Brussell, 17.12.2025

COM(2025) 770 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni tal-Fond għall-Innovazzjoni fl-2024


Werrej

1.Kontribuzzjonijiet tal-portafoll tal-proġetti għall-objettivi tan-newtralità klimatika fl-UE

2.Stadji importanti għall-implimentazzjoni tal-2024

2.1.Sejħiet għal għotjiet

2.1.1.Riżultati tas-sejħa IF23 NZT

2.1.2.Tnedija tas-sejħiet IF24

2.2.Irkantijiet

2.2.1.Riżultati tal-irkant IF23

2.2.2.Tnedija tal-irkant IF24

2.2.3.Irkantijiet bħala Servizz

2.3.Rabtiet ma’ programmi oħra

2.3.1.Bank Ewropew tal-Investiment (BEI)

2.3.2.Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (STEP)

3.Portafoll tal-Istat tal-Fond għall-Innovazzjoni fl-2024

3.1.Ħarsa ġenerali lejn ir-riżultati tas-sejħa

3.2.Maturità tal-proġett, istatus tal-implimentazzjoni u sfidi

3.3.Portafoll skont is-settur

3.4.Bilanċ ġeografiku

3.5.Evitar ta’ GHG

4.Komunikazzjoni u żieda fil-viżibbiltà

4.1.Network tal-NCPs

4.2.Grupp ta’ esperti tal-Fond għall-Innovazzjoni u involviment tal-partijiet ikkonċernati

4.3.Kondiviżjoni tal-għarfien

4.4.Stejjer ta’ suċċess

5.Konklużjoni



Skont l-Artikolu 10a(8) tad- Direttiva tal-EU ETS , ta’ kull sena l-Kummissjoni Ewropea trid tirrapporta lill-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima dwar l-implimentazzjoni tal- Fond għall-Innovazzjoni (“il-Fond”), li għandu l-għan li joħloq soluzzjonijiet għad-dekarbonizzazzjoni tas-setturi koperti mis- Sistema tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet (EU ETS) għas-swieq madwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE). Dan l-istrument ta’ finanzjament jappoġġa l-varar ta’ teknoloġiji innovattivi u ta’ proġetti ewlenin li jwiegħdu tnaqqis sinifikanti fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra (GHG, greenhouse gas) u li jistgħu juru argumenti għall-vijabbiltà ta’ “industrija nadifa”. Dan tfassal bħala parti mill- Patt Ekoloġiku Ewropew u f’konformità mal-għanijiet tal- Ftehim ta’ Pariġi biex jappoġġa t-tranżizzjoni tal-Ewropa lejn in-newtralità klimatika filwaqt li jsaħħaħ il-kompetittività tagħha.

Il-Fond jappoġġa proġetti permezz ta’ għotjiet ta’ somma f’daqqa (għotjiet regolari) u kontribuzzjonijiet għal kull unità (irkantijiet).

Dan ir-rapport jagħti dettalji dwar l-allokazzjoni tal-finanzjament mogħti lil proġetti skont is-settur u l-pajjiż eliġibbli u janalizza l-kontribuzzjonijiet tagħhom għall-objettivi ta’ politika tal-UE, li jkopru l-implimentazzjoni tal-Fond mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru 2024.

1.Kontribuzzjonijiet tal-portafoll tal-proġetti għall-objettivi tan-newtralità klimatika fl-UE

Il- Pjan Industrijali tal-Patt Ekoloġiku għandu l-għan li jżid il-kompetittività tal-industrija b’emissjonijiet żero netti tal-Ewropa, b’mod partikolari permezz tal- Att dwar l-Industrija b’Emissjonijiet Żero Netti (NZIA, Net-Zero Industry Act), li jistabbilixxi għanijiet għal kapaċità industrijali b’emissjonijiet żero netti u jaċċellera l-varar ta’ tali kapaċità. Il-Fond jappoġġa dawn il-politiki direttament billi jintroduċi suġġett iddedikat għall-manifattura tat-teknoloġija nadifa b’EUR 1,4 biljun fil-baġit skont is-sejħa Teknoloġiji b’Emissjonijiet Żero Netti tal-Fond għall-Innovazzjoni 2023 (IF23 NZT, Innovation Fund 2023 Net-Zero Technologies) għal għotjiet regolari. B’mod ġenerali, dan wassal biex il-Fond jappoġġa portafoll robust ( 1 ) ta’ proġetti għall-promozzjoni tal-manifattura ta’ teknoloġiji ewlenin fit-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika. B’kollox, intgħażlu 25 proġett ġdid ta’ manifattura tat-teknoloġija nadifa fis-sejħa IF23 NZT, minbarra l-15-il proġett eżistenti ffukati fuq l-iżvilupp, il-bini u t-tħaddim ta’ impjanti tal-manifattura għal komponenti ewlenin fil-ħżin tal-enerġija, fl-enerġija rinnovabbli u fl-industriji intensivi fl-enerġija.

(I)Dan se jtella’ l-appoġġ totali tal-Fond għall-manifattura b’emissjonijiet żero netti tal-UE ( 2 ) għal EUR 2,4 biljun. Dawn il-proġetti għandhom l-għan li jinstallaw 8,1 GW fis-sena tal-kapaċità tal-manifattura tal-fotovoltajka solari u 11,6 GW fis-sena tal-kapaċità tal-produzzjoni tal-elettrolizzatur.

(II)Mill-2020, b’kollox, 41 proġett ta’ innovazzjoni u aktar minn EUR 5 biljun mill-Fond għall-Innovazzjoni ġew iddedikati għall-appoġġ tal-ġestjoni industrijali tal-karbonju. Dan jinkludi sa 18,6 miljun tunnellata fis-sena ta’ kapaċità tal-qbid tas-CO2 għall-qbid u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju (CCS, carbon capture and storage) (li tista’ tilħaq 37 % tal-mira tal-kapaċità tal-injezzjoni tas-CO2 skont l-Att dwar l-Industrija b’Emissjonijiet Żero Netti) u sa 11,7 miljun tunnellata fis-sena ta’ kapaċità tal-injezzjoni tas-CO2 (23 % tal-mira tal-kapaċità tal-injezzjoni tas-CO2 skont l-Att dwar l-Industrija b’Emissjonijiet Żero Netti).

Il-Fond se jżid ukoll is-sehem tal-enerġija rinnovabbli fit-taħlita tal-elettriku u se jtejjeb is-sigurtà tal-enerġija billi jappoġġa l-varar tat-teknoloġija mmirat deskritt fid- Direttiva riveduta dwar l-Enerġija Rinnovabbli , il- pjan ta’ azzjoni Ewropew għall-enerġija mir-riħ u l-istrateġija biex jintlaħqu l-ambizzjonijiet tal-UE għall-enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta . Bl-inklużjoni ta’ proġetti magħżula mill-IF23, il-Fond għall-Innovazzjoni jappoġġa 11-il proġett tal-enerġija mir-riħ jew ta’ manifattura tal-enerġija mir-riħ (li jagħti EUR 375 miljun f’għajnuna), 14-il proġett tal-enerġija solari u ta’ manifattura tal-enerġija solari (EUR 607 miljun), ħames proġetti tal-enerġija idroelettrika u tal-enerġija mill-oċeani (EUR 118-il miljun) u proġett ġeotermali wieħed (EUR 92 miljun).

