Brussell, 19.6.2024

COM(2024) 622 final

Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji tal-Portugall

{SWD(2024) 600 final} - {SWD(2024) 622 final}


Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji tal-Portugall

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi 2 , u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 3 , li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, daħal fis-seħħ fid-19 ta’ Frar 2021. Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investimenti, li jinvolvu impuls fiskali ffinanzjat mill-UE. F’konformità mal-prijoritajiet tas-Semestru Ewropew, hija tgħin biex jinkiseb l-irkupru ekonomiku u soċjali u biex jiġu implimentati riformi u investimenti sostenibbli, b’mod partikolari biex tippromwovi t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali u tagħmel l-ekonomiji tal-Istati Membri aktar reżiljenti. Tgħin ukoll biex issaħħaħ il-finanzi pubbliċi u tagħti spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fuq terminu medju u twil, ittejjeb il-koeżjoni territorjali fl-UE u tappoġġa t-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

(2)Ir-Regolament REPowerEU 4 , adottat fis-27 ta’ Frar 2023, għandu l-għan li jelimina d-dipendenza tal-UE fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili Russi gradwalment. B’hekk tkun tista’ tinkiseb is-sigurtà tal-enerġija u d-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija tal-UE, filwaqt li jiżdied l-użu tal-enerġija rinnovabbli, il-kapaċitajiet tal-ħżin tal-enerġija u l-effiċjenza enerġetika. Il-Portugall żied kapitolu REPowerEU ġdid mal-pjan nazzjonali tiegħu għall-irkupru u r-reżiljenza sabiex jiffinanzja riformi u investimenti ewlenin li se jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi tar-REPowerEU.

(3)Fis-16 ta’ Marzu 2023, il-Kummissjoni ħarġet Komunikazzjoni dwar “Il-kompetittività fit-tul tal-UE: inħarsu lil hinn mill-2030” 5 , sabiex jiġu infurmati d-deċiżjonijiet ta’ politika u jinħolqu l-kundizzjonijiet qafas għaż-żieda fit-tkabbir. Il-Komunikazzjoni tinkwadra l-kompetittività fuq disa’ fatturi li jsaħħu lil xulxin b’mod reċiproku. Fost dawn il-fatturi, l-aċċess għall-kapital privat, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-edukazzjoni u l-ħiliet, u s-suq uniku jirriżultaw bħala prijoritajiet ta’ politika ta’ importanza kbira għar-riforma u l-investiment biex jiġu indirizzati l-isfidi attwali tal-produttività kif ukoll biex tinbena l-kompetittività fit-tul tal-UE u tal-Istati Membri tagħha. Fl-14 ta’ Frar 2024, il-Kummissjoni segwiet din il-Komunikazzjoni bir-Rapport Annwali dwar is-Suq Uniku u l-Kompetittività 6 . Ir-rapport jagħti dettalji dwar il-punti b’saħħithom u l-isfidi tal-kompetittività tas-Suq Uniku tal-Ewropa, filwaqt li jsegwi l-iżviluppi annwali skont id-disa’ xprunaturi tal-kompetittività identifikati. 

(4)Fil-21 ta’ Novembru 2023, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli 2024 7 , li ta bidu għaċ-ċiklu tal-2024 tas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet tal-istħarriġ madwar l-erba’ dimensjonijiet tas-sostenibbiltà kompetittiva fit-22 ta’ Marzu 2024. Fil-21 ta' Novembru 2023, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija tal-2024, li fih identifikat lill-Portugall bħala wieħed mill-Istati Membri li jista' jiġi affettwat jew li jista' jkun f'riskju li jiġi affettwat mill-iżbilanċi, u li għalih tkun meħtieġa analiżi fil-fond. Fl-istess data, il-Kummissjoni adottat ukoll opinjoni dwar l-abbozz ta' pjan baġitarju tal-2024 tal-Portugall. Il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro, li l-Kunsill adotta fit-12 ta’ April 2024, kif ukoll il-proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi tal-2024 li janalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li l-Kunsill adotta fil-11 ta’ Marzu 2024.

(5)Fit-30 ta’ April 2024, daħal fis-seħħ il-qafas il-ġdid ta’ governanza ekonomika tal-UE. Il-qafas jinkludi r-Regolament il-ġdid tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (UE) 2024/1263 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u s-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97. Jinkludi wkoll emendi għar-Regolament (KE) Nru 1467/97 dwar l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv u għad-Direttiva 2011/85/UE dwar l-oqfsa baġitarji tal-Istati Membri 8 . L-objettivi tal-qafas il-ġdid huma s-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku u t-tkabbir sostenibbli u inklużiv, permezz ta’ konsolidazzjoni fiskali gradwali kif ukoll ta’ riformi u investimenti. Jippromwovi s-sjieda nazzjonali u l-fokus jinsab aktar fuq it-terminu medju, flimkien ma’ infurzar aktar effettiv u koerenti. Kull Stat Membru jenħtieġ li jippreżenta lill-Kunsill u lill-Kummissjoni pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju. Il-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali ta’ terminu medju fihom l-impenji fiskali, ta’ riforma u ta’ investiment ta’ Stat Membru, li jkopru orizzont ta’ ppjanar ta’ 4 jew 5 snin skont it-tul regolari tal-leġiżlatura nazzjonali. Il-perkors tan-nefqa netta 9 fil-pjanijiet fiskali strutturali nazzjonali ta’ terminu medju jenħtieġ li jikkonforma mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2024/1263, inklużi r-rekwiżiti biex id-dejn tal-gvern estiż jitqiegħed jew jinżamm fuq perkors ta’ tnaqqis plawżibbli sa mhux aktar tard minn tmiem il-perjodu ta’ aġġustament, jew biex jibqa’ f’livelli prudenti taħt 60 % tal-PDG, u biex id-defiċit tal-gvern jinġieb u/jew jinżamm taħt il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG fuq terminu medju. Meta Stat Membru jimpenja ruħu għal sett rilevanti ta’ riformi u investimenti f’konformità mal-kriterji stabbiliti fir-Regolament (UE) 2024/1263, il-perjodu ta’ aġġustament jista’ jiġi estiż b’mhux aktar minn 3 snin. Għall-fini tal-appoġġ għat-tħejjija ta’ dawk il-pjanijiet, fl-[21 ta’ Ġunju] 2024, il-Kummissjoni hija mistennija tipprovdi lill-Istati Membri bi gwida dwar il-kontenut tal-pjanijiet u r-rapporti ta’ progress annwali sussegwenti li se jkollhom jissottomettu u, f’konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2024/1263, se tibgħatilhom gwida teknika dwar l-aġġustamenti fiskali (trajettorji referenzjarji u informazzjoni teknika, fejn applikabbli). L-Istati Membri jenħtieġ li jissottomettu l-pjanijiet fiskali-strutturali tagħhom ta’ terminu medju sal-20 ta’ Settembru 2024, sakemm l-Istat Membru u l-Kummissjoni ma jaqblux li jestendu l-iskadenza b’perjodu ta’ żmien raġonevoli. L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw l-involviment tal-parlamenti nazzjonali tagħhom, u l-konsultazzjoni ta’ istituzzjonijiet fiskali indipendenti, tas-sħab soċjali u partijiet ikkonċernati nazzjonali oħra, kif xieraq.

