European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje C


C/2024/576

11.1.2024

Avviż ta’ pożizzjoni vakanti CONS/AD/189/23

(C/2024/576)

 

TAGĦRIF ĠENERALI

Dipartiment

SERVIZZI DIĠITALI

Post tax-xogħol

Brussell, il-Bini Justus Lipsius

Titlu tal-pożizzjoni

Deputat Direttur Ġenerali

Grupp tal-funzjoni u grad

AD 15

Approvazzjoni tas-sigurtà meħtieġa

SECRET UE/EU SECRET

SKADENZA GĦALL-APPLIKAZZJONIJIET

l-1 ta’ Frar 2024 — 12.00 (nofsinhar) ħin ta’ Brussell

Min aħna

Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill (SĠK) jassisti lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill tal-UE u l-korpi preparatorji tagħhom fl-oqsma kollha tal-attivitajiet tagħhom. Taħt l-awtorità tas-Segretarju Ġenerali, jipprovdi pariri u sostenn lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill u lill-Presidenti tagħhom fl-oqsma kollha ta’ attività, inkluż pariri politiċi u legali, koordinazzjoni ma’ istituzzjonijiet oħra, tfassil ta’ kompromessi u abbozzar, superviżjoni kif ukoll trattament tal-aspetti prattiċi kollha li huma meħtieġa għat-tħejjija u t-tmexxija bla xkiel tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill.

Id-Dipartiment tas-Servizzi Diġitali (SMART) jaħdem fi sħubija mad-delegati u l-persunal biex jagħmel l-informazzjoni u d-dokumenti aċċessibbli permezz ta’ servizzi intelliġenti u siguri. Dan jgħin biex jittrasforma l-ħidma permezz tal-innovazzjoni u l-promozzjoni ta’ mentalità “diġitali l-ewwel”. Għaldaqstant, l-għan ewlieni tiegħu huwa li joffri soluzzjonijiet diġitali għall-ġestjoni tal-informazzjoni u tad-dokumenti fis-SĠK u li jipprovdi servizzi diġitali ta’ kwalità għolja, mill-aktar avvanzati u siguri f’konformità mal-istrateġija diġitali tas-SĠK biex jiġi żgurat li l-ħidma tas-SĠK u tal-partijiet ikkonċernati tiegħu tibqa’ rilevanti, effiċjenti u effettiva.

SMART jipprovdi soluzzjonijiet moderni u jopera infrastruttura kumplessa tal-IT għal aktar minn 3 000 membru tal-persunal u 30,000 delegat, b’ħidma mal-Uffiċjal tat-Trasformazzjoni Diġitali u d-dipartimenti kollha tas-SĠK biex titwettaq l-istrateġija diġitali tas-SĠK. SMART huwa l-fornitur prinċipali ta’ soluzzjonijiet għas-servizzi diġitali. Huwa jimmaniġġja u jikkoordina firxa ta’ programmi u proġetti li jkopru attivitajiet amministrattivi u li jappoġġaw il-missjoni politika u deċiżjonali tal-istituzzjonijiet tagħna. Għandu portafoll attiv ta’ madwar 100 proġett diġitali li jinkludu erba’ inizjattivi strateġiċi ewlenin li jammontaw għal 50 % tal-baġit tagħna għall-investiment fl-IT. Dawn jinkludu programm ta’ Ġestjoni tal-Informazzjoni u l-Għarfien, programm ta’ Implimentazzjoni tal-Ġestjoni tad-Dokumenti u tal-Fajls; sistema ġdida għat-trattament ta’ informazzjoni klassifikata RESTREINT UE/EU RESTRICTED (RCI) u sistema sigura ta’ vidjokonferenzi għall-Kunsill u l-Kunsill Ewropew.

