Brussell, 16.7.2026

COM(2026) 373 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, kif meħtieġ skont l-Artikolu 118 għall-perjodu 2020–2024


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, kif meħtieġ skont l-Artikolu 118 għall-perjodu 2020–2024

1.Introduzzjoni u sfond

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 1 (“ir-Regolament dwar il-Kontroll”) jipprevedi sistema ta’ kontroll tas-sajd tal-UE biex tiġi żgurata l-konformità mar-regoli tal-politika komuni tas-sajd 2 (PKS). Flimkien mar-regolament dwar is-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU) 3 u mar-regolament dwar il-ġestjoni sostenibbli tal-flotta esterna 4 , ir-Regolament dwar il-Kontroll jistabbilixxi regoli u miżuri għall-kontroll, għall-ispezzjoni u għall-infurzar abbażi ta’ approċċ globali u integrat. Ir-Regolament dwar il-Kontroll huwa pilastru fundamentali tal-PKS li jipprovdi sett komprensiv ta’ għodod biex jiġi żgurat li jiġi implimentat b’mod sħiħ u effettiv.

Il-governanza u l-implimentazzjoni tas-sistema ta’ kontroll tas-sajd fl-UE tinvolvi l-Istati Membri, il-Kummissjoni Ewropea, l-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd (EFCA) 5 u operaturi kummerċjali. Ir-Regolament dwar il-Kontroll japplika għall-katina kollha tal-attivitajiet tas-sajd mix-xibka sal-platt.

Dan id-dokument jissodisfa r-rekwiżit legali għall-Kummissjoni li tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni tar-Regolament dwar il-Kontroll fl-Istati Membri kull 5 snin (l-Artikolu 118(2) tar-Regolament dwar il-Kontroll).

Fl-2017 u fl-2021, il-Kummissjoni adottat ir-rapporti dwar l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tar-Regolament dwar il-Kontroll li jkopru l-perjodi ta’ 5 snin, 2010–2014 u 2015–2019 6 . Ir-rapporti wrew li r-Regolament dwar il-Kontroll huwa essenzjali biex jintlaħqu l-objettivi tal-PKS u biex jiġu infurzati l-miżuri ta’ konservazzjoni u ġestjoni. Il-prinċipji u d-dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar il-Kontroll kienu maħsuba biex jindirizzaw kwistjonijiet li fil-passat wasslu għal konformità dgħajfa mar-regoli tas-sajd u ma’ sajd eċċessiv estensiv. Madankollu, l-awditi u l-verifiki mwettqa mill-Kummissjoni identifikaw nuqqasijiet sinifikanti rigward l-implimentazzjoni tar-regoli essenzjali tal-UE. Dawn in-nuqqasijiet jistgħu jipperikolaw l-ilħuq tal-objettivi fit-tul tal-PKS. Barra minn hekk, għalkemm ir-Regolament dwar il-Kontroll għen biex itejjeb kemm is-sistema ta’ kontroll tas-sajd kif ukoll il-konformità mar-regoli tal-PKS, ma kienx kompletament adattat għall-iskop tiegħu (ara t-Taqsima 3.1). Biex tgħin tindirizza n-nuqqasijiet identifikati, il-Kummissjoni adottat proposta biex tirrevedi s-sistema ta’ kontroll tas-sajd tal-UE 7 . Ir-regolament emendatorju ġie adottat fl-2023 8 (“ir-Regolament dwar il-Kontroll rivedut”). Ħafna mill-emendi introdotti mir-reviżjoni tal-2023 japplikaw biss minn Jannar 2026 u għalhekk ma humiex ikkunsidrati għal dan l-eżerċizzju ta’ rappurtar. Minn meta daħal fis-seħħ ir-Regolament dwar il-Kontroll rivedut, il-Kummissjoni tat prijorità lit-tħejjija u lill-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni sekondarja meħtieġa. Madankollu, dan se jseħħ prinċipalment wara l-perjodu ta’ rappurtar 9 .

L-adozzjoni tar-Regolament dwar il-Kontroll rivedut tirrappreżenta żvilupp politiku maġġuri matul il-perjodu kopert. Huwa pass kruċjali lejn kontroll aktar effettiv, modern u konsistenti b’appoġġ għall-ġestjoni tas-sajd. Jindirizza dgħufijiet li ilhom jeżistu fil-ġbir ta’ data dwar il-qabdiet u dwar l-attivitajiet tal-bastimenti permezz tal-użu estiż ta’ sistemi ta’ reġistrazzjoni diġitali u monitoraġġ elettroniku mill-bogħod (REM), u b’hekk itejjeb b’mod sinifikanti l-akkuratezza u t-trasparenza u joħloq kundizzjonijiet ekwi. Permezz tad-diġitalizzazzjoni, il-qafas rivedut għandu l-għan li jsaħħaħ l-implimentazzjoni tal-obbligu tal-ħatt l-art u jappoġġa l-konformità mal-objettivi ta’ konservazzjoni. Introduċa wkoll monitoraġġ aktar strutturat u diġitali ta’ bastimenti ta’ inqas minn 12-il metru fit-tul totali (LOA) u tas-sajd rikreattiv permezz ta’ sistemi diġitali ta’ reġistrazzjoni tal-qabdiet u tejjeb is-sistema ta’ sanzjonar u tal-kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni tagħha fl-Istati Membri u bejniethom. Ippromwova s-simplifikazzjoni amministrattiva u t-tnaqqis tal-kostijiet, b’mod partikolari billi ssostitwixxa l-proċeduri bbażati fuq il-karta b’soluzzjonijiet diġitali, li jibbenefikaw kemm lill-awtoritajiet kif ukoll lill-operaturi.

Dan it-tielet rapport jipprovdi ħarsa ġenerali lejn l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ewlenin tar-Regolament dwar il-Kontroll għall-perjodu 2020–2024. L-informazzjoni ppreżentata ġejja minn: (i) data rrappurtata mill-Istati Membri skont l-Artikolu 118 tar-Regolament dwar il-Kontroll 10 ; (ii) informazzjoni minn awditi, verifiki u spezzjonijiet; u (iii) diskussjonijiet li saru fi gruppi ta’ esperti dwar il-kontroll tas-sajd u dwar il-konformità.

2.Implimentazzjoni tar-Regolament dwar il-Kontroll mill-Istati Membri

L-Istati Membri huma responsabbli biex jiżguraw l-implimentazzjoni tas-sistema ta’ kontroll tas-sajd. Fl-2020–2024, l-Istati Membri komplew itejbu l-implimentazzjoni tar-Regolament dwar il-Kontroll, għalkemm ġew identifikati nuqqasijiet sinifikanti f’diversi Stati Membri matul il-perjodu ta’ rappurtar, b’mod partikolari fir-rigward tad-dispożizzjonijiet essenzjali dwar l-użin u r-reġistrazzjoni tal-qabdiet. Dawn il-punti huma koperti f’aktar dettall hawn taħt.



2.1.Il-kundizzjonijiet għall-aċċess għall-ilmijiet u għar-riżorsi u għall-kontroll tal-ġestjoni tal-flotta

L-allinjament tal-attivitajiet tas-sajd mar-regoli tal-PKS jirrikjedi li dawn l-attivitajiet jitwettqu b’liċenzja tas-sajd u, meta japplikaw ċerti kundizzjonijiet, b’awtorizzazzjoni tas-sajd. Matul il-perjodu ta’ rappurtar, l-għadd totali ta’ liċenzji tas-sajd validi rrappurtati mill-Istati Membri naqas b’6 %, minn 72 562 fl-2020 għal 68 085 fl-2024. Matul l-istess perjodu, l-Istati Membri rrappurtaw 1 669 liċenzja tas-sajd sospiżi temporanjament u 6 368 irtirati b’mod permanenti. L-għadd ta’ awtorizzazzjonijiet tas-sajd naqas ukoll bi 8 %, minn 35 128 fl-2020 għal 32 474 fl-2024, b’99 sospiżi temporanjament u 1 664 irtirati b’mod permanenti.

Biex jiġi żgurat kontroll effettiv, l-Istati Membri jridu joperaw sistema ta’ monitoraġġ tal-bastimenti (VMS). Il-bastimenti tas-sajd ta’ 12-il metru LOA jew aktar iridu jkunu mgħammra b’apparat li jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jillokalizzawhom u jidentifikawhom awtomatikament. Analiżi tad-data rrappurtata turi li l-kopertura tal-VMS kienet ta’ 98 % għal bastimenti li jaqbżu l-15-il metru fl-2020, u niżlet xi ftit għal 96 % fl-2024. Kien hemm żieda fl-għadd ta’ bastimenti ta’ bejn 12 u 15-il metru LOA mgħammra b’VMS, minn 36 % fl-2020 għal 48 % fl-2024. L-Istati Membri rrappurtaw ukoll żieda fil-perċentwal ta’ bastimenti li jaqbżu l-15-il metru LOA mgħammra b’sistemi ta’ identifikazzjoni awtomatika (AIS), minn 80 % fl-2020 għal 84 % fl-2024.

