Kawża C-346/09

Staat der Nederlanden

vs

Denkavit Nederland BV et

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Gerechtshof ’s-Gravenhage)

“Agrikoltura — Spezzjonijiet sanitarji — Direttiva 90/425/KEE — Leġiżlazzjoni nazzjonali temporanja intiża sabiex tiġġieled it-tixrid tal-enċefalopatija sponġiformi bovina billi tipprojbixxi l-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-proteini mill-annimali pproċessati fl-għalf tal-annimali tat-trobbija — Applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni qabel id-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni 2000/766/KE li tipprovdi tali projbizzjoni — Applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni għal żewġ prodotti li jistgħu jiġu eżentati mill-projbizzjoni prevista minn din id-deċiżjoni — Kompatibbiltà mad-Direttiva 90/425/KEE u mad-Deċiżjonijiet 94/381/KE u 2000/66/KE”

Sommarju tas-sentenza

Agrikoltura — Approssimazzjoni tal-liġijiet fil-qasam tal-ispezzjonijiet sanitarji — Verifiki veterinarji u zootekniċi fil-kummerċ intra-Komunitarju ta’ annimali ħajjin u ta’ prodotti li ġejjin mill-annimali — Miżuri ta’ protezzjoni kontra l-enċefalopatija sponġiformi bovina

(Direttiva tal-Kunsill 90/425, Artikolu 10(1) u (4); Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/766; Deċizjoni tal-Kummissjoni 94/381)

Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari d-Direttiva 90/425, dwar l-iċċekkjar, veterinarju u zootekniku applikabbli għall-kummerċ intra-Komunitarju ta’ ċertu annimali ħajjin u prodotti bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern, kif ukoll id-Deċiżjonijiet 94/381, dwar ċerti miżuri protettivi relattivi għall-enċefalopatija sponġiformi bovina u għall-għalf abbażi ta’ proteini li ġejjin minn mammiferi, u 2000/766, dwar ċerti miżuri protettivi fir-rigward tal-enċefalopatija sponġiformi trażmissibbli u l-użu ta’ proteini mill-annimali fl-għalf tal-annimali, ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li, bħala protezzjoni kontra l-enċefalopatija sponġiformi bovina, kienet timponi projbizzjoni provviżorja ta’ produzzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ proteini mill-annimali pproċessati fl-għalf għall-annimali tat-trobbija sa fejn is-sitwazzjoni fl-Istat Membru kkonċernat kienet ta’ natura urġenti tant li tiġġustifika l-adozzjoni immedjata ta’ tali miżuri għal motivi gravi ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika jew tas-saħħa tal-annimali. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk din l-aħħar kundizzjoni hijiex sodisfatta u jekk il-prinċipju ta’ proporzjonalità ġiex osservat.

L-adozzjoni mill-Kummissjoni ta’ deċiżjoni li l-applikazzjoni tagħha ma hijiex immedjata ma tistax tiġi kkunsidrata, bħala tali, li tipprojbixxi lil Stat Membru milli jieħu huwa stess miżuri protettivi skont ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 90/425.

(ara l-punti 66, 70 u d-dispożittiv)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

22 ta’ Ġunju 2011 (*)

“Agrikoltura – Spezzjonijiet sanitarji – Direttiva 90/425/KEE – Leġiżlazzjoni nazzjonali temporanja intiża sabiex tiġġieled il-firxa tal-enċefalopatija sponġiformi bovina u li tipprojbixxi l-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-proteini mill-annimali pproċessati fl-għalf tal-annimali tat-trobbija – Applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni qabel id-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni 2000/766/KE li tipprovdi tali projbizzjoni – Applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni għal żewġ prodotti li jistgħu jiġu eżentati mill-projbizzjoni prevista minn din id-deċiżjoni – Kompatibbiltà mad-Direttiva 90/425/KEE u mad-Deċiżjonijiet 94/381/KE u 2000/66/KE”

Fil-Kawża C‑346/09,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa minn Gerechtshof ’s-Gravenhage (il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Awwissu 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Awwissu 2009, fil-proċedura

Staat der Nederlanden

vs

Denkavit Nederland BV et,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tal-Awla, A. Arabadjiev, A. Rosas (Relatur), U. Lõhmus u A. Ó Caoimh, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Settembru 2010,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Denkavit Nederland BV et, minn H. Ferment, avukat,

–        għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels u M. de Ree, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma, J. Möller u N. Graf Vitzthum, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Svediż, minn A. Falk u A. Engman, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Jimeno Fernández u B. Burggraaf, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-18 ta’ Novembru 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-użu ta’ proteini mill-annimmali pproċessati fl-għalf tal-annimali, u partikolarment tal-atti segwenti:

–        id-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE, tas-26 ta’ Ġunju 1990, dwar l-iċċekkjar, veterinarju u zootekniku applikabbli għall-kummerċ intra-Kommunitarju ta’ ċertu annimali ħajjin u prodotti bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 10, p. 138);

–        id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/381/KE, tas-27 ta’ Ġunju 1994, dwar ċerti miżuri protettivi relattivi għall-enċefalopatija sponġiformi bovina u għall-għalf abbażi ta’ proteini li ġejjin minn mammiferi (ĠU L 172, p. 23);

–        id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/766/KE, tal-4 ta’ Diċembru 2000, dwar ċerti miżuri protettivi fir-rigward tal-enċefalopatija sponġiformi trażmissibbli u l-użu ta’ proteini mill-annimali fl-għalf tal-annimali (ĠU L 306, p. 32), u

