IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 17.7.2025
COM(2025) 407 final
2025/0225(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Protokoll Emendatorju għall-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Prinċipat ta’ Andorra dwar l-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji sabiex tittejjeb il-konformità fiskali internazzjonali
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
Din il-proposta tikkonċerna l-iffirmar tal-Protokoll Emendatorju għall-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Prinċipat ta’ Andorra (Andorra) dwar l-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji sabiex tittejjeb il-konformità fiskali internazzjonali (il-Ftehim).
Il-Ftehim jipprovdi l-bażi legali għall-iskambju awtomatiku reċiproku ta’ informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji bejn l-Istati Membri tal-UE u Andorra, f’konformità mal-Istandard Komuni ta’ Rapportar (CRS, Common Reporting Standard) żviluppat mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD, Organisation for Economic Co-operation and Development). L-istess standard huwa implimentat fl-Unjoni Ewropea skont id-Direttiva tal-Kunsill 2014/107/UE (id-DAC 2 – l-ewwel emenda tad-Direttiva 2011/16/UE dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni – id-DAC, Directive on Administrative Cooperation).
Bidliet importanti fis-CRS ġew approvati fil-livell internazzjonali fis-26 ta’ Awwissu 2022 u se japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2026. Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2023/2226 (id-DAC8) diġà implimentat dawn il-bidliet fl-Unjoni Ewropea u se tapplika wkoll mill-1 ta’ Jannar 2026.
Il-bidliet jestendu l-ambitu tas-CRS biex tiġi żgurata l-kopertura tal-prodotti ta’ ħlas elettroniku u l-muniti diġitali tal-bank ċentrali. Ikomplu jtejbu aktar il-proċeduri tad-diliġenza dovuta u l-eżiti tar-rapportar, bil-għan li jżidu l-kapaċità tal-użu tal-informazzjoni tas-CRS għall-awtoritajiet tat-taxxa u jillimitaw il-piżijiet fuq l-istituzzjonijiet finanzjarji, meta jkun possibbli.
Sabiex jiġi żgurat li l-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji bejn l-Istati Membri tal-UE u Andorra jkun allinjat mas-CRS aġġornat u jkompli jsir f’konformità miegħu mill-1 ta’ Jannar 2026, kien meħtieġ li jiġu nnegozjati u miftiehma emendi korrispondenti tal-Ftehim.
F’Mejju 2018, beda japplika r-Regolament (UE) 2016/679 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data, “GDPR”, General Data Protection Regulation).
Sabiex jiġi żgurat li l-Ftehim jirrifletti dawn l-aġġornamenti, kien meħtieġ li jitneħħew ir-referenzi għad-Direttiva 95/46/KE mħassra u li dawn ir-referenzi jiġu sostitwiti b’referenzi għar-Regolament (UE) 2016/679. Fl-istess ħin, ir-referenzi għal-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ Andorra dwar il-protezzjoni tad-data ġew aġġornati wkoll. Barra minn hekk, dawn l-emendi jirriflettu l-applikazzjoni kontinwa tad-Deċiżjoni ta’ Adegwatezza tal-UE dwar Andorra.
Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati għall-emendar tal-Ftehim li jikkonċerna l-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji biex tittejjeb il-konformità fiskali internazzjonali bejn l-Unjoni Ewropea u Andorra ġiet adottata fil-21 ta’ Mejju 2024.
Saru diversi ċikli ta’ negozjati u ntlaħaq ftehim provviżorju f’April 2025. Sussegwentement, l-abbozz tat-test tal-Protokoll Emendatorju ġie inizjalat mill-Kapijiet Negozjaturi fit-18 ta’ Ġunju 2025.
Il-Kunsill ġie infurmat b’mod konsistenti dwar il-progress fin-negozjati fil-Grupp ta’ Ħidma dwar Kwistjonijiet ta’ Taxxa u fil-Grupp ta’ Ħidma ta’ Livell Għoli. B’mod partikolari, it-test tal-abbozz tal-Protokoll Emendatorju ġie kondiviż u diskuss mal-Istati Membri qabel ma ġie inizjalat. It-test inizjalat ġie kondiviż ukoll mal-Parlament Ewropew.
