|
26.9.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 246/24 |
DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1585
tal-24 ta' Settembru 2019
dwar l-istabbiliment ta' regoli dwar id-distribuzzjoni tat-traffiku skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għall-ajruporti ta' Amsterdam Schiphol u Amsterdam Lelystad
(notifikata bid-dokument C(2019) 6816)
(It-test bin-Netherlandiż biss huwa awtentiku)
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta' servizzi tal-ajru fil-Komunità (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 19(3) tiegħu,
Wara li kkonsultat mal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 25(1) tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008,
Billi:
1. PROĊEDURA
|
(1) |
Wara notifika preċedenti, li sussegwentement ġiet irtirata (2), l-awtoritajiet Netherlandiżi informaw lill-Kummissjoni bil-posta elettronika tal-25 ta' Marzu 2019 (3), skont l-Artikolu 19(3) tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008, bil-ħsieb tagħhom li jistabbilixxu ċerti regoli dwar id-distribuzzjoni tat-traffiku għall-ajruporti ta' Amsterdam Schiphol u Amsterdam Lelystad fin-Netherlands (minn hawn 'il quddiem l-Ajruport ta' Schiphol jew Schiphol, jew l-Ajruport ta' Lelystad jew Lelystad, rispettivament) bl-adozzjoni tal-Abbozz tal-Ordni Ministerjali u l-Abbozz tal-Ordni tal-Ministru għall-Infrastruttura u l-Ilma. Bil-posta elettronika tad-29 ta' Marzu 2019 (4), l-awtoritajiet Netherlandiżi ppreżentaw verżjoni emendata tal-Abbozz tal-Ordni Ministerjali u tal-Abbozz tal-Ordni tal-Ministru għall-Infrastruttura u l-Ilma (5), flimkien mal-elementi l-oħra li diġà kienu inklużi fin-notifika tal-25 ta' Marzu 2019. |
|
(2) |
L-informazzjoni ppreżentata b'dan il-mod mill-awtoritajiet Netherlandiżi kienet tinkludi erba' studji bħala annessi: (1) Id-domanda għall-kapaċità f'Schiphol fl-2023; (2) Id-domanda għall-kapaċità f'Schiphol fl-2030; (3) In-negozjar sekondarju f'Schiphol (6) u (4) L-operazzjonijiet maqsuma tal-linji tal-ajru. |
|
(3) |
Il-Kummissjoni ppubblikat sommarju tar-regoli maħsuba dwar id-distribuzzjoni tat-traffiku f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fit-12 ta' April 2019 (7) u stiednet lill-partijiet interessati jippreżentaw il-kummenti tagħhom. |
|
(4) |
Permezz tal-ittri tat-3 ta' Lulju 2019 (8) u tal-11 ta' Lulju 2019 (9), l-awtoritajiet Netherlandiżi ressqu emenda għan-notifika, bil-għan li jitqies it-tħassib li tqajjem mis-servizzi tal-Kummissjoni. Permezz tal-istess ittra datata l-11 ta' Lulju 2019 kif ukoll permezz tal-posta elettronika datata s-16 ta' Lulju 2019 (10), l-awtoritajiet Netherlandiżi nnotifikaw elementi fattwali ulterjuri rilevanti għan-notifika, rigward l-aċċessibbiltà tal-ajruporti, kif ukoll l-intenzjonijiet ta' dawk l-awtoritajiet rigward il-perjodu ta' żmien li fih l-ajruport ta' Lelystad ikun miftuħ għal operazzjonijiet kummerċjali. |
2. DESKRIZZJONI TAL-MIŻURA U L-OBJETTIV STABBILIT MILL-AWTORITAJIET NETHERLANDIŻI
2.1. Deskrizzjoni tal-miżura
|
(5) |
L-abbozz tat-TDR għad-distribuzzjoni tat-traffiku bejn l-ajruporti ta' Schiphol u Lelystad jikkonsisti mill-elementi li ġejjin:
|
|
(6) |
“Titjiriet ta' trasferiment” u “titjiriet minn punt għal ieħor” għandhom jiġu ddefiniti permezz ta' Ordni tal-Ministru għall-Infrastruttura u l-Ilma. Barra minn hekk, għandhom jiġu stabbiliti regoli dwar il-kriterji li għandhom jiġu ssodisfati minn dawn it-titjiriet. It-titjiriet għandhom jiġu kklassifikati kull sentejn skont dawk il-kriterji, u kwalunkwe klassifikazzjoni ġdida għandha titħabbar mill-inqas sena qabel ma tidħol fis-seħħ. Abbozz ta' Ordni bbażat fuq din is-setgħa jifforma parti mill-miżura nnotifikata [ara l-premessi 13 sa 21 ta' hawn taħt]. |
|
(7) |
L-abbozz tat-TDR ma jirrikjedix li l-jiem u l-ħinijiet tal-kapaċità li tintuża fl-Ajruport ta' Lelystad, minn naħa waħda, u tas-slots rilevanti fl-Ajruport ta' Schiphol, min-naħa l-oħra, li jiġu ttrasferiti, jingħataw lura jew li jintużaw b'mod differenti skont ir-regola deskritta fil-premessa 5(b) ta' hawn fuq għandhom jikkorrispondu. |
|
(8) |
Trasportatur tal-ajru li jiddependi fuq l-Artikolu 2(2) tal-abbozz tad-Digriet [jiġifieri r-regola deskritta fil-premessa 5(b) ta' hawn fuq] għandu jinforma lill-Ministru, lill-koordinatur tas-slots u, fejn applikabbli, lit-trasportatur tal-ajru riċevitur dwar dan, filwaqt li jiddikjara liema slots fl-Ajruport ta' Schiphol huma kkonċernati. Meta jinforma lill-Ministru, it-trasportatur tal-ajru għandu juri li r-rekwiżiti deskritti fl-Artikolu 2(5) tal-abbozz tad-Digriet [il-premessa 5(c) ta' hawn fuq] ġew issodisfati. |
|
(9) |
Skont l-Artikolu 3(1) tal-abbozz tad-Digriet, is-slots storiċi koperti mill-Artikolu 2(2) tiegħu [deskritti fil-premessa (5)(b) ta' hawn fuq] għandhom jintużaw esklussivament għal titjiriet ta' trasferiment. |
|
(10) |
Il-paragrafi 2, 3 u 4 tal-Artikolu 3 tal-abbozz tal-Ordni Ministerjali jżidu d-dispożizzjonijiet li ġejjin:
|
|
(11) |
Skont l-Artikolu 2(3) u (4) tal-abbozz tal-Ordni Ministerjali, il-prijorità msemmija fl-Artikolu 2(2) tiegħu [il-premessa 5(b) ta' hawn fuq] tapplika għal żewġ segmenti ta' slots fl-ajruport ta' Lelystad, jiġifieri sa, u inklużi, 10 000 slot u minn 10 001 sa 25 000 slot. |
|
(12) |
Skont l-Artikolu 7 tiegħu, id-Digriet jidħol fis-seħħ f'data li għandha tiġi stipulata minn Deċiżjoni rjali, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 2(4), li tidħol fis-seħħ mill-jum li fih il-Kummissjoni Ewropea tapprova dan il-paragrafu partikolari skont sottomissjoni separata skont l-Artikolu 19(3) tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 u tkun ippubblikat id-deċiżjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. |
|
(13) |
L-abbozz tal-Ordni tal-Ministru jiddefinixxi “titjiriet ta' trasferiment” b'referenza għad-destinazzjoni ta' kull titjira. Il-kriterji huma dawn li ġejjin:
|
|
(14) |
L-Anness 1 tal-abbozz tal-Ordni jelenka d-destinazzjonijiet li jikkorrispondu għal dawk il-kriterji. |
|
(15) |
Skont l-Artikolu 1(3) tal-abbozz tal-Ordni, destinazzjoni mhux inkluża fl-Anness 1 se titqies bħala “destinazzjoni ta' trasferiment” għal perjodu mitlub, sa massimu ta' ħames snin, jekk linja tal-ajru tkun tista' tissostanzja lill-Ministru ex ante li d-destinazzjoni se tinqeda mit-titjiriet tagħha b'perċentwal medju ta' trasferiment ta' mill-inqas 10 % għall-għadd mitlub ta' staġuni. |
|
(16) |
Skont l-Artikolu 1(4) tal-abbozz tal-Ordni, linja tal-ajru tista', fi kwalunkwe każ, tissodisfa r-rekwiżit stabbilit fil-paragrafu 3 billi turi li destinazzjoni qed tinqeda minn titjiriet b'perċentwal medju ta' trasferiment ta' mill-inqas 10 % imkejjel matul il-ħames snin kalendarji ta' qabel it-talba msemmija fil-paragrafu 3, f'ajruport fl-Unjoni Ewropea. |
|
(17) |
Id-destinazzjonijiet li se jitqiesu bħala destinazzjoni ta' trasferiment skont il-paragrafu 3, se jiġu ppubblikati fil-Gazzetta tal-Gvern. |
|
(18) |
L-abbozz tal-Ordni tal-Ministru jelenka wkoll, fl-Anness 2, id-destinazzjonijiet indikati bħala “titjiriet minn punt għal ieħor” abbażi tal-kriterji li ġejjin:
|
|
(19) |
L-Artikolu 3 tal-abbozz ta' Ordni jikkonċerna r-regoli dwar il-valutazzjoni tal-evidenza tal-perċentwal ta' trasferiment rilevanti għall-applikazzjoni tal-Ordni. |
|
(20) |
Skont l-Artikolu 3(1), kwalunkwe data verifikabbli relatata mal-perċentwal ta' trasferiment ta' titjiriet u destinazzjonijiet tista' tiġi ppreżentata lill-Ministru u se titqies meta t-titjiriet jiġu nnominati bħala titjiriet ta' trasferiment jew titjiriet minn punt għal ieħor. |
|
(21) |
