Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar il-programm ta' riforma nazzjonali tal-Italja tal-2014 u li twassal opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta' stabbiltà tal-Italja tal-2014 /* COM/2014/0413 final */
Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar il-programm ta' riforma nazzjonali
tal-Italja tal-2014
u li twassal opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta' stabbiltà tal-Italja
tal-2014
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2)
u 148(4) tiegħu, Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill
(KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar
it-tisħiħ ta’ pożizzjonijiet ta' baġit u s-sorveljanza u
l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika[1],
u b’mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu, Wara li kkunsidra r-Regolament (EU)
Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni
tal-iżbilanċi makroekonomiċi[2],
u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni
tal-Kummissjoni Ewropea[3], Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet
tal-Parlament Ewropea[4], Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet
tal-Kunsill Ewropew, Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat
tal-Impjiegi, Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat
Ekonomiku u Finanzjarju, Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat
tal-Protezzjoni Soċjali, Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat
tal-Politika Ekonomika, Billi: (1)
Fis-26 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill
Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni biex tiġi mnedija
strateġija ġdida għat-tkabbir u l-impjiegi, Ewropa 2020,
ibbażata fuq koordinazzjoni msaħħa tal-politiki tal-ekonomija,
li tiffoka fuq il-punti ewlenin fejn hija meħtieġa azzjoni biex
jissaħħaħ il-potenzjal tal-Ewropa għat-tkabbir sostenibbli
u l-kompetittività. (2)
Fit-13 ta' Lulju 2010, il-Kunsill,
abbażi tal-proposti tal-Kummissjoni, adotta rakkomandazzjoni dwar il-linji
gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi għall-Istati Membri
u l-Unjoni (mill-2010 sal-2014) u, fil-21 ta' Ottubru 2010,
adotta deċiżjoni dwar il-linji gwida għall-politiki tal-impjiegi
tal-Istati Membri, li flimkien jiffurmaw il-"linji gwida integrati".
L-Istati Membri kienu mistiedna sabiex jikkunsidraw il-linji gwida integrati
fil-politiki ekonomiċi u tal-impjiegi tagħhom. (3)
Fid-29 ta' Ġunju 2012,
il-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern iddeċidew dwar Patt għal Tkabbir u
Impjiegi, li jipprovdi qafas koerenti għal azzjoni f'livell nazzjonali,
dak tal-UE kif ukoll taż-Żona tal-Euro permezz tal-użu
tal-għodod, l-istrumenti u l-politiki kollha possibbli. Huma ddeċidew
dwar azzjoni li għandha tittieħed fil-livell tal-Istati Membri, fejn
b'mod partikolari esprimew impenn sħiħ biex jintlaħqu l-għanijiet
tal-Istrateġija Ewropa 2020 u biex jiġu implimentati
r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi. (4)
Fid-9 ta' Lulju 2013, il-Kunsill
adotta rakkomandazzjoni dwar il-programm nazzjonali ta' riforma tal-Italja
għall-2013 u wassal l-opinjoni tiegħu dwar il-programm ta' stabbiltà
tal-Italja għall-2012-2017. Fil-15 ta' Novembru 2013, f'konformità
mar-Regolament (UE) Nru 473/2013[5],
il-Kummissjoni ppreżentat l-opinjoni tagħha dwar l-abbozz ta' pjan
baġitarju tal-Italja għall-2014[6]. (5)
Fit-13 ta' Novembru 2013,
il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir[7], li jagħti bidu
għas-Semestru Ewropew 2014 tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika.
