Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

16 ta’ Lulju 2026 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 20 TFUE – Membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li qatt ma eżerċita l-libertà ta’ moviment tiegħu – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Direttiva 2008/115/KE – Ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu irregolarment – Preġudizzju għas-sigurtà nazzjonali – Pożizzjoni ta’ awtorità speċjalizzata nazzjonali – Motivazzjoni – Aċċess għall-fajl – Informazzjoni kklassifikata – Supremazija tad-dritt tal-Unjoni”

Fil-Kawża C‑26/25 [Bukla] (i),

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Szegedi Törvényszék (il-Qorti ta’ Szeged, l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Jannar 2025, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑17 ta’ Jannar 2025, fil-proċedura

PQ

vs

Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság,

Alkotmányvédelmi Hivatal,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn C. Lycourgos (Relatur), President tal-Awla, O. Spineanu-Matei, S. Rodin, N. Piçarra u N. Fenger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: D. Spielmann,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal PQ, minn T. Kovács, A. Németh u B. Pohárnok, ügyvédek,

–        għall-Gvern Ungeriż, minn Zs. Biró-Tóth u M. Z. Fehér, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u R. Kanitz, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Blanc, A. Katsimerou, E. Montaguti, Zs. Teleki u P. J. O. Van Nuffel, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(3) TUE u tal-Artikolu 19(1) TUE, tal-Artikoli 20 TFUE u 267 TFUE, tal-Artikoli 1, 5, 7, 24, 41, 47, 51 u 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), tal-Artikoli 1, 5 u 11 sa 13 tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU 2008, L 348, p. 98), kif ukoll tal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, PQ u, min-naħa l-oħra, l-Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság (id-Direttorat Ġenerali Nazzjonali tal-Pulizija tal-Barranin, id-Direttorat Reġjonali tal-Pulizija tal-Barranin tad-Dél-Alföld, l-Ungerija) (iktar ’il quddiem id-“Direttorat Reġjonali”) u l-Alkotmányvédelmi Hivatal (l-Uffiċċju tal-Protezzjoni tal-Kostituzzjoni, l-Ungerija) dwar il-legalità tad-deċiżjoni ta’ ritorn kif ukoll dwar il-projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza adottati fil-konfront ta’ PQ.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 It-Trattat FUE

3        L-Artikolu 20 TFUE jipprevedi:

“1.      Qed tiġi stabbilita ċ-Ċittadinanza ta’ l-Unjoni [Ewropea]. Kwalunkwe persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru hija ċittadina ta’ l-Unjoni. Iċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni għandha tiżdied maċ-ċittadinanza nazzjonali u ma tissostitwixxihiex.

2.      Iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni għandhom igawdu d-drittijiet u jintrabtu bid-dmirijiet previsti fit-Trattati. Huma għandhom, fost l-oħrajn:

a)      id-dritt ta’ moviment liberu u d-dritt ta’ residenza libera fit-territorju ta’ l-Istati Membri;

b)      id-dritt tal-vot u d-dritt li joħorġu bħala kandidati fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew kif ukoll fl-elezzjonijiet muniċipali fl-Istat Membru fejn huma jirrisjedu, taħt l-istess kondizzjonijiet bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat;

c)      id-dritt li jgawdu, fit-territorju ta’ pajjiż terz fejn l-Istat Membru li tiegħu huma ċittadini ma jkunx rappreżentat, mill-protezzjoni ta’ l-awtoritajiet diplomatiċi u konsulari ta’ kwalunkwe Stat Membru, taħt l-istess kondizzjonijiet bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat;

d)      id-dritt li jressqu petizzjoni lill-Parlament Ewropew, id-dritt li jirrikorru għall-Ombudsman Ewropew, kif ukoll id-dritt li jindirizzaw lill-istituzzjonijiet u l-korpi konsultattivi ta’ l-Unjoni fi kwalunkwe lingwa tat-Trattat u d-dritt li jirċievu tweġiba bl-istess lingwa.

Dawn id-drittijiet għandhom ikunu eżerċitati skond il-kondizzjonijiet u fil-limiti definiti fit-Trattati u permezz tal-miżuri adottati għall-applikazzjoni tagħhom.”

 Id-Direttiva 2008/115

4        Il-premessi 6 u 24 tad-Direttiva 2008/115 huma fformulati kif ġej:

“(6)      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tmiem ta’ soġġorn illegali ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jitwettaq permezz ta’ proċedura ġusta u trasparenti. Skond il-prinċipji ġenerali tal-liġi ta’ l-UE, deċiżjonijiet meħuda skond din id-Direttiva għandhom jiġu adottati fuq bażi ta’ każ b’każ u abbażi ta’ kriterji oġġettivi, li jimplika li l-konsiderazzjoni għandha tmur lil hinn mis-sempliċi fatt ta’ soġġorn illegali. Meta jużaw forom standard għal deċiżjonijiet relatati mar-ritorn, jiġifieri deċiżjonijiet ta’ ritorn u, jekk maħruġa, deċiżjonijiet li jipprojbixxu d-dħul u deċiżjonijiet dwar it-tneħħija, l-Istati Membri għandhom jirrispettaw dak il-prinċipju u jikkonformaw bis-sħiħ mad-dispożizzjonijiet applikabbli kollha ta’ din id-Direttiva.

[…]

(24)      Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tħares il-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-[Karta].”

5        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi standards u proċeduri komuni li għandhom jiġu applikati fl-Istati Membri biex jiġu rritornati ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, skond id-drittijiet fundamentali bħala prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja kif ukoll tal-liġi internazzjonali, inkluż il-protezzjoni tar-refuġjati u l-obbligi dwar id-drittijiet tal-bniedem.”

6        L-Artikolu 2(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“Din id-Direttiva tapplika għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru.”

7        Skont il-punt 2 tal-Artikolu 3 tal-istess direttiva:

“Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(2)      ‘soġġorn illegali’ tfisser il-preżenza fit-territorju ta’ Stat Membru, ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li ma jissodisfax, jew m’għadux jissodisfa l-kondizzjonijiet ta’ dħul kif stabbiliti fl-Artikolu [6] [tar-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU 2016, L 77, p. 1 u rettifika fil-ĠU 2020, L 245, p. 32)] jew kondizzjonijiet oħrajn għal dħul, soġġorn jew residenza f’dak l-Istat Membru”.

8        L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115 jipprovdi:

“Fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jieħdu kont dovut ta’:

(a)      l-aħjar interessi tat-tfal,

(b)      il-ħajja familjari,

(c)      l-istat tas-saħħa taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat u,

jirrispettaw il-prinċipju ta’ non-refoulement.”

9        L-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom joħorġu deċiżjoni ta’ ritorn għal ċittadin ta’ pajjiż terz li qed jissoġġorna illegalment fit-territorju tagħhom, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet imsemmijin fil-paragrafi 2 sa 5.

[…]”

10      L-Artikolu 11 tal-imsemmija direttiva jiddefinixxi s-sistema tad-deċiżjonijiet ta’ projbizzjoni ta’ dħul.

11      L-Artikolu 12(1) tal-istess direttiva jipprovdi:

“Deċiżjonijiet ta’ ritorn u, jekk maħruġa, deċiżjonijiet ta’ projbizzjoni fuq id-dħul u deċiżjonijiet ta’ tneħħija, għandhom jinħarġu bil-miktub u jagħtu raġunijiet fil-fatt u fid-dritt kif ukoll informazzjoni dwar ir-rimedji legali disponibbli.

L-informazzjoni dwar ir-raġunijiet tista’ fil-fatt tkun limitata fejn il-liġi nazzjonali tippermetti li d-dritt għall-informazzjoni jiġi ristrett, b’mod partikolari sabiex tiġi salvagwardjata s-sigurtà nazzjonali, id-difiża, is-sigurtà pubblika u l-prevenzjoni, l-investigazzjoni, id-detenzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali.”

12      L-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/115 jipprevedi:

“Iċ-ċittadin konċernat ta’ pajjiż terz għandu jingħata dritt għal rimedju effettiv li jappella kontra jew li jitlob reviżjoni tad-deċiżjonijiet relatati mar-ritorn, kif imsemmi fl-Artikolu 12(1) quddiem awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva kompetenti jew korp kompetenti magħmul minn membri imparzjali u li jgawdu minn salvagwardji ta’ indipendenza.”

 Id-dritt Ungeriż

 Il-Liġi Nru II tal‑2007

13      L-Artikolu 43 tal-a harmadik országbeli állampolgárok beutazásáról és tartózkodásáról szóló 2007. évi II. törvény (il-Liġi Nru II tal‑2007 dwar id-Dħul u r-Residenza ta’ Ċittadini ta’ Pajjiżi Terzi) tal‑5 ta’ Jannar 2007 (Magyar Közlöny 2007/1.) jipprovdi:

“1.      L-awtorità tal-pulizija tal-barranin għandha tordna projbizzjoni awtonoma ta’ dħul u ta’ residenza fil-konfront taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi f’post mhux magħruf jew barra mill-pajjiż,

[…]

(c)      li d-dħul u r-residenza tiegħu jippreġudikaw jew jipperikolaw is-sigurtà nazzjonali, is-sigurtà pubblika jew l-ordni pubbliku;

[…]

2.      L-awtorità tal-pulizija tal-barranin għandha tordna, ħlief fil-każ ta’ eċċezzjoni prevista minn din il-liġi, ir-ritorn ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz mill-pulizija tal-barranin

[…]

d)      li d-dħul u r-residenza tiegħu jippreġudikaw jew jipperikolaw is-sigurtà nazzjonali, is-sigurtà pubblika jew l-ordni pubbliku;

[…]

3.      L-inizjattiva tal-projbizzjoni awtonoma ta’ dħul u ta’ residenza għar-raġuni stabbilita fil-paragrafu 1(c), kif ukoll tar-ritorn mill-pulizija tal-barranin għar-raġuni stabbilita fil-paragrafu 2(d), tista’ tittieħed ukoll mill-korpi taż-żamma tal-ordni indikati fid-digriet tal-Gvern, fl-isfera ta’ kompetenza tagħhom, sabiex iwettqu l-kompiti marbuta mal-protezzjoni tal-interessi ddefiniti fil-liġi. Jekk il-projbizzjoni awtonoma ta’ dħul u ta’ residenza tinħareġ għar-raġuni msemmija fil-paragrafu 1(c), jew jekk ir-ritorn mill-pulizija tal-barranin huwa impost għar-raġuni imsemmija fil-paragrafu 2(d), il-korpi ta’ żamma tal-ordni indikati fid-digriet tal-Gvern, fil-każijiet li jaffettwaw il-kompiti u l-kompetenzi tagħhom, għandhom jifformulaw proposta dwar it-tul tal-projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza. L-awtorità tal-pulizija tal-barranin ma tistax tiddevja mill-kontenut tal-proposta.”

14      L-Artikolu 45(1) ta’ din il-liġi jipprevedi:

“Qabel ma tiġi adottata deċiżjoni ta’ ritorn mill-pulizija tal-barranin fil-konfront ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li għandu permess ta’ residenza mogħti fid-dawl tar-rabtiet familjali tiegħu, l-awtorità tal-pulizija tal-barranin għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-aspetti li ġejjin:

(a)      it-tul tar-residenza;

(b)      l-età u s-sitwazzjoni tal-familja taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz u l-konsegwenzi possibbli tal-miżura ta’ ritorn fil-konfront tiegħu għall-membri tal-familja tiegħu;

(c)      ir-rabtiet taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz mal-Ungerija kif ukoll l-assenza ta’ relazzjonijiet mal-pajjiż ta’ oriġini tiegħu.”

15      Skont l-Artikolu 87/A(1) tal-imsemmija liġi:

“Għall-finijiet tal-proċeduri rregolati minn din il-liġi, il-Gvern għandu jaħtar permezz ta’ digriet tal-Gvern maħruġ għall-eżekuzzjoni tagħha korp speċjalizzat tal-Istat inkarigat li jiddeċiedi ċerti kwistjonijiet.”

16      Skont l-Artikolu 87/B(4) tal-istess liġi:

“L-opinjoni tal-korp speċjalizzat tal-Istat hija, f’dak li jirrigwarda l-kwistjoni speċjali, vinkolanti għall-awtorità tal-pulizija tal-barranin adita.”

 Id-Digriet tal-Gvern Nru 114 tal‑2007

17      L-Artikolu 114(4) tal-a harmadik országbeli állampolgárok beutazásáról és tartózkodásáról szóló 2007. évi II. törvény végrehajtásáról szóló 114/2007. Korm. rendelet (id-Digriet tal-Gvern Nru 114 tal‑2007 li Jeżegwixxi l-Liġi Nru II tal‑2007 dwar id-Dħul u r-Residenza ta’ Ċittadini ta’ Pajjiżi Terzi) tal‑24 ta’ Mejju 2007 jipprevedi li projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza tista’ tiġi ordnata fuq proposta tal-awtorità investigattiva, tal-Uffiċċju għall-Protezzjoni tal-Kostituzzjoni, tal-Pulizija jew tat-Terrorelhárítási Központ (l-Uffiċċju Ċentrali għall-Prevenzjoni tat-Terroriżmu, l-Ungerija).

18      Skont l-Artikolu 114(4b) ta’ dan id-digriet, miżura ta’ ritorn tista’ tiġi ordnata wkoll fuq proposta tal-awtorità investigattiva, tal-Uffiċċju tal-Protezzjoni tal-Kostituzzjoni jew tal-Uffiċċju Ċentrali għall-Prevenzjoni tat-Terroriżmu.

 Il-Liġi Nru CLV tal‑2009

19      L-Artikolu 11 tal-a minősített adat védelméről szóló 2009. évi CLV. törvény (il-Liġi Nru CLV tal‑2009 dwar il-Protezzjoni ta’ Informazzjoni Kklassifikata) tad‑29 ta’ Diċembru 2009 (Magyar Közlöny 2009/194.), jipprovdi:

“1.      Is-suġġett tad-data għandu d-dritt li jsir jaf id-data personali tiegħu li għandha n-natura ta’ informazzjoni kklassifikata nazzjonali fuq il-bażi ta’ awtorizzazzjoni ta’ konsultazzjoni maħruġa mill-awtorità ta’ klassifikazzjoni u mingħajr ma jkollu ċertifikat ta’ sigurtà personali. Is-suġġett tad-data huwa obbligat jagħmel, qabel ma jieħu konjizzjoni tal-informazzjoni kklassifikata nazzjonali, dikjarazzjoni ta’ kunfidenzjalità bil-miktub u josserva r-regoli ta’ protezzjoni tal-imsemmija informazzjoni.

2.      Id-deċiżjoni dwar l-awtorizzazzjoni għall-konsultazzjoni għandha tittieħed mill-awtorità ta’ klassifikazzjoni fuq talba tas-suġġett tad-data u f’terminu ta’ ħmistax-il jum. L-awtorizzazzjoni ta’ konsultazzjoni għandha tiġi miċħuda mill-awtorità ta’ klassifikazzjoni jekk l-għarfien tal-informazzjoni jwassal għal preġudizzju għall-interess pubbliku li ġġustifika l-klassifikazzjoni. Iċ-ċaħda li tingħata l-awtorizzazzjoni għall-konsultazzjoni għandha tkun motivata mill-awtorità ta’ klassifikazzjoni.