L-Artikolu 3(2) jistipula li, fi kwalunkwe każ, fir-rigward tad-data msemmija fil-paragrafu 1, il-passiġġieri li jaslu fl-Ajruport ta' Schiphol u jitilqu, fi żmien 24 siegħa mill-wasla tagħhom, lejn destinazzjoni oħra li ma tkunx minn fejn tkun oriġinat it-titjira preċedenti, se jitqiesu bħala passiġġieri fi tranżitu. |
2.2. L-objettiv tal-miżura stabbilita mill-awtoritajiet Netherlandiżi
|
(22) |
Skont l-awtoritajiet Netherlandiżi, l-objettiv tal-abbozz tat-TDR huwa li jagħti privileġġ lit-titjiriet ta' trasferiment fir-rigward tal-allokazzjoni tal-kapaċità fl-Ajruport ta' Schiphol. In-netwerk estensiv ta' destinazzjonijiet interkontinentali ma setax jinqeda kieku Schiphol ma kienx ċentru kontinentali u interkontinentali. Iż-żewġ funzjonijiet, li jaqdu d-destinazzjonijiet interkontinentali u li joperaw f'netwerk Ewropew għall-passiġġieri fi tranżitu, huma inseparabbli u flimkien jiffurmaw il-funzjoni ta' ċentru kontinentali u interkontinentali ta' Schiphol. |
|
(23) |
Il-kuntest ta' dan l-objettiv huwa l-limitu ta' 500 000 moviment fis-sena fl-ajruport ta' Schiphol sa tmiem l-2020, stabbilit fil-“Ftehim ta' Alders”. Dak il-ftehim intlaħaq fl-2008 bejn il-partijiet ikkonċernati (jiġifieri l-industrija tal-avjazzjoni, l-awtoritajiet pubbliċi u r-residenti). L-għan tiegħu huwa li jikseb bilanċ bejn it-tkabbir tas-settur tal-avjazzjoni u l-vijabbiltà u s-sikurezza u s-sostenibbiltà ambjentali. |
|
(24) |
Il-limitu ta' 500 000 moviment fis-sena fl-Ajruport ta' Schiphol kien diġà ntlaħaq fl-2018. B'konsegwenza ta' dan, l-awtoritajiet Netherlandiżi huma tal-fehma li l-kapaċità disponibbli biex jiġi ttrasferit it-traffiku fl-ajruport ta' Schiphol tista' tiżdied biss billi jiġi ddistribwit it-traffiku bejn dak l-ajruport u l-ajruport ta' Lelystad, b'dan tal-aħħar ikun jista' jakkomoda t-traffiku li ma jkollux bżonn kundizzjonijiet u faċilitajiet bħal dawk disponibbli fl-ajruport ta' Schiphol. |
|
(25) |
Għal dan il-għan, l-Ajruport ta' Lelystad jakkomoda t-traffiku minn punt għal ieħor li jiġi mill-Ajruport ta' Schiphol, u b'hekk itejjeb il-funzjoni tat-trasferiment ta' dan l-aħħar ajruport. |
|
(26) |
L-abbozz tat-TDR ma jisforzax lit-trasportaturi tal-ajru jirrilokaw it-titjiriet tagħhom minn Schiphol, iżda minflok jiddependi fuq inċentivi għar-rilokazzjoni tat-traffiku minn punt għal ieħor. |
|
(27) |
Skont l-awtoritajiet Netherlandiżi, il-miżura notifikata għandha titqies fl-isfond tal-importanza ekonomika u strateġika kbira li jinżammu ċentri ewlenin fl-Unjoni. Skont l-awtoritajiet Netherlandiżi, l-Ajruport ta' Schiphol huwa wieħed mill-akbar ċentri fil-parti tal-Majjistral tal-Unjoni, u pilastru ewlieni għall-ekonomija u l-konnettività tan-Netherlands. Fl-2017, 48,6 miljun passiġġier mill-ibliet Ewropej ivvjaġġaw minn/lejn l-Ajruport ta' Schiphol, u 31 % minnhom ġew ittrasferiti għal titjira oħra f'Schiphol. Barra minn hekk, 19,7 miljun passiġġier mhux Ewropew ivvjaġġaw minn/lejn Schiphol. Minn dawk il-passiġġieri, madwar 60 % kienu passiġġieri fi tranżitu. L-awtoritajiet Netherlandiżi jirreferu għall-importanza rikonoxxuta mill-Kummissjoni Ewropea fir-rigward tal-eżistenza ta' ċentri ewlenin fit-territorju tal-UE fil-politika esterna tagħha dwar l-avjazzjoni (12). |
|
(28) |
L-awtoritajiet Netherlandiżi jqisu li netwerk Ewropew tar-rotot minn Schiphol li jaqdi d-destinazzjonijiet kontinentali u interkontinentali huwa essenzjali biex jinżamm u jiġi żviluppat dan iċ-ċentru b'saħħtu tal-UE. Huma jemmnu li l-funzjoni taċ-ċentru ta' Schiphol hija interess pubbliku essenzjali li għandu jinżamm u jissaħħaħ (13). Dan huwa importanti minħabba l-vulnerabilità taċ-ċentru għal tnaqqis fin-netwerk tar-rotot kontinentali u interkontinentali. |
|
(29) |
Skont l-awtoritajiet Netherlandiżi, din il-vulnerabilità hija dovuta b'mod aktar speċifiku għall-fatt li s-suq domestiku, f'termini ta' passiġġieri li jgħixu fin-Netherlands, għat-traffiku interkontinentali u ta' trasferiment huwa żgħir. It-tieni, hija meħtieġa infrastruttura speċjalizzata għat-trasportaturi li jwettqu traffiku interkontinentali u ta' trasferiment, li għalihom f'ċerti sitwazzjonijiet, bħal titjiriet ta' riskju, ma tkun teżisti l-ebda alternattiva raġonevoli oħra f'ajruport ieħor li jinsab fin-Netherlands. It-tielet, l-awtoritajiet Netherlandiżi jsostnu li jekk l-ajruport jitlef il-funzjoni ta' ċentru tiegħu, il-kapaċità tas-sits u l-frekwenzi jbatu għal snin sħaħ. |
|
(30) |
L-awtoritajiet Netherlandiżi jirreferu wkoll għall-pakkett komprensiv ta' miżuri li ġie adottat biex jiġi implimentat l-hekk imsejjaħ “approċċ ibbilanċjat” stabbilit mir-Regolament (UE) Nru 598/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14). L-awtoritajiet Netherlandiżi jispjegaw li dawk il-miżuri huma riflessi fil-“Ftehim ta' Alders” tal-2008, imsemmi hawn fuq, u ġew ikkonfermati mill-ġdid fil-White Paper dwar l-Avjazzjoni Netherlandiża (2009), fl-Aġenda ta' Azzjoni ta' Schiphol (2016) u fil-Ftehim ta' Koalizzjoni (2017). |
|
(31) |
Kif imsemmi hawn fuq, il-limitu ta' 500 000 moviment ta' inġenji tal-ajru f'Schiphol diġà ntlaħaq fl-2018. Barra minn hekk, skont l-awtorità Netherlandiża, il-kapaċità disponibbli fl-Ajruport ta' Eindhoven ġiet assorbita malajr minn traffiku addizzjonali li ma ġiex ittrasferit mill-Ajruport ta' Schiphol. Ma kienx hemm biżżejjed inċentivi għat-trasportaturi tal-ajru li ċċaqilqu lejn Eindhoven biex jagħtu lura fuq inizjattiva tagħhom stess is-slots ta' Schiphol lill-koordinatur tas-slots. |
|
(32) |
F'dan l-isfond, l-awtoritajiet Netherlandiżi jqisu li l-pakkett ta' miżuri jeħtieġ li jiġi żviluppat u implimentat ulterjorment. Din l-implimentazzjoni hija strutturata madwar għadd ta' elementi, jiġifieri: (a) il-viżjoni fit-tul tat-trasport bl-ajru; (b) miżura ta' sikurezza; (c) miżuri tal-ispazju tal-ajru; (d) miżuri operazzjonali; (e) miżuri għat-tnaqqis ta' inkonvenjenzi; (f) miżuri ta' sostenibbiltà u (g) miżuri ta' selettività. |
|
(33) |
It-TDR jagħmlu parti minn pjan usa' ta' żvilupp tal-Ajruport ta' Lelystad b'kapaċità massima ta' 45 000 moviment ta' inġenji tal-ajru fis-sena. Din il-kapaċità se tintlaħaq f'żewġ stadji: l-ewwel stadju se jkun ta' 25 000 moviment fis-sena, li għandu jintlaħaq madwar l-2033. Fil-ftuħ tal-Ajruport ta' Lelystad fl-2020, l-ajruport se jakkomoda massimu annwali ta' 4 000 qtugħ mill-art u nżul l-art. Dan l-għadd huwa mistenni li jiżdied għal massimu ta' 7 000 fl-2021 u għal 10 000 fl-2022. It-tieni stadju se jippermetti li jintlaħaq tkabbir sa 45 000 moviment annwali sal-2043. |
2.3. L-osservazzjonijiet tal-awtoritajiet Netherlandiżi dwar il-kompatibbiltà tal-abbozz tat-TDR mal-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 u mar-Regolament dwar is-Slots
|
(34) |
L-awtoritajiet Netherlandiżi jqisu li r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 ġew issodisfati. |
|
(35) |
L-awtoritajiet Netherlandiżi wettqu konsultazzjoni bbażata fuq l-Internet dwar l-abbozz tat-TDR bejn is-16 ta' Jannar u s-6 ta' Frar 2019. Il-memorandum ta' spjegazzjoni u l-istudji rilevanti ġew ippubblikati wkoll għall-benefiċċju tal-partijiet ikkonċernati. It-tħassib ewlieni dwar l-abbozz tat-TDR li rriżulta mill-konsultazzjoni kien: (a) il-proporzjonalità tiegħu fir-rigward tal-kapaċità limitata fl-ajruport ta' Lelystad li tillimita l-opportunitajiet kummerċjali tat-trasportaturi tal-ajru, (b) l-impatt diskriminatorju possibbli tiegħu fuq it-tip ta' traffiku u l-identità tat-trasportaturi tal-ajru, u (c) id-distribuzzjoni tal-forzi tas-suq. |
|
(36) |