(6)Fl-2024, is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika qed ikompli jevolvi f’konformità mal-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. L-implimentazzjoni sħiħa tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tibqa’ essenzjali għat-twettiq tal-prijoritajiet ta’ politika taħt is-Semestru Ewropew, billi l-pjanijiet jgħinu biex jindirizzaw b’mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż maħruġa f’dawn l-aħħar snin. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019, l-2020, l-2022 u l-2023 jibqgħu ugwalment rilevanti wkoll għall-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza riveduti, aġġornati jew emendati f’konformità mal-Artikoli 14, 18 u 21 tar-Regolament (UE) 2021/241.

(7)Fit-22 ta’ April 2021, il-Portugall ippreżenta l-pjan tiegħu għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Kummissjoni vvalutat ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, f’konformità mal-linji gwida tal-valutazzjoni tal-Anness V ta’ dak ir-Regolament. Fit-13 ta’ Lulju 2021, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni tiegħu dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Portugall 10 , li ġiet emendata fis-17 ta’ Ottubru 2023 għall-konformità mal-Artikolu 18(2) tar-Regolament (UE) 2021/241 dwar l-aġġornament tal-kontribuzzjoni finanzjarja massima għal appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli, kif ukoll biex jiġi inkluż il-kapitolu REPowerEU 11 . Ir-rilaxx tal-pagamenti parzjali jiddependi fuq deċiżjoni mill-Kummissjoni, meħuda f’konformità mal-Artikolu 24(5) tar-Regolament (UE) 2021/241, li l-Portugall laħaq b’mod sodisfaċenti l-istadji importanti u l-miri rilevanti stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill. L-ilħuq sodisfaċenti jippresupponi li l-kisba tal-istadji importanti u l-miri preċedenti ma tkunx treġġgħet lura.

(8)Fit-30 ta' April 2024, il-Portugall ippreżenta l-Programm Nazzjonali ta' Riforma tiegħu tal-2024 u l-Programm ta' Stabbiltà tiegħu tal-2024, f'konformità mal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97. F'konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2024 jirrifletti wkoll ir-rappurtar biannwali tal-Portugall dwar il-progress li sar fil-kisba tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tiegħu.

(9)Il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż tal-2024 għall-Portugall 12 fid-19 ta’ Ġunju 2024. Huwa vvaluta l-progress tal-Portugall biex jindirizza r-rakkomandazzjonijiet rilevanti speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill bejn l-2019 u l-2023, u ħa kont tal-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Portugall. Fuq il-bażi ta’ din l-analiżi, ir-rapport tal-pajjiż identifika lakuni fir-rigward ta’ dawk l-isfidi li mhumiex indirizzati jew li huma indirizzati biss parzjalment mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll sfidi ġodda u emerġenti. Huwa vvaluta wkoll il-progress tal-Portugall biex jimplimenta l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u jikseb il-miri ewlenin tal-UE dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll il-progress fil-ksib tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU.

(10)Il-Kummissjoni wettqet analiżi fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 għall-Portugall. Is-sejbiet ewlenin tal-valutazzjoni tal-persunal tal-Kummissjoni tal-vulnerabbiltajiet makroekonomiċi għall-Portugall għall-finijiet ta’ dak ir-Regolament ġew ippubblikati f’April 2024 13 . Fid-19 ta’ Ġunju 2024, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Portugall ma għadux jesperjenza żbilanċi makroekonomiċi. B’mod partikolari, il-Portugall għamel progress sinifikanti fit-tnaqqis tal-vulnerabbiltajiet relatati ma’ dejn privat, tal-gvern u estern għoli, li huma mistennija li jkomplu jonqsu. Wara interruzzjoni kkawżata mill-kriżi tal-pandemija tal-COVID-19, il-proporzjonijiet tad-dejn tas-settur privat u tal-gvern reġgħu bdew jonqsu. Dawn naqsu sostanzjalment mill-2021, megħjuna minn tkabbir qawwi tal-PDG u surplus baġitarju reċenti fil-każ tad-dejn tal-gvern. Il-pożizzjoni ta’ investiment internazzjonali netta (PIIN) negattiva b’mod ċar qed titjieb b’mod sostanzjali, megħjuna minn tkabbir ekonomiku notevoli u surplus fil-kont kurrenti, u l-istruttura tagħha tibqa’ favorevoli fid-dawl tas-sehem għoli ta’ strumenti li ma jistgħux isiru inadempjenti. Id-dejn privat u tal-gvern u l-PIIN għadhom għoljin, iżda huma mbassra li jonqsu aktar fil-futur, minkejja li s-sostenn mit-tkabbir nominali tal-PDG se jonqos. Il-kont kurrenti reġa’ lura għal surplus is-sena l-oħra u huwa mbassar li jibqa’ pożittiv din is-sena u s-sena d-dieħla, u nkiseb surplus fiskali. Iż-żieda fir-rati tal-imgħax poġġiet xi pressjoni fuq l-unitajiet domestiċi midjuna u l-prezzijiet tad-djar ilhom jiżdiedu b’mod qawwi għal diversi snin. Is-self improduttiv (NPLs) kompla jonqos minn livelli diġà moderati. Sar progress politiku sostnut biex jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet identifikati u dan jirfed ir-riżultati viżibbli. L-implimentazzjoni li għaddejja tal-RRP hija mistennija li tkompli jkollha impatt favorevoli fuq il-potenzjal tat-tkabbir, u din tikkontribwixxi għas-sostenibbiltà esterna tal-Portugall u tgħin is-sostenibbiltà fiskali.

