KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SPIELMANN

ippreżentati fl‑10 ta’ April 2025 ( 1 )

Kawża C‑143/23

KI,

FA,

vs

Mercedes-Benz Bank AG,

Volkswagen Bank GmbH

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht Ravensburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Ravensburg, il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Ftehim ta’ kreditu intiż għax-xiri ta’ vettura bil-mutur – Direttiva 2008/48/KE – Artikolu 14(1) – Dritt ta’ rtirar – Konsegwenzi tal-eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar fil-kuntest tal-ftehim ta’ kreditu konness ma’ ftehim ta’ bejgħ – Obbligi tal-konsumatur lejn il-persuna li ssellef – Artikolu 14(3)(b) – Ħlas ta’ interessi wara l-irtirar minn ftehim ta’ kreditu konness ma’ ftehim ta’ provvista ta’ oġġetti”

Daħla

1.

Permezz ta’ din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja hija adita mil-Landgericht Ravensburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Ravensburg, il-Ġermanja) b’talba għal deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2008/48/KE ( 2 ) fil-kuntest ta’ tilwim bejn żewġ konsumaturi u kumpanniji ta’ kreditu ta’ vetturi bil-mutur dwar l-eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar fil-kuntest ta’ ftehimiet ta’ kreditu konnessi ma’ ftehim ta’ bejgħ ta’ vettura.

2.

Din il-kawża toffri l-opportunità lill-Qorti tal-Ġustizzja tapprofondixxi l-ġurisprudenza tagħha fir-rigward tal-konsegwenzi tad-dritt ta’ rtirar eżerċitat mill-konsumatur fi ħdan ftehim ta’ kreditu konness. B’mod iktar partikolari, permezz tat-tieni u tat-tielet domanda li ser jiġu ttrattati f’dawn il-konklużjonijiet, għandu jiġi ddeterminat, minn naħa, jekk l-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(3)(b) tad-Direttiva 2008/48 tipproċedix għal armonizzazzjoni sħiħa għall-ftehimiet ta’ kreditu konnessi u, min-naħa l-oħra, jekk huwiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni l-fatt li l-persuna li tissellef, wara l-irtirar minn ftehim ta’ kreditu konness, tkun obbligata tħallas l-interessi previsti mill-ftehim għall-perijodu ta’ bejn il-ħlas tas-self lill-bejjiegħ tal-vettura ffinanzjata u d-data tar-restituzzjoni tal-vettura, skont il-każ, lill-persuna li ssellef jew lill-bejjiegħ.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3.

Il-premessi 7 sa 10, 31, 34 u 35 tad-Direttiva 2008/48 huma fformulati kif ġej:

“(7)

Sabiex ikun faċilitat l-iżvilupp ta’ suq intern ta’ kreditu lill-konsumaturi li jiffunzjona tajjeb, jeħtieġ li jsir provvediment għal qafas Komunitarju armonizzat f’numru ta’ oqsma ċentrali. Bil-ħsieb tas-suq tal-kreditu lill-konsumaturi li qed jiżviluppa kontinwament u l-mobbiltà taċ-ċittadini Ewropej li qed tiżdied, leġiżlazzjoni Komunitarja li tħares il quddiem u li kapaċi tadatta ruħha għal forom futuri ta’ kreditu u li tippermetti lil Stati Membri l-livell xieraq ta’ flessibbiltà fl-implimentazzjoni tagħhom għandha tgħin biex jiġi stabbilit korp modern ta’ liġi dwar kreditu lill-konsumaturi.

(8)

Huwa importanti li s-suq għandu joffri livell suffiċjenti ta’ protezzjoni lill-konsumatur biex jiżgura l-fiduċja tal-konsumatur. Għalhekk għandu jkun possibli li l-moviment liberu ta’ offerti ta’ kreditu jsir taħt kondizzjonijiet ottimali kemm għal dawk li joffru kreditu u kemm għal dawk li għandhom bżonnu, b’attenzjoni dovuta għal sitwazzjonijiet speċifiċi fl-Istati Membri individwali.

(9)

Armonizzazzjoni sħiħa hija meħtieġa biex tiżgura li l-konsumaturi kollha fil-Komunità igawdu livell għoli u ekwivalenti ta’ protezzjoni ta’ l-interessi tagħhom u biex jinħoloq suq intern ġenwin. L-Istati Membri għalhekk m’għandhomx jitħallew iżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet nazzjonali għajr dawk stabbiliti f’din id-Direttiva. Madankollu, tali restrizzjoni għandha tapplika biss fejn hemm dispożizzjonijiet armonizzati f’din id-Direttiva. Fejn tali dispożizzjonijiet armonizzati ma jeżistux, l-Istati Membri għandhom jibqgħu ħielsa li jżommu jew jintroduċu leġiżlazzjoni nazzjonali. Bl-istess mod, l-Istati Membri jistgħu, per eżempju, iżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet nazzjonali dwar responsabbiltà konġunta solidali tal-bejjiegħ jew fornitur tas-servizzi u l-kreditur. Eżempju ieħor ta’ din il-possibbiltà għall-Istati Membri jista’ jkun li jinżammu jew jiġu introdotti dispożizzjonijiet nazzjonali fuq il-kanċellazzjoni ta’ kuntratt ta’ bejgħ ta’ merkanzija jew il-forniment ta’ servizzi jekk il-konsumatur jeżerċita d-dritt tiegħu li jirtira mill-ftehim ta’ kreditu. […]

(10)

Id-definizzjonijiet li jinsabu f’din id-Direttiva jiddeterminaw il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-armonizzazzjoni. L-obbligu ta’ l-Istati Membri li jimplimentaw id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva għandu għalhekk ikun limitat għall-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu kif iddeterminat b’dawn id-definizzjonijiet. Madankollu, din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni mill-Istati Membri, b’mod konformi mal-liġi Komunitarja, tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva għal oqsma mhux koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Stat Membru għandu b’hekk ikun jista’ jżomm jew jintroduċi leġiżlazzjoni nazzjonali li tikkorrispondi għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jew xi wħud mid-dispożizzjonijiet tagħha dwar ftehim ta’ kreditu barra l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, per eżempju dwar ftehim ta’ kreditu li jinvolvu ammonti inqas minn EUR 200 jew iktar minn EUR 75000. Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva wkoll għal kreditu marbut, li ma jaqax taħt id-definizzjoni tal-ftehim ta’ kreditu marbut kif jinsab f’ din id-Direttiva. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet dwar ftehim ta’ kreditu marbut jistgħu jkunu applikati għal ftehim ta’ kreditu li jservu parzjalment biss biex jiffinanzjaw kuntratt għall-provvista ta’ merkanzija jew il-forniment ta’ servizz.

[…]

(31)

Sabiex il-konsumatur ikun f’pożizzjoni li jkun jaf id-drittijiet u l-obbligi tiegħu skond il-ftehim ta’ kreditu, għandu jkun fih l-informazzjoni kollha meħtieġa b’mod ċar u konċiż.

[…]

(34)

Sabiex jiġu approssimati l-proċeduri ta’ l-eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar f’oqsma simili, hu meħtieġ li jsir provvediment għal dritt ta’ rtirar mingħajr penali u bla obbligu li tingħata ġustifikazzjoni, taħt kondizzjonijiet simili għal dawk previsti fid-Direttiva 2002/65/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Settembru 2002 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq b’distanza ta’ servizzi finanzjarji ta’ konsumaturi u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 90/619/KEE u d-Direttivi 97/7/KE u 98/27/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 321, rettifika fil-ĠU 2013, L 228, p. 14)].

