17.5.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 173/3


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/787

tat-12 ta’ Mejju 2021

li tawtorizza lil-Litwanja tirrifjuta li tagħti eżenzjoni mid-dazju tas-sisa fir-rigward ta’ ċerti prodotti tal-ħasil tal-ħalq u spirti kożmetiċi skont id-Direttiva tal-Kunsill 92/83/KEE

(notifikata bid-dokument C(2021) 3260)

(It-test bil-Litwan biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 92/83/KEE tad-19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-armonizzazzjoni tal-istrutturi tat-taxxa tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 27(5) tagħha,

Billi:

(1)

L-għan tad-Direttiva 92/83/KEE huwa li toħloq, fil-qasam tat-tassazzjoni fuq l-alkoħol, kundizzjonijiet li jiżguraw l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern. L-Artikolu 27(1) tad-Direttiva 92/83/KEE jispeċifika l-prodotti koperti minn dik id-Direttiva, li għandhom ikunu eżentati mit-taxxa tas-sisa mill-Istati Membri. L-Artikolu 27(1)(b) tad-Direttiva 92/83/KEE jipprevedi eżenzjoni għall-prodotti denaturati koperti minn dik id-Direttiva użati għall-manifattura ta’ kwalunkwe prodott mhux għall-konsum mill-bniedem. Is-sistema stabbilita fid-Direttiva 92/83/KEE hija dik ta’ aċċettazzjoni reċiproka. Ladarba prodott li jaqa’ taħt l-Artikolu 27(1)(b) tad-Direttiva 92/83/KEE jkun ġie eżentat mid-dazju tas-sisa fi kwalunkwe Stat Membru, dan jista’ jiċċaqlaq liberament fl-Unjoni kollha mingħajr ma jkun soġġett għad-dazju tas-sisa. L-Artikolu 27(5) tad-Direttiva 92/83/KEE jippermetti lill-Istati Membri jirrifjutaw li jagħtu tali eżenzjoni jekk il-prodott ikkonċernat iwassal għal evażjoni, evitar jew abbuż.

(2)

Permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Ġunju 2016, il-Litwanja nnotifikat lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 27(5) tad-Direttiva 92/83/KEE, bir-rifjut tagħha li tagħti l-eżenzjoni mit-taxxa tas-sisa prevista fl-Artikolu 27(1)(b) tad-Direttiva 92/83/KEE għall-alkoħol etiliku żnaturat b’alkoħol isopropiliku bi kwantità ta’ 10 litri jew inqas għal kull 1 ettolitru ta’ alkoħol etiliku assolut użat f’ċerti prodotti tal-ħasil tal-ħalq u spirti kożmetiċi (“il-prodotti kkonċernati”). Il-Litwanja hija tal-fehma li l-prodotti kkonċernati wasslu għal evażjoni, evitar u abbuż fil-Litwanja.

(3)

Il-Kummissjoni bagħtet il-komunikazzjoni tal-Litwanja lill-Istati Membri l-oħra fil-15 ta’ Ġunju 2016 u stednithom jagħmlu l-osservazzjonijiet tagħhom.

(4)

Fil-laqgħa tal-Kumitat dwar id-Dazju tas-Sisa fit-8 ta’ Novembru 2016, l-Istati Membri qablu li l-Grupp tal-Proġett Fiscalis dwar l-arranġamenti għat-tlestija tal-ħidma fuq l-ispirtu kompletament u parzjalment żnaturat jeħtieġ li jeżamina l-formulazzjonijiet tal-iżnaturar għall-prodotti kożmetiċi u tal-kura personali u li jipprovdi opinjoni dwar il-formulazzjoni li hija xierqa għal dawk il-prodotti. Il-Kumitat għandu jerġa’ jeżamina l-kwistjoni wara l-opinjoni tal-Grupp tal-Proġett Fiscalis. Il-Grupp tal-Proġett Fiscalis innota li l-istess formulazzjoni bħal dik użata fil-prodotti kkonċernati tintuża f’ħafna prodotti oħra mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem. Madankollu, dawk il-prodotti l-oħra ma wasslux għal evażjoni, evitar jew abbuż. It-tassazzjoni tal-prodotti kollha żnaturati b’dik il-formulazzjoni għalhekk tkun sproporzjonata. Il-Kummissjoni għalhekk stiednet lil-Litwanja, permezz ta’ ittra tal-21 ta’ Jannar 2019, biex tipprovdi deskrizzjoni dettaljata tal-prodotti kkonċernati aktar milli l-formulazzjoni tal-iżnaturar.

(5)

Permezz ta’ ittra tal-21 ta’ Awwissu 2019, il-Litwanja pprovdiet informazzjoni addizzjonali dwar il-prodotti kkonċernati. Il-Kummissjoni għaddiet dik l-informazzjoni lill-Istati Membri l-oħra. Fl-ittra tagħha, il-Litwanja spjegat li l-prodotti kkonċernati huma l-prodotti tal-ħasil tal-ħalq bid-denominazzjonijiet “Classic” u “Crystal” u l-ispirti kożmetiċi bid-denominazzjonijiet “Yellow”, “Citrus”, “Green”, “Citrina”, “Red”, “Avietė”, “Blue” u “Juodieji serbentai”, b’qawwa alkoħolika skont il-volum ta’ madwar 20 % jew 60 % rispettivament. Il-prodotti kkonċernati ma jintużawx għall-għanijiet ta’ iġjene jew kożmetiċi indikati fuq it-tikketta. Skont l-ittra, l-operaturi ekonomiċi qed jikkummerċjalizzaw dawk il-prodotti lil gruppi vulnerabbli tal-popolazzjoni Litwana għall-konsum bħala xarbiet alkoħoliċi intossikanti mingħajr ma jneħħu d-denaturant tossiku, li huwa ta’ detriment għas-saħħa tal-bniedem. Il-prodotti kkonċernati jintużaw għall-konsum mill-bniedem u l-Litwanja għalhekk tqis li m’għandhomx jibbenefikaw minn eżenzjoni mid-dazju tas-sisa. Fl-ittra tagħha l-Litwanja kkonkludiet li dan jagħti lok għal abbuż imsemmi fl-Artikolu 27 tad-Direttiva 92/83/KEE.