(11)Abbażi ta’ data vvalidata mill-Eurostat 14 , il-bilanċ tal-gvern estiż tal-Portugall żdied minn defiċit ta’ 0,3 % tal-PDG fl-2022 għal surplus 1,2 % fl-2023, filwaqt li d-dejn tal-gvern estiż naqas minn 112,4 % tal-PDG fi tmiem l-2022 għal 99,1 % fi tmiem l-2023.

(12)Fit-12 ta’ Lulju 2022, il-Kunsill irrakkomanda 15 li l-Portugall jiżgura politika fiskali prudenti fl-2023, b’mod partikolari billi jillimita t-tkabbir tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali għal taħt it-tkabbir tal-output potenzjali fuq terminu medju 16 , filwaqt li jqis l-appoġġ temporanju u mmirat kontinwu għall-unitajiet domestiċi u għad-ditti l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u għan-nies li qed jaħarbu mill-Ukrajna. Fl-istess ħin, il-Portugall ġie rrakkomandat ikun lest biex jaġġusta l-infiq attwali għas-sitwazzjoni li qed tevolvi. Il-Portugall ġie rakkomandat ukoll jespandi l-investiment pubbliku għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u għas-sigurtà tal-enerġija filwaqt li jqis l-inizjattiva REPowerEU, inkluż billi juża l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-Unjoni. Fl-2023, skont l-istimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali 17 kienet restrittiva, b’1,1 % tal-PDG, f’kuntest ta’ inflazzjoni għolja. It-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali (netta minn miżuri tad-dħul diskrezzjonali) fl-2023 ipprovda kontribuzzjoni restrittiva għall-pożizzjoni fiskali ta’ 0,9 % tal-PDG u kien konformi mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill. Il-kontribuzzjoni ristrettiva tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali kienet dovuta l-aktar għat-tnaqqis fil-kostijiet tal-miżuri ta’ appoġġ ta’ emerġenza (immirati u mhux immirati) għall-unitajiet domestiċi u għad-ditti b’reazzjoni għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija (b’1,1 punti perċentwali tal-PDG). L-ixprunaturi ewlenin tat-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali (netti minn miżuri ta’ dħul diskrezzjonarji) kienu l-pagi u l-pensjonijiet pubbliċi. In-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-UE kienet tammonta għal 1,3 % tal-PDG fl-2023. L-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali kien jammonta għal 2,0 % tal-PDG fl-2023, li jirrappreżenta żieda ta’ 0,1 punti perċentwali meta mqabbel mal-2022. Il-Portugall iffinanzja investiment addizzjonali permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u ta’ fondi oħra tal-UE. Iffinanzja l-investiment pubbliku għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u għas-sigurtà tal-enerġija, bħall-forniment ta’ kompjuters lill-istudenti u lill-għalliema, karozzi tal-linja ġodda b’emissjonijiet żero, l-installazzjoni ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar disponibbli għall-pubbliku, il-bidu tal-kostruzzjoni ta’ abitazzjonijiet b’effiċjenza enerġetika għolja, u programmi ġodda għall-innovazzjoni ekoloġika, li huma ffinanzjati mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE.

(13)Il-projezzjonijiet ewlenin fil-Programm ta’ Konverġenza tal-2024 jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej. Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed il-projezzjonijiet baġitarji jipprevedi tkabbir tal-PDG reali ta’ 1,5 % fl-2024 u 1,9 % fl-2025, filwaqt li jipprojjetta inflazzjoni tal-HICP ta’ 2,5 % fl-2024 u 2,1 % fl-2025. Is-surplus tal-gvern estiż huwa mistenni jonqos għal 0,3 % tal-PDG (kemm fl-2024 kif ukoll fl-2025), filwaqt li l-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż huwa mistenni jonqos għal 95,7 % sa tmiem l-2024 u 91,4 % sa tmiem l-2025. Wara l-2025, is-surplus tal-gvern estiż huwa pprojettat li jonqos għal 0,1 % tal-PDG fl-2026 u jiżdied gradwalment għal 0,4 % tal-PDG sal-2028. Għaldaqstant, il-bilanċ tal-gvern estiż huwa ppjanat li jibqa’ taħt il-valur referenzjarju tad-defiċit ta’ 3 % tal-PDG tul l-orizzont tal-programm. Min-naħa tiegħu, wara l-2025, il-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż huwa pprojettat li jonqos għal 87,2 % fl-2026, u jkompli jonqos meta fl-2028 jilħaq 79,8 %.

(14)It-tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipprojetta li l-PDG reali jikber b’1,7 % fl-2024 u 1,9 % fl-2025, u l-inflazzjoni tal-HICP se tkun ta’ 2,3 % fl-2024 u 1,9 % fl-2025.

