|
18.10.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 270/62 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/1962
tat-13 ta’ Ottubru 2022
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Ewropew għat-tfassil ta’ Standards fil-qasam tan-Navigazzjoni Interna u fi ħdan il-Kummissjoni Ċentrali għan-Navigazzjoni tar-Renu fir-rigward tal-adozzjoni ta’ standards dwar bastimenti li jinnavigaw fuq passaġġi fuq l-ilma interni u servizzi tal-informazzjoni tax-xmajjar
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91(1), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Il-Konvenzjoni Riveduta għan-Navigazzjoni fuq ir-Renu tas-17 ta’ Ottubru 1868, emendata mill-Konvenzjoni li temenda l-Konvenzjoni Riveduta għan-Navigazzjoni fuq ir-Renu, adottata fi Strasburgu fl-20 ta’ Novembru 1963 (il-“Konvenzjoni”), daħlet fis-seħħ fl-14 ta’ April 1967. |
|
(2) |
Skont il-Konvenzjoni, il-Kummissjoni Ċentrali għan-Navigazzjoni fuq ir-Renu (“CCNR”) tista’ tadotta rekwiżiti tekniċi għall-bastimenti li jinnavigaw fuq passaġġi fuq l-ilma interni għaċ-ċertifikati maħruġa skont l-Artikolu 22 tal-Konvenzjoni. |
|
(3) |
Skont il-Konvenzjoni, is-CCNR tista’ timmodifika l-qafas regolatorju tagħha relatat mas-servizzi tal-informazzjoni tax-xmajjar (“RIS”) billi tirreferi għall-istandards adottati mill-Kumitat Ewropew għat-tfassil ta’ Standards fin-Navigazzjoni Interna (“CESNI”) u tagħmel dawk l-istandards obbligatorji fil-qafas tal-applikazzjoni tal-Konvenzjoni. |
|
(4) |
Is-CESNI nħoloq fit-3 ta’ Ġunju 2015 fil-qafas tas-CCNR sabiex jiżviluppa standards tekniċi għall-passaġġi fuq l-ilma interni f’diversi oqsma, b’mod partikolari fir-rigward tal-bastimenti, it-teknoloġija tal-informazzjoni u l-ekwipaġġ. |
|
(5) |
Jenħtieġ li l-azzjoni mill-Unjoni fis-settur tan-navigazzjoni interna jkollha l-għan li tiżgura l-uniformità fl-iżvilupp tar-rekwiżiti tekniċi u speċifikazzjonijiet applikati fl-Unjoni, partikolarment fir-rigward ta’ bastimenti li jinnavigaw fuq passaġġi fuq l-ilma interni u l-RIS. |
|
(6) |
Għal skopijiet ta’ trasport effiċjenti u ta’ navigazzjoni sikura fuq il-passaġġi fuq l-ilma interni, huwa importanti li r-rekwiżiti tekniċi għal bastimenti u l-RIS ikunu kompatibbli u kemm jista’ jkun armonizzati skont reġimi ġuridiċi differenti fl-Ewropa. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-Istati Membri li huma wkoll membri tas-CCNR jappoġġaw id-deċiżjonijiet li jarmonizzaw ir-regoli tas-CCNR ma’ dawk applikati fl-Unjoni. |
|
(7) |
Is-CESNI, fil-laqgħa li jmiss tiegħu tat-13 ta’ Ottubru 2022, huwa mistenni li jadotta l-Istandard Ewropew li jistabbilixxi r-Rekwiżiti Tekniċi għall-bastimenti li jinnavigaw fuq passaġġi fuq l-ilma interni 2023/1 (“ES-TRIN 2023/1”) u l-Istandard Ewropew għas-Servizzi tal-Informazzjoni tax-Xmajjar 2023/1 (“ES-RIS 2023/1”). |
|
(8) |
L-ES-TRIN 2023/1 jistabbilixxi r-rekwiżiti tekniċi uniformi meħtieġa sabiex tiġi żgurata s-sikurezza tal-bastimenti li jinnavigaw fuq passaġġi fuq l-ilma interni. Dan jinkludi dispożizzjonijiet dwar il-bini tal-bastimenti, l-armar u t-tagħmir għal bastimenti li jinnavigaw fuq passaġġi fuq l-ilma interni, dispożizzjonijiet speċjali fir-rigward ta’ kategoriji speċifiċi ta’ bastimenti bħal bastimenti tal-passiġġieri, konvojs imbuttati u bastimenti tal-kontejners, dispożizzjonijiet fir-rigward ta’ tagħmir tas-sistema ta’ identifikazzjoni awtomatika, dispożizzjonijiet fir-rigward tal-identifikazzjoni tal-bastiment, mudell ta’ ċertifikati u reġistru, dispożizzjonijiet tranżizzjonali, kif ukoll struzzjonijiet għall-applikazzjoni tal-istandard tekniku. |
|
(9) |
L-Anness II tad-Direttiva (UE) 2016/1629 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) jirreferi għar-rekwiżiti tekniċi għall-inġenji bħala dawk mogħtija fl-ES-TRIN 2021/1. Il-Kummissjoni għandha s-setgħa taġġorna din ir-referenza fl-Anness II għal dik id-Direttiva għall-aktar verżjoni reċenti tal-istandard ES-TRIN u tistabbilixxi d-data tal-applikazzjoni tagħha. Għalhekk, l-ES-TRIN 2023/1 se jaffettwa d-Direttiva (UE) 2016/1629. |
