|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/901 |
20.5.2025 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/901
tad-19 ta’ Mejju 2025
li jistabbilixxi lista ta’ sustanzi li huma essenzjali għat-trattament tal-ispeċijiet ekwini, jew li jġibu benefiċċju kliniku miżjud meta mqabbla ma’ għażliet oħra ta’ trattament disponibbli għall-ispeċijiet ekwini u li għalihom il-perjodu ta’ stennija għall-ispeċijiet ekwini għandu jkun ta’ 6 xhur, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1950/2006
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/6 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar prodotti mediċinali veterinarji u li jħassar id-Direttiva 2001/82/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 115(5) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2019/6 jistabbilixxi r-regoli għall-użu tal-prodotti mediċinali veterinarji, inkluż ir-rekwiżit li jintużaw f’konformità mat-termini tal-awtorizzazzjonijiet għall-kummerċjalizzazzjoni tagħhom. Meta l-ebda prodott mediċinali veterinarju ma jkun awtorizzat jew disponibbli fi Stat Membru għall-annimali li jipproduċu l-ikel tal-ispeċijiet ekwini jew għal indikazzjoni, il-veterinarji jistgħu, b’mod partikolari biex jevitaw li jikkawżaw tbatija inaċċettabbli u taħt ir-responsabbiltà diretta tagħhom, jużaw il-prodotti mediċinali barra mit-termini tal-awtorizzazzjonijiet għall-kummerċjalizzazzjoni tagħhom, f’konformità mar-regoli stabbiliti fl-Artikoli 113 u 115 ta’ dak ir-Regolament. |
|
(2) |
Sabiex tiżdied id-disponibbiltà tal-prodotti mediċinali għall-annimali li jipproduċu l-ikel tal-ispeċijiet ekwini filwaqt li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur, u b’deroga mill-Artikolu 113(1) u (4) tar-Regolament (UE) 2019/6, l-Artikolu 115(5) tar-Regolament (UE) 2019/6 jipprevedi l-istabbiliment, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, ta’ lista ta’ sustanzi li huma essenzjali għat-trattament tal-ispeċijiet ekwini, jew li jġibu benefiċċju kliniku miżjud meta mqabbla ma’ għażliet oħra ta’ trattament disponibbli għall-ispeċijiet ekwini u li għalihom il-perjodu ta’ stennija għall-ispeċijiet ekwini għandu jkun ta’ 6 xhur. |
|
(3) |
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1950/2006 (2), kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 122/2013 (3), kien stabbilixxa lista ta’ sustanzi essenzjali għall-kura tal-ekwidi u ta’ sustanzi li jġibu benefiċċju kliniku miżjud. |
|
(4) |
L-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1950/2006 ġie aġġornat l-aħħar fl-2013 permezz tar-Regolament (UE) Nru 122/2013. Għalhekk, l-esperjenza miksuba mill-użu tas-sustanzi elenkati f’dak l-Anness jenħtieġ li sservi bħala bażi biex tiġi stabbilita l-lista msemmija fl-Artikolu 115(5) tar-Regolament (UE) 2019/6, inkluża l-ħtieġa li tiġi aġġornata l-informazzjoni dwar l-użu ta’ dawk is-sustanzi, il-vantaġġi u l-alternattivi tagħhom. Barra minn hekk, jenħtieġ li tiġi kkunsidrata wkoll il-ħtieġa li jiżdiedu sustanzi oħra bħala riżultat ta’ evidenza ġdida disponibbli. |
|
(5) |
Sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur, jenħtieġ li s-sustanzi jiġu inklużi biss fil-lista stabbilita f’dan ir-Regolament jekk ma joħolqux riskju inaċċettabbli għall-konsumaturi meta jintużaw fl-annimali li jipproduċu l-ikel tal-ispeċijiet ekwini, u jekk jiġi rispettat perjodu ta’ stennija ta’ 6 xhur. |
|
(6) |
Sustanza tikkwalifika biss bħala “sustanza essenzjali” meta ma tkun disponibbli l-ebda alternattiva sodisfaċenti għat-trattament jew għad-dijanjożi ta’ indikazzjoni u meta l-kundizzjoni, jekk ma tiġix trattata, toħloq tbatija bla bżonn għall-annimal. Sustanza tikkwalifika biss bħala “li ġġib benefiċċju kliniku miżjud” meta tipprovdi vantaġġ klinikament rilevanti bbażat fuq effikaċja jew sikurezza mtejba jew kontribut ewlieni għat-trattament jew għad-dijanjożi. Dan jista’ jkun ir-riżultat, fost l-oħrajn, tal-modi differenti ta’ azzjoni, tal-profili farmakokinetiċi jew farmakodinamiċi differenti, tat-tulijiet differenti tat-trattament jew tar-rotot differenti tal-amministrazzjoni. |
|
(7) |
Fuq talba tal-Kummissjoni, l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (“l-Aġenzija”) wettqet evalwazzjoni xjentifika tas-sustanzi elenkati fl-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1950/2006, kif ukoll tas-sustanzi li ġew identifikati fi stħarriġ fost l-awtoritajiet kompetenti u l-partijiet ikkonċernati rilevanti. Fil-parir xjentifiku tagħha (4), l-Aġenzija tidentifika xi wħud minn dawk is-sustanzi bħala “essenzjali” jew bħala “li jġibu benefiċċju kliniku miżjud” u li għalihom perjodu ta’ stennija ta’ 6 xhur ma joħloqx riskju inaċċettabbli għall-konsumaturi. |
|
(8) |
F’konformità mal-parir tal-Aġenzija, jenħtieġ li s-sustanzi rakkomandati bħala essenzjali jew li jġibu benefiċċju kliniku miżjud jintużaw għall-mard jew għall-kundizzjonijiet speċifiċi, u għat-trattament jew għall-ħtiġijiet dijanjostiċi speċifikati fl-Anness ta’ dan ir-Regolament. Barra minn hekk, l-Aġenzija tat parir li jenħtieġ li jitqiesu wkoll l-alternattivi elenkati f’dak l-Anness. |
|
(9) |
