28.1.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 24/15


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-15 ta' Diċembru 2008

li tistabbilixxi Grupp Espert tas-Suq tas-Sistemi tal-Ħlasijiet

(2009/72/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Billi:

(1)

Wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-Komunità huwa li tiżgura l-funzjonament tajjeb tas-suq intern, fejn is-servizzi tal-ħlasijiet jiffurmaw parti essenzjali minnu. F’kuntest ta’ progress mgħaġġel fl-innovazzjoni u t-teknoloġija, huwa importanti li s-suq intern ikollu sistemi tal-ħlasijiet sodi, faċli biex tużahom, effiċjenti u sikuri, għall-benefiċċju tal-fornituri tas-servizzu u bl-istess mod tal-utenti.

(2)

F’konformità mal-prinċipji ta’ regolamentazzjoni aħjar, il-Kummissjoni tagħti importanza kbira għall-konsultazzjoni xierqa mal-partijiet konċernati differenti, partikolarment il-fornituri u l-utenti tas-servizzi tal-ħlasijiet, fl-iżvilupp tal-politika dwar is-sistemi tal-ħlasijiet. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni tista’ teħtieġ li titlob l-għarfien espert ta’ speċjalisti f’korp konsultattiv.

(3)

Huwa għalhekk meħtieġ li jitwaqqaf grupp ta’ esperti fil-qasam tas-sistemi tal-ħlasijiet u li jiġu ddefiniti l-kompiti u l-istruttura tiegħu.

(4)

Kif stqarret fil-White Paper tagħha dwar il-Politika dwar is-Servizzi Finanzjarji għall-2005-2010, il-Kummissjoni tagħti importanza kbira lil rappreżentanza proporzjonata tal-utenti. Għaldaqstant, il-Grupp għandu jgħin lill-Kummissjoni biex tibbenefika mill-aktar rappreżentanza adegwata tal-partijiet interessati.

(5)

Il-Grupp għandu jkun kompost minn individwi li jkollhom l-għarfien espert xieraq fil-qasam tas-sistemi tal-ħlasijiet. Madankollu, għandu jkun illimitat għar-rappreżentanti tal-partijiet konċernati privati, billi l-awtoritajiet pubbliċi u l-banek ċentrali għandhom il-grupp konsultattiv proprju fil-qasam tas-sistemi tal-ħlasijiet.

(6)

Il-Grupp għandu jassisti lill-Kummissjoni fit-tħejjija u fl-implimentazzjoni tal-politika dwar is-sistemi tal-ħlasijiet.

(7)

Għandhom jitfasslu regoli dwar l-iżvelar ta’ tagħrif minn membri tal-grupp il-ġdid, mingħajr ħsara għar-regoli dwar is-sigurtà annessi mar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kummissjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/844/KE, KEFA, Euratom (1).

(8)

Id-dejta personali kollha relatata mal-membri tal-Grupp għandha tkun ipproċessata b’konformità mar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dak id-dejta (2),

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-Grupp Espert tas-Suq tas-Sistemi tal-Ħlasijiet

Bil-preżenti qed jiġi stabbilit il-Grupp Espert tas-Suq tas-Sistema tal-Ħlasijiet (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “il-Grupp”).

Artikolu 2

L-inkarigu

L-inkarigu ta’ dan il-grupp għandu jkun:

(a)

li jassisti lill-Kummissjoni fit-tħejjija tal-atti leġiżlattivi jew l-inizjattivi ta’ politika fir-rigward tas-sistemi tal-ħlasijiet, inklużi kwisjonijiet ta’ prevenzjoni tal-frodi marbuta mal-industrija u l-utenti tal-ħlasijiet;

(b)

li jipprovdi għarfien dwar l-implimentazzjoni prattika ta’ dik il-politika;

(ċ)

li jiskambja opinjonijiet dwar l-aqwa prassi aġġornati u li jiżgura monitoraġġ ta’ kwistjonijiet potenzjali dwar is-suq.

Artikolu 3

Konsultazzjoni

Il-Kummissjoni tista’ tikkonsulta l-grupp dwar kwalunkwe kwistjoni dwar is-sistemi tal-ħlasijiet, inklużi kwistjonijiet dwar il-prevenzjoni tal-frodi marbuta mal-industrija u l-utenti tal-ħlasijiet.

Artikolu 4

Sħubija – Ħatra

1.   Il-Grupp għandu jkun kompost minn massimu ta’ 50 membru.

2.   Il-Kummissjoni għandha taħtar il-membri tal-Grupp minn fost esperti fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 2 wara sejħa għall-espressjoni ta’ interess minn fost kwalunkwe minn dawn li ġejjin:

(a)

rappreżentanti tal-industrija tal-ħlasijiet, inklużi kumpaniji u assoċjazzjonijiet;

(b)

rappreżentanti tal-utenti tal-ħlasijiet, inklużi kumpaniji u assoċjazzjonijiet;

(c)

rappreżentanti minn korpi privati involuti mill-qrib fil-prevenzjoni tal-frodi tal-ħlasijiet;

(d)

individwi bi sfond akkademiku jew b’għarfien espert rikonoxxut fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 2.

3.   Il-membri msemmija fil-paragrafu 2 għandhom jesprimu bil-miktub l-interess tagħhom fil-parteċipazzjoni fil-Grupp.

4.   Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-eliġibbiltà tal-esperti individwali skont il-kriterji li ġejjin:

(a)

kompetenza u għarfien espert rilevanti li jista’ jintwera fil-qasam kopert mill-mandat tal-Grupp;

(b)

għarfien espert jew esperjenza prattiċi riċenti;

(c)

ħila f’ilsien li s-soltu jintuża fil-qasam tal-finanzi, ta’ livell li jippermetti lill-espert jipparteċipa fid-diskuzzjonijiet u jfassal rapporti f’dak l-ilsien.