Il-pjan REPowerEU jenfasizza l-idroġenu prodott bl-użu tal-elettriku rinnovabbli, magħruf bħala idroġenu fjuwil rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika (RNFBO, renewable fuels of non-biological origin) “idroġenu RFNBO ( 3 )”, bħala għażla newtrali għall-klima għal setturi diffiċli biex jiġu dekarbonizzati. Il-Fond jappoġġa d-dimostrazzjoni ta’ teknoloġiji innovattivi bbażati fuq l-idroġenu rinnovabbli u għalhekk għandu rwol essenzjali fit-twettiq tal- istrateġija tal-UE għall-idroġenu . Bir-riżultati mħabbra tal-IF23 u dawk eżistenti, il-finanzjament jingħata lil 27 proġett bil-kapaċità li jipproduċu aktar minn 750 kilotunnellata ta’ RFNBO u idroġenu b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fis-sena.

Il-ħżin tal-enerġija huwa kruċjali kemm għas-settur tal-mobbiltà kif ukoll għall-ibbilanċjar tal-provvista tal-elettriku fil-livell tal-grilja. Il-Fond għall-Innovazzjoni ta EUR 752 miljun lil 13-il proġett għall-mobbiltà, għal ħżin intraġurnata u għal ħżin fit-tul. Dawn jinkludu l-ħżin tal-enerġija termali fil-blat tal-granit, il-ħżin termali taħt l-art għal sistemi ta’ tisħin distrettwali, sistemi għall-ħażna tal-enerġija f’batteriji (BESSs, battery energy storage systems) fuq skala ta’ grilja u l-ħażna idroelettrika ppumpjata.

Il-Fond jappoġġa wkoll l-iżvilupp ta’ fjuwils alternattivi, f’konformità mar-Regolamenti dwar ReFuelEU Aviation u FuelEUMaritime :

(I)EUR 1,6 biljun għal proġetti tal-fjuwil, inklużi EUR 612-il miljun għal fjuwil prodott esklużivament għas-settur tat-trasport. Dawn jinkludu 14-il proġett tal-idroġenu (EUR 522 miljun), ħamsa tal-e-metanol (EUR 273 miljun), tlieta tal-ammonijaka (EUR 530 miljun), tnejn tal-SAF (EUR 206 miljun), tnejn tal-e-metan (EUR 87 miljun) u proġett wieħed tal-bijometan likwifikat (EUR 4 miljun).

(II)Tmien proġetti ffukati fuq il-mobbiltà għandhom l-għan li jevitaw 27 miljun tCO2e. Dawn jinkludu sitt proġetti fis-settur marittimu li jirċievu appoġġ ddedikat ta’ EUR 211-il miljun u EUR 95 miljun f’finanzjament għal inġenju tal-ajru elettriku.

Fl-aħħar nett, il-proġetti tal-Fond juru potenzjal sinifikanti biex jgħinu sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal- Liġi Ewropea dwar il-Klima tat-tnaqqis tal-emissjonijiet GHG b’963 Mt CO2e fuq 10 snin ( 4 ). Minħabba l-potenzjal kbir li jiġu rreplikati t-teknoloġiji varati, dan se jkun ta’ kontribut sostanzjali biex l-Ewropa ssir l-ewwel kontinent newtrali għall-klima fid-dinja sal-2050.

Fi tmiem l-2024, il-Fond għall-Innovazzjoni kien iffirma jew għażel 199 proġett madwar 26 pajjiż, u alloka total ta’ EUR 11,2 biljun f’appoġġ.

It-tabella ta’ hawn taħt tipprovdi ħarsa ġenerali lejn dawn il-proġetti skont il-kategorija:

Magħżul mill-IF23

Portafoll eżistenti

Ikkombinati

Għadd

Finanzjament

Għadd

Finanzjament

Għadd

Finanzjament

Qbid u ħżin ġeoloġiku tal-karbonju (CCS)

8

EUR 936 160 409

12

EUR 1 987 720 372

20

EUR 2 923 880 781

Industriji intensivi fl-enerġija (EIIs, energy-intensive industries)

39

EUR 1 831 432 232

61

EUR 3 278 349 963

100

EUR 5 109 782 195

Ħżin tal-enerġija (ES, energy storage)

12

EUR 1 099 273 509

16

EUR 374 380 998

28

EUR 1 473 654 507

Ħżin tal-enerġija rinnovabbli (RES, renewable energy storage)

18

EUR 524 228 263

25

EUR 799 278 346

43

EUR 1 323 506 609

Mobbiltà (MOB)

8

EUR 377 956 916

0

EUR-

8

EUR 377 956 916

Total

85

EUR 4 769 051 328

114

EUR 6 439 729 680

199

EUR 11 208 781 008

2.Stadji importanti għall-implimentazzjoni tal-2024

2.1.Sejħiet għal għotjiet

2.1.1.Riżultati tas-sejħa IF23 NZT

Fit-12 ta’ April 2024, id-Direttorat Ġenerali għall-Azzjoni Klimatika (DĠ CLIMA) ħabbar li 337 proposta minn 27 pajjiż kienu ġew sottomessi skont is-sejħa għal proposti tal-Fond għall-Innovazzjoni tal-2023 għal teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti (is-sejħa IF23 NZT) ( 5 ). Il-helpdesk infetaħ matul il-perjodu tas-sottomissjoni tal-proposta u wieġeb 1 106 mistoqsijiet mill-applikanti.

Il-proposti, li għandhom l-għan li jnaqqsu l-emissjonijiet GHG bi kważi 1,4 biljun tCO2e matul l-ewwel 10 snin ta’ tħaddim tagħhom, applikaw għal total ta’ EUR 24,6 biljun (aktar minn sitt darbiet il-baġit disponibbli). Il-livell ta’ parteċipazzjoni mingħajr preċedent fis-sejħa IF23 jikkonferma r-rwol kruċjali li għandu l-Fond fl-appoġġ ta’ dawk fuq quddiem nett fit-teknoloġija nadifa Ewropea u fl-espansjoni tal-kapaċità tal-manifattura tal-UE għal teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti.

In-numru ta’ proposti riċevuti għal kull suġġett eliġibbli jvarja:

(I)137 għal dawk ġenerali fuq skala kbira,

(II)56 għall-manifattura tat-teknoloġija nadifa,

(III)51 għal dawk ġenerali fuq skala medja u proġetti pilota,

(IV)42 għal dawk ġenerali fuq skala żgħira.

Fil-manifattura tat-teknoloġija nadifa, il-biċċa l-kbira tal-proposti applikaw għall-manifattura ta’ komponenti għall-produzzjoni tal-idroġenu. Il-bqija applikaw għall-katina tal-valur tal-batteriji u għall-enerġija rinnovabbli: pompi solari, tar-riħ u tas-sħana.

Fil-kategorija tal-mobbiltà ( 6 ) (10 % tan-numru ta’ proposti riċevuti), aktar minn 70 % tal-proposti kienu japplikaw għas-settur marittimu.