Bħalissa SMART jikkonsisti f’żewġ direttorati: id-direttorat 1 — Soluzzjonijiet Diġitali; u d-direttorat 2 — Pjattaformi Diġitali. Għandu wkoll Unità tar-Riżorsi u ċellola tat-Trasformazzjoni Diġitali. Kull waħda minn dawn l-entitajiet tirrapporta lid-Deputat Direttur Ġenerali. SMART jista’ jkun soġġett għal modifika fil-futur qrib, b’mod partikolari minħabba bidliet potenzjali fil-governanza tal-IT tas-SĠK.

Qed noffru

Il-kariga ta’ Deputat Direttur Ġenerali (DDG) għas-Servizzi Diġitali hija pożizzjoni attraenti ħafna u li toffri sfida f’ambjent politikament interessanti u li qed jinbidel malajr mil-lat teknoloġiku. Int ser tmexxi u timmotiva tim ta’ madwar 350 membru tal-persunal bi kwalifiki għoljin, u timmaniġġja baġit sinifikanti ta’ aktar minn EUR 53 miljun għat-tħaddim sigur ta’ infrastruttura sostanzjali tal-IT u għall-użu tas-servizzi ta’ aktar minn 200 kuntrattur estern u fornitur tas-servizzi ġestiti.

Taħt l-awtorità tas-Segretarju Ġenerali u f’kooperazzjoni mal-maniġers ta’ SMART, ser tkun qed tmexxi u tikkoordina SMART u r-riżorsi tiegħu b’mod professjonali, torganizza l-attivitajiet tiegħu u tappoġġa u timmotiva lill-persunal fil-ħidma tiegħu. Ser tiżviluppa u timplimenta strateġija u programm ta’ ħidma ta’ SMART. Ser tiddefinixxi l-objettivi ta’ SMART u tiżgura li jinkisbu billi tistabbilixxi l-iskadenzi u l-istandards tal-kwalità meħtieġa. Ser trawwem kultura ta’ komunikazzjoni u kooperazzjoni effettiva kemm fi SMART stess kif ukoll mad-Direttorati Ġenerali l-oħra, ma’ servizzi oħra tas-SĠK u mal-partijiet ikkonċernati esterni.

Ser tipprovdi pariri politiċi u proċedurali strateġiċi u ta’ livell għoli lis-Segretarju Ġenerali kif ukoll lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-presidenza tal-Kunsill u l-korpi preparatorji tiegħu dwar l-aspetti kollha tad-dossiers li jaqgħu fil-kompetenza ta’ SMART.

Ser tintalab ukoll tirrappreżenta lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill f’diversi korpi interistituzzjonali għolja, f’fora pubbliċi u f’negozjati ma’ istituzzjonijiet, aġenziji u korpi oħra tal-UE fl-oqsma ta’ kompetenza ta’ SMART. Ser tippresiedi l-Kumitat ta’ Koordinament għas-Sistemi ta’ Komunikazzjoni u Informazzjoni tal-Kunsill.

Ser tiżgura koordinazzjoni strateġika ġenerali, inkluż ma’ Direttorati Ġenerali oħrajn, dwar il-politika u l-objettivi li jridu jintlaħqu.

Missjonijiet okkażjonali barra l-pajjiż, ġeneralment ġewwa l-UE, huma meħtieġa.

Qed infittxu

Qed infittxu maniġer bil-kapaċità li jwettaq l-ambizzjonijiet diġitali tas-SĠK billi tintuża l-esperjenza attiva reċenti tal-promozzjoni tal-użu ta’ għodod u infrastruttura diġitali moderni biex tissaħħaħ l-effettività ta’ organizzazzjoni u tgħinha tilħaq aħjar l-objettivi tagħha. Għandu jkollok il-kapaċità li tistabbilixxi prijoritajiet ċari fil-kuntest tax-xenarju teknoloġiku li qed jinbidel malajr u l-isfidi taċ-ċibersigurtà li qed jevolvu filwaqt li trawwem kultura li tħeġġeġ l-identifikazzjoni ta’ opportunitajiet għall-ottimizzazzjoni tar-riżorsi. Barra minn hekk, ikun mistenni li jkollok għarfien tat-tfassil tal-politika tal-UE u fehim tajjeb tal-kwistjonijiet istituzzjonali tal-UE u tal-oqsma u l-attivitajiet koperti mis-servizz. Esperjenza soda fil-ġestjoni tal-proġetti tal-IT, il-ġestjoni ta’ baġits sinifikanti, u fit-tmexxija ta’ kampanji ta’ diġitalizzazzjoni fuq skala kbira fis-settur privat jew fl-amministrazzjoni pubblika tkun ta’ vantaġġ.