(6)

Barra minn hekk, il-Litwanja stmat li mill-2009 sal-2016 il-volum totali tal-prodotti kkonċernati mibjugħa fis-suq Litwan kien ta’ madwar 1 500 000 litru, li jammonta għal madwar EUR 11 500 000 f’telf ta’ dħul mid-dazju tas-sisa, jew 1 fil-mija tad-dħul totali mid-dazju tas-sisa mill-alkoħol etiliku fil-Litwanja matul dak il-perjodu. Fl-ittra tagħha l-Litwanja kkonkludiet li dan jagħti lok għal abbuż, evażjoni u evitar imsemmija fl-Artikolu 27 tad-Direttiva 92/83/KEE.

(7)

Fil-laqgħa tal-Kumitat dwar id-Dazju tas-Sisa fitlż-15 ta’ Novembru 2019, l-Istati Membri ddiskutew it-tassazzjoni tal-prodotti u l-evidenza pprovduta mil-Litwanja li turi l-evażjoni, l-evitar u l-abbuż. L-Istati Membri nnutaw l-appoġġ tagħhom li jindirizzaw din il-kwistjoni fil-Litwanja. Barra minn hekk, l-Istati Membri nnutaw l-appoġġ tagħhom li jindirizzaw ir-riskju serju li l-operaturi ekonomiċi jistgħu faċilment jimmodifikaw l-isem tad-ditta tal-prodotti kkonċernati jew jagħmlu modifiki oħra sabiex jevitaw rifjut li tingħata eżenzjoni skont l-Artikolu 27(1)(b) tad-Direttiva 92/83/KEE.

(8)

Il-Kummissjoni tqis li l-konsum tal-prodotti kkonċernati bħala xorb alkoħoliku intossikanti jikkostitwixxi użu mhux xieraq b’implikazzjonijiet negattivi serji għas-saħħa u għad-dħul mit-taxxa.

(9)

L-operaturi ekonomiċi li jikkummerċjalizzaw il-prodotti kkonċernati jibbenefikaw minn sistema ta’ dazju tas-sisa iktar favorevoli minn dik applikabbli għax-xorb alkoħoliku. Il-Litwanja wriet ukoll telf sinifikanti fid-dħul mid-dazju tas-sisa mill-alkoħol etiliku użat fil-prodotti kkonċernati. Abbażi tal-evidenza pprovduta mil-Litwanja, li min-natura tagħha huwa diffiċli li tinkiseb, u abbażi tal-istimi tad-dħul mitluf mid-dazju tas-sisa, il-Kummissjoni tqis li l-prodotti kkonċernati jagħtu lok għal evażjoni, evitar u abbuż.

(10)

Minħabba li l-prodotti kkonċernati jagħtu lok għal evażjoni, evitar u abbuż, il-Litwanja għandha tkun awtorizzata li tirrifjuta li tagħti eżenzjoni skont l-Artikolu 27(1)(b) tad-Direttiva 92/83/KEE lil dawk il-prodotti.

(11)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li l-operaturi ekonomiċi li jimmanifatturaw il-prodotti kkonċernati jistgħu faċilment jevitaw rifjut li tingħata eżenzjoni skont l-Artikolu 27(1)(b) tad-Direttiva 92/83/KEE billi jimmodifikaw element tal-prodotti kkonċernati, bħall-isem tad-ditta. Sabiex tiġi evitata tali ċirkomvenzjoni, il-Litwanja għandha tkun awtorizzata wkoll li tirrifjuta li tagħti tali eżenzjoni lil kwalunkwe spirti kożmetiċi likwidi simili oħra u prodotti tal-ħasil tal-ħalq li jiġu kkunsmati bħala xarbiet alkoħoliċi.

(12)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar id-Dazju tas-Sisa,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Litwanja hija awtorizzata li tirrifjuta li tagħti eżenzjoni mit-taxxa tas-sisa armonizzata lill-alkoħol etiliku żnaturat bl-alkoħol isopropil bi kwantità ta’ 10 litri jew inqas għal kull ettolitru ta’ alkoħol etiliku assolut u użat għall-manifattura tal-ispirti kożmetiċi likwidi li ġejjin u l-prodotti tal-ħasil tal-ħalq, jew kwalunkwe spirti kożmetiċi likwidi simili u prodotti tal-ħasil tal-ħalq, mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem, iżda kkonsmati bħala xarbiet alkoħoliċi:

(a)

prodotti għall-ħasil tal-ħalq b’qawwa alkoħolika skont il-volum ta’ aktar minn 20 % bl-ismijiet tad-ditta “Classic” u “Crystal”;

(b)

Spirti kożmetiċi b’qawwa alkoħolika skont il-volum li teċċedi 60 % bid-ditti “Yellow”, “Citrus”, “Green”, “Citrina”, “Red”, “Avietė”, “Blue” u “Juodieji serbentai”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Litwanja.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Mejju 2021.

Għall-Kummissjoni

Paolo GENTILONI

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 316, 31.10.1992, p. 21.