|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2026/5428 |
21.10.2026 |
Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni
tas-16 ta’ Lulju 2026
dwar deċiżjoni skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) 2022/1925
(Il-Kawża DMA.100220 – Alphabet – OS – Google Android – Art. 6(7) – SP – AI)
(innotifikata bin-numru tad-dokument C(2026) 5094 final)
(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)
(C/2026/5428)
Fis-16 ta’ Lulju 2026, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) 2022/1925. (1) F’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 44 tar-Regolament (UE) 2022/1925, bil-preżenti, il-Kummissjoni qiegħda tippubblika l-ismijiet tal-partijiet u l-kontenut ewlieni tad-deċiżjoni, wara li kkunsidrat l-interess leġittimu tal-impriżi fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom.
1. INTRODUZZJONI
|
(1) |
Fil-5 ta’ Settembru 2023, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni li tiddeżinja lil Alphabet Inc. (“Alphabet”) bħala gwardjan skont l-Att dwar is-Swieq Diġitali (“DMA”) għal għadd ta’ servizzi tagħha. Wieħed minn dawn is-servizzi huwa s-sistema operattiva Google Android (“Google Android”), li hija elenkata bħala servizz ewlieni ta’ pjattaforma (“CPS”). B’riżultat ta’ dan, Alphabet trid tikkonforma mal-obbligi stabbiliti fid-DMA fir-rigward ta’ Google Android. Dan jinkludi l-Artikolu 6(7) tad-DMA, li jimponi fuq Alphabet obbligu li tipprovdi lil partijiet terzi, mingħajr ħlas, b’interoperabbiltà ugwalment effettiva mal-istess karatteristiċi ta’ Google Android bħal dawk li huma disponibbli għal Alphabet innifisha jew użati minnha. |
|
(2) |
Din id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (id-“Deċiżjoni”) tikkonkludi, fil-limitu ta’ żmien stabbilit mid-DMA, il-proċedimenti ta’ speċifikazzjoni li nfetħu fis-27 ta’ Jannar 2026, skont l-Artikolu 8(2) tad-DMA, u tispeċifika l-miżuri li Alphabet trid timplimenta fir-rigward ta’ Google Android biex tikkonforma b’mod effettiv mal-obbligi tagħha skont l-Artikolu 6(7) tad-DMA. |
|
(3) |
Din id-Deċiżjoni ssegwi proċess strutturat ta’ 6 xhur, li jinkludi diskussjonijiet estensivi ma’ Alphabet u konsultazzjoni pubblika biex jinġabar input mill-partijiet ikkonċernati rilevanti. |
|
(4) |
Fuq il-bażi tal-iskambji tagħha ma’ Alphabet u ma’ partijiet terzi, il-Kummissjoni identifikat għadd ta’ karatteristiċi ta’ Google Android meħtieġa għal partijiet terzi biex jipprovdu servizzi tal-IA li għalihom l-interoperabbiltà kienet teħtieġ li tittejjeb biex tikkonforma b’mod effettiv mal-Artikolu 6(7) tad-DMA. Wara li vvalutat il-korp ġenerali ta’ evidenza, inkluż l-input ta’ Alphabet u ta’ partijiet terzi, id-Deċiżjoni timponi miżuri li Alphabet trid timplimenta skont l-Artikolu 6(7) tad-DMA, biex tiżgura l-interoperabbiltà effettiva ma’ dawk il-karatteristiċi ta’ Google Android. B’hekk, id-Deċiżjoni tiċċara l-obbligi ta’ Alphabet skont l-Artikolu 6(7) DMA għal dawk il-karatteristiċi. |
2. PROĊEDURA
|
(5) |