Il-VMS huwa komponent kruċjali fil-monitoraġġ u fil-kontroll tal-attivitajiet tas-sajd, li jinvolvi l-użu ta’ sistemi ta’ traċċar ibbażati fuq satelliti biex jiġu mmonitorjati l-pożizzjoni u l-moviment tal-bastimenti tas-sajd. Ir-Regolament ta’ Kontroll rivedut espanda l-użu tal-VMS għal kategoriji ta’ flotta li ma kinux koperti għalkollox u introduċa sistema eħfef għal bastimenti ta’ inqas minn 12-il metru LOA mill-2028 ’il quddiem. L-indirizzar tan-nuqqas ta’ kopertura ta’ din il-kategorija ta’ bastimenti kbira ħafna huwa kisba sinifikanti. Ir-Regolament dwar il-Kontroll rivedut speċifika wkoll kif id-data miġbura mill-VMS u minn sistemi oħra ta’ traċċar għandha tiġi rrappurtata u użata mill-awtoritajiet għal skopijiet ta’ kontroll u spezzjoni.

Element ewlieni tas-sistema ta’ kontroll tas-sajd tal-UE huwa l-kontroll tal-potenza tal-magna. Il-potenza tal-magna u t-tunnellaġġ gross huma ż-żewġ indikaturi tal-kapaċità ġestiti permezz tal-iskema tad-dħul/ħruġ, bil-PKS tistabbilixxi limiti għat-tnejn. Il-ġestjoni tal-kapaċità tal-flotta, inkluża l-iskema tad-dħul/ħruġ għar-reġistru tal-flotta tas-sajd tal-UE, għalhekk tiddependi fuq ir-reġistrazzjoni preċiża u affidabbli ta’ dawn il-parametri. Wara l-identifikazzjoni tan-nuqqasijiet fis-sistemi ta’ kontroll tal-potenza tal-magna tal-Istati Membri, żvelati mill-istudju tal-Kummissjoni tal-2019 11 , il-Kummissjoni bdiet djalogi mal-Istati Membri, inkluż 15-il djalogu ta’ qabel il-ksur. Ħafna Stati Membri żiedu l-isforzi tagħhom biex jissodisfaw l-obbligu li jiċċertifikaw u jivverifikaw il-potenza tal-magna. Bi tweġiba għat-talbiet għal appoġġ addizzjonali, f’Settembru 2022 ġie stabbilit grupp ta’ ħidma tekniku, magħmul minn esperti tal-Istati Membri u appoġġat minn espert estern fil-potenza tal-magna, biex isegwi l-konklużjonijiet tal-istudju tal-2019. Ir-Regolament dwar il-Kontroll rivedut jindirizza n-nuqqasijiet identifikati. Ir-rekwiżit li tiġi mmonitorjata kontinwament il-potenza tal-magna tal-bastimenti b’riskju għoli jidħol fis-seħħ fl-10 ta’ Jannar 2028 12 . Il-grupp ta’ ħidma żviluppa speċifikazzjonijiet tekniċi biex jgħin lill-Istati Membri jimplimentaw dan ir-rekwiżit. Dawn id-dokumenti ta’ gwida huma mfassla biex jgħinu lill-Istati Membri jippreparaw għall-implimentazzjoni b’suċċess u f’waqtha tagħhom. Iż-żewġ dokumenti ta’ gwida huma aċċessibbli għall-pubbliku permezz tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Kummissjoni 13 , u jiffaċilitaw it-tħejjijiet tal-Istati Membri għar-regoli l-ġodda li jidħlu fis-seħħ fl-2028. Il-kollegament kontinwu u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni għandhom l-għan li jiżguraw il-prontezza u l-konformità.

Biex jittejjeb il-monitoraġġ tad-data u biex tittejjeb il-kapaċità tal-flotta fil-livell tal-UE, il-Kummissjoni żżomm reġistru tal-flotta tal-UE 14 . Dan ir-reġistru jinkludi bażi tad-data li hija parzjalment aċċessibbli għall-pubbliku.

2.2.L-għodod għar-rappurtar tal-qbid, tal-użin u tat-traċċabilità

Biex jiġi ffaċilitat monitoraġġ effettiv, il-bastimenti tas-sajd tal-UE b’tul ta’ 10 metri jew aktar huma meħtieġa jżommu ġurnal ta’ abbord dwar is-sajd. Għall-bastimenti b’tul ta’ 12-il metru jew aktar dan irid ikun elettroniku (ġurnal ta’ abbord tas-sajd elettroniku), għalkemm, matul il-perjodu ta’ rappurtar, eżenzjoni ppermettiet lil ċerti bastimenti bejn it-12 u l-15-il metru LOA li jużaw ġurnal ta’ abbord stampat 15 . Id-data turi xejra ġenerali lejn tnaqqis fl-użu tal-ġurnali ta’ abbord stampati. Il-perċentwal ta’ bastimenti li jaqbżu t-12-il metru li kellhom ġurnal ta’ abbord elettroniku kien ta’ 94 % fl-2020 u aktar minn 95 % fl-2024. Il-perċentwal ta’ bastimenti ta’ bejn 10 metri u 12-il metru LOA li użaw ġurnali ta’ abbord elettroniċi żdied ukoll minn 49 % fl-2020 għal 66 % fl-2024.

Il-monitoraġġ tal-qabdiet għal bastimenti li huma inqas minn 10 metri LOA kellu jitwettaq permezz ta’ pjanijiet ta’ kampjunar, ġurnali ta’ abbord stampati, jew noti tal-bejgħ. Il-proporzjon ta’ bastimenti soġġetti għal kull wieħed minn dawn il-metodi ta’ monitoraġġ kien pjuttost stabbli matul il-perjodu ta’ rappurtar, u varja bi ftit punti perċentwali biss matul is-snin. Il-pjanijiet ta’ kampjunar kienu l-aktar tip ta’ metodu ta’ monitoraġġ użat ta’ spiss. Minbarra dawn il-forom ta’ kontroll, l-użu ta’ ġurnali ta’ abbord elettroniċi żdied minn 537 fl-2020 għal 1 743 fl-2024, żieda ta’ 225 %.

Ir-Regolament dwar il-Kontroll rivedut se jappoġġa din ix-xejra, billi jestendi gradwalment l-użu ta’ ġurnali ta’ abbord elettroniċi għall-bastimenti kollha ta’ kull daqs.

L-użin u r-reġistrazzjoni akkurati tal-qabdiet huma l-pedament tal-ġestjoni tas-sajd. L-użin u r-reġistrazzjoni tal-qbid huma essenzjali għal skopijiet ta’ kontroll ta’ data xjentifika, jimmonitorjaw l-użu tal-kwota u jipprevjenu sajd eċċessiv. Matul il-perjodu ta’ rappurtar, twettqu bosta verifiki tal-użin u tar-reġistrazzjoni tal-qbid mill-Kummissjoni fl-Istati Membri f’diversi baċiri tal-baħar. F’ħafna każijiet is-sejbiet tal-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni kkonfermaw nuqqasijiet konsiderevoli fl-użin u fir-reġistrazzjoni tal-qabdiet, b’mod partikolari għal qabdiet magħżula u mhux magħżula fil-Baħar Baltiku, fil-Baħar tat-Tramuntana u fl-Ilmijiet tal-Punent. Ħafna minn dawn in-nuqqasijiet huma kwistjonijiet li ilhom jeżistu li kienu ġew identifikati f’evalwazzjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni. Is-sitwazzjonijiet ivarjaw minn Stat Membru għal ieħor, iżda n-nuqqasijiet misjuba jinkludu l-użin fuq sistemi mhux approvati, in-nuqqas li jintiżnu l-prodotti kollha tas-sajd, in-nuqqas ta’ tneħħija tal-ilma u tas-silġ tal-qabdiet qabel l-użin, tnaqqis mhux konformi mir-riżultati tal-użin, nuqqas ta’ kontroll u infurzar effettiv u reġistrazzjoni arbitrarja tal-qabdiet wara l-użin. Dawn in-nuqqasijiet idgħajfu l-ilħuq tal-objettivi tal-PKS u, f’xi każijiet, jikkontribwixxu għat-tnaqqis fl-istatus bijoloġiku tal-istokkijiet. Il-Kummissjoni ħadmet mal-Istati Membri kkonċernati biex tiddiskuti azzjonijiet ta’ segwitu, inkluż billi tistabbilixxi pjanijiet ta’ azzjoni biex tirrimedja l-kwistjonijiet identifikati.

Ir-Regolament dwar il-Kontroll rivedut se jgħin ukoll biex tiġi indirizzata din is-sitwazzjoni. Dan jirrikjedi li l-użin isir minn operaturi awtorizzati bl-użu ta’ sistemi approvati mill-Istati Membri. Id-derogi mir-rekwiżit li l-qabdiet kollha jgħaddu mill-użin malli jinħattu l-art qabel it-trasport, permezz ta’ teħid ta’ kampjuni, kontroll, u programmi ta’ kontroll komuni, jibqgħu fis-seħħ iżda se jiġu armonizzati mill-Kummissjoni permezz ta’ leġiżlazzjoni sekondarja.