Fl-istess ġurnata abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011,
il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija[8], li fih l-Italja
ġiet identifikata bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru
għandu jitwettaq rieżami fil-fond. (6)
Fl-20 ta' Diċembru 2013,
il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet li jiżguraw stabbiltà
finanzjarja, konsolidament fiskali u azzjoni biex jissaħħaħ
it-tkabbir. Il-Kunsill enfasizza l-ħtieġa li jissokta l-konsolidament
fiskali differenzjat u favur it-tkabbir, sabiex il-kundizzjonijiet ta' self
għall-ekonomija jerġgħu lura għan-normal, jiġu
promossi t-tkabbir u l-kompetittività, jiġu ttrattati l-qgħad u
l-konsegwenzi soċjali tal-kriżi, u biex tiġi mmodernizzata l-amministrazzjoni
pubblika. (7)
Fil-5 ta' Marzu 2014, il-Kummissjoni
ppubblikat ir-riżultati tar-rieżami fil-fond dwar l-Italja[9], skont
l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011. L-analiżi
tal-Kummissjoni wasslitha biex tikkonkludi li l-Italja għaddejja minn
żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi li
jeħtieġu monitoraġġ u azzjoni politika. B’mod partikolari,
il-livell persistentament għoli tad-dejn pubbliku flimkien ma’
kompetittività esterna dgħajfa minħabba t-tkabbir kważi
staġnat fil-produttività, u aggravat aktar bit-tkabbir imkaxxkar u dgħajjef,
jistħoqqilhom attenzjoni u azzjoni politika deċiżivi. (8)
Fit-22 ta’ April 2014, l-Italja
ressqet il-programm nazzjonali ta’ riforma tagħha għall-2014 u
l-programm ta’ stabbiltà tagħha għall-2014. Biex jiġu
kkunsidrati l-konnessjonijiet ta' bejniethom, iż-żewġ Programmi
ġew ivvalutati fl-istess żmien. (9)
L-objettiv tal-istrateġija baġitarja
spjegata fil-programm ta’ stabbiltà huwa l-kisba l-objettiv ta’ terminu medju
ta’ pożizzjoni baġitarja bilanċjata f’termini strutturali
sal-2016, filwaqt li jikkonforma mar-regola tad-dejn fil-perjodu ta’
tranżizzjoni 2013-2015. Il-programm jikkonferma l-objettiv ta’ terminu
medju ta’ pożizzjoni baġitarja bilanċjata f’termini strutturali,
li tirrifletti r-rekwiżiti tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir.
L-aġġustament strutturali (rikalkulat) pjanat fil-programm huwa ta’
0,2 punti perċentwali tal-PDG fl-2014 u ta’ 0,4 punti
perċentwali fl-2015. Skont il-programm, dan l-aġġustament
limitat lejn l-objettiv ta’ terminu medju huwa ġustifikat minn
kundizzjonijiet ekonomiċi severi u l-isforz meħtieġ biex
jiġi implimentat programm ambizzjuż ta’ riformi strutturali. B’mod
partikolari, huma ppjanati bosta riformi strutturali li jkollhom impatt
pożittiv fuq it-tkabbir ekonomiku potenzjali u li eventwalment inaqqsu
l-proporzjon tad-dejn tal-gvern mal-PDG fis-snin li ġejjin. L-aġġustament
strutturali pjanat fil-programm jippermetti lill-Italja tikkonforma
mal-parametru referenzjarju għat-tnaqqis tad-dejn matul il-perjodu ta’
tranżizzjoni 2013-2015, parzjalment bis-saħħa ta’ pjan
ambizzjuż għall-privatizzazzjoni li se jiġi implimentat matul
2014-2017 (li jammonta għal 0,7 punti perċentwali tal-PDG kull sena).