(15)It-tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipprojetta surplus tal-gvern ta’ 0,4 % tal-PDG fl-2024, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż huwa mistenni jonqos għal 95,6 % sa tmiem l-2024. It-tnaqqis tas-surplus fl-2024 jirrifletti prinċipalment il-miżuri fiskali introdotti mal-Baġit tal-Istat tal-2024 bħar-riforma tat-taxxa fuq l-introjtu personali, iż-żieda ġenerali fil-pensjonijiet u l-aġġornament ġenerali fil-pagi pubbliċi. Fuq il-bażi tal-istimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali hija pprojettata li tkun espansjonarja, b’1,8 % tal-PDG, fl-2024.

(16)In-nefqa li tammonta għal 1,3 % tal-PDG hija mistennija tiġi ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli (“għotjiet”) mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza fl-2024, meta mqabbla ma’ 0,6 % tal-PDG fl-2023, skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni. In-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza se tippermetti investiment ta’ kwalità għolja u riformi li jtejbu l-produttività mingħajr impatt dirett fuq il-bilanċ u d-dejn tal-gvern estiż tal-Portugall. In-nefqa li tammonta għal 0,1 % tal-PDG hija mistennija tkun appoġġata minn self mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza fl-2024, meta mqabbla ma’ inqas minn 0,1 % tal-PDG fl-2023, skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni.

(17)Fl-14 ta’ Lulju 2023, il-Kunsill irrakkomanda 18 li l-Portugall jiżgura politika fiskali prudenti, b’mod partikolari billi jillimita ż-żieda nominali fin-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali 19 fl-2024 għal mhux aktar minn 1,8 %, sakemm rata ta’ referenza ogħla fit-tkabbir tan-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali ma tkunx stmata li hija kompatibbli ma’ li l-Portugall jilħaq l-objettiv baġitarju ta’ terminu medju (OTM) tiegħu ta’ -0,5 % tal-PDG, fost l-oħrajn jekk in-nefqa fuq l-imgħax tkun aktar baxxa minn dik ipprojettata dak iż-żmien mill-Kummissjoni. Meta jeżegwixxu l-baġits tagħhom għall-2023 u jħejju l-Abbozzi tal-Pjanijiet Baġitarji tagħhom għall-2024, l-Istati Membri ġew mistiedna jqisu li l-Kummissjoni se tipproponi lill-Kunsill il-ftuħ ta’ proċeduri ta’ defiċit eċċessiv ibbażati fuq id-defiċit abbażi tad-data tal-eżitu għall-2023. Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, il-bilanċ strutturali tal-Portugall huwa pprojettat għal 0,0 % tal-PDG fl-2024 (minn 0,9 % fl-2023), u b’hekk ogħla mill-OTM tal-pajjiż. Għaldaqstant, il-Portugal ġie vvalutat li huwa konformi ma’ dak li rrakkomanda l-Kunsill.

(18)Barra minn hekk, il-Kunsill irrakkomanda li l-Portugall jieħu azzjoni biex jelimina b’mod gradwali l-miżuri fis-seħħ ta’ appoġġ ta’ emerġenza għall-enerġija, u juża’ l-iffrankar relatat biex tnaqqas id-defiċit tal-gvern, kemm jista’ jkun malajr fl-2023 u fl-2024. Il-Kunsill speċifika wkoll li, jekk iż-żidiet mill-ġdid fil-prezzijiet tal-enerġija jeħtieġu li jitkomplew il-miżuri ta’ appoġġ jew li jkun hemm miżuri ġodda ta’ appoġġ, jenħtieġ li l-Portugall jiżgura li dawn ikunu mmirati lejn il-protezzjoni tal-unitajiet domestiċi u d-ditti vulnerabbli, ikunu fiskalment affordabbli, u jippreżervaw l-inċentivi għall-iffrankar tal-enerġija. Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, il-kost baġitarju nett 20 tal-miżuri ta’ appoġġ ta’ emerġenza għall-enerġija huwa stmat għal 0,9 % tal-PDG fl-2023 u pprojettat għal 0,6 % fl-2024, u 0,5 % fl-2025. B’mod partikolari, it-tnaqqis ġenerali tat-taxxa fuq il-fjuwil u l-iffriżar tar-rata tal-karbonju fil-qafas tat-taxxa fuq il-fjuwil huma preżunti li se jibqgħu fis-seħħ fl-2024 u l-2025. Il-miżuri ta’ emerġenza ta’ appoġġ għall-enerġija mhumiex ipprojettati li jiġu eliminati b’mod gradwali kemm jista’ jkun malajr fl-2023 u fl-2024. Dawn ir-riskji mhumiex konformi ma’ dak li kien rakkomandat mill-Kunsill. Il-kost baġitarju tal-miżuri ta’ appoġġ ta’ emerġenza għall-enerġija mmirati lejn il-protezzjoni tal-unitajiet domestiċi u d-ditti vulnerabbli huwa stmat għal inqas minn 0,1 % tal-PDG fl-2024 (0,3 % fl-2023) li minnhom inqas minn 0,1 % tal-PDG jippreservaw is-sinjal tal-prezz biex titnaqqas id-domanda għall-enerġija u tiżdied l-effiċjenza fl-enerġija (0,1 % fl-2023).

(19)Barra minn hekk, il-Kunsill irrakkomanda wkoll li l-Portugall jippreżerva l-investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali u jiżgura l-assorbiment effettiv tal-għotjiet skont il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE, b’mod partikolari biex irawwem it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, l-investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali huwa pprojettat li jiżdied għal 2,3 % tal-PDG fl-2024 minn 2,0 % tal-PDG fl-2023. Dan huwa konformi ma’ dak li kien rakkomandat mill-Kunsill. Min-naħa l-oħra, in-nefqa pubblika ffinanzjata mid-dħul mill-fondi tal-UE, inklużi l-għotjiet mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, hija mistennija li tiżdied għal 1,7 % tal-PDG fl-2024 minn 1,3 % tal-PDG fl-2023.