Minkejja l-progress f’termini ta’ traċċabilità, it-tħassib jippersisti, hekk kif l-Istati Membri jkomplu jesploraw diversi soluzzjonijiet biex jiżguraw it-traċċabilità tal-prodotti tas-sajd. Saru gradi differenti ta’ progress fl-implimentazzjoni ta’ rekwiżiti ta’ traċċabilità li ilhom jeżistu għall-prodotti tas-sajd, filwaqt li jaderixxu ma’ oqfsa regolatorji li għandhom l-għan li jiżguraw it-trasparenza u l-obbligu ta’ rendikont tal-oriġini tal-prodott fil-katina kollha tal-provvista għal prodotti friski u ffriżati. Xi Stati Membri adottaw sistemi diġitali għar-reġistrazzjoni u għat-traċċar tal-prodotti tas-sajd mill-punti tal-qbid tagħhom sal-bejgħ bl-imnut, u b’hekk tejbu t-traċċabilità u l-konformità.

Diversi Stati Membri rrappurtaw li s-sistemi ta’ traċċabilità huma integrati fis-sistemi nazzjonali ta’ informazzjoni dwar is-sajd, li jippermettu traċċar diġitali effiċjenti tal-prodotti tas-sajd. Il-pjattaformi diġitali jippermettu d-dħul tad-data f’kull stadju tal-katina tal-provvista—minn rappurtar tal-qabdiet mis-sajjieda sal-ipproċessar u d-distribuzzjoni bl-użu ta’ identifikaturi uniċi jew kodiċijiet QR biex iżommu rekords kompluti aċċessibbli għall-verifika.

Sadanittant, Stati Membri oħra introduċew titjib teknoloġiku bħal applikazzjonijiet għall-apparati mobbli u software ddisinjati speċifikament biex itejbu t-traċċabilità. Dawn l-għodod jiffaċilitaw il-kondiviżjoni tal-informazzjoni fost l-operaturi tas-sajd, l-ispetturi u x-xerrejja, u jappoġġaw monitoraġġ fil-fond waqt l-ispezzjonijiet, li jippermettu l-ġenerazzjoni ta’ rapporti f’ħin reali biex tiġi żgurata l-integrità tal-katina tal-provvista. Għad hemm sfidi, partikolarment biex tinkiseb konformità sħiħa fil-katina tal-provvista kollha, bl-istandardizzazzjoni meħtieġa fis-setturi tal-bejgħ bl-imnut u bl-ingrossa. Xi Stati Membri joqogħdu lura milli jinfurzaw konformità komprensiva sakemm tinkiseb konsistenza madwar l-UE, u jinnutaw disparitajiet fl-adozzjoni tat-teknoloġija u fl-infurzar tal-politika. Il-kumpaniji multinazzjonali wkoll isibuha diffiċli biex jallinjaw l-operazzjonijiet bejn il-fruntieri, u dan jenfasizza l-ħtieġa għal regolamenti armonizzati.

Ir-Regolament dwar il-Kontroll rivedut se jgħin biex jindirizza dan it-tħassib. Dan introduċa gradwalment id-diġitalizzazzjoni għar-rekwiżiti eżistenti tat-traċċabilità u estenda dawn ir-rekwiżiti għal prodotti friski u ffriżati mill-2029 ’il quddiem, soġġett għal regoli aktar dettaljati li għandhom jiġu adottati permezz ta’ leġiżlazzjoni sekondarja.

2.3.Programmi speċifiċi ta’ kontroll u ta’ spezzjoni (SCIPs)

Il-programmi speċifiċi ta’ kontroll u ta’ spezzjoni (SCIPs) adottati mill-Kummissjoni għal sitt baċiri tal-baħar tal-UE 16 ġew implimentati mill-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd (EFCA) u mill-Istati Membri fil-livell nazzjonali. L-EFCA żgurat il-koordinazzjoni operazzjonali tal-attivitajiet ta’ spezzjoni fil-livell reġjonali permezz ta’ pjanijiet ta’ eżerċizzju konġunt (JDPs). L-għadd totali ta’ spezzjonijiet imwettqa mill-Istati Membri u l-EFCA bħala parti mill-JDPs mill-2020 sal-2024 kien ta’ aktar minn 230 000, b’aktar minn 45 000 spezzjoni mwettqa fl-2024. Il-perċentwal ta’ ksur suspettat 17 mill-operaturi kemm għall-ispezzjonijiet fuq il-baħar kif ukoll fuq l-art kien medja ta’ 8 %, b’medji bejn is-snin u l-baċiri tal-baħar li jvarjaw minn 2 % sa aktar minn 50 % 18 . Il-biċċa l-kbira tal-ksur suspettat minn operaturi identifikati matul l-ispezzjonijiet tal-JDP fuq il-baħar u fuq l-art kienu relatati ma’ rappurtar ħażin tal-qabdiet u ma’ nuqqas ta’ konformità mar-regoli dwar miżuri tekniċi. Fl-2024, il-ksur suspettat minn operaturi relatat ma’ rappurtar ħażin ammonta għal aktar minn 40 % tal-għadd totali ta’ ksur suspettat fiż-żoni kollha ħlief fil-Baħar Mediterran. Il-ksur b’rappurtar ħażin laħaq kważi 80 % tal-ksur suspettat minn operaturi fil-Baħar Baltiku u tela’ għal 50 % fil-JDPs għall-Ilmijiet tal-Punent tal-Atlantiku tal-Grigal. Fil-JDP tal-Mediterran, il-ksur suspettat relatat ma’ nuqqas ta’ konformità mill-operaturi mar-regoli dwar miżuri tekniċi u rappurtar ħażin ammonta għal 30 % tal-ksur suspettat kollu, bis-70 % li jifdal tal-ksur suspettat relatati ma’ nuqqas ta’ konformità ma’ regoli oħra jew traċċabilità 19 .

Fi snin reċenti, il-kontroll tas-sajd ibbenefika mill-użu ta’ teknoloġiji ġodda, bħat-teknoloġiji tal-osservazzjoni tad-dinja. Permezz tal-kooperazzjoni mal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA), l-EFCA tipprovdi stampa marittima lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet tal-Istati Membri (sistema ta’ ġestjoni tal-informazzjoni) u l-EFCA użat it-telerilevament bis-satellita għad-detezzjoni tal-bastimenti, l-identifikazzjoni tal-miri, u kompiti oħra speċifiċi ta’ monitoraġġ.

2.4.Kontroll tal-obbligu ta’ ħatt l-art

L-obbligu tal-ħatt l-art, li daħal fis-seħħ bis-sħiħ f’Jannar 2019, huwa wieħed mill-partijiet ewlenin tal-PKS. Minn mindu beda jiġi introdott b’mod gradwali f’Jannar 2015, l-Istati Membri ftit li xejn għamlu progress fil-kontroll u fl-infurzar tal-applikazzjoni tiegħu. Il-Kummissjoni wettqet għadd ta’ awditi biex tevalwa l-miżuri adottati mill-Istati Membri biex jiżguraw il-kontroll u l-infurzar tal-obbligu tal-ħatt l-art u tad-dokumentazzjoni akkurata tal-qabdiet kollha. Is-sejbiet ta’ dawn l-awditi (flimkien ma’ rapporti oħra bħal rapporti ta’ evalwazzjoni mħejjija mill-EFCA f’kooperazzjoni ma’ gruppi ta’ esperti ta’ kontroll reġjonali 20 u rapporti tal-Istati Membri) indikaw li hemm rimi estensiv, illegali u mhux dokumentat ta’ qabdiet f’diversi baċiri tal-baħar. Tnedew proċeduri ta’ ksur kontra ħames Stati Membri talli naqsu milli jadottaw il-miżuri meħtieġa biex jiżguraw il-kontroll u l-infurzar tal-obbligu tal-ħatt l-art. Dawn il-proċeduri ta’ ksur ingħalqu fl-2024 fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar il-Kontroll rivedut li introduċa regoli ġodda mmirati lejn it-tisħiħ tal-kontroll u l-infurzar effettivi tal-obbligu tal-ħatt l-art. Dawn jinkludu sistemi mtejba u diġitalizzati għar-reġistrazzjoni u għar-rappurtar tal-qabdiet, sistema ta’ sanzjonar aktar stretta għal każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità, u installazzjoni obbligatorja sal-10 ta’ Jannar 2028 ta’ sistemi ta’ monitoraġġ elettroniku mill-bogħod (REM) operattivi abbord, inkluż televiżjoni b’ċirkwit magħluq (CCTV). Jistgħu jinkludu wkoll strumenti u/jew tagħmir ieħor, għal bastimenti tal-qbid ta’ 18-il metru LOA jew aktar li joħolqu riskju għoli ta’ nuqqas ta’ konformità mal-obbligu tal-ħatt l-art.

L-REM, li jinkorpora CCTV u sensuri, intwera li huwa l-aktar mezz kosteffettiv għall-Istati Membri biex jiżguraw il-kontroll u l-infurzar tal-attivitajiet tas-sajd fuq il-baħar. Fl-2024, l-EFCA, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, aġġornat il-linji gwida tekniċi u l-ispeċifikazzjonijiet minimi tagħha għall-REM 21 .