Il-Kummissjoni tqis li l-objettivi stabbiliti mill-Kunsill fid-direttivi ta’ negozjati tiegħu ntlaħqu u li t-test innegozjat huwa aċċettabbli għall-Unjoni.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika kkonċernat
L-emenda tal-Ftehim ġiet innegozjata f’konformità mad-direttivi ta’ negozjati komprensivi adottati mill-Kunsill fil-21 ta’ Mejju 2024.
Il-Protokoll Emendatorju nnegozjat jiżgura li l-ftehim eżistenti bejn l-Unjoni Ewropea u Andorra jibqa’ allinjat mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fl-istess qasam, b’mod partikolari d-DAC kif emendata bid-DAC8.
Id-DAC8 tinkludi, fost emendi oħrajn, l-aktar bidliet reċenti fis-CRS tal-OECD. Fid-dawl tar-relazzjoni mill-qrib f’dan il-qasam bejn l-Unjoni Ewropea u Andorra, huwa importanti li tissaħħaħ, fuq l-istess linji, il-kooperazzjoni amministrattiva mal-awtoritajiet tat-taxxa tagħhom fil-qasam tal-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji. L-aġġornament f’waqtu tal-Ftehim jiżgura l-kontinwazzjoni bla xkiel u effettiva ta’ din il-kooperazzjoni amministrattiva wara l-1 ta’ Jannar 2026.
L-emendi tal-Ftehim iqisu wkoll il-politiki tal-Unjoni fil-qasam tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, minħabba li l-attivitajiet ta’ Diliġenza Dovuta fir-rigward tal-Klijenti li għandhom jitwettqu mill-Istituzzjonijiet Finanzjarji, bil-għan li tinġabar l-informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji li għandha tiġi skambjata skont il-Ftehim, se jkunu sostanzjalment allinjati ma’ dawk li l-istess Istituzzjonijiet Finanzjarji jridu japplikaw bħala entitajiet marbutin b’obbligu skont il-qafas legali tal-Unjoni Ewropea fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.
Dan il-Protokoll Emendatorju jqis ukoll il-politiki tal-Unjoni fil-qasam tal-ħarsien tad-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari dwar il-protezzjoni tad-data personali f’każ li din id-data tingħadda lil pajjiżi mhux tal-UE u mhux taż-ŻEE.
Fir-rigward tal-partijiet li jikkonċernaw is-CRS, il-Ftehim innifsu jinkludi, fl-Artikolu 8, dispożizzjoni li tirrikjedi li l-Partijiet Kontraenti jikkonsultaw lil xulxin f’kull okkażjoni meta tiġi adottata bidla importanti fil-livell tal-OECD għal kwalunkwe wieħed mill-elementi tas-CRS. L-Artikolu jipprevedi wkoll li wara dawn il-konsultazzjonijiet, il-Ftehim jista’ jiġi emendat permezz ta’ protokoll bejn il-Partijiet Kontraenti. Peress li fis-26 ta’ Awwissu 2022 ġew approvati bidliet importanti fis-CRS fl-OECD, u f’konformità mal-kompetenza esklużiva tal-Unjoni li tirriżulta mill-Ftehim eżistenti, il-Protokoll Emendatorju jimplimenta l-bidliet kollha li huma meħtieġa biex jirriflettu l-bidliet korrispondenti fis-CRS. L-implimentazzjoni ta’ dawk il-bidliet fl-Unjoni ġiet prevista permezz tad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2023/2226.
2.BAŻI LEGALI, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi legali
Minħabba li l-objettiv u l-komponenti ewlenin tal-Ftehim huma li tittejjeb il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni diretta, il-bażi legali sostantiva hija l-Artikolu 115 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).
Minħabba li l-Artikolu 115 tat-TFUE jirrikjedi unanimità għal att tal-Unjoni, il-bażi legali proċedurali għall-konklużjoni ta’ dan il-Protokoll Emendatorju għandha tinkludi t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(8) tat-TFUE. Għalhekk, il-bażi legali proċedurali għad-deċiżjoni proposta li tawtorizza l-iffirmar tal-ftehim previst hija l-Artikolu 218(5) tat-TFUE flimkien mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(8) tat-TFUE.