Il-maniġers kollha tas-SĠK mistennija jagħtu pariri lill-ġerarkija tagħhom u lill-partijiet ikkonċernati, imexxu l-persunal u r-riżorsi finanzjarji tagħhom u jirrappreżentaw lis-SĠK. Dawn l-aspettattivi huma mfissra fil-profil orizzontali tal-managers tas-SĠK (1).

Barra minn hekk, il-persuna impjegata jeħtieġ ikollha:

—

il-kapaċità li taħseb u tippjana b’mod strateġiku, li tantiċipa u tidentifika problemi potenzjali u li tipproponi kompromessi u soluzzjonijiet fattibbli;

—

ħiliet ta’ komunikazzjoni eċċellenti, inkluż ħiliet ta’ komunikazzjoni interpersonali;

—

il-kapaċità li żżomm relazzjonijiet tax-xogħol tajbin ma’ firxa ta’ interlokuturi interni u esterni u l-kapaċità li taġixxi b’diplomazija;

—

ħiliet ta’ tmexxija u l-kapaċità li tippromwovi spirtu b’saħħtu ta’ tim u tiggwida, u l-kapaċità li timmotiva u tawtonomizza lill-persunal f’ambjent ta’ diversità u multikulturali, b’enfasi qawwija fuq l-iżvilupp tal-persunal;

—

il-kapaċità li tippjana u torganizza x-xogħol ġenerali tas-servizz sabiex jintlaħqu l-iskadenzi kritiċi u jiġi żgurat tqassim ġust tax-xogħol fost il-membri tat-tim, kif ukoll il-kapaċità li tmexxi bidliet u tappoġġa lill-persunal matul il-bidliet;

—

il-kapaċità li tilħaq qbil, tiżgura impatt u taħdem għal għanijiet komuni billi tipprovdi pariri speċifiċi lill-partijiet ikkonċernati u billi tiffaċilita d-diskussjoni b’mod effettiv u kostruttiv.

Peress li s-SĠK iħaddan politika ta’ mobbiltà għall-managers tiegħu, li huma mistennija jkollhom esperjenza estensiva, il-kandidati għandhom ikunu lesti u kapaċi jaħdmu f’oqsma ta’ attività differenti matul il-karriera tagħhom fis-SĠK.

POLITIKA TA’ REKLUTAĠĠ

L-applikanti għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin fil-mument tal-applikazzjoni:

(a)

Kundizzjonijiet ġenerali

—

ikunu ċittadini ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea;

—

igawdu d-drittijiet kollha tagħhom bħala ċittadini;

—

ikunu wettqu kwalunkwe obbligu impost fuqhom mil-liġijiet dwar il-lieva.

(b)

Kundizzjonijiet speċifiċi

—

ikollhom lawrja universitarja (2);

—

ikollhom mill-inqas ħmistax-il sena esperjenza professjonali rilevanti;

—

ikollhom mill-inqas tliet snin esperjenza f’rwol ta’ maniġment superjuri fil-qasam tal-politiki tal-UE;

—

peress li l-Ingliż u l-Franċiż jintużaw b’mod estensiv għall-komunikazzjoni fis-SĠK u ma’ istituzzjonijiet oħra, huwa meħtieġ għarfien eċċellenti ta’ waħda miż-żewġ lingwi u għarfien tajjeb tal-oħra. L-għarfien ta’ lingwi uffiċjali oħra tal-UE jkun ta’ vantaġġ.