3.      Fil-każ ta’ ċaħda li tingħata l-awtorizzazzjoni ta’ konsultazzjoni, is-suġġett tad-data jista’ jikkontesta d-deċiżjoni permezz ta’ azzjoni ġudizzjarja amministrattiva. […]”

20      L-Artikolu 12(1) ta’ din il-liġi jipprevedi:

“L-awtorità li tittratta l-informazzjoni kklassifikata tista’ tirrifjuta li s-suġġett tad-data jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ aċċess għad-data personali tiegħu jekk l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt jikkomprometti l-interess pubbliku li ġġustifika l-klassifikazzjoni.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

21      PQ, ċittadin ta’ pajjiż terz, daħal legalment fl-Ungerija f’Ġunju 2005 bħala plejer tal-futbol professjonali u ilu jirrisjedi minn dak iż-żmien fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru. Fl-aħħar lok, huwa kellu permess ta’ residenza permanenti validu sal‑15 ta’ Settembru 2020.

22      PQ ilu jgħix mill‑2011 mas-sieħba tiegħu ta’ nazzjonalità Ungeriża. Żewġ ulied ta’ nazzjonalità Ungeriża twieldu minn din ir-relazzjoni matul l‑2012 u l‑2021. PQ għandu, flimkien mas-sieħba tiegħu, l-awtorità tal-ġenituri fuq uliedhom. Huwa jgħix b’mod permanenti ma’ dawn tal-aħħar u għandu l-kustodja effettiva tagħhom fil-parti l-kbira tal-ħin. Uliedu għandhom rabta emozzjonali mill-qrib u relazzjoni ta’ dipendenza ma’ PQ, li ilu jieħu ħsiebhom sa mit-twelid tagħhom.

23      Fis‑6 ta’ Awwissu 2020, PQ ippreżenta applikazzjoni għal permess ta’ stabbiliment nazzjonali billi invoka s-sitwazzjoni familjali tiegħu.

24      Permezz ta’ opinjoni mhux motivata tad‑9 ta’ Settembru 2020, l-Uffiċċju tal-Protezzjoni tal-Kostituzzjoni qies li r-residenza ta’ PQ fl-Ungerija kienet tippreġudika l-interessi ta’ dan l-Istat Membru fil-qasam tas-sigurtà nazzjonali. Dan il-korp speċjalizzat ikklassifika d-data li fuqha huwa bbaża ruħu sabiex jagħti din l-opinjoni bħala informazzjoni kklassifikata.

25      Permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ Ottubru 2020, id-Direttorat Reġjonali, bħala awtorità tal-pulizija tal-barranin tal-ewwel grad, ċaħad l-applikazzjoni għal permess ta’ stabbiliment nazzjonali mressqa minn PQ.

26      Fit‑3 ta’ Diċembru 2020, l-Uffiċċju tal-Protezzjoni tal-Kostituzzjoni ppropona l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn fil-konfront ta’ PQ minħabba li r-residenza tiegħu fl-Ungerija kienet tippreġudika l-interessi ta’ dan l-Istat Membru fil-qasam tas-sigurtà nazzjonali. Dan il-korp speċjalizzat ikklassifika d-data li fuqha huwa bbaża ruħu sabiex jadotta din il-proposta bħala informazzjoni kklassifikata.

27      Id-deċiżjoni tas‑27 ta’ Ottubru 2020 ġiet ikkonfermata, fil‑25 ta’ Marzu 2021, mill-Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság (id-Direttorat Ġenerali Nazzjonali tal-Pulizija tal-Barranin, l-Ungerija), awtorità tal-pulizija tal-barranin tat-tieni grad, minħabba li l-Belügyminiszter (il-Ministru għall-Intern, l-Ungerija) kien, bħala korp speċjalizzat tat-tieni grad, ta opinjoni fit‑12 ta’ Frar 2021, li tgħid li r-residenza ta’ PQ fit-territorju Ungeriż kienet tippreġudika l-interessi tal-Ungerija fil-qasam tas-sigurtà nazzjonali. Fid-deċiżjoni tiegħu, id-Direttorat Ġenerali Nazzjonali tal-Pulizija tal-Barranin enfasizza li, skont il-leġiżlazzjoni Ungeriża, ma setax iwarrab l-opinjoni mogħtija mill-Ministru għall-Intern u li għalhekk kien obbligat jirrifjuta l-applikazzjoni ta’ PQ, mingħajr ma jieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni personali tiegħu.

28      Fis‑16 ta’ April 2021, l-Uffiċċju tal-Protezzjoni tal-Kostituzzjoni ppropona l-adozzjoni ta’ projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza fil-konfront ta’ PQ.

29      Permezz ta’ deċiżjoni tas‑6 ta’ Mejju 2021, id-Direttorat Reġjonali adotta deċiżjoni ta’ ritorn fil-konfront ta’ PQ, ordna l-eżekuzzjoni forzata ta’ din il-miżura u impona fuq PQ projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza għal perijodu ta’ għaxar snin. Din id-deċiżjoni ta’ ritorn kienet ibbażata b’mod partikolari fuq il-proposti adottati fit‑3 ta’ Diċembru 2020 u fis‑16 ta’ April 2021 mill-Uffiċċju tal-Protezzjoni tal-Kostituzzjoni.

30      Permezz ta’ miżura intermedja tas‑6 ta’ Mejju 2021, id-Direttorat Reġjonali ssospenda l-eżekuzzjoni tar-ritorn ta’ PQ sakemm jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet għar-ritorn u t-tlestija ta’ proċeduri kriminali mibdija kontrih jew, jekk ikun il-każ, l-eżekuzzjoni ta’ kwalunkwe piena li tingħata fi tmiem dawn il-proċeduri kriminali.

31      PQ ippreżenta, quddiem is-Szegedi Törvényszék (il-Qorti ta’ Szeged, l-Ungerija), li hija l-qorti tar-rinviju, rikorsi kontra d-deċiżjoni tad-Direttorat Ġenerali Nazzjonali tal-Pulizija tal-Barranin tal‑25 ta’ Marzu 2021 u kontra d-deċiżjoni tad-Direttorat Reġjonali tas‑6 ta’ Mejju 2021.

32      Fl-okkażjoni tal-eżami tal-ewwel wieħed minn dawn ir-rikorsi, il-qorti tar-rinviju ressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talba għal deċiżjoni preliminari. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet għal din it-talba permezz tas-sentenza tal‑25 ta’ April 2024, NW u PQ (Informazzjoni kklassifikata) (C‑420/22 u C‑528/22, EU:C:2024:344).

33      Permezz ta’ sentenza tal‑25 ta’ Settembru 2024, il-qorti tar-rinviju annullat id-deċiżjoni tad-Direttorat Ġenerali Nazzjonali tal-Pulizija tal-Barranin tal‑25 ta’ Marzu 2021 u ordnat lid-Direttorat Reġjonali jimplimenta proċedura ġdida billi jieħu inkunsiderazzjoni s-sentenza tal‑25 ta’ April 2024, NW u PQ (Informazzjoni kklassifikata) (C‑420/22 u C‑528/22, EU:C:2024:344), filwaqt li pprovdiet indikazzjonijiet dwar l-approċċ li għandu jintuża għal dan l-għan.

34      Il-proċedura inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirrigwarda l-eżami tar-rikors ippreżentat minn PQ kontra d-deċiżjoni tad-Direttorat Reġjonali tas‑6 ta’ Mejju 2021.

35      Dik il-qorti tirrileva li PQ kien is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ritorn, peress li l-Uffiċċju tal-Protezzjoni tal-Kostituzzjoni kien qies li r-residenza tiegħu fl-Ungerija kienet tippreġudika l-interessi ta’ dan l-Istat Membru fil-qasam tas-sigurtà nazzjonali. Ir-raġunijiet li fuqhom hija bbażata din il-evalwazzjoni la ġew żvelati lil PQ u lanqas lid-Direttorat Reġjonali. Skont id-dritt Ungeriż, id-Direttorat Reġjonali ma huwa meħtieġ jeżamina l-ebda ċirkustanza individwali addizzjonali u huwa obbligat joqgħod fuq l-evalwazzjoni tal-Uffiċċju tal-Protezzjoni tal-Kostituzzjoni.

36      L-imsemmija qorti tenfasizza li mill-ġurisprudenza tal-Kúria (il-Qorti Suprema, l-Ungerija) jirriżulta li, f’sitwazzjoni bħal din inkwistjoni fil-kawża prinċipali, id-drittijiet proċedurali tal-persuna kkonċernata huma ggarantiti mis-setgħa li għandha l-qorti li għandha ġurisdizzjoni, sabiex tevalwa l-legalità tad-deċiżjoni dwar ir-residenza, li tikkonsulta l-informazzjoni kklassifikata li fuqha hija bbażata l-opinjoni tal-korpi speċjalizzati.

37      Fi kwalunkwe każ, anki jekk jitqies li talba għal aċċess għal informazzjoni kklassifikata tintlaqa’, la l-persuna kkonċernata u lanqas ir-rappreżentant tagħha ma jistgħu jużaw fil-kuntest tal-proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji l-informazzjoni kklassifikata li jkunu ngħataw aċċess għaliha, peress li l-awtorizzazzjoni għar-redazzjoni ta’ dokument bil-miktub li jkun fih is-sustanza ta’ din l-informazzjoni hija fil-prattika rrifjutata lilhom. Il-qorti adita b’rikors li jirrigwarda deċiżjoni dwar ir-residenza ma għandha, skont il-leġiżlazzjoni Ungeriża, l-ebda setgħa f’dan ir-rigward.

38      Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni Ungeriża mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni. Hija tqis, b’mod partikolari, li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115 u l-Artikolu 20 TFUE ma jippermettux li tiġi adottata deċiżjoni ta’ ritorn, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mingħajr ma tkun wettqet evalwazzjoni konkreta taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, b’mod partikolari ta’ dawk relatati mal-ħajja tal-familja tal-persuna kkonċernata. Barra minn hekk, l-istatus irriżervat għall-informazzjoni kklassifikata matul il-proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji jikser ir-rekwiżiti stabbiliti fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

39      F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Szegedi Törvényszék (il-Qorti ta’ Szeged) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikoli 5, 12 u 13 tad-Direttiva [2008/115], moqrija flimkien mal-Artikoli 7, 24, 41 u 47 tal-[Karta], għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu prassi ta’ Stat Membru li tikkonsisti fl-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn fil-konfront ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, li l-membri tal-familja tiegħu (ulied minuri, imsieħba mhux miżżewġa) huma ċittadini ta’ Stat Membru tal-Unjoni u jgħixu fih, mingħajr eżami minn qabel tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 5 [ta’ din id-direttiva] u fl-Artikoli 7 u 24 tal-Karta?

2)      L-Artikoli 5, 12 u 13 tad-Direttiva [2008/115], moqrija flimkien mal-Artikoli 7, 24 u 51(1), kif ukoll mal-Artikolu 52(1) tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu prassi ta’ Stat Membru li permezz tagħha tittieħed deċiżjoni ta’ kontroll tal-barranin li permezz tagħha jiġi ordnat ir-ritorn abbażi ta’ proposta mhux motivata tal-awtorità speċjalizzata li tikkonstata biss l-eżistenza ta’ perikolu jew ta’ ksur relatat mas-sigurtà nazzjonali, is-sigurtà pubblika jew l-ordni pubbliku, proposta li torbot lill-awtorità inkarigata mill-barranin, hija imperattiva u nħarġet mingħajr eżami fil-fond tal-eżistenza tar-raġunijiet ta’ sigurtà nazzjonali, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ ordni pubbliku f’dan il-każ u mingħajr ma ttieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi individwali jew r-rekwiżiti ta’ neċessità u ta’ proporzjonalità?

3)      L-Artikoli 5, 12 u 13 tad-Direttiva [2008/115], moqrija flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta u, jekk ikun il-każ, mal-Artikoli 7 u 24 tagħha, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jeżiġu li l-awtorità ta’ Stat Membru li tkun adottat deċiżjoni ta’ ritorn għal motiv relatat ma’ raġunijiet ta’ sigurtà nazzjonali, ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika jew li l-awtorità speċjalizzata li stabbilixxiet in-natura kunfidenzjali li tiżgura li l-persuna kkonċernata, ċittadin ta’ pajjiż terz u r-rappreżentant legali tiegħu, dejjem jiġu ggarantiti d-dritt li jkunu jafu minn tal-inqas is-sustanza tal-informazzjoni u tad-data kunfidenzjali jew ikklassifikata li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni adottata fuq l-imsemmi motiv u li jużaw din l-informazzjoni jew din id-data fil-kuntest tal-proċedura relatata ma’ din l-istess deċiżjoni, fil-każ li l-awtorità kompetenti tqis li tali komunikazzjoni tkun kuntrarja għar-raġunijiet ta’ sigurtà nazzjonali?

4)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, x’sens preċiż għandu jingħata lill-kunċett ta’ ‘s-sustanza’ tal-motivi kunfidenzjali li fuqhom hija msejsa l-imsemmija deċiżjoni, fid-dawl tal-Artikoli 41 u 47 tal-Karta?”

40      Permezz ta’ deċiżjoni tas‑26 ta’ Mejju 2025, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess jum, il-qorti tar-rinviju kkompletat it-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari.

41      Hija tirrileva li, wara din it-talba, il-Kúria (il-Qorti Suprema) tat, fl‑24 ta’ Frar 2025, deċiżjoni fl-interess ta’ interpretazzjoni uniformi tad-dritt li hija rilevanti għall-proċeduri kollha tal-pulizija tal-barranin. Kull qorti Ungeriża adita b’appell kontra deċiżjoni ta’ ritorn hija obbligata tapplika l-interpretazzjoni hekk adottata mill-Kúria (il-Qorti Suprema), mingħajr ma tista’ titbiegħed minnha, anki jekk timmotiva d-deċiżjoni tagħha f’dan ir-rigward.

42      Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ diversi aspetti ta’ dik id-deċiżjoni.

43      B’mod partikolari, hija tenfasizza, fl-ewwel lok, li mill-imsemmija deċiżjoni jirriżulta li qorti Ungeriża ma tistax teżamina l-eżistenza ta’ dritt ta’ residenza skont l-Artikolu 20 TFUE jew ta’ rabta ta’ dipendenza meta l-persuna kkonċernata tkun invokathom, għall-ewwel darba, fil-kuntest tal-proċedura ġudizzjarja jew meta jiġu identifikati fatti li jistabbilixxu n-neċessità ta’ tali eżami fil-kuntest ta’ dik il-proċedura. Dan l-eżami huwa eskluż ukoll meta d-deċiżjoni ta’ ritorn ikkontestata tkun ġiet ippreċeduta minn deċiżjoni oħra li eskludiet id-dritt ta’ residenza ta’ din il-persuna fl-Ungerija.

44      Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, skont il-Kúria (il-Qorti Suprema), fl-istat attwali tal-leġiżlazzjoni Ungeriża, ma huwiex possibbli li l-persuna kkonċernata tkun tista’ taċċedi għas-sustanza tar-raġunijiet għal deċiżjoni meħuda fil-konfront tagħha, meta dawn ir-raġunijiet ikunu bbażati fuq informazzjoni kklassifikata. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-uniku mezz, li huwa kompatibbli mad-dritt nazzjonali eżistenti, li jippermetti li jiġi ggarantit ir-rispett tad-drittijiet ta’ din il-persuna huwa, għall-qorti li għandha ġurisdizzjoni, li tikkonstata li, peress li ma tkunx tista’ taċċedi għall-informazzjoni kklassifikata rilevanti, l-imsemmija persuna ma tkunx tista’ tiddefendi d-drittijiet tagħha u tistieden, konsegwentement, lill-prosekutur pubbliku jaġixxi fl-interess tal-istess persuna. Il-prosekutur pubbliku jista’ mbagħad jiddeċiedi li jintervjeni fil-proċedura, billi jkollu aċċess għal din l-informazzjoni kklassifikata, mingħajr madankollu ma jkun jista’ jikkomunikaha lill-persuna kkonċernata. B’kuntrast, fil-każ li l-prosekutur jiddeċiedi li ma jintervjenix fil-proċedura, il-qorti li għandha ġurisdizzjoni tista’ ma tiħux inkunsiderazzjoni l-perspettiva tal-awtoritajiet amministrattivi fir-rigward tal-eżistenza ta’ riskju għas-sigurtà nazzjonali.