Is-sustanzi elenkati fit-Tabelli 1 jew 2 fl-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 37/2010 (5), jew is-sustanzi pprojbiti għall-użu fl-istockfarming mid-Direttiva tal-Kunsill 96/22/KE (6), ma jikkwalifikawx bħala essenzjali jew li jġibu benefiċċju kliniku miżjud. Għalhekk, fil-każ li s-sustanzi elenkati fl-Anness ta’ dan ir-Regolament jiġu inklużi wkoll fit-Tabelli 1 jew 2 fl-Anness tar-Regolament (UE) Nru 37/2010, jew l-użu tagħhom fl-annimali li jipproduċu l-ikel tal-ispeċijiet ekwini jkun ipprojbit mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, jenħtieġ li dawn is-sustanzi ma jibqgħux jintużaw għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament. |
|
(10) |
Il-lista ta’ sustanzi stabbilita fl-Anness ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li tissostitwixxi l-lista prevista skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1950/2006. Ir-Regolament (KE) Nru 1950/2006 jenħtieġ li jitħassar. Sabiex l-awtoritajiet kompetenti, il-veterinarji u l-indokraturi tal-annimali kkonċernati jkunu jistgħu jadattaw għall-bidliet li jirriżultaw min-nuqqas ta’ inklużjoni fl-Anness ta’ dan ir-Regolament ta’ xi sustanzi jew ta’ indikazzjonijiet elenkati fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1950/2006, jenħtieġ li jiġi permess perjodu tranżitorju suffiċjenti. |
|
(11) |
Sabiex tiżdied id-disponibbiltà tal-prodotti mediċinali għall-annimali li jipproduċu l-ikel tal-ispeċijiet ekwini u tiġi evitata tbatija inaċċettabbli, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika wkoll mid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu. |
|
(12) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Mediċinali Veterinarji, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Kamp ta’ applikazzjoni
Il-lista ta’ sustanzi msemmija fl-Artikolu 115(5) tar-Regolament (UE) 2019/6 hija stabbilita fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Regoli dwar l-użu tas-sustanzi elenkati fl-Anness
1. Is-sustanzi li huma essenzjali għat-trattament tal-ispeċijiet ekwini jistgħu jintużaw għall-indikazzjonijiet speċifikati fl-Anness ta’ dan ir-Regolament, fejn l-ebda prodott mediċinali veterinarju awtorizzat għall-annimali li jipproduċu l-ikel tal-ispeċijiet ekwini jew l-ebda prodott mediċinali msemmi fl-Artikolu 113 tar-Regolament (UE) 2019/6 ma jagħti l-istess riżultati sodisfaċenti fir-rigward tat-trattament b’suċċess tal-annimal jew kif tiġi evitata t-tbatija bla bżonn għall-annimal.
2. Is-sustanzi li jġibu benefiċċju kliniku miżjud meta mqabbla ma’ għażliet oħra ta’ trattament jistgħu jintużaw għall-indikazzjonijiet speċifikati fl-Anness ta’ dan ir-Regolament u filwaqt li jitqiesu l-alternattivi elenkati f’dak l-Anness, meta jipprovdu vantaġġ klinikament rilevanti bbażat fuq effikaċja jew sikurezza mtejba jew kontribut ewlieni għat-trattament meta mqabbla mal-prodotti mediċinali veterinarji awtorizzati għall-annimali li jipproduċu l-ikel tal-ispeċijiet ekwini jew mal-prodotti mediċinali msemmija fl-Artikolu 113 tar-Regolament (UE) 2019/6.
3. Meta xi waħda mis-sustanzi elenkati fl-Anness ta’ dan ir-Regolament tiddaħħal fit-Tabelli 1 jew 2 tal-Anness tar-Regolament (UE) Nru 37/2010, jew l-użu tagħha fl-annimali li jipproduċu l-ikel tal-ispeċijiet ekwini jkun ipprojbit mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, din ma għandhiex tibqa’ tintuża għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 3
Tħassir
1. Ir-Regolament (KE) Nru 1950/2006 jitħassar b’effett mill-21 ta’ Mejju 2027.
2. Ir-referenzi għar-Regolament (KE) Nru 1950/2006 mħassar għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal dan ir-Regolament.
Artikolu 4
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-21 ta’ Mejju 2025.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Mejju 2025.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 4, 7.1.2019, p. 43, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/6/oj.
(2) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1950/2006 tat-13 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi, skont id-Direttiva 2001/82/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kodiċi tal-Komunità relatat mal-prodotti mediċinali veterinarji, lista ta’ sustanzi essenzjali għall-kura tal-ekwidi u ta’ sustanzi li jġibu benefiċċju kliniku miżjud. ĠU L 367, 22.12.2006, p. 33, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2006/1950/oj.
(3) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 122/2013 tat-12 ta’ Frar 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1950/2006 li jistabbilixxi, skont id-Direttiva 2001/82/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar il-kodiċi Komunitarju rigward prodotti mediċinali veterinarji, lista ta’ sustanzi essenzjali għat-trattament tal-ekwidi (ĠU L 42, 13.2.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/122/oj).
(4) Parir xjentifiku skont l-Artikolu 115(5) tar-Regolament (UE) 2019/6 għall-istabbiliment ta’ lista ta’ sustanzi li huma essenzjali għat-trattament tal-ispeċijiet ekwini, jew li jġibu benefiċċju kliniku miżjud meta mqabbla ma’ għażliet oħra ta’ trattament disponibbli għall-ispeċijiet ekwini u li għalihom il-perjodu ta’ stennija għall-ispeċijiet ekwini għandu jkun ta’ 6 xhur (EMA/CVMP/159047/2023, it-18 ta’ Lulju 2024).