(35)

Fejn konsumatur jirtira minn ftehim ta’ kreditu li b’konnessjoni miegħu jkun irċieva merkanzija, partikolarment minn xiri b’pagamenti bin-nifs jew ftehim ta’ kiri jew ftehim ta’ leasing li jipprevedu obbligu ta’ xiri, din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe regolament mill-Istati Membri ta’ kwistjonijiet dwar ir-ritorn tal-merkanzija jew kwalunkwe kwistjoni relatata.”

4.

L-Artikolu 1 ta’ din id-Direttiva 2008/48, intitolat “Suġġett”, jipprovdi:

“L-għan ta’ din id-Direttiva hu li jiġu armonizzati ċerti aspetti tal-liġijiet, ir-regolamenti u l-proċeduri amministrattivi ta’ l-Istati Membri fir-rigward ta’ ftehim li jkopru kreditu għall-konsumaturi.”

5.

L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

[…]

‘ftehim ta’ kreditu konness’ tfisser ftehim ta’ kreditu fejn

(i)

il-kreditu in kwistjoni jservi esklussivament biex jiffinanzja ftehim għall-provvista ta’ merkanzija speċifika jew il-forniment ta’ servizz speċifiku, u

(ii)

dawk iż-żewġ ftehim jiffurmaw minn perspettiva oġġettiva unità kummerċjali; unità kummerċjali għandha tiġi kkunisdrata li teżisti fejn il-fornitur jew dak li jipprovdi servizz innifsu jiffinanzja l-kreditu lill-konsumatur jew, jekk ikun iffinanzjat minn parti terza, fejn il-kreditur juża s-servizzi tal-fornitur jew ta’ dak li jipprovdi s-servizz b’konnessjoni mal-konklużjoni, jew it-tħejjija, tal-ftehim ta’ kreditu, jew fejn il-merkanzija speċifika jew il-proviżjoni ta’ servizz speċifiku huma espliċitament speċifikati fil-ftehim ta’ kreditu.”

6.

L-Artikolu 10 tal-istess direttiva, intitolat “Informazzjoni li għandha tiġi inkluża fi ftehim ta’ kreditu”, jipprovdi fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Il-ftehim ta’ kreditu għandu jispeċifika b’mod ċar u konċiż:

[…]

(l)

ir-rata ta’ interessi applikabbli f’każ ta’ ħlas tard kif applikabbli fiż-żmien tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ kreditu u l-arranġamenti għall-aġġustament tagħha u, fejn applikabbli, l-imposti dovuti minħabba nuqqas ta’ ħlas;

[…]”

7.

L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2008/48, intitolat “Dritt ta’ rtirar”, jipprevedi:

“1.   Il-konsumatur għandu jkollu perijodu ta’ erbatax-il jum ta’ kalendarju li matulhom jista’ jirtira mill-ftehim ta’ kreditu mingħajr ma jagħti l-ebda raġuni.

Dak il-perijodu ta’ rtirar għandu jibda:

(a)

jew fil-jum tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ kreditu, jew

(b)

fil-jum li fih il-konsumatur jirċievi t-termini u l-kondizzjonijiet u l-informazzjoni kuntrattwali skond l-Artikolu 10, jekk dak il-jum ikun aktar tard mid-data msemmija f’punt (a) ta’ dan is-subparagrafu.

[…]

3.   Jekk il-konsumatur jeżerċita d-dritt ta’ rtirar tiegħu, huwa għandu:

(a)

sabiex jagħti effett lill-irtirar qabel jiskadi t-terminu perentorju msemmi fil-paragrafu 1, jinnotifika b’dan lill-kreditur wara l-informazzjoni mogħtija mill-kreditur skond punt (p) ta’ l-Artikolu 10(2) b’mezz li jista’ jiġi ppruvat skond il-liġi nazzjonali. It-terminu perentorju għandu jitqies li jkun ġie osservat jekk din in-notifika, jekk tkun bil-miktub fuq karta jew b’mezz durabbli ieħor li jkun disponibbli u aċċessibbli għall-kreditur, tkun intbagħtet qabel jiskadi t-terminu perentorju; u

(b)

biex iħallas lill-kreditur il-kapital u l-interessi akkumulati fuq dan il-kapital mid-data li fiha s-self ikun inġibed sad-data li fiha jitħallas il-kapital, mingħajr ebda dewmien bla bżonn u mhux aktar tard minn 30 jum ta’ kalendarju wara li jkun bagħat in-notifika ta’ l-irtirar lill-kreditur. L-interessi għandhom jiġu kkalkolati abbażi tar-rata tas-self miftehma. Il-kreditur m’ għandhux ikun intitolat għall-ebda kumpens ieħor mill-konsumatur fil-każ ta’ rtirar, ħlief għal kumpens għall-imposti li ma jistgħux jitreġġgħu lura mħallsin mill-kreditur lill-kwalunke entità ta’ amministrazzjoni pubblika.

[…]”

8.

L-Artikolu 15(1) u (2) ta’ din id-direttiva, intitolat “Ftehim ta’ kreditu konnessi”, jipprovdi:

“1.   Fejn il-konsumatur ikun eżerċita dritt ta’ rtirar ibbażat fuq il-liġi Komunitarja fir-rigward ta’ kuntratt għall-forniment ta’ merkanzija jew servizzi, hu ma għandux ikun iżjed marbut bi ftehim ta’ kreditu konness.

2.   Jekk il-merkanzija jew is-servizzi koperti minn ftehim ta’ kreditu konness m’humiex forniti, jew huma biss parzjalment forniti, jew m’humiex f’konformità mal-kuntratt għall-forniment ta’ merkanzija jew servizzi, il-konsumatur għandu jkollu d-dritt li jsegwi rimedji kontra l-kreditur jekk il-konsumatur ikun segwa r-rimedji tiegħu kontra l-fornitur iżda jkun naqas milli jikseb is-sodisfazzjon li għalih huwa intitolat skond il-liġi jew il-kuntratt tal-forniment ta’ merkanzija jew servizzi. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw sa fejn u taħt liema kondizzjonijiet dawn ir-rimedji għandhom ikunu eżerċitabbli.”

9.

L-Artikolu 22 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Armonizzazzjoni u n-natura imperattiva tad-Direttiva”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Safejn din id-Direttiva fiha dispożizzjonijiet armonizzati, l-Istati Membri ma jistgħux iżommu jew jintroduċu fil-liġi nazzjonali tagħhom dispożizzjonijiet li jiddevjaw minn dawk stabbiliti f’din id-Direttiva.”

10.

L-Artikolu 23 tal-istess direttiva, intitolat “Penali”, jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u disswassivi.”

Id-dritt Ġermaniż

11.

L-Artikolu 357a(1) tal-Bürgerliches Gesetzbuch (il-Kodiċi Ċivili, iktar ’il quddiem il-“BGB”), intitolat “Konsegwenzi ġuridiċi tal-irtirar minn ftehimiet dwar is-servizzi finanzjarji”, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fid-data tal-fatti tat-tilwim fil-kawżi prinċipali, kien jipprevedi:

“(1)   Il-benefiċċji rċevuti għandhom jitħallsu lura wara mhux iktar tard minn 30 jum.

