European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/2257

6.11.2025

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2025/2257

tad-29 ta’ Settembru 2025

dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd previsti mill-Protokoll ta’ Implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-sajd bejn ir-Repubblika Demokratika ta’ São Tomé e Príncipe u l-Komunità Ewropea (2025-2029)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fit-23 ta’ Lulju 2007, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 894/2007 dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim ta’ Sħubija fis-Settur tas-Sajd bejn ir-Repubblika Demokratika ta’ São Tomé e Príncipe u l-Komunità Ewropea (1) (“il-Ftehim”). Il-Ftehim daħal fis-seħħ fid-29 ta’ Awwissu 2011.

(2)

L-aħħar Protokoll li jimplimenta l-Ftehim skada fit-18 ta’ Diċembru 2024.

(3)

Fl-10 ta’ Settembru 2024, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati mar-Repubblika Demokratika ta’ São Tomé e Príncipe (minn hawn ’il quddiem imsejħa “São Tomé u Príncipe”) bil-ħsieb li jiġi stabbilit protokoll ġdid dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim. In-negozjati ġew konklużi b’suċċess u rriżultaw fl-inizjalar tal-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija fis-Settur tas-Sajd bejn ir-Repubblika Demokratika ta’ São Tomé e Príncipe u l-Komunità Ewropea (2025-2029) (minn hawn il-quddiem imsejjaħ “il-Protokoll”) fid-9 ta’ April 2025.

(4)

F’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2025/2139 (2), il-Protokoll ġie ffirmat fis-6 ta’ Ottubru 2025, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data iktar tard.

(5)

Jenħtieġ li l-opportunitajiet tas-sajd previsti fil-Protokoll jiġu allokati fost l-Istati Membri għall-perjodu kollu tal-applikazzjoni tal-Protokoll.

(6)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika mill-aktar fis possibbli, minħabba l-importanza ekonomika tal-attivitajiet tas-sajd tal-Unjoni fiż-żona tas-sajd ta’ São Tomé u Príncipe u l-ħtieġa li titnaqqas kemm jista’ jkun l-interruzzjoni ta’ dawk l-attivitajiet.

(7)

Il-Protokoll ser jibda japplika fuq bażi provviżorja mid-data tal-iffirmar tiegħu sabiex ikunu jistgħu jitkomplew l-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tal-Unjoni. Għalhekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament jibda japplika minn dik l-istess data,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-opportunitajiet tas-sajd stabbiliti skont il-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija fis-Settur tas-Sajd bejn ir-Repubblika Demokratika ta’ São Tomé e Príncipe u l-Komunità Ewropea (2025–2029) għandhom jiġu allokati fost l-Istati Membri kif ġej:

(a)

26 bastiment tas-sajd għat-tonn bit-tartarun:

Spanja:

15-il bastiment

Franza:

11-il bastiment;

(b)

9 bastimenti tas-sajd bil-konz tal-wiċċ:

Spanja:

7 bastimenti

Il-Portugall:

2 bastimenti.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mis-6 ta’ Ottubru 2025.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Settembru 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

M. BØDSKOV


(1)   ĠU L 205, 7.8.2007, p. 35, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2007/894/oj.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2025/2139 tat-30 ta’ Settembru 2025 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Protokoll rigward l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-sajd bejn ir-Repubblika Demokratika ta’ São Tomé e Príncipe u l-Komunità Ewropea (2025–2029) (ĠU L, 2025/2139, 22.10.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/2139/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/2257/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)