(5) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 37/2010 tat-22 ta’ Diċembru 2009 dwar is-sustanzi farmakoloġikament attivi u l-klassifikazzjoni tagħhom fir-rigward tal-limiti massimi ta’ residwu fl-oġġetti tal-ikel li ġejjin mill-annimali (ĠU L 15, 20.1.2010, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/37(1)/oj).
(6) Id-Direttiva tal-Kunsill 96/22/KE tad-29 ta’ April 1996 li tikkonċerna l-projbizzjoni tal-użu fl-istockfarming ta’ ċerti sustanzi li jkollhom azzjoni ormonika u tirostatika u ta’ beta-agonists u li tħassar id-Direttivi 81/602/KEE, 88/146/KEE u 88/299/KEE (ĠU L 125, 23.5.1996, p. 3, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1996/22/oj).
ANNESS
Gruppi ta’ sustanzi
I. Anestetiċi
|
Sustanza Attiva (1) |
Indikazzjonijiet |
Identifikazzjoni tal-alternattivi |
Spjegazzjoni tal-użu / vantaġġi speċifiċi |
|
Ossibuprokainaa |
Anesteżija topika lokali għall-użu fl-għajnejn |
Ebda alternattiva mhi identifikata |
Esperjenza klinika estensiva |
|
Prilokainab |
Anesteżija topika lokali qabel injezzjoni intravenuża jew kateterizzazzjoni |
Lidokaina |
Fi preparazzjonijiet speċifiċi (taħlita ewtettika ta’ anestetiċi lokali), għal applikazzjoni topika fuq il-ġilda; tista’ tintuża biex tiffaċilita l-injezzjoni intravenuża jew il-kateterizzazzjoni |
II. Analġeżiċi
|
Sustanza attiva (2) |
Indikazzjonijiet |
Identifikazzjoni tal-alternattivi |
Spjegazzjoni tal-użu / vantaġġi speċifiċi |
|
Bromfenakb |
Trattament tal-uveite u tal-infjammazzjoni okulari |
Mediċini antinfjammatorji nonsterojdali (NSAIDs, Systemic nonsteroidal anti-inflammatory drugs) sistemiċi (eż. flunissin); ketorolak topiku (okulari) |
NSAIDs topiċi jistgħu jirriżultaw f’inqas skumdità għall-pazjenti, infjammazzjoni mnaqqsa wara l-operazzjoni, prevenzjoni tal-mijożi, u titjib fl-akutezza fil-vista fil-perjodu bikri ta’ wara l-operazzjoni |
|
Fentanilb |
Approċċ multimodali għal kundizzjonijiet li jikkawżaw uġigħ akut minn moderat sa sever |
Butorfanol, morfina |
Tipproduċi analġeżija aħjar minn ċerti oppjojdi oħra u tista’ tintuża għal kundizzjonijiet li jikkawżaw uġigħ kbir; valur rikonoxxut għall-użu f’approċċi multimodali |
|
Ketorolakb |
Trattament tal-uġigħ u tal-infjammazzjoni fl-għajnejn |
Terapija bl-NSAIDs sistemiċi (eż. flunissin) |
Ifformulata għal applikazzjoni lokali |
|
Metokarbamolb |
Bħala parti mill-protokolli ta’ trattament fi spażmi tal-muskoli li jikkawżaw uġigħ sever jew f’kundizzjonijiet b’infjammazzjoni fil-muskoli severa |
NSAIDs sistemiċi (eż. flunissin) |
Rilassament qawwi tal-muskoli skeletriċi; azzjoni speċifika fuq l-internewruni tas-sinsla tad-dahar biex jitnaqqsu l-ispażmi akuti tal-muskoli skeletriċi mingħajr alterazzjoni konkomitanti fit-ton muskolari |
|
Morfinab |
Analġeżija |
Butorfanol, fentanil |
Aktar qawwija minn analġeżiċi oħrajn |
|
Aċetonur tat-triamċinolonb |
Trattament tal-infjammazzjoni tal-ġogi |
Metilprednisolon |
Inqas effetti ta’ ħsara fuq il-metaboliżmu tal-qarquċa |
III. Antimikrobiċi
|
Sustanza attiva (3) |
Indikazzjonijiet |
Identifikazzjoni tal-alternattivi |
Spjegazzjoni tal-użu / vantaġġi speċifiċi |
||
|
|||||
|
Amikaċinab |
Trattament tas-sepsi fiż-żwiemel u fil-moħor |
Ġentamiċina, ċeftijofur |
Profil ta’ sikurezza aħjar fl-annimal fil-mira |
||
|
Ażitromiċinab |
Trattament tal-infezzjonijiet mir-Rhodococcus equi suxxettibbli għall-ażitromiċina |
Klaritromiċina, eritromiċina, gamitromiċina, tulatromiċina, dossiċiklina |
Benefiċċju kliniku miżjud f’każijiet ta’ infezzjonijiet mir-Rhodococcus equi fil-moħor li jistgħu jiġu solvuti bil-monoterapija jew flimkien mad-dossiċiklina |
||
|
Klaritromiċinab |
Trattament tal-infezzjonijiet mir-Rhodococcus equi suxxettibbli għall-klaritromiċina |
Ażitromiċina, eritromiċina, gamitromiċina, tulatromiċina, dossiċiklina |
Aktar attiva kontra r-Rhodococcus equi in vitro milli huma l-eritromiċina jew l-ażitromiċina; tikseb konċentrazzjonijiet akbar fil-fluwidu tal-inforra epiteljali pulmonari u fil-makrofagi alveolari meta mqabbla mal-eritromiċina jew mal-ażitromiċina, għalkemm in-nofs ħajja hija iqsar |
||
|
Aċidu fusidikub |
Trattament topiku tal-infezzjonijiet fl-għajnejn ikkawżati minn batterji gram-pożittivi suxxettibbli għall-aċidu fusidiku |
Oflossaċina, mossiflossaċina |
