SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża)
14 ta’ Diċembru 2018 ( *1 )
“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal – Għoti ta’ leave fl-interess tas-servizz – Ugwaljanza fit-trattament – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Responsabbiltà”
Fil-Kawża T‑750/16,
FV, ex uffiċjal tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn L. Levi u A. Tymen, sussegwentement minn L. Levi, avukati,
rikorrenti,
vs
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Bauer u R. Meyer, bħala aġenti,
konvenut,
sostnut minn
Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn A. Troupiotis u J. A. Steele, bħala aġenti,
u minn
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Berscheid u D. Martin, bħala aġenti,
intervenjenti,
li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 270 TFUE u intiża, minn naħa, għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Diċembru 2015 li tqiegħed lir-rikorrenti fuq leave fl-interess tas-servizz abbażi tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u, sa fejn meħtieġ, tad-deċiżjoni tad-19 ta’ Lulju 2016 li tiċħad l-ilment imressaq mir-rikorrenti u, min-naħa l-oħra, għall-kumpens għad-dannu li r-rikorrenti allegatament sofriet,
IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża),
komposta minn M. Prek, President, E. Buttigieg (Relatur), F. Schalin, B. Berke u M. J. Costeira, Imħallfin,
Reġistratur: M. Marescaux, Amministratur,
wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal-10 ta’ Lulju 2018,
tagħti l-preżenti
Sentenza
I. Il-fatti li wasslu għall-kawża
|
1 |
Ir-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”) ġew emendati, b’mod partikolari, permezz tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1023/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 (ĠU 2013, L 287, p. 15). |
|
2 |
Il-premessi 1, 3, 7 u 12 tar-Regolament Nru 1023/2013 jipprovdu:
[…]
[…]
[…]
|
|
3 |
L-Artikolu 1(24) tar-Regolament Nru 1023/2013 ippreveda ż-żieda, fil-Kapitolu 2 tat-Titolu III tar-Regolamenti tal-Persunal, ta’ Taqsima 7, intitolata “Leave fl-interessi tas-servizz”, li fiha dispożizzjoni waħda, l-Artikolu 42c. Skont din id-dispożizzjoni: “Mhux iktar kmieni minn ħames snin ta’ qabel l-età pensjonabbli, uffiċjal li għandu tal-anqas għaxar snin servizz jista’ jingħata l-leave, permezz ta’ deċiżjoni tal-awtorità tal-ħatra, fl-interessi tas-servizz għal ħtiġijiet organizzattivi konnessi mal-akkwist ta’ kompetenzi ġodda fi ħdan l-istituzzjonijiet. In-numru totali ta’ uffiċjali li jiġu assenjati l-leave fl-interessi tas-servizz kull sena ma għandux ikun aktar minn 5 % tal-uffiċjali fl-istituzzjonijiet kollha, li rtiraw matul is-sena ta’ qabel. In-numru totali kkalkulat b’dan il-mod għandu jkun allokat lil kull istituzzjoni skont in-numru rispettiv ta’ uffiċjali tagħha fil-31 ta’ Diċembru tas-sena preċedenti. Ir-riżultat ta’ tali allokazzjoni għandu jitqarreb ’l fuq sal-eqreb numru sħiħ li jkun imiss f’kull istituzzjoni. It-tali leave ma għandux jikkostitwixxi miżura dixxiplinari. It-tul ta’ żmien tal-leave għandu jikkorrispondi, bħala prinċipju, mal-perjodu sakemm l-uffiċjal jilħaq l-età pensjonabbli. Madankollu, f’sitwazzjonijiet eċċezzjonali, l-awtorità tal-ħatra tista’ tiddeċiedi li ttemm il-leave u terġa’ ddaħħal l-uffiċjal. Meta l-uffiċjal li ġie assenjat il-leave fl-interessi tas-servizz jilħaq l-età pensjonabbli, huwa għandu jirtira awtomatikament. Il-leave fl-interessi tas-servizz għandu jkun regolat permezz tar-regoli li ġejjin:
Uffiċjal assenjat bil-leave b’dan il-mod għandu jirċievi allowance maħduma skont l-Anness IV. Fuq talba tal-uffiċjal, l-allowance għandha tkun suġġetta għall-kontribuzzjonijiet magħmulin għall-iskema tal-pensjoni, ikkalkulati fuq il-bażi ta’ dik l-allowance. F’tali każ, il-perjodu ta’ servizz bħala uffiċjal bil-leave fl-interessi tas-servizz għandu jiġi kkunsidrat għall-fini tal-kalkolu tas-snin ta’ servizz pensjonabbli fl-ambitu tat-tifsira tal-Artikolu 2 tal-Anness VIII. L-allowance [ma] għandha tkun suġġetta għal [ebda] koeffiċjent tal-korrezzjoni.” |
|
4 |