–        id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/9/KE, tad-29 ta’ Diċembru 2000, dwar miżuri ta’ verifika meħtieġa għall-implementazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/766/KE (ĠU L 2, p.32).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn l-iStaat der Nederlanden u Denkavit Nederland BV et (iktar ’il quddiem “Denkavit et”), jiġifieri diversi kumpanniji produtturi ta’ għalf għall-annimali kif ukoll kumpannija li tqassam materja prima għal tali għalf. Din il-kawża hija dwar il-konformità mad-dritt tal-Unjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali proviżorja li timponi, sabiex ikun hemm protezzjoni kontra l-enċefalopatija sponġiformi bovina (iktar ’il quddiem l-“ESB”), projbizzjoni ta’ produzzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-proteini mill-annimali pproċessati fl-għalf tal-annimali tat-trobbija, sa fejn din il-projbizzjoni, minn naħa, ġiet deċiża u daħlet fis-seħħ wara l-adozzjoni imma qabel id-dħul fis-seħħ ta’ deċiżjoni tal-Unjoni Ewropea li tipprovdi tali projbizzjoni, u, min-naħa l-oħra, kienet tapplika, qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-deċiżjoni, għall-ħut imqadded mitħun u għall-fosfat tad-dikalċju, meta dawn il-prodotti setgħu jiġu eżentati mill-projbizzjoni imposta mill-imsemmija deċiżjoni.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

 Id-Direttiva 90/425

3        Skont it-tieni premessa tad-Direttiva 90/425, għandhom jitneħħew l-ostakoli zootekniċi u veterinarji għall-iżvilupp tal-kummerċ intra-Komunitarju fl-annimali u l-prodotti ta’ oriġini mill-annimali, sabiex jiġi ffavorizzat il-funzjonament armonjuż tal-organizzazzjonijiet komuni tas-suq għall-annimali u l-prodotti ta’ oriġini mill-annimali.

4        Skont l-għaxar premessa tagħha, għandhom jittieħdu miżuri protettivi għal dan il-għan, u, b’mod partikolari għal raġunijiet ta’ effettività, ir-responsabbiltà f’dan il-qasam għandha l-ewwel nett tkun fuq l-Istat Membru tat-tluq.

5        It-tnax-il premessa tad-Direttiva 90/425 tipprovdi li, sakemm ikun hemm regoli Komunitarji, jaqbel, għall-annimali u prodotti li ma humiex suġġetti għal regoli armonizzati, li jinżammu r-rekwiżiti tal-Istat ta’ destinazzjoni sa fejn jikkonformaw mal-Artikolu 36 tat-Trattat KEE (li sar l-Artikolu 36 tat-Trattat KE, li hu stess sar, wara li ġie emendat, l-Artikolu 30 KE).

6        L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-iċċekkjar, veterinarju li għandhom isiru fuq annimali ħajjin u prodotti li huma koperti bid-Direttivi elenkati fl-Anness A jew fuq dawk li għalihom saret referenza fl-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 21 u liema huma maħsuba għall-kummerċ mhumiex, aktar imħarsa, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7, fil-fruntieri imma mwettqa b’mod konformi ma’ din id-Direttiva”.

7        L-Artikolu 10(1) tal-istess direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Kull Stat Membru għandu minnufih jinnotifika l-Istati Membri l-oħra u l-Kummissjoni b’kull tifqiegħa fit-territorju tiegħu, b’żieda ma’ dan kull tifqiegħa tal-mard li għalih saret referenza fid-Direttiva 82/894/KEE, ta’ kull żonożi, marda jew kawża oħra li x’aktarx tikkostitwixxi kull perikolu serju għall-annimali u għas-saħħa umana.

L-Istat Membru tat-tluq għandu minnufih jimplimenta l-kontroll jew il-miżuri ta’ prekawzjoni li hemm provdut għalihom fir-regoli tal-Komunità, b’mod partikolari d-determinazzjoni taz-żoni ta’ lqugħ li hemm provdut f’dawk ir-regoli, jew jaddottaw kull miżura oħra li jidhrilha xierqa.

L-Istat Membru tad-destinazzjoni jew vjaġġ li, fil-kors ta’ kull iċċekkjar, li għalih saret referenza fl-Artikolu 5, stabbilixxa l-eżistenza ta’ wieħed mill-mard jew kawżi li għalihom saret referenza fl-ewwel subparagrafu jista’ jekk meħtieġ, jieħu l-miżuri prekawtivi li hemm provdut għalihom fil-Komunità, inkluż l-kwarantini ta’ l-annimali.

Sakemm jittieħdu l-miżuri b’mod konformi mal-paragrafu 4, l-Istat Membru tad-destinazzjoni jista’, fuq raġunijiet serji pubbliċi jew ta’ saħħet-l annimali, jieħu miżuri protettivi fir-rigward ta’ ażjendi, ċentri jew organizzazzjonijiet konċernati jew, fil-każ ta’ mard epiżootiku, fir-rigward ta’ żona ta’ lqugħ li hemm provduta fir-regoli tal-Komunità.

Il-miżuri meħuda mill-Istati Membri għandhom ikunu innotifikati lill-Kummissjoni u lill-Istat Membru l-ieħor mingħajr dewmien”.

8        Skont il-paragrafu 4 tal-istess artikolu, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi, skont il-proċedura tal-kumitat prevista fl-Artikolu 17 tal-imsemmija direttiva, il-miżuri meħtieġa għall-annimali, il-prodotti u l-prodotti derivati. Din għandha ssegwi l-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni u, skont l-istess proċedura, temenda jew tabroga, skont din l-evoluzzjoni, id-deċiżjonijiet meħuda.

 Id-Direttiva 90/667/KEE

9        L-Artikolu 13(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 90/667/KEE, tas-27 ta’ Novembru 1990, li tistabbilixxi regoli veterinarji għar-rimi u l-ipproċessar ta’ skart tal-annimali, għat-tpoġġija tiegħu fis-suq u għall-prevenzjoni ta’ patoġeni fl-għalf ta’ oriġini minn annimali jew ħut u li temenda d-Direttiva 90/425/KEE  (ĠU L 363, p. 51), huwa fformult kif ġej:

“Id-Direttiva [90/425] tapplika, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda l-organizzazzjoni u l-aġġornament fuq il-verifiki magħmula mill-Istat Membru destinatarju u l-miżuri protettivi li għandhom jiġu applikati [traduzzjoni mhux uffiċjali]”.