45      Fid-dawl tad-dubji li hija għandha għalhekk fir-rigward tal-konformità mad-dritt tal-Unjoni tad-deċiżjoni tal-Kúria (il-Qorti Suprema) tal‑24 ta’ Frar 2025, il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll dwar il-kompatibbiltà ma’ dan id-dritt tal-effetti mogħtija mid-dritt Ungeriż lil tali deċiżjoni, sa fejn dawn l-effetti jipprekludu lil taqsimiet oħra tal-Kúria (il-Qorti Suprema) jew lill-qrati ordinarji Ungeriżi milli jikkonformaw mad-dritt tal-Unjoni.

46      Abbażi ta’ dawn l-elementi, is-Szegedi Törvényszék (il-Qorti ta’ Szeged) żiedet id-domandi preliminari li ġejjin mad-domandi diġà magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“5)      L-Artikolu 20 TFUE, moqri flimkien mal-Artikoli 5, 7, 24, 41 u 47, mal-Artikolu 51(1) kif ukoll mal-Artikolu 52(1) tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru u l-prattika ta’ qorti ta’ grad superjuri ta’ dan l-Istat Membru li

–        ma jippermettux lill-qorti li tistħarreġ id-deċiżjoni tal-awtorità tal-pulizija tal-barranin li tordna r-ritorn tieħu inkunsiderazzjoni kwalunkwe dritt ta’ residenza dderivat skont l-Artikolu 20 TFUE jew relazzjoni ta’ dipendenza – kif ukoll il-fatti sottostanti – meta ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat jinvokahom għall-ewwel darba fl-istadju tal-proċedura ġudizzjarja (inkluż fil-każ fejn ir-rabtiet familjali maċ-ċittadin tal-Unjoni kienu diġà magħrufa mill-awtorità li aġixxiet fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva), jew meta l-fatti rilevanti f’dan ir-rigward jiġu identifikati għall-ewwel darba fl-istadju tal-proċedura ġudizzjarja,

–        jipprevedu li l-eżistenza ta’ dritt ta’ residenza dderivat skont l-Artikolu 20 TFUE tista’ tiġi eżaminata fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ritorn biss jekk id-deċiżjoni ta’ ritorn ma tkunx ġiet ippreċeduta minn deċiżjoni oħra (li tiddeċiedi dwar applikazzjoni intiża sabiex jinkiseb permess ta’ residenza jew ta’ stabbiliment) – li fuqha din id-deċiżjoni ta’ ritorn hija, fil-fatt, fondata – li eskludiet id-dritt ta’ residenza fl-Istat Membru?

6)      L-Artikolu 5, l-Artikolu 11(2), l-Artikolu 12(1) u l-Artikolu 13 tad-Direttiva [2008/115], moqrija fid-dawl tal-premessi 6 u 24 u tal-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, u flimkien mal-Artikoli 5, 7, 24, 41 u 47, mal-Artikolu 51(1) kif ukoll mal-Artikolu 52(1) tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru u l-prattika ta’ qorti ta’ grad superjuri ta’ dan l-Istat Membru li bis-saħħa tagħhom l-istħarriġ tal-proporzjonalità ta’ deċiżjoni meħuda mill-awtorità tal-pulizija tal-barranin fil-qasam tar-ritorn u tal-projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza jista’ jitwettaq mingħajr ma ċ-ċittadin ikkonċernat ta’ pajjiż terz, jew ir-rappreżentant tiegħu, seta’, tal-inqas, ikun jaf is-sustanza tal-motivi tal-proposta tal-korp speċjalizzat li invoka r-raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ sigurtà nazzjonali li fuqhom hija bbażata din id-deċiżjoni u jesprimi l-perspettiva tiegħu u l-argumenti tiegħu bħala difiża f’dan ir-rigward?

7)      L-Artikolu 12(1) u l-Artikolu 13 tad-Direttiva [2008/115], moqrija fid-dawl tal-premessi 6 u 24 u tal-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, u flimkien mal-Artikoli 41 u 47 tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru u l-prattika ta’ qorti ta’ grad superjuri ta’ dan l-Istat Membru li jipprevedu li, fil-preżenza tal-eċċezzjonijiet dwar is-sigurtà nazzjonali, l-ordni pubbliku u s-sigurtà pubblika elenkati fl-Artikolu 12(1), tad-Direttiva [2008/115], la l-awtorità tal-Istat Membru li joħroġ deċiżjoni ta’ ritorn ibbażata fuq raġunijiet ta’ sigurtà nazzjonali, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ ordni pubbliku u lanqas l-awtorità (ta’ protezzjoni tal-ordni) li tistabbilixxi l-kunfidenzjalità jew il-klassifikazzjoni [tal-informazzjoni] ma hija obbligata – meta l-komunikazzjoni tar-raġunijiet tmur kontra s-sigurtà nazzjonali – li tiggarantixxi li l-persuna kkonċernata jew ir-rappreżentant tagħha jkunu jafu fi kwalunkwe każ, tal-inqas, is-sustanza tal-informazzjoni kunfidenzjali jew ikklassifikata li fuqha hija bbażata deċiżjoni bbażata fuq tali raġunijiet, kif ukoll id-dritt li din l-informazzjoni tintuża fil-kuntest tal-proċedura li tikkonċerna din id-deċiżjoni, peress li, minflok, fil-kuntest tal-istħarriġ ġudizzjarju ta’ deċiżjoni amministrattiva bbażata fuq tali raġunijiet kunfidenzjali jew ikklassifikati, il-prosekutur pubbliku – jew kwalunkwe persuna oħra, minbarra ċ-ċittadin terz ikkonċernat – jista’, fuq stedina tal-qorti, jaġixxi sabiex jipproteġi d-drittijiet taċ-ċittadin ikkonċernat ta’ pajjiż terz, iżda lanqas ma jkun jista’ jikkomunika lir-rikorrent ikkonċernat tal-inqas is-sustanza tar-raġunijiet?

8)      L-Artikolu 267 TFUE, it-tieni u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(3) TUE u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, kif ukoll l-Artikolu 47 tal-Karta, moqrija fid-dawl tal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, u flimkien mal-Artikolu 41, mal-Artikolu 51(1) u mal-Artikolu 52(1) tal-Karta, kif ukoll mal-Artikolu 5, mal-Artikolu 11(2), mal-Artikolu 12(1) u mal-Artikolu 13 tad-Direttiva [2008/115] – fid-dawl tal-premessi 6 u 24 u tal-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva – għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru u l-prattika ta’ qorti ta’ grad superjuri ta’ dan l-Istat Membru li bis-saħħa tagħhom

–        il-qorti suprema ta’ Stat Membru tista’, anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja diġà interpretat f’sentenza d-dritt tal-Unjoni rilevanti għal kawża partikolari, tagħti deċiżjonijiet li jagħtu interpretazzjoni tad-dritt li tapplika għall-qrati kollha ta’ grad inferjuri, li ma jistgħux jitbiegħdu minnha […], u li fihom hija tagħti interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni iktar estensiva minn dik mogħtija fis-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja rilevanti għall-kawża inkwistjoni, u timponi interpretazzjoni uniformi tad-dritt li timponi, fil-kuntest tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, modalitajiet ta’ implimentazzjoni li jmorru kontra l-interpretazzjoni ta’ dan id-dritt mogħtija fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u jipprekludu l-applikazzjoni effettiva tiegħu,

–        il-qorti suprema tal-Istat Membru għandha, sabiex tkun tista’ tapplika d-dritt tal-Unjoni jew is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja rilevanti għal kawża partikolari, tibda proċedura speċifika prevista mid-dritt intern (proċedura għal deċiżjoni preliminari interna, proċedura fl-interess ta’ interpretazzjoni uniformi tad-dritt) meta hija jkollha l-intenzjoni li titbiegħed, minħabba d-dritt tal-Unjoni, minn deċiżjoni vinkolanti waħda jew iktar ta’ qorti ta’ grad superjuri li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni jew kontra s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’tali mod li l-applikazzjoni diretta tad-dritt tal-Unjoni, inklużi s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija possibbli biss bis-saħħa ta’ awtorizzazzjoni f’dan is-sens mogħtija mid-deċiżjoni mogħtija fil-kuntest ta’ tali proċedura (deċiżjoni mogħtija fl-interess ta’ interpretazzjoni uniformi tad-dritt)?

9)      Il-punt 97 [tas-sentenza tal‑25 ta’ April 2024, NW u PQ (Informazzjoni kklassifikata) (C‑420/22 u C‑528/22, EU:C:2024:344),] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-korp speċjalizzat li jiddeċiedi dwar ir-riskju għas-sigurtà nazzjonali jista’ jikkonkludi li l-iżvelar tas-sustanza tar-raġunijiet li fuqhom hija bbażata l-pożizzjoni tiegħu jista’ jikkomprometti b’mod dirett u partikolari s-sigurtà nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat, sa fejn dan l-iżvelar jista’ b’mod partikolari jipperikola l-ħajja, is-saħħa jew il-libertà ta’ persuni jew jiżvela l-metodi ta’ investigazzjoni speċifikament użati minn korpi inkarigati b’funzjonijiet speċjalizzati marbuta mas-sigurtà nazzjonali u b’hekk jostakola serjament, jew saħansitra jipprekludi, it-twettiq futur tal-kompiti ta’ dawn il-korpi, li huma raġunijiet li ma jippermettux li l-parti jew ir-rappreżentant tagħha jkollhom għarfien tas-sustanza tar-raġunijiet li fuqhom hija bbażata din il-pożizzjoni?”

 Fuq id-domandi preliminari

47      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li permezz tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-qrati nazzjonali il-punti ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma jeħtieġu sabiex jiddeċiedu l-kawżi mressqa quddiemhom (ara d-digriet tas‑26 ta’ Jannar 1990, Falciola, C‑286/88, EU:C:1990:33, punt 7, u s-sentenza tal‑15 ta’ April 2021, État belge (Elementi sussegwenti għad-deċiżjoni ta’ trasferiment), C‑194/19, EU:C:2021:270, punt 21).

48      Fil-kuntest ta’ din il-proċedura ta’ kooperazzjoni, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tagħti lill-qorti tar-rinviju risposta utli li tippermettilha taqta’ l-kawża li jkollha quddiemha. Għal dan l-iskop, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tifformula mill-ġdid, jekk ikun meħtieġ, id-domanda li tkun ġiet sottomessa lilha (ara s-sentenzi tas‑17 ta’ Lulju 1997, Krüger, C‑334/95, EU:C:1997:378, punti 22 u 23; tat‑28 ta’ Novembru 2000, Roquette Frères, C‑88/99, EU:C:2000:652, punt 18, u tat‑3 ta’ Ġunju 2025, Kinsa, C‑460/23, EU:C:2025:392, punt 34). B’mod partikolari, jista’ jkun meħtieġ li l-Qorti tal-Ġustizzja tieħu inkunsiderazzjoni regoli tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti nazzjonali ma tkunx għamlet riferiment għalihom fil-formulazzjoni tad-domanda tagħha (ara s-sentenzi tal‑20 ta’ Marzu 1986, Tissier, 35/85, EU:C:1986:143, punt 9, kif ukoll tal‑1 ta’ Awwissu 2025, Alace u Canpelli, C‑758/24 u C‑759/24, EU:C:2025:591, punt 44).

49      F’dan ir-rigward, għandu, fl-ewwel lok, jiġi rrilevat li, għalkemm hija biss il-ħames domanda li ssemmi espressament l-Artikolu 20 TFUE, madankollu mill-motivazzjoni tat-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tipprevedi li PQ jista’ jkollu dritt ta’ residenza skont dan l-artikolu u li hija tistaqsi konsegwentement, b’mod ġenerali, dwar il-kompatibbiltà mal-imsemmi artikolu tal-proċedura ta’ ritorn applikata għal PQ.

50      Minn dan isegwi li d-domandi kollha relatati direttament ma’ din il-proċedura ta’ ritorn, jiġifieri l-ewwel sas-seba’ domanda, għandhom jiġu eżaminati mhux biss fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/115 u tal-Karta li huma jsemmu, iżda wkoll fid-dawl tal-Artikolu 20 TFUE.

51      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-Artikolu 41 tal-Karta, imsemmi mill-qorti tar-rinviju fl-ewwel u fir-raba’ sas-seba’ domanda tagħha, għandu jitfakkar li mill-formulazzjoni ta’ dan l-artikolu jirriżulta b’mod ċar li dan l-artikolu ma huwiex indirizzat lill-Istati Membri, iżda biss lill-istituzzjonijiet, lill-korpi u lill-organi tal-Unjoni (sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság et, C‑159/21, EU:C:2022:708, punt 34 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

52      Madankollu, l-Artikolu 41 tal-Karta jirrifletti prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li huwa intiż li japplika għall-Istati Membri meta jimplimentaw dan id-dritt (sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság et, C‑159/21, EU:C:2022:708, punt 35 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

53      Għaldaqstant, dan il-prinċipju ġenerali għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġu ppreċiżati l-obbligi imposti fuq l-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-Artikolu 20 TFUE u tad-Direttiva 2008/115.

54      Fit-tielet lok, għandu jiġi rrilevat li l-Gvern Ungeriż jipproponi riformulazzjoni sostanzjali tal-ewwel sat-tielet domanda u tat-tmien domanda billi jibbaża ruħu fuq interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni Ungeriża differenti minn dik adottata mill-qorti tar-rinviju.

55      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, insostenn ta’ din il-proposta, dan il-gvern ibbaża ruħu b’mod wiesa’ fuq id-deċiżjoni tal-Kúria (il-Qorti Suprema) tal‑24 ta’ Frar 2025, liema deċiżjoni kienet għadha ma ngħatatx fid-data li fiha t-talba għal deċiżjoni preliminari ntbagħtet lill-Qorti tal-Ġustizzja.

56      Il-qorti tar-rinviju ħadet inkunsiderazzjoni, fid-deċiżjoni tagħha tas‑26 ta’ Mejju 2025, din id-deċiżjoni tal-Kúria (il-Qorti Suprema) u qieset li għandha, konsegwentement, tifformula domandi preliminari ġodda relatati ma’ ċerti punti mressqa mill-Gvern Ungeriż, b’tali mod li l-proposta ta’ dan il-gvern li l-ewwel sat-tielet domanda jiġu rriformulati sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-imsemmija deċiżjoni tal-Kúria (il-Qorti Suprema) hija fil-parti l-kbira mċaħħda mill-għan tagħha.

57      Huwa minnu li l-imsemmi gvern jislet konklużjonijiet mill-istess deċiżjoni tal-Kúria (il-Qorti Suprema) parzjalment differenti minn dawk adottati mill-qorti tar-rinviju.