L-awtoritajiet Netherlandiżi jenfasizzaw li, wara l-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, huma rrevedew l-abbozz tat-TDR f'għadd ta' oqsma: (a) l-introduzzjoni ta' “dispożizzjoni kontra l-użu ħażin”, biex jiġi żgurat li jintlaħaq l-objettiv li tiżdied il-konnettività internazzjonali; (b) it-trattament speċifiku tat-“titjiriet ta' riskju”, jiġifieri titjiriet minn ċerti destinazzjonijiet li jirrikjedu kontroll doganali sħiħ mal-wasla fin-Netherlands u li konsegwentement għandhom jiġu akkomodati fl-Ajruport ta' Schiphol; u (c) kjarifiki rigward l-informazzjoni meħtieġa biex jiġi ssostanzjat is-sehem tat-trasferiment ta' destinazzjoni ġdida. |
|
(37) |
Fir-rigward tal-aċċessibbiltà u l-infrastruttura, l-awtoritajiet Netherlandiżi jqisu li ż-żewġ ajruporti jaqdu lil Amsterdam u l-konurbazzjoni ta' Randstad, u li d-distanza bejn iż-żewġ ajruporti hija ta' 57 km bl-awtostrada A6 u tista' tiġi koperta f'90 minuta. Iż-żewġ ajruporti huma kollegati wkoll bit-trasport pubbliku. Il-ħin tal-vjaġġ bil-ferrovija bejn l-Istazzjon Ċentrali ta' Lelystad u l-Istazzjon Ċentrali ta' Amsterdam huwa ta' 38 minuta, u dak bejn l-Istazzjon Ċentrali ta' Lelystad u Schiphol huwa ta' 42 minuta. Il-vjaġġ mill-Istazzjon Ċentrali ta' Lelystad lejn l-Ajruport ta' Lelystad jieħu 15-il minuta bix-xarabank. Ladarba jinfetaħ l-Ajruport ta' Lelystad, se jiġi introdott servizz ta' shuttle bus bejn l-Istazzjon Ċentrali ta' Lelystad u l-Ajruport ta' Lelystad li jieħu 10 minuti. Skont l-iskedi tat-titjiriet tal-ajruport, ix-shuttle bus se titlaq kull 30 minuta. Barra minn hekk, kien diġà ġie deċiż li l-awtostrada A6 lejn l-Ajruport ta' Lelystad titwessa' minn żewġ korsiji għal tliet korsiji u li mill-2021 jinbena ħruġ mill-ajruport. |
|
(38) |
L-awtoritajiet Netherlandiżi jindikaw li l-Ajruport ta' Lelystad joffri s-servizzi meħtieġa u huwa adattat għall-ġestjoni tat-traffiku tal-KAT C tal-ICAO/EASA (15). Barra minn hekk, huma disponibbli erba' pożizzjonijiet ta' parkeġġ. Il-kontroll tat-traffiku tal-ajru se jkun żgurat permezz ta' LVNL. L-ajruport se jipprovdi servizzi fuq l-art u servizzi ta' mmaniġġjar tal-passiġġieri. L-ajruport mhux se jkun miftuħ għal titjiriet ta' billejl, u l-ebda faċilità ma ġiet maħsuba għal operazzjonijiet ta' titjiriet ta' merkanzija u għal titjiriet interkontinentali b'inġenji kbar tal-ajru. |
|
(39) |
L-awtoritajiet Netherlandiżi jqisu li l-abbozz tat-TDR ma jippreġudikax b'mod inġust l-opportunitajiet kummerċjali, billi, b'mod partikolari, it-trasportaturi tal-ajru m'għandhom l-ebda obbligu li jirrilokaw l-operat tagħhom minn Schiphol lejn Lelystad. Barra minn hekk, id-destinazzjonijiet kollha jistgħu jinqdew mill-Ajruport ta' Lelystad, u l-iskeda ta' bejn is-6:00 u l-23:00 (ħin lokali) tippermetti l-flessibbiltà biex jintuża l-perjodu kollu. |
|
(40) |
Skont l-awtoritajiet Netherlandiżi, l-abbozz tat-TDR jipprevedi l-possibbiltà li t-trasportaturi tal-ajru jiżviluppaw rotot ġodda. Meta trasportatur tal-ajru jkun jista' jissostanzja li se jopera lejn destinazzjoni ġdida mill-Ajruport ta' Schiphol b'titjiriet li jkollhom sehem ta' mill-inqas 10 % ta' passiġġieri fi tranżitu, tali destinazzjoni se titqies bħala parti mil-lista ta' destinazzjonijiet ta' trasferiment. |
|
(41) |
L-awtoritajiet Netherlandiżi jissottomettu l-istudju li sar mill-konsulent, SEO Amsterdam Economics. L-istudju huwa maħsub biex jgħin lill-awtoritajiet Netherlandiżi jistabbilixxu l-aktar limitu xieraq għad-definizzjoni ta' titjira bħala titjira ta' trasferiment, sabiex jinkiseb bilanċ bejn l-objettiv li jitnaqqas l-impatt fuq is-suq u tittejjeb l-effikaċja tar-regola. L-analiżi tinkludi l-għadd totali ta' destinazzjonijiet u l-movimenti ta' inġenji tal-ajru, il-movimenti u r-rotot tal-inġenji tal-ajru affettwati fir-rigward ta' kull linja tal-ajru li bħalissa qed topera mill-ajruport ta' Schiphol. L-istudju jeżamina l-effetti ta' limiti differenti fuq l-ilħuq tal-objettiv tal-miżura u l-possibbiltà li d-diversi trasportaturi tal-ajru jagħmlu użu minnha bil-għan li jiksbu prijorità fl-Ajruport ta' Lelystad. |
|
(42) |
Fir-rigward ta' parteċipanti ġodda, il-kriterji tar-Regolament dwar is-Slots se japplikaw mill-ftuħ tal-Ajruport ta' Lelystad għat-traffiku kummerċjali, bil-fehim li l-Ajruport ta' Lelystad se jkun ajruport ikkoordinat minn dak il-mument. Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta' dawk il-kriterji, l-abbozz tat-TDR jistabbilixxi prijorità fl-allokazzjoni tas-slots fl-Ajruport ta' Lelystad għat-trasportaturi li jkunu għamlu użu mill-Artikolu 2(2) tad-Digriet. |
|
(43) |
L-abbozz tat-TDR ma jinvolvi l-ebda diskriminazzjoni diretta jew indiretta bejn it-trasportaturi tal-ajru għal raġunijiet ta' nazzjonalità u identità jew bejn id-destinazzjonijiet. L-abbozz tat-TDR huwa bbażat fuq kriterji oġġettivi u t-trasportaturi kollha tal-ajru li joperaw lejn destinazzjoni speċifika huma ttrattati b'mod ugwali, mingħajr diskriminazzjoni. L-abbozz tat-TDR ma jobbligax lit-trasportaturi tal-ajru jittrasferixxu t-titjiriet mill-ajruport ta' Schiphol lejn l-ajruport ta' Lelystad. |
|
(44) |
L-awtoritajiet Netherlandiżi jindikaw li d-differenza bejn id-destinazzjonijiet ma timplikax per se xi diskriminazzjoni. Id-differenza tista' tiġi ġġustifikata b'mod oġġettiv, abbażi tal-għanijiet leġittimi tal-kwalità tan-netwerk u l-promozzjoni tal-funzjonijiet ta' ċentru ta' Schiphol. |
|
(45) |
L-awtoritajiet Netherlandiżi jqisu li l-abbozz tat-TDR huwa proporzjonat. L-Ajruport ta' Lelystad se jkun ajruport ikkoordinat mill-ftuħ tiegħu għall-operazzjonijiet kummerċjali u l-prijorità stabbilita fit-TDR se tiġi applikata wara l-applikazzjoni tal-kriterji ta' prijorità tar-Regolament dwar is-Slots. Ladarba l-ajruport ta' Lelystad ikun laħaq livell ta' 10 000 moviment ta' titjiriet fis-sena, se ssir evalwazzjoni tat-TDR sabiex jiġu vvalutati l-impatti tagħhom. Ir-regola ta' prijorità tiġi estiża għal segment ulterjuri ta'15 000 moviment ta' titjiriet (u għalhekk għal total ta' 25 000 moviment ta' titjiriet fis-sena) biss jekk tali estensjoni tiġi approvata mill-Kummissjoni. |
|
(46) |
L-awtoritajiet Netherlandiżi jqisu li r-regoli nnotifikati fihom salvagwardji li jiżguraw li t-TDR jilħqu l-għanijiet tagħhom fil-ġejjieni. |
|
(47) |
Skont l-awtoritajiet Netherlandiżi, il-miżura ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq l-objettiv stabbilit, peress li r-regola tapplika biss għall-kapaċità ta' Schiphol li tinkiseb permezz ta' din il-miżura, u mhux għal kwalunkwe kapaċità oħra disponibbli għall-ewwel darba/reċentement fl-Ajruport ta' Schiphol. |
|
(48) |
Skont l-awtoritajiet Netherlandiżi, it-trasparenza tal-abbozz tat-TDR hija żgurata mill-forma ġuridika li tintgħażel, jiġifieri Ordni Ministerjali u Ordni tal-Ministru għall-Infrastruttura u l-Ilma. |
|
(49) |
Fl-aħħar nett, l-awtoritajiet Netherlandiżi jikkonkludu li l-abbozz tat-TDR mhuwiex inkompatibbli mar-Regolamenti (KEE) Nru 95/93 u (KE) Nru 1008/2008. Ir-Regolament dwar is-Slots se jiġi rrispettat bis-sħiħ. Il-fatt li TDR jistgħu jintervjenu fil-mod ta' kif jintużaw is-slots jidher mid-deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni. |
3. L-OSSERVAZZJONIJIET PPREŻENTATI LILL-KUMMISSJONI MILL-PARTIJIET INTERESSATI
|
(50) |
Bi tweġiba għall-pubblikazzjoni ta' sommarju tal-emendi maħsuba f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni rċeviet kummenti minn 10 ċittadini u 5 trasportaturi tal-ajru u ajruport wieħed bħala partijiet interessati, li l-parti l-kbira tagħhom xtaqu jibqgħu anonimi. |
|
(51) |