(20)Abbażi ta’ miżuri ta’ politika magħrufa fid-data tal-għeluq tat-tbassir u fuq suppożizzjoni ta’ ebda bidla fil-politika, it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipprojetta surplus tal-gvern ta’ 0,5 % tal-PDG fl-2025. Iż-żieda tas-surplus fl-2025 tirrifletti prinċipalment iż-żieda ekonomika pprojettata għal dik is-sena, wara t-tnaqqis projettat għall-2024. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG mistenni jonqos għal 91,5 % sa tmiem l-2025.

(21)Is-sistema tat-taxxa fil-Portugall teħtieġ aktar simplifikazzjoni. Is-sistema tat-taxxa korporattiva, b’soprataxxi statali u muniċipali, toħloq piż addizzjonali kemm għall-amministrazzjoni tat-taxxa kif ukoll għan-negozji. Dan huwa aggravat mill-isfida li ilha teżisti ta’ rekwiżiti regolatorji onerużi u interazzjonijiet mal-amministrazzjoni pubblika li jieħdu ħafna ħin, li għandhom impatt qawwi fuq l-ambjent tan-negozju. L-arretrati tat-taxxa pendenti għadhom għoljin u ferm ogħla mill-medja tal-UE (kienu fil-livell ta’ 45,6 % tad-dħul totali fi tmiem l-2021). Il-kost amministrattiv tal-ġbir tat-taxxa huwa għoli u kompla jiżdied f’dawn l-aħħar snin (żdied b’madwar 4 % mill-2018 sal-2021). Barra minn hekk, il-persunal tal-amministrazzjoni tat-taxxa qed jixjieħ b’mod rapidu, peress li aktar minn nofs il-persunal huwa mistenni jirtira matul l-għaxar snin li ġejjin filwaqt li huma biss ftit il-persuni li qed jiġu reklutati. L-indirizzar ta’ dawn l-isfidi jtejjeb l-ambjent tan-negozju fil-Portugall u jippromwovi l-kompetittività.

(22)Il-popolazzjoni fl-età tax-xogħol tal-Portugall hija mistennija li tonqos b’madwar miljun ruħ fuq terminu medju, prinċipalment minħabba tnaqqis fil-migrazzjoni netta u rati baxxi ta’ fertilità. Bit-titjib projettat fl-istennija tal-għomor, il-proporzjon ta’ persuni akbar fl-età ma’ dawk li jiffinanzjaw is-sistema tal-pensjonijiet pubbliċi tal-Portugall huwa mistenni li jiżdied b’mod sinifikanti. Filwaqt li fl-2022, kien hemm kważi tliet individwi fl-età tax-xogħol li kkontribwew għas-sistema għal kull pensjonant, sal-2050, se jkun hemm inqas minn wieħed u nofs. Dawn l-iżviluppi demografiċi jpoġġu pressjoni fuq is-sostenibbiltà tas-sistema tal-pensjonijiet. In-nefqa fuq il-pensjonijiet diġà tirrappreżenta 28 % tal-infiq totali tal-gvern u se tiżdied aktar matul id-deċennji li ġejjin. Skont l-istimi tal-Kummissjoni u tal-awtoritajiet Portugiżi 21 , in-nefqa fuq il-pensjonijiet hija mistennija li tilħaq l-ogħla livell ta’ 15,2 % tal-PDG fl-2046, li huwa 2,9 punti perċentwali ogħla mil-livell tal-2022 u wieħed mill-ogħla proporzjonijiet tan-nefqa tal-pensjonijiet mal-PDG fl-UE. F’dawn l-aħħar snin, il-Portugall implimenta riformi biex itejjeb is-sostenibbiltà tas-sistema tal-pensjonijiet tiegħu billi indiċja l-età statutorja tal-irtirar mal-istennija tal-għomor, iżda miżuri bħal skemi ta’ rtirar bikri jżidu l-pressjoni fuq is-sostenibbiltà tas-sistema tal-pensjonijiet. Bħala medja, ir-rata tal-kontribuzzjoni soċjali mħallsa minn dawk li jaħdmu għal rashom hija aktar baxxa milli għall-impjegati. Barra minn hekk, hemm rati kontributorji speċjali għat-tipi differenti ta’ ħaddiema. Dawn il-fatturi jkomplu jnaqqsu s-sorsi potenzjali ta’ dħul għas-sistema tal-pensjonijiet.

(23)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (b) u l-Anness V, il-kriterju 2.2, tar-Regolament (UE) 2021/241, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi sett estensiv ta’ riformi u investimenti li jsaħħu lil xulxin li għandhom jiġu implimentati sal-2026. Dawn mistennijin jgħinu biex jiġu indirizzati b’mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti. F’dan il-perjodu ta’ żmien strett, it-tkomplija rapida tal-implimentazzjoni effettiva tal-pjan inkluż il-kapitolu REPowerEU, hija essenzjali biex tingħata spinta lill-kompetittività fit-tul tal-Portugall permezz tat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, filwaqt li tiġi żgurata l-ġustizzja soċjali. Biex twettaq l-impenji tal-pjan sa Awwissu 2026, huwa essenzjali li l-Portugall ikompli l-implimentazzjoni tar-riformi u jaċċellera l-investimenti billi jindirizza d-dewmien emerġenti filwaqt li jiżgura kapaċità amministrattiva b’saħħitha. Filwaqt li l-Portugall qed jieħu xi miżuri biex jindirizza n-nuqqas ta’ kapaċità amministrattiva, għad hemm sfidi f’termini ta’ regoli tal-akkwist pubbliku u proċeduri twal għall-għoti ta’ permessi li jaffettwaw b’mod partikolari l-proġetti kbar ta’ investiment. L-involviment sistematiku tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-sħab soċjali, is-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jibqa’ essenzjali biex tiġi żgurata responsabbiltà wiesgħa għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza.