Id-Direttiva 92/118/KEE

10      L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/118/KEE, tas-17 ta’ Diċembru 1992, li tipprovdi għal rekwiżiti fir-rigward tas-saħħa tal-annimali u tas-saħħa pubblika li jirregolaw il-kummerċ u l-importazzjoni fil-Komunità ta’ prodotti mhux soġġetti għar-rekwiżiti stabbiliti f’regoli Komunitarji speċifiċi msemmija fl-Anness A (I) tad-Direttiva 89/662/KEE u, fejn jidħlu l-patoġeni, għad-Direttiva 90/425/KEE (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 14, p. 51) huwa fformulta kif ġej:

“Għall-fini ta’ din id-Direttiva:

[…]

(e)      proteina proċessata ta’ l-annimali maħsuba għall-konsum mill-annimali tfisser proteina illi tkun ġiet trattata sabiex tirrendi lilha nnifisha tajba għall-użu dirett bħala għalf jew bħala ingredjent fl-għalf ta’ l-annimali. Tinkludi ikel mill-ħut, ikel mil-laħam, ikel mill-għadam, ikel min-nagħal, ikel mill-qrun, ikel mid-demm, ikel mir-rix, ikel mill-gambalijiet (qasab tas-saqajn) u prodotti bħal dawn li jinkludu taħlitiet li jkun fihom dawn il-prodotti”.

11      Skont l-Artikolu 7(2) tal-imsemmija direttiva, l-Artikolu 10 tad-Direttiva 90/425/KEE għandu japplika għall-prodotti koperti minn din id-direttiva.

 Id-Deċiżjoni 94/381

12      Il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 94/381 abbażi tad-Direttiva 90/425, u b’mod partikolari tal-Artikolu 10(4).

13      Skont l-Artikolu 1(1) ta’ din id-deċiżjoni, l-Istati Membri għandhom jipprojbixxu l-użu ta’ proteini ġejjin mit-tessuti tal-mammiferi fl-għalf ta’ ruminanti. Il-paragrafu 2 tal-istess artikolu jipprovdi madankollu li l-Istati Membri li kienu f’pożizzjoni li japplikaw sistema li tippermetti li jintgħażlu l-proteini mill-annimali ġejjin minn ruminanti minn dawk ġejjin minn dawk li ma humiex ruminanti huma awtorizzati mill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 90/425/KEE, li jippermettu l-għalf ta’ ruminanti bi proteini ġejjin minn speċi li ma jkunux ruminanti.

 Id-Deċiżjoni 2000/766

14      Fl-4 ta’ Diċembru 2000, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta d-Deċiżjoni 2000/766 abbażi tad-Direttiva 90/425, u b’mod partikolari l-Artikolu 10(4) tagħha, kif ukoll id-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE, tat-18 ta’ Diċembru 1997, li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 22, p. 47), u b’mod partikolari l-Artikolu 22 tagħha.

15      Skont l-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni:

“1.      L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu l-użu ta’ proteini mill-annimali pproċessati fl-għalf tal-annimali tat-trobbija miżmuma, imsemmna jew imrobbija għall-produzzjoni ta’ prodotti tal-ikel.

2.      Il-projbizzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ma tapplikax għall-użu:

–        ta’ ħut imqadded mitħun (fishmeal) fl-għalf ta’ annimali li ma jkunx ruminanti, skont miżuri ta’ verifika li għandhom jiġu ffissati skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17 tad-Direttiva tal-Kunsill 89/622/KEE, tal-11 ta’ Diċembru 1989, dwar spezzjonijiet veterinarji fil-kummerċ intra-Komunitarju bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 9, p. 214),

–        ta’ ġelatina ta’ nonruminanti għall-kisi ta’ additivi fis-sens tad-Direttiva tal-Kunsill 70/524/KEE, tat-23 ta’ Novembru 1970, li tirrigwarda adittivi f’għalf għall-bhejjem (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 1, p. 190),

–        ta’ fosfat tad-dikalċju u proteini idrolizzati miksuba skont kundizzjonijiet li jiġu ffissati skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 89/662/KEE,

–        ħalib u prodotti tal-ħalib fl-għalf tal-annimali tat-trobbija li jinżammu, jissemnu jew imrobbija għall-produzzjoni tal-prodotti tal-ikel [traduzzjoni mhux uffiċjali].”

16      L-Artikolu 3 tal-imsemmija deċiżjoni jipprovdi:

“1.      Bl-eċċezzjoni tad-derogi stabbiliti fl-Artikolu 2(2), l-Istati Membri:

a)      għandhom jipprojbixxu t-tqegħid fis-suq, il-kummerċ, l-importazzjoni ġejja minn pajjiż terz u l-esportazzjoni lejn pajjiż terz ta’ proteini mill-annimali pproċessati intiżi għall-għalf ta’ annimali tat-trobbija li jinżammu, jissemmnu jew jitrabbew għall-produzzjoni ta’ prodotti tal-ikel;

b)      jagħmlu mod li l-proteini mill-annimali kollha pproċessati intiżi għall-għalf ta’ annimali tat-trobbija li jinżammu, jissemmnu jew jitrabbew għall-produzzjoni ta’ prodotti tal-ikel jiġu rtirati mis-suq, mill-kanali tad-distribuzzjoni u mill-installazzjonijiet ta’ ħażna fl-irziezet.

2.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-iskart tal-annimali fis-sens tad-Direttiva [90/667] jinġabar, jiġi ttrasportat, ipproċessat u maħżun jew eliminat skont l-imsemmija direttiva [...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

17      Skont l-Artikolu 4 tagħha, id-Deċiżjoni 2000/766 daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2001 u kienet applikabbli sat-30 ta’ Ġunju 2001.

 Id-Deċiżjoni 2001/9

18      Id-Deċiżjoni 2001/9, adottata mill-Kummissjoni fid-29 ta’ Diċembru 2000, iffissat il-kundizzjonijiet dettaljati ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni għall-projbizzjonijiet relatati mal-ħut imqadded mitħun, il-fosfat tad-dikalċju u l-proteini idrolizzati prevista fl-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni 2000/766. Id-Deċiżjoni 2001/9 daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2001.