Spettru wiesa’ għat-trattament tal-infezzjonijiet gram-pożittivi; għażla primarja f’ulċeri korneali superfiċjali u mhux ikkumplikati u f’konġuntivite akuta fiż-żwiemel |
||
|
Mossiflossaċinab |
Trattament topiku tal-infezzjonijiet esterni fl-għajnejn ikkawżati minn cocci gram-pożittivi u minn batterji gram-negattivi, atipiċi u anaerobiċi, bħall-Pseudomonas aeruginosa, suxxettibbli għall-mossiflossaċina |
Oflossaċina |
Profil farmakokinetiku vantaġġjuż; l-ispettru tal-attività jinkludi cocci gram-pożittivi u batterji anaerobiċi li jistgħu jkunu reżistenti għal kinoloni oħra |
||
|
Oflossaċinab |
Trattament tal-infezzjonijiet esterni fl-għajnejn ikkawżati minn mikroorganiżmi gram-pożittivi u gram-negattivi suxxettibbli għall-oflossaċina |
Mossiflossaċina |
Esperjenza klinika; tippenetra l-kornea kollha sal-kamra anterjuri tal-għajn |
||
|
Polimissina Bb |
Trattament tal-keratite batterika, użu topiku |
Oflossaċina, mossiflossaċina |
Alternattiva effettiva għal trattamenti sistemiċi; mekkaniżmu ta’ azzjoni differenti għal alternattivi topiċi oħra |
||
|
|||||
|
Amfoteriċina Ba |
Trattament tal-pulmonite fungali, użu sistemiku |
Ebda alternattiva mhi identifikata |
Trattament tal-għażla |
||
|
Mikonażolb |
Trattament tal-infezzjoni fungali tal-għajn |
Natamiċina, nistatina, vorikonażol |
Spettru wiesa’ ta’ attività; inqas irritanti meta mqabbla ma’ antifungali topiċi oħra |
||
|
Nistatinab |
Trattament tal-infezzjonijiet fungali u tal-kandidjażi tal-għajn u tal-apparat ġenitali |
Mikonażol |
Trattament tal-għażla għall-kandidjażi |
||
|
Vorikonażolb |
Trattament tal-keratite fungali, użu topiku |
Mikonażol |
Spettru wiesa’ ta’ attività |
||
|
|||||
|
Aċiklovirb |
Trattament tal-każijiet ta’ infezzjoni tal-virus tal-erpete ekwina assoċjati ma’ kumplikazzjonijiet, użu topiku biss |
Ganċiklovir |
Trattament tal-għażla għall-ulċeri okulari meta l-implikazzjoni ta’ patoġenu virali tkun suspettata |
||
|
Ganċiklovirb |
Trattament tal-każijiet ta’ infezzjoni tal-virus tal-erpete ekwina assoċjati ma’ kumplikazzjonijiet, użu topiku |
Aċiklovir, valaċiklovir |
Rikkezza ta’ evidenza għat-trattament ta’ tipi differenti ta’ virus li jikkawżaw infezzjonijiet erpetiċi |
||
|
Valaċiklovirb |
Trattament tal-każijiet ta’ infezzjonijiet tal-virus tal-erpete ekwina, użu orali |
Aċiklovir |
Profil farmakokinetiku aħjar u rotta differenti ta’ amministrazzjoni |
||
IV. Sustanzi għad-disturbi respiratorji
|
Sustanza attiva (4) |
Indikazzjonijiet |
Identifikazzjoni tal-alternattivi |
Spjegazzjoni tal-użu / vantaġġi speċifiċi |
|
Ambrossolb |
Stimulazzjoni ta’ aġent tensjoattiv f’moħor prematuri |
Sterojdi, bromeżina, dembreżina, trasferiment ta’ aġent tensjoattiv minn donatur b’saħħtu |
Għażla klinika ppreferuta għal moħor prematuri |
|
Flutikażonb |
Kontroll ta’ mard pulmonari allerġiku inklużi każijiet ħfief għal moderati ta’ ażma ekwina u sottotipi permezz tal-inalazzjoni |
Beklometażon |
L-inalazzjoni twassal għal inqas soppressjoni adrenokortikali, ritorn għan-normal aktar mgħaġġel wara t-tmiem tat-terapija u inqas effetti sekondarji sistemiċi meta mqabbla mat-terapija kortikosterojde sistemika minħabba l-assorbiment sistemiku limitat tagħha; indikat b’mod speċjali għall-kontroll ta’ ażma ħafifa għal moderata u ta’ ażma severa rifrattarja kif ukoll għal terapija ta’ manutenzjoni fit-tul |
|
Bromur tal-ipratropjub |
Bħala bronkdilatur fiż-żwiemel b’ażma ħafifa għal moderata |
Klenbuterol |
Azzjoni antikolinerġika, bħala alternattiva għall-beta-agonisti |
|
Ossimetażolinab |
Trattament tal-edema nażali |
Fenilefrina |
Agonista alfaadrenoċettur bi proprjetajiet vażokostrettivi qawwija u b’effett li jdum jaħdem aktar |
|
Fenilefrinab |
Trattament tal-edema nażali |
Ossimetażolina |
Tnaqqas il-ħtieġa li jiddaħħlu tubi nażali waqt l-irkupru |
V. Sustanzi għall-kardjoloġija
|
Sustanza attiva (5) |
Indikazzjonijiet |
Identifikazzjoni tal-alternattivi |
Spjegazzjoni tal-użu / vantaġġi speċifiċi |
|
Amjodaronb |
Trattament sistemiku u orali tal-fibrillazzjoni atrijali u tat-takikardija sopraventrikolari u ventrikolari |
Sulfat/glukonat tal-kinidina, sotalol, verapamil |
Mod differenti ta’ azzjoni: aġent antiaritmiku tal-klassi III |
|
Propafenonb |