Sa minn Ottubru 2023, il-Kummissjoni kellha djalogu regolatorju estensiv ma’ Alphabet dwar il-konformità ta’ Alphabet mal-Artikolu 6(7) tad-DMA, inklużi bosta laqgħat tekniċi u talbiet għal informazzjoni biex tiddiskuti speċifikament l-approċċ tagħha għas-servizzi tal-IA fuq Google Android. |
|
(6) |
Fis-27 ta’ Jannar 2026, il-Kummissjoni fetħet proċedimenti skont l-Artikolu 20(1) tad-DMA bil-għan li tispeċifika l-miżuri li Alphabet trid timplimenta biex tikkonforma b’mod effettiv mal-obbligi ta’ interoperabbiltà tagħha fir-rigward ta’ sett ta’ karatteristiċi ta’ Google Android li huma disponibbli għal Alphabet jew użati minnha biex toffri servizzi tal-IA. Sa mill-ftuħ tal-proċedimenti, il-Kummissjoni kkomunikat b’mod estensiv kemm ma’ Alphabet kif ukoll ma’ partijiet terzi, inkluż permezz ta’ diversi laqgħat u talbiet għal informazzjoni. |
|
(7) |
Fis-27 ta’ April 2026, il-Kummissjoni kkomunikat lil Alphabet is-sejbiet preliminari tagħha f’konformità mal-Artikoli 8(5) u 34(1) tad-DMA (“Sejbiet Preliminari”), u pprovdiet lil Alphabet bl-opportunità li tikkummenta dwar is-sejbiet tagħha u l-miżuri proposti. |
|
(8) |
B’mod parallel, il-Kummissjoni ppubblikat il-miżuri proposti u sommarju mhux kunfidenzjali tal-kawża biex il-partijiet terzi interessati jkunu jistgħu jipprovdu l-kummenti tagħhom. Il-Kummissjoni rċeviet 53 kontribut fil-kuntest tal-konsultazzjoni pubblika, inkluż minn utenti kummerċjali, minn utenti finali, u minn fabbrikanti tat-tagħmir (“OEMs”). Dawn is-sottomissjonijiet ġew kondiviżi ma’ Alphabet. |
|
(9) |
Fis-26 ta’ Mejju 2026, Alphabet ipprovdiet it-tweġiba tagħha għas-Sejbiet Preliminari wara li eżerċitat id-drittijiet proċedurali tagħha skont l-Artikoli 8(1), 8(2) u 8(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/814 (2) (2). |
|
(10) |
F’konformità mal-Artikoli 17 u 50(2) tad-DMA, il-Kumitat Konsultattiv għas-Swieq Diġitali ġie kkonsultat u ħareġ l-opinjoni pożittiva tiegħu fil-15 ta’ Lulju 2026. |
3. QAFAS LEGALI
|
(11) |
Skont l-Artikolu 6(7) tad-DMA, gwardjan għandu jippermetti lill-fornituri ta’ servizzi u lill-fornituri ta’ hardware, mingħajr ħlas, interoperabbiltà effettiva ma’, u aċċess għall-finijiet ta’ interoperabbiltà għall-istess karatteristiċi tal-hardware u tas-software aċċessati jew ikkontrollati permezz tas-sistema operattiva elenkata fid-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni skont l-Artikolu 3(9) tad-DMA, kif disponibbli għas-servizzi jew għall-hardware ipprovduti mill-gwardjan. L-Artikolu 6(7) tad-DMA jippermetti lill-gwardjan jieħu l-miżuri strettament meħtieġa u proporzjonati biex jiżgura li l-interoperabbiltà ma tikkompromettix l-integrità tas-sistema operattiva. |
|
(12) |
Għal uħud mill-obbligi previsti fid-DMA, skont l-Artikolu 8(2) tad-DMA, il-Kummissjoni tista’, fuq inizjattiva tagħha stess jew fuq talba ta’ gwardjan, toħroġ att ta’ implimentazzjoni biex tispeċifika l-miżuri li l-gwardjan għandu jimplimenta biex jikkonforma b’mod effettiv ma’ ċerti obbligi. L-Artikolu 6(7) tad-DMA huwa wieħed mill-obbligi li huwa suxxettibbli li jiġi speċifikat ulterjorment skont l-Artikolu 8(2) tad-DMA. |
|
(13) |
