|
16.5.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 137/173 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/746
tat-13 ta’ Mejju 2022
dwar ċerti miżuri ta’ emerġenza relatati mad-deni Afrikan tal-ħnieżer fl-Italja
(notifikata bid-dokument C(2022)3240)
(It-test bit-Taljan biss huwa awtentiku)
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 259(2) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Id-deni Afrikan tal-ħnieżer huwa marda virali infettiva li taffettwa l-annimali porċini miżmuma u selvaġġi u jista’ jkollu impatt qawwi fuq il-popolazzjoni tal-annimali kkonċernata u fuq il-profittabbiltà tat-trobbija tal-annimali, u b’hekk jikkawża tfixkil għall-movimenti ta’ kunsinni ta’ dawk l-annimali u l-prodotti tagħhom fi ħdan l-Unjoni u għall-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi. |
|
(2) |
Fil-każ ta’ tifqigħa tad-deni Afrikan tal-ħnieżer f’xi annimali porċini selvaġġi, ikun hemm ir-riskju serju li dik il-marda tinxtered fost annimali porċini selvaġġi oħra u fl-azjendi li jżommu l-annimali porċini. |
|
(3) |
Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/687 (2) jissupplimenta r-regoli għall-kontroll tal-mard elenkat imsemmi fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) 2016/429, u definiti bħala mard tal-kategorija A, B u C fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1882 (3). B’mod partikolari, l-Artikoli 63 sa 66 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687 jipprevedu ċerti miżuri li għandhom jittieħdu fil-każ ta’ konferma uffiċjali ta’ tifqigħa ta’ marda tal-kategorija A f’annimali selvaġġi, inkluż id-deni Afrikan tal-ħnieżer f’annimali porċini selvaġġi. B’mod notevoli, dawk id-dispożizzjonijiet jipprevedu l-istabbiliment ta’ żona infettata u projbizzjonijiet fuq il-moviment tal-annimali selvaġġi tal-ispeċijiet elenkati u tal-prodotti li joriġinaw minnhom. |
|
(4) |
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/605 (4) jistabbilixxi miżuri ta’ kontroll speċjali tal-mard rigward id-deni Afrikan tal-ħnieżer. B’mod partikolari, fil-każ ta’ tifqigħa ta’ dik il-marda f’xi annimali porċini selvaġġi f’żona ta’ Stat Membru, il-punt (b) tal-Artikolu 3, ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni jipprevedi l-istabbiliment ta’ żona infettata f’konformità mal-Artikolu 63 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687. Minbarra dan, l-Artikolu 6 ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni jipprevedi li dik iż-żona għandha tiġi elenkata bħala żona ristretta II fil-Parti II tal-Anness I tiegħu u li ż-żona infettata, stabbilita f’konformità mal-Artikolu 63 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687, tiġi aġġustata mingħajr dewmien biex tkun tinkludi mill-inqas iż-żona ristretta II. Il-miżuri ta’ kontroll speċjali għad-deni Afrikan tal-ħnieżer stipulati fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/605 jinkludu, fost l-oħrajn, il-projbizzjonijiet fuq il-movimenti tal-kunsinni tal-annimali porċini miżmuma fiż-żoni ristretti II u l-prodotti minnhom barra minn dawk iż-żoni ristretti. |
|
(5) |
Wara tifqigħa tad-deni Afrikan tal-ħnieżer f’xi annimali porċini selvaġġi fil-Muniċipalità ta’ Ruma fl-Italja, dak l-Istat Membru informa lill-Kummissjoni bis-sitwazzjoni tad-deni Afrikan tal-ħnieżer fit-territorju tiegħu, u stabbilixxa żona infettata f’konformità mar-Regolament Delegat (UE) 2020/687 u mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/605. |
|
(6) |
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/717 (5) ġiet adottata wara l-informazzjoni li waslet mingħand dak l-Istat Membru dwar dik it-tifqigħa. |
|
(7) |
Mid-data tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/717 ’l hawn, is-sitwazzjoni epidemjoloġika fl-Italja kompliet tevolvi fir-rigward tad-deni Afrikan tal-ħnieżer fil-Muniċipalità ta’ Ruma, u l-Italja implimentat kif xieraq il-miżuri ta’ kontroll meħtieġa u ġabret data ta’ sorveljanza addizzjonali. |
|
(8) |
Sabiex jiġi evitat kwalunkwe tfixkil bla bżonn fil-kummerċ fi ħdan l-Unjoni u sabiex tiġi evitata l-impożizzjoni ta’ ostakli mhux iġġustifikati fil-kummerċ minn pajjiżi terzi, fil-livell tal-Unjoni u b’kollaborazzjoni ma’ dak l-Istat Membru jeħtieġ tiġi identifikata ż-żona infettata għad-deni Afrikan tal-ħnieżer fl-Italja. Din iż-żona infettata tqis is-sitwazzjoni epidemjoloġika attwali fl-Italja. |
|
(9) |