NB:

(1)

Din il-pożizzjoni tirrikjedi approvazzjoni tas-sigurtà li tippermetti aċċess għal dokumenti klassifikati (livell SECRET UE/EU SECRET). Il-kandidati li japplikaw għall-pożizzjoni jridu jkunu lesti jgħaddu minn investigazzjoni ta’ sigurtà skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE (3). Il-ħatra għal din il-pożizzjoni ssir effettiva biss bil-kundizzjoni li l-kandidat magħżul jew magħżula tkun kisbet ċertifikat validu ta’ approvazzjoni tas-sigurtà. Kandidat mingħajr awtorizzazzjoni tas-sigurtà jiġi offrut jew tiġi offruta kuntratt temporanju sakemm jinkiseb ir-riżultat tal-proċedura tal-approvazzjoni tas-sigurtà.

(2)

Il-kandidat li jintgħażel għandu jew għandha tkun lesta ssegwi l-programm ta’ taħriġ fil-ġestjoni tas-SĠK.

PROĊEDURA TAL-GĦAŻLA

Fl-għażla tal-kandidat, l-Awtorità tal-Ħatra tiġi megħjuna minn bord konsultattiv ta’ selezzjoni. Il-kumitat konsultattiv ta’ selezzjoni jkollu l-appoġġ ta’ ċentru ta’ evalwazzjoni, immexxi minn konsulenti tar-reklutaġġ esterni. Ir-rapporti stabbiliti miċ-ċentru ta’ evalwazzjoni għall-istess tip ta’ pożizzjoni ma jibqgħux validi wara sentejn mid-data li fiha saru l-eżerċizzji rilevanti jew mat-tmiem tal-kuntratt qafas bejn is-SĠK u ċ-ċentru ta’ evalwazzjoni inkwistjoni — skont liema data tiġi l-ewwel.

Il-kumitat konsultattiv ta’ selezzjoni l-ewwel jevalwa u jqabbel il-kwalifiki, l-esperjenza u l-motivazzjoni tal-applikanti kollha, abbażi tal-applikazzjonijiet tagħhom. Abbażi ta’ dik l-evalwazzjoni komparattiva, il-bord konsultattiv ta’ selezzjoni jagħmel lista ristretta tal-kandidati li, fl-opinjoni tiegħu, huma l-aktar adatti sabiex jiġu mistiedna għall-ewwel intervista. Peress li din l-ewwel għażla hija bbażata fuq evalwazzjoni komparattiva tal-applikazzjonijiet, l-ilħuq tar-rekwiżiti għal dan l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti ma jiggarantix stedina għall-ewwel intervista. Minn fost il-kandidati intervistati, il-bord konsultattiv ta’ selezzjoni jagħżel minn qabel il-kandidati biex jattendu ċ-ċentru ta’ evalwazzjoni, kif ukoll għat-tieni intervista mal-bord konsultattiv ta’ selezzjoni.

L-ippjanar proviżorju għall-proċedura ta’ selezzjoni huwa kif ġej:

—

huwa mistenni li l-kandidati magħżula għall-intervisti ser jiġu infurmati fl-ewwel nofs ta’ Frar 2024;

—

l-ewwel intervisti huma previsti li jsiru fit-tieni nofs ta’ Frar 2024;

—

iċ-ċentru ta’ evalwazzjoni mistenni jsir fl-ewwel nofs ta’ Marzu 2024;

—

it-tieni ċiklu ta’ intervisti huwa previst għat-tieni nofs ta’ Marzu 2024.

NB: L-iskeda mogħtija hawn fuq hija purament indikattiva u tista’ tinbidel.

BAŻI LEGALI

Din il-pożizzjoni hija ppubblikata fl-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni Ewropea u barra mill-istituzzjonijiet, f’konformità mal-Artikolu 29, il-paragrafi 1 u 2, tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (4).