L-espressjonijiet tal-interess li jaslu għandhom jinkludu dokumentazzjoni li turi li l-espert propost jissodisfa l-kundizzjonijiet stipulati f’dan il-paragrafu.

5.   Il-Kummissjoni għandha taħtar il-membri filwaqt li tqis il-ħtieġa li tirrappreżenta l-interessi tal-partijiet konċernati kollha. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tiżgura rappreżentanza proporzjonata tal-utenti, rappreżentanza ġeografika wiesgħa u kompożizzjoni bilanċjata bejn is-sessi minn fost il-proposti li jaslu.

6.   L-esperti proposti li jkunu tqiesu bħala xierqa iżda li ma jkunux nħatru jistgħu jitniżżlu f’lista ta’ riżerva, li l-Kummissjoni tista’ tuża biex taħtar sostituti.

7.   Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom japplikaw:

(a)

il-membri proposti mill-industrija tal-ħlasijiet, mill-utenti tal-ħlasijiet jew mill-korpi privati involuti fil-prevenzjoni tal-frodi tal-ħlasijiet għandhom jinħatru bħala partijiet interessati;

(b)

il-membri bi sfond akkademiku jew b’għarfien espert rikonoxxut jinħatru f’kapaċità personali;

(c)

il-mandat tal-membri tal-Grupp għandu jibda bl-ewwel laqgħa tal-Grupp; il-membri għandhom iżommu l-kariga tagħhom sakemm jitbiddlu jew sa tmiem ħatriethom;

(d)

il-membri li ma jibqgħux f’pożizzjoni li jikkontribwixxu b’mod effettiv fid-deliberazzjonijiet tal-Grupp, li jirriżenjaw jew li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu jew l-Artikolu 287 tat-Trattat jistgħu jitbiddlu għall-bqija tal-perjodu ta’ ħatriethom.

(e)

il-membri maħtura f’kapaċità personali għandhom jiffirmaw kull sena dikjarazzjoni fejn jistqarru li jaġixxu fl-interess pubbliku kif ukoll dikjarazzjoni li tikkonferma n-nuqqas jew l-eżistenza ta’ kull interess li jista’ jaffettwa l-oġġettività tagħhom;

(f)

l-ismijiet tal-membri għandhom jiġu ppubblikati fir-Reġistru tal-Gruppi Esperti tal-Kummissjoni Ewropea u fuq is-sit tal-Internet tad-DĠ Suq Intern u Servizzi; l-ismijiet tal-membri għandhom jinġabru, jiġu pproċessati u ppubblikati skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001.

Artikolu 5

L-operat

1.   Il-Grupp għandu jiġi ppresedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni.

2.   Bi ftehim mal-Kummissjoni, jistgħu jitwaqqfu sottogruppi biex jeżaminaw mistoqsijiet speċifiċi skont it-termini ta’ referenza stabbiliti mill-Grupp; tali sottogruppi għandhom jiġu xolti hekk kif dawn ilestu l-kompiti tagħhom.

3.   Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni jista’ jistieden esperti u osservaturi b’għarfien speċifiku biex jipparteċipaw fix-xogħol tal-Grupp u tas-sotto gruppi.

4.   Tagħrif miksub mill-parteċipazzjoni fid-deliberazzjonijiet tal-Grupp jew sottogrupp ma jistax jinħareġ fejn il-Kummissjoni tiddikjara li dan ikun marbut ma’ kwistjonijiet kunfidenzjali.

5.   Il-Grupp u s-sottogruppi tiegħu għandhom normalment jiltaqgħu fil-bini tal-Kummissjoni, fil-forma u skont l-iskeda stabbilita mill-Kummissjoni. Is-Segretarjat tal-Grupp għandu jiġi pprovdut mill-Kummissjoni. Uffiċjali tal-Kummissjoni li għandhom interess fil-qasam jistgħu jattendu l-laqgħat tal-Grupp u s-sottogruppi tiegħu.

6.   Il-Grupp għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu abbażi tar-regoli standard ta’ proċedura adottati mill-Kummissjoni.

7.   Il-Kummissjoni tista’ tippubblika fuq l-Internet, fil-lingwa oriġinali tad-dokument konċernat, kull sommarju, konklużjoni, jew parti minn konklużjoni jew dokument ta’ ħidma tal-Grupp.

Artikolu 6

L-ispejjeż tal-laqgħat

1.   Il-Kummissjoni għandha tirrimborża l-ispejjeż tal-vjaġġ u, fejn ikun xieraq, tas-sussistenza għall-membri, l-esperti u l-osservaturi b’rabta mar-regoli tal-Kummissjoni dwar il-kumpens għall-esperti esterni.

2.   Il-membri, l-esperti u l-osservaturi ma għandhomx jitħallsu għas-servizzi tagħhom.

3.   L-ispejjeż tal-laqgħat jiġu rrimborżati fil-limiti tal-baġit annwali allokat għall-Grupp mis-servizzi kompetenti tal-Kummissjoni.

Magħmula fi Brussell, 15 ta’ Diċembru 2008.

Għall-Kummissjoni

Charlie McCREEVY

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 317, 3.12.2001, p. 1.

(2)   ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.