|
20.3.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 77/59 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/443
tat-13 ta' Frar 2019
li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2017/588 fir-rigward tal-possibbiltà li jiġi aġġustat l-għadd medju ta' kuljum ta' tranżazzjonijiet għal sehem meta ċ-ċentru tan-negozjar bl-ogħla fatturat ta' dak is-sehem ikun jinsab barra mill-Unjoni
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 49(3) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/588 (2) jistabbilixxi r-reġim obbligatorju għad-daqs tal-fluttwazzjonijiet minimi fil-prezzijiet fis-swieq tal-ishma, ir-riċevuti depożitarji, u ċerti fondi nnegozjati fil-Borża. B'mod partikulari, skont ir-Regolament Delegat (UE) 2017/588, id-daqs tal-fluttwazzjoni minima fil-prezzijiet li huwa applikabbli għall-ishma u għar-riċevuti depożitarji huwa kkalibrat abbażi tal-għadd medju ta' kuljum ta' tranżazzjonijiet dwar l-aktar ċentru tan-negozjar likwidu fl-Unjoni. Din il-metrika hija indikatur tajjeb u sempliċi tal-likwidità għall-maġġoranza vasta ta' dawk l-istrumenti finanzjarji. Madankollu, mhijiex adattata għal ishma li huma permessi għal negozjar jew innegozjati fl-Unjoni u f'pajjiż terz fl-istess ħin, meta ċ-ċentru tan-negozjar bl-ogħla fatturat f'dawk l-ishma jkun jinsab barra mill-Unjoni. F'dak il-każ, hemm riskju li d-daqs obbligatorju tal-fluttwazzjonijiet minimi fil-prezzijiet, determinat abbażi tal-volumi tan-negozjar tal-Unjoni biss, ikun ibbażat biss fuq subsett żgħir tal-volumi ġenerali tan-negozjar. Għaldaqstant, huwa importanti li l-awtoritajiet kompetenti jitħallew jaġġustaw l-għadd medju ta' kuljum ta' tranżazzjonijiet għal dawn l-ishma sabiex jirrifletti l-likwidità ġenerali ta' dawk l-ishma. Sabiex jitħaffew il-limiti tad-disponibbiltà tad-data miċ-ċentri tan-negozjar tal-pajjiżi terzi u sabiex ikun hemm il-possibbiltà li tintuża data pubblika oħra, huwa importanti wkoll li l-awtoritajiet kompetenti jingħataw biżżejjed flessibbiltà fil-metodoloġija li jużaw biex titqies il-likwidità disponibbli f'dawk iċ-ċentri tan-negozjar ta' pajjiż terz. |
|
(2) |
Id-daqs obbligatorju tal-fluttwazzjonijiet minimi fil-prezzijiet ġie introdott biex jarmonizza ż-żidiet fil-prezzijiet fiċ-ċentri tan-negozjar fl-Unjoni u biex jiġu ppreservati l-kobor tas-suq, il-likwidità u l-funzjonament ordnat tan-negozjar ta' ekwità fl-Unjoni. Sabiex jintlaħqu dawn l-objettivi, huwa importanti li l-informazzjoni dwar l-għadd medju ta' kuljum ta' tranżazzjonijiet użati biex jiġu determinati d-daqsijiet tal-fluttwazzjoni minima fil-prezzijiet li huma applikabbli għal sehem tkun disponibbli għaċ-ċentri tan-negozjar kollha li joffru negozjar f'dak is-sehem fl-istess ħin u li dawk iċ-ċentri tan-negozjar jibdew japplikaw kull għadd medju ta' kuljum aġġustat ta' tranżazzjonijiet fl-istess jum. Għal dak il-għan, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti kollha li jissorveljaw iċ-ċentri tan-negozjar fejn ikun innegozjat is-sehem ikkonċernat ikunu infurmati dwar kull aġġustament għall-għadd medju ta' kuljum ta' tranżazzjonijiet għal dak is-sehem qabel il-pubblikazzjoni ta' dawk l-aġġustamenti u jenħtieġ li ċ-ċentri tan-negozjar jingħataw żmien biżżejjed biex dawk l-aġġustamenti jiġu inkorporati fis-sistemi tagħhom. |
|
(3) |
Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza tad-dritt u l-prevedibbiltà tar-reġim obbligatuorju għall-fluttwazzjonijiet minimi fil-prezzijiet, huwa importanti li ċ-ċentri tan-negozjar kollha japplikaw daqsijiet tal-fluttwazzjonijiet minimi fil-prezzijiet abbażi tal-għadd medju ta' kuljum ta' tranżazzjonijiet li jirrifletti l-likwidità ġenerali fl-istess ħin. |
|
(4) |
Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament Delegat (UE) 2017/588 jiġi emendat skont dan. |
|
(5) |
Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji ppreżentati mill-AETS lill-Kummissjoni. |
|
(6) |
L-AETS wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li dan ir-Regolament huwa bbażat fuqhom, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Fl-Artikolu 3 tar-Regolament Delegat (UE) 2017/588, jiżdiedu l-paragrafi 8, 9 u 10 li ġejjin:
“8. L-awtorità kompetenti għal sehem speċifiku tista' taġġusta l-għadd medju ta' kuljum ta' tranżazzjonijiet ikkalkulati jew stmati minn dik l-awtorità kompetenti għal dak is-sehem skont il-proċedura stabbilita fil-paragrafi 1 sa 7 meta jiġu ssodisfati dawn il-kundizzjonijiet kollha:
|
(a) |
iċ-ċentru tan-negozjar bl-ogħla fatturat għal dak is-sehem ikun jinsab f'pajjiż terz; |
|
(b) |
meta dak l-għadd medju ta' kuljum ta' tranżazzjonijiet ikun ġie kkalkulat u ppubblikat skont il-proċedura stabbilita fil-paragrafi 1 sa 4, ikun ugwali jew akbar minn wieħed. |
Meta jiġi aġġustat l-għadd medju ta' kuljum ta' tranżazzonijiet għal sehem, l-awtorità kompetenti għandha tqis it-tranżazzjonijiet eżegwiti fiċ-ċentru tan-negozjar tal-pajjiż terz bl-ogħla fatturat għan-negozjar ta' dak is-sehem.
9. L-awtorità kompetenti li tkun aġġustat l-għadd medju ta' kuljum ta' tranżazzjonijiet għal sehem skont il-paragrafu 8 għandha tiżgura l-pubblikazzjoni ta' dak l-għadd medju ta' kuljum ta' tranżazzjonijiet aġġustat. Qabel din il-pubblikazzjoni, l-awtorità kompetenti għandha tikkomunika l-għadd medju ta' kuljum ta' tranżazzjonijiet aġġustat għal dak is-sehem lill-awtoritajiet kompetenti taċ-ċentri tan-negozjar l-oħrajn li joperaw fl-Unjoni fejn ikun innegozjat dak is-sehem.
10. Iċ-ċentri tan-negozjar għandhom japplikaw id-daqsijiet tal-fluttwazzjonijiet minimi fil-prezzijiet tal-medda tal-likwidità li jikkorrispondu għall-għadd medju ta' kuljum ta' tranżazzjonijiet aġġustat mit-tieni jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu.”.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Frar 2019.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349.
(2) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/588 tal-14 ta' Lulju 2016 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji dwar il-konvenzjoni għal daqs ta' funzjonament ta' ishma, riċevuti depożitarji u fondi negozjati fil-borża (ĠU L 87, 31.3.2017, p. 411).
(3) Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).