Skont l-Artikolu 8(7) tad-DMA, meta tispeċifika l-miżuri li l-gwardjan ikkonċernat irid jimplimenta sabiex jikkonforma b’mod effettiv mal-obbligi tiegħu, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-miżuri jkunu effettivi biex jintlaħqu l-objettivi ta’ dak ir-Regolament u l-obbligu rilevanti, u li dawn ikunu proporzjonati fiċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-gwardjan u tas-servizz rilevanti. |
4. IL-VALUTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
|
(14) |
Il-kisba ta’ interoperabbiltà effettiva skont l-Artikolu 6(7) tad-DMA hija ta’ importanza kbira biex tiġi żgurata l-kontestabbiltà tas-servizzi u tal-hardware offruti lill-utenti finali li għalihom, Google Android taġixxi bħala gateway importanti. B’mod partikolari, l-aċċess effettiv u ugwali għall-karatteristiċi ta’ Google Android huwa essenzjali għas-servizzi tal-IA ta’ partijiet terzi biex jikkompetu mas-servizzi ta’ Alphabet stess taħt kundizzjonijiet ugwali. |
|
(15) |
Id-Deċiżjoni tispeċifika miżuri fir-rigward ta’ sett importanti ta’ karatteristiċi ta’ Google Android. Dawn il-karatteristiċi jistgħu jiġu ragruppati f’erba’ kategoriji: il-karatteristiċi tal-invokazzjoni, il-karatteristiċi tal-kuntest, il-karatteristiċi ta’ integrazzjoni tas-sistemi tal-app u tat-tagħmir, u aċċess għall-karatteristiċi tar-riżorsi. Dawn huma deskritti ulterjorment hawn taħt. |
|
(16) |
Id-Deċiżjoni tippermetti wkoll lil Alphabet timplimenta salvagwardji b’saħħithom tas-sigurtà, tal-privatezza u tal-integrità, kif ukoll miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskju. Għal karatteristiċi partikolarment sensittivi, dan jinkludi li Alphabet titħalla tillimta l-aċċess għal dawk il-karatteristiċi għal partijiet terzi li jissodisfaw kriterji speċifiċi ta’ eliġibbiltà. Il-karatteristiċi li għalihom l-aċċess jista’ jkun limitat fuq din il-bażi huma (i) l-aċċess ċentralizzat għad-data li l-apps jaħżnu fuq it-tagħmir, (ii) l-intelliġenza konxja tal-kuntest, (iii) l-integrazzjoni strutturata fuq it-tagħmir, (iv) l-awtomatizzazzjoni tal-iskrin u (v) l-integrazzjoni tas-sistema. |
4.1. Karatteristiċi għall-invokazzjoni
|
(17) |
L-invokazzjoni tippermetti lill-utenti jinvokaw u jattivaw l-assistenti tal-IA, b’mod partikolari permezz tal-buttuni ta’ aċċess (eż. meta tagħfas darbtejn fuq il-home button) jew kmand permezz tal-vuċi (eż. meta tgħid “Hey Assistant”). Id-Deċiżjoni tispeċifika miżuri fir-rigward tal-karatteristiċi ta’ invokazzjoni ta’ Google Android li ġejjin:
|
4.2. Karatteristiċi għall-kuntest
|
(18) |
Il-kuntest jippermetti lill-assistenti tal-IA (soġġett għall-kunsens tal-utent) jaċċessaw id-data kuntestwali tal-utent (eż. ir-ritratti, l-emails, il-messaġġi, il-mikrofonu, eċċ.), u jużawha biex joffru esperjenza personalizzata u proattiva (eż. it-traduzzjoni diretta, viżwalizzazzjoni tan-numru ta’ prenotazzjoni meta ċ-check-in tat-titjira jsir disponibbli, eċċ.). Id-Deċiżjoni tispeċifika miżuri fir-rigward tal-karatteristiċi li ġejjin tal-kuntest ta’ Google Android:
|
4.3. Karatteristiċi għall-azzjonijiet fuq l-apps u l-OS
|
(19) |