Qabel l-iskadenza tal-2028, il-Kummissjoni ilha taħdem mal-EFCA biex tiżviluppa metodoloġija ta’ valutazzjoni tar-riskju biex tiddetermina s-segmenti tal-flotta b’riskju għoli għall-installazzjoni tar-REM. Se jiġu żviluppati regoli dettaljati dwar l-installazzjoni u t-tħaddim tar-REM, filwaqt li jitqiesu l-linji gwida tekniċi tal-EFCA.

2.5.Spezzjonijiet u infurzar

L-għadd ta’ persuni awtorizzati mill-Istati Membri biex iwettqu spezzjonijiet tas-sajd baqa’ stabbli minn 13 449 fl-2020 għal 13 490 fl-2024. Huwa diffiċli li tiġi vvalutata kwalunkwe żieda reali fin-numri tal-persunal iddedikat għall-kontroll tas-sajd minħabba li s-setgħat tal-ispetturi jvarjaw bejn l-Istati Membri 22 .

L-Istati Membri rrappurtaw total ta’ 367 227 spezzjoni mill-2020 sal-2024. Meta wieħed iqabbel il-proporzjon tal-ispezzjonijiet fl-erba’ postijiet ewlenin, 50 % twettqu fil-port/mal-ħatt l-art, 25 % fuq il-baħar, 21 % fis-suq, u 4,5 % waqt it-trasport.

L-Istati Membri rrappurtaw li fl-2020, intużaw 1 061 bastiment tal-għassa 23 għall-ispezzjoni tas-sajd, u fl-2024, 1 015 b’total ta’ aktar minn 115 000 jum ta’ għassa fuq il-baħar matul il-perjodu ta’ rappurtar 2020–2024, meta mqabbel mal-kważi 100 000 jum ta’ għassa fuq il-baħar irrappurtati għall-2015–2019. L-Istati Membri kienu rrappurtaw ukoll total ta’ 72 ajruplan ta’ sorveljanza ddedikati għall-kontroll u għas-sorveljanza tas-sajd sal-2024, b’total ta’ kważi 33 000 siegħa ta’ sorveljanza matul il-perjodu ta’ 5 snin. Kien hemm ukoll żieda fl-użu ta’ teknoloġiji ġodda ta’ sorveljanza. Sal-2024, seba’ Stati Membri kienu rrappurtaw l-użu ta’ 56 dron, żieda mir-rappurtar preċedenti meta 39 apparat ġew irrappurtati bħala operazzjonali sal-2019.

Fl-2020–2024, l-Istati Membri rrappurtaw aktar minn 551 500 ksur suspettat minn operaturi. L-għadd ta’ ksur serju wera xejra ġenerali ’l fuq, li żdiedet minn madwar 1 445 fl-2020 għal 1 979 fl-2024. Bħala medja, madwar 1 minn kull 8 ksur suspettat irriżulta fi ksur ikkonfermat.

L-aktar ksur suspettat komuni minn operaturi kien dak relatat mal-ġurnal ta’ abbord dwar is-sajd u d-dikjarazzjoni tal-ħatt l-art (26 %), it-traċċabilità (25 %), u l-bastimenti tas-sajd li ma kinux meħtieġa jużaw ġurnal ta’ abbord dwar is-sajd jew jissodisfaw ir-rekwiżiti tad-dikjarazzjoni tal-ħatt l-art (8 %). L-għadd ta’ ksur suspettat taħt kull titolu tar-Regolament ta’ Kontroll kien: 53 % għat-Titolu IV: Kontroll tas-sajd; 41 % għat-Titolu V: Kontroll tal-Kummerċjalizzazzjoni u 6 % għat-Titolu III: Kundizzjonijiet ġenerali għall-aċċess għall-ilmijiet u għar-riżorsi.

Fl-2019, il-Kummissjoni nediet studju dwar is-sistemi ta’ sanzjonar tal-Istati Membri 24 . L-għan kien li tipprovdi analiżi u valutazzjoni fil-fond tal-funzjonament tas-sistemi nazzjonali ta’ sanzjonar, u dwar is-sanzjonijiet applikati mill-Istati Membri għal ksur bejn l-2015 u l-2019. L-istudju sab li l-qafas legali meħtieġ fl-Istati Membri kien fil-biċċa l-kbira komplut u li ħafna Stati Membri kienu tejbu l-qafas legali tagħhom meta mqabbel mal-5 snin ta’ qabel. Madankollu, l-istudju enfasizza wkoll li f’xi Stati Membri l-implimentazzjoni tas-sistema ta’ punti ddewmet jew kienet għadha ma hijiex operazzjonali, flimkien ma’ nuqqasijiet oħra fl-implimentazzjoni, bħad-durata tal-proċedimenti għall-proċess ta’ sanzjonar u għal-livell ta’ sanzjonijiet imposti. Dawn is-sejbiet urew li għalkemm is-sitwazzjoni tjiebet fl-2015–2019 meta mqabbla mal-2010–2014, kellu jsir aktar biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi u l-effettività, id-dissważività u l-proporzjonalità tas-sanzjonijiet applikati f’kull Stat Membru. Abbażi tas-sejbiet tal-istudju u data rilevanti oħra, il-Kummissjoni nediet 15-il djalogu dedikat qabel il-ksur mal-Istati Membri kkonċernati. Għandhom jitqiesu l-bidliet sostantivi miġjuba mir-Regolament ta’ Kontroll rivedut, li, mill-10 ta’ Jannar 2026, isaħħaħ u jarmonizza ulterjorment is-sistemi ta’ infurzar u ta’ sanzjonar tal-Istati Membri għal reati relatati mas-sajd. Dawn il-bidliet se jgħinu biex jiġu indirizzati d-dgħufijiet li fadal fl-infurzar mill-Istati Membri, inkluż billi jarmonizzaw is-sanzjonijiet amministrattivi minimi, jespandu l-lista ta’ ksur serju u jsaħħu r-regoli eżistenti dwar is-sistema ta’ punti għall-kaptani.

2.6 Data u informazzjoni

L-Istati Membri jirrappurtaw regolarment id-data dwar il-qabdiet u l-isforz tas-sajd lill-Kummissjoni. Dan jippermetti li jiġu mmonitorjati l-qabdiet totali permissibbli u l-konsum tal-kwoti. L-iżgurar tal-kwalità tad-data huwa element ewlieni tal-ħidma tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni biex itejbu l-monitoraġġ tal-kwoti, bil-kwalità tad-data żgurata permezz ta’ validazzjoni xierqa tad-data u kontroverifiki. Rigward l-obbligu li tiġi stabbilita sistema awtomatizzata ta’ kontroverifika u validazzjoni tad-data, 8 minn 22 Stat Membru implimentaw bis-sħiħ verifiki u kontroverifiki awtomatiċi. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri għad ma implimentawx bis-sħiħ il-validazzjoni awtomatika u l-kontroverifika tad-data dwar is-sajd meħtieġa skont l-Artikolu 109 tar-Regolament dwar il-Kontroll. Filwaqt li l-biċċa l-kbira stabbilew is-sistemi tat-teknoloġija tal-informazzjoni (IT) meħtieġa, ħafna minnhom ma għandhomx proċeduri sistematiċi, dokumentati biex jidentifikaw u jagħmlu segwitu għal anomaliji fid-data, bħal diskrepanzi fid-dokumentazzjoni tal-qabdiet u data dwar il-qabdiet mhux plawżibbli. Sal-10 ta’ Jannar 2027, l-Istati Membri jridu jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw mal-kundizzjonijiet uniformi għall-validazzjoni tad-data u għall-kontroverifika stabbiliti fl-Artikoli 49 sa 52 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/2196. Kurrentement, tliet Stati Membri joperaw kontroverifiki parzjalment awtomatizzati flimkien ma’ verifiki manwali, filwaqt li seba’ Stati Membri għad ma stabbilewx sistemi awtomatizzati ta’ kontroverifika.

Biex tittejjeb l-effettività u l-effiċjenza tal-iskambju tad-data, fl-2016 il-Kummissjoni stabbiliet skeda vinkolanti għall-Istati Membri biex jintroduċu l-istandard UN/FLUX (United Nations Fisheries Language for Universal eXchange) għall-ġestjoni tad-data dwar is-sajd. Bl-istandard UN/FLUX, l-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd u l-pajjiżi madwar id-dinja jistgħu għall-ewwel darba jużaw standard wieħed u universali biex jawtomatizzaw il-ġbir u l-kondiviżjoni tad-data tal-qabdiet tas-sajd tagħhom. L-istandard huwa wkoll armonizzat ma’ standards ta’ skambju ta’ data elettronika f’setturi oħra bl-użu tal-istandards UN/CEFACT (Ċentru tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Faċilitazzjoni tal-Kummerċ u għan-Negozju Elettroniku), eż. għat-taxxi u t-traċċabilità tal-ikel. Matul il-perjodu ta’ rappurtar, il-Kummissjoni ħadmet b’mod intensiv mal-Istati Membri, biex tiżgura li jimplimentaw UN/FLUX. Is-sistema ta’ skambju FLUX Transportation Layer (FLUX TL) issa hija operazzjonali fil-Kummissjoni u fit-23 Stat Membru kkonċernati kollha. L-iskambji kollha tad-data dwar is-sajd isiru bl-użu ta’ pjattaforma ċentrali ta’ skambju ta’ data ospitata mid-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (DĠ MARE). Din il-pjattaforma tista’ tintuża wkoll biex tintbagħat data vvalidata u biex jintbagħat kontenut ivvalidat f’formati standard lill-Kummissjoni. L-Istati Membri kollha issa jiskambjaw data aggregata dwar il-qabdiet, data dwar il-pożizzjoni tal-bastimenti u data dwar il-flotta f’UN/FLUX mal-Kummissjoni.