Fit-23 ta’ Ottubru 2024, fi tmiem il-proċedura ta’ evalwazzjoni, id-DĠ CLIMA ħabbar li kien qed jinvesti kważi EUR 4,8 biljun ta’ dħul mill-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet f’85 proġett magħżula minn 18-il pajjiż ( 7 ). Dawn il-proġetti għandhom jibdew joperaw qabel l-2030 u jistgħu jnaqqsu l-emissjonijiet GHG b’madwar 476 miljun tCO2e matul l-ewwel 10 snin ta’ tħaddim tagħhom.

In-numru ta’ proġetti magħżula għal kull kategorija eliġibbli varja:

(I)47 għall-industriji intensivi fl-enerġija, inklużi l-qbid, l-użu u l-ħżin tal-karbonju (minn 204 proposti rċevuti),

(II)18 għall-enerġija rinnovabbli (minn 65),

(III)12 għall-ħżin tal-enerġija (minn 35),

(IV)8 għall-mobbiltà, inkluż it-trasport marittimu, bl-ajru u bit-triq (minn 34).

Għall-ewwel darba, il-149 proġett kollha li għaddew b’suċċess mill-evalwazzjoni rċevew is- Siġill STEP , tikketta ġdida ta’ kwalità mogħtija lil proġetti ta’ kwalità għolja li jikkontribwixxu għall-objettivi tal-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (STEP, Strategic Technologies for Europe Platform). Minbarra l-85 proġett magħżula minn qabel għall-finanzjament, 64 proġett li kellhom punteġġ ogħla mil-limiti ta’ evalwazzjoni kollha iżda li ma ntgħażlux għall-finanzjament irċevew is-siġill ukoll. Dan se jagħmilha aktar faċli għalihom biex jaċċessaw opportunitajiet ulterjuri għal appoġġ pubbliku u privat.

Illustrazzjoni1: Valur tal-għotja mogħti u baġit oriġinali tal-proġetti skont is-suġġett tas-sejħa (IF23 NZT) 8

Illustrazzjoni2: Numru ta’ proġetti magħżula għall-finanzjament mill-pajjiż tal-ewwel post (IF23 NZT)

Illustrazzjoni3: Valur tal-għotja mogħti għal proġetti mill-pajjiż tal-ewwel post (IF23 NZT)

Illustrazzjoni4: Valur tal-għotja mogħti skont il-kategorija tal-proġett

Illustrazzjoni5: Valur tal-għotja mogħti mis-settur tal-proġett

2.1.2.Tnedija tas-sejħiet IF24

Fit-3 ta’ Diċembru 2024, il-Kummissjoni nediet is-sejħiet tal-Fond għall-Innovazzjoni tal-2024, b’ EUR 4,6 biljun allokati biex tagħti spinta lit-teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti, lill-vetturi elettriċi, lill-manifattura taċ-ċelluli tal-batteriji u lill-idroġenu rinnovabbli .

Il-baġit globali nqasam fi tliet sejħiet għal proposti:

(I)EUR 2,4 biljun disponibbli għal teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti ( sejħa IF24 NZT ),

(II)EUR 1 biljun disponibbli għall-manifattura taċ-ċelluli tal-batteriji ta’ vetturi elettriċi ( batterija IF24 ),

(III)EUR 1,2 biljun għall-produzzjoni tal-idroġenu rinnovabbli ( 9 ) ( irkant IF24 ).

It-tliet sejħiet jinkludu kriterji ġodda ta’ reżiljenza biex jappoġġaw REPowerEU u biex jipproteġu lill-UE minn dipendenza fuq fornitur wieħed.

Is-sejħa IF24 NZT għandha l-għan li tappoġġa kemm il-proġetti ta’ dekarbonizzazzjoni ta’ skali differenti kif ukoll proġetti li jiffukaw fuq il-manifattura ta’ komponenti għall-enerġija rinnovabbli, għall-ħżin tal-enerġija, għall-pompi tas-sħana u għall-produzzjoni tal-idroġenu. Il-proġetti se jiġu vvalutati abbażi tal-potenzjal tagħhom għat-tnaqqis tal-GHG, tal-grad ta’ innovazzjoni, tal-maturità tal-proġetti, tar-replikabbiltà u tal-kosteffiċjenza. Għall-ewwel darba, il-pajjiżi setgħu wkoll jissupplimentaw il-baġit globali ta’ sejħiet regolari bi skemi ta’ finanzjament nazzjonali għad-dekarbonizzazzjoni u proġetti ta’ ġenerazzjoni ta’ enerġija nadifa ( 10 ). Din l-għażla l-ġdida, imsejħa “Għotjiet bħala Servizz”, tippermetti lill-pajjiżi eliġibbli jużaw il-proċess ta’ evalwazzjoni tal-Fond għall-Innovazzjoni u jissimplifikaw il-proċess ta’ approvazzjoni tal-għajnuniet mill-Istat.

Is-sejħa batterija IF24 hija novità. Għandha l-għan li ssaħħaħ l-industrija tal-manifattura tal-batteriji tal-UE billi tappoġġa proġetti li jipproduċu ċelluli tal-batteriji ta’ vetturi elettriċi innovattivi. Il-proġetti magħżula se jappoġġaw it-tranżizzjoni tal-UE lejn bażi industrijali nadifa, kompetittiva u reżiljenti, li tnaqqas id-dipendenza fuq l-importazzjonijiet u trawwem l-iżvilupp ta’ teknoloġiji nodfa u tmexxija industrijali.

Fis-17-18 ta’ Diċembru 2024, CINEA u CLIMA organizzaw jiem ta’ tagħrif online biex jippreżentaw il-karatteristiċi ewlenin u l-kriterji għall-aġġudikazzjoni taż-żewġ sejħiet u t-tagħlimiet meħuda minn sejħiet preċedenti. Il-promoturi ta’ proġetti kellhom japplikaw sal-24 ta’ April 2025. L-applikanti li jintgħażlu huma mistennija jiffirmaw ftehimiet ta’ għotja sal-ewwel 3 xhur tal-2026.

L-irkant IF24 huwa deskritt aktar fid-dettall fir-rapport.

2.2.Irkantijiet

2.2.1.Riżultati tal-irkant IF23

Fid-19 ta’ Frar 2024, CINEA ħabbret li kienu waslu 132 offerta minn 17-il pajjiż għall-irkant IF23 ( 11 ). Fl-irkant, id-domanda kienet ikbar mill-provvista bi 15-il darba. Il-helpdesk infetaħ matul il-perjodu tas-sottomissjoni tal-offerti u wieġeb 352 mistoqsija mill-applikanti.

Il-kapaċità totali ppjanata tal-elettrolizzatur għall-offerti kollha kienet ta’ 8,5 gigawatts (GW). Matul 10 snin, dan jista’ jwassal għal volum totali tal-produzzjoni ta’ 8,8 miljun tunnellata ta’ idroġenu rinnovabbli. Kull sena dan jista’ jkopri kważi 10 % tal-mira domestika tal-produzzjoni tal-idroġenu rinnovabbli ta’ REPowerEU 2030.

L-offerti sottomessi varjaw minn EUR 0,37 sa EUR 4,50 (prezz massimu) għal kull kilogramma ta’ idroġenu prodott.

Mill-132 offerta, 119 kienu eliġibbli u ammissibbli. Wara l-evalwazzjoni tagħhom, CINEA kklassifikat il-proġetti approvati abbażi tal-prezz ta’ offerta tagħhom.