•
Kompetenza tal-Unjoni
Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva fejn ftehim jista’ jaffettwa regoli komuni jew ibiddel il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom. Din il-ġurisprudenza ġiet minquxa fl-Artikolu 3(2) tat-TFUE. L-Artikolu 3(2) tat-TFUE jipprevedi li, minbarra l-oqsma li fihom l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva elenkati fl-Artikolu 3(1) tat-TFUE, l-Unjoni “għandha wkoll kompetenza esklużiva li tikkonkludi ftehim internazzjonali meta l-konklużjoni tiegħu tkun prevista f’att leġiżlattiv tal-Unjoni, jew tkun meħtieġa sabiex l-Unjoni tkun tista’ teżerċita l-kompetenza interna tagħha, jew sal-punt fejn il-konklużjoni tiegħu tista’ tolqot xi regoli komuni jew tbiddel il-kamp tal-applikazzjoni tagħhom”.
•Proporzjonalità
Il-Protokoll Emendatorju jħares il-prinċipju tal-proporzjonalità u ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq l-objettiv li jiġi aġġornat il-Ftehim, jiġifieri li jiġu inkorporati l-bidliet fl-Istandard Komuni ta’ Rapportar li għandhom jidħlu fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2026. Dawn l-emendi se jippermettu lill-Istati Membri jkomplu bl-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji ma’ Andorra mingħajr interruzzjoni, u b’mod li jallinja mar-rekwiżiti l-ġodda tas-CRS, kif diġà inkorporati fid-DAC8.
•Għażla tal-istrument
L-Artikolu 218(5) tat-TFUE jipprevedi li l-Kummissjoni jew ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà għandhom jippreżentaw proposti lill-Kunsill, li għandu jadotta deċiżjoni li tawtorizza l-iffirmar u, jekk ikun meħtieġ, l-applikazzjoni provviżorja ta’ ftehim internazzjonali. Minħabba s-suġġett tal-ftehim previst, jixraq li l-Kummissjoni tippreżenta proposta għal dak l-għan.
3.RIŻULTATI TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Valutazzjoni tal-impatt
Skont l-għodda 7 tar-Regolamentazzjoni Aħjar, ma hijiex meħtieġa valutazzjoni tal-impatt, fost l-oħrajn, meta l-Kummissjoni ftit li xejn ikollha għażla fil-kwistjoni.
Din il-kundizzjoni hija ssodisfata f’dan il-każ peress li l-emendi tal-Ftehimiet eżistenti fir-rigward tal-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji jallinjaw bis-sħiħ mal-bidliet fis-CRS li ġew miftiehma fil-livell tal-OECD u li diġà ġew inkorporati fid-dritt tal-UE permezz tad-DAC8. Fir-rigward tal-aġġornamenti dwar il-protezzjoni tad-data, dawn sempliċiment għandhom l-għan li jaġġornaw ir-referenzi għal-leġiżlazzjoni tal-UE u ta’ Andorra dwar il-protezzjoni tad-data.
•Drittijiet fundamentali
Il-Protokoll Emendatorju previst għall-Ftehim se jħares il-valuri ewlenin tal-Unjoni Ewropea kif stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Il-proposta ma għandhiex implikazzjonijiet għall-baġit tal-UE.
5.ELEMENTI OĦRA
•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
L-emendi previsti jkopru l-punti li ġejjin:
1. Emendi biex jiġi żgurat li l-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji bejn l-Istati Membri u Andorra skont il-Ftehim eżistenti jiġi allinjat mas-CRS aġġornat u jkompli jsir f’konformità miegħu mill-1 ta’ Jannar 2026
L-emendi previsti jespandu l-ambitu tar-rapportar biex jinkludi prodotti finanzjarji diġitali ġodda, bħal Prodotti ta’ Ħlas Elettroniku Speċifikati u Muniti Diġitali tal-Bank Ċentrali. Fl-istess ħin u bil-għan li jittejbu l-affidabbiltà u l-użu tal-informazzjoni skambjata, l-emendi jintroduċu rekwiżiti tar-rapportar aktar dettaljati u proċeduri msaħħa tad-diliġenza dovuta. Dawn ir-rekwiżiti ta’ rapportar u ta’ skambju ta’ informazzjoni emendatorji huma previsti fl-Artikolu 2, fl-Artikolu 3 u fl-Anness I. Se japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2026.