58      Madankollu, hija ġurisprudenza stabbilita li, fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE, li hija bbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha ġurisdizzjoni, b’mod partikolari, sabiex tinterpreta u tapplika d-dritt nazzjonali (ara s-sentenzi tas‑16 ta’ Marzu 1978, Oehlschläger, 104/77, EU:C:1978:69, punt 4, u tal‑24 ta’ Lulju 2023, Lin, C‑107/23 PPU, EU:C:2023:606, punt 76). Min-naħa tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni jew il-validità tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li dwarhom tkun saret it-talba billi tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-domandi magħmula lilha, kif iddefinit mill-qorti tar-rinviju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Diċembru 2007, Laval un Partneri, C‑341/05, EU:C:2007:809, punt 47, kif ukoll tal‑1 ta’ Awwissu 2025, Royal Football Club Seraing, C‑600/23, EU:C:2025:617, punt 66).

59      Minn dan isegwi li, sabiex tirrispondi għall-ewwel sat-tielet u għat-tmien domanda, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tibbaża ruħha mhux fuq id-deskrizzjoni tal-leġiżlazzjoni Ungeriża invokata mill-Gvern Ungeriż, iżda fuq dik adottata mill-qorti tar-rinviju.

 Fuq l-ewwel domanda

60      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 20 TFUE kif ukoll l-Artikoli 5, 12 u 13 tad-Direttiva 2008/115, moqrija flimkien mal-Artikoli 7, 24 u 47 tal-Karta kif ukoll mal-prinċipju ġenerali ta’ amministrazzjoni tajba, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jadottaw deċiżjoni ta’ ritorn fil-konfront ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li huwa membru tal-familja ta’ ċittadini tal-Unjoni, li huma ċittadini ta’ dan l-Istat Membru li qatt ma eżerċitaw il-libertà ta’ moviment tagħhom, mingħajr ma jkunu eżaminaw, minn qabel, il-konsegwenzi ta’ tali deċiżjoni fuq il-ħajja tal-familja ta’ dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz u fuq is-sitwazzjoni tal-ulied minuri tiegħu.

61      Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikoli 12 u 13 tad-Direttiva 2008/115, l-Artikolu 47 tal-Karta u l-prinċipju ġenerali ta’ amministrazzjoni tajba jimponu obbligi ta’ natura proċedurali li ma humiex rilevanti sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda.

62      Wara din il-preċiżazzjoni, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Artikolu 20 TFUE jipprekludi miżuri nazzjonali li għandhom l-effett li jċaħħdu liċ-ċittadini tal-Unjoni mit-tgawdija effettiva tad-drittijiet mogħtija mill-istatus tagħhom ta’ ċittadini tal-Unjoni (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, NW u PQ (Informazzjoni kklassifikata), C‑420/22 u C‑528/22, EU:C:2024:344, punt 58 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

63      B’kuntrast, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar iċ-ċittadinanza tal-Unjoni ma jagħtu ebda dritt awtonomu liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Fil-fatt, kwalunkwe drittijiet mogħtija lil tali ċittadini ma humiex drittijiet awtonomi ta’ dawn iċ-ċittadini, iżda drittijiet idderivati minn dawk li minnhom igawdi ċ-ċittadin tal-Unjoni. L-iskop u l-ġustifikazzjoni ta’ dawn id-drittijiet idderivati huma bbażati fuq il-konstatazzjoni li r-rifjut tar-rikonoxximent tagħhom huwa ta’ natura li jippreġudika, b’mod partikolari, il-libertà ta’ moviment taċ-ċittadin tal-Unjoni fit-territorju tal-Unjoni (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, NW u PQ (Informazzjoni kklassifikata), C‑420/22 u C‑528/22, EU:C:2024:344, punt 59 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

64      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li jeżistu sitwazzjonijiet partikolari ħafna li fihom, minkejja l-fatt li d-dritt sekondarju tal-Unjoni dwar id-dritt ta’ residenza taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi ma jkunx applikabbli u li ċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat ma jkunx għamel użu mil-libertà ta’ moviment tiegħu, dritt ta’ residenza għandu madankollu jingħata lil ċittadin ta’ pajjiż terz, li jkun membru tal-familja ta’ dan iċ-ċittadin, taħt piena li jiġi ppreġudikat l-effett utli taċ-ċittadinanza tal-Unjoni, jekk, bħala konsegwenza tar-rifjut ta’ tali dritt, l-imsemmi ċittadin jiġi mġiegħel, fil-fatt, jitlaq mit-territorju tal-Unjoni kkunsidrat kollu kemm hu, u b’hekk jiġi mċaħħad mit-tgawdija effettiva tal-essenzjal tad-drittijiet mogħtija minn dan l-istatus (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, NW u PQ (Informazzjoni kklassifikata), C‑420/22 u C‑528/22, EU:C:2024:344, punt 60 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

65      Madankollu, ir-rifjut li jingħata dritt ta’ residenza lil ċittadin ta’ pajjiż terz jista’ jippreġudika l-effett utli taċ-ċittadinanza tal-Unjoni biss jekk ikun hemm, bejn dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz u ċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat, li jkun membru tal-familja ta’ dan tal-aħħar, relazzjoni ta’ dipendenza li twassal sabiex dan tal-aħħar ikun imġiegħel jakkumpanja lill-imsemmi ċittadin ta’ pajjiż terz u li jitlaq mit-territorju tal-Unjoni, ikkunsidrat kollu kemm hu (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, NW u PQ (Informazzjoni kklassifikata), C‑420/22 u C‑528/22, EU:C:2024:344, punt 61 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

66      Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa fid-dawl tal-intensità tar-relazzjoni ta’ dipendenza bejn iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat u ċ-ċittadin tal-Unjoni, li jkun membru tal-familja ta’ dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, li għandu jiġi evalwat r-rikonoxximent ta’ dritt ta’ residenza skont l-Artikolu 20 TFUE, peress li tali evalwazzjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, NW u PQ (Informazzjoni kklassifikata), C‑420/22 u C‑528/22, EU:C:2024:344, punt 63 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

67      F’dan il-kuntest, Stat Membru ma jistax, meta l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti 64 sa 66 ta’ din is-sentenza jkunu ssodisfatti, jadotta deċiżjoni ta’ ritorn kontra ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat.

68      Fil-fatt, minn naħa, f’tali sitwazzjoni, l-Artikolu 20 TFUE jipprekludi li dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jiġi rrifjutat ir-residenza, kif ukoll li tiġi imposta fuqu miżura ta’ tkeċċija jew, b’mod iktar wiesa’, miżura li tobbligah jirritorna lejn pajjiż terz, peress li tali miżuri jista’ jkollhom l-effett li jċaħħdu liċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat, minħabba r-relazzjoni ta’ dipendenza li teżisti bejnu u l-imsemmi ċittadin ta’ pajjiż terz, mit-tgawdija effettiva tad-drittijiet mogħtija mill-istatus tiegħu ta’ ċittadin tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Settembru 2016, CS, C‑304/14, EU:C:2016:674, punt 32, kif ukoll tal‑25 ta’ April 2024, NW u PQ (Informazzjoni kklassifikata), C‑420/22 u C‑528/22, EU:C:2024:344, punt 65).

69      Min-naħa l-oħra, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-dritt ta’ residenza previst fl-Artikolu 20 TFUE jirriżulta direttament mid-dritt primarju u jitnissel mill-mument li fih il-kundizzjonijiet li jiġġustifikaw l-għoti ta’ dan id-dritt ta’ residenza jkunu ssodisfatti, anki qabel it-tressiq ta’ applikazzjoni li għandha bħala għan ir-rikonoxximent tad-dritt ta’ residenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2025, Stadt Wuppertal, C‑130/24, EU:C:2025:340, punti 32, 33 u 39).

70      Minn dan isegwi li, sa mit-tnissil ta’ relazzjoni ta’ dipendenza bħal dik imsemmija fil-punt 65 ta’ din is-sentenza, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat ma jistax jibqa’ jitqies, sakemm iddum din ir-relazzjoni ta’ dipendenza, bħala li qiegħed jirrisjedi irregolarment fit-territorju tal-Istat Membru inkwistjoni, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/115 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2018, K.A. et (Riunifikazzjoni tal-familja fil-Belġju), C‑82/16, EU:C:2018:308, punt 89).

71      Mill-Artikolu 2(1) u mill-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva jirriżulta li Stat Membru jista’ jadotta deċiżjoni ta’ ritorn biss fil-konfront ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi irregolarment fit-territorju tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2024, Kaduna, C‑244/24 u C‑290/24, EU:C:2024:1038, punti 137 u 138).

72      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li huma l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali li għandhom jieħdu debitament inkunsiderazzjoni l-Artikolu 20 TFUE meta jkollhom l-intenzjoni li jadottaw deċiżjoni ta’ ritorn kontra ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni.

73      Għal dan l-għan, għalkemm huwa minnu li huma l-Istati Membri li għandhom jiddeterminaw il-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tal-Artikolu 20 TFUE fil-kuntest tal-proċeduri ta’ ritorn, xorta jibqa’ l-fatt li dawn il-modalitajiet ma għandhomx madankollu jikkompromettu l-effett utli ta’ dan l-artikolu (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑25 ta’ April 2024, NW u PQ (Informazzjoni kklassifikata), C‑420/22 u C‑528/22, EU:C:2024:344, punt 68 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

74      F’dan ir-rigward, peress li l-implimentazzjoni ta’ proċedura ta’ ritorn fil-konfront tal-ġenitur ta’ ċittadin tal-Unjoni minuri tista’, l-istess bħall-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tirrifjuta r-residenza lil dan il-ġenitur, iċċaħħad lil dan iċ-ċittadin tal-Unjoni mit-tgawdija effettiva tad-drittijiet li huwa jislet mill-istatus mogħti lilu mill-Artikolu 20 TFUE, ir-rekwiżiti proċedurali imposti fuq l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali fir-rigward tal-eżami tal-applikazzjonijiet għal permess ta’ residenza jistgħu jiġu trasposti, mutatis mutandis, għall-proċeduri ta’ ritorn.

75      Minn dan isegwi li, fil-kuntest ta’ tali proċedura, l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali ma għandhomx l-obbligu li jeżaminaw sistematikament u fuq inizjattiva tagħhom stess l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ dipendenza, fis-sens tal-Artikolu 20 TFUE, peress li l-persuna kkonċernata għandha tipproduċi l-provi li jippermettu li jiġi evalwat jekk il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu humiex issodisfatti (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑25 ta’ April 2024, NW u PQ (Informazzjoni kklassifikata), C‑420/22 u C‑528/22, EU:C:2024:344, punt 69 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

76      Madankollu, sabiex jiġi żgurat l-effett utli tal-Artikolu 20 TFUE, huma l-awtoritajiet nazzjonali li jwettqu proċedura ta’ ritorn intiża għal ċittadin ta’ pajjiż terz li huwa membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li għandhom jevalwaw, b’mod partikolari abbażi tal-provi li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz u ċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernati għandhom ikunu jistgħu jipprovdulu liberament u billi jwettqu, jekk ikun hemm bżonn, ir-riċerka neċessarja, jekk teżistix, bejn dawn iż-żewġ persuni, relazzjoni ta’ dipendenza kif deskritta fil-punt 65 ta’ din is-sentenza (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑25 ta’ April 2024, NW u PQ (Informazzjoni kklassifikata), C‑420/22 u C‑528/22, EU:C:2024:344, punt 70 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

77      Konsegwentement, l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom, meta jkollhom l-intenzjoni, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, li jadottaw deċiżjoni ta’ ritorn li tirrigwarda ċittadin ta’ pajjiż terz li jafu bir-rabtiet familjali tiegħu ma’ ċittadin tal-Unjoni, jiżguraw ruħhom, jekk ikun il-każ billi jiġbru l-informazzjoni neċessarja għal dan l-għan, li d-deċiżjoni li huma ser jadottaw ma jkollhiex l-effett li dan iċ-ċittadin tal-Unjoni jiġi obbligat, fil-fatt, jitlaq mit-territorju tal-Unjoni kkunsidrat kollu kemm hu. Għal dan l-għan, dawn l-awtoritajiet għandhom, b’mod partikolari, jivverifikaw jekk teżistix, bejn il-persuni kkonċernati, relazzjoni ta’ dipendenza kif deskritta fil-punt 65 ta’ din is-sentenza (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑25 ta’ April 2024, NW u PQ (Informazzjoni kklassifikata), C‑420/22 u C‑528/22, EU:C:2024:344, punti 71 u 72).

78      Fit-tieni lok, indipendentement mir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 20 TFUE, meta l-Istati Membri jimplimentaw id-Direttiva 2008/115, huma għandhom, skont l-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, minn naħa, jieħdu debitament inkunsiderazzjoni l-aħjar interessi tal-wild, il-ħajja tal-familja u l-istat ta’ saħħa taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat kif ukoll, min-naħa l-oħra, josservaw il-prinċipju ta’ non-refoulement. Dawn l-interessi u dan il-prinċipju għandhom jittieħdu debitament inkunsiderazzjoni fl-istadji kollha tal-proċedura ta’ ritorn, u, b’mod partikolari, fil-mument tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Novembru 2022, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Tneħħija – Kannabis terapewtika), C‑69/21, EU:C:2022:913, punt 91, u tal‑4 ta’ Settembru 2025, Adrar, C‑313/25 PPU, EU:C:2025:647, punt 79).

79      Għaldaqstant, Stat Membru ma jistax jadotta deċiżjoni ta’ ritorn mingħajr ma jieħu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti tal-ħajja tal-familja taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat li dan iċ-ċittadin ikun sostna, anki jekk insostenn ta’ applikazzjoni għal residenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2018, K.A. et (Riunifikazzjoni tal-familja fil-Belġju), C‑82/16, EU:C:2018:308, punt 104).

80      Barra minn hekk, meta l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jkollhom l-intenzjoni li jadottaw deċiżjoni ta’ ritorn fil-konfront ta’ ġenitur ta’ minuri, huma dawn l-awtoritajiet li għandhom iwettqu evalwazzjoni ġenerali u fil-fond tas-sitwazzjoni ta’ dan il-minuri, billi jieħdu debitament inkunsiderazzjoni l-aħjar interessi tal-wild (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Jannar 2021, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Ritorn ta’ minuri mhux akkumpanjat), C‑441/19, EU:C:2021:9, punt 60, u tal‑11 ta’ Marzu 2021, État belge (Ritorn tal-ġenitur ta’ minuri), C‑112/20, EU:C:2021:197, punt 33).

81      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 20 TFUE u l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jadottaw deċiżjoni ta’ ritorn fil-konfront ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li huwa membru tal-familja ta’ ċittadini tal-Unjoni, li huma ċittadini ta’ dan l-Istat Membru li qatt ma eżerċitaw il-libertà ta’ moviment tagħhom, mingħajr ma jkunu eżaminaw, minn qabel, il-konsegwenzi ta’ tali deċiżjoni fuq il-ħajja tal-familja ta’ dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz u fuq is-sitwazzjoni tal-ulied minuri tiegħu, meta dawn l-awtoritajiet ikollhom informazzjoni dwar l-eżistenza ta’ rabtiet familjali bejn l-imsemmi ċittadin ta’ pajjiż terz u dawn iċ-ċittadini tal-Unjoni.