L-azzjonijiet dwar l-apps u l-OS jippermettu lill-assistenti tal-IA jwettqu kompiti fuq applikazzjonijiet oħra u fuq is-sistema f’isem l-utent (eż. l-ibbukkjar ta’ Uber). Id-Deċiżjoni tispeċifika miżuri fir-rigward tal-karatteristiċi li ġejjin tal-azzjonijiet tal-app u tal-OS ta’ Google Android:
|
4.4. Karatteristiċi għall-aċċess tar-riżorsi
|
(20) |
Ir-riżorsi jippermettu lill-assistenti tal-IA jaħdmu tajjeb u b’mod effettiv daqs Gemini ta’ Alphabet (eż. l-aċċess għal mudelli tal-IA li jaħdmu fuq it-tagħmir għal esperjenza aktar orjentata lejn il-privatezza). Id-Deċiżjoni tispeċifika miżuri fir-rigward tal-aċċess ta’ Google Android għall-karatteristiċi tar-riżorsi li ġejjin:
|
4.5. Miżuri għall-karatteristiċi kollha
|
(21) |
Sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-miżuri msemmija hawn fuq, id-Deċiżjoni tirrikjedi wkoll li Alphabet timplimenta ftit miżuri addizzjonali ta’ natura ġenerali. Dawn jinkludu, pereżempju, l-obbligi li partijiet terzi jiġu pprovduti b’aċċess għal aġġornamenti futuri tal-karatteristiċi. Id-Deċiżjoni tistabbilixxi ulterjorment obbligi ta’ rapportar li jippermettu lill-Kummissjoni timmonitorja l-konformità effettiva u f’waqtha ta’ Alphabet. |
|
(22) |
Il-miżuri huma speċifikati ulterjorment fl-Anness tad-Deċiżjoni. |
|
(23) |
Alphabet trid timplimenta l-biċċa l-kbira tal-miżuri previsti fid-Deċiżjoni fir-rilaxx ewlieni li jmiss ta’ Android, li huwa Android 18, u sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Awwissu 2027. L-identifikazzjoni konkorrenti tal-hotword li tippermetti li jiġu attivati diversi servizzi permezz tal-invokazzjoni bil-vuċi, trid tiġi implimentata f’Android 19, u sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Awwissu 2028. |
|
(24) |
Filwaqt li d-Deċiżjoni tipprovdi gwida dwar liema lakuni fl-interoperabbiltà jeħtieġ li jiġu indirizzati u tispeċifika l-miżuri biex isir dan, Alphabet tibqa’ fil-kontroll tas-soluzzjonijiet ta’ implimentazzjoni konkreti. |
5. KONKLUŻJONI
|
(25) |
Id-Deċiżjoni tispeċifika miżuri skont l-Artikolu 8(2) tad-DMA li Alphabet trid timplimenta b’rabta mas-sistema operattiva tagħha Goole Android, sabiex tikkonforma b’mod effettiv mal-obbligi skont l-Artikolu 6(7) tad-DMA b’rabta ma’ ċerti karatteristiċi ta’ Google Android disponibbli għal Alphabet jew użati minnha stess biex toffri servizzi tal-IA, fi ħdan l-iskadenzi speċifikati fl-Anness tad-Deċiżjoni. |
(1) Ir-Regolament (UE) 2022/1925 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2022 dwar swieq kontestabbli u ġusti fis-settur diġitali u li jemenda d-Direttivi (UE) 2019/1937 u (UE) 2020/1828 (l-Att dwar is-Swieq Diġitali) (ĠU L 265, 12.10.2022, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2022/1925/oj).
(2) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/814 tal-14 ta’ April 2023 dwar arranġamenti dettaljati għat-tmexxija ta’ ċerti proċedimenti mill-Kummissjoni skont ir-Regolament (UE) 2022/1925 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 102, 17.4.2023, p. 6, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/814/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/5428/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)