[…]

(3)   Fil-każ ta’ rtirar minn ftehimiet ta’ self lill-konsumatur, il-persuna li tissellef għandha tħallas l-interessi miftiehma għall-perijodu ta’ bejn il-ħlas u l-ħlas lura tal-kreditu. […]”

12.

L-Artikolu 358 tal-BGB, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fid-data tal-fatti tat-tilwim fil-kawżi prinċipali, kien ifformulat kif ġej:

“(1)   Jekk il-konsumatur ikun irtira b’mod validu d-dikjarazzjoni tar-rieda tiegħu li jikkonkludi ftehim dwar il-kunsinna ta’ oġġett jew il-provvista ta’ servizz ieħor minn kummerċjant, huwa ma jibqax marbut bid-dikjarazzjoni tar-rieda tiegħu li jikkonkludi ftehim ta’ kreditu konness ma’ dan il-ftehim.

(2)   Jekk il-konsumatur, abbażi tal-Artikolu 495(1) jew tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 514(2), ikun irtira b’mod validu d-dikjarazzjoni tar-rieda tiegħu li jikkonkludi ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur, huwa ma jibqax marbut bid-dikjarazzjoni tar-rieda tiegħu li jikkonkludi ftehim konness ma’ dan il-ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur, dwar il-kunsinna ta’ oġġett jew il-provvista ta’ servizz ieħor.

(3)   Ftehim dwar il-kunsinna ta’ oġġett jew il-provvista ta’ servizz ieħor u ftehim ta’ kreditu skont il-paragrafi 1 u 2 ikunu konnessi jekk il-kreditu jservi sabiex jiffinanzja l-ftehim l-ieħor totalment jew parzjalment u jekk it-tnejn li huma jkunu jifformaw unità ekonomika. Għandu jitqies li jkun hemm unità ekonomika, b’mod partikolari, meta l-kummerċjant innifsu jiffinanzja l-korrispettiv tal-konsumatur jew, fil-każ ta’ finanzjament minn terz, meta l-persuna li ssellef tkun tinvolvi lill-kummerċjant fil-preparazzjoni jew fil-konklużjoni tal-ftehim ta’ kreditu.

(4)   L-istabbiliment mill-ġdid tal-istatu quo ante fir-rigward tal-kuntratt konness għandu jkun irregolat, mutatis mutandis, minn […] [l-Artikolu 357]. […] Il-persuna li ssellef għandha tassumi, fir-relazzjonijiet mal-konsumatur, id-drittijiet u l-obbligi tal-kummerċjant li jkunu jirriżultaw mill-ftehim konness fir-rigward tal-konsegwenzi ġuridiċi tal-irtirar jew tar-restituzzjoni jekk, meta dawn jidħlu fis-seħħ, l-ammont tas-self ikun diġà tħallas lill-kummerċjant.”

Il-fatti, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

13.

Fl‑1 ta’ Marzu 2019 u fit‑30 ta’ Novembru 2017, KI, minn naħa, u FA, min-naħa l-oħra, ikkonkludew ma’ Mercedes-Benz Bank AG u Volkswagen Bank GmbH, rispettivament, ftehimiet ta’ kreditu intiżi għax-xiri ta’ vettura bil-mutur għal użu privat. L-ammonti netti ta’ dawn il-ftehimiet ta’ kreditu kienu jammontaw, rispettivament, għal EUR 29500 u għal EUR 35300 u tħallsu direttament lill-bejjiegħa tal-vetturi.

14.

Waqt il-konklużjoni tal-ftehimiet ta’ kreditu, Mercedes-Benz Bank u Volkswagen Bank irrikorrew għas-servizzi tal-bejjiegħ tal-vetturi bħala intermedjarju.

15.

L-ebda wieħed mill-ftehimiet ta’ kreditu ma kien isemmi, f’forma ta’ perċentwal f’ċifri, ir-rata tal-interessi ta’ dewmien fis-seħħ fil-mument tal-konklużjoni tal-ftehim.

16.

KI u FA ħallsu l-kreditu f’pagamenti ta’ kull xahar, inklużi d-depożiti, għal ammont totali, rispettivament, ta’ EUR 8 924.48 u EUR 24800 abbażi taż-żewġ ftehimiet.

17.

Permezz ta’ ittri tal‑31 ta’ Ottubru 2019 u tal‑20 ta’ Lulju 2020, KI u FA rispettivament irtiraw id-dikjarazzjoni tar-rieda tagħhom intiża għall-konklużjoni tal-ftehim ta’ kreditu.

18.

KI u FA jsostnu li l-irtirar huwa validu, peress li t-terminu għall-eżerċizzju ta’ dan id-dritt ma bediex jiddekorri minħabba irregolaritajiet li jivvizzjaw id-dettalji obbligatorji tal-ftehim tagħhom.

19.

Kull wieħed minnhom ippreżenta, min-naħa tiegħu, rikors quddiem il-qorti tar-rinviju kontra Mercedes-Benz Bank u Volkswagen Bank, rispettivament.

20.

Minn naħa, KI jitlob, essenzjalment, ir-rimbors tal-pagamenti tas-self diġà mħallsa sal-irtirar tiegħu u tad-depożitu mħallas lill-bejjiegħ, jiġifieri total ta’ EUR 8 924.48. Huwa jitlob ukoll li jiġi kkonstatat li, minħabba l-irtirar tiegħu, huwa ma għadux obbligat iħallas interessi jew kapital fuq is-self tiegħu.

21.

Min-naħa l-oħra, FA jitlob, essenzjalment, ir-rimbors tal-pagamenti ta’ kull xahar diġà mħallsa għas-self sal-irtirar tiegħu u tad-depożitu mħallas lill-bejjiegħ, jiġifieri ammont totali ta’ EUR 24800. Huwa jitlob ukoll li jiġi kkonstatat li, mill-irtirar tiegħu, ma jibqgħux dovuti iktar interessi fuq il-kapital u lanqas pagamenti ta’ kull xahar f’dan ir-rigward.

22.

Mercedes-Benz Bank u Volkswagen Bank jitolbu li r-rikorsi rispettivi jiġu miċħuda. Huma jinvokaw, essenzjalment, l-inammissibbiltà tagħhom u jqajmu eċċezzjoni bbażata fuq id-dekadenza tad-dritt ta’ rtirar. Mercedes-Benz Bank tinvoka wkoll l-eżerċizzju illegali tad-dritt ta’ rtirar u titlob, permezz ta’ kontrotalba sussidjarja, li KI jkun obbligat iħallasha kumpens għad-deprezzament tal-vettura sad-data tal-kunsinna tagħha u, barra minn hekk, kumpens għall-użu ta’ 3.92 % fis-sena fuq il-bilanċ tas-self li jkun għadu dovut għall-perijodu ta’ bejn il-ħlas tal-fondi tas-self lill-bejjiegħ u r-restituzzjoni tal-vettura.

23.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Huwa kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva [2008/48], li, fil-każ ta’ rtirar mill-kuntratt ta’ kreditu għall-konsum marbut ma’ kuntratt ta’ xiri ta’ vettura konkluż fi stabbiliment tan-negozju, l-ammont tal-kumpens dovut mill-konsumatur lill-persuna li ssellef fil-mument tar-restituzzjoni tal-vettura ffinanzjata, minħabba t-telf fil-valur tagħha, ikun ikkalkolat billi, mill-prezz tal-bejgħ applikat min-negozjant tal-vetturi fil-mument li fih il-konsumatur akkwista l-vettura, jitnaqqas il-prezz li bih dan in-negozjant jixtri l-vettura fil-mument tar-restituzzjoni tagħha?

