19.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 186/1


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1343

tat-18 ta' Lulju 2017

li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(1)(e) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa nomenklatura tal-oġġetti, (minn hawn 'il quddiem imsejħa n-“Nomenklatura Magħquda” jew “NM”), li hija stabbilita fl-Anness I ta' dak ir-Regolament.

(2)

Fl-interess taċ-ċertezza tad-dritt, jeħtieġ li tiġi ċċarata l-klassifikazzjoni tal-kapsuli, il-pastilji u l-pilloli prodotti minn dqiq, xgħir u barli mitħun oħxon, pasta, lamtu jew estratt tax-xgħir tal-intestatura 1901 jew minn oġġetti tal-intestaturi 0401 sa 0404 maħsuba biex jintużaw bħala supplimenti tal-ikel.

(3)

Skont is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-Kawżi Magħquda C-410/08 sa C-412/08 (2), il-preparazzjonijiet tal-ikel li jistgħu jittieklu maħsuba biex jintużaw bħala supplimenti tal-ikel, magħmula prinċipalment minn żejt tal-ħxejjex jew tal-annimali miżjud il-vitamini u ppreżentati f'dożi (kapsuli), iridu jiġu kklassifikati skont l-intestatura 2106 (“Preparazzjonijiet tal-ikel li mhumiex speċifikati jew inklużi band'oħra”).

(4)

F'dik is-sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li, fil-każ tal-oġġetti kkonċernati, il-forma ta' preżentazzjoni (jiġifieri l-qoxra) hija fattur deċiżiv li turi l-funzjoni tagħhom bħala suppliment tal-ikel, peress li tiddetermina d-doża tal-preparazzjonijiet li jistgħu jittieklu, il-mod kif jiġu assorbiti u l-parti tal-ġisem fejn suppost jibdew jaħdmu. B'hekk, iż-żewġ fatturi (il-qoxra flimkien mal-kontenut tas-suppliment tal-ikel) jiddeterminaw l-użu u l-karattru tal-oġġetti rispettivi.

(5)

In-Noti ta' Spjega għas-Sistema Armonizzata li jikkonċernaw l-intestatura 2106 jiddikjaraw li din l-intestatura tinkludi preparazzjonijiet, ta' spiss imsejħa “supplimenti tal-ikel” miżjuda b'vitamini u xi drabi bi kwantitajiet żgħar ħafna ta' komposti tal-ħadid li jitqiegħdu f'ippakkjar li jindika li huma intiżi sabiex iżommu l-benesseri tal-ġisem.

(6)

Is-supplimenti tal-ikel magħmula minn dqiq, xgħir u barli mitħun oħxon, pasta, lamtu jew estratt tax-xgħir tal-intestatura 1901 jew minn oġġetti tal-intestaturi 0401 sa 0404, li huma ppreżentati f'dożi mkejla bħal kapsuli, pastilji u pilloli, mhumiex koperti bl-intestatura 1901 għaliex il-forma speċifika ta' preżentazzjoni hija indikattiva tal-funzjoni tagħhom bħala suppliment tal-ikel. Is-supplimenti tal-ikel huma tip speċifiku ħafna ta' preparazzjonijiet tal-ikel imsemmija biss fin-Noti ta' Spjega għas-Sistema Armonizzata tal-intestatura 2106 u ġeneralment ippreżentati f'dożi mkejla. B'hekk, il-preparazzjonijiet tal-ikel maħsuba biex jintużaw bħala supplimenti tal-ikel, ippreżentati f'dożi mkejla u magħmula minn dqiq, xgħir u barli mitħun oħxon, pasta, lamtu jew estratt tax-xgħir tal-intestatura 1901 jew minn oġġetti tal-intestaturi 0401 sa 0404 ma jistgħux jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-intestatura 1901 u jenħtieġ li jiġu kklassifikati taħt l-intestatura 2106.

(7)

Għal raġunijiet ta' ċertezza tad-dritt, jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet tan-Nomenklatura Magħquda jirriflettu l-ġurisprudenza msemmija hawn fuq. Dan inkiseb parzjalment bl-introduzzjoni tan-Nota Addizzjonali 5 fil-Kapitolu 21 bir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 698/2013 (3). Għal raġunijiet ta' konsistenza u uniformità ma' dik il-miżura preċedenti, jenħtieġ li tiddaħħal Nota Addizzjonali korrispondenti fil-Kapitolu 19.

(8)

Għalhekk, jenħtieġ li tiżdied Nota Addizzjonali ġdida fil-Kapitolu 19 tal-Parti Tnejn tan-Nomenklatura Magħquda sabiex tiżgura l-interpretazzjoni uniformi tagħha fl-Unjoni.

(9)

Għaldaqtsant, jenħtieġ li r-Regolament (KEE) Nru 2658/87 jiġi emendat skont dan.

(10)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fil-Kapitolu 19 tat-Tieni Parti tan-Nomenklatura Magħquda stipulata fl-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, tiddaħħal in-Nota Addizzjonali 4 li ġejja:

“4.

Il-preparazzjonijiet tal-ikel ta' dqiq, xgħir u barli mitħun oħxon, pasta, lamtu jew estratt tax-xgħir tal-intestatura 1901 kif ukoll dawk tal-oġġetti tal-intestaturi 0401 sa 0404 ippreżentati f'dożi mkejla, bħal kapsuli, pastilji u pilloli maħsuba biex jintużaw bħala supplimenti tal-ikel, huma esklużi mill-klassfikazzjoni taħt l-intestatura 1901. Il-karattru essenzjali ta' suppliment tal-ikel ma jingħatax biss bl-ingredjenti tiegħu, iżda wkoll bil-forma speċifika tiegħu ta' preżentazzjoni li turi l-funzjoni tiegħu bħala suppliment tal-ikel, peress li tiddetermina d-doża, il-mod kif jiġi assorbit u l-parti tal-ġisem fejn suppost jibda jaħdem. Dawn il-preparazzjonijiet tal-ikel iridu jiġu kklassifikati taħt l-intestatura 2106 sakemm ma jkunux speċifikati jew inklużi band'oħra.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Lulju 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1.

(2)  Sentenza tas-17 ta' Diċembru 2009, Swiss Caps AG, C-410/08 sa C-412/08, ECLI:EU:C:2009:794.

(3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 698/2013 tad-19 ta' Lulju 2013 li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (ĠU L 198, 23.7.2013, p. 35).