 Fuq il-ħames domanda

82      Permezz tal-ħames domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 20 TFUE, moqri flimkien mal-Artikoli 7, 24 u 47 tal-Karta kif ukoll mal-prinċipju ġenerali ta’ amministrazzjoni tajba, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, kif interpretata mill-qorti suprema ta’ dan l-Istat Membru, li teskludi l-invokazzjoni ta’ dan l-Artikolu 20 kontra deċiżjoni ta’ ritorn jew matul proċedura ta’ ritorn meta:

–        dritt ta’ residenza skont l-imsemmi Artikolu 20 jew relazzjoni ta’ dipendenza huma invokati għall-ewwel darba fl-istadju tal-proċedura ġudizzjarja, filwaqt li r-rabtiet familjali bejn iċ-ċittadin ikkonċernat ta’ pajjiż terz u ċittadin tal-Unjoni kienu diġà magħrufa mill-awtoritajiet kompetenti; jew

–        il-fatti rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-istess Artikolu 20 jiġu identifikati għall-ewwel darba matul il-proċedura ġudizzjarja; jew

–        il-proċedura ta’ ritorn tkun ġiet ippreċeduta minn deċiżjoni li tirrifjuta r-residenza fl-Istat Membru kkonċernat.

83      Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-ipoteżi ta’ nuqqas ta’ invokazzjoni ta’ dritt ta’ residenza skont l-Artikolu 20 TFUE jew ta’ relazzjoni ta’ dipendenza matul il-proċedura amministrattiva, għandu jiġi enfasizzat li huwa ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz suġġett għal proċedura ta’ ritorn li għandu dmir ta’ kooperazzjoni leali li bis-saħħa tiegħu dan iċ-ċittadin għandu jinforma, fl-iqsar żmien possibbli, lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali bi kwalunkwe żvilupp rilevanti li jikkonċerna l-ħajja tal-familja tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2025, Adrar, C‑313/25 PPU, EU:C:2025:647, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata)

84      Madankollu, kif jirriżulta mill-punti 73 sa 77 ta’ din is-sentenza, meta l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jkollhom informazzjoni dwar l-eżistenza ta’ rabtiet familjali bejn iċ-ċittadin ikkonċernat ta’ pajjiż terz u ċittadin tal-Unjoni, dawn l-awtoritajiet ma jistgħux jadottaw deċiżjoni ta’ ritorn mingħajr ma jkunu vverifikaw, billi jwettqu, jekk ikun meħtieġ, ir-riċerka neċessarja, li l-Artikolu 20 TFUE ma jipprekludix l-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni.

85      F’tali sitwazzjoni, il-fatt li dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ma invokax speċifikament l-Artikolu 20 TFUE quddiem dawn l-awtoritajiet ma huwiex ta’ natura li jeżentahom milli jwettqu tali verifika jew li jippermettulhom jadottaw deċiżjoni ta’ ritorn minkejja li jikkonstataw, fi tmiem din il-verifika, li l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti 64 sa 66 ta’ din is-sentenza huma ssodisfatti (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑25 ta’ April 2024, NW u PQ (Informazzjoni kklassifikata), C‑420/22 u C‑528/22, EU:C:2024:344, punt 73).

86      Għaldaqstant, fid-dawl tan-natura ċara u inkundizzjonata tal-obbligi li għandhom għalhekk l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, dawn l-obbligi għandhom jitqiesu li għandhom effett dirett, b’tali mod li ċ-ċittadin ikkonċernat ta’ pajjiż terz għandu jkun jista’ jinvoka quddiem qorti nazzjonali, fil-kuntest ta’ rimedju effettiv kif meħtieġ fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/115 u fl-Artikolu 47 tal-Karta, ksur possibbli ta’ dawn l-obbligi, anki jekk ma jkunx invoka, quddiem dawn l-awtoritajiet, dritt ta’ residenza skont l-Artikolu 20 TFUE jew relazzjoni ta’ dipendenza.

87      It-tieni nett, fir-rigward ta’ kwalunkwe punti ta’ fatt identifikati għall-ewwel darba matul il-proċedura ġudizzjarja, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sabiex jiġi evitat li ċittadin tal-Unjoni minuri jiġi mċaħħad mit-tgawdija effettiva tad-drittijiet li huwa għandu taħt l-istatus mogħti lilu mill-Artikolu 20 TFUE, huma l-qrati nazzjonali mitluba jiddeċiedu dwar rifjut ta’ residenza li għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-punti ta’ fatt li seħħew wara d-deċiżjoni amministrattiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2023, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Omm Tajlandiża ta’ wild minuri Olandiż), C‑459/20, EU:C:2023:499, punt 52).

88      Peress li l-implimentazzjoni ta’ proċedura ta’ ritorn tista’ wkoll iċċaħħad lil ċittadin tal-Unjoni minuri mit-tgawdija effettiva tad-drittijiet li huwa għandu abbażi tal-istatus mogħti lilu mill-Artikolu 20 TFUE, din is-soluzzjoni għandha tapplika wkoll waqt l-eżami ta’ appell kontra deċiżjoni ta’ ritorn.

89      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, fir-rigward ta’ miżura ta’ tkeċċija ordnata kontra ċittadin ta’ Stat Membru għal raġuni ta’ ordni pubbliku, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dritt tal-Unjoni jipprekludi prassi nazzjonali li tipprovdi li l-qrati nazzjonali ma humiex mistennija jieħdu inkunsiderazzjoni fatti li seħħew wara din il-miżura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ April 2004, Orfanopoulos u Oliveri, C‑482/01 u C‑493/01, EU:C:2004:262, punt 82).

90      Minn dan isegwi li qorti nazzjonali, adita b’rikors kontra deċiżjoni ta’ ritorn, għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi ta’ fatt rilevanti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 20 TFUE identifikati għall-ewwel darba matul il-proċedura ġudizzjarja.

91      It-tielet nett, fir-rigward tar-rilevanza tal-eżistenza ta’ deċiżjoni minn qabel dwar ir-residenza, għandu jiġi enfasizzat li, peress li huma l-Istati Membri li għandhom jiddeterminaw il-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tal-Artikolu 20 TFUE fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ritorn, huma jistgħu jiddefinixxuhom billi jfittxu li jiggarantixxu li d-dritt taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat li s-sitwazzjoni tal-familja tiegħu tittieħed inkunsiderazzjoni qabel ma tiġi adottata deċiżjoni ta’ ritorn ma jkunx jista’ jiġi strumentalizzat sabiex terġa’ tinfetaħ jew tiġi estiża b’mod indefinit il-proċedura amministrattiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2018, K.A. et (Riunifikazzjoni tal-familja fil-Belġju), C‑82/16, EU:C:2018:308, punt 105).

92      B’mod partikolari, Stat Membru jista’ jipprevedi li l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni konstatazzjonijiet dwar is-sitwazzjoni tal-familja tal-persuna kkonċernata magħmula waqt l-eżami ta’ applikazzjoni għal permess ta’ residenza, mingħajr ma jkollhom neċessarjament jikkunsidraw mill-ġdid din is-sitwazzjoni kollha ex novo.

93      Madankollu, minn naħa, l-eżistenza ta’ deċiżjoni li tirrifjuta r-residenza ma tistax tkun ta’ natura determinanti, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 20 TFUE matul proċedura ta’ ritorn, f’sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali adottaw dik id-deċiżjoni mingħajr ma evalwaw bl-ebda mod jekk dan l-artikolu kienx applikabbli, minkejja li kellhom informazzjoni dwar l-eżistenza ta’ rabtiet familjali bejn iċ-ċittadin ikkonċernat ta’ pajjiż terz u ċittadin tal-Unjoni.

94      Min-naħa l-oħra, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-residenza jirriżulta li l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni kif tkun fil-mument meta jintalbu jiddeċiedu dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 20 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2023, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Omm Tajlandiża ta’ wild minuri Olandiż), C‑459/20, EU:C:2023:499, punt 52). Barra minn hekk, kif tfakkar fil-punt 69 ta’ din is-sentenza, dritt ta’ residenza skont l-Artikolu 20 TFUE jitnissel mill-mument li fih il-kundizzjonijiet li jiġġustifikaw l-għoti tiegħu jkunu ssodisfatti, indipendentement mill-proċeduri mwettqa sabiex dan id-dritt jiġi rrikonoxxut.

95      Mill-elementi stabbiliti fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza jirriżulta li, f’sitwazzjoni fejn id-deċiżjoni li tirrifjuta r-residenza u d-deċiżjoni ta’ ritorn ma jiġux adottati fl-istess ħin, b’mod partikolari f’sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn perijodu ta’ żmien sinjifikattiv jissepara l-adozzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet, l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom, fi kwalunkwe każ, jieħdu inkunsiderazzjoni, matul il-proċedura ta’ ritorn, kwalunkwe ċirkustanzi ġodda rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 20 TFUE u li għalhekk huma ma jkunux jistgħu jibbażaw ruħhom esklużivament, sabiex jeskludu din l-applikazzjoni, fuq il-fatt li d-dritt ta’ residenza ġie preċedentement irrifjutat, inkluż jekk dan ir-rifjut kien ġie adottat b’teħid debitament inkunsiderazzjoni ta’ dan l-artikolu.

96      Konsegwentement, ir-risposta għall-ħames domanda għandha tkun li l-Artikolu 20 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, kif interpretata mill-qorti suprema ta’ dan l-Istat Membru, li teskludi l-invokazzjoni ta’ dan l-Artikolu 20 kontra deċiżjoni ta’ ritorn jew matul proċedura ta’ ritorn meta:

–        dritt ta’ residenza skont l-imsemmi Artikolu 20 jew relazzjoni ta’ dipendenza huma invokati għall-ewwel darba fl-istadju tal-proċedura ġudizzjarja, filwaqt li r-rabtiet familjali bejn iċ-ċittadin ikkonċernat ta’ pajjiż terz u ċittadin tal-Unjoni kienu diġà magħrufa mill-awtoritajiet kompetenti; jew

–        il-fatti rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-istess Artikolu 20 jiġu identifikati għall-ewwel darba matul il-proċedura ġudizzjarja; jew

–        il-proċedura ta’ ritorn tkun ġiet ippreċeduta minn deċiżjoni li tirrifjuta r-residenza fl-Istat Membru kkonċernat.

 Fuq it-tieni domanda

97      Permezz tat-tieni domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 20 TFUE kif ukoll l-Artikoli 5, 12 u 13 tad-Direttiva 2008/115, moqrija flimkien mal-Artikoli 7 u 24 tal-Karta, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li timponi fuq l-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru l-obbligu li jadottaw deċiżjoni ta’ ritorn, għal raġuni ta’ sigurtà nazzjonali, fil-konfront ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun membru tal-familja ta’ ċittadini tal-Unjoni, li huma ċittadini tal-imsemmi Stat Membru li qatt ma eżerċitaw il-libertà ta’ moviment tagħhom, abbażi biss ta’ opinjoni mhux motivata vinkolanti adottata minn korp inkarigat b’funzjonijiet speċjalizzati marbuta mas-sigurtà nazzjonali, mingħajr eżami rigoruż taċ-ċirkustanzi individwali kollha u tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

98      Fl-ewwel lok, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Istati Membri jistgħu jidderogaw, taħt ċerti kundizzjonijiet, mid-dritt ta’ residenza dderivat, li jirriżulta mill-Artikolu 20 TFUE, għall-membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni msemmi fil-punt 64 ta’ din is-sentenza sabiex tiġi ggarantita ż-żamma tal-ordni pubbliku jew il-protezzjoni tas-sigurtà pubblika. Dan jista’ jkun il-każ meta dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jirrappreżenta theddida ġenwina, attwali u serja biżżejjed għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà pubblika jew nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ April 2024, NW u PQ (Informazzjoni kklassifikata), C‑420/22 u C‑528/22, EU:C:2024:344, punt 76 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

99      Madankollu, rifjut ta’ dritt ta’ residenza bbażat fuq din ir-raġuni jista’ jirriżulta biss minn evalwazzjoni konkreta taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ, fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, tad-drittijiet fundamentali li l-Qorti tal-Ġustizzja tiżgura r-rispett tagħhom u, jekk ikun il-każ, tal-aħjar interessi tal-wild taċ-ċittadin ikkonċernat ta’ pajjiż terz (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, NW u PQ (Informazzjoni kklassifikata), C‑420/22 u C‑528/22, EU:C:2024:344, punt 77 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

100    Mill-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 72 u 73 ta’ din is-sentenza jirriżulta li dan ir-rekwiżit huwa impost ukoll matul proċedura ta’ ritorn imwettqa fil-konfront ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun membru tal-familja ta’ ċittadini tal-Unjoni, li huma ċittadini tal-Istat Membru kkonċernat li qatt ma eżerċitaw il-libertà ta’ moviment tagħhom. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-imsemmi rekwiżit kellu jiġi osservat fi proċedura dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 20 TFUE fejn il-kwistjoni ma hijiex deċiżjoni li tirrifjuta r-residenza, iżda miżura ta’ tkeċċija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2016, CS, C‑304/14, EU:C:2016:674, punti 40 u 41).

101    Minbarra dan, meta jkollhom l-intenzjoni li jadottaw deċiżjoni ta’ ritorn għal raġuni ta’ sigurtà nazzjonali, l-Istati Membri jibqgħu obbligati josservaw l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115 kif ukoll l-Artikoli 7 u 24 tal-Karta.

102    Kif tindika l-premessa 6 ta’ din id-direttiva, id-deċiżjonijiet meħuda skont din id-direttiva għandhom jittieħdu każ b’każ u għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni kriterji oġġettivi, b’tali mod li huma l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali li għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dawn l-artikoli, u b’mod partikolari s-sitwazzjoni tal-familja taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat, qabel ma jkunu jistgħu jadottaw tali deċiżjoni ta’ ritorn. Dawn l-awtoritajiet nazzjonali għandhom, barra minn hekk, jiżguraw l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fl-istadji kollha tal-proċedura ta’ ritorn (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Ġunju 2015, Zh. u O., C‑554/13, EU:C:2015:377, punt 49, kif ukoll tal‑1 ta’ Awwissu 2025, Al Hoceima u Boghni, C‑636/23 u C‑637/23, EU:C:2025:603, punt 77).

103    Għaldaqstant, għalkemm id-dritt tal-Unjoni ma jiddeterminax liema awtorità għandha twettaq l-evalwazzjonijiet imsemmija fil-punti 99 u 101 ta’ din is-sentenza, xorta jibqa’ l-fatt li deċiżjoni ta’ ritorn, ibbażata fuq raġuni ta’ sigurtà nazzjonali, tista’ tiġi adottata biss wara tali evalwazzjonijiet.

104    Fit-tieni lok, l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2008/115 jipprevedi li d-deċiżjonijiet ta’ ritorn għandhom jingħataw bil-miktub u jindikaw ir-raġunijiet ta’ fatt u ta’ liġi tagħhom. Madankollu, din id-dispożizzjoni tippermetti li tiġi limitata l-informazzjoni dwar ir-raġunijiet fattwali, meta d-dritt nazzjonali jippermetti li jiġi ristrett id-dritt għall-informazzjoni, b’mod partikolari sabiex tiġi ssalvagwardjata s-sigurtà nazzjonali.