Ix-xenarju makroekonomiku sottostanti l-proġġettazzjonijiet baġitarji
fil-programm, li ma ġiex approvat minn korp indipendenti, huwa kemxejn
ottimist, b’mod partikolari għall-aħħar snin tal-programm. Hija
ppjanata devjazzjoni mill-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv ta’
terminu medju fl-2014; jekk tirrepeti ruħha s-sena ta’ wara, tkun tista’
tiġi vvalutata bħala sinifikanti, inkluż fuq il-bażi
tal-parametru referenzjarju tan-nefqa. Barra minn hekk, il-kisba tal-miri
baġitarji mhijiex sostnuta għal kollox b’miżuri dettaljati biżżejjed,
b’mod partikolari mill-2015. It-tbassir tar-rebbiegħa 2014 tal-Kummissjoni
jindika nuqqas ta’ konformità mal-parametru referenzjarju għat-tnaqqis
tad-dejn fl-2014 peress li l-aġġustament strutturali
proġġettat (0,1 punti perċentwali biss tal-PDG) ma jilħaqx
l-aġġustament strutturali meħtieġ ta’ 0,7 punti
perċentwali tal-PDG. Fuq il-bażi tal-valutazzjoni tal-programm u
t-tbassir tal-Kummissjoni skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE)
Nru 1466/97, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li sforzi addizzjonali,
inkluż fl-2014, huma meħtieġa biex tintlaħaq il-konformità
mar-rekwiżiti tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. (10)
L-azzjoni riċenti biex tittaffa t-tassazzjoni
fuq il-fatturi tal-produzzjoni kienet kemxejn limitata. Għalhekk hemm
ambitu biex il-piż tat-taxxa jitressaq aktar fuq il-konsum, il-proprjetà u
l-ambjent, f’konformità stretta mal-miri baġitarji. Rigward il-konsum,
it-titjib tal-istruttura tas-sistema tat-taxxa jeħtieġ ukoll b'mod
kruċjali reviżjoni tar-rati mnaqqsa tal-VAT u tan-nefqiet tat-taxxa
diretta, b’attenzjoni xierqa għall-ħtieġa li jitnaqqas l-impatt
distribuzzjonali possibbli. Fir-rigward tal-proprjetà, reviżjoni
tal-valuri katastali skont il-valuri attwali tas-suq, tippermetti tassazzjoni
rikorrenti aktar ġusta fuq il-proprjetà immobbli. Liġi abilitanti
adottata riċentament għar-riforma tat-taxxa tirrappreżenta
opportunità biex jitwettqu dawn ir-riformi meħtieġa. Minħabba
d-daqs tal-isfida, azzjoni fuq il-kompożizzjoni tal-istruttura tat-taxxa
teħtieġ li tiġi kkumplimentata b’miżuri addizzjonali biex
tittejjeb l-amministrazzjoni tat-taxxa u l-konformità tat-taxxa u b'miżuri
deċiżivi biex tkun miġġielda l-evażjoni tat-taxxa,
l-ekonomija moħbija u x-xogħol mhux dikjarat, li għandhom ikunu
ta’ piż kemm fuq il-finanzi pubbliċi kif ukoll fuq il-piż
tat-taxxa għall-kontribwenti konformi. F’dan ir-rigward, il-liġi
abilitanti għar-riforma tat-taxxa tipprevedi diversi miżuri biex
tissaħħaħ l-amministrazzjoni tat-taxxa — sistema ta' estimar
komprensiv u monitoraġġ tad-diskrepanza tat-taxxa, miżuri ta’ simplifikazzjoni,
azzjonijiet biex titjieb ir-relazzjoni mal-kontribwenti, miżuri li jtejbu
l-irkupru tad-dejn tat-taxxa lokali u t-tisħiħ tal-kontrolli
tat-taxxa. Id-deċiżjoni li jiġu introdotti prospetti tat-taxxa
mimlija minn qabel mill-2015 huwa pass pożittiv addizzjonali biex titjieb
il-konformità mat-taxxa. (11)
Implimentazzjoni bir-reqqa u rapida tal-miżuri
adottati tibqa’ sfida ewlenija għall-Italja, kemm f’termini li jiġu
indirizzati l-lakuni eżistenti fl-implimentazzjoni u l-prevenzjoni li
jiġi akkumulat aktar dewmien. Waħda mill-għodod ewlenin biex
titjieb l-implimentazzjoni tal-prestazzjoni tal-pajjiż, u aktar
ġeneralment tiġi żgurata azzjoni politika b'inqas intoppi, hija
l-koordinazzjoni msaħħa u allokazzjoni aktar effiċjenti
tal-kompetenzi bejn il-livelli differenti ta’ gvern. Dan imbagħad jista’
jkun ta’ benefiċċju għall-immaniġġar tal-fondi tal-UE,
fejn sa issa seħħet biss azzjoni parzjali u mhux sħiħa,
speċjalment fir-reġjuni tan-nofsinhar. L-immaniġġar
tal-fondi tal-UE għadu jbati minn kapaċità amministrattiva
dgħajfa u n-nuqqas ta’ trasparenza, evalwazzjoni u kontroll tal-kwalità.