3.Azzjonijiet meħuda mill-Kummissjoni

Matul il-perjodu ta’ rappurtar, il-Kummissjoni kompliet ikollha rwol ċentrali fl-appoġġ u fis-sorveljanza tal-implimentazzjoni tas-sistema ta’ kontroll tas-sajd tal-Unjoni. Dan inkluda ż-żamma tal-istrutturi li jippermettu l-iskambju tad-data dwar is-sajd, it-twettiq ta’ awditi u verifiki, l-għoti ta’ gwida lill-Istati Membri, u t-tlaqqigħ ta’ gruppi ta’ esperti biex jiċċaraw aspetti tekniċi tar-regoli ta’ kontroll. Dawn l-azzjonijiet saħħew l-implimentazzjoni tar-Regolament dwar il-Kontroll u kkontribwew għal sistema ta’ kontroll aktar koerenti u effettiva madwar l-Unjoni.

3.1.L-iżvilupp tal-leġiżlazzjoni u l-politika

Żvilupp ewlieni matul il-perjodu ta’ rappurtar kien il-ftehim politiku li ntlaħaq mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill li wassal għall-adozzjoni tar-Regolament dwar il-Kontroll rivedut, fis-seħħ minn Jannar 2024. Ir-reviżjoni twieġeb għal sfidi li ilhom jeżistu, identifikati f’evalwazzjonijiet, f’awditi u f’konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati, u tirrifletti r-rikonoxximent li kontroll effettiv huwa essenzjali għas-sajd sostenibbli, il-kompetizzjoni ġusta u l-fiduċja tal-konsumatur.

Ir-reviżjoni tqis ukoll għarfien xjentifiku u teknoloġiku ġdid. Dan jagħti spinta lill-kapaċità tal-Unjoni li tipprevjeni s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU) f’konformità mal-impenji internazzjonali. Il-kompetizzjoni ġusta bejn l-Istati Membri u t-trattament ugwali tal-operaturi huma ċentrali għas-sistema riveduta, li tallinja d-definizzjonijiet fil-PKS u l-liġi tal-ikel u testendi r-regoli ta’ kontroll għal firxa usa’ ta’ attivitajiet u bastimenti. Ir-reviżjoni pprijoritizzat is-simplifikazzjoni u t-tnaqqis tal-piż amministrattiv, l-aktar permezz tad-diġitalizzazzjoni u b’mod gradwali fuq 5 snin.

Il-qafas il-ġdid jintroduċi modernizzazzjoni komprensiva tal-kontroll mix-xibka sal-platt. Ir-rappurtar diġitali jsir in-norma għall-bastimenti kollha, b’ġurnali ta’ abbord elettroniċi, dikjarazzjonijiet tal-ħatt l-art u noti tal-bejgħ li jipprovdu informazzjoni aktar kompluta u f’waqtha. Id-data tal-pożizzjoni tal-bastimenti se tiġi trażmessa f’ħin reali u t-traċċabilità diġitali se tapplika fil-katina tal-provvista kollha, inklużi l-prodotti importati, sabiex il-prodotti kollha tas-sajd u tal-akkwakultura jkunu jistgħu jiġu traċċati lura sas-sors tagħhom. Is-sistema tespandi l-monitoraġġ għas-sajd rikreattiv u fuq skala żgħira u teħtieġ reġistrazzjoni aħjar tal-qabdiet inċidentali ta’ speċijiet sensittivi. Issaħħaħ ukoll ir-regoli dwar ir-ritorn u r-rappurtar ta’ rkaptu tas-sajd fi tmiem il-ħajja tiegħu biex tgħin tillimita l-iskart tal-baħar.

Il-monitoraġġ tal-obbligu tal-ħatt l-art jista’ jittejjeb permezz tar-REM, inkluż is-CCTV, għal bastimenti li jaqbżu t-18-il metru LOA vvalutati bħala ta’ riskju għoli. Il-qafas tal-infurzar ġie aġġornat u ssimplifikat, b’definizzjoni aktar ċara ta’ ksur serju, sistema ta’ punti aktar armonizzata u trasparenti, u reġistri nazzjonali mtejba ta’ ksur li jappoġġaw il-kondiviżjoni sistematika tal-informazzjoni. Flimkien, dawn il-bidliet joħolqu ambjent ta’ infurzar aktar konsistenti u prevedibbli u jwasslu għal fiduċja akbar fil-PKS.

Ir-reviżjoni tibni wkoll fuq is-sejbiet tal-evalwazzjoni REFIT tar-Regolament dwar il-Kontroll preċedenti, li enfasizzat il-ħtieġa għal regoli aktar sempliċi u effiċjenti. Din l-enfasi fuq is-simplifikazzjoni hija riflessa fil-qafas il-ġdid kollu. Il-Kummissjoni kompliet tapplika l-prinċipji REFIT matul it-tħejjija tal-leġiżlazzjoni sekondarja, filwaqt li tat attenzjoni partikolari lis-simplifikazzjoni, lill-proporzjonalità u lill-implimentazzjoni prattika. Ħafna dispożizzjonijiet tekniċi se jiġu kkonsolidati wkoll gradwalment u aġġornati permezz ta’ sett ta’ atti ta’ implimentazzjoni u atti delegati, li huma mistennija li jnaqqsu l-għadd ta’ artikoli u annessi eżistenti fl-att ta’ implimentazzjoni tal-2011 25 u jipprovdu gwida aktar ċara u operazzjonali. F’konformità mal-aġenda tal-Kummissjoni għal Regolamentazzjoni Aħjar, ir-reviżjoni tnaqqas il-piż amministrattiv bla bżonn, tissostitwixxi l-proċessi bbażati fuq il-karta b’għodod diġitali, tissimplifika r-rekwiżiti ta’ rappurtar u traċċabilità, u tiċċara d-definizzjonijiet u l-proċeduri biex tiżgura ċertezza legali akbar.

Bl-adozzjoni tar-Regolament dwar il-Kontroll rivedut, l-implimentazzjoni ssir il-fokus. Il-Kummissjoni qed tħejji sett komprensiv ta’ atti ta’ implimentazzjoni u ta’ atti delegati biex tipprovdi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi meħtieġa għall-applikazzjoni gradwali tar-regoli l-ġodda fl-2024, fl-2026 26 , fl-2027 u fl-2028. Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn l-atti jkopri, fost affarijiet oħra, rekwiżiti dettaljati għar-rappurtar elettroniku, it-traċċabilità diġitali, l-għodod ta’ ġeolokalizzazzjoni għal bastimenti iżgħar, ir-REM, u l-proċeduri tal-użin u t-teħid ta’ kampjuni. Il-Kummissjoni nediet konsultazzjonijiet estensivi mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati biex tiżgura li l-leġiżlazzjoni sekondarja tkun operazzjonali, proporzjonata u konsistenti mal-kontroll ibbażat fuq ir-riskju.

Il-leġiżlazzjoni riveduta tipprovdi qafas ta’ kontroll aktar modern, effiċjenti u trasparenti li jappoġġa s-sajd sostenibbli, il-kompetizzjoni ġusta u l-konsumaturi infurmati. Fis-snin li ġejjin, il-Kummissjoni se tiffoka fuq l-iżgurar li s-sistema l-ġdida tiġi implimentata bis-sħiħ u b’mod konsistenti madwar l-Unjoni sabiex l-objettivi tal-PKS jintlaħqu fil-prattika. L-isforzi tagħha se jkunu xprunati mill-għan li tiġi żgurata s-simplifikazzjoni u li jittaffa l-piż amministrattiv. L-Istati Membri għandhom ukoll rwol kruċjali x’jaqdu fl-implimentazzjoni u fil-ħtieġa li jagħmlu użu sħiħ mill-ħafna perjodi ta’ tranżizzjoni pprovduti mill-qafas rivedut biex iħejju dik l-implimentazzjoni fil-livell tagħhom.