Sat-30 ta’ April 2024, intgħażlu seba’ proġetti biex jirċievu l-għotja tal-IF ta’ kważi EUR 720 miljun. Huma ssottomettew offerti bi prezz li jvarja minn EUR 0,37 sa EUR 0,48 għal kull kilogramma ta’ idroġenu rinnovabbli prodott.

Sas-7 ta’ Ottubru 2024 sitta mis-seba’ proġetti kienu ffirmaw il-ftehimiet ta’ għotja rispettivi tagħhom. Il-proġetti se jiġu implimentati f’erba’ pajjiżi ( 12 ). L-ammont totali ta’ appoġġ jammonta għal EUR 695 miljun. Se jirċievu sussidju li jvarja minn EUR 8 miljun għal EUR 245 miljun għal installazzjonijiet b’kapaċità f’megawatt elettriku (MWe) li tvarja minn 35 MWe sa 500 MWe. Se jirċievu s-sussidju li jingħata biss jekk jipproduċu idroġenu RFNBO ċċertifikat u vverifikat fi żmien perjodu ta’ mhux aktar minn 10 snin.

Il-proġetti magħżula issa għandhom sa 5 snin biex jibdew jipproduċu l-idroġenu rinnovabbli. Dawn għandhom il-potenzjal li jipproduċu sa 1,52 miljun tunnellata ta’ idroġenu RFNBO matul l-ewwel 10 snin ta’ tħaddim tagħhom, filwaqt li jevitaw aktar minn 10 miljun tCO2e. Il-produzzjoni tagħhom se taqdi ħafna setturi, bħat-trasport marittimu, it-trasport heavy duty, l-agrikoltura u l-produzzjoni tal-e-metan u tal-e-metanol.

Illustrazzjoni6: Kapaċità tal-offerti tas-sitt prodotti RFNBO ffirmati li ntgħażlu fl-irkant IF23

2.2.2.Tnedija tal-irkant IF24

L-irkant IF24, it-tieni rkant skont il-Bank Ewropew tal-Idroġenu, kellu l-għan li jappoġġa ż-żewġ proġetti għall-produzzjoni tal-idroġenu RFNBO irrispettivament mis-settur li fih se jiġi kkunsmat (EUR 1 biljun) u proġetti ma’ offtakers fis-settur marittimu (EUR 200 miljun). Il-baġit tal-irkant żdied b’EUR 400 miljun meta mqabbel mal-irkant IF23.

Sabiex jippreparaw għall-applikazzjoni, il-promoturi ta’ proġetti jistgħu jikkonsultaw id- dokumenti tas-sejħa u t-taqsima “Mistoqsijiet u tweġibiet” tal-Portal tal-UE għall-Finanzjament u għall-Offerti. Il-Kummissjoni ħeġġithom ukoll biex jiddiskutu l-garanzija ta’ tlestija tagħhom ma’ istituzzjoni finanzjarja mill-aktar fis possibbli sabiex iżidu l-possibbiltajiet ta’ suċċess tagħhom. Fl-10 ta’ Diċembru 2024, CINEA organizzat jum ta’ tagħrif online biex tippreżenta l-karatteristiċi ewlenin u l-kriterji għall-aġġudikazzjoni tal-irkant il-ġdid u t-tagħlimiet meħuda mill-irkant preċedenti. L-offerenti kellhom japplikaw sal-20 ta’ Frar 2025. L-offerenti rebbieħa huma mistennija jiffirmaw ftehimiet ta’ għotja fi żmien 9 xhur mill-għeluq tas-sejħa.

2.2.3.Irkantijiet bħala Servizz

Matul l-irkant IF23, il-Kummissjoni offriet għall-ewwel darba l-possibbiltà ta’ rkant bħala servizz (AAAS, auction-as-a-service). L-iskema tippermetti lill-pajjiżi eliġibbli jiffinanzjaw offerenti mhux magħżula għall-appoġġ finanzjarju minħabba limitazzjonijiet baġitarji. Għalhekk, il-pajjiżi eliġibbli jistgħu jibbenefikaw minn proċess ta’ għażla madwar l-UE kollha u jużaw il-fondi nazzjonali biex jappoġġaw proġetti fit-territorju tagħhom mingħajr il-ħtieġa li jagħmlu rkant separat fil-livell nazzjonali. Dan jiżgura approvazzjoni ta’ malajr u ssimplifikata tal-għajnuna mill-Istat, li tnaqqas il-piżijiet u l-kostijiet amministrattivi għall-partijiet kollha.

Il-Ġermanja kienet l-ewwel pajjiż li uża din il-karatteristika , u allokat EUR 350 miljun mill-baġit tagħha għal offerti eliġibbli li jinsabu fil-pajjiż. Dik id-deċiżjoni ġiet approvata skont ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat fil-5 ta’ April 2024 ( 13 ).

Fit-18 ta’ Novembru 2024, Spanja, il-Litwanja u l-Awstrija ħabbru li se jipparteċipaw fl-iskema għall-irkant IF24, filwaqt li wiegħdu sa EUR 836 miljun minn fondi nazzjonali biex jappoġġaw proġetti fil-pajjiżi tagħhom.

Il-mobilizzazzjoni tal-finanzjament fi pjattaforma unika tal-irkant tal-UE hija mod effiċjenti kif jiżdiedu l-opportunitajiet filwaqt li jitnaqqsu l-kostijiet għall-industrija. Dawn l-azzjonijiet juru l-impenn tal-Istati Membri li jilħqu l-miri nazzjonali u tal-UE għall-użu tal-enerġija nadifa u li jappoġġaw id-dekarbonizzazzjoni tal-industrija.

2.3.Rabtiet ma’ programmi oħra

2.3.1.Bank Ewropew tal-Investiment (BEI)

Fit-2 ta’ Mejju 2024, il-BEI ħabbar li kien qiegħed jappoġġa l-introduzzjoni ta’ EAVOR LOOP, proġett innovattiv tal-enerġija u tat-tisħin ġeotermali fil-Bavarja, b’ self ta’ kważi EUR 45 miljun . Il-proġett, magħżul matul it-tieni sejħa għal proposti fuq skala kbira tal-Fond għall-Innovazzjoni, kien diġà ffirma għotja fil-bidu tal-2023. Dik id-deċiżjoni tenfasizza r-rwol siewi li għandu l-Fond fil-finanzjament u fl-appoġġ ta’ teknoloġiji skalabbli ewlenin għall-kisba tan-newtralità klimatika u tas-sigurtà tal-enerġija.

Fit-3 ta’ Diċembru 2024, il-Kummissjoni u l-BEI ħabbru sħubija ġdida sabiex jappoġġaw l-investimenti fis-settur tal-manifattura tal-batteriji tal-UE. Din is-sħubija se tirriżulta f’żieda ta’ EUR 200 miljun (garanzija għal self) għall-programm InvestEU mill-Fond. Tiġi flimkien mal-EUR 1 biljun disponibbli għall-manifattura taċ-ċelluli tal-batteriji ta’ vetturi elettriċi skont is-sejħa tal-batteriji IF24. Bħala parti mis-sħubija l-ġdida, il-BEI qed jinvesti wkoll EUR 1,8 biljun oħra fil-katina tal-valur usa’ tal-batteriji. Dawn l-isforzi konġunti se jirriżultaw f’total ta’ EUR 3 biljun f’appoġġ pubbliku għall-iżvilupp ta’ industrija Ewropea tal-batteriji kompetittiva u sostenibbli.