2)

Id-dispożizzjoni li tinsab fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(3)(b) tad-Direttiva 2008/48 hija intiża li tintroduċi armonizzazzjoni sħiħa fir-rigward tal-kuntratti ta’ kreditu għall-konsum marbuta ma’ kuntratt ta’ xiri ta’ vettura u hija għalhekk vinkolanti għall-Istati Membri?

Fil-każ ta’ risposta negattiva għat-tieni domanda:

3)

Huwa kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48, li l-persuna li tissellef, wara l-irtirar ta’ kuntratt ta’ kreditu għall-konsum marbut ma’ kuntratt ta’ xiri ta’ vettura, tkun meħtieġa tħallas l-interessi previsti fil-kuntratt fir-rigward tal-perijodu bejn il-ħlas tas-self lill-bejjiegħ tal-vettura ffinanzjata u d-data tar-restituzzjoni tal-vettura lill-persuna li ssellef (jew lill-bejjiegħ)?”

24.

Permezz ta’ deċiżjoni tat‑18 ta’ April 2023, din il-kawża ġiet sospiża sakemm tingħata s-sentenza fil-Kawżi magħquda C‑38/21, C‑47/21 u C‑232/21.

25.

Permezz ta’ ittra tal‑21 ta’ Diċembru 2023, ir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja bagħat lill-qorti tar-rinviju s-sentenza mogħtija f’dawn il-kawżi ( 3 ), filwaqt li stedinha tindika jekk, fid-dawl ta’ din is-sentenza, hija xtaqitx iżżomm it-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari.

26.

Permezz ta’ preżentata fuq l-e-Curia tal‑10 ta’ April 2024, il-qorti tar-rinviju wieġbet lill-Qorti tal-Ġustizzja li hija xtaqet iżżomm it-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari u li hija kienet tqis li kien neċessarju li żżid id-domandi ġodda segwenti:

“(4)

(a)

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10(2)(l), moqrija flimkien mal-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva [2008/48] għandhom jiġu interpretati fis-sens li t-terminu għall-irtirar ma jibdiex jiddekorri meta l-ftehim ta’ kreditu ma jkunx isemmi, fil-forma ta’ perċentwal konkret, ir-rata tal-interessi ta’ dewmien applikabbli fil-mument tal-konklużjoni tal-ftehim?

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv:

(b)

L-assenza ta’ din l-indikazzjoni tista’ taffettwa l-kapaċità tal-konsumatur medju li jevalwa l-portata tad-drittijiet u tal-obbligi tiegħu taħt din id-direttiva, jew id-deċiżjoni tiegħu li jikkonkludi l-ftehim u, jekk ikun il-każ, iċċaħħdu mill-possibbiltà li jeżerċita d-drittijiet tiegħu taħt l-istess kundizzjonijiet, essenzjalment, bħal dawk li kienu jipprevalu li kieku l-informazzjoni kienet ġiet ipprovduta b’mod komplet u eżatt?

(5)

(a)

L-assenza ta’ indikazzjoni fil-ftehim ta’ kreditu, fil-forma ta’ perċentwal konkret, tar-rata tal-interessi ta’ dewmien applikabbli fil-mument tal-konklużjoni ta’ dan il-ftehim tipprekludi l-possibbiltà, għall-persuna li ssellef, li jinvoka eżerċizzju abbużiv tad-dritt ta’ rtirar mill-konsumatur minħabba l-aġir ta’ dan tal-aħħar li jkun seħħ bejn il-konklużjoni tal-ftehim u l-eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar, jew saħansitra wara dan l-eżerċizzju?

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv:

(b)

Il-klassifikazzjoni bħala abbuż ta’ dritt tista’ tkun ibbażata b’mod partikolari fuq iċ-ċirkustanzi li ġejjin:

–

il-konsumatur ikompli juża l-vettura ffinanzjata sakemm il-qrati jiddeċiedu dwar il-validità tal-irtirar;

–

il-konsumatur jirrifjuta li jħallas kumpens għad-deprezzament tal-vettura li jkun jirriżulta mill-użu tagħha?”

Analiżi

27.

Konformement mat-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet ser jiffokaw esklużivament fuq it-tieni u t-tielet domanda.

Fuq it-tieni domanda

28.

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(3)(b) tad-Direttiva 2008/48 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li twettaq armonizzazzjoni sħiħa għall-ftehimiet ta’ kreditu għall-konsumaturi konnessi ma’ ftehim ta’ xiri ta’ vettura.

29.

Fi kliem ieħor, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tiddetermina jekk, permezz tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(3)(b) tagħha, id-Direttiva 2008/48 wettqitx armonizzazzjoni sħiħa tal-obbligu, għall-persuna li tissellef, li tħallas l-interessi fuq il-kapital, inkluż meta l-kreditu ffinanzjat ikun konness ma’ ftehim ta’ xiri ta’ oġġetti jew ta’ servizzi.

30.

Fl-ewwel lok, nirrileva li d-Direttiva 2008/48, adottata sabiex tippromwovi suq intern effettiv u livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi fil-qasam tal-kreditu ( 4 ), twettaq armonizzazzjoni sħiħa għall-ftehimiet kollha ta’ kreditu li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

31.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li mill-Artikolu 22(1), moqri fid-dawl tal-premessi 9 u 10 ta’ din id-direttiva, jirriżulta li, fir-rigward tal-ftehimiet ta’ kreditu li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, l-imsemmija direttiva hija ta’ natura imperattiva u hija intiża li tiggarantixxi applikazzjoni uniformi tar-regoli li hija tinkludi fl-Istati Membri kollha. Għalhekk, meta din tistabbilixxi obbligi speċifiċi, l-Istati Membri ma għandhomx l-għażla li jiddevjaw minnhom permezz ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ deroga jew iktar stretti ( 5 ). Din l-armonizzazzjoni hija ġġustifikata mir-rieda li kull konsumatur Ewropew ikun jista’ jieħu kreditu, filwaqt li jibbenefika mill-istess grad ta’ protezzjoni, u mir-rieda li tiġi ffaċilitata l-provvista transfruntier ta’ servizzi finanzjarji. Issa, fejn tali dispożizzjonijiet armonizzati ma jkunux jeżistu, l-Istati Membri għandhom madankollu jibqgħu ħielsa li jżommu jew jintroduċu leġiżlazzjoni nazzjonali ( 6 ).

32.

Fit-tieni lok, id-Direttiva 2008/48 tiddefinixxi, fl-Artikolu 3(n) tagħha, “ftehim ta’ kreditu konness” bħala ftehim ta’ kreditu li jkun użat esklużivament għall-finanzjament tal-akkwist ta’ oġġetti jew servizzi speċifiċi u li jkun jifforma unità kummerċjali mal-ftehim ta’ provvista korrispondenti. Fil-prattika, is-self mogħti sabiex jiffinanzja vettura bil-mutur privata jissodisfa bis-sħiħ din id-definizzjoni, sakemm ma dan jkunx eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva ( 7 ). L-unità kummerċjali bejn is-self u x-xiri tal-oġġett spiss tidher permezz tal-konklużjoni simultanja taż-żewġ ftehimiet jew permezz tad-dipendenza ekonomika mill-qrib tagħhom. Għalhekk, fil-fehma tiegħi, il-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq jirregola din il-kategorija ta’ krediti b’mod li l-konsumatur, marbut b’żewġ ftehimiet interdipendenti, ikun jista’ xorta waħda jgawdi minn protezzjoni effettiva, fid-dawl tar-riskji speċifiċi li tinvolvi r-rabta doppja ta’ self u tal-akkwist ta’ oġġett.