Il-biċċa l-kbira tal-partijiet interessati sostnew li l-miżura hija diskriminatorja: l-abbozz tat-TDR huwa bbażat fuq distinzjoni fundamentali bejn “titjiriet ta' trasferiment” u “titjiriet minn punt għal ieħor”. Il-limitu ta' 10 % ta' passiġġieri fi tranżitu mhuwiex ibbażat fuq kriterji oġġettivi, u jqis biss l-informazzjoni dwar il-passiġġieri fi tranżitu pprovduta mill-ajruport. Il-partijiet interessati qajmu d-diffikultà li tiġi pprovduta data biex tiġġustifika l-perċentwal ta' passiġġieri fi tranżitu u n-nuqqas ta' kriterji pprovduti mill-awtoritajiet Netherlandiżi dwar kif għandhom juru dak il-perċentwal, li jagħmel il-miżura inapplikabbli. |
|
(52) |
Barra minn hekk, il-partijiet interessati jsostnu li l-abbozz tat-TDR għandu effetti diskriminatorji fir-rigward tat-trasportaturi tal-ajru, billi huma biss il-Grupp KLM (16), l-alleanza tagħha tal-Linja tal-Ajru SkyTeam (17) u s-sħab tal-codeshare li se jibbenefikaw mill-abbozz tat-TDR minħabba d-distinzjoni bejn id-destinazzjonijiet. Id-definizzjoni ta' “titjira ta' trasferiment” tikkorrispondi għal kważi 86 % tad-destinazzjonijiet tal-Grupp KLM. Bl-iffissar ta' dawn ir-regoli, ċerti mudelli ta' negozju, bħall-mudell bi prezz baxx u tal-btajjel, huma limitati fil-possibbiltajiet tagħhom biex ikabbru n-negozju. Għalhekk, il-partijiet interessati jqisu li l-abbozz tat-TDR mhuwiex oġġettiv u proporzjonat, u jmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq objettiv potenzjalment leġittimu. |
|
(53) |
Il-partijiet interessati jsostnu wkoll li l-abbozz tat-TDR għandu effetti diskriminatorji b'rabta mad-destinazzjonijiet, billi huwa de facto ta' benefiċċju għad-destinazzjonijiet tal-grupp KLM, li se jkunu jistgħu jiżdiedu mill-Ajruport ta' Schiphol u mill-Ajruport ta' Lelystad. Madankollu, billi kważi 86 % (18) tad-destinazzjonijiet tal-Grupp KLM huma nnominati bħala “titjiriet ta' trasferiment”, dawn se jkunu jistgħu jkomplu jiżdiedu f'dawn ir-rotot, u jiftħu rotot ġodda. Barra minn hekk, l-abbozz tat-TDR jirriżulta fil-prattika f'sitwazzjoni fejn it-trasportaturi tal-ajru se jkunu jeħtieġu jikkompetu mal-Grupp KLM/Sky Team f'dawk id-destinazzjonijiet fejn il-pożizzjoni tal-Grupp KLM/SkyTeam hija l-aktar b'saħħitha minħabba t-traffiku li jwassal lill-passiġġieri fl-Ajruport ta' Schiphol. |
|
(54) |
Il-partijiet interessati jqisu wkoll li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 ma ġewx issodisfati. L-ajruporti rregolati mill-abbozz tat-TDR ma jaqdux l-istess konurbazzjoni, peress li skont il-partijiet interessati: “(i) hemm żoni agrikoli u naturali kbar u miftuħa (Natura 2000) bejn Amsterdam u Lelystad, u għalhekk, mhijiex żona mibnija kontinwament; (ii) b'madwar 80 000 abitant, Lelystad hija kbira wisq biex tifforma parti minn agglomerazzjoni”. Fil-livell amministrattiv, iż-żewġt ibliet huma koperti biss mill-istess gvern fil-livell nazzjonali. |
|
(55) |
Barra minn hekk, qed jiġi sostnut li l-Ajruport ta' Lelystad bħalissa ma jissodisfax ir-rekwiżiti b'rabta ma' infrastruttura tat-trasport adegwata u ta' servizzi tat-trasport pubbliku, speċifikament f'ċerti perjodi ta' żmien tal-jum (is-6:00 ta' filgħodu u l-11:00 ta' filgħaxija) fejn ma teżisti l-ebda konnessjoni tat-trasport pubbliku suffiċjenti. Barra minn hekk, fl-aktar sigħat intensivi, it-trasferiment bejn iż-żewġ ajruporti jirrikjedi aktar minn 90 minuta. Il-limitazzjoni tal-għadd ta' movimenti fl-Ajruport ta' Lelystad (4 000 fl-2020) u l-fatt li l-ajruport mhuwiex miftuħ għat-trasportaturi tal-ajru speċjalizzati fit-traffiku minn punt għal ieħor li attwalment m'għandhomx slots fl-Ajruport ta' Schiphol, tippreġudika l-opportunitajiet kummerċjali tagħhom. |
|
(56) |
Xi partijiet interessati jsostnu li l-abbozz tat-TDR imur kontra r-Regolament dwar is-Slots minħabba li dan ir-regolament jippermetti biss li jingħataw prijoritajiet fl-allokazzjoni tas-slots permezz ta' regoli lokali, u li t-TDR ma jistgħux joħolqu prijoritajiet. Barra minn hekk, ir-Regolament dwar is-Slots ma jippermettix li s-slots ikunu marbuta mad-destinazzjonijiet. |
|
(57) |
Il-parti l-kbira tal-partijiet interessati jirreferu għall-impatt tal-istorbju li se jkollu l-iżvilupp ulterjuri tal-Ajruport ta' Lelystad, minħabba li l-ispazju tal-ajru tan-Netherlands huwa mimli u minħabba l-ħtieġa li jiġi evitat li t-traffiku tal-ajru minn ajruport wieħed jinterferixxi mat-traffiku mill-ieħor. Il-partijiet interessati jattribwixxu din is-sitwazzjoni għad-dewmien li ħadu l-awtoritajiet Netherlandiżi sabiex jikklassifikaw mill-ġdid l-ispazju tal-ajru. Għalhekk, hemm restrizzjoni fuq it-titjiriet lejn l-Ajruport ta' Lelystad li għandhom jittajru fil-baxx, u b'konsegwenza ta' dan iżidu l-livelli tal-istorbju. Barra minn hekk, qed tiġi ddubitata l-importanza ekonomika tal-funzjoni ta' ċentru tal-Ajruport ta' Schiphol, b'referenza għar-rapport tal-Kunsilli Ambjentali u tal-Infrastruttura. |
|
(58) |
Barra minn hekk, il-partijiet interessati jirreferu għall-impatt li jħallu inġenji tal-ajru kbar fuq siti protetti (speċijiet selvaġġi, b'mod partikolari l-għasafar), u r-responsabbiltà tal-awtoritajiet Netherlandiżi li jevitaw miżuri li jiddeterjoraw il-kundizzjonijiet f'ħabitats naturali. |
|
(59) |
Ħafna mill-partijiet interessati jqisu li l-abbozz tat-TDR għandu impatt sinifikanti fil-qasam tas-sostenibbiltà ambjentali. Abbażi ta' Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali (VIA) li saret fl-2014, l-awtoritajiet Netherlandiżi taw permess għall-bini u mbagħad għall-operat tal-Ajruport ta' Lelystad. Madankollu, ċerta data meħtieġa biex jiġu kkalkolati l-impatti possibbli kienet żbaljata (bħat-tip ta' inġenju tal-ajru u l-livelli assoċjati tal-istorbju). |
|
(60) |
Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda kumment mingħand il-partijiet interessati fejn juru l-appoġġ tagħhom għall-abbozz tat-TDR. |
4. IT-TERMINI TAL-ARTIKOLU 19 TAR-REGOLAMENT (KE) Nru 1008/2008
|
(61) |
L-Artikolu 19(1) tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 jistipula li l-eżerċitar tad-drittijiet tat-traffiku għandu jkun soġġett għar-regoli ppubblikati tal-Unjoni, nazzjonali, reġjonali u lokali relatati mas-sikurezza, is-sigurtà, il-protezzjoni tal-ambjent u l-allokazzjoni ta' slots. |
|
(62) |
L-Artikolu 19(2) jistipula li Stat Membru, wara konsultazzjoni mal-partijiet interessati u mingħajr diskriminazzjoni bejn id-destinazzjonijiet fl-Unjoni u għal raġunijiet tan-nazzjonalità jew tal-identità tat-trasportaturi tal-ajru, jista' jirregola d-distribuzzjoni tat-traffiku tal-ajru bejn l-ajruporti li jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:
|
|
(63) |
Id-distribuzzjoni tat-traffiku tal-ajru bejn l-ajruporti kkonċernati għandha tirrispetta l-prinċipji tal-proporzjonalità u tat-trasparenza, u għandha tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi. |
|
(64) |
L-Artikolu 19(3) tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 jistipula li Stat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Kummissjoni bil-ħsieb tiegħu li jirregola d-distribuzzjoni tat-traffiku tal-ajru jew li jibdel regola eżistenti dwar id-distribuzzjoni tat-traffiku. Dan jipprovdi wkoll li l-Kummissjoni għandha teżamina l-applikazzjoni tal-Artikolu (1) u (2) u, fi żmien sitt xhur minn meta tirċievi l-informazzjoni mill-Istat Membru, u wara li tkun ikkonsultat mal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 25 tar-Regolament għandha tiddeċiedi jekk l-Istat Membru jistax japplika l-miżuri. Skont l-istess dispożizzjoni, il-Kummissjoni għandha tippubblika d-deċiżjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-miżuri ma għandhomx jiġu applikati qabel il-pubblikazzjoni tal-approvazzjoni tal-Kummissjoni. |
5. IL-VALUTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
5.1. Rekwiżit proċedurali: konsultazzjoni mal-partijiet interessati
|
(65) |
Skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008, l-adozzjoni ta' deċiżjoni li tqassam it-traffiku tal-ajru bejn l-ajruporti tirrikjedi “konsultazzjoni mal-partijiet interessati” minn qabel. L-awtoritajiet Netherlandiżi ppubblikaw l-abbozz tat-TDR bil-possibbiltà li l-partijiet interessati, inklużi t-trasportaturi tal-ajru u l-ajruporti kkonċernati, jesprimu l-fehmiet tagħhom bejn is-16 ta' Jannar u s-6 ta' Frar 2019. L-emendi sussegwenti għall-abbozz tat-test, li jsiru bil-għan li jiġi nnotifikat lill-Kummissjoni, huma limitati sabiex jitqies ċertu tħassib li jitqajjem mill-partijiet ikkonċernati. |
|
(66) |
Minn dan jirriżulta li l-Awtoritajiet Netherlandiżi ssodisfaw ir-rekwiżit ta' konsultazzjoni minn qabel mal-partijiet interessati. |
5.2. Rekwiżiti sostantivi
5.2.1. L-eliġibbiltà tal-Ajruporti ta' Schiphol u Lelystad għad-distribuzzjoni tat-traffiku skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008
|
(67) |
Fl-ewwel subparagrafu tiegħu, l-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 jistabbilixxi għadd ta' rekwiżiti sabiex sett ta' ajruporti jkunu eliġibbli għad-distribuzzjoni tat-traffiku. |
|
(68) |
Fir-rigward tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 19(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008, l-awtoritajiet Netherlandiżi jiddikjaraw li l-ajruporti jaqdu lill-konurbazzjoni ta' Randstad. Skont l-Artikolu 2(22) ta' dak ir-Regolament, “konurbazzjoni” tfisser żona urbana li tinkludi għadd ta' bliet jew irħula li, permezz tat-tkabbir tal-popolazzjoni u l-espansjoni, ingħaqdu fiżikament sabiex jiffurmaw żona waħda mibnija kontinwament. Il-konurbazzjoni ta' Randstat tinsab fil-Punent ċentrali tan-Netherlands u tikkonsisti primarjament mill-erba' l-akbar bliet Netherlandiżi (Amsterdam, Rotterdam, The Hague u Utrecht) u l-inħawi ta' madwarhom. Din tikkostitwixxi konurbazzjoni fis-sens tad-definizzjoni msemmija hawn fuq u hija moqdija miż-żewġ ajruporti. Il-fatt li ċerti żoni agrikoli jinsabu bejn iż-żona mibnija u l-ajruport ta' Lelystad huwa irrilevanti għall-finijiet tar-rekwiżit stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 19(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008. |
|
(69) |
Fir-rigward tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 19(2)(b) tar-Regolament, il-Kummissjoni tinnota li l-ajruporti jkunu moqdija minn infrastrutturi adegwati tat-trasport li jipprovdu, sa fejn ikun possibbli, konnessjoni diretta li tagħmilha possibbli li wieħed jasal l-ajruport fi żmien 90 minuta inkluż, fejn ikun meħtieġ, fuq bażi transkonfinali. Kemm l-Ajruport ta' Schiphol kif ukoll l-Ajruport ta' Lelystad jistgħu jintlaħqu bit-triq mill-erba' bliet kollha tal-konurbazzjoni kważi kompletament permezz tal-awtostradi. Skont l-awtoritajiet Netherlandiżi, il-ħin tal-ivvjaġġar jibqa' fi żmien 90 minuta mill-erba' bliet kollha tal-konurbazzjoni. Minħabba d-daqs tal-konurbazzjoni, l-aċċess għal ajruport wieħed pjuttost milli l-ieħor jista' jkun aktar faċli, skont il-post inizjali tal-vjaġġatur. Madankollu, dan il-fatt ma jeskludix il-konformità mal-Artikolu 19(2)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008. Barra minn hekk, filwaqt li f'kundizzjonijiet partikolari tat-traffiku jista' ma jkunx possibbli li jintlaħaq ajruport wieħed jew l-ieħor fi żmien 90 minuta, l-inċertezzi ta' dan it-tip huma inevitabbli f'dan il-kuntest u ma jipprevjenux li jiġi ssodisfat wieħed mir-rekwiżiti ta' dik id-dispożizzjoni, jiġifieri li tali konnessjoni tiġi pprovduta “sa fejn ikun possibbli” (19). |
|
(70) |
Bl-istess mod, l-ajruport ta' Schiphol huwa moqdi b'konnessjoni ferrovjarja, kif inhu l-istazzjon ta' Lelystad, li minnu se tiġi stabbilita shuttle bus lejn l-Ajruport ta' Lelystad fi żmien xieraq (ara l-premessa sussegwenti ta' din id-Deċiżjoni). Pereżempju, l-awtoritajiet Netherlandiżi jżidu li l-ħin tal-ivvjaġġar bil-ferrovija bejn l-Istazzjon Ċentrali ta' Lelystad, minn naħa waħda, u l-Istazzjon Ċentrali ta' Amsterdam u l-Ajruport ta' Schiphol min-naħa l-oħra huwa ta' 42 u 38 minuta rispettivament, filwaqt li l-vjaġġ bix-xarabank bejn l-Istazzjon Ċentrali ta' Lelystad u l-Ajruport ta' Lelystand se jieħu 10 minuti. |
|
(71) |
Bħala konklużjoni jista' jitqies li r-rekwiżiti tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 19(2)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 ġew issodisfati. |
|
(72) |
L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 19(2)(c) tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 jirrikjedi li l-ajruporti kkonċernati jkunu kollegati ma' xulxin u ma' Amsterdam u l-konurbazzjoni tagħha permezz ta' trasport pubbliku frekwenti, affidabbli u effiċjenti. Il-konnessjonijiet ferrovjarji eżistenti jippermettu lill-passiġġieri jilħqu l-ajruport ta' Schiphol u l-Istazzjon Ċentrali ta' Lelystad permezz ta' servizzi ferrovjarji frekwenti u affidabbli. Għalhekk, fir-rigward tal-Ajruport ta' Lelystad, l-issodisfar tar-rekwiżit imsemmi hawn fuq jiddependi biss fuq l-istabbiliment ta' servizz xieraq tax-xarabank bejn l-Istazzjon Ċentrali ta' Lelystad u l-Ajruport ta' Lelystad. Skont l-awtoritajiet Netherlandiżi, dan is-servizz se jkun ġie stabbilit fil-ħin tal-ftuħ tal-Ajruport ta' Lelystad għal operazzjonijiet kummerċjali, fejn ix-xarabanks se joperaw lejn l-ajruport b'intervalli ta' tletin minuta. Għalhekk, ir-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 19(2)(c) għandu jitqies bħala ssodisfat. |
|
(73) |
Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 19(2)(d) tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008, l-ajruporti jipprovdu s-servizzi meħtieġa lit-trasportaturi tal-ajru. B'mod partikolari, l-ajruport ta' Lelystad huwa adattat għall-ġestjoni tat-traffiku tal-KAT C tal-ICAO/EASA inklużi inġenji tal-ajru bħall-Boeing 737 u l-Airbus A320/321. Dan se jkun miftuħ għat-traffiku bejn is-6:00 u l-23:00. L-ajruport se jipprevedi servizzi fuq l-art u servizzi ta' mmaniġġjar tal-passiġġieri, kif isir normalment għal dan it-tip ta' ajruport. |
|
(74) |
Bl-istess mod, l-abbozz tat-TDR ma jippreġudikax b'mod inġust l-opportunitajiet kummerċjali tat-trasportaturi tal-ajru, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 19(2)(d) tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008. Minbarra l-fatti msemmija fil-premessa (73) ta' hawn fuq, il-Kummissjoni tinnota li kwalunkwe trasferiment lejn l-Ajruport ta' Lelystad isir fuq bażi volontarja, peress li l-abbozz tat-TDR ma jipprevedix obbligu għal dan l-effett. Is-slots irrinunzjati fl-Ajruport ta' Schiphol jistgħu jibqgħu jintużaw mill-istess trasportatur tal-ajru jew grupp ta' trasportaturi tal-ajru għal titjira lejn destinazzjoni ta' trasferiment minn dak l-ajruport, jew tabilħaqq minn trasportatur ieħor jekk jiġu rritornati lejn il-pool tas-slots. Il-fatt li l-Ajruport ta' Lelystad huwa riżervat bi prijorità għat-traffiku speċifiku ttrasferit mill-ajruport ta' Schiphol ma jistax jitqies bħala li jippreġudika b'mod inġust l-opportunitajiet kummerċjali tat-trasportaturi tal-ajru li jkun beħsiebhom jużaw l-ajruport ta' Lelystad mingħajr tali trasferiment. Din ir-restrizzjoni tinsab fin-natura ta' dan l-abbozz tat-TDR, bil-ħsieb li ttaffi r-restrizzjonijiet fuq il-kapaċità fl-ajruport ta' Schiphol permezz tat-trasferiment volontarju tat-traffiku lejn l-ajruport ta' Lelystad (20). Il-kwistjoni dwar jekk din is-sitwazzjoni hijiex kompatibbli, b'mod partikolari, mal-prinċipju tal-proporzjonalità hija vvalutata aktar 'l isfel [ara Taqsima 5.2.2 ta' din id-deċiżjoni]. |
5.2.2. Proporzjonalità, trasparenza, kriterji oġġettivi u nondiskriminazzjoni
5.2.2.1.