Il-kwalità tas-servizz pubbliku tiggwadanja wkoll minn żieda
l-effikaċja u l-orjentazzjoni lejn is-servizz, u bidliet korrispondenti
fl-immaniġġar tar-riżorsi umani. Il-korruzzjoni għadha
piż sinifikanti fuq is-sistema produttiva tal-Italja u fuq il-fiduċja
fix-xena politika u istituzzjonali. Hemm bżonn ta' rieżami
tal-istatut tal-limitazzjonijiet. Ġlieda effettiva kontra l-korruzzjoni
teħtieġ ukoll li l-Awtorità Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni
għall-Evalwazzjoni u t-Trasparenza tal-Amministrazzjonijiet Pubbliċi,
tingħata setgħa adegwata. Għadhom jippersistu ineffiċjenzi
fil-ġustizzja ċivili u l-impatt tal-miżuri adottati
jeħtieġ jiġi mmonitorjat bir-reqqa. (12)
Fuq il-bażi tar-rieżami mmirat
tal-kwalità tal-assi li sar is-sena l-oħra taħt il-patroċinju
tal-Bank tal-Italja, għadu importanti li jitjieb l-immaniġġar
tal-assi indeboliti u jitħeġġeġ it-twarrib tagħhom
sabiex terġa' tingħata l-ħajja lill-kapaċità tal-banek li
jespandu l-provvista tal-kreditu lill-ekonomija reali. Fir-rigward
tal-aċċess għall-finanzi, l-azzjonijiet prinċipali li
ttieħdu sa issa ffukaw fuq li jitħaffef l-aċċess
tal-kumpaniji għall-kreditu, iżda l-iżvilupp ta’ strumenti ta’
finanzjament oħra apparti s-self bankarju għadu limitat,
speċjalment għall-intrapriżi żgħar u medji.
L-inizjattivi meħuda fil-qasam tal-governanza korporattiva tal-banek —
b’mod partikolari l-prinċipji l-ġodda ħarġu
reċentement mill-Bank tal-Italja — huma pass tajjeb. Fl-istess ħin,
l-impatt tagħhom se jiddependi fuq l-implimentazzjoni xierqa tagħhom
mill-banek u l-infurzar. B’mod partikolari, għadu meħtieġ
monitoraġġ mill-qrib ta’ uħud mill-akbar banek kooperattivi
(“banche popolari”). (13)
Is-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol kompliet
tiddeterjora fl-2013, bil-qgħad jiżdied għal 12.2 % u
l-qgħad fost iż-żgħażagħ laħaq 40 %
fl-Italja. L-iżgurar ta’ implimentazzjoni xierqa u monitoraġġ
bir-reqqa tal-effett tar-riformi adottati fis-suq tax-xogħol u l-istipular
tal-pagi huwa essenzjali biex ukun iggarantit li l-benefiċċji
mistennija f’termini ta’ aktar flessibilità ta’ ħruġ, flessibilità
ta' dħul regolata aħjar, sistema aktar komprensiva ta’
benefiċċji tal-qgħad u allinjament aħjar tal-pagi
mal-produttività materjalizzata Il-pjanijiet għat-titjib
tal-effikaċja tas-servizzi tal-pjazzamenti permezz tat-tisħiħ
tas-servizzi pubbliċi tal-impjieg kienu soġġetti għal
dewmien u jeħtieġ li jiġu aċċelerati. Miżuri
mmirati lejn it-trawwim tal-ħolqien tal-impjiegi fuq terminu qasir
jeħtieġ li jiġu kkumplimentati b’miżuri li jindirizzaw
is-segmentazzjoni. Globalment, is-suq tax-xogħol Taljan għadu
kkaratterizzat mis-segmentazzjoni u parteċipazzjoni baxxa, li jaffettwaw
lin-nisa u liż-żgħażagħ b’mod partikolari.