33.

Fit-tielet lok, sabiex tikkonkretizza din il-protezzjoni, id-Direttiva 2008/48 tistabbilixxi fl-Artikolu 14 tagħha dritt ta’ rtirar, li jkun jippermetti lill-konsumatur jerġa’ lura mill-impenn tiegħu fi żmien terminu stabbilit minn qabel, mingħajr ma jkollu għalfejn jindika r-raġuni għal dan. L-eżerċizzju ta’ dan id-dritt, li huwa intiż kemm li jimmitiga n-natura possibbilment impulsiva tad-deċiżjoni li huwa jiddejjen kif ukoll li jiżgura informazzjoni suffiċjenti dwar il-kundizzjonijiet tal-kreditu, joħloq obbligi konkomitanti. Għalhekk, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(3)(b) ta’ din id-direttiva timponi fuq il-konsumatur, fil-każ ta’ rtirar, li jirrimborsa l-kapital kif ukoll l-interessi akkumulati bejn id-data tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-fondi u l-ħlas lura tagħhom.

34.

Xorta jibqa’ l-fatt li din id-dispożizzjoni ma tippreċiżax it-tip ta’ oġġett ffinanzjat u lanqas l-interazzjonijiet possibbli bejn il-ftehim ta’ kreditu konness u l-ftehim ta’ xiri tal-vettura. Fil-fehma tiegħi, l-ispirtu tad-Direttiva 2008/48 huwa li jiġi żgurat li l-eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar jibqa’ effettiv, filwaqt li jitħalla marġni ta’ evalwazzjoni lill-Istati Membri fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ dan l-irtirar fil-kuntest speċifiku tal-kreditu konness, li jimplika li din id-direttiva ma hijiex intiża li tarmonizza bis-sħiħ il-konsegwenzi ġuridiċi kollha li jistgħu jseħħu.

35.

Il-premessa 35 tal-imsemmija direttiva taqbel ma’ dan l-approċċ billi tipprovdi li din għandha tapplika bla ħsara għal kwalunkwe dispożizzjoni tal-Istati Membri li tkun tirregola l-kwistjonijiet relatati mar-restituzzjoni tal-oġġett iffinanzjat mill-kreditu jew kwalunkwe kwistjoni oħra relatata ( 8 ). Il-premessa 9 ta’ din l-istess direttiva tipprevedi wkoll li fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet armonizzati, l-Istati Membri għandhom ikunu liberi jżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali, b’mod partikolari fil-każ fejn ftehim ta’ bejgħ ta’ oġġetti jew ta’ provvista ta’ servizzi jiġi annullat meta l-konsumatur jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ rtirar mill-ftehim ta’ kreditu.

36.

Issa, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni speċifika tal-Unjoni f’dan il-qasam, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tal-protezzjoni tal-konsumaturi, prevista mid-Direttiva 2008/48, jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku intern tal-Istati Membri skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali tagħhom. Madankollu, dawn il-modalitajiet ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jkunu jirregolaw sitwazzjonijiet simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u lanqas ma għandhom ikunu applikati b’mod li fil-prattika jagħmel l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni impossibbli jew eċċessivament diffiċli (prinċipju ta’ effettività) ( 9 ).

37.

F’dan ir-rigward, hija karatteristika li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/48 jikkostitwixxi l-unika dispożizzjoni speċifikament iddedikata għas-sitwazzjoni fejn konsumatur jeżerċita d-dritt ta’ rtirar tiegħu fir-rigward ta’ ftehim ta’ provvista ta’ oġġetti jew ta’ servizzi, li jimplika, a contrario, li l-imsemmija direttiva hija inkompleta għax-xenarju invers, li fih l-irtirar iseħħ l-ewwel nett fuq il-kreditu nnifsu ( 10 ).

38.

Fl-aħħar mill-aħħar, inqis li, għalkemm id-Direttiva 2008/48 twettaq armonizzazzjoni sħiħa fil-qasam tal-ftehimiet ta’ kreditu, permezz tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(3)(b) tagħha, hija ma tirregolax b’mod eżawrjenti l-konsegwenzi tal-irtirar meta l-kreditu jkun konness max-xiri ta’ vettura. L-Istati Membri huma għalhekk awtorizzati, filwaqt li josservaw il-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza, jorganizzaw il-modalitajiet tal-eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar għal dawn il-ftehimiet ta’ kreditu konnessi.

39.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(3)(b) tad-Direttiva 2008/48 ma twettaqx armonizzazzjoni sħiħa għall-ftehimiet ta’ kreditu għall-konsumaturi konnessi ma’ ftehim ta’ xiri ta’ vettura.

Fuq it-tielet domanda

40.

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għat-tieni domanda, jekk huwiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48, li l-persuna li tissellef, wara l-irtirar minn ftehim ta’ kreditu għall-konsumaturi konness ma’ ftehim ta’ xiri ta’ vettura, tkun meħtieġa tħallas l-interessi previsti fil-ftehim fir-rigward tal-perijodu ta’ bejn il-ħlas tas-self lill-bejjiegħ tal-vettura ffinanzjata u d-data tar-restituzzjoni tal-vettura lill-persuna li ssellef (jew lill-bejjiegħ).

Fuq l-iskop tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2008/48

41.

Infakkar li d-Direttiva 2008/48 tistabbilixxi fl-Artikolu 14(1) tagħha dritt ta’ rtirar favur il-konsumatur, li jista’ jirrikorri għalih f’terminu ta’ erbatax‑il jum kalendarju u mingħajr ma jkollu għalfejn jiġġustifika d-deċiżjoni tiegħu.

42.

Fir-rigward tal-għan imfittex mill-Artikolu 14 tad-Direttiva 2008/48, dan jikkonsisti, minn naħa, f’li l-konsumatur jitħalla jagħżel il-ftehim li jkun l-iktar adattat għall-bżonnijiet tiegħu u, konsegwentement, li jirrinunzja għall-effetti ta’ ftehim li, wara l-konklużjoni tiegħu, ikun jirriżulta li ma huwiex adattat fil-perijodu ta’ riflessjoni previst għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar. Min-naħa l-oħra, l-għan tal-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14(1) ta’ din id-direttiva huwa li jiġi żgurat li l-konsumatur jirċievi l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex jevalwa l-portata tal-impenn kuntrattwali tiegħu u li jissanzjona lill-persuna li ssellef li ma tittrażmettilux l-informazzjoni prevista fl-Artikolu 10 tal-imsemmija direttiva ( 11 ). Fil-fehma tiegħi, din id-dispożizzjoni hija għalhekk prinċipalment maħsuba sabiex toffri lill-konsumatur perijodu suffiċjenti ta’ riflessjoni sabiex jivverifika li l-kreditu fil-fatt jikkorrispondi għall-ħtiġijiet u għall-kapaċitajiet tiegħu, sabiex huwa jkun jista’ jipproteġi lilu nnifsu kontra impenn mhux xieraq.

Fuq il-konsegwenzi tad-dritt ta’ rtirar fil-kuntest ta’ ftehim ta’ kreditu konness

43.

