuna jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti mil-liġi. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkonkludiet li din l-iskema kienet tissodisfa r-rekwiżiti tal-effett ta’ inċentiv, filwaqt li kkonstatat li, fl-assenza ta’ din l-għajnuna, it-tnedija ta’ proġetti ġodda li jikkonċernaw l-enerġija rinnovabbli ma sseħħx bid-daqs u ħeffa meħtieġa ( 21 ). |
|
35. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li tingħata risposta għall-ewwel domanda preliminari li r-rekwiżit tal-effett ta’ inċentiv previst fil-punt 50 tal-Linji Gwida tal-2014 ma jipprekludix li produttur ta’ enerġija rinnovabbli jkun jista’ jitlob il-ħlas ta’ għajnuna mill-Istat wara t-tnedija tax-xogħlijiet tat-twettiq tal-proġett, bil-kundizzjoni, madankollu, li r-rekwiżiti kollha l-oħra stabbiliti fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova l-kompatibbiltà tal-iskema kkonċernata jkunu ssodisfatti. |
C. Fuq it-tieni domanda preliminari
|
36. |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-effett ta’ inċentiv tal-għajnuna mill-Istat huwiex, fi kwalunkwe każ, eskluż meta l-investiment li jagħti lok għal din l-għajnuna jkun sar minħabba tibdil fir-rekwiżiti għall-permess ambjentali, inkluż fil-każijiet fejn, fl-assenza ta’ għajnuna mill-Istat, ir-rikorrenti x’aktarx kienet twaqqaf l-attività tagħha minħabba r-rekwiżiti għall-permess iktar stretti. |
|
37. |
Fi kliem ieħor, din id-domanda tirrigwarda l-eżistenza ta’ effett ta’ inċentiv fil-każ fejn is-sostituzzjoni ta’ tagħmir ta’ produzzjoni hija l-konsegwenza ta’ tibdil fil-kuntest ġuridiku li jirregola tali investimenti. |
|
38. |
Ninnota qabel kollox li l-imsemmija domanda tikkonċerna biss waħda mir-rikorrenti, jiġifieri lil Veejaam, li kienet obbligata matul is-sena 2015 tissostitwixxi t-tagħmir ta’ produzzjoni tagħha b’tagħmir ġdid minħabba tibdil fil-liġi Estonjana li ma kienx għadu jippermetti li t-tagħmir ta’ produzzjoni qadim jipprovdi l-elettriku b’mod effikaċi. |
|
39. |
Għal dak li jikkonċerna, imbagħad, l-effett ta’ inċentiv, id-deċiżjonijiet tal-2014 u tal-2017 jirreferu għall-punt 49 tal-Linji Gwida tal-2014, li jipprevedi li l-għajnuna għall-ambjent u għall-enerġija ma jistgħux jitqiesu bħala kompatibbli mas-suq intern sakemm ma jkollhomx effett ta’ inċentiv. |
|
40. |
Biex jiġi vverifikat jekk l-għajnuna għandhiex effett ta’ inċentiv, isir paragun bejn, min-naħa, ix-xenarju ipotetiku fejn l-għajnuna tingħata lill-impriża u, min-naħa l-oħra, ix-xenarju “kontrofattwali” li ma jipprevedi ebda għoti ta’ għajnuna. Waqt it-tħejjija ta’ dan l-aħħar xenarju, jeħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni kull element oġġettiv ta’ fatt, bħalma huma r-rekwiżiti ambjentali, li għandhom effett fuq il-vijabbiltà ta’ unità ta’ produzzjoni konkreta. L-awtorità responsabbli mill-għoti tal-għajnuna hija għaldaqstant obbligata tivverifika l-kredibbiltà tax-xenarju “kontrofattwali” u tikkonferma li l-għajnuna għandha l-effett ta’ inċentiv meħtieġ. |
|
41. |
Nirrileva, f’dan ir-rigward, li mil-Linji Gwida tal-2014 ma jirriżultax li l-fatt li jsir investiment biex wieħed jikkonforma ruħu ma tibdil fir-rekwiżiti għall-ksib ta’ permess ambjentali jwassal biex jeskludi, f’kull każ, l-effett ta’ inċentiv tal-għajnuna. L-istess japplika għad-deċiżjoni tal-2014, li ma pprevedietx speċifikament il-każ ikkontemplat fit-tieni domanda preliminari, jiġifieri l-ipoteżi ta’ investiment marbut mal-kundizzjonijiet iktar stretti imposti mid-dritt nazzjonali. |
|
42. |
B’riżerva għall-osservazzjonijiet li jsegwu, jiena għaldaqstant tal-fehma li l-effett ta’ inċentiv tal-għajnuna mill-Istat ma jkunx eskluż jekk l-investiment li jagħti lok għal għajnuna mill-Istat ikun sar minħabba tibdil fir-rekwiżiti ta’ permess ambjentali (b’mod partikolari meta l-għajnuna inizjali tkun saret insuffiċjenti minħabba tibdil fir-rekwiżiti ambjentali). |
|
43. |