|
(75) |
Ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008, li għandhom x'jaqsmu mal-proporzjonalità, it-trasparenza, il-karattru oġġettiv tal-kriterji applikati kif ukoll man-nondiskriminazzjoni, jimplikaw li t-traffiku jista' jitqassam biss bejn l-ajruporti abbażi ta' għanijiet leġittimi, madankollu mingħajr ma tiġi llimitata l-għażla tal-Istati Membri fir-rigward ta' kwalunkwe għan aktar speċifiku. |
|
(76) |
Minħabba t-termini tal-Artikolu 7 tal-abbozz tad-Digriet, din id-deċiżjoni hija limitata għad-distribuzzjoni tat-traffiku fil-limiti ta' 10 000 slot ta' prijorità fl-ajruport ta' Lelystad skont l-Artikolu 2(2) u (3) tal-abbozz tad-Digriet. |
|
(77) |
L-objettiv invokat mill-awtoritajiet Netherlandiżi b'appoġġ għall-abbozz ta' miżura tagħhom jikkonsisti fit-titjib tar-rwol tal-Ajruport ta' Schiphol bħala wieħed miċ-ċentri ewlenin fl-Unjoni, f'ċirkostanzi li fihom dak l-ajruport ikun laħaq il-limitu tal-kapaċità ta' 500 000 moviment ta' titjiriet fis-sena, stabbilit permezz tal-ftehim ta' Alders [ara l-premessa 24 ta' hawn fuq]. Dan huwa wieħed minn dawk l-objettivi li jistgħu jiġu segwiti b'mod leġittimu skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008. F'deċiżjonijiet preċedenti bbażati fuq l-Artikolu 8(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2408/92 (21), jiġifieri Id-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 95/259/KE (22), 98/710/KE (23) u 2001/163/KE (24) kif ukoll fil-Komunikazzjoni tagħha “Il-Politika Esterna tal-UE dwar l-Avjazzjoni - Nindirizzaw l-Isfidi tal-Futur”, (25) il-Kummissjoni rrikonoxxiet il-leġittimità ta' politika attiva dwar l-ippjanar tal-ajruporti, dment li tkun tikkonforma mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Tali politika dwar l-ippjanar tista' tqis firxa kbira ta' fatturi li jitqiesu mill-awtoritajiet kompetenti bħala li jkollhom prijorità. Il-miżuri konkreti li għandhom jittieħdu għall-implimentazzjoni tal-politika dwar l-ippjanar tal-ajruporti jistgħu jvarjaw ukoll bejn ajruporti differenti. Stat Membru jista' b'mod leġittimu jkun jixtieq li jippromwovi l-iżvilupp ta' ajruport wieħed fit-territorju tiegħu għad-detriment tal-ajruporti l-oħra li jinsabu fih. F'tali każ, l-impożizzjoni ta' restrizzjonijiet fuq l-aċċess għal dawk l-ajruporti l-oħra waħedha tista' tikkostitwixxi mezz raġonevoli biex jiġi segwit dak l-objettiv. Madankollu, il-prinċipji tal-proporzjonalità, tat-trasparenza u tan-nondiskriminazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 jeħtieġ li jiġu rrispettati fir-rigward tar-regoli preċiżi maħsuba biex ikomplu jiżviluppaw tali objettiv leġittimu. |
5.2.2.2.
|
(78) |
Ir-regoli li tressqu mill-awtoritajiet Netherlandiżi huma maħsuba biex joħolqu l-possibbiltajiet għas-sostituzzjoni ta' ċerti titjiriet fl-ajruport ta' Schiphol permezz ta' titjiriet oħra, li jkunu adattati aħjar biex itejbu Schiphol bħala ajruport ċentrali. Għal dan il-għan, dawn jiddistingwu bejn “titjiriet ta' trasferiment” u “titjiriet minn punt għal ieħor”. Skont l-abbozz tat-TDR, destinazzjoni tiġi elenkata bħala “titjira ta' trasferiment” jekk, bħala medja, mill-inqas 10 % tal-passiġġieri li jtiru mill-Ajruport ta' Schiphol lejn dik id-destinazzjoni jkunu niżlu qabel fl-Ajruport ta' Schiphol, matul il-perjodi ta' referenza msemmija ta' ħames snin, bil-kundizzjoni li jkunu ġew operati iktar minn għaxar titjiriet fis-sena fit-tliet snin qabel il-pubblikazzjoni tal-klassifikazzjoni. |
|
(79) |
Min-naħa l-oħra, “titjiriet minn punt għal ieħor” huma kkaratterizzati minn perċentwal medju ta' trasferiment tat-titjiriet kollha mill-Ajruport ta' Schiphol lejn id-destinazzjoni li jitqies bħala inqas minn 10 % matul il-perjodu msemmi ta' ħames snin kalendarji, bil-kundizzjoni li jkunu ġew operati iktar minn għaxar titjiriet fis-sena fit-tliet snin qabel il-pubblikazzjoni tal-klassifikazzjoni. |
|
(80) |
L-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 ma jeskludix il-ħolqien ta' tali limiti għad-distribuzzjoni tat-traffiku bejn l-ajruporti. Il-livell ta' limitu li jintgħażel biex jiġi ddeterminat jekk destinazzjoni tinvolvix għadd kritiku ta' passiġġieri fi tranżitu fl-ajruport, jista' fil-prinċipju jkun kapaċi jidderieġi t-traffiku rilevanti lejn l-ajruport rispettiv u mhux neċessarjament imur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ għal dak il-għan. |
|
(81) |
Madankollu, sabiex jiġi żgurat li tali limiti jwasslu għal riżultati proporzjonati, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008, jeħtieġ li jkunu bbażati fuq valutazzjoni oġġettiva dwar jekk jistgħux jilħqu l-għan inkwistjoni u kif għandhom jagħmlu dan, jiġifieri f'dan il-każ li l-Ajruport ta' Schiphol jiġi ppreservat u żviluppat bħala ċentru. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom grad ta' diskrezzjoni. Minħabba li limiti differenti jistgħu jwasslu għal effetti differenti, l-Istat Membru kkonċernat għandu jeżamina bir-reqqa dawn l-effetti qabel ma jadotta limitu partikolari. |
|
(82) |
L-istudju li sar minn SEO Amsterdam Economics (26) jikkonkludi li “limiti baxxi ta' trasferiment iwasslu għal distorsjoni limitata fis-suq, filwaqt li limiti akbar iwasslu għal eżitu aktar selettiv kif ukoll aktar effettiv”. L-istudju jadotta limitu ta' 10 % bħala punt tat-tluq u jqabbel l-effetti ta' limiti alternattivi. F'każ li t-TDR jirreferu għal dan il-limitu, it-titjiriet tal-KLM ikunu jikkostitwixxu titjiriet minn punt għal ieħor sa punt sostanzjali, jiġifieri sa kważi […] movimenti tal-inġenji tal-ajru ([…] rotot) fis-sena. Limitu baxx ħafna (4 % jew inqas) ma jirriżultax f'differenza kbira għall-KLM […], filwaqt li speċjalment it-trasportaturi tat-turisti jkunu affettwati b'mod sostanzjali. Meta mqabbla ma' limitu ta' 10 % dawn jitilfu l-opportunitajiet li jiksbu prijorità fl-ajruport ta' Lelystad bil-għan li t-traffiku jitmexxa hemmhekk. B'limitu ta' 8 % jew inqas, il-KLM ikun affettwat biss moderatament meta mqabbel max-xenarju ta' 10 %, […]. F'każ li l-limitu jiġi stabbilit għal 15 %, il-KLM jaqa' taħt it-TDR b'mod ferm akbar (aktar minn […] moviment addizzjonali tal-inġenji tal-ajru), jiġifieri f'termini assoluti lil hinn mil-linji tal-ajru kollha li l-bażi tagħhom hija l-Ajruport ta' Schiphol. B'limitu ta' 15 %, madwar […] % tat-titjiriet ta' Transvia mill-Ajruport ta' Schiphol jikkwalifikaw bħala titjiriet ta' trasferiment, filwaqt li b'limitu baxx ħafna, jiġifieri 2 %, ikunu jikkwalifikaw aktar minn […] % tat-titjiriet ta' Transavia mill-ajruport ta' Schiphol, li jimplika li l-linja tal-ajru taqdi għadd relattivament kbir ta' destinazzjonijiet bi ftit destinazzjonijiet biss jagħtu lok għal titjiriet ta' trasferiment. Fir-rigward ta' kompetituri oħra, l-istudju juri li kważi […] % tat-traffiku ġġenerat mill-Easyjet fl-Ajruport ta' Schiphol jilħaq il-limitu ta' 15 %. B'limitu f'dan il-livell, Tuifly u Corendon ikollhom l-inqas opportunitajiet biex jiksbu prijorità fl-ajruport ta' Lelystad bil-għan li t-traffiku jitmexxa hemmhekk, fost it-trasportaturi kollha li jużaw l-Ajruport ta' Schiphol bħala bażi tas-servizz. |
|
(83) |
Fid-dawl ta' din l-analiżi, l-awtoritajiet Netherlandiżi kienu intitolati jikkonkludu li limitu ta' 10 % jistabbilixxi bilanċ xieraq. Għal 2 % tal-movimenti attwali fl-ajruport ta' Schiphol, dan joffri l-possibilità li t-titjiriet “minn punt għal ieħor” jiġu ttrasferiti lejn l-ajruport ta' Lelystad, b'sostituzzjoni sussegwenti fl-ajruport ta' Schiphol permezz ta' “titjiriet ta' trasferiment”. Għadd ta' trasportaturi tal-ajru se jkunu jistgħu jibbenefikaw mit-termini tiegħu b'ċertezza (27). |
|
(84) |
F'dan ir-rigward, il-limitu jista' jitqies bħala kapaċi li jilħaq l-għan stabbilit, u ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ għal dak l-objettiv. |
|
(85) |
Fir-rigward tal-elementi l-oħra tal-Abbozz tat-TDR, huwa mfakkar, l-ewwel nett, li kwalunkwe trasferiment ta' titjiriet mill-Ajruport ta' Schiphol lejn l-Ajruport ta' Lelystad huwa ta' natura volontarja. It-tieni, il-prijorità mogħtija lit-trasportaturi kkonċernati fl-ajruport ta' Lelystad, maħsuba biex iżżid il-possibbiltà li jseħħ tali trasferiment, hija limitata għal 10 000 slot. Estensjoni possibbli għal 25 000 slot se tiġi deċiża separatament wara evalwazzjoni u se tapplika biss b'approvazzjoni ġdida mill-Kummissjoni. It-tielet, l-Artikolu 3 tal-Abbozz tad-Digriet jiżgura li l-prijorità li tingħata b'dan il-mod tkun disponibbli biss għat-trasportaturi li jikkontribwixxu għat-titjib tal-Ajruport ta' Schiphol bħala ajruport ċentrali, l-objettiv aħħari tal-abbozz tat-TDR, jiġifieri bis-saħħa tal-konverżjoni tas-slots bil-għan li jintużaw esklussivament għat-titjiriet ta' trasferiment. Speċifikament, il-paragrafi 2 sa 4 tal-Artikolu 3 jiżguraw li t-TDR jilħqu l-objettiv tagħhom indipendentement mill-mobilità tas-slot (disponibbli skont ir-Regolament dwar is-Slots) u indipendentement mill-bidliet fl-għadd ġenerali tas-slots li jkollu t-trasportatur jew il-grupp ta' trasportaturi kkonċernati. |
|
(86) |
Il-kriterji kollha stabbiliti fl-abbozz tat-TDR huma oġġettivi u trasparenti. |
5.2.2.3.