Għalhekk, il-passi limitat li ttieħdu sa issa għandhom
bżonn jiġu estiżi, inkluż f’konformità mal-objettivi ta’
garanzija għaż-żgħażagħ. L-Italja qed tesperjenza
tnaqqis fl-introjtu disponibbli għall-unitajiet domestiċi flimkien
ma’ żieda fil-faqar u l-esklużjoni soċjali, li qed jaffettwaw
lill-familji bit-tfal b’mod partikolari. In-nefqa soċjali fl-Italja tibqa’
orjentata prinċipalment lejn l-anzjani u b’konċentrazzjoni minima fuq
l-attivazzjoni, li tillimita l-ambitu biex jiġi indirizzat ir-riskju
tal-esklużjoni soċjali u l-faqar. L-iskema pilota tal-għajnuna
soċjali introdotta reċentement għandha l-għan li tipprovdi
xibka ta’ sigurtà soċjali. L-estensjoni prevista tagħha
għall-pajjiż kollu se teħtieġ titjib fl-effikaċja
tal-infiq u s-servizzi soċjali fit-territorju kollu. (14)
Jeħtieġ li jsiru sforzi biex titjieb
il-prestazzjoni edukattiva u l-allokazzjoni tal-kapital uman fil-livelli
edukattivi kollha, jiġifieri dak primarju, sekondarju u terzjarju.
Il-professjoni tal-għalliema hija kkaratterizzata minn perkors tal-karriera
wieħed u bħalissa toffri prospetti limitati f’termini ta’
żvilupp professjonali. Id-diversifikazzjoni tal-karrieri
tal-għalliema u rabta aħjar tal-iżvilupp tagħhom mal-mertu
u l-prestazzjoni flimkien mal-ġeneralizzazzjoni tal-evalwazzjoni
tal-iskejjel, tista’ jsarraf f’riżultati skolastiċi aħjar. Jidher
li huma ta' importanza kruċjali li fil-livelli ta' sekondarja għolja
u terzjarju tiġi żgurata tranżizzjoni bla intoppi bejn
l-edukazzjoni u s-suq tax-xogħol, u t-tisħiħ u t-twessigħ
tat-taħriġ prattiku, permezz ta’ tagħlim u edukazzjoni u
taħriġ vokazzjonali bbażati aktar fuq ix-xogħol. Is-segwitu
tad-digriet leġiżlattiv tal-2013 dwar din il-kwistjoni, li
stabbilixxa reġistru nazzjonali tal-kwalifiki huwa essenzjali sabiex ikun
żgurat ir-rikonoxximent nazzjonali tal-ħiliet. Filwaqt li tibni fuq
l-azzjoni inizjali f’din id-direzzjoni, jekk l-allokazzjoni tal-finanzjament
pubbliku lill-universitajiet tibda jsir fuq il-bażi tal-prestazzjoni
tar-riċerka u t-tagħlim, dan ikun ta' kontribut kemm biex titjieb
il-kwalità tal-universitajiet u potenzjalment tiżdied il-kapaċità
tar-riċerka u l-innovazzjoni fil-pajjiż, fejn din għadha lura. (15)
Ittieħdu xi passi biex jinkiseb ambjent aktar
faċli għan-negozji u ċ-ċittadini, iżda l-impatt
tagħhom huwa mxekkel minn dewmien fl-approvazzjoni finali tagħhom u
nuqqasijiet fl-implimentazzjoni. Għad hemm għadd ta’ ostakli
għall-kompetizzjoni (oqsma ta’ attività riżervati, skemi ta'
konċessjonijiet/awtorizzazzjoni, eċċ) fis-servizzi
professjonali, l-assigurazzjoni, id-distribuzzjoni tal-fjuwil, il-bejgħ
bl-imnut u s-servizzi postali. Serje ta’ nuqqasijiet li jaffettwaw is-sistema
tal-akkwist pubbliku wkoll jeħtieġ li jiġu indirizzati.