Nenfasizza, f’dan ir-rigward, li l-qorti tar-rinviju tikkunsidra li s-soluzzjoni tal-kawżi prinċipali ser tkun tiddependi fuq il-kwistjoni dwar jekk għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni, bħala “data tat-tnedija tal-produzzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 108(3) tal-ELTS, dik tat-tnedija inizjali tal-produzzjoni fl-impjant jew jekk is-sempliċi sostituzzjoni ta’ “tagħmir ta’ produzzjoni” fl-istess impjant jippermettix li jiġi kkunsidrat li saret “tnedija tal-produzzjoni ġdida” ( 22 ). Ir-risposta għal din id-domanda ser tippermetti li jiġi stabbilit jekk Veejaam tistax titlob ħlas ta’ għajnuna ġdida mill-Istat, minkejja li hija kienet diġà bbenefikat minn tali għajnuna għall-perijodu ta’ 12-il sena previst mill-iskema Estonjana għal tagħmir inizjalment installat fl-istess impjant idroelettriku u li kien ġie ssostitwit. |
|
44. |
Issa, kif issemma fil-punti 23 sa 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet, għalkemm din id-domanda tikkonċerna d-dritt nazzjonali u taqa’ taħt is-setgħa diskrezzjonali tal-qorti nazzjonali, din tal-aħħar hija obbligata tosserva l-kundizzjonijiet marbutin mad-deċiżjonijiet tal-2014 u tal-2017. Infakkar, f’dan ir-rigward, li l-ħlas tal-għajnuna mill-Istat fuq il-bażi tad-deċiżjonijiet tal-2014 u tal-2017 huwa suġġett għal ċertu numru ta’ kundizzjonijiet, inkluż dik li tipprevedi li l-perijodu tal-għajnuna mogħtija tkun limitata għal perijodu ta’ 12-il sena. |
|
45. |
Fl-aħħar nett, huwa importanti wkoll li jiġi nnotat li jirriżulta mill-għanijiet tal-iskema Estonjana, kif approvata mill-Kummissjoni, li din hija intiża biex tiffaċilita d-dħul ta’ operaturi ġodda fis-suq tal-enerġija rinnovabbli. Minn imkien mid-deċiżjonijiet tal-2014 u tal-2017 ma jirriżulta li l-għan ta’ din is-sistema huwa li tkun ta’ appoġġ b’mod permanenti (jew tal-inqas għal perijodu itwal minn dak ta’ 12-il sena li kien previst minn din l-iskema) għall-produtturi li jkunu diġà rċevew għajnuna mill-Istat biex jipproċedu b’investimenti fl-enerġija rinnovabbli. Għaldaqstant, barra mir-riskju ta’ kumpens żejjed, li wieħed jaċċetta li kull sostituzzjoni ta’ tagħmir tikkontribwixxi biex jerġa’ jiskatta perijodu ta’ 12-il sena, jkollu bħala riżultat li l-impriżi kkonċernati jirċievu sussidji b’mod awtomatiku u (kważi) mhux interrott filwaqt li jiġi eliminat għaldaqstant kull riskju kummerċjali. |
|
46. |
Il-fatt li, f’dan il-każ, is-sostituzzjoni tal-materjal sar minħabba tibdil fil-kuntest ġuridiku li jirregola tali investimenti ma jaffettwax il-konstatazzjoni preċedenti. Fil-fatt, kieku jintlaqa’ l-approċċ ta’ Veejaam, dan ikun ifisser li l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat jkun jista’ jiddependi kompletament mill-inizjattiva leġiżlattiva jew regolatorja tal-Istati Membri, mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-qafas deċiżjonali tal-Kummissjoni, soluzzjoni li ma tkunx konformi mar-regoli tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. |
|
47. |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fil-prinċipju, huwa l-obbligu tal-qorti tar-rinviju li teżamina, fid-dawl tal-fatti tal-każ, il-kredibbiltà tax-xenarju “kontrofattwali” ppreżentat minn Veejaam fl-applikazzjoni għall-għajnuna tagħha, u b’mod partikolari l-possibbiltà li din tal-aħħar kienet twaqqaf l-attività tagħha kieku din ma kisbitx l-għajnuna minħabba rekwiżiti iktar stretti. Madankollu, fil-kuntest ta’ dan l-eżami, din il-qorti hija marbuta bid-deċiżjonijiet tal-2014 u tal-2017 u b’mod partikolari l-kundizzjoni marbuta mal-limitu tal-perijodu massimu tal-għajnuna li ġie ffissat għal 12-il sena. |
|
48. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, nipproponi li tingħata risposta għat-tieni domanda preliminari fis-sens li l-effett ta’ inċentiv ta’ għajnuna mill-Istat ma huwiex eskluż meta l-investiment li jiġġustifika din l-għajnuna jkun sar minħabba tibdil fir-rekwiżiti tal-permess ambjentali u, b’mod partikolari meta l-applikant kien iwaqqaf l-attività tiegħu f’każ li ma jiksibx għajnuna mill-Istat minħabba rekwiżiti iktar stretti għall-awtorizzazzjoni, bir-riżerva li l-għajnuna mogħtija tissodisfa l-kundizzjonijiet imposti mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova l-kompatibbiltà tal-iskema ta’ għajnuna kkonċernata. |
D. Fuq it-tielet domanda preliminari
|
49. |
It-tielet domanda hija intiża li tistabbilixxi jekk ir-Repubblika tal-Estonja tatx għajnuna ġdida mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni. |
|
50. |
Infakkar li mid-deċiżjoni tal-2014, kif ukoll mill-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-Repubblika tal-Estonja kienet ipprevediet li żżomm l-iskema qadima sal-31 ta’ Diċembru 2014, data li fiha l-iskema l-ġdida, ikkaratterizzata b’sistema ta’ sejħa għall-offerti bejn l-operaturi u miftuħa wkoll għall-produtturi li kienu nedew l-attività tagħhom qabel l-1 ta’ Marzu 2013, kellha tidħol fis-seħħ ( 23 ). Madankollu, id-dħul fis-seħħ ta’ din l-iskema ġdida ttardja u, konsegwentement, l-iskema qadima kienet għadha tapplika fl-Estonja fil-mument li fih Veejam u Espo, matul is-sena 2016, ippreżentaw l-applikazzjoni tagħhom għall-għajnuna quddiem Elering. Fid-deċiżjoni tal-2017, il-Kummissjoni, filwaqt li kkonstatat li l-implimentazzjoni tal-iskema qadima lil hinn mill-31 ta’ Diċembru 2014 kienet tikkostitwixxi ksur tal-obbligu ta’ “standstill” previst fl-Artikolu 108(3) TFUE ( 24 ), iddikjarat, għat-tieni darba, il-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq intern, billi awtorizzat il-proroga tal-iskema qadima ta’ għajnuna sal-31 ta’ Diċembru 2016. |
|
51. |
F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-punt dwar jekk il-proroga tal-implimentazzjoni tal-iskema qadima, li kienet saret “għajnuna eżistenti” minħabba l-approvazzjoni li ngħatat permezz tad-deċiżjoni tal-2014, lil hinn mid-data indikata lill-Kummissjoni, tikkostitwixxix “għajnuna ġdida” fis-sens tal-Artikolu 1(c) tar-Regolament 2015/1589. |
|
52. |
Għandu jiġi nnotat, fl-ewwel lok, li teżisti differenza kemm ta’ natura materjali kif ukoll proċedurali, fid-dritt tal-Unjoni, bejn l-“għajnuna eżistenti” u l-“għajnuna ġdida”. Minn naħa, tikkwalifika bħala “għajnuna eżistenti”, miżura statali li taqa’ taħt waħda mill-ħames tipi ta’ għajnuna eżistenti msemmija fl-Artikolu 1(b) tar-Regolament 2015/1589 ( 25 ). Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 1(c) ta’ dan ir-regolament jiddefinixxi għajnuna ġdida bħala “kull għajnuna, jiġifieri, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali, li ma jkunux għajnuna eżistenti, inkluż tibdil fl-għajnuna eżistenti”. Il-klassifikazzjoni ta’ miżura bħala għajnuna eżistenti jew għajnuna ġdida tiddetermina, barra minn hekk, il-proċedura li fuqha tibbaża ruħha l-Kummissjoni biex tivverifika l-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern. |
|
53. |
Skont l-Artikolu 108(1) TFUE, għajnuna eżistenti tista’ tiġi implimentata regolarment sakemm il-Kummissjoni ma tkunx ikkonstatat l-inkompatibbiltà tagħha. Għall-kuntrarju, il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu jeżiġi li l-proġetti ta’ għajnuna ġdida ( 26 ) jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni u ma jistgħux jiġu implimentati qabel ma l-proċedura tkun wasslet għal deċiżjoni finali ( 27 ). Għaldaqstant, b’kuntrast mal-għajnuna ġdida, li titqies bħala “illegali”, meta Stat Membru jagħtiha bi ksur tal-obbligu ta’ sospensjoni previst f’dan il-paragrafu, l-għajnuna eżistenti għandha titqies bħala legali sakemm il-Kummissjoni, fil-kuntest tal-eżami permanenti previst fl-Artikolu 108(1) TFUE ma tkunx ikkonstatat in-nuqqas ta’ kompatibbiltà tagħha mas-suq intern ( 28 ). |
|
54. |
Jeħtieġ li jiġi osservat, fit-tieni lok, li mid-Deċiżjoni tal-2014 jirriżulta li l-Kummissjoni awtorizzat l-iskema ta’ għajnuna qadima bħala kompatibbli mas-suq intern, fuq il-bażi ta’ ċertu numru ta’ impenji meħuda mir-Repubblika tal-Estonja, fosthom b’mod partikolari dak li tillimita l-applikazzjoni ta’ din l-iskema sal-31 ta’ Diċembru 2014 ( 29 ). Ninnota, f’dan ir-rigward, li l-qorti tar-rinviju tikkonstata hija stess, fid-deċiżjoni tar-rinviju, li r-Repubblika tal-Estonja pprorogat l-iskema eżistenti ta’ għajnuna mingħajr l-approvazzjoni tal-Kummissjoni u għaldaqstant bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE. Fid-Deċiżjoni tal-2017, il-Kummissjoni ddikjarat ukoll li bit-tkomplija tal-iskema ta’ għajnuna eżistenti wara l-1 ta’ Jannar 2015 u bil-fatt li ppermettew għaldaqstant lill-produtturi ġodda li jidħlu fl-iskema, l-awtoritajiet Estonjani introduċew il-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni qabel id-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni ( 30 ). |
|
55. |
Issa, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-awtorizzazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni biex għajnuna kompatibbli mas-suq intern tiġi implimentata tgħodd biss meta l-Istat Membru josserva l-impenji kollha li huwa aċċetta, li jagħmlu parti integrali mill-miżura awtorizzata. Fl-assenza ta’ tali impenji fid-dritt nazzjonali, huwa l-kompitu tal-Istat Membru li jimmodifika l-leġiżlazzjoni tiegħu b’mod xieraq sabiex ikun jista’ josserva l-impenji li huwa jipproponi u, għaldaqstant, li jżomm fil-limiti tal-awtorizzazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni ( 31 ). |
|
56. |
F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, fis-sentenza DEI u Il-Kummissjoni vs Alouminion tis Ellados (C‑590/14 P, EU:C:2016:797), li hija wkoll imsemmija espressament mill-qorti tar-rinviju fit-tielet domanda tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li t-tul tal-validità ta’ għajnuna eżistenti jikkostitwixxi element tali li jinfluwenza l-evalwazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mas-suq intern ( 32 ). F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-estensjoni tat-tul tal-validità ta’ għajnuna eżistenti għandha titqies bħala modifika ta’ għajnuna eżistenti u, għalhekk, tikkostitwixxi għajnuna ġdida skont l-Artikolu 1(c) tar-Regolament 2015/1589 ( 33 ). |
|
57. |
Għaldaqstant, jeħtieġ li tingħata risposta għat-tielet domanda li, meta l-Kummissjoni, b’deċiżjoni li tirrigwarda għajnuna mill-Istat, tiddikjara kompatibbli mas-suq intern kemm skema ta’ għajnuna eżistenti kif ukoll it-tibdil ikkontemplati tagħha, imma li l-Istat Membru ma jżommx mal-impenn tiegħu li japplika din l-iskema biss sa ċertu data, l-applikazzjoni tal-imsemmija skema ta’ għajnuna lil hinn minn din id-data titqies bħala “għajnuna ġdida”, fis-sens tal-Artikolu 1(c) tar-Regolament 2015/1589. |
E. Fuq ir-raba’ u l-ħames domandi preliminari
|
58. |
Permezz tar-raba’ u l-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi fuq l-effetti tal-eventwali ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE fir-rigward tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna mill-Istat magħmula mir-rikorrenti matul il-perijodu li fih din l-għajnuna tista’ titqies bħala illegali. Dawn id-domandi jqumu, essenzjalment, f’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tikkunsidra li l-iskema qadima kienet tikkostitwixxi, matul il-perijodu bejn is-snin 2015 sal-2017, għajnuna ġdida u għaldaqstant illegali. Fid-dawl tar-risposta li nipproponi li tingħata lit-tielet domanda preliminari, nikkunsidra li jeħtieġ li tingħata risposta għar-raba’ u ħames domanda preliminari. |
|
59. |
Għaldaqstant, ir-raba’ domanda hija intiża li tistabbilixxi jekk Veejaam u Espo jistgħux jibbenefikaw mill-għajnuna diġà mill-preżentazzjoni tal-applikazzjoni tagħhom, matul is-sena 2016, jew biss b’effett mid-data li fiha ġiet adottata d-Deċiżjoni tal-2017. Fir-rigward tal-ħames domanda, din hija marbuta mas-sitwazzjoni partikolari ta’ Espo. Fil-fatt, din il-kumpannija talbet biex tkun tista’ tibbenefika mill-għajnuna f’mument li fih din (jiġifieri fl-2016) setgħet titqies bħala illegali, filwaqt li t-twettiq tal-investiment, matul is-sena 2009, jista’ jkun kopert bl-awtorizzazzjoni tad-Deċiżjoni tal-2014. |
|
60. |
Fid-dawl tar-rabta bejniethom, nipproponi li nittratta dawn id-domandi b’mod konġunt. |
|
61. |
Preliminarjament, nirrileva li l-Kummissjoni tikkunsidra li r-raba’ u l-ħames domanda huma ipotetiċi u, konsegwentement, inammissibbli, fid-dawl tal-fatt li r-rikorrenti ma kellhomx dritt għall-għajnuna la taħt l-iskema ta’ għajnuna qadima u lanqas taħt dik ġdida, peress li huma kienu diġà rċevew għajnuna matul perijodu ta’ 12-il sena. |
|
62. |
Ċertament, huwa minnu li r-rikorrenti ma jidhirx li għandhom dritt għall-ħlas tal-għajnuna ġdida – b’mod partikolari għar-raġuni invokata mill-Kummissjoni ( 34 ). Jibqa’ l-fatt li r-risposta għad-domanda dwar jekk ir-rikorrenti jistgħux jibbenefikaw mill-għajnuna tiddependi, finalment, mill-interpretazzjoni ta’ ċerti elementi fattwali u mill-interpretazzjoni tal-iskema Estonjana li taqa’ taħt id-dritt nazzjonali biss. Għaldaqstant, nikkunsidra li għandha tingħata risposta għal dawn id-domandi, filwaqt li jiġi enfasizzat madankollu, li l-imsemmija risposti jippreżumu li r-rekwiżit marbutin mad-deċiżjonijiet tal-2014 u tal-2017 jkunu osservati. |
|
63. |
Infakkar li mill-klassifikazzjoni tal-iskema qadima ta’ “għajnuna ġdida” minħabba l-ksur tal-obbligu ta’ notifika previst fl-Artikolu 108(3) TFUE jirriżulta li din l-għajnuna kienet “illegali” bejn is-snin 2015 u 2017. L-imsemmija għajnuna saret “għajnuna eżistenti” (u għaldaqstant “legali”) fis-6 ta’ Diċembru 2017 biss, data li fiha l-estensjoni tagħha ġiet iddikjarata kompatibbli mas-suq intern bid-deċiżjoni tal-Kummissjoni ( 35 ). |
|
64. |
Skont ġurisprudenza stabbilita, id-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-Kummissjoni ma għandhiex il-konsegwenza li tirregolarizza, a posteriori, il-miżuri ta’ għajnuna mhux ikkomunikati u li jmorru kontra l-Artikolu 108(3) TFUE ( 36 ). Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-illegalità ta’ miżura ta’ għajnuna (jew ta’ parti minn din il-miżura) minħabba l-ksur tal-obbligu ta’ komunikazzjoni ma hijiex affettwata mill-fatt li l-imsemmija miżura ġiet iddikjarata kompatibbli mas-suq komuni b’deċiżjoni finali tal-Kummissjoni ( 37 ). Kull interpretazzjoni oħra twassal sabiex tiffavorixxi n-nuqqas ta’ osservanza tat-tielet sentenza tal-Artikolu 108(3) u ċċaħħad lil dan l-artikolu mill-effett utli tiegħu ( 38 ). Fil-fatt, għalkemm, fil-kuntest ta’ proġett ta’ għajnuna, kompatibbli jew le mas-suq intern, il-fatt li ma jiġix osservat l-Artikolu 108(3) TFUE ma jġib miegħu ebda riskju jew piena ikbar milli l-osservanza ta’ din id-dispożizzjoni, l-inkoraġġiment tal-Istati Membri li jikkomunikaw u li jistennew deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà jitnaqqas b’mod kunsiderevoli, u dan japplika wkoll għall-portata tal-kontroll tal-Kummissjoni bħala konsegwenza ( 39 ). |
|
65. |
Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-irregolarità proċedurali tippersisti indipendentement minn kull kompatibbiltà eventwali tal-għajnuna mas-suq intern. Għaldaqstant, id-dritt tal-Unjoni jeżiġi, minn naħa, li l-qrati nazzjonali jieħdu l-miżuri xierqa biex jirrimedjaw b’mod effikaċi l-effetti tal-illegalità u b’mod partikolari li jipproteġu d-drittijiet tal-individwi kontra l-ksur li jirriżulta mill-illegalità tal-għajnuna. Min-naħa l-oħra, il-qorti nazzjonali hija marbuta, b’applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li tordna lill-benefiċjarju tal-għajnuna jħallas interessi għall-perijodu ta’ illegalità ta’ din l-għajnuna ( 40 ). Dan l-obbligu li jaqa’ fuq il-qorti nazzjonali jirriżulta mill-fatt li l-implimentazzjoni ta’ għajnuna bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE jagħti lill-benefiċjarju tal-għajnuna vantaġġ indebitu li jikkonsisti, minn naħa, fin-nuqqas ta’ ħlas tal-interessi li huwa kien ikollu jħallas fuq l-ammont inkwistjoni tal-għajnuna, li kieku huwa kellu jissellef dan l-ammont fis-suq matul il-perijodu ta’ stennija tal-adozzjoni tad-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni, u min-naħa l-oħra, fit-titjib tal-pożizzjoni kompetittiva tiegħu fil-konfront tal-operaturi l-oħra fis-suq matul il-perijodu ta’ illegalità tal-għajnuna kkonċernata ( 41 ). |
|
66. |
Issa, jeħtieġ li jiġi osservat li, f’din il-kawża, ebda għajnuna ma tħallset lir-rikorrenti matul “il-perijodu ta’ illegalità” (bejn is-snin 2015 u 2017) fir-rigward tal-applikazzjonijiet tagħhom ippreżentati matul is-sena 2016 ( 42 ). Konsegwentement, dawn il-kumpanniji ma humiex obbligati jirrimborsaw interessi fuq is-somom li qatt ma tħallsu (fuq il-bażi ta’ dawk l-applikazzjonijiet). Għaldaqstant tqum il-kwistjoni dwar jekk, f’tali każ, l-awtoritajiet Estonjani jistgħux iħallsu din l-għajnuna b’mod retroattiv billi jieħdu inkunsiderazzjoni bħala punt tat-tluq mhux id-data tad-Deċiżjoni tal-2017 imma dik tad-data tal-applikazzjoni għall-ħlas tal-għajnuna matul is-sena 2016, inkwantu d-dritt nazzjonali jippermetti tali pass. |
|
67. |
Għar-raġunijiet li ġejjin, jien tal-fehma li jeħtieġ li tingħata risposta fl-affermattiv għal din id-domanda. |
|
68. |
Jeħtieġ li jitfakkar li l-Artikolu 108(3) TFUE għandu bħala għan li jiggarantixxi li ma qatt ma tingħata għajnuna inkompatibbli mas-suq intern u li tingħata biss għajnuna kompatibbli. Għaldaqstant, dan l-għan jintlaħaq, fl-ewwel lok, provviżorjament, permezz tal-projbizzjoni stabbilita b’din id-dispożizzjoni, u, fit-tieni lok, b’mod definittiv, permezz tad-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni, li, meta din tkun fin-negattiv, tkun tipprekludi fil-futur l-implimentazzjoni tal-proġett ta’ għajnuna kkomunikata ( 43 ). |
|
69. |
Madankollu, meta l-Kummissjoni tadotta deċiżjoni pożittiva u tikkonstata li l-iskema ta’ għajnuna implimentata hija fil-fatt skema ta’ għajnuna kompatibbli, l-għajnuna illegali ma tirriskjax li tippreġudika lill-persuni kkonċernati u li twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni, ħaġa li, barra minn hekk, trendi superfluwu l-għan tal-prevenzjoni tal-implimentazzjoni ta’ għajnuna inkompatibbli imfittex mill-Artikolu 108(3) TFUE. Għaldaqstant, l-effett utli ta’ din id-dispożizzjoni ma jiġix invalidat b’deċiżjoni biex tingħata din l-għajnuna retroattivament. |
|
70. |
Barra minn hekk, nikkunsidra li, f’dan il-każ, li r-Repubblika tal-Estonja titħalla tilqa’ applikazzjoni għall-ħlas ta’ għajnuna ddikjarata kompatibbli mill-Kummissjoni, inkluż għall-perijodu preċedenti għal din id-deċiżjoni, ikun jippermetti li tiġi ggarantita l-assenza ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq. Dan, b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li, f’dan il-każ, ċerti operaturi jidhru li komplew jirċievu għajnuniet matul il-perijodu tal-illegalità taħt l-iskema qadima. Għaldaqstant, dawn tal-aħħar huma obbligati, fil-prinċipju, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 65 ta’ dawn il-konklużjonijiet, mhux li jħallsu l-għajnuna lura, imma biss li jħallsu l-interessi fuq l-għajnuna li rċevew matul dan il-perijodu. Issa, jekk l-operaturi li ma rċevewx l-għajnuna ma jitħallewx jirċevuha b’mod retroattiv (taħt l-istess skema u matul l-istess perijodu), filwaqt li huma jkunu jistgħu jitolbuha fuq il-bażi ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara l-għajnuna bħala kompatibbli, dan jirriskja li joħloq inugwaljanza fit-trattament li twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni. |
|
71. |
Għal dak li jirrigwarda, fl-aħħar nett, is-sitwazzjoni ta’ Espo li installat, matul is-sena 2009, tagħmir ta’ produzzjoni imma li talbet biss l-għajnuna inkwistjoni għall-elettriku prodott b’dan it-tagħmir matul is-sena 2016, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk il-fatt li din l-applikazzjoni ġiet ippreżentata f’data li ma kinitx koperta bid-Deċiżjoni tal-2014 twassalx għaċ-ċaħda tal-applikazzjoni tagħha, minkejja li din il-kumpannija tista’ tkun eliġibbli biex tibbenefika mill-iskema qadima, approvata bid-Deċiżjoni tal-2014. Skont din il-qorti tqum għaldaqstant il-kwistjoni biex jiġi stabbilit jekk il-projbizzjoni tal-għoti ta’ għajnuna prevista fl-Artikolu 108(3) TFUE tkunx tali li tostakola tali applikazzjoni, jekk id-dritt nazzjonali jippermettiha. |
|
72. |
Għalkemm, għar-raġunijiet iċċitati iktar ’il fuq, nikkunsidra li l-Artikolu 108(3) TFUE ma jipprekludix li r-Repubblika tal-Estonja tilqa’ tali applikazzjoni sa fejn id-dritt nazzjonali jippermettiha, xorta jibqa’ l-fatt li l-qorti tar-rinviju hija obbligata tosserva d-deċiżjonijiet tal-2014 u tal-2017. |
|
73. |
Għandu jiġi nnotat, l-ewwel, li l-formulazzjoni tad-domanda, kif saret mill-qorti tar-rinviju, tidher li hija bbażata fuq il-premessa li Espo kien ikollha dritt għall-għajnuna għat-tagħmir ta’ produzzjoni matul is-sena 2009, ħaġa li ma tidhirx li hija l-każ fuq il-bażi tad-deċiżjonijiet tal-2014 u 2017, fid-dawl tal-fatt li din il-kumpannija kienet diġà rċeviet l-għajnuna prevista mill-iskema Estonjana għall-perijodu massimu ta’ 12-il sena. |