Il-BEI huwa responsabbli wkoll għall-assistenza għall-iżvilupp ta’ proġetti (PDA, project development assistance) biex jiffaċilita l-aċċess għall-finanzjament mill-Fond u minn skemi oħra tal-UE, għotjiet nazzjonali u finanzjament privat. Fl-2024, il-BEI ffirma u implimenta 23 ftehim PDA. B’kollox, tlestew 30 assenjazzjoni PDA. Mill-bidu tal-programm, 62 proġett iffirmaw ftehim ta’ appoġġ u dawn ġew implimentati. L-impatt tal-PDA qed isir dejjem aktar viżibbli. Fl-2024, disa’ proġetti li qabel ma kinux irnexxew, rebħu għotja skont is-sejħa IF23. Il-PDA ġiet estiża biex tinkludi żviluppaturi ta’ proġetti li għadhom ma applikawx għall-Fond, waqt li l-applikazzjonijiet issa qed isiru direttament lill-BEI .

Minbarra li jippermetti lill-promoturi jirfinaw il-proposti tagħhom, il-BEI jagħmilha wkoll aktar faċli li jkollhom aċċess għal opportunitajiet oħra ta’ finanzjament. Fl-2024, erba’ proġetti rċevew għotja jew ingħataw status speċjali fil-livell nazzjonali, tlieta ntgħażlu minn Katalizzatur tal-Enerġija Rivoluzzjonarja bħala benefiċjarju ta’ għotja/finanzjament jew impriża tal-enerġija, wieħed ġie inkluż fil-lista ta’ proġetti ta’ interess komuni (PCIs, projects of common interest), u ieħor fil-lista ta’ proġetti bis-Siġill STEP.

2.3.2.Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (STEP)

Fis-7 ta’ Frar 2024, il-Kummissjoni nediet STEP , inizjattiva bl-għan li żżid il-kompetittività industrijali tal-UE u tnaqqas id-dipendenzi esterni tagħha. STEP tuża r-riżorsi finanzjarji minn firxa ta’ programmi ta’ finanzjament tal-UE, inkluż il-Fond għall-Innovazzjoni. Din tapplika tikketta ta’ kwalità biex tagħti viżibbiltà akbar lil proġetti promettenti f’teknoloġiji nodfa u effiċjenti fir-riżorsi u profondi u diġitali.

F’Ottubru 2024, il-Kummissjoni għażlet 85 proġett innovattiv b’emissjonijiet żero netti biex jirċievu total ta’ EUR 4,8 biljun f’għotjiet skont is-sejħa IF23. Dawk il-proġetti kollha rċevew Siġill STEP. Erbgħa u sittin proġett mhux iffinanzjat addizzjonali rċevew siġill ukoll, li 39 minnhom qablu li l-informazzjoni tagħhom tiġi ppubblikata mill-Kummissjoni.

Minn Diċembru 2024, l-ewwel lista ta’ proġetti mogħtija Siġill STEP ġiet ippubblikata fil-Portal STEP. Il-Kummissjoni tippromwovi b’mod attiv dawk il-proġetti fost il-korpi ta’ finanzjament pubbliku, eż. l-awtoritajiet maniġerjali tal-Fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni u l-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza fl-Istati Membri, u fost l-investituri privati. Bħala badge ta’ distinzjoni, is-Siġill STEP għandu jgħin lill-proġetti jattiraw finanzjament privat.

3.Portafoll tal-Istat tal-Fond għall-Innovazzjoni fl-2024

3.1.Ħarsa ġenerali lejn ir-riżultati tas-sejħa

Mill-2020, il-Kummissjoni organizzat tmien sejħiet għal proposti għal għotjiet regolari u żewġ irkantijiet kompetittivi ta’ offerti ( 14 ). Sa tmiem l-2024, 131 proġett kienu ffirmaw ftehimiet ta’ għotja għal total ta’ EUR 7,4 biljun f’appoġġ. Kienu qed jitfasslu ftehimiet għal 86 proġett ulterjuri. Għas-sejħiet kollha kien hemm domanda akbar mill-provvista, bl-ammont medju mitlub ikun disa’ darbiet ogħla mill-baġit disponibbli.

Illustrazzjoni7: Analiżi tar-riżultati tal-parteċipazzjoni fis-sejħa ( 15 )

3.2.Maturità tal-proġett, istatus tal-implimentazzjoni u sfidi

Sa tmiem l-2024, total ta’ 36 proġett kienu kisbu l-istadju importanti ta’ “Għeluq finanzjarju”. L-istadju importanti jindika li l-proġetti kisbu kemm il-finanzjament meħtieġ kif ukoll il-permessi ambjentali u tal-kostruzzjoni. Minn dawk is-36 proġett, sebgħa għamlu progress sal-istadju importanti li jmiss, “Dħul fis-seħħ”, kif approvat minn CINEA. Sadanittant, it-82 proġett attiv li jifdal bħalissa qed ifittxu li jiksbu status ta’ “Għeluq finanzjarju”. Sal-lum, ingħataw EUR 306 miljun, bil-firxa li ġejja ta’ żborżi bejn l-44 proġett li rċevew pagament.

Illustrazzjoni8: L-istadju tal-proġett

Terminazzjonijiet

Sa tmiem l-2024, total ta’ 11-il proġett kienu ġew itterminati, disgħa minnhom matul is-sena. Sadanittant, 120 proġett għadhom għaddejjin ( 16 ) (proġetti tal-IF23 NZT kienu għadhom ma ffirmawx ftehimiet ta’ għotja).

Ir-raġunijiet għat-terminazzjonijiet inkludew żidiet sinifikanti mhux previsti fil-kostijiet tal-proġett (ħames proġetti), l-irtirar ta’ sieħeb tal-proġett (żewġ proġetti), żidiet fil-prezzijiet tal-materja prima (proġett wieħed), l-inabbiltà li jinstab offtaker xieraq (proġett wieħed), il-ksur tal-obbligi skont il-ftehim ta’ għotja (proġett wieħed) u l-inabbiltà li tintlaħaq deċiżjoni finali dwar l-investiment (proġett wieħed).

3.3.Portafoll skont is-settur

Il-portafoll tal-Fond ( 17 ) jinkludi ħames kategoriji:

(I)il-qbid u l-ħżin ġeoloġiku tal-karbonju (CCS)

(II)l-industriji intensivi fl-enerġija (EIIs)

(III)il-ħżin tal-enerġija (ES)

(IV)il-mobbiltà (MOB)

(V)il-ħżin tal-enerġija rinnovabbli (RES).