19      L-Artikolu 1(1) u (2) tad-Deċiżjoni 2001/9 jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jawtorizzaw l-użu ta’ ħut imqadded mitħun fl-għalf tal-annimali li ma jkunux ruminanti, iżda taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness I biss.

2.      L-Istati Membri għandhom jawtortizzaw l-użu ta’ fosfat tad-dikalċju fl-għalf tal-annimali li ma jkunux ruminanti, iżda taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness II biss.” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

20      Il-leġiżlazzjoni provviżorja fuq il-projbizzjoni tal-proteini mill-annimali fl-għalf kollu għall-annimali tat-trobbija (tijdelijke regeling verbod dierlijke eiwitten in alle diervoerders landbouwhuisdieren, iktar ’il quddiem il-“leġiżlazzjoni nazzjonali provviżorja”), adottata fit-8 ta’ Diċembru 2000 mill-Minister van Landbouw, Natuurbeheer en Visserij (Ministru tal-Agrikoltura, tan-Natura u tas-Sajd, Nederlandse Staatscourant 2000, Nru 239), kienet tirreferi, fil-premessi tagħha, għad-Direttiva 90/425 u għad-Deċiżjoni 2000/766. L-Artikolu 2 tagħha jipprovdi:

“1.      Permezz ta’ deroga għall-Artikolu 2 tal-leġiżlazzjoni fuq il-projbizzjoni ta’ materjal minn annimali mitħun fl-għalf għall-annimali, huwa pprojbit li jiġu ppreparati, ipproċessati, ipprovduti, riċevuti, ikkonsenjati, ittrasportati, imqiegħda għall-bejgħ, mixtrija jew ittrasferiti proteini mill-annimali pproċessati intiżi għall-għalf tal-annimali tat-trobbija.

2.      L-ewwel paragrafu ma japplikax [għall-prodotti li ġejjin]:

–        ħut imqadded mitħun fl-għalf tal-annimali li ma humiex ruminanti, skont il-miżuri ta’ verifika ffissati skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 89/662/KEE […],

–        il-ġelatina ta’ annimali mhux ruminanti għall-addittivi għal kisi […],

–        il-fosfat tad-dikalċju u l-proteini idrolizzati miksuba f’konformità mal-kundizzjonijiet iffissati skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 89/622/KEE,

–        il-ħalib u l-prodotti tal-ħalib.”

21      Skont l-Artikolu 3 tal-imsemmija leġiżlazzjoni:

“1.      Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2, huwa pprojbit mill-1 ta’ Jannar 2001

a)      li jintużaw proteini mill-annimali pproċessati fl-għalf tal-annimali tat-trobbija;

b)      li jiġu importati jew esportati proteini mill-annimali pproċessati;

c)      li jinżammu jew ikun hemm fi stokk proteini mill-annimali pproċessati fl-irziezet li jkollhom annimali tat-trobbija kif ukoll fl-impriżi li jipproduċu, jikkummerċjalizzaw, jaħżnu jew jittrasbordaw għalf għal annimali tat-trobbija.

2.      Ma huwiex suġġett għall-projbizzjoni li hemm fil-paragrafu 1(c) sal-1 ta’ Marzu 2001, id-detentur jew proprjetarju ta’ proteini mill-annimali pproċessati li, għas-sodisfazzjon tal-ministru tagħna, jiddikjara lir-Rijksdienst voor de keuring van Vee en Vlees [(servizz nazzjonali ta’ spezzjoni tal-bhejjem u tal-laħam)] in-natura, il-kwantità u l-post tal-proteini mill-annimali pproċessati fil-pussess tiegħu u jikkomunika immedjatament lis-servizz ċċitat iktar ’il fuq kull modifika tan-natura, il-kwantità u l-post tagħhom.”

22      Skont l-Artikolu 4 ta’ din l-istess leġiżlazzjoni, din daħlet fis-seħħ fil-15 ta’ Diċembru 2000.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

23      Fuq il-livell tal-Unjoni, ittieħdu miżuri sa mill-1994 sabiex tiġi miġġielda l-firxa tal-ESB. Dawn il-miżuri ġew adottati b’mod partikolari abbażi tad-Direttiva 90/425.

24      Fis-27 ta’ Ġunju 1994, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 94/381, li l-għan tagħha kien li jiġi pprojbit l-użu ta’ proteini derivati minn tessuti ta’ mammiferi fl-għalf tar-ruminanti.

25      Wara li kkonstata każijiet ta’ ESB f’annimali li twieldu wara d-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni 91/381, il-kumitat xjentifiku tat-tmexxija, imwaqqaf permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 97/404/KE, tal-10 ta’ Ġunju 1997, (ĠU L 169, p. 85), (iktar ’il quddiem il-“kumitat xjentifiku tat-tmexxija”), ta, fis-27 u t-28 ta’ Novembru 2000, opinjoni, fejn ikkonstata, għall-ewwel darba, riskju ta’ kontaminazzjoni inkroċjata tal-għalf tal-bovini minn għalf intiż għal annimali oħrajn u li fih proteini mill-annimali li jistgħu jiġu kkontaminati mill-aġent tal-ESB, u rrakkomanda l-adozzjoni ta’ miżuri ġodda.

26      Fl-4 ta’ Diċembru 2000, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2000/766, intiża sabiex timminimizza iktar ir-riskju tat-tixrid tal-ESB. Permezz ta’ din id-deċiżjoni, l-użu ta’ proteini mill-annimali pproċessati fl-għalf tal-annimali tat-trobbija kollha ġie pprojbit sa mill-1 ta’ Jannar 2001, għal tul minimu ta’ sitt xhur. Din id-deċiżjoni kienet tipprovdi wkoll għall-projbizzjoni tat-tqegħid fis-suq, il-kummerċ, l-importazzjoni minn pajjiż terz u l-esportazzjoni lejn pajjiż terz ta’ proteini mill-annimali pproċessati kif ukoll l-obbligu tal-irtirar ta’ dawn tal-aħħar mis-suq, mill-kanali ta’ distribuzzjoni u mill-installazzjonijiet ta’ ħażna fl-irziezet. Dawn il-projbizzjonijiet kienu akkumpanjati minn diversi derogi, li jikkonċernaw b’mod partikolari l-użu ta’ ħut imqadded mitħun fl-għalf ta’ annimali li ma humiex ruminanti u l-użu ta’ fosfat tad-dikalċju.