(24)Bħala parti mir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni, f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2021/1060, il-Portugall meħtieġ jirrieżamina kull programm sa Marzu 2025, filwaqt li jqis, fost l-oħrajn, l-isfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2024, kif ukoll il-pjan nazzjonali tiegħu għall-enerġija u l-klima. Dan ir-rieżami jifforma l-bażi għall-allokazzjoni definittiva tal-finanzjament tal-UE inkluża f’kull programm. Il-Portugall għamel progress fl-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni u fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, iżda għad fadallu sfidi. Għad hemm disparitajiet bejn iż-żoni kostali u ż-żoni interni, bejn il-kontinent u r-reġjuni ultraperiferiċi, u bejn iż-żoni metropolitani u l-bliet iż-żgħar. Huwa ta’ importanza kruċjali li l-Portugall jaċċellera l-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni u jsaħħaħ il-kapaċità amministrattiva fil-livell nazzjonali u reġjonali. Il-prijoritajiet miftiehma fil-programmi jibqgħu rilevanti. Lil hinn mill-miżuri tal-kapaċità amministrattiva, huwa importanti li jiġu implimentati malajr l-investimenti fir-riċerka applikata f’oqsma identifikati fl-istrateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti, it-trasferiment tal-għarfien u l-valorizzazzjoni tar-riżultati tar-R&Ż, kif ukoll investimenti fil-kapaċità tal-innovazzjoni tal-intrapriżi żgħar u medji, it-tranżizzjoni ekoloġika u l-kompetittività. Għadu ta’ prijorità li jittejbu l-ġbir u t-trattament tal-ilma mormi, l-użu mill-ġdid tal-ilma u l-aċċess għall-ilma, b’mod partikolari f’żoni remoti u r-reġjuni ultraperiferiċi, u li jitnaqqsu t-tnixxijiet fin-networks, kif ukoll li jiġu promossi l-ekonomija ċirkolari, l-effiċjenza enerġetika u l-enerġija rinnovabbli f’konformità mal-pjan nazzjonali għall-enerġija u l-klima. L-investimenti fl-edukazzjoni u t-taħriġ, l-iżvilupp tal-kwalifiki u l-ħiliet mitluba mis-suq tax-xogħol, u politiki attivi mmirati tas-suq tax-xogħol, speċjalment għaż-żgħażagħ, għadhom ta’ importanza kruċjali. L-iżgurar ta’ aċċess ugwali għall-edukazzjoni, is-saħħa u s-servizzi soċjali, b’mod partikolari għall-gruppi żvantaġġati, u l-indirizzar tal-faqar enerġetiku jibqa’ importanti. Fit-twettiq tar-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni, ta’ min jagħti aktar attenzjoni lill-ħtiġijiet fil-qasam tal-prevenzjoni tar-riskji relatati mat-tibdil fil-klima u t-tħejjija għalihom. Il-Portugall jista’ jagħmel ukoll użu mill-inizjattiva tal-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa biex jappoġġa t-trasformazzjoni industrijali, b’mod partikolari b’enfasi fuq il-manifattura avvanzata u effiċjenti fir-riżorsi, it-trasport sostenibbli, il-bijomediċina u l-bijoteknoloġija, u t-teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti, filwaqt li jinvesti wkoll fil-ħiliet u l-kwalifiki biex tiġi ssodisfata d-domanda għall-ħaddiema f’dawn is-setturi.

(25)Lil hinn mill-isfidi ekonomiċi u soċjali indirizzati mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza u fondi oħra tal-UE, il-Portugall qed jiffaċċja għadd ta’ sfidi addizzjonali relatati mal-ġestjoni tal-ilma, l-infrastruttura tal-grilja u l-kapaċitajiet tal-ħżin.

(26)Il-Portugall, b’mod partikolari r-reġjuni tan-Nofsinhar tiegħu, jintlaqat minn ħafna perikli naturali, bħan-nixfiet, in-nirien u l-għargħar, b’żieda fil-frekwenza u fl-intensità minħabba t-tibdil fil-klima. It-tnaqqis annwali tax-xita, l-iskarsezza tal-ilma u ż-żieda fil-varjabbiltà temporali jaffettwaw il-flussi tax-xmajjar, ir-riforniment tal-akwifer, u r-riskju ta’ għargħar, li jħallu impatt fuq ħafna setturi ekonomiċi, bħall-agrikoltura, il-produzzjoni tal-ilma tax-xorb, u l-enerġija, inkluża l-ġenerazzjoni tal-enerġija idroelettrika, filwaqt li jaffettwaw ukoll is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi. Il-Portugall żied il-kapaċità tiegħu li jadatta għat-tibdil fil-klima (il-Liġi dwar il-Klima, 2021), inkluż bl-iżvilupp ta’ pjanijiet ta’ adattament settorjali. Il-Portugall qed jiffinalizza wkoll pjan direzzjonali nazzjonali għall-adattament għat-tibdil fil-klima sal-2100. Madankollu, ikun importanti li l-adattament għat-tibdil fil-klima jiġi inkorporat aktar fil-politiki tiegħu dwar il-ġestjoni tal-ilma. Billi jtejjeb l-istrateġija integrata u sostenibbli tiegħu għall-ġestjoni tal-ilma, il-Portugall jgħin biex jiżgura li s-setturi ewlenin jibqa’ jkollhom aċċess għall-ilma, filwaqt li jiżgura wkoll li jkun disponibbli ilma biżżejjed u ta’ kwalità tajba għall-funzjonijiet ekoloġiċi, b’mod partikolari għal ekosistemi sensittivi u bijodiversi, bħall-artijiet mistagħdra. Barra minn hekk, is-simplifikazzjoni tal-istruttura tal-governanza tas-settur tal-ilma tgħin biex ikun hemm koordinazzjoni effettiva bejn il-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali. Biex tittejjeb il-ġestjoni tal-ilma, huma meħtieġa aktar investimenti, bħal fil-ġbir u t-trattament tal-ilma mormi, it-tnaqqis tat-tnixxijiet fin-networks, il-provvista ġenerali tal-ilma, u monitoraġġ aħjar (tal-kwantità u l-kwalità tal-ilma). Jenħtieġ li tingħata attenzjoni speċjali għar-restawr tal-funzjoni naturali tal-pajsaġġ li jassorbi l-ilma, it-tnaqqis tal-estrazzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art, ir-restawr tal-artijiet mistagħdra u tax-xmajjar, inklużi l-pjanuri tal-għargħar, u l-introduzzjoni ta’ soluzzjonijiet oħra bbażati fuq in-natura. Barra minn hekk, il-Portugall jista’ jieħu vantaġġ mill-potenzjal tal-użu mill-ġdid tal-ilma.