 

Illustrazzjoni9: Analiżi tal-proġett skont il-kategorija (għadd ta’ proġetti u finanzjament mogħti)

Is-setturi l-aktar irrappreżentati fil-portafoll tal-Fond huma l-“Idroġenu” (22 proġett), is-“Siment u ġir” (13-il proġett), u l-“Manifattura ta’ komponenti għall-enerġija rinnovabbli jew għall-ħżin tal-enerġija” (11-il proġett). Is-settur li jirċievi l-aktar finanzjament (EUR 1,9 biljun) għadu s-“Siment u ġir”, minħabba l-investiment sinifikanti meħtieġ għall-proġetti tas-siment u tal-ġir, li ġeneralment jinkludu t-teknoloġija tas-CCS. Is-settur li jirċievi t-tieni l-akbar ammont ta’ appoġġ (EUR 1,4 biljun) kien l-“Idroġenu”, peress li l-idroġenu huwa investiment transsettorjali li jappoġġa d-dekarbonizzazzjoni f’varjetà ta’ setturi inklużi dawk tal-avjazzjoni u marittimi (permezz ta’ fjuwils sintetiċi), l-industriji intensivi fl-enerġija (sostituzzjoni ta’ fjuwils fossili f’diversi proċessi inklużi l-manifattura tal-azzar u l-produzzjoni tas-sħana) u l-ġenerazzjoni tal-elettriku (ħżin tal-enerġija fit-tul). L-investiment huwa għoli wkoll fis-settur tas-sustanzi kimiċi (EUR 790 miljun) u fir-raffineriji (EUR 290 miljun), b’varjetà ta’ proġetti li għandhom l-għan li jissostitwixxu l-fjuwils fossili bi prodotti prinċipali bħall-plastik, il-bijofjuwils, il-metanol, l-ammonijaka u s-sustanzi kimiċi organiċi.

Illustrazzjoni10: Numru ta’ proġetti skont is-settur

Illustrazzjoni11: Finanzjament mogħti skont is-settur

3.4.Bilanċ ġeografiku

Sa tmiem l-2024, 24 mit-30 pajjiż eliġibbli fl-UE u fiż-ŻEE kienu ffirmaw mill-inqas proġett wieħed tal-IF, waqt li 14-il pajjiż kellhom mill-inqas tliet proġetti tal-IF għaddejjin. Il-pajjiżi bl-akbar numru ta’ proġetti huma Spanja (21), Franza (14), l-Italja (11), il-Ġermanja (10) u n-Netherlands (9). Bir-riżultati tal-IF23, in-numru ta’ pajjiżi b’mill-inqas proġett wieħed fil-portafoll tal-IF se jiżdied għal 26, waqt li kemm l-Estonja kif ukoll is-Slovakkja ngħataw proġetti.

Ir-raġuni ewlenija għaliex ftit proġetti rċevew finanzjament fil-pajjiżi li fadal hija li ma ġewx riċevuti ħafna proposti minn dawk il-pajjiżi. Sal-IF23 u bih inkluż, l-applikanti kienu ssottomettew seba’ proġetti ammissibbli fir-Rumanija, tnejn fil-Lussemburgu u wieħed f’Malta. Ma waslet l-ebda applikazzjoni mil-Liechtenstein.

Illustrazzjoni12: Numru ta’ proġetti skont il-pajjiż tal-ewwel post ( 18 )

Fuq bażi ta’ finanzjament, Spanja (EUR 1,0 biljun), il-Ġermanja (EUR 867 miljun), l-Iżvezja (EUR 782 miljun), il-Belġju (EUR 671 miljun) u n-Norveġja (EUR 572 miljun) irċevew l-akbar sehem ta’ appoġġ mill-IF. Id-differenza bejn il-finanzjament u l-għadd ta’ proġetti hija dovuta għall-fatt li d-daqs medju tal-proġett huwa akbar f’pajjiżi bħall-Belġju, in-Norveġja u l-Iżvezja, fejn hemm sehem akbar ta’ proġetti tal-industriji intensivi fl-enerġija bħall-azzar ekoloġiku u l-proġetti tas-CCS, li għandhom it-tendenza li jkunu investimenti akbar u intensivi fil-kapital.

Illustrazzjoni13: Finanzjament mogħti skont il-pajjiż

Evidentement, varjetà ta’ fatturi jinfluwenzaw is-sehem ġeografiku tal-finanzjament li pajjiż jista’ jirċievi. Dawn jistgħu jinkludu n-numru ta’ proposti li jissottometti pajjiż, id-daqs tal-ekonomija tiegħu, in-numru ta’ attivitajiet industrijali eliġibbli, l-appoġġ ipprovdut mill-Istati Membri lill-entitajiet li jfasslu proposti, id-disponibbiltà ta’ kofinanzjament u l-bqija. Fil-każ ta’ proġetti tal-irkant, il-prezz tal-elettriku huwa wkoll kunsiderazzjoni sinifikanti. Il-proġetti jingħataw finanzjament mill-Fond għall-Innovazzjoni biss abbażi tal-eċċellenza. Il-bilanċ ġeografiku jitqies biss fl-għażla tal-proġetti sa ċertu punt ( 19 ).

Sabiex jintwera s-sehem tal-finanzjament riċevut mill-pajjiżi fir-rigward tad-daqs tal-ekonomija tagħhom u l-preżenza tal-industriji rilevanti, hawn taħt qed isir tqabbil bejn il-PDG u s-sehem tal-emissjonijiet tal-ETS.

Nistgħu naraw li ekonomiji ewlenin bħall-Ġermanja, Franza u l-Italja huma relattivament sottorappreżentati fir-rigward kemm tas-sehem tal-ETS tagħhom kif ukoll tal-PDG. Fil-każ tal-Ġermanja u ta’ Franza, din is-sitwazzjoni hija mistennija li titjieb bir-riżultati tas-sejħa IF23 NZT, bi proġetti fil-Ġermanja jingħataw sehem ta’ EUR 664 miljun u proġetti fi Franza jirċievu sehem ta’ EUR 518-il miljun. Il-pajjiżi li għandhom prestazzjoni aqwa fir-rigward kemm tas-sehem tagħhom tal-ETS kif ukoll tad-daqs tal-PDG tagħhom jinkludu l-Belġju, in-Norveġja, Spanja u l-Iżvezja.

Illustrazzjoni14: Firxa ġeografika skont is-sehem tal-PDG ( 20 ) u s-sehem tal-finanzjament tal-IF

Illustrazzjoni15: Firxa ġeografika skont is-sehem tal-ETS ( 21 ) u s-sehem tal-finanzjament tal-IF

Il-Fond għall-Innovazzjoni stabbilixxa diversi mekkaniżmi biex jgħin lill-Istati Membri kollha u lill-pajjiżi taż-ŻEE jissottomettu proposti tal-IF ta’ kwalità. Dawn jinkludu l-appoġġ għall-punti ta’ kuntatt nazzjonali (NCPs, national contact points) f’kull Stat Membru, l-assistenza teknika għall-pajjiżi b’livelli baxxi ta’ parteċipazzjoni u l-għoti ta’ assistenza għall-iżvilupp ta’ proġetti (PDA) b’KPIs ġeografiċi speċifiċi.

3.5.Evitar ta’ GHG

Il-120 proġett fil-portafoll tal-Fond fi tmiem l-2024 huma mistennija jevitaw total ta’ 489 miljun tCO2e matul l-ewwel 10 snin ta’ tħaddim tagħhom, li jikkorrispondi għal, bħala medja, EUR 69 ta’ finanzjament għal kull kg ta’ CO2e evitat.