|
(87) |
L-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 jirrikjedi li kwalunkwe regola dwar id-distribuzzjoni tat-traffiku tkun eżentata mid-diskriminazzjoni bejn id-destinazzjonijiet fl-Unjoni u mid-diskriminazzjoni għal raġunijiet ta' nazzjonalità jew identità tat-trasportaturi tal-ajru. Dawn iż-żewġ projbizzjonijiet huma espressjonijiet tal-prinċipju ġenerali ta' trattament indaqs. Skont il-ġurisprudenza konsistenti tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja (28), dan il-prinċipju jirrikjedi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jkunux ittrattati b'mod differenti u sitwazzjonijiet differenti ma jkunux ittrattati bl-istess mod sakemm tali trattament ma jkunx iġġustifikat b'mod oġġettiv. |
— Nuqqas ta' diskriminazzjoni bejn destinazzjonijiet fl-Unjoni
|
(88) |
L-abbozz tat-TDR jiddistingwi bejn “titjiriet minn punt għal ieħor” u “titjiriet ta' trasferiment” biss sa fejn jirrigwarda l-fakultà li l-movimenti jiġu ttrasferiti mill-ajruport ta' Schiphol lejn l-Ajruport ta' Lelystad, filwaqt li dan l-aħħar ajruport jibbenefika minn grad ta' prijorità. Minbarra t-“titjiriet ta' riskju” li għal raġunijiet ta' sigurtà jistgħu jiġu mmaniġġjati biss fl-Ajruport ta' Schiphol, din id-distinzjoni hija marbuta b'mod inseparabbli mal-objettiv leġittimu li jiġi kkonsolidat l-Ajruport ta' Schiphol bħala ajruport ċentrali. Kif spjegat hawn fuq, l-abbozz tat-TDR jista' jikkontribwixxi għal dan l-objettiv u ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ għal dawk il-finijiet, u bħala tali l-kriterji li jirriżultaw huma ta' natura oġġettiva. B'riżultat ta' dan, id-distinzjoni tista' titqies iġġustifikata oġġettivament u ma tistax titqies bħala diskriminatorja fiha nnifisha. |
|
(89) |
F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni tinnota li l-kriterji stabbiliti mill-awtoritajiet Netherlandiżi bil-għan li ssir distinzjoni bejn iż-żewġ tipi differenti ta' destinazzjonijiet jiżguraw li d-destinazzjonijiet kollha li għandhom l-istess effett fuq l-Ajruport ta' Schiphol bħala ċentru jiġu ttrattati bl-istess mod. |
|
(90) |
Dan japplika wkoll għal destinazzjonijiet li mhumiex inklużi fl-Anness 1 tal-Abbozz tal-Ordni minħabba l-fatt li ma jilħqux il-limitu ta' 10 % ta' passiġġieri fi tranżitu abbażi tal-informazzjoni li s'issa kienet disponibbli għall-awtoritajiet Netherlandiżi. It-trasportaturi jistgħu fil-fatt jiksbu t-trattament ta' waħda jew aktar minn dawk id-destinazzjonijiet bħala destinazzjonijiet ta' trasferiment abbażi ta' data rilevanti, inklużi previżjonijiet xierqa u inkluża data li tappartjeni għal ajruporti Ewropej oħra (ara l-Artikolu 1(3) u (4) u l-Artikolu 3 tal-abbozz tal-ordni) (29). It-termini ta' dawk ir-regoli huma tali li joffru l-akbar firxa ta' possibilitajiet għat-trasportaturi biex jissostanzjaw id-dikjarazzjonijiet tagħhom f'dan ir-rigward, inkluż pereżempju permezz tal-użu ta' data dwar l-awtokonnessjoni (30), jew data li tinġabar mill-ajruport. |
|
(91) |
B'riżultat ta' dan, jista' jiġi konkluż li l-abbozz tat-TDR ma jurix diskriminazzjoni bejn id-destinazzjonijiet fl-Unjoni. |
— Nuqqas ta' diskriminazzjoni għal raġunijiet ta' nazzjonalità jew identità ta' trasportaturi tal-ajru
|
(92) |
Il-kriterji ddefiniti biex issir distinzjoni bejn id-destinazzjonijiet, li huma ta' natura oġġettiva, filwaqt li jitqies l-għan segwit mill-miżura, jiżguraw li ma jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni fuq il-bażi tan-nazzjonalità jew tal-identità tat-trasportatur tal-ajru. It-trasportaturi tal-ajru kollha huma ttrattati bl-istess mod abbażi tal-istess kriterji. |
|
(93) |
Kif spjegat fid-dettall hawn fuq, l-Artikolu 3 tal-abbozz tad-Digriet jiżgura li l-prijorità li tingħata fl-Ajruport ta' Lelystad tkun disponibbli biss għat-trasportaturi li jikkontribwixxu għat-titjib tal-Ajruport ta' Schiphol bħala ajruport ċentrali, l-objettiv aħħari tal-abbozz tat-TDR, jiġifieri bis-saħħa tal-konverżjoni ta' slots bil-għan li jintużaw esklussivament għat-titjiriet ta' trasferiment. |
5.2.3. Konformità mar-regoli tal-Unjoni dwar l-allokazzjoni tas-slots
|
(94) |
Skont l-Artikolu 19(1) tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008, l-eżerċitar tad-drittijiet tat-traffiku huwa soġġett għar-regoli applikabbli tal-Unjoni, b'mod partikolari, relatati mal-allokazzjoni tas-slots. Din il-kwistjoni bħalissa hija indirizzata fir-Regolament dwar is-Slots. |
|
(95) |
Skont l-awtoritajiet Netherlandiżi, l-analiżi li twettqet skont l-Artikolu 3 tar-Regolament dwar is-Slots turi li se jkun hemm nuqqas fil-kapaċità f'Lelystad mill-mument tal-operazzjonijiet kummerċjali stabbiliti f'dak l-ajruport. Konsegwentement, dan se jintgħażel bħala ajruport ikkoordinat skont dik id-dispożizzjoni. |
|
(96) |
L-allokazzjoni tas-slots f'ajruporti kkoordinati għandha tkun konformi mad-dispożizzjonijiet l-oħra ta' dak ir-Regolament, b'mod partikolari l-Artikoli 8 sa 10 tiegħu. |
|
(97) |
L-Artikolu 2(2) tal-abbozz tad-Digriet jispeċifika li l-prijorità prevista fih hija “mingħajr preġudizzju għar-Regolament dwar is-Slots”. B'riżultat ta' dan, kif spjegat fin-nota ta' spjegazzjoni tal-Abbozz tad-Digriet, dan se japplika biss fil-każ ta' talbiet li jibqgħu konfliġġenti wara l-applikazzjoni tal-kriterji applikabbli b'mod ġenerali stabbiliti f'dak ir-Regolament. |
|
(98) |
F'dan ir-rigward, issir referenza għall-Artikolu 10(6) tar-Regolament dwar is-Slots. Skont dik id-dispożizzjoni, il-prijorità stabbilita hemmhekk favur parteċipanti ġodda f'ajruport ikkoordinat hija “mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KEE) Nru 2408/92”. L-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KEE) Nru 2408/92 ġie sostitwit bl-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008, li huwa l-bażi ġuridika attwali għall-istabbiliment (u l-valutazzjoni tal-Kummissjoni) tar-regoli dwar id-distribuzzjoni tat-traffiku. B'riżultat ta' dan, il-prijorità tista' tiġi adattata fil-kuntest tad-distribuzzjoni tat-traffiku stabbilita skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008, dment li tali adattament ikun limitat għal dak li huwa strettament meħtieġ sabiex jintlaħaq l-objettiv tar-regoli inkwistjoni dwar id-distribuzzjoni tat-traffiku. |
|
(99) |
F'dan il-każ, ir-regola ta' prijorità stipulata fl-Artikolu 2(2) tal-abbozz tad-Digriet tibda tapplika biss wara li jkunu ġew applikati l-kriterji ta' prijorità tar-Regolament dwar is-Slots, u hija limitata għas-slots li s'issa huma koperti mir-regoli, li jikkorrispondu għal 10 000 moviment (31). Dan l-adattament tal-prijorità ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq l-objettiv tal-abbozz tat-TDR u huwa għalhekk kompatibbli mar-Regolament dwar is-Slots. |
|
(100) |
Bl-istess mod, ir-regola stipulata fl-Artikolu 3 tal-abbozz tad-Digriet li bih l-islots li kienu soġġetti għall-Artikolu 2(2) fl-Ajruport ta' Schiphol jistgħu jintużaw biss għal titjiriet ta' trasferiment hija inerenti fid-distribuzzjoni tat-traffiku u tabilħaqq karatteristika tipika ta' kwalunkwe tali distribuzzjoni. Għalhekk għandha titqies kompatibbli bl-istess mod mar-Regolament dwar is-Slots. |