Ir-Regolament Nru 1023/2013 daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Novembru 2013 u l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal ilu applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2014. |
|
5 |
Ir-rikorrenti, FV, hija ex uffiċjal tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Hija daħlet fis-servizz tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill (iktar ’il quddiem l-“SĠK”) fl-1 ta’ Mejju 1981 bħala uffiċjal bi prova u nħatret uffiċjal permanenti fl-1 ta’ Novembru 1981. Matul il-karriera tagħha, hija ġiet assenjata f’diversi dipartimenti fi ħdan il-Kunsill. |
|
6 |
[kunfidenzjali] ( 2 ) |
|
7 |
[kunfidenzjali] |
|
8 |
Permezz tal-Avviż lill-Persunal Nru 71/15 tat-23 ta’ Ottubru 2015 (iktar ’il quddiem iċ-“CP 71/15”), is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill pprovda informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal mill-istituzzjoni. Skont dan l-avviż: “[…] L-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea għandhom kostantement jinnovaw u jimmodernizzaw ruħhom, li jimplika li l-uffiċjali pubbliċi għandhom jiksbu kompetenzi ġodda u jaġġornaw l-għarfien tagħhom sabiex jadattaw ruħhom għall-iżviluppi l-ġodda. Tali kompetenzi ġodda jistgħu jkunu marbuta, pereżempju, ma’ għodda ġodda informatiċi, sistemi ġodda implimentati għall-produzzjoni ta’ dokumenti tal-Kunsill Ewropew jew tal-Kunsill, proċeduri ġodda fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi jew ta’ verifika interna, metodi ta’ ħidma ġodda jew modi ġodda ta’ ġestjoni jew ta’ organizzazzjoni. Il-leave fl-interess tas-servizz għandu l-għan li jippermetti li l-uffiċjali li jsibu diffikultajiet biex jakkwistaw kompetenzi ġodda u jadattaw ruħhom għall-evoluzzjoni fl-ambjent tax-xogħol jitqiegħdu fuq leave qabel ma jilħqu l-età tal-irtirar. […] Għall-2015, ħames (5) possibbiltajiet huma disponibbli fi ħdan il-Kunsill u l-Kunsill Ewropew […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
|
9 |
[kunfidenzjali] |
|
10 |
[kunfidenzjali] |
|
11 |
[kunfidenzjali] |
|
12 |
[kunfidenzjali] |
|
13 |
[kunfidenzjali] |
|
14 |
[kunfidenzjali] |
|
15 |
[kunfidenzjali] |
|
16 |
[kunfidenzjali] |
|
17 |
[kunfidenzjali] |
|
18 |
[kunfidenzjali] |
|
19 |
[kunfidenzjali] |
|
20 |
[kunfidenzjali] |
II. Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet
|
21 |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-28 ta’ Ottubru 2016, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors. |
|
22 |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-istess ġurnata, ir-rikorrenti ressqet talba sabiex jingħatalha l-anonimat skont l-Artikolu 66 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Jannar 2017, il-Qorti Ġenerali laqgħet din it-talba. |
|
23 |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-28 ta’ Novembru 2016, ir-rikorrenti talbet, abbażi tal-Artikolu 66 tar-Regoli tal-Proċedura, li ċerta informazzjoni li tinsab fir-rikors u l-annessi tiegħu jitħallew barra fid-dokumenti li għalihom għandu aċċess il-pubbliku. |
|
24 |
Fl-1 ta’ Frar 2017, il-Kunsill ippreżenta risposta. |
|
25 |
Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, rispettivament, fl-24 u fl-10 ta’ Frar 2017, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea talbu li jintervjenu f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kunsill. |
|
26 |
Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-8 ta’ Marzu 2017, ir-rikorrenti talbet li ċerta informazzjoni li tinsab fir-rikors u l-annessi tiegħu tkun suġġetta għal trattament kunfidenzjali fir-rigward tal-Parlament u tal-Kummissjoni jekk dawn l-istituzzjonijiet jiġu ammessi sabiex jintervjenu. Hija annettiet verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ dawn id-dokumenti ma’ din it-talba. |
|
27 |
Fl-20 ta’ April 2017, ir-rikorrenti ppreżentat ir-replika. |
|
28 |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Mejju 2017, ir-rikorrenti talbet li ċerta informazzjoni li tinsab fir-replika u l-annessi tagħha tiġi suġġetta għal trattament kunfidenzjali fir-rigward tal-Parlament u tal-Kummissjoni jekk dawn l-istituzzjonijiet jiġu ammessi sabiex jintervjenu. Hija annettiet verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ dawn id-dokumenti ma’ din it-talba. |
|
29 |