Illustrazzjoni16: Evitar mistenni ta’ gassijiet serra skont is-sejħa

4.Komunikazzjoni u żieda fil-viżibbiltà

4.1.Network tal-NCPs

Il-Fond jappoġġa b’mod attiv lill-awtoritajiet nazzjonali u joffri feedback permezz tal-parteċipazzjoni f’jiem ta’ tagħrif nazzjonali u attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni lokali. Fi ħdan il-fluss tax-xogħol tal-“Assistenza teknika għall-Istati Membri”, ingħataw sessjonijiet ta’ taħriġ għall-NCPs kollha tal-Fond. Barra minn hekk, ġew ipprovduti materjali ta’ komunikazzjoni fil-lingwi lokali biex jassistu lill-NCPs fl-isforzi ta’ sensibilizzazzjoni lokali u komunikazzjoni tagħhom. Fl-2024, kien hemm ħames sessjonijiet ta’ taħriġ li koprew suġġetti bħall-istrateġiji ta’ komunikazzjoni, il-mekkaniżmu tal-irkant tal-idroġenu rinnovabbli u kif l-għotjiet tal-Fond jistgħu jiġu kkombinati ma’ sorsi oħra ta’ finanzjament pubbliku kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f’dak nazzjonali. Saru sejħiet regolari ta’ progress biex l-NCPs jinżammu aġġornati dwar l-aħħar żviluppi politiċi. Dan il-fluss tax-xogħol se jkompli fl-2025 b’kuntratt ġdid, li għandu l-għan li jsaħħaħ ir-rwol tal-NCPs fil-promozzjoni lokali tal-Fond u li jindirizza b’mod effettiv it-talbiet tal-applikanti.

4.2.Grupp ta’ esperti tal-Fond għall-Innovazzjoni u involviment tal-partijiet ikkonċernati

Il-Kummissjoni organizzat żewġ laqgħat tal-grupp ta’ esperti tal-Fond fl-2024: fis-27 ta’ Ġunju u l-14 ta’ Novembru 2024 ( 22 ). Ir-riżultati tal-irkant IF23 u tas-sejħa IF23 ġew ippreżentati fil-laqgħat, flimkien mal-eżiti tal-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati dwar is-sejħa għal proposti li jmiss tal-2024. It-termini u l-kundizzjonijiet u l-Irkantijiet bħala Servizz għall-irkant tal-idroġenu rinnovabbli tal-2024 (irkant IF24) ġew diskussi wkoll. Il-punti ewlenin tas-sejħiet tal-2024 li ġejjin għat-teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti (sejħa IF24) u l-manifattura taċ-ċelluli tal-batteriji ta’ vetturi elettriċi (batterija IF24) ġew kondiviżi wkoll. L-għan tal-laqgħat kien li jiġu ppreżentati l-aktar żviluppi reċenti fil-Fond u li jinġabar kontribut mill-pajjiżi eliġibbli u mir-rappreżentanti tal-industrija dwar id-direzzjonijiet futuri li għandhom jittieħdu mill-Fond.

4.3.Kondiviżjoni tal-għarfien

L-attivitajiet ta’ kondiviżjoni tal-għarfien għandhom l-għan li jikkondividu l-esperjenza u l-feedback dwar il-politika miksuba bl-implimentazzjoni ta’ teknoloġiji li huma l-ewwel tat-tip tagħhom ma’ żviluppaturi ta’ proġetti, investituri, awtoritajiet pubbliċi u l-pubbliku. Fl-2024, saru tliet avvenimenti ddedikati ta’ kondiviżjoni tal-għarfien bil-bibien magħluqa, li ffukaw fuq mogħdijiet teknoloġiċi differenti. L-ewwel wieħed, fil- 21 ta’ Marzu 2024 , iffoka fuq il-katina tal-valur tal-enerġija rinnovabbli b’feedback dwar il-politika pprovdut għall-awtoritajiet lokali, reġjonali, nazzjonali u tal-UE. It-tieni sessjoni ta’ ħidma , f’Ottubru 2024, dwar it-tema tas-CCS, laqqgħet flimkien proġetti ta’ qbid tas-CO2 appoġġati mill-Fond għall-Innovazzjoni, operaturi prospettivi tal-ħżin tas-CO2 u rappreżentanti tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni Ewropea. Fl-aħħar nett, kien hemm sessjoni ta’ ħidma dwar il-proġett tal-idroġenu li ffukat fuq il-punti ewlenin għall-proġetti, mill-ħruġ tal-permessi sal-kostruzzjoni. Sommarju tal-attivitajiet ta’ kondiviżjoni tal-għarfien huwa pprovdut fl-“ Annual knowledge sharing report of the Innovation Fund ”.

Fil-11 ta’ April 2024, il-Kummissjoni u CINEA organizzaw ir-raba’ Cleantech Conference . Il-parteċipanti esploraw mogħdijiet biex isaħħu l-manifattura Ewropea ta’ apparati tat-teknoloġija nadifa u l-komponenti tagħhom għall-enerġija rinnovabbli u għall-ħżin tal-enerġija. Il-Viċi President Eżekuttiv tal-Kummissjoni Maroš Šefčovič fetaħ il-konferenza billi enfasizza s-sinifikat tal-manifattura tat-teknoloġija nadifa għall-Ewropa. Diversi proġetti wrew mogħdijiet u soluzzjonijiet konkreti mmirati lejn l-appoġġ tat-tranżizzjoni tal-Ewropa lejn in-newtralità klimatika. Il-konferenza kkonkludiet b’dibattitu dwar l-isfruttar tal-investimenti fil-manifattura tat-teknoloġija nadifa. L-avveniment attira udjenza mħallta, inklużi dawk li jfasslu l-politika, investituri, mexxejja tal-industrija u partijiet ikkonċernati oħra, li qajmu sensibilizzazzjoni dwar id-diversi opportunitajiet ta’ negozju li l-Fond joffri lill-finanzjaturi pubbliċi u privati. Total ta’ 400 parteċipant attendew personalment, flimkien ma’ madwar 900 parteċipant online konnessi permezz tal-live stream, li juri l-firxa estensiva tal-avveniment.

4.4.Stejjer ta’ suċċess

Fl-2024, id-DĠ CLIMA u CINEA pproduċew seba’ stejjer ta’ proġetti li jservu bħala għodod ta’ komunikazzjoni essenzjali li jispjegaw teknoloġiji kumplessi b’mod li n-nies li jgħixu fl-UE jkunu jistgħu jifhmu faċilment. L-istejjer għandhom rwol kruċjali fis-sensibilizzazzjoni dwar l-inizjattivi tal-UE biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima, filwaqt li jenfasizzaw l-impatti tanġibbli tal-EU ETS u tal-Fond u jinfurmaw lill-komunitajiet lokali dwar proġetti reġjonali sabiex titrawwem ir-responsabbiltà u l-kburija. Barra minn hekk, l-istejjer tal-proġetti jżidu l-viżibbiltà, jipprovdu opportunitajiet għal proġetti biex jattiraw investituri u partijiet ikkonċernati potenzjali filwaqt li jsostnu l-appoġġ pubbliku lokali. Dawn jiġu ppubblikati fuq is-sit web tad-DĠ CLIMA u jiġu kondiviżi fuq il-pjattaformi tal-media soċjali tagħna, u b’hekk inkunu nistgħu nilħqu udjenza usa’.