Mill-analiżi mwettqa fir-rigward tat-tieni domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju ( 12 ), jirriżulta li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(3)(b) tad-Direttiva 2008/48 ma tarmonizzax b’mod sħiħ il-konsegwenzi tal-eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar meta l-kreditu jkun konness ma’ ftehim għall-provvista ta’ oġġetti, bħax-xiri ta’ vettura.

44.

Konformement mal-Artikolu 14(3)(b) ta’ din id-direttiva, konsumatur li jirtira minn “kreditu klassiku” jibqa’ obbligat, minbarra li jħallas lura l-kapital, iħallas l-interessi kkalkolati bir-rata miftiehma għall-perijodu ta’ bejn it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-fondi u r-rimbors sħiħ tagħhom. B’analoġija, inqis li huwa loġiku, meta l-kreditu jkun intiż li jiffinanzja x-xiri ta’ oġġett u l-konsumatur jirtira, li jiġi previst l-obbligu tiegħu li jħallas l-interessi għall-perijodu li jkun jiddekorri mit-tqegħid effettiv għad-dispożizzjoni tal-fondi sar-restituzzjoni tal-oġġett jew sal-estinzjoni tal-kreditu.

45.

Inqis li l-bażi ta’ din il-ħtieġa hija faċilment identifikabbli: billi timmobilizza r-riżorsi finanzjarji, il-persuna li ssellef terfa’ r-riskju ta’ deprezzament monetarju u tiċċaħħad mill-użu immedjat ta’ dawn il-fondi. Minn din il-perspettiva, l-interessi jikkostitwixxu r-remunerazzjoni normali tal-kapital antiċipat. Iċ-ċaħda sistematika tal-persuna li ssellef minn dan fil-fatt twassal għal “kreditu b’xejn” għall-persuna li tissellef, li tibbenefika minn vantaġġ mhux ġustifikat mingħajr ma jkollha tħallas l-ebda korrispettiv ( 13 ). Fil-fehma tiegħi, sitwazzjoni bħal din tfixkel il-bilanċ kuntrattwali u tammonta għal arrikkiment indebitu skont it-tifsira tal-prinċipji komuni tad-dritt ċivili.

46.

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ projbizzjoni tal-arrikkiment indebitu, irrikonoxxut mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u preżenti fil-parti l-kbira tal-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali, jeżiġi li ebda parti ma tarrikkixxi ruħha indebitament għad-detriment ta’ oħra. B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, skont il-prinċipji komuni għad-drittijiet tal-Istati Membri, persuna li tkun sofriet telf li jtejjeb l-assi ta’ persuna oħra, mingħajr ma jkun hemm ebda bażi legali għal dan l-arrikkiment, għandha, bħala regola ġenerali, dritt għal restituzzjoni li jkun ekwivalenti għal dan it-telf min-naħa tal-persuna arrikkita.

47.

Fil-fatt, u fir-rigward tal-arrikkiment indebitu tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, għalkemm it-Trattat FUE ma jipprevedix espressament rimedju ġudizzjarju għal din it-tip ta’ azzjoni, interpretazzjoni tal-Artikolu 268 TFUE u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE li tkun teskludi din il-possibbiltà tkun twassal għal riżultat kuntrarju għall-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva. L-azzjoni bbażata fuq l-arrikkiment indebitu tal-Unjoni, imressqa skont dawn l-artikoli, teħtieġ li jiġi pprovat l-arrikkiment mingħajr bażi legali valida ( 14 ) tal-konvenut kif ukoll li jiġi pprovat li r-rikorrent tfaqqar b’rabta ma’ dan l-arrikkiment ( 15 ).

48.

Billi dan il-prinċipju ( 16 ) jiġi traspost għaċ-ċirkustanzi tal-każ fil-kawża prinċipali ( 17 ), jista’ jiġi sostnut li jekk il-persuna li tissellef titħalla tibbenefika mingħajr ħlas mill-fondi mislufa matul il-perijodu ta’ qabel ir-restituzzjoni tal-proprjetà dan fil-fatt ikun jammonta għall-għoti ta’ vantaġġ ekonomiku lilha “fin-nuqqas ta’ kawża, motiv jew, tal-inqas, ġustifikazzjoni” ( 18 ). Fil-fatt, matul dan l-intervall, il-persuna li ssellef tkun immobilizzat b’mod irrevokabbli riżorsi finanzjarji favur il-persuna li tissellef, mingħajr ma hija tkun tista’ tiddisponi minn dawn il-fondi jew tallokahom għal operazzjonijiet potenzjalment remunerattivi oħra, filwaqt li terfa’ r-riskji inerenti biex tagħmilhom disponibbli (b’mod partikolari d-deprezzament monetarju u l-kost tal-opportunità relatat mal-immobilizzazzjoni).

49.

Għaldaqstant, jidhirli li l-obbligu impost fuq il-persuna li tissellef li tħallas l-interessi kkalkolati għall-perijodu effettiv tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-fondi jikkostitwixxi mekkaniżmu korrettiv neċessarju. Dan jippermetti li jiġi stabbilit mill-ġdid il-bilanċ kuntrattwali billi jiġi evitat li parti, permezz tal-eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar tagħha, tagħmel profitt indebitu għad-detriment tal-oħra u, b’dan il-mod, jiggarantixxi tqassim ġust tal-piżijiet u tal-benefiċċji li jirriżultaw mill-eżekuzzjoni, anki jekk parzjali u temporanja, tal-ftehim ta’ kreditu.

Fuq il-bilanċ kuntrattwali u l-prinċipju ta’ proporzjonalità

50.

Il-ġustifikazzjoni ta’ dan l-obbligu – jiġifieri l-ħlas tal-interessi fil-każ ta’ rtirar minn ftehim ta’ kreditu konness max-xiri ta’ vettura – jidhirli li hija kompatibbli mal-loġika tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam, li tenfasizza, fl-intier tagħha, li l-għan imfittex mid-Direttiva 2008/48 jikkonsisti f’li tiġi prevista, fil-qasam tal-kreditu għall-konsum, armonizzazzjoni sħiħa u imperattiva f’ċertu numru ta’ oqsma prinċipali, li hija meqjusa bħala neċessarja sabiex il-konsumaturi kollha tal-Unjoni Ewropea jkunu ggarantiti livell għoli u ekwivalenti ta’ protezzjoni tal-interessi tagħhom u sabiex jiġi ffaċilitat il-ħolqien ta’ suq intern bi prestazzjoni tajba tal-kreditu għall-konsum ( 19 ).

51.

It-tħassib li jinżamm bilanċ kuntrattwali, li jirrikonċilja protezzjoni effettiva tal-interessi tal-konsumaturi mal-ħolqien ta’ suq intern bi prestazzjoni tajba tal-kreditu għall-konsum, filwaqt li jiġi osservat il-prinċipju ta’ proporzjonalità, huwa perċettibbli b’mod ġenerali fil-ġurisprudenza dwar id-dritt ta’ rtirar, inkluż lil hinn mill-kuntest ġuridiku tad-Direttiva 2008/48. Bħala eżempju, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48 jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tkun tipprovdi li l-konsumatur għandu jirrestitwixxi l-oġġett iffinanzjat mill-kreditu jew jintima lill-persuna li ssellef tirkupra dan l-oġġett mingħajr ma din tal-aħħar tkun obbligata, fl-istess mument, tirrimborsa l-pagamenti ta’ kull xahar tal-kreditu diġà mħallsa mill-konsumatur ( 20 ).

52.