It-tisħiħ tal-kompetizzjoni fil-qasam tas-servizzi pubbliċi
lokali hija prijorità oħra. B’mod partikolari, il-leġiżlazzjoni
attwali li tistipula li l-kuntratti eżistenti li mhumiex konformi
mal-liġi tal-UE dwar kriterji interni jridu jiġu rrettifikati
sal-31 ta’ Diċembru 2014, jeħtieġ li tiġi
implimentata. (16)
Ostakli fl-infrastruttura jxekklu l-funzjonament
tajjeb tas-suq tal-enerġija. Fit-trasport, in-nuqqas ta’ infrastruttura
intermodali u n-nuqqas ta’ sinerġiji u kollegamenti ta' postijiet ’il
ġewwa fil-pajjiż ma' portijiet Taljani jistħoqqilhom attenzjoni
u azzjoni partikolari. F'termini ta' kopertura tal-broadband, l-Italja
għandha żoni mhux urbani li mhumiex milħuqa sew. (17)
Il-Kummissjoni, fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, wettqet
analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tal-Italja. Hija vvalutat
il-programm ta’ stabbiltà u l-programm nazzjonali ta’ riforma. Hija mhux biss
qieset ir-rilevanza tagħhom għall-politika tas-sostenibbiltà fiskali
u soċjoekonomika fl-Italja, imma wkoll il-konformità tagħhom mar-regoli
u l-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa ta' tisħiħ
fil-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni Ewropea billi jiġi
pprovdut kontribut fil-livell tal-UE għad-deċiżjonijiet
nazzjonali futuri. Ir-rakkomandazzjonijiet tagħha skont
is-Semestru Ewropew huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet (1) sa (8) hawn
taħt. (18)
Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill
eżamina l-programm ta’ stabbiltà tal-Italja, u l-opinjoni tiegħu[10] hija riflessa b’mod
partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) hawn taħt. (19)
Il-Kunsill eżamina l-programm nazzjonali ta'
riforma u l-programm ta' stabilità fid-dawl tar-rieżami fil-fond
tal-Kummisjoni u ta' din il-valutazzjoni. Ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu
skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi
fir-rakkomandazzjonijiet (1) sa (8) hawn taħt. (20)
Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni
wettqet ukoll analiżi tal-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro
inġenerali. Abbażi ta' din l-analiżi, il-Kunsill ħareġ
rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-Istati Membri li l-munita
tagħhom hija l-euro. L-Italja għandha wkoll tiżgura
l-implimentazzjoni sħiħa u f’waqtha ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet. B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Italja
tieħu azzjoni fil-perjodu 2014-2015 sabiex: 1. Issaħħaħ
il-miżuri baġitarji għall-2014 fid-dawl tad-differenza
emerġenti relattiva mar-rekwiżiti tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir,
jiġifieri r-regola tat-tnaqqis tad-dejn, abbażi tat-tbassir
tar-rebbiegħa 2014 tal-Kummissjoni. Fl-2015, issaħħaħ b’mod
sinifikanti l-istrateġija baġitarja biex tiżgura l-konformità
mar-rekwiżit għat-tnaqqis tad-dejn. Minn hemm 'l hemm, tiżgura
li d-dejn tal-amministrazzjoni pubblika jkun fuq perkors biżżejjed 'l
isfel; twettaq il-pjan ambizjuż ta' privatizzazzjoni; timplimenta
aġġustament fiskali li jiffavorixxi t-tkabbir abbażi
tal-iffrankar sinifikanti mħabbar li jirriżulta minn titjib durabbli
tal-effiċenza u l-kwalità tan-nefqa pubblika fil-livelli kollha tal-gvern,
filwaqt li jiġi ppreservat l-infiq li jsaħħaħ it-tkabbir
bħall-innovazzjoni tar-RŻ, l-edukazzjoni u proġetti ta'
infrastruttura essenzjali. Tiggarantixxi l-indipendenza u t-tħaddim
sħiħ tal-kunsill fiskali malajr kemm jista’ jkun u mhux aktar tard