27      Erbgħat ijiem wara, jiġifieri fit-8 ta’ Diċembru 2000, il-Minister van Landbouw, Natuurbeheer en Visserij adotta l-leġiżlazzjoni nazzjonali provviżorja, li tipprovdi, fl-Artikolu 2(1) tagħha, projbizzjoni li jiġu ppreparati, ipproċessati, ipprovduti, riċevuti, ikkunsinjati, ittrasportati, mibjugħa, jew mogħtija proteini mill-annimali pproċessati intiżi għall-għalf tal-annimali tat-trobbija.

28      L-Artikolu 2(2) tal-imsemmija leġiżlazzjoni kien jipprovdi derogi għal din il-projbizzjoni, b’mod partikolari għall-ħut imqadded mitħun u l-fosfat tad-dikalċju. L-applikazzjoni ta’ dawn id-derogi għaldaqstant kienet suġġetta għall-adozzjoni ulterjuri tal-miżuri ta’ kontroll, li kellhom jiġu stabbiliti skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 89/662.

29      Skont l-Artikolu 4 tagħha, il-leġiżlazzjoni nazzjonali provviżorja daħlet fis-seħħ fil-15 ta’ Diċembru 2000, jiġifieri ħmistax-il jum qabel id-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni 2000/766. Din ġiet ikkomunikata lill-Kummissjoni fl-10 ta’ Jannar 2001.

30      Fid-29 ta’ Diċembru 2000, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2001/9, li tippreċiża taħt liema kundizzjonijiet l-użu, b’mod partikolari, tal-ħut imqadded mitħun u tal-fosfat tad-dikalċju kien awtorizzat fl-għalf tal-annimali. Din id-deċiżjoni daħlet fis-seħħ fl-istess ħin bħad-Deċiżjoni 2000/766, jiġifieri fl-1 ta’ Jannar 2001.

31      Denkavit et ippreżentaw rikors quddiem ir-Rechtbank ’s-Gravenhage (qorti ta’ Den Hag), intiża għad-deċiżjoni tal-qorti li l-Artikolu 2 tal-leġiżlazzjoni nazzjonali provviżorja kien ivvizzjat b’illegalità.

32      Denkavit et sostnew quddiem din il-qorti li l-iStaat der Nederlanden kien aġixxa b’mod illegali fir-rigward tagħhom, prinċipalment, billi impona, matul il-perijodu bejn il-15 ta’ Diċembru 2000 u l-1 ta’ Jannar 2001, miżuri ta’ projbizzjoni fil-qasam tal-għalf għall-annimali iktar restrittivi minn dawk previsti mid-Deċiżjoni 94/381 jew, sussidjarjament, billi impona, matul dan il-perijodu, miżuri ta’ projbizzjoni fil-qasam tal-għalf għall-annimali li ma jinkludix proteini mill-annimali oħra ħlief il-ħut imqadded mitħun u l-fosfat tad-dikalċju.

33      Ir-Rechtbank ’s-Gravenhage laqgħet dan ir-rikors minħabba li, fid-dawl tal-formulazzjoni tad-Deċiżjoni 2000/766, l-għan tagħha kien li l-miżuri ta’ projbizzjoni kkonċernati jidħlu fis-seħħ preċiżament fl-1 ta’ Jannar 2001, la qabel u lanqas wara. Skont din il-ġurisdizzjoni, l-iStaat der Nederlanden għalhekk kien aġixxa b’mod illegali billi impona miżuri ta’ projbizzjoni sa mill-15 ta’ Diċembru 2000.

34      L-iStaat der Nederlanden appella quddiem il-Gerechtshof ’s-Gravenhage (qorti tal-appell ta’ Den Hag), li qieset li l-kawża li għandha quddiemha tqajjem kwistjonijiet dwar l-interpretazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni.

35      F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Gerechtshof ’s-Gravenhage iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“1. Id-dritt Komunitarju, b’mod partikolari, id-Direttiva 90/425/KEE, id-Deċiżjoni 94/381/KE u d-Deċiżjoni 2000/766/KE, għandu jiġi interpretat fis-sens li miżura nazzjonali ta’ projbizzjoni bħal dik li tinsab fl-Artikolu 2 tal-leġiżlazzjoni provviżorja li, għall-finijiet ta’ protezzjoni kontra l-ESB, tipprojbixxi l-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ proteini mill-annimali pproċessati, intiżi għall-għalf tal-annimali tat-trobbija, hija kompatibbli ma’ dawn id-dipożizzjonijiet meta tali miżura nazzjonali ta’ projbizzjoni

–        daħlet fis-seħħ fil-15 ta’ Diċembru 2000 (u għaldaqstant, qabel id-Deċiżjoni 2000/766/KE) u

–        kienet tapplika wkoll provviżorjament (sad-[Deċiżjoni 2001/9] tad-29 ta’ Diċembru 2000) għall-ħut imqadded mitħun (fishmeal) u l-fosfat tad-dikalċju?”

 Fuq id-domanda preliminari

36      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tfittex li ssir taf, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari d-Direttiva 90/425 u d-Deċiżjonijiet 94/381 u 2000/766, jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li, bħala protezzjoni kontra l-ESB, timponi projbizzjoni provviżorja ta’ produzzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ proteini mill-annimali pproċessati fl-għalf tal-annimali tat-trobbija sa fejn din il-projbizzjoni, minn naħa, kienet ġiet deċiża u daħlet fis-seħħ wara l-adozzjoni imma qabel id-dħul fis-seħħ ta’ deċiżjoni tal-Unjoni li tipprovdi għal tali projbizzjoni u, min-naħa l-oħra, kienet tapplika qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-deċiżjoni, għall-ħut imqadded mitħun u għall-fosfat tad-dikalċju, meta dawn il-prodotti kellhom jiġu eżentati mill-projbizzjoni imposta mill-imsemmija deċiżjoni.