5.2.4. Konformità ma' regoli oħra tal-Unjoni
|
(101) |
Il-Kummissjoni tinnota li l-uniku għan tal-valutazzjoni li għandha ssir skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 huwa r-regola nazzjonali li “tirregola d-distribuzzjoni tat-traffiku tal-ajru” [l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 19(3)]. Fir-rigward tal-konformità mal-paragrafu 1 ta' dak l-Artikolu, il-fatt li l-Ajruport ta' Lelystad se jiftaħ għall-operazzjonijiet kummerċjali f'xi żmien partikolari, kif ukoll id-daqs ta' dan il-ftuħ f'termini ta' operazzjonijiet possibbli, huma l-kundizzjonijiet meħtieġa għal dik id-distribuzzjoni tat-traffiku. Dawn l-elementi ma jiffurmawx parti mid-distribuzzjoni nnifisha. It-termini tad-distribuzzjoni tat-traffiku stess ma jista' jkollhom l-ebda inċidenza negattiva fuq il-konformità mar-regoli tal-Unjoni dwar is-“sikurezza”, is-“sigurtà” u l-“protezzjoni tal-ambjent” kif imsemmija fl-Artikolu 19(1) tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008. B'riżultat ta' dan, ma jirriżulta l-ebda tħassib dwar l-inkompatibbiltà ma' din id-dispożizzjoni fir-rigward ta' dawk l-elementi. |
6. KONKLUŻJONI
|
(102) |
Bħala konklużjoni, abbażi ta' valutazzjoni tal-fatti u s-suppożizzjonijiet li jinsabu fin-notifika tal-awtoritajiet Netherlandiżi, il-Kummissjoni tqis li r-regoli maħsuba dwar id-distribuzzjoni tat-traffiku huma kompatibbli mal-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008. |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu uniku
Il-miżuri previsti fl-Abbozz tal-Ordni Ministerjali u fl-Abbozz tal-Ordni tal-Ministru għall-Infrastruttura u l-Ilma dwar id-distribuzzjoni tat-traffiku tal-ajru fl-Ajruport ta' Lelystad u l-ajruport ta' Schiphol, kif innotifikati lill-Kummissjoni fid-29 ta' Marzu 2019, u emendati permezz tal-ittri tat-3 ta' Lulju 2019 u tal-11 ta' Lulju 2019, huma b'dan approvati.
Din id-deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tan-Netherlands.
Magħmul fi Brussell, l-24 ta' Settembru 2019.
Għall-Kummissjoni
Violeta BULC
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 293, 31.10.2008, p. 3.
(2) Fit-12 ta' Lulju 2018, l-awtoritajiet Netherlandiżi nnotifikaw lill-Kummissjoni l-ewwel sett ta' regoli dwar id-distribuzzjoni tat-traffiku (TDR) għall-ajruporti ta' Schiphol u Lelystad. Dik in-notifika ġiet irtirata mill-awtoritajiet Netherlandiżi fl-4 ta' Diċembru 2018.
(3) Irreġistrata bl-Ares (2019)2057632
(4) Irreġistrata bl-Ares (2019)2256246.
(5) Aanmelding verkeersverdelingsregel voor de Nederlandse luchthavens Lelystad Airport en Schiphol.
(6) It-tliet studji saru mill-konsulent SEO Amsterdam Economics.
(7) ĠU C 136, 12.4.2019, p. 26.
(8) Irreġistrata bl-Ares (2019)4236859
(9) Irreġistrata bl-Ares (2019)4595066.
(10) Irreġistrata bl-Ares (2019)4595552.
(11) Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 95/93 tat-18 ta' Jannar 1993 dwar ir-regoli komuni għall-allokazzjoni ta' slots f'ajruporti tal-Komunità (ĠU L 14, 22.1.1993, p. 1).
(12) Il-Politika Esterna tal-UE dwar l-Avjazzjoni - Nindirizzaw l-Isfidi tal-Futur, COM (2012) 556 final tas-27 ta' Settembru 2012.
(13) L-Aġenda ta' Azzjoni ta' Schiphol (2016).
(14) Ir-Regolament (UE) Nru 598/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar l-istabbiliment ta' regoli u proċeduri fir-rigward tal-introduzzjoni ta' restrizzjonijiet operattivi relatati mal-istorbju f'ajruporti tal-Unjoni fi ħdan Approċċ Bilanċjat u li jħassar id-Direttiva 2002/30/KE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 65).
(15) Peress li r-runway se tkun wiesgħa 45 metru, l-ajruport se jkun adattat għal inġenji tal-ajru speċjali bħall-Boeing 737 u l-Airbus A320 u A321.
(16) Il-Grupp KLM jinkludi s-sussidjarji li huma proprjetà sħiħa ta' Transavia u Martinair. Fl-2004 il-KLM ingħaqad ma' Air France.
(17) SkyTeam hija alleanza tat-trasportaturi tal-ajru li bħalissa għandha 20 Membru u li tagħti aċċess għal 1 074 destinazzjoni madwar id-dinja.
(18) Il-Grupp KLM għandu aktar minn 55 % tas-slots annwali totali f'Schiphol. Ċifri disponibbli minn Airport Coordination Netherlands (il-Koordinatur tas-Slots).
(19) Barra minn hekk, l-awtoritajiet Netherlandiżi diġà ddeċidew li jwessgħu l-awtostrada A6 għall-Ajruport ta' Lelystad minn żewġ korsiji għal tliet korsiji u li mill-2021 jibnu ħruġ għall-ajruport, li lkoll kemm huma se jiffaċilitaw iktar l-aċċess għall-ajruport.
(20) Għal sitwazzjoni simili, ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 95/259/KE tal-14 ta' Marzu 1995 dwar proċedura relatata mal-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2408/92 (il-Każ VII/AMA/9/94 - Regoli dwar id-distribuzzjoni tat-traffiku ta' Franza għas-sistema tal-ajruport ta' Pariġi) (ĠU L 162, 13.7.1995, p. 25), Taqsima VI.
(21) Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2408/92 tat-23 ta' Lulju 1992 dwar aċċess għat-trasportaturi ta' l-ajru tal-Komunità għal rotot ta' l-ajru intra-Komunitarji (ĠU L 240, 24.8.1992, p. 8).
(22) Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 20.
(23) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 98/710/KE tas-16 ta' Settembru 1998 dwar proċedura relatata mal-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2408/92 (il-Każ VII/AMA/11/98 - Regoli dwar id-distribuzzjoni tat-traffiku tal-Italja għas-sistema tal-ajruport ta' Milan) (ĠU L 337, 12.12.1998, p. 42), premessa 45.
(24) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/163/KE tal-21 ta' Diċembru 2000 dwar proċedura relatata mal-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2408/92 (il-Każ TREN/AMA/12/00 — regoli dwar id-distribuzzjoni tat-traffiku tal-Italja għas-sistema tal-ajruport ta' Milan) (ĠU L 58, 28.2.2001, p. 29), premessa 45.
(25) Il-Politika Esterna tal-UE dwar l-Avjazzjoni - Nindirizzaw l-Isfidi tal-Futur, COM (2012) 556 final tas-27 ta' Settembru 2012.
(26) Ara l-premessa ta' hawn fuq.
(27) Is-sejbiet tal-istudju huma bbażati fuq destinazzjonijiet magħrufa u ma jqisux il-possibbiltajiet għat-trasportaturi biex jissostanzjaw li destinazzjonijiet oħra jikkwalifikaw bl-istess mod bħala destinazzjonijiet ta' trasferiment. Ara l-premessa 90 ta' hawn taħt.
(28) Eż/. Sentenza tat-30 ta' Settembru 2010, Uzonyi, C-133/09, ECLI:EU:C:2010:563, punt 31.
(29) Ara l-premessi 15 u 16 ta' hawn fuq.
(30) Permezz ta' tali għodod, passiġġier jista' jipprenota żewġ titjiriet suċċessivi u jibbenefika minn assigurazzjoni fejn meħtieġ, jiġifieri għal titjira sostituta jew lukanda jekk meħtieġa minħabba dewmien, kanċellazzjoni jew skedar mill-ġdid ta' titjiriet. “Dohop”(https://www.dohop.com/) and, “Kiwi” (https://www.kiwi.com/en/pages/content/about/) huma fornituri magħrufa b'mod ġenerali.
(31) Kif spjegat hawn fuq (il-punti 12 u 85), estensjoni tal-għadd ta' slots ikkonċernati fl-Ajruport ta' Lelystad se ssir biss wara evalwazzjoni tar-reġim u biss wara approvazzjoni separata mill-Kummissjoni. Ir-reġim li tqies f'din id-deċiżjoni huwa limitat għall-ammont imsemmi hawn fuq ta' 10 000 slot.