3.2.Data u informazzjoni

Fl-2020–2024, il-Kummissjoni kompliet tiżviluppa u żżomm l-infrastruttura tal-IT meħtieġa biex tippermetti lill-Istati Membri jiskambjaw data dwar is-sajd fil-format UN/FLUX. Is-software FLUX TL inġieb f’livell ta’ maturità teknoloġika fejn huwa kapaċi jiġġestixxi l-volum ta’ skambju ta’ data, li se jiżdied ulterjorment hekk kif l-obbligi ta’ rappurtar tal-VMS u tal-ġurnal ta’ abbord elettroniku jiġu estiżi għall-bastimenti kollha skont ir-Regolament dwar il-Kontroll rivedut.

Il-Kummissjoni kompliet tipproponi dokumenti ta’ implimentazzjoni, fil-forma ta’ atti ta’ implimentazzjoni u ta’ atti delegati li fihom ir-regoli dettaljati għall-iskambji ta’ data kemm fi ħdan l-UE kif ukoll ma’ sħab internazzjonali. Dawn id-dokumenti huma maqbula mal-Istati Membri permezz tal-grupp ta’ esperti tas-Sistema Elettronika ta’ Rappurtar u tal-Ġestjoni tad-Data.

Il-Kummissjoni żviluppat formati standardizzati għall-iskambju ta’ data dwar awtorizzazzjonijiet tas-sajd u rapporti ta’ spezzjoni. Is-sistema LICENCE għall-iskambju ta’ awtorizzazzjonijiet tas-sajd bejn l-Istati Membri, partijiet terzi u l-Kummissjoni bdiet topera f’Diċembru 2020. L-iżvilupp tagħha kompla jinkludi l-awtorizzazzjonijiet kollha tal-flotta tas-sajd esterna. Kurrentement, il-komunikazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni hija kompletament elettronika għall-awtorizzazzjonijiet kollha ħlief l-ICCAT (il-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku) u l-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran. Skambju kompletament elettroniku bejn il-Kummissjoni u l-parti terza huwa fis-seħħ għan-Norveġja, għall-Organizzazzjoni tas-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral u n-NEAFC (il-Kummissjoni tas-Sajd tal-Atlantiku tal-Grigal).

Is-sajd rikreattiv, li qabel kien punt dgħajjef fir-regolamentazzjoni, issa ġie indirizzat mir-Regolament dwar il-Kontroll rivedut, u b’hekk għalaq lakuna sinifikanti f’termini ta’ rappurtar tal-qabdiet u fehim tal-impatt tas-sajd rikreattiv fuq ċerti stokkijiet. Il-Kummissjoni, fuq talba tal-Parlament Ewropew, nediet proġett pilota f’Novembru 2019 biex tiżviluppa u tittestja “skema ta’ kontroll għall-qabdiet rikreattivi tal-ispnott” 27 . Kuntrattur estern żviluppa għodda tal-IT integrata biex tippermetti lis-sajjieda rikreattivi jinfurmaw malajr lill-awtoritajiet nazzjonali dwar il-qabdiet ta’ kuljum tagħhom billi jirreġistrawhom. Ġiet żviluppata pjattaforma bbażata fuq il-web biex tirċievi d-data tal-qabdiet (RecFishing.eu), u ġiet estiża ulterjorment, minħabba s-suċċess tal-proġett pilota, bħala bażi għas-soluzzjoni ta’ rappurtar minn tarf sa tarf prevista fir-Regolament dwar il-Kontroll rivedut 28 . Ir-riżultati ġew ippreżentati fil-webinar “Monitoring and control of recreational fisheries” f’Diċembru 2020 29 . 

3.3.Attivitajiet ta’ verifika u monitoraġġ mill-Kummissjoni

L-Istati Membri jridu jiżguraw li jkollhom sistemi effettivi ta’ kontroll tas-sajd fis-seħħ. Il-Kummissjoni hija responsabbli għas-sorveljanza tal-applikazzjoni tar-Regolament dwar il-Kontroll u r-regoli tal-PKS mill-Istati Membri. Biex tivverifika l-effettività tas-sistemi ta’ kontroll tagħhom u l-konformità mar-regoli tal-PKS mill-Istati Membri, il-Kummissjoni twettaq awditi, verifiki u spezzjonijiet awtonomi.

Matul il-perjodu ta’ rappurtar, il-pandemija tal-COVID-19 kellha impatt sinifikanti fuq il-kapaċità tal-Kummissjoni li twettaq awditi u verifiki. Minkejja dawn l-isfidi, twettqu madwar 50 awditu u verifika, inkluż is-segwitu tal-pjanijiet ta’ azzjoni li għaddejjin (ara hawn taħt). L-enfasi primarja f’dan il-perjodu kienet fuq il-valutazzjoni tal-ħatt l-art u r-rappurtar tal-qabdiet fit-tmien Stati Membri tal-Baħar Baltiku, kif ukoll fi Franza, fi Spanja, fl-Irlanda, u fin-Netherlands. F’bosta minn dawn l-Istati Membri, l-awditjar u l-verifiki żvelaw nuqqasijiet serji li jistgħu jirriżultaw f’rappurtar ħażin sinifikanti tal-qabdiet u b’hekk jikkontribwixxu għal sajd eċċessiv. Il-ħidma ma’ dawn l-Istati Membri biex jiġu stabbiliti azzjonijiet korrettivi biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet kienet prijorità. Twettqu wkoll serje ta’ awditi biex tiġi vvalutata l-implimentazzjoni tal-Pjan Pluriennali tal-Mediterran tal-Punent fl-Italja, fi Spanja, u fi Franza, kif ukoll is-sodisfazzjon tal-obbligu tal-ħatt l-art fi Spanja, fi Franza, fil-Belġju, fl-Irlanda, u fin-Netherlands.

F’ħafna każijiet, is-sejbiet minn awditi u minn verifiki ġew indirizzati b’suċċess mill-Istati Membri bħala parti minn skambji bilaterali informali.

Bejn l-2020 u l-2024, il-Kummissjoni fetħet 37 djalogu ta’ qabel il-ksur dwar il-kontroll tas-sajd ma’ 21 Stat Membru, li kollha ngħalqu. Erba’ djalogi ta’ qabel il-ksur imnedija fl-2019 kienu għadhom għaddejjin fi tmiem il-perjodu ta’ rappurtar.

Jekk il-Kummissjoni tidentifika nuqqasijiet fis-sistemi ta’ kontroll tal-Istati Membri li jeħtieġu aktar sforz u ħin biex jiġu indirizzati mill-Istati Membri, tista’ tirrikorri għat-tfassil ta’ pjanijiet ta’ azzjoni ma’ dawk l-Istati Membri. Bejn l-2020 u l-2024, il-Kummissjoni stabbiliet tliet pjanijiet ta’ azzjoni ġodda u b’hekk l-għadd totali ta’ pjanijiet ta’ azzjoni li għaddejjin bħalissa tela’ għal 15. L-għanijiet ewlenin tagħhom huma li jindirizzaw in-nuqqasijiet identifikati fis-sistema ta’ reġistrazzjoni tal-qabdiet, itejbu s-sistemi ta’ sanzjonar, isaħħu l-proċess ta’ ġestjoni tar-riskju u jsaħħu s-sistemi ta’ validazzjoni tad-data u traċċabilità.

Fl-aħħar nett, fl-2020–2024, il-Kummissjoni fetħet għaxar proċeduri ta’ ksur kontra l-Istati Membri relatati mal-kontroll tas-sajd. Dawn il-proċeduri kienu relatati ma’: (i) il-kontroll tal-farms għas-sajd tat-tonn 30 ; (ii) il-konformità mal-obbligi rigward il-kontroll u l-infurzar tal-obbligu tal-ħatt l-art 31 ; (iii) il-konformità mal-liġi tal-UE rigward il-flotta esterna 32 ; (iv) il-konformità mal-liġi tal-UE rigward l-użin u r-reġistrazzjoni tal-qabdiet 33 ; u (v) il-konformità mal-liġi tal-UE rigward l-użin, ir-reġistrazzjoni tal-qabdiet, it-trasport u t-traċċabbiltà 34 . Fi tmiem il-perjodu ta’ rappurtar, disgħa minn dawn il-proċeduri ngħalqu, filwaqt li waħda kienet għadha għaddejja 35 . Proċedura ta’ ksur waħda li tnediet fl-2014 dwar il-konformità ma’ ċerti dispożizzjonijiet dwar l-użin u r-rappurtar tal-qabdiet ingħalqet 36 . Ingħalqet ukoll proċedura ta’ ksur dwar is-sistema ta’ punti għal ksur serju 37 .

4.Kontroll tas-sajd u implimentazzjoni tal-PKS u l-FEMS/EMFAF

Ir-Regolament dwar il-Kontroll huwa wieħed mill-pilastri ewlenin tal-implimentazzjoni tal-PKS, b’mod partikolari minħabba li jistabbilixxi r-regoli għar-rappurtar tal-qabdiet. Dawn ir-regoli huma essenzjali għall-verifika tal-konformità mal-limiti tal-qbid adottati kull sena. Fl-2024, il-Kummissjoni implimentat sistema tal-IT ġdida għar-rappurtar aggregat tal-qbid u l-isforz, żviluppat il-kapaċitajiet tagħha għall-monitoraġġ tal-limiti tal-qbid u r-rappurtar taħt ftehimiet internazzjonali. Il-puntwalità u l-kompletezza tar-rappurtar tal-Istati Membri tjiebu matul il-perjodu, iżda għad fadal xi nuqqasijiet persistenti f’dan il-qasam. In-nuqqas ta’ rappurtar f’waqtu u akkurat ixekkel is-segwitu tal-konsum tal-kwoti u l-operat tat-trasferimenti u t-tnaqqis.