Trattament tat-takikardija ventrikolari u tat-takjaritmija ventrikolari |
Sulfat/glukonat tal-kinidina |
Mod differenti ta’ azzjoni: antagonista tal-kanal tas-sodju li jnaqqas l-eċċitabbiltà tal-qalb |
|
Kinaprila |
Trattament tal-insuffiċjenza kardijaka; protezzjoni kardjovaskulari fiż-żwiemel b’fibrillazzjoni atrijali (AF, atrial fibrillation) jew b’rifluss mitrali (MR, mitral regurgitation) |
Ebda alternattiva mhi identifikata |
Mod differenti ta’ azzjoni: inibitur tal-enzima ta’ konverżjoni tal-anġjotensina (ACE, angiotensin-converting-enzyme) |
|
Sulfat/glukonat tal-kinidinab |
Trattament tal-aritmiji |
Amjodaron, sotalol, verapamil |
Trattament tal-għażla għall-fibrillazzjoni atrijali |
|
Sotalolb |
Trattament fit-tul tal-aritmiji |
Amjodaron, sulfat/glukonat tal-kinidina |
Aktar adattati fiż-żwiemel li jeħtieġu terapija antiaritmika fit-tul; eventi inqas avversi meta mqabbla mal-amjodaron |
|
Verapamilb |
Trattament tal-aritmiji sopraventrikolari |
Amjodaron, sulfat/glukonat tal-kinidina, sotalol |
Mod differenti ta’ azzjoni: antagonista tal-kalċju |
VI. Sustanzi għall-proċeduri dijanjostiċi
|
Sustanza attiva (6) |
Indikazzjonijiet |
Identifikazzjoni tal-alternattivi |
Spjegazzjoni tal-użu / vantaġġi speċifiċi |
|
Sulfat tal-barjua |
Viżwalizzazzjoni mtejba tal-kanal gastrointestinali waqt l-eżamijiet radjografiċi |
Ebda alternattiva mhi identifikata |
L-ebda trattament alternattiv sodisfaċenti għall-viżwalizzazzjoni mtejba tal-kanal gastrointestinali waqt l-eżamijiet radjografiċi |
|
Fluworexxeinab |
Dijanjożi tal-keratite jew tal-ulċerazzjoni korneali, użu topiku |
Roża bengala |
Għodda dijanjostika tal-għażla meta wara tkun meħtieġa kultura virali |
|
Joeżola |
Aġent ta’ kuntrast għar-radjografija, l-artrografija, il-mjelografija, is-sinografija jew il-fistulografija, u d-dakrjoċistografija tal-kanal saflieni tal-awrina |
Ebda alternattiva mhi identifikata |
Aġent ta’ kuntrast mhux joniku solubbli fl-ilma |
|
Fenilefrinaa |
Dijanjożi tad-diżawtonomija ekwina |
Ebda alternattiva mhi identifikata |
Approċċ dijanjostiku anċillari għall-polinewropatija tad-diżawtonomija ekwina |
|
Roża bengalab |
Dijanjożi tal-keratite jew tal-ulċerazzjoni korneali, użu topiku |
Fluworexxeina |
Għodda dijanjostika tal-għażla għad-dijanjożi tal-keratite/ulċeri tal-għajnejn |
|
Tireotropinaa |
Dijanjożi tad-disfunzjoni tal-pars intermedia tal-glandola pitwitarja |
Ebda alternattiva mhi identifikata |
L-ebda alternattiva sodisfaċenti għad-dijanjożi tad-disfunzjoni tal-pars intermedia tal-glandola pitwitarja |
VII. Sustanzi għad-disturbi gastrointestinali
|
Sustanza attiva (7) |
Indikazzjonijiet |
Identifikazzjoni tal-alternattivi |
Spjegazzjoni tal-użu / vantaġġi speċifiċi |
|
Metokloprammidb |
Trattament tal-ileus wara l-operazzjoni |
Sostituzzjoni tal-fluwidu intravenuż, mediċini kontra l-uġigħ (eż. flunissin), lidokaina |
Prodott mediċinali prokinetiku |
|
Misoprostolb |
Trattament tal-marda glandolari gastrika u tal-kolite |
Omeprażol, sukralfat |
Superjuri għall-omeprażol għat-trattament tal-marda glandolari gastrika ekwina |
|
Fenilefrinaa |
Trattament tal-intrappolament nefrospleniku |
Ebda alternattiva mhi identifikata |
Valur kliniku fir-riżoluzzjoni tal-intrappolament nefrospleniku; tikkawża kontrazzjoni splenika dipendenti fuq id-doża |
|
Ranitidinab |
Trattament tal-ulċeri gastriċi fin-neonati morda fi stat kritiku, użu intravenuż |
Omeprażol |
Ir-rotta ta’ amministrazzjoni intravenuża ġġib benefiċċju kliniku miżjud fuq medikazzjonijiet orali oħra kontra l-ulċeri |
|
Sukralfatb |
Trattament u prevenzjoni tal-ulċeri gastriċi fiż-żwiemel |
Omeprażol |
Mod differenti ta’ azzjoni meta mqabbla mal-omeprażol (aderenti mal-mukoża), li tipprovdi stabilizzazzjoni tal-leżjonijiet fiżiċi |
VIII. Sustanzi għad-disturbi metaboliċi
|
Sustanza attiva (8) |
Indikazzjonijiet |
Identifikazzjoni tal-alternattivi |
Spjegazzjoni tal-użu / vantaġġi speċifiċi |
|
Insulinab |
Bħala għajnuna fit-trattament tal-iperlipidemija li ma tkunx reattiva għat-terapija bil-glukożju jew tal-iperlipidemija severa, tintuża flimkien mal-glukożju u ma’ terapiji oħra Dijanjożi tad-disturbi metaboliċi (eż. reżistenza għall-insulina assoċjata mas-sindromu metaboliku ekwin jew mad-disfunzjoni tal-pars intermedia tal-glandola pitwitarja) |