5.Konklużjoni

Fl-2024, il-Fond għall-Innovazzjoni kompla jikkonsolida r-rwol tiegħu bħala strument ċentrali fl-appoġġ tat-tranżizzjoni tal-UE lejn in-newtralità klimatika. Billi impenja EUR 11,2 biljun ( 23 ) sa tmiem l-2024 għall-varar ta’ teknoloġiji li huma l-ewwel tat-tip tagħhom, biex jiġu kkummerċjalizzati u jiżdiedu teknoloġiji aktar maturi, billi saħħaħ ir-rabtiet ma’ programmi u istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn tal-UE u billi kkondivida l-għarfien miksub fil-proċess b’mod wiesa’, l-IF ikkontribwixxa b’mod sinifikanti għad-dekarbonizzazzjoni kosteffiċjenti tal-industriji Ewropej filwaqt li żied il-kompetittività industrijali u s-sigurtà tal-enerġija. Il-fatt li għad hemm domanda akbar mill-provvista għas-sejħiet u għall-irkantijiet jenfasizza l-ħtieġa għal appoġġ pubbliku u juri r-rilevanza tal-Fond għall-isfida tal-Ewropa li ssir l-ewwel kontinent newtrali għall-klima sal-2050.

L-IF jibqa’ wkoll rilevanti ħafna biex jiġu avvanzati l-objettivi tal-Patt għal Industrija Nadifa u biex jiġi implimentat il-pjan tal-UE għall-prosperità u l-kompetittività sostenibbli. Għalkemm hemm opportunitajiet ċari biex jiġu żviluppati soluzzjonijiet għad-dekarbonizzazzjoni tant meħtieġa, għad hemm sfidi li jridu jiġu ffaċċjati. Sabiex jgħin biex il-proġetti innovattivi jsiru aktar ta’ suċċess u biex tiġi mħeġġa s-sottomissjoni ta’ proposti fl-Istati Membri kollha, l-IF qed isaħħaħ l-għodod tiegħu għal appoġġ bil-quddiem fl-istadju tal-iżvilupp ta’ proġetti. B’mod partikolari, l-assistenza għall-iżvilupp ta’ proġetti u l-appoġġ għall-punti ta’ kuntatt nazzjonali għandhom il-potenzjal li jtejbu ulterjorment il-bilanċ ġeografiku u settorjali. Il-karatteristiċi “bħala servizz” tal-Fond għall-Innovazzjoni, min-naħa l-oħra, jistgħu jżidu l-impatt tal-Fond filwaqt li jnaqqsu l-piż amministrattiv kemm fuq l-applikanti kif ukoll fuq l-amministrazzjonijiet nazzjonali.

Il-portafoll dinamiku tal-IF diġà fih 199 proġett attiv magħżula f’26 pajjiż u dan in-numru qed jikber dejjem aktar malajr. F’Ottubru 2024, tħabbar li ntgħażlu 85 proġett ieħor fi 18-il pajjiż mis-sejħa IF23 għat-teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti waħedha. Bit-tnedija, fi tmiem l-2024, tas-sejħiet tat-teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti, tal-manifattura tal-batteriji u tal-idroġenu rinnovabbli li jammontaw għal EUR 4,6 biljun, il-Fond se jkompli jikkonsolida r-rwol tiegħu fl-aċċellerazzjoni tad-dekarbonizzazzjoni industrijali u fl-espansjoni ta’ teknoloġiji nodfa strateġiċi madwar l-UE.

(1) () Proġetti mogħtija mill-IF23 huma inklużi fir-rapport tal-2024 għalkemm huma ffirmaw il-ftehim ta’ għotja tagħhom fil-bidu tal-2025.
(2) () Proġetti fis-setturi tal-Fond għall-Innovazzjoni li jimmanifatturaw komponenti għall-enerġija rinnovabbli, għall-ħżin tal-enerġija jew għall-industrija intensiva fl-enerġija.
(3) () Fjuwil rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika (renewable fuel of non-biological origin).
(4) () Inklużi proġetti magħżula mill-IF23.
(5) () Is-sejħa IF23 tnediet fit-23 ta’ Novembru 2023 b’baġit disponibbli ta’ EUR 4 biljun, inklużi EUR 1,4 biljun speċifikament għal proġetti ta’ manifattura tat-teknoloġija nadifa.
(6) () Din il-kategorija l-ġdida żdiedet biex tikkonforma mar-reviżjoni tal-2023 tad-Direttiva tal-EU ETS.
(7) () Issa bl-inklużjoni tal-Estonja u tas-Slovakkja. In-numru ta’ proġetti magħżula jista’ jinbidel wara li jkun tfassal il-ftehim ta’ għotja.
(8) () Skont l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-finanzjament ta’ azzjonijiet skont il-Fond għall-Innovazzjoni, hija permessa żieda sa 20 % ogħla mill-kontribuzzjoni massima. Dan intuża minħabba l-kwalità għolja tal-applikazzjonijiet riċevuti fis-sejħa.
(9) () Ikkategorizzat bħala fjuwils rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika (RFNBO).
(10) ()    Għotjiet bħala Servizz hija disponibbli wkoll għal proġetti ta’ manifattura tat-teknoloġija nadifa mill-2025.
(11) () L-irkant IF23 tnieda fit-23 ta’ Novembru 2023 b’baġit disponibbli ta’ EUR 800 miljun. L-offerenti kellhom japplikaw sat-8 ta’ Frar 2024.
(12) () Il-Finlandja, in-Norveġja, il-Portugall u Spanja.
(13) () Ara l- Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-klima, għall-ħarsien tal-ambjent u għall-enerġija .
(14) () Is-sejħa u l-irkant IF24 kienu miftuħin għas-sottomissjoni tal-proposti mill-31 ta’ Diċembru 2024.
(15) ()    Peress li l-proġetti eliġibbli tal-irkant huma kklassifikati skont il-prezz, ma hija rilevanti l-ebda kategorija “ogħla mil-limitu”.
(16) ()    “Proġetti li għadhom għaddejjin” huma dawk il-proġetti ffirmati li nbdew iżda li għadhom ma ġewx itterminati.
(17) ()    L-analiżi kollha tal-portafoll hija bbażata fuq proġetti li huma attivi (mhux itterminati) u li ffirmaw ftehimiet ta’ għotja fil-31 ta’ Diċembru 2024. Għalhekk, sitta mis-seba’ proġetti tal-irkant tal-idroġenu IF23 huma inklużi, iżda l-ebda proġett tas-sejħa IF23 NZT ma kien fil-portafoll dak iż-żmien.
(18) ()    Il-postijiet tal-proġett huma bbażati fuq il-post primarju tal-proġett. Il-pajjiż benefiċjarju ma huwiex ikkunsidrat.
(19) ()    Fis-sejħa għal għotjiet regolari, meta jiġu ordnati proġetti bl-istess punteġġ, tingħata prijorità lil proposti minn pajjiżi b’numru iżgħar ta’ proposti bi klassifikazzjoni għolja.
(20) ()    Prodott domestiku gross bil-prezzijiet tas-suq tal-2024 (il-Eurostat 2025).
(21) ()     https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:32020D2166 .
(22) ()    Il-minuti tal-laqgħat huma disponibbli hawn: https://climate.ec.europa.eu/error/404_mt.
(23) ()    Jinkludi proġetti li għadhom għaddejjin diġà ffirmati u proġetti magħżula mill-IF23 iżda li għadhom ma ġewx iffirmati.