105    Peress li d-dritt tal-Unjoni ma jinkludix regola li tiddefinixxi bi preċiżjoni l-modalitajiet konkreti ta’ tali limitazzjoni, dawn jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru, skont il-prinċipju tal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, bil-kundizzjoni, madankollu, li ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li ma jirrendux impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑25 ta’ April 2024, NW u PQ (Informazzjoni kklassifikata), C‑420/22 u C‑528/22, EU:C:2024:344, punt 79 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

106    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar ukoll li l-Istati Membri, meta jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni, huma obbligati jiżguraw l-osservanza kemm tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ġenerali ta’ amministrazzjoni tajba kif ukoll tad-dritt għal rimedju effettiv stabbilit fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, NW u PQ (Informazzjoni kklassifikata), C‑420/22 u C‑528/22, EU:C:2024:344, punt 80 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

107    Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju ggarantit mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta teżiġi li l-persuna kkonċernata tkun tista’ tkun taf ir-raġunijiet li fuqhom tkun ibbażata d-deċiżjoni meħuda fil-konfront tagħha jew minn qari tad-deċiżjoni stess, jew minn komunikazzjoni ta’ dawn ir-raġunijiet magħmula fuq talba tagħha, bla ħsara għas-setgħa tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni li teżiġi li l-awtorità kkonċernata tikkomunikahom, sabiex il-persuna kkonċernata tkun tista’ tiddefendi d-drittijiet tagħha fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli u sabiex tkun tista’ tiddeċiedi b’għarfien sħiħ tal-fatti jekk ikunx utli li tersaq quddiem il-qorti li għandha ġurisdizzjoni, kif ukoll sabiex din tal-aħħar tkun tista’ teżerċita b’mod sħiħ l-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni nazzjonali inkwistjoni (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, NW u PQ (Informazzjoni kklassifikata), C‑420/22 u C‑528/22, EU:C:2024:344, punt 81 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

108    Madankollu, għandu jitfakkar li d-drittijiet stabbiliti fl-Artikolu 47 tal-Karta ma jikkostitwixxux prerogattivi assoluti u li l-obbligu ta’ motivazzjoni li huwa l-korollarju tagħhom jista’ għalhekk jiġi limitat, fil-kuntest iddefinit fl-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2008/115, abbażi ta’ bbilanċjar bejn, minn naħa, id-dritt għal amministrazzjoni tajba kif ukoll id-dritt għal rimedju effettiv tal-persuna kkonċernata u, min-naħa l-oħra, l-interessi invokati sabiex jiġi ġġustifikat in-nuqqas ta’ żvelar lil din il-persuna ta’ informazzjoni dwar ir-raġunijiet ta’ fatt, b’mod partikolari meta dawn l-interessi jirrigwardaw is-sigurtà nazzjonali (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság et, C‑159/21, EU:C:2022:708, punt 50).

109    Dan l-ibbilanċjar ma jistax, madankollu, iwassal, fid-dawl tal-osservanza neċessarja tal-Artikolu 47 tal-Karta, sabiex iċċaħħad minn kull effettività d-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata u sabiex jitneħħa l-kontenut tad-dritt għal azzjoni legali previst fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/115, b’mod partikolari billi ma tiġix ikkomunikata lilha, tal-inqas, is-sustanza tar-raġunijiet li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni meħuda fir-rigward tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság et, C‑159/21, EU:C:2022:708, punt 51).

110    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti, dwar kemm ir-rekwiżit ta’ teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 20 TFUE u tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115 kif ukoll dwar l-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ ritorn, jirriżulta li awtorità kompetenti nazzjonali fil-qasam tar-ritorn ma tistax validament tillimita ruħha li timplimenta deċiżjoni mhux motivata adottata minn awtorità nazzjonali oħra, li ma kkonformatx ma’ dan ir-rekwiżit, u tieħu, fuq din il-bażi biss u għal raġuni ta’ sigurtà nazzjonali, deċiżjoni ta’ ritorn fil-konfront ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun membru tal-familja ta’ ċittadini tal-Unjoni, li huma ċittadini ta’ dan l-Istat Membru li qatt ma eżerċitaw il-libertà ta’ moviment tagħhom (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑25 ta’ April 2024, NW u PQ (Informazzjoni kklassifikata), C‑420/22 u C‑528/22, EU:C:2024:344, punt 82 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

111    Din il-konstatazzjoni bl-ebda mod ma teskludi li parti mill-informazzjoni użata mill-awtorità kompetenti sabiex twettaq l-evalwazzjonijiet imsemmija fil-punti 99 u 101 ta’ din is-sentenza tista’ tiġi pprovduta minn korpi inkarigati b’funzjonijiet speċjalizzati marbuta mas-sigurtà nazzjonali, fuq inizjattiva tagħhom stess jew fuq talba ta’ din l-awtorità (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑25 ta’ April 2024, NW u PQ (Informazzjoni kklassifikata), C‑420/22 u C‑528/22, EU:C:2024:344, punt 83 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

112    Bl-istess mod, l-imsemmija konstatazzjoni ma tipprojbixxix lil Stat Membru milli jagħti lil korp inkarigat b’funzjonijiet speċjalizzati marbuta mas-sigurtà nazzjonali s-setgħa li joħroġ opinjoni li timponi, b’mod vinkolanti, l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn, sakemm dan il-korp jikkonforma mal-obbligu ta’ motivazzjoni u jkun jista’ jadotta tali opinjoni biss wara li jkun debitament ħa inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha msemmija fil-punti 99 u 101 ta’ din is-sentenza (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑25 ta’ April 2024, NW u PQ (Informazzjoni kklassifikata), C‑420/22 u C‑528/22, EU:C:2024:344, punt 84 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

113    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 20 TFUE kif ukoll l-Artikoli 5, 12 u 13 tad-Direttiva 2008/115, moqrija flimkien mal-Artikoli 7 u 24 tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li timponi fuq l-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru l-obbligu li jadottaw deċiżjoni ta’ ritorn, għal raġuni ta’ sigurtà nazzjonali, fil-konfront ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun membru tal-familja ta’ ċittadini tal-Unjoni, li huma ċittadini tal-imsemmi Stat Membru li qatt ma eżerċitaw il-libertà ta’ moviment tagħhom, abbażi biss ta’ opinjoni mhux motivata vinkolanti adottata minn korp inkarigat b’funzjonijiet speċjalizzati marbuta mas-sigurtà nazzjonali, mingħajr eżami rigoruż taċ-ċirkustanzi individwali kollha u tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

 Fuq it-tielet, ir-raba’, is-sitt u s-seba’ domanda

114    Permezz tat-tielet, tar-raba’, tas-sitt u tas-seba’ domanda, li għandhom jiġu eżaminati flimkien u fir-raba’ lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 12 u 13 tad-Direttiva 2008/115, moqrija flimkien mal-Artikoli 1, 5 u 11 tagħha, mal-Artikolu 20 TFUE, mal-prinċipju ġenerali ta’ amministrazzjoni tajba kif ukoll mal-Artikoli 5, 7, 24 u 47 tal-Karta, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, kif interpretata mill-qorti suprema ta’ dan l-Istat Membru, li tipprevedi li, meta deċiżjoni ta’ ritorn u deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ dħul, adottati fir-rigward ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun membru tal-familja ta’ ċittadini tal-Unjoni, li huma ċittadini tal-imsemmi Stat Membru li qatt ma eżerċitaw il-libertà ta’ moviment tagħhom, ikunu bbażati fuq informazzjoni li l-iżvelar tagħha jikkomprometti s-sigurtà nazzjonali tal-istess Stat Membru, dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jista’ jaċċedi għal din l-informazzjoni biss wara li jkun kiseb awtorizzazzjoni għal dan l-għan, ma tiġix ikkomunikata lilu s-sustanza tar-raġunijiet li fuqhom huma bbażati dawn id-deċiżjonijiet u ma jkunx jista’, fi kwalunkwe każ, juża, għall-finijiet ta’ proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji, l-informazzjoni li huwa seta’, jekk ikun il-każ, ikollu aċċess għaliha, iżda li l-qorti li għandha ġurisdizzjoni għandha titlob lil prosekutur pubbliku jintervjeni sabiex jipproteġi d-drittijiet tal-imsemmi ċittadin ta’ pajjiż terz.

115    Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li, peress li t-tielet, ir-raba’, is-sitt u s-seba’ domanda jirrigwardaw esklużivament il-proċedura li għandha tiġi segwita quddiem l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali u l-qrati nazzjonali f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-Artikoli 1 u 11 tad-Direttiva 2008/115 kif ukoll l-Artikoli 5, 7 u 24 tal-Karta ma humiex rilevanti għall-finijiet tar-risposta għal dawn id-domandi.

116    Kif ġie rrilevat fil-punt 104 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2008/115 jipprevedi li d-deċiżjonijiet ta’ ritorn u d-deċiżjonijiet ta’ projbizzjoni ta’ dħul għandhom jingħataw bil-miktub u jindikaw ir-raġunijiet ta’ fatt u ta’ liġi tagħhom.

117    L-Artikolu 13(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat għandu jkollu rimedju effettiv sabiex jikkontesta dawn id-deċiżjonijiet quddiem awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva kompetenti jew korp kompost minn membri imparzjali u li jgawdu minn garanziji ta’ indipendenza.

118    Madankollu, dawn id-dispożizzjonijiet ma jinkludu l-ebda indikazzjoni dwar il-modalitajiet ta’ aċċess għall-fajl dwar proċedura ta’ ritorn. Barra minn hekk, kif ġie rrilevat fil-punti 104 u 105 ta’ din is-sentenza, għalkemm l-Artikolu 12(1) tal-imsemmija direttiva jippermetti li tiġi limitata l-informazzjoni dwar ir-raġunijiet ta’ fatt li għandhom jiġu inklużi fid-deċiżjonijiet dwar ir-ritorn, meta d-dritt nazzjonali jippermetti li jiġi ristrett id-dritt għall-informazzjoni, b’mod partikolari sabiex tiġi ssalvagwardjata s-sigurtà nazzjonali, id-dritt tal-Unjoni ma jinkludix regola speċifika li tiddefinixxi l-modalitajiet konkreti ta’ tali limitazzjoni.

119    Minn dan isegwi li l-modalitajiet konkreti tal-proċeduri stabbiliti fil-qasam tal-aċċess taċ-ċittadin ikkonċernat ta’ pajjiż terz għall-fajl relatat ma’ proċedura ta’ ritorn kif ukoll mar-raġunijiet għal deċiżjoni ta’ ritorn u għal deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ dħul, meta dawn id-deċiżjonijiet ikunu bbażati fuq informazzjoni li l-iżvelar tagħha jikkomprometti s-sigurtà nazzjonali tal-Istat Membru inkwistjoni, jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku ta’ kull Stat Membru, fil-limiti li jirriżultaw mill-prinċipji u mid-dritt imfakkra fil-punti 105 u 106 ta’ din is-sentenza.

120    Minn dan jirriżulta, b’mod partikolari, li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata għandu jiġi ggarantit kemm matul il-proċedura amministrattiva kif ukoll matul kwalunkwe proċedura ġudizzjarja (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, NW u PQ (Informazzjoni kklassifikata), C‑420/22 u C‑528/22, EU:C:2024:344, punt 88 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

121    F’dan ir-rigward, fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-proċedura amministrattiva, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża jimplika li d-destinatarju ta’ deċiżjoni li taffettwa b’mod sinjifikattiv l-interessi tiegħu għandu jitqiegħed f’pożizzjoni, mill-awtoritajiet tal-Istati Membri meta jieħdu miżuri li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li jkun jista’ jesprimi b’mod utli l-perspettiva tiegħu fir-rigward tal-elementi li fuqhom l-amministrazzjoni jkollha l-intenzjoni tibbaża d-deċiżjoni tagħha (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, NW u PQ (Informazzjoni kklassifikata), C‑420/22 u C‑528/22, EU:C:2024:344, punt 89 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

122    Dan ir-rekwiżit għandu b’mod partikolari l-għan, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ritorn bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jippermetti lill-awtorità kompetenti tikkonforma mal-obbligu tagħha li tiddeċiedi dwar l-adozzjoni possibbli ta’ deċiżjoni ta’ ritorn u ta’ deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ dħul billi tipproċedi b’għarfien sħiħ tal-każ għall-evalwazzjoni individwali taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, li jeħtieġ li d-destinatarju ta’ dawn id-deċiżjonijiet ikun jista’ jikkoreġi żball jew jinvoka tali elementi relatati mas-sitwazzjoni personali tiegħu li jimmilitaw fis-sens li l-imsemmija deċiżjonijiet jittieħdu, ma jittiħdux jew ikollhom kontenut partikolari (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑25 ta’ April 2024, NW u PQ (Informazzjoni kklassifikata), C‑420/22 u C‑528/22, EU:C:2024:344, punt 90 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

123    L-imsemmi rekwiżit huwa intiż b’mod iktar ġenerali, meta tinbeda proċedura ta’ ritorn, sabiex jikkontribwixxi għall-osservanza tal-obbligi imposti fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115, billi jiggarantixxi li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat ikun jista’ jesprimi l-perspettiva tiegħu dwar l-effetti konkreti ta’ dawn l-obbligi fuqu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Mejju 2018, K.A. et (Riunifikazzjoni tal-familja fil-Belġju), C‑82/16, EU:C:2018:308, punt 103, kif ukoll tal‑14 ta’ Jannar 2021, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Ritorn ta’ minuri mhux akkumpanjat), C‑441/19, EU:C:2021:9, punt 59).

124    Peress li l-istess rekwiżit jippreżumi neċessarjament li dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jiġi offrut, jekk ikun il-każ permezz ta’ konsulent, possibbiltà konkreta li jsir jaf bl-elementi li fuqhom l-amministrazzjoni jkollha l-intenzjoni tibbaża d-deċiżjoni tagħha, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża għandu bħala korollarju d-dritt ta’ aċċess għall-elementi kollha tal-fajl matul il-proċedura amministrattiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ April 2024, NW u PQ (Informazzjoni kklassifikata), C‑420/22 u C‑528/22, EU:C:2024:344, punt 91 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

125    Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-proċedura ġudizzjarju, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża jimplika li r-rikorrent ikun jista’ jaċċedi mhux biss għar-raġunijiet tad-deċiżjonijiet meħuda fil-konfront tiegħu, iżda wkoll għall-elementi kollha tal-fajl li fuqhom ibbażat ruħha l-amministrazzjoni, sabiex ikun jista’ effettivament jieħu pożizzjoni fuq dawn l-elementi (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, NW u PQ (Informazzjoni kklassifikata), C‑420/22 u C‑528/22, EU:C:2024:344, punt 92 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

126    Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ kontradittorju, li jagħmel parti mid-drittijiet tad-difiża, imsemmija fl-Artikolu 47 tal-Karta, jimplika li l-partijiet f’kawża għandu jkollhom id-dritt li jsiru jafu bid-dokumenti jew l-osservazzjonijiet kollha ppreżentati lill-qorti sabiex jinfluwenzaw id-deċiżjoni tagħha u li jiddiskutuhom, u dan jippreżumi li l-persuna kkonċernata minn deċiżjoni ta’ ritorn u minn deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ dħul għandha tkun tista’ ssir taf bl-elementi tal-fajl tagħha li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-qorti msejħa sabiex tiddeċiedi fuq l-appell ippreżentat kontra dawn id-deċiżjonijiet (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, NW u PQ (Informazzjoni kklassifikata), C‑420/22 u C‑528/22, EU:C:2024:344, punt 93 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

127    Madankollu, għandu jitfakkar li d-drittijiet tad-difiża ma humiex assoluti u li d-dritt ta’ aċċess għall-fajl li huwa l-korollarju tiegħu jista’ għalhekk jiġi limitat abbażi ta’ bbilanċjar bejn, minn naħa, il-prinċipju ġenerali ta’ amministrazzjoni tajba kif ukoll id-dritt għal rimedju effettiv tal-persuna kkonċernata u, min-naħa l-oħra, l-interessi invokati sabiex tiġi ġġustifikata l-assenza ta’ żvelar ta’ element tal-fajl lil din il-persuna, b’mod partikolari meta dawn l-interessi jirrigwardaw is-sigurtà nazzjonali (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, NW u PQ (Informazzjoni kklassifikata), C‑420/22 u C‑528/22, EU:C:2024:344, punt 94 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