Sabiex jiġi evitat aktar tixrid tad-deni Afrikan tal-ħnieżer, sakemm iż-żona tal-Italja milquta mit-tifqigħa riċenti tiġi elenkata bħala żona ristretta II fil-Parti II tal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/605, il-miżuri ta’ kontroll speċjali għad-deni Afrikan tal-ħnieżer stipulati fih, li japplikaw għall-movimenti tal-kunsinni tal-annimali porċini miżmuma fiż-żoni ristretti II u tal-prodotti minnhom barra minn dawn iż-żoni, jenħtieġ li jkunu japplikaw ukoll għall-movimenti ta’ dawk il-kunsinni miż-żona infettata stabbilita fl-Italja wara t-tifqigħa riċenti, apparti l-miżuri stipulati fl-Artikoli 63 sa 66 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687. |
|
(10) |
Għalhekk, jenħtieġ li ż-żona infettata tiġi elenkata fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni u jenħtieġ li tkun soġġetta għall-miżuri ta’ kontroll speċjali għad-deni Afrikan tal-ħnieżer li japplikaw għaż-żoni ristretti II stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/605. Madankollu, minħabba din is-sitwazzjoni epidemjoloġika ġdida tad-deni Afrikan tal-ħnieżer u filwaqt li titqies iż-żieda fir-riskju immedjat li din il-marda tkompli tinxtered, jenħtieġ li f’konformità ma’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni ma jiġux awtorizzati movimenti tal-kunsinni tal-annimali porċini miżmuma u tal-prodotti minnhom lejn Stati Membri oħra u lejn il-pajjiżi terzi miż-żona infettata. Jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tistabbilixxi wkoll id-durata tal-elenkar taż-żona. |
|
(11) |
Għalhekk, sabiex jittaffew ir-riskji li jirriżultaw mit-tifqigħa reċenti tad-deni Afrikan tal-ħnieżer fl-annimali porċini selvaġġi fl-Italja, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tipprevedi li l-movimenti lejn Stati Membri oħra u lejn pajjiżi terzi ta’ kunsinni ta’ annimali porċini fiż-żona infettata u l-prodotti minnhom jenħtieġ li ma jiġux awtorizzati mill-Italja sad-data tal-iskadenza ta’ din id-Deċiżjoni. |
|
(12) |
Għalhekk, iż-żona infettata fl-Italja jenħtieġ li tiġi stabbilita minnufih u tiġi elenkata fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni flimkien mad-durata tal-elenkar taż-żona. |
|
(13) |
Barra minn hekk, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/717 jenħtieġ li titħassar u tiġi sostitwita b’din id-Deċiżjoni. |
|
(14) |
Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Italja għandha tiżgura li żona infettata għad-deni Afrikan tal-ħnieżer tiġi stabbilita minnufih mill-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru f’konformità mal-Artikolu 63 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687 u l-Artikolu 3(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/605, u li tkun tinkludi mill-inqas iż-żoni elenkati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
L-Italja għandha tiżgura li l-miżuri ta’ kontroll speċjali għad-deni Afrikan tal-ħnieżer applikabbli għaż-żoni ristretti II stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/605 japplikaw fiż-żoni elenkati bħala żoni infettati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni, apparti l-miżuri stabbiliti fl-Artikoli 63 sa 66 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687.
Artikolu 3
L-Italja għandha tiżgura li l-kunsinni tal-annimali porċini miżmuma fiż-żoni elenkati bħala żoni infettati fl-Anness u tal-prodotti minnhom ma jiġux awtorizzati għall-movimenti lejn Stati Membri oħra u lejn il-pajjiżi terzi.
Artikolu 4
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/717 titħassar.
Artikolu 5
Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-31 ta’ Awwissu 2022.
Artikolu 6
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Taljana.
Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Mejju 2022.
Għall-Kummissjoni
Stella KYRIAKIDES
Membru tal-Kummissjoni
(2) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/687 tas-17 ta’ Diċembru 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll ta’ ċertu mard elenkat (ĠU L 174, 3.6.2020, p. 64).
(3) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1882 tat-3 ta’ Diċembru 2018 dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard għal kategoriji ta’ mard elenkat u li jistabbilixxi lista ta’ speċijiet u gruppi ta’ speċijiet li jippreżentaw riskju konsiderevoli għat-tixrid ta’ dak il-mard elenkat. (ĠU L 308, 4.12.2018, p. 21).
(4) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/605 tas-7 ta’ April 2021 li jistabbilixxi miżuri ta’ kontroll speċjali għad-deni Afrikan tal-ħnieżer (ĠU L 129, 15.4.2021, p. 1).
(5) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/717 tas-6 ta’ Mejju 2022 dwar ċerti miżuri ta’ emerġenza interim b’rabta mad-deni Afrikan tal-ħnieżer fl-Italja (ĠU L 133, 10.5.2022, p. 42).
ANNESS
|
Żoni stabbiliti bħala ż-żona infettata fl-Italja kif imsemmija fl-Artikolu 1 |
Data sa meta applikabbli |
||||||||||
|
Iż-żona fil-Muniċipalità ta’ Ruma bil-limiti li ġejjin:
|
il-31 ta’ Awwissu 2022 |