L-użu tal-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS) u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura (FEMSA) kien kruċjali fl-appoġġ tal-isforzi ta’ kontroll tas-sajd ta’ għadd ta’ Stati Membri, u b’hekk il-FEMS u l-FEMSA saru pilastri essenzjali tal-qafas ta’ kontroll tas-sajd tal-UE. Taħt il-FEMS, l-Istati Membri rrappurtaw EUR 418-il miljun f’nefqa eliġibbli għall-FEMS għal operazzjonijiet ta’ kontroll u infurzar fil-perjodu 2014–2023 38 . Fost il-ħafna tipi ta’ investiment, l-aqwa tlieta kienu: (i) ix-xiri, l-installazzjoni u l-iżvilupp tat-teknoloġija (EUR 95 miljun); (ii) ix-xiri ta’ mezzi oħra ta’ kontroll (EUR 87 miljun); u (iii) kostijiet operazzjonali (EUR 82 miljun). Dawn it-tliet tipi ta’ investiment flimkien ikkostitwixxu madwar 63 % tan-nefqa totali eliġibbli għall-FEMS relatata mal-kontroll u l-infurzar.

Taħt il-FEMSA, l-Istati Membri indikaw EUR 479 miljun fi programmi għat-tip ta’ intervent “Kontroll u infurzar” skont l-SO1.4 (It-trawwim ta’ kontroll u infurzar effiċjenti tas-sajd, inkluż il-ġlieda kontra s-sajd IUU, kif ukoll data affidabbli għat-teħid ta’ deċiżjonijiet ibbażat fuq l-għarfien). Fi tmiem l-2024, taħt it-tip ta’ intervent “Kontroll u infurzar”, l-Istati Membri rrappurtaw appoġġ tal-FEMSA (ammonti impenjati lejn il-benefiċjarji) li jammonta għal EUR 118-il miljun u nefqa eliġibbli għall-FEMSA ta’ EUR 26 miljun. Mill-EUR 118-il miljun ta’ appoġġ tal-FEMSA, EUR 99,2 miljun, jew 84 %, ġew irrappurtati taħt it-tip ta’ operazzjoni “Kontroll u infurzar (pubbliku)”. It-tipi l-oħra ta’ operazzjonijiet kienu kooperazzjoni (EUR 8,7 miljun), spezzjonijiet (EUR 3,9 miljun), software tal-IT (EUR 3,1 miljun), kontroll u infurzar (privat), avvenimenti, governanza, żvilupp u manutenzjoni tal-IT, kondiviżjoni tal-għarfien u koordinazzjoni tal-osservazzjoni.

5.Il-koordinazzjoni mal-Istati Membri, l-EFCA u sħab mhux tal-UE f’fora internazzjonali

L-applikazzjoni effettiva u effiċjenti tas-sistema ta’ kontroll tas-sajd teħtieġ interazzjoni u kollaborazzjoni kostanti fost l-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-EFCA. Teħtieġ ukoll kooperazzjoni internazzjonali ma’ pajjiżi mhux tal-UE u ma’ organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd.

Il-Kummissjoni tiddiskuti regolarment l-implimentazzjoni tar-Regolament dwar il-Kontroll mal-Istati Membri u l-EFCA fil-grupp ta’ esperti dwar il-kontroll tas-sajd. Il-kwistjonijiet ta’ infurzar huma diskussi fil-grupp ta’ esperti dwar il-konformità, filwaqt li l-iżviluppi u l-implimentazzjoni tal-IT huma diskussi fil-grupp ta’ esperti tal-ERS u l-ġestjoni tad-data.

Fil-livell tal-UE, il-Kummissjoni u l-EFCA jikkollaboraw mill-qrib biex jiżguraw implimentazzjoni effiċjenti tas-sistema ta’ kontroll tas-sajd, jiskambjaw informazzjoni u data, u jipparteċipaw f’diversi laqgħat dwar il-kontroll tas-sajd. B’mod partikolari, il-Kummissjoni kienet involuta fi: (i) l-attivitajiet organizzati mill-gruppi ta’ esperti ta’ kontroll reġjonali u l-kunsilli konsultattivi, fejn rilevanti; (ii) l-attivitajiet organizzati mill-EFCA biex timplimenta l-JDPs; u (iii) il-grupp ta’ ħidma tal-EFCA dwar rapporti elettroniċi ta’ spezzjoni u sorveljanza.

Bħala mexxejja globali fil-governanza tal-oċeani u attur li jiġġieled b’mod dirett kontra s-sajd IUU, l-UE hija attiva fil-promozzjoni ta’ governanza aħjar tal-oċeani, inklużi miżuri ta’ kontroll. F’konformità mal-aġenda internazzjonali tal-governanza tal-oċeani 39 , il-Kummissjoni ħadmet mill-qrib ma’ sieħba minn madwar id-dinja, bħal organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd 40 u organizzazzjonijiet internazzjonali 41 . Ħadmet ukoll b’mod bilaterali u multilaterali ma’ pajjiżi kostali mhux tal-UE fil-viċinat tagħha, pereżempju r-Renju Unit, pajjiżi li ħadmu mal-UE fi ftehimiet tas-sajd 42 u pajjiżi mhux tal-UE li qed jieħdu sehem fi djalogi IUU 43 , , biex: (i) ittejjeb il-kundizzjonijiet ekwi fil-kontroll tas-sajd; (ii) tiżgura l-konformità mas-sajd; (iii) tapplika l-aktar standards reċenti ta’ kontroll tas-sajd u skambju ta’ data 44 ; u (iv) tiżgura segwitu xieraq tan-nuqqas ta’ konformità.

6.Konklużjoni

L-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tar-Regolament dwar il-Kontroll enfasizzaw ir-rwol vitali li l-kontroll tas-sajd għandu fl-ilħuq tal-objettivi tal-PKS. Matul il-perjodu ta’ rappurtar reċenti, sar progress fil-modernizzazzjoni tas-sistema ta’ kontroll tas-sajd permezz ta’ reviżjoni maġġuri tar-regolament bażiku tagħha, li se ssaħħaħ il-konformità u tkompli tappoġġa s-sajd sostenibbli. L-isforzi tal-Kummissjoni fl-iżvilupp tal-infrastruttura tal-IT, fit-twettiq ta’ awditi, u fl-offerta ta’ gwida esperta għenu lill-Istati Membri jimplimentaw ir-Regolament dwar il-Kontroll b’mod aktar effettiv. Dawn l-inizjattivi wasslu għal titjib fl-iskambju tad-data u fl-infurzar tal-miżuri ta’ konservazzjoni, u ssimplifikaw il-proċess tat-trasferimenti tal-kwoti, u wasslu għal aktar trasparenza u effiċjenza.

Użu akbar ta’ teknoloġiji ġodda ta’ sorveljanza, bħal droni u sistemi elettroniċi sofistikati ta’ rappurtar, żied l-effettività tal-ispezzjonijiet u tal-monitoraġġ tas-sajd, u b’hekk ikkontribwixxa għal konformità aħjar u għal prattiki tas-sajd aktar sostenibbli. L-Istati Membri ddedikaw ukoll riżorsi biex itejbu l-kapaċitajiet ta’ rappurtar u ta’ spezzjoni, b’żieda notevoli fin-numru ta’ jiem ta’ għassa fuq il-baħar - minkejja l-pandemija tal-COVID-19 li seħħet matul il-perjodu ta’ rappurtar - u l-użu operazzjonali ta’ ajruplani ta’ sorveljanza.

Madankollu, għad hemm diversi nuqqasijiet u sfidi li jeħtieġu l-attenzjoni kontinwa tal-Istati Membri. Kwistjonijiet persistenti jinkludu dgħufijiet fl-użin u fir-reġistrazzjoni tal-qabdiet, diffikultajiet fil-kontroll u fl-infurzar tal-obbligu tal-ħatt l-art mingħajr ma jintuża REM, u dipendenza fuq sistemi bbażati fuq il-karta mhux affidabbli. Hemm bżonn ukoll li jiġu indirizzati n-nuqqasijiet fis-sistemi ta’ validazzjoni tad-data u tat-traċċabilità u s-sanzjonijiet applikati għal ksur tar-regoli, biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi fost l-operaturi u jittejbu d-dispożizzjonijiet ta’ infurzar.

