European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/1911

4.8.2026

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2026/1911

tat-13 ta’ Lulju 2026

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Veterinarju Konġunt stabbilit bil-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kummerċ fil-prodotti agrikoli rigward id-Deċiżjoni Nru 1/2026 fir-rigward tal-emendi tal-Appendiċijiet 1, 2, 3, 5, 6 u 10 tal-Anness 11 tal-Ftehim

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4) tiegħu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar kummerċ fi prodotti agrikoli (minn hawn ’il quddiem il-“Ftehim”) ġie konkluż mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni 2002/309/KE, Euratom tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (1) u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 2002.

(2)

Skont l-Artikolu 19(1) tal-Anness 11 tal-Ftehim, il-Kumitat Veterinarju Konġunt stabbilit bil-Ftehim (minn hawn ’il quddiem il-“Kumitat Veterinarju Konġunt”) irid jeżamina kwalunkwe kwistjoni marbuta ma’ dak l-Anness u mal-implimentazzjoni tiegħu, u huwa responsabbli li jwettaq, fost l-oħrajn, il-kompiti kollha previsti f’dak l-Anness. L-Artikolu 19(3) tal-Anness 11 awtorizza lill-Kumitat Veterinarju Konġunt biex jemenda l-appendiċijiet tal-Anness 11, b’mod partikolari bl-għan li jkunu adattati u aġġornati.

(3)

Fil-laqgħa li jmiss tiegħu, il-Kumitat Veterinarju Konġunt għandu jadotta deċiżjoni li temenda l-Appendiċijiet 1, 2, 3, 5, 6 u 10 tal-Anness 11 tal-Ftehim.

(4)

Jekk adottata, id-Deċiżjoni tal-Kumitat Veterinarju Konġunt li temenda l-Appendiċijiet 1, 2, 3, 5, 6 u 10 tal-Anness 11 tal-Ftehim ikollha effetti legali fuq l-Unjoni.

(5)

Ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jemenda u jħassar bosta testi ta’ rilevanza għall-Anness 11 tal-Ftehim. Il-miżuri li jikkonċernaw ir-regoli dwar is-saħħa tal-annimali previsti fil-leġiżlazzjoni Żvizzera ġew ivvalutati u rikonoxxuti bħala ekwivalenti għal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Il-valutazzjoni ta’ din l-ekwivalenza twettqet filwaqt li tqiesu l-atti legali kollha bbażati fuq il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li jikkonċernaw ir-regoli dwar is-saħħa tal-annimali. Għalhekk huwa xieraq li jiġu emendati r-referenzi kollha għall-miżuri li jikkonċernaw ir-regoli dwar is-saħħa tal-annimali inklużi fl-Appendiċijiet 1, 2, 3, 5, 6 u 10 tal-Anness 11 tal-Ftehim.

(6)

Minħabba l-ekwivalenza rikonoxxuta tal-miżuri li jikkonċernaw ir-regoli dwar is-saħħa tal-annimali, jenħtieġ li r-rikonoxximent tal-istatus ta’ ħielsa mill-mard għal ċertu mard jiġi ssimplifikat sabiex isir aktar malajr u b’hekk ikun jista’ jkun hemm ġestjoni aħjar tal-mard transfruntier.

(7)

Fid-dawl tal-iżviluppi suċċessivi li jikkonċernaw il-materjal speċifikat riskjuż u l-użu tal-proteini tal-annimali fl-għalf tal-annimali tar-razzett mhux ruminanti, minbarra l-annimali għall-pil, jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet għall-prevenzjoni, għall-kontroll u għall-qerda ta’ ċerti enċefalopatiji sponġiformi trażmissibbli fl-Appendiċijiet 1 u 6 tal-Anness 11 tal-Ftehim jiġu aġġornati u ssimplifikati.

(8)

Ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jemenda u jħassar diversi testi ta’ rilevanza għall-Anness 11 tal-Ftehim, b’mod partikolari għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/429. Barra minn hekk, mill-1 ta’ Jannar 2009, l-Iżvizzera inkorporat fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha r-rekwiżiti tal-UE rigward il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex jiġi żgurat ir-rispett għar-regoli dwar is-saħħa tal-annimali, kif ukoll id-dispożizzjonijiet kollha adottati għall-applikazzjoni tagħhom fil-qasam tal-kontroll tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi fl-Unjoni Ewropea. Għalhekk jenħtieg li jiġu emendati r-referenzi kollha għall-kontrolli uffiċjali li jintgħamlu biex ssir verifika ta’ jekk humiex rispettati ir-regoli dwar is-saħħa tal-annimali u l-kontrolli fuq l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, inklużi fl-Appendiċijiet 1, 2, 3, 5, 6 u 10 tal-Anness 11 tal-Ftehim.