KIF TAPPLIKA

Id-data tal-għeluq għall-applikazzjonijiet hija l-1 ta’ Frar 2024 f’12.00 (nofsinhar) ħin ta’ Brussell.

L-applikazzjonijiet jintlaqgħu biss bil-posta elettronika u jridu jintbagħtu lil applications.management@consilium.europa.eu (5) mhux aktar tard mid-data u l-ħin tal-għeluq. Applikazzjonijiet li jaslu tard mhumiex ser jitqiesu.

Għandu jintuża l-indirizz elettroniku indikat hawn fuq għal kwalunkwe korrispondenza marbuta mal-proċedura tas-selezzjoni (fis-suġġett tal-email għandu jkun hemm ir-referenza li ġejja: CONS/AD/189/23 SMART).

Qabel ma jippreżentaw l-applikazzjoni tagħhom, il-kandidati għandhom jivverifikaw sew jekk jissodisfawx ir-rekwiżiti elenkati hawn fuq, taħt “Politika ta’ Reklutaġġ”, biex b’hekk jevitaw l-esklużjoni awtomatika mill-proċedura tas-selezzjoni.

Biex ikun validu, il-fajl tal-applikazzjoni jrid jinkludi d-dokumenti li ġejjin f’format pdf (NB: dokumenti maqfula, protetti bil-password jew b’firma elettronika ma jiġux aċċettati):

(a)

il-formola tal-applikazzjoni mimlija u datata kif suppost (il-fajl għandu jissemma “XXX (KUNJOMOK) — Application form.pdf”); biex tniżżel il-formola ta’ applikazzjoni elettronika (EN jew FR), agħfas fuq il-ħolqa xierqa hawn taħt jew ikkopja u ppejstjaha fil-browser tiegħek (6):

https://www.consilium.europa.eu/media/68640/gsc-application_form_senior_management_en.docx

https://www.consilium.europa.eu/media/68641/gsc-application_form_senior_management_fr.docx

(b)

curriculum vitae dettaljat bl-Ingliż jew bil-Franċiż (mingħajr ritratti inklużi), preferibbilment fil-format Europass (https://europa.eu/europass/en/create-europass-cv; https://europa.eu/europass/fr/create-your-europass-cv), li jkopri l-karriera kollha tal-applikant u jelenka, fost oħrajn, il-kwalifiki, l-għarfien lingwistiku, l-esperjenza u d-dmirijiet attwali tal-applikant (il-fajl għandu jissemma “XXX (KUNJOMOK) — CV.pdf”);

(c)

ittra ta’ motivazzjoni, bl-Ingliż jew bil-Franċiż (il-fajl għandu jissemma “XXX (KUNJOMOK) — Motivation letter.pdf”).

Jekk ma jiġux inklużi dawn id-dokumenti l-applikazzjoni tkun invalida.

NB: Ser jintalbu l-kopji ta’ diplomi li jiċċertifikaw l-edukazzjoni u l-kopji ta’ dokumenti u ċertifikati relatati mal-esperjenza professjonali mingħand il-kandidati preselezzjonati mistiedna għall-ewwel ċiklu ta’ intervisti. Id-dokumenti ta’ sostenn iridu jkunu nħarġu minn parti terza.

Id-dokumenti ta’ sostenn għandhom jiġu nnumerati (Anness 1, 2, eċċ.) u għandhom jinġabru flimkien f’dokument pdf wieħed (fajl li għandu jissemma “XXX (KUNJOMOK) — Supporting documents.pdf”). Dan jenħtieġ jinkludi indiċi.

In-nuqqas ta’ sottomissjoni tad-dokumenti ta’ sostenn kollha sa mhux aktar tard mill-jum ta’ qabel l-ewwel intervista, jista’ jitqies bħala bażi għal skwalifika.