(27)Fl-2023, is-sorsi tal-enerġija rinnovabbli tal-Portugall, xprunati minn enerġija idroelettrika u rjieħ qawwija, fornew 72 % tal-elettriku tiegħu, u b’hekk kiseb rekord ġdid. Iż-żieda sinifikanti fis-sehem tal-enerġija rinnovabbli kellha rwol fit-tnaqqis sinifikanti fil-prezzijiet tal-elettriku, li niżel taħt il-livelli ta’ qabel il-kriżi. Biex jintlaħaq il-kontribut nazzjonali rivedut għall-mira tal-enerġija rinnovabbli tal-UE għall-2030 u biex jintlaħaq l-għan ta’ mill-inqas 85 % tal-konsum gross tal-elettriku ġġenerat mis-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli sal-2030, kif ippreżentat fil-pjan nazzjonali għall-enerġija u l-klima, hemm bżonn aktar progress fit-titjib tal-kompetittività tal-Portugall u tiġi stimulata d-dekarbonizzazzjoni tal-industrija tiegħu, inkluż permezz tal-elettrifikazzjoni. Filwaqt li ġew introdotti miżuri leġiżlattivi biex jitħaffef il-proċess tal-permessi għall-enerġija rinnovabbli, il-Portugall qed jiffaċċja diffikultajiet potenzjali ta’ terminu qasir fil-kapaċità li l-grilja takkomoda porzjon dejjem akbar ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fil-grilja. Ir-reviżjoni tal-pjanijiet tal-grilja tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni tgħin biex titħaffef l-integrazzjoni tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli f’konformità mal-impenji tal-pjanijiet nazzjonali għall-enerġija u l-klima u l-impenji ta’ interkonnessjoni ma’ Spanja u Franza. Barra minn hekk, l-isfidi loġistiċi, in-nuqqas ta’ komponenti, u l-profittabbiltà aktar baxxa xekklu l-proġetti rinnovabbli u wasslu għal dewmien fl-implimentazzjoni, b’mod partikolari tal-irkanti solari. Huwa essenzjali li jiġu ssimplifikati l-proċeduri ta’ konnessjoni, tiżdied it-trasparenza tal-konnessjoni mal-grilja, u li jiġi pprovdut ippjanar fit-tul ċar għall-irkanti. Bid-domanda dejjem tikber għan-networks tal-enerġija, il-Portugall jibbenefika minn aktar investimenti fil-grilji tal-elettriku tiegħu, inklużi investimenti fl-aġġornament tal-linji tal-elettriku eżistenti u l-promozzjoni tal-flessibbiltà tas-sistema b’soluzzjonijiet bħall-ħżin, l-użu ta’ miters intelliġenti, inċentivi għall-konsum matul sigħat kwieti, u mekkaniżmi ta’ rispons min-naħa tad-domanda.

(28)Fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji tal-Istati Membri taż-żona tal-euro u l-kontribuzzjoni kollettiva tagħhom għall-funzjonament tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, fl-2024 il-Kunsill irrakkomanda li l-Istati Membri taż-żona tal-euro jieħdu azzjoni, inkluż permezz tal-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza, biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro. Għall-Portugall, ir-rakkomandazzjonijiet (1), (2), (3) u (4) jgħinu fl-implimentazzjoni tal-ewwel, it-tieni, it-tielet u r-raba’ rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro.

B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Portugall jieħu azzjoni fl-2024 u l-2025 biex:

1.Jissottometti l-pjan fiskali-strutturali ta’ terminu medju fil-ħin. F’konformità mar-rekwiżiti tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir riformat, jillimita t-tkabbir fin-nefqa netta 22 fl-2025 għal rata konsistenti mat-tqegħid tad-dejn tal-gvern estiż fuq trajettorja ta’ tnaqqis plawżibbli fuq terminu medju u mar-rispett tal-valur referenzjarju tad-defiċit ta’ 3 % tal-PDG skont it-Trattat. Inaqqas gradwalment il-miżuri ta’ appoġġ ta’ emerġenza għall-enerġija qabel l-istaġun tat-tisħin 2024/2025. Itejjeb l-effettività tas-sistema tat-taxxa, b’mod partikolari billi jsaħħaħ l-effiċjenza tal-amministrazzjoni tiegħu u jnaqqas il-piż amministrattiv assoċjat. Jieħu azzjoni biex jiżgura s-sostenibbiltà fiskali fuq terminu medju tas-sistema tal-pensjonijiet.

2.Isaħħaħ il-kapaċità amministrattiva għall-ġestjoni tal-fondi tal-UE, jaċċellera l-investimenti u jżomm il-momentum fl-implimentazzjoni tar-riformi. Jindirizza d-dewmien emerġenti biex jippermetti implimentazzjoni kontinwa, rapida u effettiva tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż il-kapitolu REPowerEU, filwaqt li jiżgura t-tlestija tar-riformi u l-investimenti sa Awwissu 2026. Jaċċellera l-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni. Fil-kuntest tar-rieżami ta’ nofs it-terminu tagħhom, ikompli jiffoka fuq il-prijoritajiet maqbula, filwaqt li jieħu azzjoni biex jindirizza aħjar il-ħtiġijiet fil-qasam tal-prevenzjoni u tat-tħejjija għar-riskji relatati mat-tibdil fil-klima, filwaqt li jikkunsidra l-opportunitajiet ipprovduti mill-inizjattiva tal-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa biex titjieb il-kompetittività. 