L-eparina ta’ piż molekulari baxx tista’ tintuża għal każijiet ta’ iperlipidemija |
L-insulina hija l-għażla klinika ppreferuta |
IX. Sustanzi għad-disturbi muskuloskeletali
|
Sustanza attiva (9) |
Indikazzjonijiet |
Identifikazzjoni tal-alternattivi |
Spjegazzjoni tal-użu / vantaġġi speċifiċi |
|
Atrakurjub |
Induzzjoni tal-paraliżi muskolari taħt anesteżija ġenerali |
Ċisatrakurju, gwajfeneżina |
Iġġib benefiċċju kliniku miżjud fiż-żwiemel taħt anesteżija ġenerali f’każijiet meta jkun meħtieġ aktar rilassament tal-muskoli bħal kirurġiji oftalmiċi, ċerti tiswijiet ortopediċi u meta jkun hemm il-bżonn li jintlaħqu partijiet fil-fond tal-kavità addominali. |
|
Ċisatrakurjub |
Induzzjoni tal-paraliżi muskolari taħt anesteżija ġenerali |
Atrakurju, gwajfeneżina |
Iġġib benefiċċju kliniku miżjud fiż-żwiemel taħt anesteżija ġenerali f’każijiet meta jkun meħtieġ aktar rilassament tal-muskoli bħal kirurġiji oftalmiċi, ċerti tiswijiet ortopediċi u meta jkun hemm il-bżonn li jintlaħqu partijiet fil-fond tal-kavità addominali. |
|
Sodju tad-dantrolenb |
Prevenzjoni tar-rabdomijoliżi Prevenzjoni tal-ipertermija malinna waqt l-anesteżija |
NSAIDs, fluwidi intravenużi, vitamina E/selenju |
Effikaċi bħala preventiva, billi tinibixxi r-rilaxx tal-kalċju mir-retikulu sarkoplażmiku u b’hekk tikkawża dissoċjazzjoni tal-akkoppjament ta’ eċċitazzjoni u ta’ kontrazzjoni |
|
Edrofonjua |
Reversibbiltà tal-effetti tal-paraliżi muskolari kkawżat mill-atrakurju |
Ebda alternattiva mhi identifikata |
Inibitur tal-kolinesterażi, essenzjali għar-reversibbiltà tal-ibblukkar newromuskolari; l-inqas effetti sekondarji mill-inibituri tal-kolinesterażi fiż-żwiemel |
|
Gwajfeneżinab |
Induzzjoni u manutenzjoni tal-anesteżija ġenerali f’kundizzjonijiet fuq il-post |
Atrakurju, ċisatrakurju |
Indikata b’mod partikolari f’kundizzjonijiet fuq il-post (mhux fi sptar) fejn tista’ tkun meħtieġa anesteżija; l-effetti depressivi kardjopulmonari mnaqqsa jiffaċilitaw anesteżija sikura mingħajr tagħmir ta’ monitoraġġ avvanzat jew ta’ ventilazzjoni mekkanika |
X. Sustanzi għad-disfunzjonijiet newroloġiċi
|
Sustanza attiva (10) |
Indikazzjonijiet |
Identifikazzjoni tal-alternattivi |
Spjegazzjoni tal-użu / vantaġġi speċifiċi |
|
Diażepama |
Antikonvulsiv għal żmien qasir għat-trattament tal-attakki |
Ebda alternattiva mhi identifikata |
Antikonvulsiv tat-tieni ġenerazzjoni |
XI. Sustanzi għall-oftalmoloġija
|
Sustanza attiva (11) |
Indikazzjonijiet |
Identifikazzjoni tal-alternattivi |
Spjegazzjoni tal-użu / vantaġġi speċifiċi |
|
Aċetażolammidb |
Trattament tal-glawkoma, użu orali |
Fenilefrina |
Il-mekkaniżmu tagħha ta’ azzjoni bħala inibitur tal-anidrażi karbonika |
|
Ċiklopentolatb |
Aġent midrijatiku |
Atropina, fenilefrina |
Tinduċi midrijażi sinifikanti mingħajr ma taffettwa l-produzzjoni tad-dmugħ, il-pressjoni intraokulari, il-funzjoni diġestiva (jiġifieri l-motilità tal-kanal alimentari u l-produzzjoni tal-feċi), jew ir-rata tal-qalb |
|
Ċiklosporina Ab |
Trattament tal-mard awtoimmuni tal-għajn |
Sterojdi topiċi |
Effett immunosoppressiv billi tiġi inibita l-proliferazzjoni tal-linfoċita T u titnaqqas l-espressjoni ġenika taċ-ċitokina |
|
Fenilefrinab |
Trattament tal-glawkoma u tal-epifora |
Atropina u tropikammid |
Ma żżidx (jew iżżid kemxejn biss) il-pressjoni intraokulari |
|
Sinefrinab |
Trattament tal-membrani mukużi tal-għajn bħala dekonġestjonant |
Fenilefrina, tetriżolina |
Effett lokali mgħaġġel; ittejjeb il-penetrazzjoni tat-terapija lokali, billi tipprovdi effetti sinerġistiċi, pereżempju mat-terapija antimikrobika lokali |
|
Tetriżolinab |
Trattament tal-membrani mukużi tal-għajn bħala dekonġestjonant |
Fenilefrina, sinefrina |
Effett lokali mgħaġġel |
|
Maleat tat-timololb |
Trattament tal-glawkoma, użu topiku |
Aċetażolammid |
Il-mod speċifiku ta’ azzjoni tagħha bħala imblokkatur tar-riċetturi Beta mhux selettiv, jipprevedi għażla terapewtika importanti fit-trattament tal-glawkoma |
|
Aċetonur tat-triamċinolonb |
Trattament tal-uveite rikorrenti f’każijiet li huma rifrattarji għal trattamenti oħra |
Atropina, tropikammid |
Trattament effettiv u b’morbidità baxxa f’każijiet li huma rifrattarji għal trattamenti oħra |
|
Tropikammidb |