Barra minn hekk, fir-rigward ta’ kuntratt mill-bogħod, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, għalkemm id-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Mejju 1997, dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi in rigward ta’ kuntratti li jsiru mill-bogħod ( 21 ), hija intiża li tipproteġi lill-konsumatur fis-sitwazzjoni partikolari ta’ tali kuntratt, hija ma għandhiex l-għan li tagħtih drittijiet li jkunu jmorru lil hinn minn dak li jkun neċessarju sabiex ikun jista’ jeżerċita b’mod utli d-dritt ta’ rtirar tiegħu. Dan ikun b’mod partikolari l-każ meta l-konsumatur ikun uża l-oġġett b’mod inkompatibbli mal-prinċipji ġenerali tad-dritt ċivili, bħall-bona fide jew il-projbizzjoni tal-arrikkiment indebitu ( 22 ).

53.

Din l-istess xewqa li jinżamm il-bilanċ imsemmi iktar ’il fuq, skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, tikkaratterizza l-interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/48, li jawtorizza lill-Istati Membri jimponu sanzjonijiet li jiżguraw l-osservanza tal-obbligi ta’ informazzjoni li jkunu imposti fuq il-persuna li ssellef. Dawn is-sanzjonijiet, li għandhom jibqgħu effettivi u proporzjonati, jistgħu jestendu sat-telf tad-dritt għall-interessi u għall-ispejjeż jekk il-persuna li ssellef ma tosservax l-obbligi ta’ informazzjoni previsti fl-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48, sa fejn tali ommissjonijiet jippreġudikaw il-possibbiltà għall-konsumatur li jevalwa l-portata tal-impenn tiegħu ( 23 ). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkwalifika din il-pożizzjoni billi tippreċiża li “ma tistax titqies bħala proporzjonata l-applikazzjoni, skont din il-leġiżlazzjoni nazzjonali, ta’ tali sanzjoni, li tipproduċi konsegwenzi serji fil-konfront tal-persuna li ssellef, fil-każ ta’ assenza ta’ indikazzjoni ta’ elementi, fosthom dawk imsemmija fl-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48, li, min-natura tagħhom, ma humiex tali li jaffettwaw il-kapaċità tal-konsumatur li jevalwa l-portata tal-impenn tiegħu” ( 24 ). Għalhekk, fil-fehma tiegħi, il-Qorti tal-Ġustizzja taċċetta, f’isem il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li l-għażla prevista fl-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/48 ma għandhiex twassal sabiex b’mod sistematiku l-persuna li ssellef tiċċaħħad minn kwalunkwe remunerazzjoni, sakemm l-ommissjonijiet tagħha ma jkunux tant gravi li jikkompromettu fundamentalment id-dritt tal-konsumatur għal informazzjoni ċara u affidabbli ( 25 ).

54.

Għalhekk, il-konsumatur, il-parti dgħajfa tal-kuntratt, jibbenefika minn protezzjoni msaħħa mis-sanzjoni imposta fuq il-persuna li ssellef. Madankollu, din il-protezzjoni ma hijiex bla limitu u tapplika biss meta l-persuna li ssellef tikser obbligu ta’ informazzjoni ta’ “importanza essenzjali” skont id-Direttiva 2008/48 ( 26 ). L-għan ma huwiex, fil-fatt, li jinħoloq żbilanċ eċċessiv bejn il-konsumatur li jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ rtirar u l-persuna li ssellef. Id-dritt ta’ rtirar u l-konsegwenzi tiegħu ma għandhomx idgħajfu l-effettività tas-suq fil-qasam tal-kreditu għall-konsum.

Fuq l-applikazzjoni għal dan il-każ

55.

F’dan il-każ, inqis li x-xewqa li jiġi żgurat għall-konsumaturi kollha tal-Unjoni livell għoli u ekwivalenti ta’ protezzjoni tal-interessi tagħhom sabiex jiġi promoss il-ħolqien ta’ suq intern tal-kreditu għall-konsum li jiffunzjona tajjeb tkun tinżamm fit-tilwima fil-kawża prinċipali, jekk jiġi aċċettat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tista’ tipprevedi r-rimbors tal-interessi fuq il-kapital fil-każ ta’ rtirar minn ftehim ta’ kreditu konness.

56.

Madankollu, għandu jitfakkar, kif diġà ġie indikat fil-kuntest tar-risposta għat-tieni domanda preliminari ( 27 ), li l-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tad-dritt ta’ rtirar minn ftehim ta’ kreditu konness max-xiri ta’ vettura – b’mod partikolari l-obbligu tal-persuna li tissellef li tħallas interessi lill-persuna li ssellef – ma għandhomx, konformement mal-prinċipju ta’ ekwivalenza, ikunu inqas favorevoli minn dawk li jkunu jirregolaw sitwazzjonijiet interni simili, u lanqas, skont il-prinċipju ta’ effettività, ma għandhom ikunu organizzati b’tali mod li jirrendu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

57.

Minn dan nikkonkludi li, sa fejn id-Direttiva 2008/48 ma tirregolax b’mod eżawrjenti l-konsegwenzi tal-irtirar minn kreditu konness max-xiri ta’ oġġett, il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali jistgħu jeżiġu li l-persuna li tissellef tħallas l-interessi konnessi mal-perijodu ta’ użu tal-fondi.

58.

Għaldaqstant, l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48 ma jipprekludix, fil-fehma tiegħi, li l-persuna li tissellef tkun obbligata tħallas l-interessi previsti għall-perijodu ta’ bejn it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-fondi u r-restituzzjoni tal-oġġett jew it-tmiem tal-kreditu, meta d-dritt ta’ rtirar ikun ġie eżerċitat. Fl-istess ħin, l-Istati Membri jżommu l-għażla, skont l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/48, li jistabbilixxu sanzjonijiet kontra l-persuna li ssellef fil-każ ta’ nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi ta’ informazzjoni previsti fl-Artikolu 10(2) ta’ din id-direttiva, sakemm dawn is-sanzjonijiet ma jwasslux għal ksur sproporzjonat tal-impenji reċiproċi u ma jikkompromettux l-iskop ewlieni tal-imsemmija direttiva, jiġifieri l-protezzjoni effettiva tal-konsumatur.

59.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi li d-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48, ma jipprekludix li l-persuna li tissellef, wara l-irtirar minn ftehim ta’ kreditu għall-konsum konness ma’ ftehim ta’ xiri ta’ vettura, tkun obbligata tħallas l-interessi previsti fil-ftehim fir-rigward tal-perijodu ta’ bejn il-ħlas tas-self lill-bejjiegħ tal-vettura ffinanzjata u d-data tar-restituzzjoni tal-imsemmija vettura lill-persuna li ssellef (jew lill-bejjiegħ).

Konklużjoni

60.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għat-tieni u għat-tielet domanda preliminari magħmula mil-Landgericht Ravensburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Ravensburg, il-Ġermanja):

1)

L-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(3)(b) tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE,

għandha tiġi interpretata fis-sens li:

ma twettaqx armonizzazzjoni sħiħa għall-ftehimiet ta’ kreditu għall-konsumaturi konnessi ma’ ftehim ta’ xiri ta’ vettura.

2)

Id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48

għandu jiġu interpretati fis-sens li:

ma jipprekludix li l-persuna li tissellef, wara l-irtirar minn ftehim ta’ kreditu għall-konsumaturi konness ma’ ftehim ta’ xiri ta’ vettura, tkun obbligata tħallas l-interessi previsti fil-ftehim fir-rigward tal-perijodu ta’ bejn il-ħlas tas-self lill-bejjiegħ tal-vettura ffinanzjata u d-data tar-restituzzjoni tal-vettura lill-persuna li ssellef (jew lill-bejjiegħ).