|
74. |
It-tieni, jeħtieġ li jiġi osservat li Espo tidher, fil-fatt, li rċeviet l-għajnuna għal dan it-tagħmir ġdid b’effett mis-sena 2009 (id-data tal-installazzjoni tiegħu) u sas-sena 2015 (id-data ta’ tmiem il-perijodu massimu għall-għoti tal-għajnuna ta’ 12-il sena) ( 44 ). |
|
75. |
It-tielet, huwa l-kompitu tal-qorti nazzjonali li teżamina kemm Espo għandha tħallas interessi għall-perijodu bejn is-snin 2014 u 2015, peress li l-għajnuna rċevuta kienet tikkostitwixxi għajnuna illegali. Għaldaqstant, b’kuntrast ma’ Veejaam, li ma bbenefikatx mill-għajnuna li kienet is-suġġett tat-talba tagħha tal-2016, mid-domanda preliminari jirriżulta li Espo bbenefikat mill-għajnuna matul il-perijodu bejn l-1 ta’ April 2004 u l-31 ta’ Diċembru 2015. Għaldaqstant, skont il-ġurisprudenza li tinsab fil-punt 65 ta’ dawn il-konklużjonijiet, għalkemm din il-kumpannija ma kinitx obbligata tirrimborsa l-kapital rċevut, tqum il-kwistjoni tal-eventwali ħlas ta’ interessi għall-perijodu tal-illegalità tal-għajnuna. |
|
76. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li tingħata risposta għar-raba u ħames domanda li, meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li ma tqajjimx oġġezzjonijiet kontra skema ta’ għajnuna mill-Istat applikata bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE, il-persuni li huma intitolati għall-benefiċċju ta’ għajnuna għall-funzjonament jistgħu jitolbu l-ħlas tal-għajnuna għall-perijodu ta’ qabel id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, jekk ir-regoli proċedurali nazzjonali jippermettu dan, bil-kundizzjoni, madankollu, li r-rekwiżiti l-oħra kollha stabbiliti f’dawn id-deċiżjonijiet ikunu ssodisfatti. |
V. Konklużjoni
|
77. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mir-Riigikohus (il-Qorti Suprema, l-Estonja) bil-mod kif ġej:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2015, L 248, p. 9).
( 3 ) ĠU 2014, C 200, p. 1.
( 4 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol 1, p. 339).
( 5 ) ĠU 2015, C 44, p. 2.
( 6 ) ĠU 2018, C 121, p. 7.
( 7 ) Veejaam ipproduċiet l-enerġija elettrika f’impjant idroelettriku bejn is-snin 2001 u 2015, billi użat żewġ tagħmir ta’ produzzjoni b’qawwa ta’ bejn 100 u 200 kW. Bejn is-snin 2001 u 2012, Veejaam ibbenefikat mill-għajnuna għall-enerġija rinnovabbli prevista mill-iskema ta’ għajnuna Estonjana inkwistjoni fil-kawża prinċipali.Espo pproduċiet l-enerġija, f’impjant idroelettriku, permezz ta’ turbina b’qawwa ta’ 15 kW. Mis-sena 2009, bdiet topera turbina ġdida b’qawwa ta’ 45 kW. Espo bbenefikat mill-għajnuna għall-enerġija rinnovabbli matul il-perijodu bejn is-snin 2004 u 2015.
( 8 ) Matul is-sena 2015, Veejaam issostitwiet it-tagħmir ta’ produzzjoni eżistenti b’turbina-ġeneratur ġdid installata fuq id-diga l-antika tal-impjant. It-tagħmir ta’ produzzjoni li jirriżulta minn din l-operazzjoni kien, għaldaqstant, parzjalment ġdid meta’ mqabbel ma’ dak li kien jeżisti fil-mument tat-tnedija tal-produzzjoni tal-enerġija.
( 9 ) Matul is-sena 2016, Veejaam bagħtet id-data tat-tagħmir il-ġdid lil Elering, bil-għan li tikseb l-għajnuna għall-enerġija rinnovabbli. Espo ppreżentat ukoll talba quddiem Elering matul is-sena 2016 li tikkonċerna t-turbina installata matul is-sena 2009.
( 10 ) Sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2007, Omni Metal Service (C‑259/05, EU:C:2007:363, punt 15).
( 11 ) Din l-iskema ma ġietx ikklassifikata bħala “għajnuna eżistenti” fil-mument tal-adeżjoni tal-Estonja u ġiet ikkomunikata lill-Kummissjoni biss matul is-sena 2014.
( 12 ) Din il-qorti tqis ukoll li hija ser ikollha tistabbilixxi jekk il-kunċett ta’ “tagħmir ta’ produzzjoni” jinkludix mhux biss it-turbina-ġeneratur (jiġifieri l-elementi li ġew issostitwiti f’dan il-każ), iżda jekk jinkludix ukoll id-diga u l-kanal tad-devjazzjoni.
( 13 ) Fl-istess sens, id-domandi li jirrigwardaw il-klassifikazzjoni tat-tagħmir ta’ produzzjoni magħmula mill-qorti tar-rinviju huma domandi ta’ fatt li jistgħu jiġu interpretati biss mill-qorti nazzjonali.
( 14 ) Ara l-premessi 62, 73, 109 u 111 tad-Deċiżjoni tal-2014 u l-premessa 66 tad-Deċiżjoni tal-2017.