37      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, f’dak li jikkonċerna l-ġlieda kontra l-firxa tal-mard ta’ natura li jikkostitwixxi periklu gravi għall-annimali jew għas-saħħa tal-bniedem, bħall-ESB, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 10 tad-Direttiva 90/425 jarmonizza b’mod komplet il-miżuri protettivi kontra dan il-mard billi jiddefinixxi preċiżament l-obbligi u l-missjonijiet rispettivi tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni f’dan is-settur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Mejju 1993, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C-52/92, Ġabra p. I-2961, punt 19).

38      Fil-fatt, skont l-imsemmi Artikolu 10, il-Kummissjoni għandha tieħu l-miżuri neċessarji wara eżami tal-Kumitat Veterinarju Permanenti. L-Istati Membri jistgħu biss, jekk jikkonstataw marda waqt kontroll, jieħdu l-miżuri ta’ prevenzjoni previsti mil-leġiżlazzjoni Komunitarja u, għal raġunijiet gravi ta’ protezzjoni tas-saħħa, jieħdu miżuri protettivi strettament limitati fl-istennija tal-miżuri li għandhom jittieħdu mill-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ’il fuq, punt 9).

39      Mit-tnax-il premessa tad-Direttiva 90/425 jirriżulta li din tapplika għall-annimali u għall-prodotti li kienu suġġetti għal regoli armonizzati, elenkati fl-Anness A tal-imsemmija direttiva.

40      Kif irreleva l-Avukat Ġenerali fil-punt 39 tal-konklużjonijiet tiegħu, konsegwentement jaqbel li jiġi ddeterminat jekk il-prodotti msemmija fil-leġiżlazzjoni nazzjonali provviżorja, jiġifieri proteini mill-annimali pproċessati intiżi għall-għalf tal-annimali tat-trobbija, jaqgħux, fil-mument tal-adozzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 90/425.

41      F’dan ir-rigward, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-għalf għall-annimali evolviet lejn armonizzazzjoni kumplessa u avanzata. Kif espona l-Avukat Ġenerali fil-punti 47 sa 49 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-proteini mill-annimali pproċessati kienu s-suġġett ta’ diversi strumenti ta’ armonizzazzjoni, kemm fil-kwalità tagħhom ta’ skart tal-annimali, fil-kwalità tagħhom ta’ komponenti għall-għalf għall-annimali u fil-forma ta’ projbizzjoni.

42      Fil-fatt, wara l-adozzjoni tad-Direttiva 90/667, l-Anness A tad-Direttiva 90/425 ġie emendat sabiex il-prodotti msemmija mid-Direttiva 90/667, jiġifieri l-iskart tal-annimali, jiġu suġġetti għall-miżuri protettivi stabbiliti mid-Direttiva 90/425.

43      Sussegwentement, skont l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 92/118, il-miżuri protettivi previsti fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 90/425 kienu japplikaw għall-prodotti ta’ oriġini mill-annimali msemmija fid-Direttiva 92/118, jiġifieri l-prodotti ta’ oriġni mill-annimali mhux suġġetti, f’dak li jikkonċerna l-kundizzjonijiet ta’ spezzjonijiet sanitarji kif ukoll il-kundizzjonijiet sanitarji li jirregolaw l-iskambji u l-importazzjonijiet fil-Komunità Ewropea, għal-leġiżlazzjonijiet Komunitarji speċifiċi msemmija fl-Anness A (I) tad-Direttiva 89/662 u, fejn jidħlu l-patoġeni, għad-Direttiva 90/425.

44      Id-Deċiżjoni 94/381, li għandha l-għan li tipprojbixxi l-użu ta’ proteini derivati minn tessuti tal-mammiferi fl-għalf tar-ruminanti, ġiet adottata fis-27 ta’ Ġunju 1994.

45      Barra minn hekk, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 91/516/KEE, tad-9 ta’ Settembru 1991, li tistabbilixxi l-lista tal-ingredjenti li l-użu tagħhom huwa pprojbit fl-għalf kompost għall-annimali (ĠU L 281, p. 23), hekk kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 97/582/KE, tat-28 ta’ Lulju 1997, (ĠU 237, p. 39), tali projbizzjoni ġiet imposta f’dak li jikkonċerna l-prodotti protejċi li joriġinaw minn tessut tal-mammiferi użati bħala ingredjenti fl-għalf kompost għar-ruminanti.

46      Fl-aħħar nett, l-użu ta’ proteini mill-annimali pproċessati fl-għalf tal-annimal tat-trobbija kollha, inkluż dawk li ma humiex ruminanti, li huma miżmuma, imsemmna jew imrobbija għall-produzzjoni ta’ prodotti tal-ikel ġie pprojbit permezz tad-Deċiżjoni 2000/766.

47      Fil-fatt, din id-deċiżjoni, li l-validità tagħha ma ġietx ikkontestata, kellha bħala bażi legali l-Artikolu 10 tad-Direttiva 90/425.

48      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha flimikien jirriżulta li, fil-mument tal-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali provviżorja, ma kienx possibbli għal Stat Membru li jipprojbixxi l-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-proteini mill-annimali pproċessati intiżi għall-għalf tal-annimali tat-trobbija barra mill-mekkaniżmu ta’ protezzjoni stabbilit mill-Artikolu 10 tad-Direttiva 90/425.

49      Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali provviżorja tistax tiġi kkunsidrata bħala miżura protettiva skont din id-dispożizzjoni.

50      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 90/425, kull Stat Membru għandu jindika immedjatament lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni l-preżenza ta’ kull żonożi, marda jew kawża li tista’ tikkostitwixxi periklu gravi għall-annimali jew għas-saħħa tal-bniedem.