minn Settembru 2014, fiż-żmien għall-valutazzjoni
tal-Abbozz tal-Pjan Baġitarju tal-2015. 2. Tkompli ċċaqlaq
il-piż tat-taxxa minn fuq il-fatturi produttivi għal fuq il-konsum,
il-proprjetà u l-ambjent, f’konformità mal-miri baġitarji. Għal dan
l-għan, tevalwa l-effikaċja tat-tnaqqis riċenti tal-porzjon
tat-taxxa fuq ix-xogħol u tiżgura l-finanzjament tiegħu
għall-2015, tirrevedi l-ambitu tan-nefqiet diretti tat-taxxa u twessa'
l-bażi tat-taxxa, b’mod partikolari fuq il-konsum. Tikkunsidra
l-allinjament tad-dazji tas-sisa fuq diżil għal dawk fuq il-petrol u
indiċjar tagħhom fuq l-inflazzjoni, u tneħħi sussidji li
huma ta’ ħsara għall-ambjent. Timplimenta l-liġi abilitanti
għar-riforma tat-taxxa sa Marzu 2015, anke billi tadotta d-digrieti
li jwasslu għar-riforma tas-sistema katastali biex tkun żgurata
l-effettività tar-riforma tat-tassazzjoni tal-proprjetà immobbli. Tkompli
ttejjeb il-konformità mat-taxxa billi ttejjeb il-prevedibbiltà tas-sistema
tat-taxxa, tissemplifika l-proċeduri, ittejjeb l-irkupru tad-dejn
tat-taxxa, u timmodernizza tal-amministrazzjoni tat-taxxa. Tkompli
l-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa u tieħu passi addizzjonali
kontra l-ekonomija moħbija u x-xogħol mhux dikjarat. 3. Bħala parti minn sforz
usa' biex ittejjeb l-effiċjenza tal-amministrazzjoni pubblika,
tikkjarifika l-kompetenzi fil-livelli kollha tal-Gvern. Tiżgura
mmaniġġar aħjar tal-fondi tal-UE billi tieħu azzjoni
deċiżiva biex tittejjeb il-kapaċità amministrattiva,
it-trasparenza, l-evalwazzjoni u l-kontroll tal-kwalità fil-livell
reġjonali, speċjalment fir-reġjuni tan-nofsinhar. Ittejjeb aktar
l-effikaċja tal-miżuri kontra l-korruzzjoni, inkluż billi
tirrevedi l-istatut tal-limitazzjonijiet sal-aħħar tal-2014, u
ssaħħaħ il-poteri tal-awtorità nazzjonali ta' kontra
l-korruzzjoni. Timmonitorja fil-ħin l-impatt tar-riformi adottati biex
tiżdied l-effiċjenza tal-ġustizzja ċivili bil-għan li
tiġi żgurata l-effikaċja tagħhom u jiġu adottati
miżuri addizzjonali jekk ikun meħtieġ. 4. Issaħħaħ
ir-reżiljenza tas-settur bankarju u tiżgura l-kapaċità
tiegħu li jimmaniġġa u jiddisponi minn assi indeboliti biex
jerġa’ tingħata l-ħajja lis-self fl-ekonomija reali. Trawwem
aċċess għall-finanzi mhux bankarju għall-kumpaniji,
speċjalment l-intrapriżi żgħar u medji. Tkompli tippromwovi
u timmonitorja l-prassi ta’ governanza korporattiva effiċjenti fis-settur
bankarju kollu, b’attenzjoni partikolari għall-banek kooperattivi kbar
(‘banche popolari”) u l-fondazzjonijiet, bil-għan li titjieb
l-effikaċja tal-intermedjazzjoni finanzjarja. 5. Tevalwa, sa tmiem l-2014,
l-impatt tar-riformi tas-suq tax-xogħol u l-istipular tal-pagi fuq
il-ħolqien tax-xogħol, il-proċeduri ta' tkeċċija,
id-duwaliżmu fis-suq tax-xogħol u l-kost tal-kompetittività, u
tevalwa l-bżonn ta’ azzjoni addizzjonali. Taħdem lejn protezzjoni
soċjali komprensiva għall-persuni qiegħda, filwaqt li tillimita
l-użu tal-iskemi ta' supplimentazzjoni tal-pagi biex tiffaċilita
r-riallokazzjoni tax-xogħol. Issaħħaħ ir-rabta bejn
politiki attivi u passivi tas-suq tax-xogħol, u tibda bi pjan direzzjonali
dettaljat għal azzjoni minn Settembru 2014, u ssaħħaħ
il-koordinazzjoni u l-effiċjenza tas-servizzi pubbliċi tal-impjieg
madwar il-pajjiż. Tadotta azzjoni effettiva biex tippromwovi l-impjieg
tan-nisa, billi jiġu adottati miżuri biex jitnaqqsu
d-diżinċentivi fiskali għal dawk li huma tieni sors
tad-dħul minn Marzu 2015 u tipprovdi servizzi ta’ ndukrar adegwati.