Applikazzjonijiet li jaslu bil-posta jew permezz ta’ soluzzjonijiet ta’ ħżin ta’ data bbażati fi cloud jew pjattaformi għall-kondiviżjoni ta’ fajls ma jiġux ikkunsidrati.

Il-persuna magħżula minn fost il-kandidati tintalab tipprovdi d-dokumenti oriġinali msemmija hawn fuq.

Il-kandidati jirċievu email li tinfurmahom li l-applikazzjoni tagħhom tkun waslet. Madankollu, jistgħu jinqalgħu diffikultajiet tekniċi li minħabba fihom l-emails ma jaslux. Għalhekk, il-kandidati li ma jirċevux email li tikkonferma l-wasla tal-applikazzjoni huma mitluba jikkuntattjaw lil applications.management@consilium.europa.eu. Peress li l-kumitat konsultattiv ta’ selezzjoni ser jibda l-ħidma tiegħu ftit wara d-data tal-għeluq għall-applikazzjonijiet, kull korrispondenza dwar il-wasla tal-applikazzjoni għandha ssir fil-ġimgħa ta’ wara dik id-data.

DIVERSITÀ U INKLUŻJONI

Is-SĠK huwa impenjat favur id-diversità u l-inklużjoni. Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok ara d-dikjarazzjoni rilevanti: https://www.consilium.europa.eu/mt/general-secretariat/jobs/diversity-and-inclusion/

RIEŻAMI TAL-APPLIKAZZJONIJIET

Għal informazzjoni dwar il-proċeduri marbuta mat-talbiet għal ilmenti, appelli u riferimenti lill-Ombudsman Ewropew tista’ tikkonsulta lil: https://www.consilium.europa.eu/media/56647/complaint-mt.pdf

PROTEZZJONI TAD-DATA

Ir-regoli li jirregolaw l-ipproċessar tad-data personali b’rabta ma’ din il-proċedura ta’ selezzjoni jinsabu fid-dikjarazzjoni ta’ privatezza: https://www.consilium.europa.eu/media/56671/jobs-data-protection-083r00-mt.pdf


(1)  https://www.consilium.europa.eu/media/53266/gsc-manager-profile-mt.pdf

(2)  L-Artikolu 5(3)(c) tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ir-Regolamenti tal-Persunal) jesiġi li l-applikanti jkollhom mill-inqas:

(i)

livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji kompluti, iċċertifikati b’diploma, fejn il-perjodu normali ta’ edukazzjoni universitarja hu ta’ erba’ snin jew iżjed, jew

(ii)

livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji kompluti, iċċertifikati b’diploma u esperjenza professjonali adegwata ta’ mill-inqas sena, fejn it-tul ta’ żmien normali tal-edukazzjoni universitarja hu ta’ mill-inqas tliet snin.

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat-23 ta’ Settembru 2013 dwar ir-regoli ta’ sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1).

(4)  Ir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta’ aġenti oħra tal-Unjoni Ewropea, stabbiliti bir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 (ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1), test konsolidat disponibbli fuq https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A01962R0031-20220101

(5)  Dan l-indirizz elettroniku jappartjeni għal kaxxa postali funzjonali u jista’ jipproċessa biss messaġġi bil-kunfidenzjalità speċifikata bħala “Normali”; emails b’livell ta’ kunfidenzjalità differenti (eż. “Personal”, “Private”, “Confidential” jew posta kriptata) ma jistgħux jiġu pproċessati. Għaldaqstant, jekk jogħġbok agħżel il-livell ta’ kunfidenzjalità “Normal”. L-email ma tridx tkun akbar minn 25 MB. Jekk id-daqs tal-email tiegħek bl-hemżiet magħha jkun ikbar minn dan, jekk jogħġbok qassam l-hemżiet fuq għadd ta’ emails.

(6)  Jekk teħtieġ aktar informazzjoni u/jew tiltaqa’ ma’ problemi tekniċi, jekk jogħġbok ibgħat email lil: applications.management@consilium.europa.eu


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/576/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)