L-emendi fihom ukoll dispożizzjonijiet biex tiġi żgurata interazzjoni effiċjenti bejn is-CRS u l-Qafas għar-Rapportar tal-Kriptoassi (CARF, Crypto-Asset Reporting Framework) separat żviluppat mill-OECD. Dawn id-dispożizzjonijiet jagħmluha possibbli li jiġu limitati l-każijiet ta’ rapportar doppju, filwaqt li jinżamm ammont massimu ta’ flessibbiltà operazzjonali tal-Istituzzjonijiet Finanzjarji Rapportanti li huma wkoll soġġetti għall-obbligi skont il-CARF. Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom japplikaw biss mid-data meta Andorra tibda tapplika l-CARF mal-Istati Membri kollha.
2. Aġġornament tar-referenza legali dwar il-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data
Ir-referenzi kollha għad-Direttiva 95/46/KE ġew sostitwiti b’referenzi għall-GDPR.
Fl-istess ħin, ir-referenza legali għal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-data ta’ Andorra ġiet aġġornata għal-Liġi Kwalifikata 29/2021 dwar il-protezzjoni tad-data personali (l-Att dwar il-Protezzjoni tad-Data).
•L-iffirmar u t-test tal-Protokoll Emendatorju
It-test tal-Protokoll Emendatorju huwa ppreżentat lill-Kunsill flimkien ma’ din il-proposta. It-test tad-dikjarazzjonijiet konġunti huwa ppreżentat flimkien ma’ din il-proposta.
F’konformità mat-Trattati, huwa f’idejn il-Kummissjoni li tiżgura l-iffirmar tal-Protokoll Emendatorju, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard.
2025/0225 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Protokoll Emendatorju għall-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Prinċipat ta’ Andorra dwar l-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji sabiex tittejjeb il-konformità fiskali internazzjonali
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 115, flimkien mal-Artikolu 218(5) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(8) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Prinċipat ta’ Andorra dwar l-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji sabiex tittejjeb il-konformità fiskali internazzjonali (“il-Ftehim”) tejjeb l-assistenza reċiproka fi kwistjonijiet fiskali bejn il-Partijiet Kontraenti u tejjeb il-konformità fiskali internazzjonali.
(2)Ġew approvati bidliet importanti fl-Istandard Komuni ta’ Rapportar (CRS, Common Reporting Standard) fil-livell internazzjonali fis-26 ta’ Awwissu 2022 u dawn ġew introdotti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni bl-emenda tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE bid-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2023/2226.
(3)Fil-21 ta’ Mejju 2024, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati mal-Prinċipat ta’ Andorra għal emenda tal-Ftehim biex jiġu riflessi l-bidliet fis-CRS approvati fil-livell internazzjonali. In-negozjati ġew konklużi b’suċċess bl-inizjalar tal-Protokoll Emendatorju għall-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Prinċipat ta’ Andorra dwar l-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji sabiex tittejjeb il-konformità fiskali internazzjonali (“il-Protokoll Emendatorju għall-Ftehim”).
(4)Il-Protokoll Emendatorju għall-Ftehim jespandi l-ambitu tar-rapportar għas-CRS biex jinkludi prodotti finanzjarji diġitali ġodda, bħal Prodotti ta’ Flus Elettroniċi Speċifikati u Muniti Diġitali tal-Bank Ċentrali filwaqt li fl-istess ħin jintroduċi rekwiżiti tar-rapportar aktar dettaljati u proċeduri msaħħa tad-diliġenza dovuta. Jaġġorna wkoll ir-referenzi legali għal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data tal-Partijiet Kontraenti.
(5)Għalhekk, jenħtieġ li l-Protokoll Emendatorju għall-Ftehim jiġi ffirmat f’isem l-Unjoni u jenħtieġ li d-dikjarazzjonijiet konġunti mehmuża jiġu approvati.
(6)Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (KE) Nru 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Protokoll Emendatorju għall-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Prinċipat ta’ Andorra dwar l-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji sabiex tittejjeb il-konformità fiskali internazzjonali huwa b’dan awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni tal-imsemmi Protokoll Emendatorju.
Artikolu 2
Id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Partijiet Kontraenti dwar id-dħul fis-seħħ tal-Protokoll Emendatorju, id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Partijiet Kontraenti dwar il-Ftehim u l-Annessi u d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Partijiet Kontraenti dwar l-Artikolu 5 tal-Ftehim huma b’dan approvati.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President