(9)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1715 (4) ġabar flimkien, issimplifika u ssostitwixxa diversi atti preċedenti li kienu jipprevedu dispożizzjonijiet separati dwar il-pjattaformi differenti tal-IT li llum saru komponenti tas-sistema ta’ ġestjoni tal-informazzjoni għall-kontrolli uffiċjali (IMSOC). Sabiex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni amministrattiva bejn il-Partijiet u biex jiġu żgurati skambji bla xkiel ta’ informazzjoni dwar il-kontrolli uffiċjali bejn il-Kummissjoni Ewropea, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u l-awtoritajiet kompetenti Żvizzeri, jenħtieġ li l-Iżvizzera tiġi integrata bis-sħiħ fis-sistema IMSOC. Jenħtieġ li l-Iżvizzera taħtar punt ta’ kuntatt għal dan il-għan. Għalhekk, jenħtieġ li jiġu emendati r-referenzi kollha għas-sistema ta’ ġestjoni tal-informazzjoni għall-kontrolli uffiċjali inklużi fl-Appendiċijiet 1, 5, 6 u 10 tal-Anness 11 tal-Ftehim.

(10)

L-użu prudenti tal-antimikrobiċi huwa element fundamentali fil-ġlieda kontra r-reżistenza għall-antimikrobiċi (AMR). L-Iżvizzera u l-Unjoni huma jiġġieldu b’mod attiv kontra l-AMR permezz ta’ pjanijiet ta’ azzjoni bbażati fuq il-prinċipju “Saħħa Waħda”. L-Iżvizzera se tapplika l-istess dispożizzjonijiet bħal dawk tal-Artikolu 107 (minbarra l-paragrafu 6), flimkien mal-Artikolu 37(5) tar-Regolament (UE) 2019/6 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), fir-rigward tar-regoli dwar l-użu ta’ prodotti mediċinali antimikrobiċi f’annimali li jipproduċu l-ikel, il-projbizzjoni tal-użu f’annimali li jipproduċu l-ikel ta’ antimikrobiċi jew gruppi ta’ antimikrobiċi ddeżinjati riżervati għat-trattament ta’ ċerti infezzjonijiet fil-bnedmin, u dwar il-kontrolli fuq l-importazzjonijiet ta’ annimali u prodotti ta’ oriġini mill-annimali minn pajjiżi terzi. Il-kummerċ fl-annimali u fil-prodotti ta’ oriġini mill-annimali bejn l-Iżvizzera u l-Unjoni Ewropew għalhekk jista’ jitwettaq mingħajr ma jkun akkumpanjat minn ċertifikat uffiċjali li jattesta l-konformità mar-restrizzjonijiet applikabbli għall-użu tal-mediċini antimikrobiċi sal-1 ta’ Lulju 2028. Għaldaqstant, dawk id-dispożizzjonijiet jenħtieġ li jiżdiedu mal-Appendiċijiet 2, 3, 5, 6 u 10 tal-Anness 11 tal-Ftehim.

(11)

Peress li l-Iżvizzera pprevediet aġġornament aktar estensiv tal-leġiżlazzjoni tagħha dwar il-prodotti mediċinali fix-xhur li ġejjin, il-Partijiet għandhom l-intenzjoni li jirrieżaminaw l-arranġamenti msemmija hawn fuq qabel id-data tal-iskadenza tagħhom fl-1 ta’ Lulju 2028.

(12)

Għalhekk jenħtieġ li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed, f’isem l-Unjoni, fi ħdan il-Kumitat Veterinarju Konġunt, fir-rigward tad-Deċiżjoni Nru 1/2026 dwar l-emendi tal-Appendiċijiet 1, 2, 3, 5, 6 u 10 tal-Anness 11 tal-Ftehim,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-laqgħa li jmiss tal-Kumitat Veterinarju Konġunt stabbilit bl-Artikolu 19(1) tal-Anness 11 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar kummerċ fi prodotti agrikoli fir-rigward tal-emendi tal-Appendiċijiet 1, 2, 3, 5, 6 u 10 tal-Anness 11 tal-Ftehim hija bbażata fuq l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kumitat Veterinarju Konġunt mehmuż fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Bidliet minuri fil-pożizzjoni stabbilita fl-Artikolu 1 jistgħu jiġu miftiehma mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Lulju 2026.

Għall-Kunsill

Il-President

M. HEYDON


(1)  Id-Deċiżjoni 2002/309/KE tal-Kunsill u tal-Kummissjoni għal dak li jirrigwarda l-ftehim dwar kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika, tal-4 ta’ April 2002 dwar il-konklużjoni ta’ seba’ ftehimiet mal-Konfederazzjoni Żvizzera (ĠU L 114, 30.4.2002, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2002/309/oj).

(2)  Ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/429/oj).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/625/2025-01-05).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1715 tat-30 ta’ Settembru 2019 li jistabbilixxi r-regoli għat-tħaddim tas-sistema ta’ ġestjoni tal-informazzjoni għall-kontrolli uffiċjali u l-komponenti tas-sistema tagħha (ir-Regolament IMSOC) (ĠU L 261, 14.10.2019, p. 37, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2019/1715/oj).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2019/6 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar prodotti mediċinali veterinarji u li jħassar id-Direttiva 2001/82/KE (ĠU L 4, 7.1.2019, p. 43, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/6/oj)


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/1911/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)