128    Dan l-ibbilanċjar ma jistax, madankollu, iwassal, fid-dawl tal-osservanza neċessarja tal-Artikolu 47 tal-Karta, sabiex iċċaħħad minn kull effettività d-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata u sabiex jitneħħa l-kontenut tad-dritt tagħha għal azzjoni legali li jirriżulta minn dan l-Artikolu 47, b’mod partikolari billi ma tiġix ikkomunikata lilha, tal-inqas, is-sustanza tar-raġunijiet li fuqhom huma bbażati d-deċiżjonijiet meħuda fir-rigward tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ April 2024, NW u PQ (Informazzjoni kklassifikata), C‑420/22 u C‑528/22, EU:C:2024:344, punt 95 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

129    L-imsemmi bilanċ jista’, b’kuntrast, iwassal sabiex ċerti elementi tal-fajl ma jkunux ikkomunikati lill-persuna kkonċernat, meta l-iżvelar ta’ dawn l-elementi jista’ jikkomprometti b’mod dirett u partikolari s-sigurtà nazzjonali tal-Istat Membru inkwistjoni, sa fejn dan l-iżvelar ikun jista’, b’mod partikolari, iqiegħed f’periklu l-ħajja, is-saħħa jew il-libertà ta’ persuni jew jiżvela l-metodi ta’ investigazzjoni speċifikament użati minn korpi b’funzjonijiet speċjalizzati marbuta mas-sigurtà nazzjonali u għalhekk jostakola serjament, jew anki jipprekludi, it-twettiq futur tal-kompiti ta’ dawn il-korpi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ April 2024, NW u PQ (Informazzjoni kklassifikata), C‑420/22 u C‑528/22, EU:C:2024:344, punt 96 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

130    Għaldaqstant, għalkemm l-Istati Membri jistgħu, meta s-sigurtà nazzjonali teżiġi dan, ma jagħtux lill-persuna kkonċernata l-aċċess dirett għall-fajl kollu tagħha fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ritorn bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u b’mod partikolari jillimitaw skont l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2008/115 l-informazzjoni dwar ir-raġunijiet ta’ fatt tad-deċiżjonijiet meħuda kontra din il-persuna, huma ma jistgħux, mingħajr ma jiksru l-prinċipju ta’ effettività, il-prinċipju ġenerali ta’ amministrazzjoni tajba u d-dritt għal rimedju effettiv, iqiegħdu lill-imsemmija persuna f’sitwazzjoni fejn hija ma tkunx f’pożizzjoni li ssir taf b’mod utli, jekk ikun il-każ fil-kuntest ta’ proċedura speċifika ddedikata għaż-żamma tas-sigurtà nazzjonali, dwar is-sustanza tal-elementi determinanti inklużi f’dan il-fajl (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑25 ta’ April 2024, NW u PQ (Informazzjoni kklassifikata), C‑420/22 u C‑528/22, EU:C:2024:344, punt 97 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

131    F’dan il-kuntest, għandu jiġi kkonstatat, qabelxejn, li, meta l-iżvelar ta’ informazzjoni inkluża fil-fajl ikun ġie limitat għal raġuni ta’ sigurtà nazzjonali, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata ma huwiex żgurat b’mod suffiċjenti mill-possibbiltà li din il-persuna tikseb, taħt ċerti kundizzjonijiet, awtorizzazzjoni ta’ aċċess għal din l-informazzjoni flimkien ma’ projbizzjoni kompleta tal-użu tal-informazzjoni hekk miksuba għall-finijiet tal-proċedura amministrattiva jew ta’ kwalunkwe proċedura ġudizzjarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ April 2024, NW u PQ (Informazzjoni kklassifikata), C‑420/22 u C‑528/22, EU:C:2024:344, punt 98 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

132    Sussegwentement, il-possibbiltà tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni li taċċedi għall-fajl kollu ma tistax tissostitwixxi l-aċċess għall-informazzjoni inkluża f’dan il-fajl mill-persuna kkonċernata, peress li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża jimplika li din il-persuna, jekk ikun il-każ permezz ta’ konsulent, tista’ tiddefendi l-interessi tagħha billi tesprimi l-perspettiva tagħha dwar din l-informazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑25 ta’ April 2024, NW u PQ (Informazzjoni kklassifikata), C‑420/22 u C‑528/22, EU:C:2024:344, punt 99, kif ukoll tad‑29 ta’ Lulju 2024, protectus, C‑185/23, EU:C:2024:657, punt 95 u l-ġurisprudenza ċċitata).

133    Fl-aħħar nett, mekkaniżmu bħal dak deskritt mill-qorti tar-rinviju, ibbażat fuq l-intervent ta’ prosekutur pubbliku fl-interess taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat, mingħajr ma dan il-prosekutur ikun jista’ huwa stess jikkomunika l-elementi li għalihom ikollu aċċess lil dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, ma huwiex ta’ natura li jissodisfa r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 47 tal-Karta.

134    Fil-fatt, tali mekkaniżmu bl-ebda mod ma jippermetti li jiġi ggarantit li l-prosekutur pubbliku jesprimi l-perspettiva taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat dwar l-elementi rilevanti tal-fajl, peress li dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ma jkollux għarfien ta’ dawn l-elementi u peress li l-prosekutur ma jkunx obbligat jikkonsulta lill-imsemmi ċittadin ta’ pajjiż terz jew isegwi kwalunkwe istruzzjonijiet ifformulati minn dan tal-aħħar.

135    Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-komunikazzjoni tas-sustanza tar-raġunijiet li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni inkwistjoni msemmija fil-punt 130 ta’ din is-sentenza għandha tiġi żgurata fil-konfront tad-destinatarju ta’ dik id-deċiżjoni stess (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Ġunju 2013, ZZ, C‑300/11, EU:C:2013:363, punt 65, u tad‑29 ta’ Lulju 2024, protectus, C‑185/23, EU:C:2024:657, punt 88).

136    Minbarra dan, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li leġiżlazzjoni nazzjonali li fil-kuntest tagħha avukat seta’ jkollu aċċess għall-informazzjoni kklassifikata li fuqha tkun ibbażata deċiżjoni, iżda ma kienx awtorizzat jiżvela l-kontenut tagħha lill-klijent tiegħu, ma kinitx suffiċjenti sabiex tiġi ggarantita l-osservanza tal-Artikolu 47 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2024, protectus, C‑185/23, EU:C:2024:657, punt 95).

137    Minn dan isegwi li r-risposta għat-tielet, għar-raba’, għas-sitt u għas-seba’ domanda għandha tkun li l-Artikoli 12 u 13 tad-Direttiva 2008/115, moqrija flimkien mal-Artikolu 5 tagħha, mal-Artikolu 20 TFUE, mal-prinċipju ġenerali ta’ amministrazzjoni tajba kif ukoll mal-Artikolu 47 tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, kif interpretata mill-qorti suprema ta’ dan l-Istat Membru, li tipprevedi li, meta deċiżjoni ta’ ritorn u deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ dħul, adottati fir-rigward ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun membru tal-familja ta’ ċittadini tal-Unjoni, li huma ċittadini tal-imsemmi Stat Membru li qatt ma eżerċitaw il-libertà ta’ moviment tagħhom, ikunu bbażati fuq informazzjoni li l-iżvelar tagħha jikkomprometti s-sigurtà nazzjonali tal-istess Stat Membru, dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jista’ jaċċedi għal din l-informazzjoni biss wara li jkun kiseb awtorizzazzjoni għal dan l-għan, ma tiġix ikkomunikata lilu s-sustanza tar-raġunijiet li fuqhom huma bbażati dawn id-deċiżjonijiet u ma jkunx jista’, fi kwalunkwe każ, juża, għall-finijiet ta’ proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji, l-informazzjoni li huwa seta’, jekk ikun il-każ, ikollu aċċess għaliha, iżda li l-qorti li għandha ġurisdizzjoni għandha titlob lil prosekutur pubbliku jintervjeni sabiex jipproteġi d-drittijiet tal-imsemmi ċittadin ta’ pajjiż terz.

 Fuq id-disa’ domanda

138    Permezz tad-disa’ domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fil-ħames lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-prinċipju ġenerali ta’ amministrazzjoni tajba u l-Artikolu 47 tal-Karta għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi li korp inkarigat b’funzjonijiet speċjalizzati marbuta mas-sigurtà nazzjonali jista’, meta jqis li l-iżvelar anki tas-sustanza tar-raġunijiet li fuqhom hija bbażata deċiżjoni ta’ ritorn jirriskja li jippreġudika s-sigurtà nazzjonali, jirrifjuta kull żvelar ta’ dawn ir-raġunijiet liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li huwa s-suġġett ta’ din id-deċiżjoni ta’ ritorn.

139    Kif jirriżulta mill-punt 130 ta’ din is-sentenza, il-prinċipju ta’ effettività, il-prinċipju ġenerali ta’ amministrazzjoni tajba u l-Artikolu 47 tal-Karta jipprekludu li qorti nazzjonali adita b’appell kontra deċiżjoni ta’ ritorn tkun tista’ tiċħad dan ir-rikors billi tibbaża ruħha, b’mod determinanti, fuq elementi tal-fajl li s-sustanza tagħhom ma tkunx ġiet ikkomunikata lill-persuna kkonċernata.

140    Huwa minnu li r-regoli dwar il-klassifikazzjoni u d-deklassifikazzjoni tal-informazzjoni skont leġiżlazzjonijiet nazzjonali kif ukoll dwar il-modalitajiet ta’ żvelar tal-informazzjoni kklassifikata ma humiex is-suġġett ta’ armonizzazzjoni permezz ta’ att tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ April 2024, NW u PQ (Informazzjoni kklassifikata), C‑420/22 u C‑528/22, EU:C:2024:344, punt 103 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

141    Xorta jibqa’ l-fatt li, meta deċiżjoni ta’ ritorn tkun ibbażata fuq informazzjoni kklassifikata, dawn ir-regoli għandhom jiġu implimentati bl-osservanza tal-prinċipju ġenerali ta’ amministrazzjoni tajba u tal-Artikolu 47 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ April 2024, NW u PQ (Informazzjoni kklassifikata), C‑420/22 u C‑528/22, EU:C:2024:344, punt 105 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

142    Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Istati Membri jistgħu, sabiex jevitaw, għal raġunijiet relatati mas-sigurtà tal-Istat, f’każijiet eċċezzjonali, il-komunikazzjoni lill-persuna kkonċernata tar-raġunijiet preċiżi u kompleti li fuqhom hija bbażata deċiżjoni dwar residenza, jipprevedu tekniki u regoli tad-dritt proċedurali li jippermettu li jiġu kkonċiljati, minn naħa, il-kunsiderazzjonijiet leġittimi tas-sigurtà tal-Istat fir-rigward tan-natura u tas-sorsi tal-informazzjoni li ttieħdu inkunsiderazzjoni għall-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni u, min-naħa l-oħra, in-neċessità li jiġi ggarantit b’mod suffiċjenti lill-individwu r-rispett tad-drittijiet proċedurali tiegħu, bħad-dritt għal smigħ xieraq kif ukoll il-prinċipju ta’ kontradittorju (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, NW u PQ (Informazzjoni kklassifikata), C‑420/22 u C‑528/22, EU:C:2024:344, punt 107 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

143    Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li hija kompatibbli mal-Artikolu 47 tal-Karta sistema li fiha l-qorti li għandha ġurisdizzjoni jista’ jkollha għarfien kemm tar-raġunijiet kollha kif ukoll tal-provi relatati li abbażi tagħhom ittieħdet id-deċiżjoni inkwistjoni, iżda wkoll tivverifika jekk ir-raġunijiet marbuta mas-sigurtà tal-Istat invokati mill-awtorità kompetenti nazzjonali jipprekludux effettivament jew le l-komunikazzjoni kompleta ta’ dawn ir-raġunijiet u ta’ dawn il-provi (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, NW u PQ (Informazzjoni kklassifikata), C‑420/22 u C‑528/22, EU:C:2024:344, punt 108 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

144    Fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju ta’ dawn ir-raġunijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li huwa suffiċjenti, sabiex tiġi ggarantita l-osservanza tal-Artikolu 47 tal-Karta, li l-qorti li għandha ġurisdizzjoni tkun tista’, fil-każ li hija tqis li l-imsemmija raġunijiet ma humiex validi, tagħti l-possibbiltà lill-awtorità kompetenti nazzjonali li tikkomunika lill-persuna kkonċernata r-raġunijiet u l-provi neqsin (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, NW u PQ (Informazzjoni kklassifikata), C‑420/22 u C‑528/22, EU:C:2024:344, punt 109 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

145    F’tali każ, jekk l-awtorità kompetenti nazzjonali tiddeċiedi li ma tipproċedix bil-komunikazzjoni tar-raġunijiet u tal-provi kollha relatati magħhom, il-qorti li għandha ġurisdizzjoni għandha, sabiex tikkonforma mal-Artikolu 47 tal-Karta, teżamina l-legalità tad-deċiżjoni inkwistjoni abbażi biss tar-raġunijiet u tal-provi li jkunu ġew ikkomunikati (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, NW u PQ (Informazzjoni kklassifikata), C‑420/22 u C‑528/22, EU:C:2024:344, punt 110 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

146    Għall-kuntrarju, fil-każ fejn il-qorti li għandha ġurisdizzjoni tiddeċiedi li r-raġunijiet invokati mill-awtorità kompetenti nazzjonali jipprekludu l-komunikazzjoni kompleta ta’ dawn ir-raġunijiet u ta’ dawn il-provi, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-qorti li għandha ġurisdizzjoni tista’ tieħu inkunsiderazzjoni dawn ir-raġunijiet u dawn il-provi billi tibbilanċja b’mod xieraq ir-rekwiżiti rilevanti u rrilevat li, meta dik il-qorti jkollha l-intenzjoni li tagħmel dan, hija għandha tiżgura li s-sustanza tar-raġunijiet li jikkostitwixxu l-bażi tad-deċiżjoni inkwistjoni tiġi kkomunikata lill-persuna kkonċernata b’mod li jieħu debitament inkunsiderazzjoni l-kunfidenzjalità neċessarja tal-provi (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, NW u PQ (Informazzjoni kklassifikata), C‑420/22 u C‑528/22, EU:C:2024:344, punt 111 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

147    Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li, meta dan l-obbligu ta’ komunikazzjoni jinkiser, l-imsemmija qorti għandha tislet il-konsegwenzi minn dan il-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ April 2024, NW u PQ (Informazzjoni kklassifikata), C‑420/22 u C‑528/22, EU:C:2024:344, punt 112 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

148    F’dawn iċ-ċirkustanzi, jibqa’ possibbli għall-Istati Membri li jirriżervaw għall-awtorità kompetenti nazzjonali s-setgħa li tikkomunika jew le raġunijiet jew provi kklassifikati, sakemm il-qorti nazzjonali adita bl-appell kontra deċiżjoni ta’ ritorn ikollha s-setgħa li tislet il-konsegwenzi tad-deċiżjoni finalment adottata f’dan ir-rigward minn din l-awtorità (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2024, protectus, C‑185/23, EU:C:2024:657, punt 99 u l-ġurisprudenza ċċitata).