Tipprovdi servizzi adegwati madwar il-pajjiż
liż-żgħażagħ mhux reġistrati u tiżgura
impenn aktar b’saħħtu tas-settur privat biex joffri apprendistati u
skemi ta’ taħriġ ta’ kwalità sal-aħħar tal-2014,
f’konformità mal-objettivi ta’ garanzija
għaż-żgħażagħ. Tindirizza l-iskopertura
għall-faqar u l-esklużjoni soċjali, tkabbar l-iskema pilota ta’
għajnuna soċjali, b’mod fiskalment newtrali, li tiggarantixxi li tkun
immirata kif xieraq, kundizzjonalità stretta u uniformità territorjali u
ssaħħaħ ir-rabta mal-miżuri ta’ attivazzjoni. Ittejjeb l-effikaċja
tal-iskemi ta’ għajnuna u servizzi ta’ kwalità għall-familji bi
dħul baxx li jiffavorixxu l-unitajiet domestiċi bit-tfal. 6. Timplimenta s-Sistema
Nazzjonali għall-Evalwazzjoni tal-Iskejjel biex ittejjeb l-eżiti
tal-iskola u tnaqqas r-rati ta’ tluq bikri mill-iskola. Iżżid
l-użu tat-tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol fl-edukazzjoni u
t-taħriġ vokazzjonali fis-sekondarji għolja u
ssaħħaħ l-edukazzjoni terzjarja b'orjentazzjoni vokazzjonali. Toħloq
reġistru nazzjonali tal-kwalifiki biex tiżgura rikonoxximent
wiesgħa tal-ħiliet. Tiżgura li l-finanzjament pubbliku jippremja
aħjar lill-kwalità tal-edukazzjoni għolja u r-riċerka. 7. Tapprova
l-leġiżlazzjoni pendenti mmirata lejn is-simplifikazzjoni tal-ambjent
regolatorju għan-negozji u ċ-ċittadini u tindirizza
d-diskrepanzi fl-implimentazzjoni fil-leġiżlazzjoni eżistenti.
Trawwem il-ftuħ tas-suq u titneħħi l-ostakli li fadal, u
r-restrizzjonijiet, għall-kompetizzjoni fis-servizzi professjonali u
s-servizzi pubbliċi lokali, l-assigurazzjoni, id-distribuzzjoni tal-fjuwil,
il-bejgħ bl-imnut u s-setturi tas-servizzi postali. Ittejjeb
l-effiċjenza tal-akkwist pubbliku, speċjalment billi tissimplifika
l-proċeduri inkluż permezz tal-użu tal-akkwist elettroniku,
tirrazzjonalizza l-korpi ċentrali tal-akkwist u tiżgura applikazzjoni
xierqa tar-regoli ta’ qabel u ta’ wara l-għoti. Fis-servizzi pubbliċi
lokali, timplimenta b’mod rigoruż il-leġiżlazzjoni li tipprovdi
għar-rettifika tal-kuntratti li ma jikkonformawx mar-rekwiżiti dwar
l-għoti intern sal-31 ta’ Diċembru 2014. 8. Tiżgura t-tħaddim
bla telf ta' żmien u sħiħ tal-Awtorità tat-Trasport sa
Settembru 2014. Tapprova l-lista tal-infrastruttura strateġika
fis-settur tal-enerġija u ttejjeb l-immaniġġar tal-portijiet u
l-kollegamenti ma’ postijiet fin-naħa ta' ġewwa tal-pajjiż. Magħmul fi Brussell, Għall-Kunsill Il-President [1] ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1. [2] ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25. [3] COM(2014) 413 final. [4] P7_TA(2014)0128 u
P7_TA(2014)0129. [5] ĠU L 140, 27.5.2013, p. 11. [6] C(2013) 8005 final. [7] COM(2013) 800 final. [8] COM(2013) 790 final. [9] SWD(2014) 83 final. [10] Skont l-Artikolu 5(2) tar- Regolament tal-Kunsill
(KE) Nru 1466/97.