3.Itejjeb il-ġestjoni tal-ilma biex isaħħaħ l-adattament għall-effetti tat-tibdil fil-klima u jiżgura reżiljenza ekonomika u ambjentali fit-tul, billi jistabbilixxi strateġija għall-ġestjoni integrata u sostenibbli tal-ilma, jiżviluppa l-istruttura ta’ governanza tagħha, jippromwovi l-investimenti fil-ġbir u fit-trattament tal-ilma mormi, fit-tnaqqis tat-tnixxijiet u fil-monitoraġġ tal-ilma, filwaqt li jiżviluppa soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura u r-riabilitazzjoni tal-korpi tal-ilma, u jtejjeb l-effiċjenza tal-ilma u l-użu mill-ġdid tal-ilma.

4.Isaħħaħ il-kapaċità tal-grilja tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni tal-elettriku, b’mod partikolari billi jittejbu l-proċeduri ta’ konnessjoni u tiżdied it-trasparenza tagħhom biex jiġu inċentivati l-investimenti fin-network nazzjonali u jiżdiedu l-kapaċitajiet tal-ħżin tal-enerġija.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 2024/1263, 30.4.2024 ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj .
(2)    ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25 ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/1176/oj .
(3)    Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17) ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/241/oj .
(4)    Ir-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Frar 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2021/241 fir-rigward tal-kapitoli REPowerEU fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013, (UE) 2021/1060 u (UE) 2021/1755, u d-Direttiva 2003/87/KE (ĠU L 63, 28.2.2023, p. 1) ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/435/oj .
(5)    COM(2023) 168 final.
(6)    COM(2024) 77 final.
(7)    COM(2023) 901 final.
(8)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/1264 tad-29 ta’ April 2024 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1467/97 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (ĠU L, 2024/1264, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1264/oj) u d-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2024/1265 tad-29 ta’ April 2024 li temenda d-Direttiva 2011/85/UE dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri (ĠU L, 2024/1265, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1265/oj).
(9)    Nefqa netta kif definita fl-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/1263 tad-29 ta’ April 2024 (ĠU L 2024,/1263, 30.4.2024. ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj). Nefqa netta tfisser nefqa tal-gvern netta minn (i) nefqa fuq l-imgħax, (ii) miżuri ta’ dħul diskrezzjonarji, (iii) nefqa fuq programmi tal-Unjoni korrisposti bis-sħiħ mid-dħul mill-fondi tal-Unjoni, (iv) nefqa nazzjonali fuq il-kofinanzjament ta’ programmi ffinanzjati mill-Unjoni, (v) elementi ċikliċi tan-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad, u (vi) miżuri ta’ darba u miżuri temporanji oħra.
(10)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Portugall (ST 10149/21; ST 10149/21 ADD 1; ST 10149/21 ADD 1 REV 1).
(11)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tas-17 ta' Ottubru 2023 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tas-13 ta' Lulju 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Portugall (13351/2023).
(12)    SWD(2024) 622 final.
(13)    SWD(2024) 105 final.
(14)    Eurostat-Euro Indicators, 22.4.2024.
(15)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2022 dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Portugall u li tagħti l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Konverġenza tal-2022 tal-Portugall, (ĠU C 334, 1.9.2022, p. 181).
(16)    Fuq il-bażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, it-tkabbir tal-output potenzjali fuq terminu medju tal-Portugall fl-2023 huwa stmat fil-livell ta’ 9,1 % f’termini nominali, fuq il-bażi tar-rata ta’ tkabbir potenzjali reali medja ta’ 10 snin u d-deflatur tal-PDG tal-2023.
(17)    Il-pożizzjoni fiskali hija definita bħala kejl tal-bidla annwali fil-pożizzjoni baġitarja sottostanti tal-gvern estiż. Hija għandha l-għan li tivvaluta l-impuls ekonomiku li jirriżulta mill-politiki fiskali, kemm dawk li huma ffinanzjati fil-livell nazzjonali kif ukoll dawk li huma ffinanzjati mill-baġit tal-UE. Il-pożizzjoni fiskali titkejjel bħala d-differenza bejn (i) it-tkabbir potenzjali fuq terminu medju u (ii) il-bidla fin-nefqa primarja netta minn miżuri ta’ dħul diskrezzjonali (u esklużi l-miżuri ta’ emerġenza temporanji relatati mal-kriżi tal-COVID-19) u bl-inklużjoni tan-nefqa ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli (għotjiet) mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-Unjoni.
(18)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-14 ta’ Lulju 2023 dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Portugall tal-2023 u li tagħti l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-Portugall tal-2023, ĠU C 312, 1.9.2023, p. 206.
(19)    In-nefqa primarja netta hija definita bħala nefqa ffinanzjata fil-livell nazzjonali netta minn (i) il-miżuri ta’ dħul diskrezzjonarji, (ii) in-nefqa fuq l-imgħax, (iii) in-nefqa ċiklika fuq il-qgħad, u (iv) u l-miżuri ta’ darba u miżuri temporanji oħra.
(20)    Iċ-ċifra tirrappreżenta l-livell tal-kost baġitarju annwali ta’ dawk il-miżuri, inklużi d-dħul u n-nefqa u, meta jkun applikabbli, nett mid-dħul mit-taxxi fuq il-profitti mhux mistennija tal-fornituri tal-enerġija.
(21)    Il-Kummissjoni Ewropea, 2024 Ageing Report: Economic and Budgetary Projections for the EU Member States (2022-2070), Dokument Istituzzjonali 279, April 2024.
(22)    Skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) 2024/1263, “nefqa netta” tfisser nefqa tal-gvern netta min-nefqa fuq l-imgħax, miżuri diskrezzjonarji tad-dħul, nefqa fuq programmi tal-Unjoni korrisposti bis-sħiħ mid-dħul mill-fondi tal-Unjoni, nefqa nazzjonali fuq il-kofinanzjament ta’ programmi ffinanzjati mill-Unjoni, elementi ċikliċi tan-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad, u miżuri ta’ darba u miżuri temporanji oħra.