149    Konsegwentement, ir-risposta għad-disa’ domanda għandha tkun li l-prinċipju ġenerali ta’ amministrazzjoni tajba u l-Artikolu 47 tal-Karta għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi li korp inkarigat b’funzjonijiet speċjalizzati marbuta mas-sigurtà nazzjonali jista’, meta jqis li l-iżvelar anki tas-sustanza tar-raġunijiet li fuqhom hija bbażata deċiżjoni ta’ ritorn jirriskja li jippreġudika s-sigurtà nazzjonali, jirrifjuta kull żvelar ta’ dawn ir-raġunijiet liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li huwa s-suġġett ta’ din id-deċiżjoni ta’ ritorn. B’kuntrast ma’ dan, qorti nazzjonali adita b’appell kontra tali deċiżjoni għandha, sabiex tiggarantixxi r-rispett tad-drittijiet tad-difiża ta’ din il-persuna, tislet, fejn meħtieġ, il-konsegwenzi ta’ kwalunkwe deċiżjoni tal-awtoritajiet kompetenti li ma tikkomunikax ir-raġunijiet kollha jew parti minnhom ta’ dik id-deċiżjoni u l-provi li huma relatati magħhom.

 Fuq it-tmien domanda

 Fuq l-ammissibbiltà

150    Il-Kummissjoni Ewropea ssostni li t-tmien domanda għandha, parzjalment, tiġi miċħuda bħala inammissibbli, sa fejn din tirrigwarda l-effetti fuq il-Kúria (il-Qorti Suprema) stess ta’ deċiżjoni fl-interess ta’ interpretazzjoni uniformi tad-dritt. Fil-fatt, peress li l-qorti tar-rinviju hija qorti ta’ grad inferjuri, risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar dan is-suġġett ma tkun ta’ ebda utilità għaliha sabiex tiddeċiedi l-kawża prinċipali.

151    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali adita bit-tilwima u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tittieħed, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tkun, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (ara s-sentenzi tal‑21 ta’ April 1988, Pardini, 338/85, EU:C:1988:194, punt 8, u tal‑24 ta’ Lulju 2023, Lin, C‑107/23 PPU, EU:C:2023:606, punt 61).

152    Minn dan isegwi li d-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha l-ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex l-elementi ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara s-sentenzi tat‑13 ta’ Lulju 2000, Idéal tourisme, C‑36/99, EU:C:2000:405, punt 20, u tal‑24 ta’ Lulju 2023, Lin, C‑107/23 PPU, EU:C:2023:606, punt 62).

153    F’dan il-każ, peress li l-qorti tar-rinviju ma hijiex kulleġġ ġudikanti li jaqa’ taħt il-Kúria (il-Qorti Suprema), iżda qorti ta’ grad inferjuri, għandu jitqies li r-regoli li jiddefinixxu l-kundizzjonijiet li fihom il-Kúria (il-Qorti Suprema) tista’ titbiegħed mill-ġurisprudenza tagħha stess manifestament ma għandhom l-ebda rabta mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

154    Minn dan isegwi li t-tmien domanda hija ammissibbli biss sa fejn tirrigwarda r-regoli li jiddefinixxu s-setgħat tal-qrati ta’ grad inferjuri.

 Fuq il-mertu

155    Permezz tal-parti ammissibbli tat-tmien domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fis-sitt lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(3) TUE u l-Artikolu 19(1) TUE, l-Artikolu 267 TFUE kif ukoll l-Artikolu 47 tal-Karta, moqrija flimkien mal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, mal-prinċipju ġenerali ta’ amministrazzjoni tajba kif ukoll mal-Artikoli 1, 5 u 11 sa 13 tad-Direttiva 2008/115, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tobbliga lil qorti nazzjonali tikkonforma mal-evalwazzjonijiet legali ta’ qorti ta’ grad superjuri, minkejja li hija tqis, fid-dawl tal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja, li dawn l-evalwazzjonijiet ma humiex konformi ma’ dan id-dritt tal-Unjoni.

156    Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li, peress li t-tmien domanda tirrigwarda r-regoli li jirregolaw, b’mod ġenerali, ir-relazzjonijiet bejn il-Kúria (il-Qorti Suprema) u l-qrati Ungeriżi ta’ grad inferjuri, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/115 ma għandhomx rilevanza diretta sabiex tingħata risposta għal din id-domanda.

157    Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni jistabbilixxi l-preeminenza tad-dritt tal-Unjoni fuq id-dritt tal-Istati Membri. Dan il-prinċipju għalhekk jirrikjedi li l-istanzi kollha tal-Istati Membri jagħtu effett sħiħ lid-diversi normi tal-Unjoni, filwaqt li d-dritt tal-Istati Membri ma jistax jaffettwa l-effett irrikonoxxut lil dawn id-diversi normi fit-territorju ta’ dawn l-Istati. Minn dan jirriżulta li, skont il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, il-fatt li Stat Membru jinvoka dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, anki jekk ta’ natura kostituzzjonali, ma jistax jippreġudika l-unità u l-effettività tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tal‑11 ta’ Jannar 2024, Global Ink Trade, C‑537/22, EU:C:2024:6, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

158    F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li l-qorti nazzjonali, wara li tkun eżerċitat il-possibbiltà mogħtija lilha mill-Artikolu 267 TFUE, hija marbuta, għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali, bl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja u għandha għalhekk, jekk ikun il-każ, titbiegħed mill-evalwazzjonijiet ta’ qorti nazzjonali superjuri jekk tqis, fid-dawl tal-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja, li dawn ma humiex konformi mad-dritt tal-Unjoni, jekk ikun il-każ billi tħalli mhux applikata r-regola nazzjonali li tobbligaha tikkonforma mad-deċiżjonijiet ta’ din il-qorti ta’ grad superjuri (sentenzi tal‑11 ta’ Jannar 2024, Global Ink Trade, C‑537/22, EU:C:2024:6, punt 24, u tat‑12 ta’ Frar 2026, Petlichev, C‑56/25, EU:C:2026:87, punt 47 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

159    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rekwiżit li jiġi żgurat l-effett sħiħ tad-dritt tal-Unjoni jinkludi l-obbligu, għal din il-qorti nazzjonali, li tibdel, jekk ikun il-każ, ġurisprudenza stabbilita jekk din il-ġurisprudenza tkun ibbażata fuq interpretazzjoni tad-dritt intern li hija inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni (sentenzi tal‑11 ta’ Jannar 2024, Global Ink Trade, C‑537/22, EU:C:2024:6, punt 25, u tat‑12 ta’ Frar 2026, Petlichev, C‑56/25, EU:C:2026:87, punt 48 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

160    Barra minn hekk, meta l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tkun tat risposta ċara għal domanda li tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, l-imsemmija qorti nazzjonali għandha tagħmel dak kollu li huwa neċessarju sabiex din l-interpretazzjoni tiġi implimentata (sentenza tal‑11 ta’ Jannar 2024, Global Ink Trade, C‑537/22, EU:C:2024:6, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

161    Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, fil-punt 29 tas-sentenza tal‑11 ta’ Jannar 2024, Global Ink Trade (C‑537/22, EU:C:2024:6), li leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li bħala prinċipju timponi fuq il-qrati ta’ grad inferjuri l-obbligu li jikkonformaw mal-evalwazzjonijiet ta’ qorti ta’ grad superjuri setgħet madankollu tkun kompatibbli mal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, hija waslet għal din il-konklużjoni minħabba li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża li tat lok għal dik is-sentenza kienet tawtorizza lill-qrati ta’ grad inferjuri li jitbiegħdu minn tali evalwazzjonijiet, meta huma jqisu li dawn l-evalwazzjonijiet kienu inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni u li taw raġunijiet għad-deċiżjoni tagħhom f’dan ir-rigward.

162    Għall-kuntrarju, f’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju ppreċiżat espliċitament li l-leġiżlazzjoni Ungeriża applikabbli bl-ebda mod ma kienet tawtorizzaha titbiegħed minn deċiżjoni tal-Kúria (il-Qorti Suprema) mogħtija fl-interess ta’ interpretazzjoni uniformi tad-dritt. Mill-punti 157 sa 160 ta’ din is-sentenza jirriżulta li tali leġiżlazzjoni tikser il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni.

163    Għalkemm il-Gvern Ungeriż isostni li l-leġiżlazzjoni Ungeriża tippermetti lill-qorti tar-rinviju titbiegħed mid-deċiżjoni tal-Kúria (il-Qorti Suprema) inkwistjoni fil-kawża prinċipali bil-kundizzjoni li timmotiva din l-għażla espliċitament, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punt 58 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, fil-kuntest tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti deċiżjoni billi tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest leġiżlattiv tad-domandi magħmula lilha, kif iddefinit mill-qorti tar-rinviju.

164    Għaldaqstant, hija biss il-qorti tar-rinviju li għandha tiżgura li l-leġiżlazzjoni Ungeriża applikabbli fil-kawża prinċipali għandha l-portata li hija stabbilixxiet fid-deċiżjoni tar-rinviju.

165    Għandu jiġi rrilevat ukoll li, għalkemm it-tmien domanda tirrigwarda mhux biss l-interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni u tal-Artikolu 267 TFUE, iżda wkoll dik ta’ diversi dispożizzjonijiet oħra tad-dritt primarju u tal-prinċipju ġenerali ta’ amministrazzjoni tajba, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni u l-Artikolu 267 TFUE jipprekludu fi kwalunkwe każ leġiżlazzjoni bħal dik imsemmija f’din id-domanda, b’tali mod li ma huwiex neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar dawn id-diversi dispożizzjonijiet oħra tad-dritt primarju msemmija jew dwar il-prinċipju ġenerali ta’ amministrazzjoni tajba.

166    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tmien domanda għandha tkun li l-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni u l-Artikolu 267 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tobbliga lil qorti nazzjonali tikkonforma mal-evalwazzjonijiet legali ta’ qorti ta’ grad superjuri, minkejja li hija tqis, fid-dawl tal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja, li dawn l-evalwazzjonijiet ma humiex konformi ma’ dan id-dritt tal-Unjoni.

 Fuq l-ispejjeż

167    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn ir-raġunijiet, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 20 TFUE u l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

jipprekludu li l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jadottaw deċiżjoni ta’ ritorn fil-konfront ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li huwa membru tal-familja ta’ ċittadini tal-Unjoni Ewropea, li huma ċittadini ta’ dan l-Istat Membru li qatt ma eżerċitaw il-libertà ta’ moviment tagħhom, mingħajr ma jkunu eżaminaw, minn qabel, il-konsegwenzi ta’ tali deċiżjoni fuq il-ħajja tal-familja ta’ dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz u fuq is-sitwazzjoni tal-ulied minuri tiegħu, meta dawn l-awtoritajiet ikollhom informazzjoni dwar l-eżistenza ta’ rabtiet familjali bejn l-imsemmi ċittadin ta’ pajjiż terz u dawn iċ-ċittadini tal-Unjoni.

2)      L-Artikolu 20 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, kif interpretata mill-qorti suprema ta’ dan l-Istat Membru, li teskludi l-invokazzjoni ta’ dan l-Artikolu 20 kontra deċiżjoni ta’ ritorn jew matul proċedura ta’ ritorn meta:

–        dritt ta’ residenza skont l-imsemmi Artikolu 20 jew relazzjoni ta’ dipendenza huma invokati għall-ewwel darba fl-istadju tal-proċedura ġudizzjarja, filwaqt li r-rabtiet familjali bejn iċ-ċittadin ikkonċernat ta’ pajjiż terz u ċittadin tal-Unjoni kienu diġà magħrufa mill-awtoritajiet kompetenti; jew

–        il-fatti rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-istess Artikolu 20 jiġu identifikati għall-ewwel darba matul il-proċedura ġudizzjarja; jew

–        il-proċedura ta’ ritorn tkun ġiet ippreċeduta minn deċiżjoni li tirrifjuta r-residenza fl-Istat Membru kkonċernat.

3)      L-Artikolu 20 TFUE kif ukoll l-Artikoli 5, 12 u 13 tad-Direttiva 2008/115, moqrija flimkien mal-Artikoli 7 u 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li timponi fuq l-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru l-obbligu li jadottaw deċiżjoni ta’ ritorn, għal raġuni ta’ sigurtà nazzjonali, fil-konfront ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun membru tal-familja ta’ ċittadini tal-Unjoni, li huma ċittadini tal-imsemmi Stat Membru li qatt ma eżerċitaw il-libertà ta’ moviment tagħhom, abbażi biss ta’ opinjoni mhux motivata vinkolanti adottata minn korp inkarigat b’funzjonijiet speċjalizzati marbuta mas-sigurtà nazzjonali, mingħajr eżami rigoruż taċ-ċirkustanzi individwali kollha u tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

4)      L-Artikoli 12 u 13 tad-Direttiva 2008/115, moqrija flimkien mal-Artikolu 5 tagħha, mal-Artikolu 20 TFUE, mal-prinċipju ġenerali ta’ amministrazzjoni tajba kif ukoll mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, kif interpretata mill-qorti suprema ta’ dan l-Istat Membru, li tipprevedi li, meta deċiżjoni ta’ ritorn u deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ dħul, adottati fir-rigward ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun membru tal-familja ta’ ċittadini tal-Unjoni, li huma ċittadini tal-imsemmi Stat Membru li qatt ma eżerċitaw il-libertà ta’ moviment tagħhom, ikunu bbażati fuq informazzjoni li l-iżvelar tagħha jikkomprometti s-sigurtà nazzjonali tal-istess Stat Membru, dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jista’ jaċċedi għal din l-informazzjoni biss wara li jkun kiseb awtorizzazzjoni għal dan l-għan, ma tiġix ikkomunikata lilu s-sustanza tar-raġunijiet li fuqhom huma bbażati dawn id-deċiżjonijiet u ma jkunx jista’, fi kwalunkwe każ, juża, għall-finijiet ta’ proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji, l-informazzjoni li huwa seta’, jekk ikun il-każ, ikollu aċċess għaliha, iżda li l-qorti li għandha ġurisdizzjoni għandha titlob lil prosekutur pubbliku jintervjeni sabiex jipproteġi d-drittijiet tal-imsemmi ċittadin ta’ pajjiż terz.

5)      Il-prinċipju ġenerali ta’ amministrazzjoni tajba u l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi li korp inkarigat b’funzjonijiet speċjalizzati marbuta mas-sigurtà nazzjonali jista’, meta jqis li l-iżvelar anki tas-sustanza tar-raġunijiet li fuqhom hija bbażata deċiżjoni ta’ ritorn jirriskja li jippreġudika s-sigurtà nazzjonali, jirrifjuta kull żvelar ta’ dawn ir-raġunijiet liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li huwa s-suġġett ta’ din id-deċiżjoni ta’ ritorn. B’kuntrast ma’ dan, qorti nazzjonali adita b’appell kontra tali deċiżjoni għandha, sabiex tiggarantixxi r-rispett tad-drittijiet tad-difiża ta’ din il-persuna, tislet, fejn meħtieġ, il-konsegwenzi ta’ kwalunkwe deċiżjoni tal-awtoritajiet kompetenti li ma tikkomunikax ir-raġunijiet kollha jew parti minnhom ta’ dik id-deċiżjoni u l-provi li huma relatati magħhom.

6)      Il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni u l-Artikolu 267 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tobbliga lil qorti nazzjonali tikkonforma mal-evalwazzjonijiet legali ta’ qorti ta’ grad superjuri, minkejja li hija tqis, fid-dawl tal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja, li dawn l-evalwazzjonijiet ma humiex konformi ma’ dan id-dritt tal-Unjoni.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.


i      L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.