European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1796

9.9.2025

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1796

tat-8 ta’ Settembru 2025

li jidderoga fir-rigward tas-sena 2025 mill-Artikolu 44(2), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-livell ta’ pagamenti antiċipati għall-interventi fil-forma ta’ pagamenti diretti u għall-interventi għall-iżvilupp rurali bbażati fuq iż-żoni u fuq l-annimali

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 44(6) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 44(2), it-tieni subparagrafu, il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2021/2116, mis-16 ta’ Ottubru sat-30 ta’ Novembru, l-Istati Membri jistgħu jwettqu pagamenti antiċipati sa 50 % għall-interventi fil-forma ta’ pagamenti diretti u għall-miżuri msemmija fil-Kapitolu IV tar-Regolament (UE) Nru 228/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u fil-Kapitolu IV tar-Regolament (UE) Nru 229/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). Skont l-Artikolu 44(2), it-tieni subparagrafu, il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2021/2116, qabel l-1 ta’ Diċembru, l-Istati Membri jistgħu jwettqu pagamenti antiċipati sa 75 % għall-interventi għall-iżvilupp rurali bbażati fuq iż-żona u bbażati fuq l-annimali skont ir-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

(2)

Skont l-Artikolu 44(6) tar-Regolament (UE) 2021/2116, fuq talba ta’ Stat Membru, fil-każ ta’ emerġenza, il-Kummissjoni għandha tadotta, fejn xieraq, atti ta’ implimentazzjoni li jidderogaw mill-Artikolu 44(2) ta’ dak ir-Regolament biss sal-punt u għall-perjodu li huma strettament meħtieġa.

(3)

Wara l-laqgħa tal-Kumitat tal-Politika Agrikola Komuni tat-12 ta’ Ġunju 2025, l-Istati Membri talbu li jidderogaw mill-Artikolu 44(2) tar-Regolament (UE) 2021/2116 biex ikunu jistgħu jwettqu aktar pagamenti antiċipati fir-rigward tas-sena tat-talba 2025 biex jindirizzaw emerġenza li rriżultat minħabba taħlita eċċezzjonali ta’ avvenimenti avversi, inklużi ż-żidiet tariffarji unilaterali imposti mill-Istati Uniti u t-tensjonijiet kummerċjali li rriżultaw, l-invażjoni Russa tal-Ukrajna li għaddejja bħalissa, il-konsegwenzi tal-kunflitti fil-Lvant Nofsani, kif ukoll avvenimenti estremi tat-temp. L-Istati Membri kkonfermaw li l-produtturi agrikoli tagħhom jiffaċċjaw problemi ta’ likwidità minħabba taħlita ta’ dawk l-avvenimenti avversi li għandhom impatt fuq il-prezzijiet tal-inputs agrikoli u tal-komoditajiet. L-Istati Membri talbu lill-Kummissjoni tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex ikun jista’ jsir il-ħlas ta’ pagamenti antiċipati miżjuda għall-interventi u l-miżuri kollha fir-rigward tas-sena tat-talba 2025.

(4)

It-tensjonijiet kummerċjali attwali li jfixklu l-ktajjen tal-provvista globali għandhom impatt fuq id-disponibbiltà tal-inputs agrikoli, iżidu l-kostijiet u jaffettwaw il-vijabbiltà ekonomika tal-bdiewa. It-tnaqqis fil-kompetittività minħabba prezzijiet ogħla, flimkien mal-ħtieġa li jinstabu swieq alternattivi, ipoġġi pressjoni ekonomika fuq il-bdiewa. It-tariffi jikkontribwixxu wkoll għal inċertezza usa’ fir-relazzjonijiet kummerċjali internazzjonali li twassal għal kundizzjonijiet ta’ volatilità tas-suq.

(5)

L-invażjoni Russa tal-Ukrajna li għaddejja bħalissa u l-kunflitti fil-Lvant Nofsani jirriskjaw li jtawlu d-diffikultajiet eżistenti, bħat-tfixkil tal-ktajjen tal-provvista globali tal-ikel u l-pressjoni kontinwa li tgħolli l-prezzijiet tal-inputs. Dawn l-avvenimenti u l-inċertezzi jfixklu x-xejriet kummerċjali u jħallu impatt sinifikanti fuq il-prezzijiet tal-komoditajiet agrikoli u s-swieq agrikoli.

(6)

Barra minn hekk, huwa mistenni li l-avvenimenti meteoroloġiċi avversi reċenti f’ċerti reġjuni, bħan-nixfa rikorrenti minħabba nuqqas qawwi ta’ ilma, il-ġlata tardiva, ix-xita eċċessiva lokali u l-għargħar ikollhom impatt negattiv fuq ir-rendimenti tal-għelejjel, u jżidu l-pressjoni fuq is-settur agrikolu.

(7)

Minħabba dawn iċ-ċirkostanzi, meta jitqies li l-avvenimenti avversi jħallu impatt fuq il-prezzijiet tal-inputs u tal-komoditajiet agrikoli, jenħtieġ li l-Istati Membri jitħallew iħallsu aktar pagamenti antiċipati fir-rigward tas-sena tat-talba 2025 biex jindirizzaw il-problemi ta’ likwidità li l-produtturi agrikoli x’aktarx jiffaċċjaw fl-Unjoni kollha.

(8)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat dwar il-Fondi Agrikoli u tal-Kumitat dwar il-Politika Agrikola Komuni,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   B’deroga mill-Artikolu 44(2), it-tieni subparagrafu, il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2021/2116, fir-rigward tas-sena tat-talba 2025, l-Istati Membri jistgħu jwettqu pagamenti antiċipati sa 70 % għall-interventi fil-forma ta’ pagamenti diretti skont it-Titolu III, il-Kapitolu II, tar-Regolament (UE) 2021/2115, u għall-miżuri msemmija fil-Kapitolu IV tar-Regolament (UE) Nru 228/2013 u fil-Kapitolu IV tar-Regolament (UE) Nru 229/2013.

2.   B’deroga mill-Artikolu 44(2), it-tieni subparagrafu, il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2021/2116, fir-rigward tas-sena tat-talba 2025, l-Istati Membri jistgħu jwettqu pagamenti antiċipati sa 85 % għall-appoġġ mogħti fil-kuntest tal-interventi għall-iżvilupp rurali bbażati fuq iż-żoni u fuq l-annimali skont it-Titolu III, il-Kapitolu IV, tar-Regolament (UE) 2021/2115.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Settembru 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 435, 6.12.2021, p. 187, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/2116/oj.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 228/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Marzu 2013 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 247/2006 (ĠU L 78, 20.3.2013, p. 23, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/228/oj).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 229/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Marzu 2013 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura favur il-gżejjer minuri fil-Baħar Eġew u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1405/2006 (ĠU L 78, 20.3.2013, p. 41, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/229/oj).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li għandhom jitfasslu mill-Istati Membri skont il-Politika Agrikola Komuni (Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK) u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 u (UE) Nru 1307/2013 (ĠU L 435, 6.12.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/2115/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/1796/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)