Trattament tal-uveite rikorrenti |
Atropina, ċiklopentolat, aċetonur tat-triamċinolon |
Bidu tal-azzjoni mgħaġġel |
XII. Sustanzi għas-sedazzjoni u għall-premedikazzjoni (u antagoniżmu)
|
Sustanza attiva (12) |
Indikazzjonijiet |
Identifikazzjoni tal-alternattivi |
Spjegazzjoni tal-użu / vantaġġi speċifiċi |
|
Aċepromażinab |
Għal approċċ multimodali għat-trankwillizzazzjoni u għall-premedikazzjoni flimkien ma’ sedattivi oħra |
Detomidina, romifidina, ksilażina, diażepam |
Il-mod ta’ azzjoni tal-aċepromażina u l-kwalità unika tagħha ta’ sedazzjoni ma jistgħux jiġu prodotti mill-agonisti alfa-2 jew mill-benżodiażepini |
|
Atipameżola |
Reversibbiltà tal-effetti tal-agonisti alfa-2 |
Ebda alternattiva mhi identifikata |
Tneħħi l-effetti sedattivi u analġeżiċi u r-reazzjonijiet kardjovaskulari avversi |
|
Deżmedetomidinab |
Sedazzjoni jew anesteżija ġenerali bħala parti minn protokolli ta’ anesteżija intravenuża parzjali jew totali |
Detomidina, romifidina, ksilażina, diażepam |
L-aktar agonista alfa-2 selettiva; nofs ħajja qasira u ridistribuzzjoni mgħaġġla, li jiffavorixxu b’mod partikolari l-użu tagħha bħala infużjoni b’rata kontinwa |
|
Diażepamb |
Premedikazzjoni u induzzjoni tal-anesteżija, trankwillizzazzjoni ħafifa b’effetti sekondarji kardjovaskulari u respiratorji minimi |
Aċepromażina, detomidina, romifidina, ksilażina |
Il-mod ta’ azzjoni (fuq ir-riċettur tal-aċidu gamma-aminobutirriku (GABA, gamma-aminobutyric acid)) jipprovdi trankwillizzazzjoni unika mingħajr depressjoni kardjorespiratorja li ma tistax tiġi prodotta mill-agonisti alfa-2 (detomidina, romifidina u ksilażina) jew aċepromażina |
|
Flumażenila |
Aġent riversiv intravenuż għall-benżodiażepina waqt l-irkupru minn tekniki ta’ Anesteżija Intravenuża Totali (TIVA, Total Intravenous Anaesthesia) |
Ebda alternattiva mhi identifikata |
Antagonista li tinibixxi b’mod kompetittiv is-sit tal-irbit tal-benżodiażepina fir-riċettur tal-GABA |
|
Nalossona |
Reversibbiltà tal-effetti tal-oppjojdi waqt emerġenzi |
Ebda alternattiva mhi identifikata |
Ebda alternattiva mhi disponibbli |
|
Propofolb |
Induzzjoni tal-anesteżija fil-moħor permezz tal-amministrazzjoni intravenuża |
Isofluran |
Titjib fl-istabbiltà kardjovaskulari u fil-kwalità tal-irkupru meta mqabbla mal-anesteżija inalatorja fil-moħor |
XIII. Sustanzi għad-disturbi sistemiċi
|
Sustanza attiva (13) |
Indikazzjonijiet |
Identifikazzjoni tal-alternattivi |
Spjegazzjoni tal-użu / vantaġġi speċifiċi |
|
Allopurinolb |
Dannu tal-iskemija-riperfużjoni neonatali |
Vitamina E |
Mod differenti ta’ azzjoni fl-inibizzjoni tal-formazzjoni ta’ speċijiet ta’ ossiġenu reattiv (ROS, reactive oxygen species) meta mqabbla mal-vitamina E |
|
Dalteparinab |
Antikoagulant |
Eparina |
Tnaqqis fid-daqs molekulari huwa assoċjat ma’ telf ta’ attività inibitorja tat-trombina, iżda għall-kuntrarju żieda fl-inibizzjoni tal-fattur Xa (FXa) meta mqabbla mal-eparina mhux frazzjonata |
|
Dobutamminab |
Ġestjoni tal-ipotensjoni taħt anesteżija ġenerali |
Efedrina |
Mediċina tal-ewwel linja għat-trattament tal-ipotensjoni f’ekwini adulti taħt anesteżija ġenerali |
|
Dopamminaa |
Bħala parti minn protokoll ta’ trattament għal dannu/insuffiċjenza akuta tal-kliewi biss |
Ebda alternattiva mhi identifikata |
Instab li dożi baxxi jikkawżaw vażodilatazzjoni fil-kliewi, żieda fil-fluss tad-demm fil-kliewi, u żieda fil-produzzjoni tal-awrina mingħajr effetti kardjovaskulari sistemiċi fi żwiemel konxji u b’saħħithom |
|
Efedrinab |
Trattament tal-ipotensjoni taħt anesteżija ġenerali |
Dobutammina |
Tintuża għat-trattament tal-ipotensjoni f’ekwini adulti taħt anesteżija ġenerali meta d-dobutammina tkun ineffettiva. Mod differenti ta’ azzjoni għad-dobutammina b’effett aktar dirett fuq il-kontrattilità kardijaka |
|
Ġelatinpolisuċċinatb |
L-indirizzar tal-ipovolemija fit-tul li tirriżulta minn kundizzjonijiet bħal pereżempju l-albumina baxxa |
Kristallojdi |
Il-kollojdi huma molekuli akbar meta mqabbla mal-kristallojdi, u b’hekk jibqgħu aktar fl-ispazju intravaskulari, li huwa vantaġġ għall-korrezzjoni tal-ipovolemija minn pereżempju l-ipoalbuminemija |
|
Glikopirrolatb |
Trattament u prevenzjoni tal-bradikardija |
Atropina |