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU 2008, L 133, p. 66, u rettifiki fil-ĠU 2009, L 207, p. 14, fil-ĠU 2010, L 199, p. 40, u fil-ĠU 2011, L 234, p. 46).

( 3 ) Sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, BMW Bank et (C‑38/21, C‑47/21 u C‑232/21, iktar ’il quddiem is-“sentenza BMW Bank, EU:C:2023:1014)

( 4 ) Ara, inter alia, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Soho Group (C‑686/19, EU:C:2020:582, punt 49): “[…] [i]d-Direttiva 2008/48 ġiet adottata bl-għan doppju li tiżgura lill-konsumaturi kollha tal-Unjoni livell għoli u ekwivalenti ta’ protezzjoni tal-interessi tagħhom u li tiffaċilita l-ħolqien ta’ suq intern ta’ kreditu għall-konsum li jiffunzjona tajjeb”.

( 5 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Settembru 2019, Pohotovost’ (C‑331/18, EU:C:2019:665, punt 49), u tat‑12 ta’ Lulju 2021, SC Volksbank România (C‑602/10, EU:C:2012:443, punt 38).

( 6 ) Ara l-premessa 9 tad-Direttiva 2008/48.

( 7 ) Ara l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2008/48.

( 8 ) Ara s-sentenza BMW Bank et (punt 302).

( 9 ) Ara s-sentenza BMW Bank (punt 303, u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 10 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Hogan fil-kawżi magħquda Volkswagen Bank et (C‑33/20, C‑155/20 u C‑187/20, EU:C:2021:629, punt 126).

( 11 ) Ara s-sentenzi tad‑9 ta’ Settembru 2021, Volkswagen Bank (C‑33/20, C‑155/20 u C‑187/20, EU:C:2021:736, punti 123 u 124), kif ukoll BMW Bank (punt 288).

( 12 ) Ara l-punti 30 sa 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 13 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Hogan fil-kawżi magħquda Volkswagen Bank et (C‑33/20, C‑155/20 u C‑187/20, EU:C:2021:629, punt 124).

( 14 ) F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li, f’isem il-prinċipju ta’ sussidjarjetà, meta l-arrikkiment jew it-tfaqqir ta’ patrimonju jkun direttament iġġustifikat minn regola legali, it-trasferiment tal-patrimonju jkollu, fi kwalunkwe każ, kawża li teskludi għalhekk l-azzjoni de in rem verso. Għalhekk, pereżempju, fid-dritt ċivili Belġjan, din l-azzjoni “tista’ titressaq biss jekk is-sitwazzjoni li tkun tirrelata magħha ma tkunx irregolata minn korp ieħor ta’ regoli li jkun jirriżulta mil-liġi, minn ftehim, minn att legali unilaterali jew minn azzjoni ex delicto” (ara Van Ommeslaghe, P., De Page, Traité de droit civil belge - Tome II - Les obligations, Vol. 2, Bruylant, Brussell, 2013, p. 1141 u 1151).

( 15 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Kummissjoni (C‑575/18 P, EU:C:2020:530, punt 82).

( 16 ) Fuq il-problema dwar il-prinċipji ġenerali tad-dritt privat u fuq l-arrikkiment indebitu (b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-ordinament ġuridiku Lussemburgiż), ara Kinsch, P., “Les principes généraux du droit comme éléments de l’ordre juridique luxembourgeois”, f’Liber Amicorum Xavier Dieux, Larcier‑Intersentia, Brussell, 2022, p. 883 sa 884.

( 17 ) Fuq il-każ ta’ tranżazzjonijiet li jkunu jwasslu għal arrikkiment indebitu u li jkunu jinvolvu iktar minn żewġ partijiet, ara Schlechtriem, P., Cohen, C., u Hornung, R., “Restitution and Unjust Enrichment in Europe”, European Review of Private Law, Vol. 9, Ħarġa 2/3, 2001, p. 408 sa 415.

( 18 ) Formulazzjoni meħuda minn Londers, G., Mosselmans, S. u Bossuyt, A., “Deux principes généraux du droit issus du droit national et du droit communautaire: l’enrichissement sans cause ou l’enrichissement injustifié et l’interdiction de l’abus de droit”, f’Actes du colloque pour le cinquantième anniversaire des traités de Rome, il-Lussemburgu, is‑26 ta’ Marzu 2007, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, 2007, p. 97.

Dwar dan il-punt għandu jiġi rrilevat li, fis-sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2001, Corus UK vs Il‑Kummissjoni (T‑171/99, EU:T:2001:249, punt 55) il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-kuntest tal-kalkolu tal-interessi moratorji, li “n-nuqqas ta’ ħlas ta’ interessi moratorji jista’ jwassal […] għal arrikkiment indebitu tal-Komunità, li jidher li jmur kontra l-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju” (billi ċċitat is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 1990, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni (C‑259/87, EU:C:1990:287, punt 26)).

( 19 ) Ara s-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2021, Volkswagen Bank (C‑33/20, C‑155/20 u C‑187/20, EU:C:2021:736, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 20 ) Ara s-sentenza BMW Bank (punt 307).

( 21 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3, p. 319.

( 22 ) Ara s-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2009, Messner (C‑489/07, EU:C:2009:502, punti 25 u 26).

( 23 ) Sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2016, Home Credit Slovakia (C‑42/15, iktar ’il quddiem is-“sentenza Home Credit Slovakia, EU:C:2016:842, punt 69).

( 24 ) Sentenza Home Credit Slovakia (punt 72).

( 25 ) L-Avukat Ġenerali Hogan jirrileva, fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawżi magħquda Volkswagen Bank et (C‑33/20, C‑155/20 u C‑187/20, EU:C:2021:629), li l-Istati Membri jistgħu jipprevedu, fil-kuntest tas-sanzjonijiet li huma għandhom jistabbilixxu skont l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/48, li l-ommissjoni ta’ ċerta informazzjoni obbligatorja fil-ftehim ta’ kreditu twassal għat-telf tal-interessi. Madankollu, mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li s-sanzjonijiet imposti fil-każ ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni għandhom ikunu proporzjonati. Minn dan isegwi, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li s-severità ta’ dawn is-sanzjonijiet għandha tkun proporzjonata mal-gravità tal-ksur li huma jippenalizzaw, b’mod partikolari billi jiggarantixxu effett tabilħaqq dissważiv, filwaqt li josservaw il-prinċipju ġenerali ta’ proporzjonalità (punt 123 ta’ dawn il-konklużjonijiet), li jagħmel riferiment għas-sentenza Home Credit Slovakia (punt 63)). Iktar reċentement, fis-sentenza tagħha tat‑13 ta’ Frar 2025, Lexitor (C‑472/23, EU:C:2025:89, punti 56 u 57), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, fost oħrajn, li s-sanzjoni li għandha tipprevedi l-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-każ ta’ ksur tal-obbligu ta’ informazzjoni previst fl-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48 tista’ tkun sanzjoni uniformi, peress li l-konsumatur għandu assolutament ikollu l-informazzjoni kollha neċessarja sabiex jevalwa l-portata tal-impenn tiegħu.

( 26 ) Ara s-sentenza Home Credit Slovakia (punt 69).

( 27 ) Ara l-punt 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet.