31977R1784



Official Journal L 200 , 08/08/1977 P. 0001 - 0003
Finnish special edition: Chapter 3 Volume 9 P. 0037
Greek special edition: Chapter 03 Volume 19 P. 0023
Swedish special edition: Chapter 3 Volume 9 P. 0037
Spanish special edition: Chapter 03 Volume 13 P. 0005
Portuguese special edition Chapter 03 Volume 13 P. 0005


Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1784/77

tad-19 ta’ Lulju 1977

dwar l-verifika tal-ħops

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea;

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1696/71 tas-26 ta’ Lulju 1971 fuq l-organizzazzjoni komuni fis-suq tal-ħops [1], kif l-aħħar emendat minn Regolament (KEE) Nru 1170/77 [2], u b’mod partikolari l-Artikolu 2(4) mehmuż,

Wara li kkunsidrat il-proposta mressqa mill-Kummissjoni;

Billi Regolament (KEE) Nru 1696/71 jaħseb għall-verifika tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 1, maħsuda jew ippreparati fil-Komunità; billi r-regoli ġenerali marbuta ma’ din il-verifika jridu jkunu stabbiliti;

Billi, minħabba n-natura speċjali tagħhom u l-użu tagħhom, ċerti prodotti jridu jkunu esklużi mill-proċedura tal-verifika;

Billi l-Istati Membri jridu jitħallew jivverifikaw il-prodotti biex jilħqu l-kondizzjonijiet imsemmija f’dan ir-Regolament permezz ta’ korpi awtorizzati jew dipartimenti nominati speċifikament għal dak il-għan;

Biex ikun hemm qbil mal-proċedura tal-verifika, irid ikun hemm disposizzjoni għall-ispezzjoni skond regoli xierqa;

Billi, skond l-Artikolu 2(2) tar-Regolament imsemmi hawn fuq, iċ-ċertifikati jistgħu jinħarġu biss fil-każ tal-prodotti li jilħqu l-istandards minimi ta’ kwalità; billi jrid isir disposizzjoni li jiżgura li l-ħtiġiet minimi tal-bejgħ ikunu osservati mill-bidu ta’ l-istadju tal-bejgħ ‘il quddiem;

Sabiex il-prodotti ċertifikati jistgħu jkunu identifikati, iridu jkunu stabbiliti regoli sabiex il-pakkett ikollu fuqu d-dettalji neċessarji għal skopijiet ta’ spezzjoni uffiċjali u għall-informazzjoni tax-xerrejja;

Billi l-Istati Membri konċernati għandhom jitħallew jindikaw iż-żoni jew reġjuni li għandhom jitqiesu bħala żoni tal-produzzjoni tal-ħops;

Billi l-prinċipju ta’ verifika jfisser li jrid ikun hemm regoli iebsin fuq it-taħlit; billi, għalhekk, it-taħlit tal-koni tal-ħops jitħalla biss jekk ikun magħmul minn prodotti ċertifikati ta’ l-istess varjetà li ġejjin mill-istess ħsad u l-istess żona ta’ produzzjoni; billi, biex ikun hemm konformità ma’ dan il-disposizzjoni, irid ikun speċifikat li t-taħlit għandu jsir taħt superviżjoni u li l-prodotti mħallta jrid ikunu verifikati bl-istess proċedura bħal kostituenti tagħhom;

Billi, skond il-ħtiġiet ta’ min jużahom, irid ikun permess li jitħallat il-ħops ċertifikat li mhux ta’ l-istess tip u li ma jkunx ġej mill-istess żona ta’ produzzjoni fil-manifattura tat-trab u l-estratti; billi, għalhekk, l-ispezzjoni l-ħtiġiet tal-verifika jridu jkunu l-istess bħat-taħlit tal-koni tal-ħops imsemmija hawn fuq,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1. Dan ir-Regolament irid jgħodd għall-prodotti msemmija fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KEE) Nru 1696/71 meta maħsud fil-Komunità jew meta jkun preparat minn dawk il-prodotti li kienu nħasdu jew fil-Komunità jew impurtat minn pajjiżi oħra skond l-Artikolu 5 tar-Regolament imsemmi, ħlief għal:

(a) ħops maħsud mill-art propjetà min jagħmel il-birra użat minnu fl-istat naturali jew ipproċessati;

(b) estratti tal-ħops isomerizat;

(ċ) prodotti ġejjin mill-ħops u proċessati bil-kuntratt f’isem birrerija dejjem jekk dawn il-prodotti huma użati mill-birrerija nnifisha;

(d) ħops u prodotti ġejjin mill-ħops ippakjati f’pakketti żgħar għall-bejgħ lill-individwi privati għall-użu tagħhom.

Il-prodotti msemmija fis-subparagrafi (a) sa (d) se jkunu esposti għall-proċedura ta’ kontroll li trid tkun determinata.

2. Il-proċedura ta’ verifika jrid jinkludi l-ħruġ ta’ ċertifikati u l-immarkar u s-siġillar tal-pakketti.

3. Il-verifika trid issir taħt sorveljanza uffiċjali mill-Istati Membri fl-ewwel stadju ta’ bejgħ, jiġifieri qabel ma l-prodott ikun imqiegħed għall-bejgħ, u, f’kwalunkwe każ, qabel l-ipproċessar. Fil-każ tal-koni tal-ħops, dan se jsir qabel il-31 ta’ Marzu tas-sena wara s-sena ta’ ħsad. Iżda, fejn jinqalgħu problemi ta’ rimi għal ħsad partikulari, id-data finali ta’ hawn fuq tista’ tkun estiża aktar mill-31 ta’ Marzu sa mhux aktar mill-31 ta’ Lulju ta’ l-istess sena, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 20 tar-Regolament (KEE) Nru 1696/71.