Effett ċentrali minimu; adattata għal żwiemel konxji, qabel u wara l-anesteżija |
|
Noradrenalina / norepinefrinab |
Trattament tax-xokk settiku bikri Appoġġ għall-funzjoni kardjovaskulari f’moħor morda fi stat kritiku |
Dobutammina, dopammina |
Fil-moħor batuti (morda), din hija ġeneralment l-uniku katekolammina effettiva fit-trattament tal-ipotensjoni |
|
Vasopressinab |
Trattament tal-kollass ċirkulatorju fil-moħor u fiż-żwiemel adulti |
Epinefrina, dopammina, dobutammina |
Alternattiva f’każijiet fejn terapiji standard ta’ katekolammina bħal dopammina, dobutammina u epinefrina jkunu ineffettivi jew jeħtieġu titjib biex jirrestawraw it-ton vaskulari fi stati ta’ xokk vażodilatorju rifrattarju |
XIV. Sustanzi għat-tumuri
|
Sustanza attiva (14) |
Indikazzjonijiet |
Identifikazzjoni tal-alternattivi |
Spjegazzjoni tal-użu / vantaġġi speċifiċi |
|
Imikimoda |
Trattament tas-sarkojdi |
Ebda alternattiva mhi identifikata |
Ir-riċerka attwali tissuġġerixxi li s-sarkojdi ekwini x’aktarx jirriżultaw minn interazzjoni kumplessa li tinkludi disfunzjoni tas-sistema immunitarja ospitanti |
XV. Diversi
|
Sustanza attiva (15) |
Indikazzjonijiet |
Identifikazzjoni tal-alternattivi |
Spjegazzjoni tal-użu / vantaġġi speċifiċi |
|
Ċetiriżinab |
Trattament tal-kundizzjonijiet fejn titqies meħtieġa l-antistamina |
Klorfenammina |
Agonisti inversi tar-riċetturi tal-istamina 1 (H1) tat-tieni ġenerazzjoni huma alternattivi b’inqas effetti sekondarji (sedattivi) fuq is-sistema nervuża ċentrali (CNS, central nervous system) |
|
Domperidonb |
Trattament tal-agalattja/disgalattja fid-dwieb |
Sulpirur |
Il-kapaċità tagħha li tistimula s-sekrezzjoni tal-prolattina f’sitwazzjonijiet ta’ inibizzjoni dopamminerġika |
|
Sulpirurb |
Trattament tal-agalattja/disgalattja fid-dwieb |
Domperidon |
Il-kapaċità tagħha li tistimula s-sekrezzjoni tal-prolattina f’sitwazzjonijiet ta’ inibizzjoni dopamminerġika |
(1) Is-sustanzi attivi identifikati b’“a” huma sustanzi essenzjali. Is-sustanzi identifikati b’“b” huma sustanzi li jġibu benefiċċju kliniku miżjud.
(2) Is-sustanzi attivi identifikati b’“a” huma sustanzi essenzjali. Is-sustanzi identifikati b’“b” huma sustanzi li jġibu benefiċċju kliniku miżjud.
(3) Is-sustanzi attivi identifikati b’“a” huma sustanzi essenzjali. Is-sustanzi identifikati b’“b” huma sustanzi li jġibu benefiċċju kliniku miżjud.
(4) Is-sustanzi attivi identifikati b’“a” huma sustanzi essenzjali. Is-sustanzi identifikati b’“b” huma sustanzi li jġibu benefiċċju kliniku miżjud.
(5) Is-sustanzi attivi identifikati b’“a” huma sustanzi essenzjali. Is-sustanzi identifikati b’“b” huma sustanzi li jġibu benefiċċju kliniku miżjud.
(6) Is-sustanzi attivi identifikati b’“a” huma sustanzi essenzjali. Is-sustanzi identifikati b’“b” huma sustanzi li jġibu benefiċċju kliniku miżjud.
(7) Is-sustanzi attivi identifikati b’“a” huma sustanzi essenzjali. Is-sustanzi identifikati b’“b” huma sustanzi li jġibu benefiċċju kliniku miżjud.
(8) Is-sustanzi attivi identifikati b’“a” huma sustanzi essenzjali. Is-sustanzi identifikati b’“b” huma sustanzi li jġibu benefiċċju kliniku miżjud.
(9) Is-sustanzi attivi identifikati b’“a” huma sustanzi essenzjali. Is-sustanzi identifikati b’“b” huma sustanzi li jġibu benefiċċju kliniku miżjud.
(10) Is-sustanzi attivi identifikati b’“a” huma sustanzi essenzjali. Is-sustanzi identifikati b’“b” huma sustanzi li jġibu benefiċċju kliniku miżjud.
(11) Is-sustanzi attivi identifikati b’“a” huma sustanzi essenzjali. Is-sustanzi identifikati b’“b” huma sustanzi li jġibu benefiċċju kliniku miżjud.
(12) Is-sustanzi attivi identifikati b’“a” huma sustanzi essenzjali. Is-sustanzi identifikati b’“b” huma sustanzi li jġibu benefiċċju kliniku miżjud.
(13) Is-sustanzi attivi identifikati b’“a” huma sustanzi essenzjali. Is-sustanzi identifikati b’“b” huma sustanzi li jġibu benefiċċju kliniku miżjud.
(14) Is-sustanzi attivi identifikati b’“a” huma sustanzi essenzjali. Is-sustanzi identifikati b’“b” huma sustanzi li jġibu benefiċċju kliniku miżjud.
(15) Is-sustanzi attivi identifikati b’“a” huma sustanzi essenzjali. Is-sustanzi identifikati b’“b” huma sustanzi li jġibu benefiċċju kliniku miżjud.
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/901/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)