51      Fir-rigward tal-kwistjoni jekk, fil-mument tal-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali provviżorja, kienx hemm preżenza ta’ żonożi, ta’ marda jew ta’ kawża li tista’ tikkostitwixxi periklu gravi għall-annimali jew għas-saħħa tal-bniedem fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, għandu jitfakkar li din il-kundizzjoni tista’ tiġi sodisfatta meta informazzjoni ġdida tibdel b’mod sostanzjali l-perċezzjoni tal-periklu li jikkostitwixxi marda (sentenza tat-3 ta’ Lulju 2003, Lennox, C-220/01, Ġabra p. I‑7091, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52      Għandu jiġi osservat f’dan ir-rigward li l-leġiżlazzjoni nazzjonali provviżorja ġiet deċiża għaxart ijiem wara l-pubblikazzjoni ta’ opinjoni tal-Kumitat xjentifiku tat-tmexxija tas-27 u tat-28 ta’ Novembru 2000 (iktar ’il quddiem l-“opinjoni tal-Kumitat xjentifiku tat-tmexxija”) li indika riskju ta’ kontaminazzjoni inkroċjata tal-għalf tal-bovini minn għalf intiż għal annimali oħra u li jinkludi proteini mill-annimali li jista’ jiġi kkontaminat minn aġenti tal-ESB. Issa, din l-opinjoni kienet tissuġġerixxi li tiġi kkunsidrata l-projbizzjoni provviżorja tal-proteini tal-annimali fl-għalf tal-annimali.

53      Peress li, sa mill-1994, kienu ttieħdu diversi miżuri kontra l-ESB, iżda li każijiet ġodda ta’ din il-marda kienu dehru regolarment u li, għalhekk, il-miżura u l-importanza tar-riskju ta’ firxa tal-imsemmija marda kienu għandhom inċerti, jista’ jiġi kkunsidrat li l-opinjoni tal-kumitat xjentifiku tat-tmexxija biddlet b’mod sostanzjali l-perċezzjoni tal-periklu li tikkostitwixxi l-ESB u, konsegwentement, kienet tiġġustifika l-adozzjoni ta’ miżuri protettivi msemmija fl-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 90/425.

54      Il-Gvern Olandiż isostni li l-leġiżlazzjoni nazzjonali provviżorja ġiet adottata mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi fil-kwalità tiegħu kemm ta’ Stat Mmbru tat-tluq kif ukoll bħala Stat Membru ta’ destinazzjoni.

55      Huwa minnu li diversi tipi ta’ miżuri huma previsti fl-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 90/425. Fil-fatt, skont it-tieni paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni, Stat Membru tat-tluq għandu jimplementa immedjatament il-miżuri ta’ ġlieda jew ta’ prevenzjoni previsti mil-leġiżlazzjoni Komunitarja, u b’mod partikolari d-determinazzjoni taż-żoni ta’ protezzjoni li huma previsti fiha, jew jadotta kwalunkwe miżura oħra li jqis xierqa. Skont ir-raba’ paragrafu tal-istess paragrafu, sakemm jittieħdu l-miżuri, skont l-Artikolu 10(4), Stat Membru ta’ destinazzjoni jista’, għal raġunijiet gravi ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika jew tas-saħħa tal-annimali, jieħu miżuri protettivi fir-rigward tal-irziezet, ċentri jew organiżmi kkonċernati, jew, fil-każ ta’ epiżotija, fir-rigward ta’ żoni ta’ protezzjoni previsti fil-leġiżlazzjoni Komunitarja.

56      Il-Gvern Olandiż isostni li d-distinzjoni li saret fl-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 90/425 bejn Stat Membru tat-tluq u Stat Membru ta’ destinazzjoni ma hijiex relevanti f’dan il-każ. Fil-fatt, il-leġiżlazzjoni nazzjonali provviżorja hija intiża sabiex tirregola mhux il-kummerċ intra-Komunitarju, iżda, b’mod iktar ġenerali, il-produzzjoni u l-kummerċ ta’ għalf għall-annimali, b’mod li din il-leġiżlazzjoni ġiet adottata mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi fil-kwalità kemm ta’ Stat Membru tat-tluq kif ukoll ta’ Stat Membru ta’ destinazzjoni.

57      Il-gvernijiet l-oħra li ppreżentaw osservazzjonijiet kif ukoll il-Kummissjoni jqisu, kuntrarjament, li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi adotta leġiżlazzjoni nazzjonali provviżorja fil-kwalità tiegħu ta’ Stat Membru ta’ destinazzjoni.

58      F’dan ir-rigward, peress li din il-leġiżlazzjoni hija intiża sabiex tirregola mhux biss il-produzzjoni, iżda wkoll il-kummerċjalizzazzjoni, inkluż li jiġi rċevut u mixtri għalf għall-annimali b’mod ġenerali, għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmija leġiżlazzjoni kienet suxxettibbli li taffettwa tal-anqas l-importazzjoni ta’ dawn il-prodotti.

59      Għalhekk hemm lok li jiġi eżaminat jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali provviżorja tistax tiġi kkunsidrata bħala miżura protettiva adottata minn Stat Membru ta’ destinazzjoni abbażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 90/425.

60      F’dak li jikkonċerna l-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ motivi gravi ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika jew tas-saħħa tal-annimali fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, kif tfakkar fil-punt 51 ta’ din is-sentenza, din il-kundizzjoni tista’ tiġi sodisfatta meta informazzjoni ġdida tibdel b’mod sostanzjali l-perċezzjoni tal-periklu li jikkostitwixxi marda.

61      F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-ewwel tliet premessi tad-Deċiżjoni 2000/766, kienu ġew ikkonstatati każijiet ta’ ESB fuq annimali li twieldu fl-1995, jiġifieri wara l-adozzjoni, fis-27 ta’ Ġunju 1994, tad-Deċiżjoni 94/381, li tinkludi l-ewwel regoli Komunitarji fil-qasam tal-kontroll tal-proteini ta’ mammiferi pproċessati użati fl-għalf għar-ruminanti. Kif ġie kkonstatat fil-punt 53 ta’ din is-sentenza, jista’ jiġi kkunsidrat li l-opinjoni tal-Kumitat xjentifiku tat-tmexxija, li kkonstata, għall-ewwel darba, riskju ta’ kontaminazzjoni inkroċjata fl-għalf tal-bovini minn għalf intiż għal annimali oħra u li fih proteini mill-annimali li jistgħu jiġu kkontaminati mill-aġent tal-ESB, biddlet b’mod sostanzjali l-perċezzjoni tal-periklu li tikkostitwixxi din il-marda.