|
(10) |
Għalhekk jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan is-CESNI, minħabba li l-ES-TRIN 2023/1 se jkun kapaċi jinfluwenza b’mod determinanti l-kontenut tal-liġi tal-Unjoni, jiġifieri d-Direttiva (UE) 2016/1629. |
|
(11) |
L-ES-RIS 2023/1 jistabbilixxi speċifikazzjonijiet u standards tekniċi uniformi sabiex jappoġġa l-RIS u jiżgura l-interoperabbiltà tagħhom. L-ispeċifikazzjonijiet u l-istandards tekniċi taħt l-ES-RIS 2023/1 jikkorrispondu għall-ispeċifikazzjonijiet u l-istandards tekniċi li għalihom l-adozzjoni hija meħtieġa mid-Direttiva 2005/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), b’mod partikolari fl-oqsma li ġejjin: sistema elettronika ta’ viżwalizzazzjoni ta’ mapep u ta’ informazzjoni għan-navigazzjoni interna; rapportaġġ elettroniku tal-bastimenti; avviżi lill-kaptani; sistemi ta’ trekkjar u traċċar tal-bastimenti u kompatibbiltà tat-tagħmir meħtieġ għall-użu tal-RIS. |
|
(12) |
L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-RIS huma bbażati fuq il-prinċipji tekniċi stabbiliti fl-Anness II tad-Direttiva 2005/44/KE u jieħdu kont tal-ħidma mwettqa f’dan il-qasam mill-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti. |
|
(13) |
Jixraq għalhekk li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan is-CESNI, peress li l-ES-RIS 2023/1 se jkun jista’ jinfluwenza b’mod determinanti l-kontenut tal-liġi tal-Unjoni, jiġifieri l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi vinkolanti adottati fil-qafas tad-Direttiva 2005/44/KE. |
|
(14) |
Is-CCNR, fis-sessjoni plenarja li ġejja, hija mistennija tadotta riżoluzzjonijiet li jemendaw ir-Regolamenti tas-CCNR sabiex jinkludu referenza għall-ES-TRIN 2023/1 u l-ES-RIS 2023/1. Għalhekk, jixraq ukoll li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan is-CCNR. |
|
(15) |
L-Unjoni la hija membru tas-CCNR u lanqas tas-CESNI. Għalhekk, il-pożizzjoni tal-Unjoni jenħtieġ li tiġi espressa mill-Istati Membri li huma membri ta’ dawk l-entitajiet, li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni. |
|
(16) |
Il-pożizzjoni proposta tal-Unjoni hija li tadotta l-ES-TRIN 2023/1 u l-ES-RIS 2023/1 peress li dawn jiffaċilitaw l-ogħla livell ta’ sikurezza fin-navigazzjoni interna, isegwu l-evoluzzjoni teknika f’dan is-settur u jiżguraw il-kompatibbiltà tar-rekwiżiti għall-bastimenti u l-kompatibbiltà tas-servizzi tal-informazzjoni tax-xmajjar fl-Ewropa, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Ewropew għat-tfassil ta’ Standards fin-Navigazzjoni Interna (“CESNI”) fir-rigward tal-adozzjoni tal-istandards Ewropej ES-TRIN 2023/1 u l-ES-RIS 2023/1 għandha tkun li taqbel mal-adozzjoni tagħhom.
2. Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kummissjoni Ċentrali għan-Navigazzjoni fuq ir-Renu (“CCNR”) għandha tkun li jiġu appoġġati l-proposti kollha li jallinjaw ir-Regolamenti tas-CCNR mal-ES-TRIN 2023/1 u l-ES-RIS 2023/1.
Artikolu 2
1. Il-pożizzjoni stabbilita fl-Artikolu 1(1) għandha tiġi espressa mill-Istati Membri li huma membri tas-CESNI, li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.
2. Il-pożizzjoni stabbilita fl-Artikolu 1(2) għandha tiġi espressa mill-Istati Membri li huma membri tas-CCNR, li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.
Artikolu 3
Bidliet tekniċi minuri fil-pożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1 jistgħu jiġu miftiehma mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fil-Lussemburgu, it-13 ta’ Ottubru 2022.
Għall-Kunsill
Il-President
P. BLAŽEK
(1) Id-Direttiva (UE) 2016/1629 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2016 li tistabbilixxi r-rekwiżiti tekniċi għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni, li temenda d-Direttiva 2009/100/KE u li tħassar id-Direttiva 2006/87/KE (ĠU L 252, 16.9.2016, p. 118).
(2) Id-Direttiva 2005/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2005 dwar is-servizzi armonizzati ta’ informazzjoni tax-xmajjar (RIS) f’passaġġi fuq l-ilma interni fil-Komunità (ĠU L 255, 30.9.2005, p. 152).