11.4.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 96/13


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/579

tad-9 ta' April 2015

li tistabbilixxi l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għan-nefqa mġarrba mill-Italja fl-2012 għall-finanzjament tal-miżuri ta' emerġenza biex tiġi miġġielda l-influwenza avjarja

(notifikata bid-dokument C(2015) 2235)

(It-test bit-Taljan biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 652/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-ġestjoni tan-nefqa marbuta mal-katina alimentari, mas-saħħa tal-annimali u mat-trattament xieraq tal-annimali, u marbuta mas-saħħa tal-pjanti u mal-materjal riproduttiv tal-pjanti, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 98/56/KE, 2000/29/KE u 2008/90/KE, ir-Regolamenti (KE) Nru 178/2002, (KE) Nru 882/2004 u (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttiva 2009/128/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 66/399/KEE, 76/894/KEE u 2009/470/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 36(4) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 349/2005 (2) jistipula r-regoli għall-ħlas ta' kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għal miżuri ta' emerġenza għall-qerda ta' ċertu mard tal-annimali, inkluż l-influwenza avjarja. L-Artikolu 7 ta' dak ir-Regolament jistabbilixxi d-dokumenti li għandhom jiġu ppreżentati mill-Istat Membru li jitlob il-kontribut finanzjarju mill-Unjoni u l-iskadenzi biex jintbagħtu dokumenti ta' dan it-tip.

(2)

Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/775/UE (3) tistipula dwar kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni li għandha tingħata lill-Italja għall-ispejjeż imġarrba minn dak l-Istat Membru fit-teħid tal-miżuri fil-ġlieda tiegħu kontra l-influwenza avjarja fl-2012 skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/470/KE (4). Għaldaqstant, l-ewwel ħlas parzjali ta' EUR 40 000,00 għall-2012 ġie mħallas lil dak l-Istat Membru bħala parti mill-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni. Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/775/UE tistipula wkoll li l-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għandu jiġi ffissat f'deċiżjoni sussegwenti li trid tiġi adottata skont il-proċedura msemmija fiha.

(3)

Ir-Regolament (UE) Nru 652/2014 jistipula dwar ħlasijiet li jridu jsiru lill-Istati Membri f'dawk iċ-ċirkustanzi. Għalhekk, ir-regolament jistipola dwar l-adozzjoni ta' atti ta' implimentazzjoni u jistabbilixxi l-kontribuzzjoni finanzjarja. Dak ir-Regolament ħassar ukoll id-Deċiżjoni 2009/470/KE u referenzi għal dik id-Deċiżjoni għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għar-Regolament (UE) Nru 652/2014.

(4)

Permezz tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/775/UE, ir-rekwiżiti tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), b'mod partikolari l-Artikolu 84 tagħha, ġew issodisfati.

(5)

Fit-19 ta' Awwissu 2014, l-Italja bagħtet talba uffiċjali għar-rimborż lill-Kummissjoni, akkumpanjata minn rapport finanzjarju, dokumenti ta' sostenn u rapport epidemjoloġiku dwar kull stabbiliment fejn l-annimali nqatlu jew inqerdu. It-talba għar-rimborż tammonta għal EUR 1 431 549,96 għall-2012. Madankollu, wara eżami tad-dokumenti ppreżentati minn dak l-Istat Membru, huwa meqjus li l-ammont ta' EUR 68 238,40 ma jistax jiġi rimborżat skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 349/2005.

(6)

Għalhekk il-kontribuzzjoni finali għal 2012 tista' rispettivament tiġi stabbilita għal EUR 1 363 311,56 li hija d-differenza bejn l-ammont mitlub għar-rimborż u l-ammont ineliġibbli. Wara t-tnaqqis tal-ewwel ħlas parzjali msemmi fit-tieni premessa, il-bilanċ li għandu jitħallas lill-Italja għall-2012 jista' jiġi stabbilit għal EUR 1 323 311,56.

(7)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għan-nefqa mġarrba mill-Italja fl-2012 għall-finanzjament ta' miżuri ta' emerġenza għall-ġlieda kontra l-influwenza avjarja hija ffissata għal EUR 1 363 311,56.

2.   Il-bilanċ tal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni li għad trid titħallas lill-Italja qed jiġi stabbilit għal EUR 1 323 311,56.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Taljana.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta' April 2015.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 189, 27.6.2014, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 349/2005 tat-28 ta' Frar 2005 li jistabilixxi r-regoli rigward il-finanzjament Komunitarju għall-interventi urġenti u l-ġlieda kontra ċertu mard tal-annimali kif imsemmi fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE (ĠU L 55, 1.3.2005, p. 12).

(3)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/775/UE tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għal miżuri ta' emerġenza għall-ġlieda kontra l-influwenza avjarja fil-Ġermanja, fl-Italja u fil-Pajjiżi l-Baxxi fl-2012 u fl-2013 u fid-Danimarka u Spanja fl-2013 (ĠU L 343, 19.12.2013, p. 44).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/470/KE tal-25 ta' Mejju 2009 dwar in-nefqa fil-kamp veterinarju (ĠU L 155, 18.6.2009, p. 30).

(5)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).