Biex jindirizzaw dawn l-isfidi, l-Istati Membri għandhom jaħdmu b’mod kollaborattiv biex jimplimentaw azzjonijiet korrettivi li jsaħħu s-sistemi ta’ kontroll tas-sajd. Il-pjanijiet ta’ azzjoni tal-Kummissjoni, flimkien ma’ awditi u verifiki kontinwi, jipprovdu qafas għal dan it-titjib. L-iżgurar tal-konformità mal-liġi tal-UE rigward l-użin, ir-reġistrazzjoni tal-qabdiet, it-trasport, u t-traċċabilità huma essenzjali għas-sostenibbiltà fit-tul tas-sajd.

B’ħarsa ’l quddiem, l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni riveduta dwar il-kontroll tas-sajd se tkun integrali biex l-UE tlaħħaq ma’ dawn l-isfidi, inkluż permezz tal-użu akbar ta’ għodod diġitali biex tissimplifika l-attivitajiet tal-Istati Membri u tal-operaturi u ttaffi l-piż amministrattiv relatat. It-tisħiħ tad-dispożizzjonijiet ta’ infurzar, l-iżgurar tal-kwalità u l-kondiviżjoni tad-data tas-sajd, u l-kisba ta’ sinerġiji ma’ politiki oħra huma kollha kruċjali. L-installazzjoni futura tar-REM se tippermetti wkoll lill-awtoritajiet kompetenti jidentifikaw ir-rimi illegali u jindirizzaw każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità. Permezz ta’ dawn il-miżuri, l-UE għandha l-għan li tkompli taqdi rwol ewlieni fil-governanza globali tal-oċeani filwaqt li tippromwovi t-trasformazzjoni ekoloġika meħtieġa għall-futur tas-sajd sostenibbli.

Ir-Regolament dwar il-Kontroll rivedut fetaħ kapitolu ġdid fil-kontroll tas-sajd fil-livell tal-UE. Dan jiżgura li s-sajjieda kollha, fil-baċiri tal-baħar kollha, jsegwu l-istess regoli. Jipproteġi lill-operaturi onesti u jsaħħaħ il-kooperazzjoni u l-fiduċja bejn l-Istati Membri. Jintegra t-teknoloġija biex itaffi l-piż amministrattiv għall-Istati Membri u għall-operaturi. Is-snin li ġejjin se jkunu kritiċi għall-implimentazzjoni tiegħu, f’termini tal-leġiżlazzjoni sekondarja li għandha tiġi adottata mill-Kummissjoni, l-implimentazzjoni mill-Istati Membri u l-infurzar fil-baċiri tal-baħar u s-sajd kollha. L-impenn politiku kontinwu u l-involviment tekniku tal-Istati Membri se jkunu meħtieġa f’dak ir-rigward. Dawn l-isforzi se jkunu kritiċi għas-suċċess tar-reviżjoni tar-Regolament dwar il-Kontroll u biex jiġi żgurat li jintlaħaq il-livell ta’ ambizzjoni stabbilit mill-koleġiżlaturi, speċjalment f’termini ta’ tisħiħ tal-kontroll tas-sajd u s-simplifikazzjoni permezz tal-użu ta’ għodod diġitali. Il-Kummissjoni hija impenjata li tkompli taħdem b’mod trasparenti u kollaborattiv mal-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament dwar il-Kontroll.

(1)     ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1
(2) ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22
(3)     ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1
(4)     ĠU L 347, 28.12.2017, p. 81
(5)     https://www.efca.europa.eu
(6)     COM(2017)192 final, COM(2021)316 final
(7)     COM(2018)368 final
(8)     Ir-Regolament (UE) 2023/2842
(9)    Ħlief għall-att dwar l-elenkar tal-portijiet biex jibbenefikaw mid-deroga għall-marġni tat-tolleranza: Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/1474 tal-24 ta’ Mejju 2024 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tal-Artikolu 14(4), il-punt (a), tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 fir-rigward tad-deroga mill-marġni ta’ tolleranza fl-estimi tal-qabdiet għall-kwantitajiet mhux magħżula, żbarkati u trażbordati mis-sajd ta’ ħut pelaġiku żgħir, mis-sajd industrijali u mis-sajd għat-tonn tropikali bit-tartarun tal-borża
(10)    Sommarju estensiv u dettaljat tad-data rrappurtata mill-Istati Membri huwa pprovdut fir-Rapport fil-Qosor tad-data rrappurtata mill-Istati Membri skont l-Artikolu 118 tar-Regolament dwar il-Kontroll, disponibbli fl- Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea flimkien mar-rapporti oriġinali sottomessi
(11)     Study on engine power verification by Member States – Final report , L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet, 2019
(12)    L-Artikolu 39a tar- Regolament (UE) 2023/2842
(13)    Il-Kummissjoni Ewropea: Id-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u l-Analiżi ta’ Roos Diesel B.V, Technical guidance for the monitoring, certification and verification of engine power in EU fisheries control  – Developed by the technical working group on engine power, subgroup of the expert group on fisheries control, il-Kummissjoni Ewropea, 2025Il-Kummissjoni Ewropea: Id-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u l-Analiżi ta’ Roos Diesel B.V, il-Kummissjoni Ewropea, 2025, Technical specifications and guidance for the implementation of devices for the continuous monitoring of catching vessels’ engine power
(14)    EU fishing fleet register
(15)    Sal-10 ta’ Jannar 2026, l-Istati Membri setgħu jeżentaw bastimenti ta’ bejn 12-il metru u 15-il metru LOA li: (a) joperaw esklussivament fl-ibħra territorjali tal-Istat Membru tal-bandiera; jew (b) qatt ma jqattgħu aktar minn 24 siegħa fuq il-baħar mill-ħin tat-tluq sar-ritorn fil-port
(16)    Il-Lvant tal-Atlantiku u l-Baħar Mediterran; il-Baħar l-Iswed; il-Baħar Baltiku; il-Baħar tat-Tramuntana u d-diviżjoni IIa tal-ICES; l-Ilmijiet tal-Punent tal-Atlantiku tal-Grigal u tal-Oċean Indjan mill-2024
(17)    It-terminu “ksur suspettat” jirreferi għal ksur skopert minn spettur u rrappurtat fir-rapport tal-ispezzjoni, qabel ma tittieħed deċiżjoni mill-awtorità kompetenti jew minn imħallef
(18)     EFCA Annual Report for 2019.pdf
(19)    Stat Membru wieħed tal-Mediterran wettaq għadd sinifikanti ta’ spezzjonijiet tas-suq li, għall-inqas parzjalment, jispjega din id-differenza bejn il-JDP tal-Mediterran u JDPs oħra
(20)     Compliance Evaluation - European Fisheries Control Agency
(21)     https://www.efca.europa.eu/en/content/technical-guidelines-and-specifications-implementation-remote-electronic-monitoring-rem-eu Technical guidelines and specifications for the implementation of Remote Elecctronic Monitoring (REM) in EU fisheries (2019) - European Fisheries Control Agency.pdf
(22)    Varjetà ta’ aġenti nazzjonali jistgħu jitqiesu bħala spetturi, li jvarjaw minn spetturi tas-sajd speċjalizzati għall-pulizija u l-aġenti li jaħdmu bħala uffiċjali doganali
(23)    Bastimenti tal-għassa bi skop uniku u b’diversi skopijiet
(24)     Study on the sanctioning systems of Member States for infringements to the rules of the Common Fisheries Policy
(25)    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 404/2011 tat-8 ta’ April 2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd
(26)     C(2025)5784 , C(2025)7501 , C(2025)815 , C(2025)2888
(27)     Control scheme for recreational catches of sea bass
(28)    Din is-soluzzjoni ta’ rappurtar minn tarf sa tarf, li 13-il Stat Membru talbu li jużaw, daħlet fis-seħħ fid-9 ta’ Jannar 2026
(29)     https://ec.europa.eu/oceans-and-fisheries/news/webinar-recreational-fisheries-monitoring-and-control-2020-12-04_mt
(30)    Il-Kroazja u Malta
(31)    In-Netherlands, l-Irlanda, il-Belġju, Franza, Spanja
(32)    Franza
(33)    In-Netherlands
(34)    Il-Belġju
(35)    In-Netherlands
(36)    Id-Danimarka
(37)    L-Irlanda
(38)    Il-finanzjament tal-FEMS kopra l-2014 sal-2020, b’ċertu nfiq li jestendi lil hinn. Il-finanzjament tal-FEMSA beda fl-2021. Ma huwiex possibbli li tiġi iżolata n-nefqa għall-2020–2024
(39)    l-Azzjoni 7 tal-Aġenda titlob “Il-ġlieda kontra s-sajd illegali u t-tisħiħ b’mod globali tal-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tal-ikel mill-oċean”: https://ec.europa.eu/oceans-and-fisheries/ocean/international-ocean-governance_mt
(40)     Regional fisheries management organisations
(41)     International agreements
(42)     Sustainable fisheries partnership agreements
(43)     Illegal fishing
(44)    Bis-saħħa tal-isforzi tal-UE, l-NEAFC adottat l-istandard FLUX għall-iskambji tad-data f’Novembru 2018. Il-Kummissjoni bdiet ukoll negozjati dwar l-introduzzjoni tal-istandard UN/FLUX f’diversi fora bilaterali, inkluż man-Norveġja u mal-Gżejjer Faeroe