( 15 ) Sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2010, Kahla Thüringen Porzellan vs Il-Kummissjoni (C‑537/08 P, EU:C:2010:769, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 16 ) It-test tal-abbozz ta’ liġi (ELTS) ikkomunikat lill-Kummissjoni kien jipprevedi, fl-Artikolu 108 tiegħu, li “[e]bda għajnuna ma titħallas għall-elettriku prodott b’tagħmir ta’ produzzjoni installat fuq l-istess sit b’sostituzzjoni ta’ tagħmir qadim ta’ produzzjoni jekk, skont din il-liġi, l-għajnuna tkun diġà tħallset għal 12-il sena għall-elettriku prodott bit-tagħmir ta’ produzzjoni li għandu jiġi ssostitwit. L-għajnuna titħallas għall-elettriku prodott b’tagħmir ta’ produzzjoni mibni biex jissostitwixxi tagħmir ta’ produzzjoni qadim, sakemm jgħaddu 12-il sena mit-tnedija tal-produzzjoni bit-tagħmir ta’ produzzjoni inizjali”.
( 17 ) Sentenza tad-9 ta’ Marzu 1994, TWD Textilwerke Deggendorf (C‑188/92, EU:C:1994:90, punt 25).
( 18 ) Sentenza tad-19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et (C‑526/14, EU:C:2016:570, punt 44).
( 19 ) Sentenza tad-19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et (C‑526/14, EU:C:2016:570, punt 40).
( 20 ) Sentenza tad-19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et (C‑526/14, EU:C:2016:570, punti 43 sa 45).
( 21 ) Ara l-premessa 64 tad-Deċiżjoni tal-2014 u l-premessi 62 u 63 tad-Deċiżjoni tal-2017.
( 22 ) Ara l-punt 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 23 ) Ara l-premessi 27, 28 u 106 tad-Deċiżjoni tal-2014.
( 24 ) Ara l-premessi 29, 31 u 96 tad-Deċiżjoni tal-2017.
( 25 ) F’dan il-każ, it-tip ta’ għajnuna eżistenti rilevanti hija dik iddefinita fl-Artikolu 1(b)(ii) ta’ dan ir-regolament.
( 26 ) Inklużi l-proġetti intiżi li jbiddlu għajnuna eżistenti, peress li t-tibdil ta’ għajnuna eżistenti tikkostitwixxi għajnuna ġdida fis-sens tal-Artikolu 1(c) tar-Regolament 2015/1589.
( 27 ) Sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2016, DEI u Il-Kummissjoni vs Alouminion tis Ellados (C‑590/14 P, EU:C:2016:797, punt 45).
( 28 ) Sentenza tat-18 ta’ Novembru 2010, NDSHT vs Il-Kummissjoni (C‑322/09 P, EU:C:2010:701, punt 52).
( 29 ) Din il-pożizzjoni hija kkontestata minn Elering, li tagħti interpretazzjoni differenti tad-Deċiżjoni tal-2014. Għaldaqstant, Elering issostni li l-iskema qadima ma kinitx tipprevedi data ta’ skadenza u li mid-Deċiżjoni tal-2014 ma jirriżultax li l-Kummissjoni ssuġġettat l-approvazzjoni tal-iskema qadima għall-kundizzjoni li din kellha tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2014 jew li din kellha tiġi ssostitwita bi skema ġdida. Isegwi li r-Repubblika tal-Estonja setgħet b’mod leġittimu ma timplimentax t-tibdil approvat bl-imsemmija deċiżjoni u tkompli timplimenta l-iskema qadima ta’ għajnuna approvata b’din id-deċiżjoni.
( 30 ) Ara t-Taqsima 3.2 tad-Deċiżjoni tal-2017.
( 31 ) Sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2015, Iglesias Gutiérrez u Rion Bea (C‑352/14 u C‑353/14, EU:C:2015:691, punti 28 u 29).
( 32 ) Sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2016, DEI u Il-Kummissjoni vs Alouminion tis Ellados (C‑590/14 P, EU:C:2016:797, punt 49 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
( 33 ) Sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2016, DEI u Il-Kummissjoni vs Alouminion tis Ellados (C‑590/14 P, EU:C:2016:797, punt 50 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
( 34 ) Ara l-punt 24 sa 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 35 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2003, van Calster et (C‑261/01 u C‑262/01, EU:C:2003:571, punt 56).
( 36 ) Sentenza tad-19 ta’ Marzu 2015, OTP Bank (C‑672/13, EU:C:2015:185, punt 76).
( 37 ) Sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2003, van Calster et (C‑261/01 u C‑262/01, EU:C:2003:571, punt 62).
( 38 ) Sentenza tal-24 ta’ Novembru 2020, Viasat Broadcasting UK (C‑445/19, EU:C:2020:952, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 39 ) Sentenza tal-24 ta’ Novembru 2020, Viasat Broadcasting UK (C‑445/19, EU:C:2020:952, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 40 ) Sentenza tal-5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar (C‑349/17, EU:C:2019:172, punt 134 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 41 ) Sentenza tal-5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar (C‑349/17, EU:C:2019:172, punt 132 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 42 ) Il-każ partikolari ta’ Espo, li kompliet tirċievi l-għajnuna taħt l-iskema qadima matul il-perijodu 2015-2016, ġie ttrattat fil-punt 75 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 43 ) Sentenza tat-12 ta’ Frar 2008, CELF u ministre de la Culture et de la Communication (C‑199/06, EU:C:2008:79, punti 47 u 48).
( 44 ) Ara l-punt 8 ta’ dawn il-konklużjonijiet.