4. Proċeduri ta’ verifika jridu jsiru fir-razzett jew fl-istabbilimenti approvati mill-Istati Membri u magħrufa bħala "ċentri ta’ verifika" jew "imħażen ta’ verifika".

5. Jekk, wara l-verifika, l-ippakjar ta’ wieħed mill-prodotti speċifikati fil-paragrafu 1 jinbidel, bi proċessar jew mingħajr aktar ipproċessar, il-prodott se jkun espost għall-proċedura ġdida ta’ verifika.

6. L-Istati Membri jridu jinnominaw il-korpi uffiċjali jew dipartimenti awtorizzati biex jagħmlu l-verifika u dawk responsabbli biex jiżguraw konformità mas-sistema tal-verifika.

Artikolu 2

1. L-istadju tal-bejgħ imsemmi fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament (KEE) Nru 1696/71 li għalih il-ħtiġiet minimi tal-bejgħ iridu jkunu validi se jkunu fl-istadju li fih jinħareġ iċ-ċertifikat.

2. Il-fatturi li għandhom x’jaqsmu mal-ħtiġiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-kontenut ta’ umdità u l-kontenut ta’ oġġetti barranin, se jkunu determinati għal kull prodott skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 20 tar-Regolament (KEE) Nru 1696/71.

Artikolu 3

Id-dettalji li jidhru fuq kull pakkett u ċ-ċertifikat li jkun hemm mal-prodott se jkun indikazzjoni ta’ verifika.

Artikolu 4

Kull pakkett se jkollu għall-inqas wieħed minn dawn id-dettalji b’waħda mill-lingwi tal-Komunità:

(a) id-deskrizzjoni tal-prodott inkluż, fil-każ tal-ħops, biż-żerriegħa jew mingħajrha, il-kliem "ħops preparat" jew "ħops mhux preparat", kif jitlob il-każ;

(b) il-varjetà jew varjetajiet;

(ċ) indikazzjoni li tidentifika n-numru ta’ riferenza taċ-ċertifikat.

Dawn id-dettalji jridu jkunu ċari, b’ittri li ma jitħassrux ta’ daqs ugwali.

Artikolu 5

Iċ-ċertifikat irid ikun fih għall-inqas dawn id-dettalji li ġejjin:

1. fil-każ tal-ħops:

(a) id-deskrizzjoni tal-prodott;

(b) in-numru ta’ riferenza taċ-ċertifikat;

(ċ) l-użin nett;

(d) iż-żona tal-produzzjoni tal-ħops;

(e) is-sena tal-ħsad;

(f) il-varjetà.

2. fil-każ tal-prodotti magħmula mill-ħops:

flimkien mad-dettalji msemmija fil-paragrafu 1, il-post u d-data ta’ l-ipproċessar.

Artikolu 6

1. Iż-żoni tal-produzzjoni tal-ħops se jfissru ż-żoni jew ir-reġjuni tal-produzzjoni fil-lista magħmula mill-Istati Membri konċernati.

2. Il-Kummissjoni trid tiżgura li l-lista taż-żoni tal-produzzjoni tal-ħops hi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Artikolu 7

Ħlief għall-każ imsemmi fl-Artikolu 1(1)(a), il-ħops biss li jkun ċertifikat fil-Komunità u l-ħops li jkun impurtat minn pajjiżi oħra skond l-Artikolu 5 tar-Regolament (KEE) Nru 1696/71 jista’ jintuża’ fil-produzzjoni tal-prodotti magħmula mill-ħops.

Artikolu 8

1. Waqt li jkunu fis-suq, il-prodotti li jaqgħu taħt dan ir-Regolament jistgħu jitħalltu biss taħt superviżjoni fiċ-ċentri tal-verifika jew fl-imħażen tal-verifika.

2. Ħops għat-taħlit jista’ jiġi mill-istess żona ta’ produzzjoni u l-istess ħsad u jkun ta’ l-istess varjetà.

3. Iżda, il-ħops ċertifikati li ġejjin mill-Komunità u mill-istess ħsad iżda huma ta’ varjetajiet differenti u minn żoni ta’ produzzjoni differenti jistgħu jitħalltu fil-produzzjoni tat-trab u l-estratti dejjem jekk iċ-ċertifikat li hemm mal-prodott jgħid li:

(a) il-varjetajiet użati, iż-żoni ta’ produzzjoni u s-sena ta’ ħsad;

(b) il-perċentwal ta’ użin ta’ kull varjetà użata fit-taħlit;

(ċ) in-numri ta’ riferenza taċ-ċertifikati maħruġa għall-ħops użat.

Artikolu 9

Fiż-żmien tliet xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament l-Istati Membri jridu jgħarrfu lill-Kummissjoni, li min-naħa tagħha trid tgħarraf lill-Istati Membri tagħha, bl-ismijiet u l-indirizzi tal-korpi u d-dipartimenti nnominati skond l-Artikolu 1(6) u l-miżuri meħuda biex jitħaddan dan ir-Regolament.

Artikolu 10

Dan ir-Regolament se jidħol fis-seħħ fl-1 t’Awissu 1978.

Iżda, it-trab tal-ħops u l-estratti tal-ħops magħmula qabel l-1 t’Awissu 1978 jistgħu jinbiegħu mingħajr ċertifikati sal-31 ta’ Marzu 1979. Id-data ta’ l-aħħar li tista’ tkun postposta skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 20 tar-Regolament (KEE) Nru 1696/71.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fid-19 ta’ Lulju 1977.

Għall-Kunsill

Il-President

A. Humblet

[1] ĠU L 175, ta’ l-4.8.1971, p. 1.

[2] ĠU L 137, tat-3.6.1977, p. 7.

--------------------------------------------------