62      L-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2000/766, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali provviżorja ssemmi espressament, konsegwentement kienet ibbażata essenzjalment fuq il-konstatazzjoni tan-neċessità, bħala miżura ta’ prekawzjoni, li jiġi pprojbit provviżorjament l-użu ta’ proteini mill-annimali fl-għalf tal-annimali tat-trobbija kollha miżmuma, imsemmna jew imrobbija għall-produzzjoni tal-prodotti tal-ikel. L-opinjoni tal-Kumitat xjentifiku tat-tmexxija, li kienet tiġġustifika l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, setgħet ukoll għalhekk tiġġustifika l-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali provviżorja, bħal ma sostnew il-gvernijiet Olandiż, Ġermaniż u Svediż kif ukoll il-Kummissjoni.

63      Mir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 90/425 jirriżulta li miżuri protettivi jistgħu jiġu adottati sakemm jittieħdu l-miżuri mill-Kummissjoni skont il-paragrafu 4 tal-istess artikolu.

64      Il-leġiżlazzjoni nazzjonali provviżorja deċiża fit-8 ta’ Diċembru 2000, jiġifieri erbat ijiem wara li l-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2000/766, kienet intiża preċiżament sabiex tipprojbixxi l-proteini mill-annimali fl-għalf tal-annimali sa mill-1 ta’ Jannar 2001.

65      Għalhekk, il-miżuri fil-livell tal-Unjoni kienu ġew adottati, imma ma kinux għadhom daħlu fis-seħħ, fil-mument meta r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi adotta l-leġiżlazzjoni nazzjonali provviżorja.

66      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-adozzjoni mill-Kummissjoni ta’ deċiżjoni li l-applikazzjoni tagħha ma hijiex immedjata ma tistax tiġi kkunsidrata, bħala tali, li tipprojbixxi lil Stat Membru milli jieħu hu stess miżuri protettivi skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 89/662 (sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2000, Eurostock, C-477/98, Ġabra p. I-10695, punt 58). Issa, il-miżuri protettivi fil-livell tal-Unjoni inkwistjoni fis-sentenza Eurostock, imsemmija iktar ’il fuq, huma ekwivalenti għal dawk imsemmija fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 90/425.

67      Għalhekk Stat Membru jista’ jadotta miżuri nazzjonali ta’ projbizzjoni bħal dawk adottati mil-leġiżlazzjoni nazzjonali provviżorja meta s-sitwazzjoni f’dan il-Istat Membru tkun ta’ natura urġenti li tiġġustifika l-adozzjoni immedjata ta’ tali miżuri għal raġunijiet gravi ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika jew tas-saħħa tal-annimali.

68      Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju, li hija l-unika kompetenti sabiex tevalwa l-fatti tal-kawża li għandha quddiemha, li tivverifika jekk is-sitwazzjoni fil-Pajjiżi l-Baxxi, fil-mument tal-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali provviżorja, għandhiex natura urġenti.

69      Jekk din il-qorti tiddeċiedi li dan huwa l-każ, u għalhekk li l-leġiżlazzjoni nazzjonali provviżorja tista’, bħala prinċipju, tiġi kkwalifikata bħala miżura protettiva skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 90/425, din għandha tivverifika wkoll li l-prinċipju ta’ proporzjonalità ġie osservat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Marzu 2005, Tempelman u van Schaijk, C-96/03 u C‑97/03, Ġabra p. I‑1895, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

70      Minn dak kollu li jippreċedi jirriżulta li d-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari d-Direttiva 90/425 kif ukoll id-Deċiżjonijiet 94/381 u 2000/766, ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li, bħala protezzjoni kontra l-ESB, kienet timponi projbizzjoni provviżorja ta’ produzzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ proteini mill-annimali pproċessati fl-għalf għall-annimali tat-trobbija sa fejn is-sitwazzjoni fl-Istat Membru kkonċernat kinitx ta’ natura urġenti li kienet tiġġustifika l-adozzjoni immedjata ta’ tali miżuri għal motivi gravi ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika jew tas-saħħa tal-annimali. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk din l-aħħar kundizzjoni hijiex sodisfatta u jekk il-prinċipju ta’ proporzjonalità huwiex osservat.

 Fuq l-ispejjeż

71      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari d-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE, tas-26 ta’ Ġunju 1990, dwar l-iċċekkjar, veterinarju u zootekniku applikabbli għall-kummerċ intra-Kommunitarju ta’ ċertu annimali ħajjin u prodotti bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern, kif ukoll id-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 94/381/KE, tas-27 ta’ Ġunju 1994, dwar ċerti miżuri protettivi relattivi għall-enċefalopatija sponġiformi bovina u għall-għalf abbażi ta’ proteini li ġejjin minn mammiferi, u tal-Kunsill 2000/766/KE, tal-4 ta’ Diċembru 2000, dwar ċerti miżuri protettivi fir-rigward tal-enċefalopatija sponġiformi trażmissibbli u l-użu ta’ proteini mill-annimali fl-għalf tal-annimali, ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li, bħala protezzjoni kontra l-ESB, kienet timponi projbizzjoni provviżorja ta’ produzzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ proteini mill-annimali pproċessati fl-għalf għall-annimali tat-trobbija sa fejn is-sitwazzjoni fl-Istat Membru kkonċernat kinitx ta’ natura urġenti li kienet tiġġustifika l-adozzjoni immedjata ta’ tali miżuri għal motivi gravi ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika jew tas-saħħa tal-annimali. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk din l-aħħar kundizzjoni hijiex sodisfatta u jekk il-prinċipju ta’ proporzjonalità huwiex osservat.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.