B’digriet tat-8 ta’ Ġunju 2017, FV vs Il-Kunsill (T‑750/16, mhux ippubblikat, EU:T:2017:420), il-Parlament u l-Kummissjoni ġew ammessi sabiex jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kunsill. Peress li, skont l-Artikolu 144(2) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikorrenti talbet it-trattament kunfidenzjali ta’ ċerta informazzjoni li tinsab fin-noti msemmija iktar ’il fuq u l-annessi tagħhom, dan id-digriet llimita provviżorjament il-komunikazzjoni tal-atti proċedurali lill-Parlament u lill-Kummissjoni għall-verżjonijiet mhux kunfidenzjali tagħhom, fl-istennija tal-eventwali osservazzjonijiet ta’ dawn l-istituzzjonijiet dwar it-talbiet għal trattament kunfidenzjali. |
|
30 |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-28 ta’ Ġunju 2017, il-Kummissjoni kkontestat it-talba għal trattament kunfidenzjali marbuta mar-rikors u l-annessi tiegħu. Il-Parlament ma oġġezzjonax għal din it-talba. |
|
31 |
Fis-17 ta’ Lulju 2017, il-Kunsill ppreżenta l-kontroreplika. |
|
32 |
Fid-19 u t-12 ta’ Lulju 2017, il-Parlament u l-Kummissjoni ppreżentaw rispettivament in-noti ta’ intervent tagħhom. |
|
33 |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Awwissu 2017, ir-rikorrenti talbet li ċerta informazzjoni li tinsab fil-kontroreplika u l-annessi tagħha jkunu suġġetti għal trattament kunfidenzjali fir-rigward tal-Parlament u tal-Kummissjoni u annettiet verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ dawn id-dokumenti ma’ din it-talba. |
|
34 |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-1 ta’ Settembru 2017, il-Kunsill indika li ma kellux osservazzjonijiet x’jagħmel dwar in-noti ta’ intervent tal-Parlament u tal-Kummissjoni. |
|
35 |
Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-5 ta’ Settembru 2017, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq in-noti ta’ intervent tal-Parlament u tal-Kummissjoni. |
|
36 |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-25 ta’ Settembru 2017, il-Kummissjoni kkontestat it-talba għal trattament kunfidenzjali marbuta mal-kontroreplika u l-annessi tagħha. Il-Parlament ma oġġezzjonax għal din it-talba. |
|
37 |
Permezz ta’ digriet tas-26 ta’ Jannar 2018, il-President tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’, parzjalment, it-talbiet għal trattament kunfidenzjali mressqa mir-rikorrenti, stabbilixxa għaliha terminu għall-preżentazzjoni ta’ verżjoni mhux kunfidenzjali tar-rikors, tar-replika u l-annessi tagħhom u indika li, wara n-notifika tal-verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ dawn id-dokumenti lill-Kummissjoni, din ser ikollha terminu ta’ żmien sabiex tippreżenta eventwali osservazzjonijiet addizzjonali man-nota ta’ intervent tagħha. |
|
38 |
Fis-7 ta’ Marzu 2018, il-Kummissjoni ppreżentat osservazzjonijiet addizzjonali man-nota ta’ intervent tagħha. |
|
39 |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-22 ta’ Marzu 2018, il-Kunsill indika li ma kellux osservazzjonijiet x’jagħmel dwar l-osservazzjonijiet addizzjonali tal-Kummissjoni. |
|
40 |
Fil-5 ta’ April 2018, ir-rikorrenti ppreżentat osservazzjonijiet dwar l-osservazzjonijiet addizzjonali tal-Kummissjoni. |
|
41 |
Fis-6 ta’ April 2018, ir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali informa lill-partijiet bl-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura. |
|
42 |
Permezz ta’ ittra tal-24 ta’ April 2018, ir-rikorrenti għamlet talba mmotivata, skont l-Artikolu 106 tar-Regoli tal-Proċedura, sabiex tinstema’ waqt il-fażi orali tal-proċedura. |
|
43 |
Fuq proposta tat-Tieni Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fis-16 ta’ Mejju 2018, skont l-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, li tibgħat il-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti estiż. |
|
44 |
Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (it-Tieni Awla Estiża) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, stiednet lill-partijiet iwieġbu bil-miktub ċerti mistoqsijiet u jippreżentaw ċerti dokumenti. Il-partijiet ikkonformaw ruħhom ma’ dawn l-istediniet fit-terminu stabbilit. |
|
45 |
It-trattazzjonijiet tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-10 ta’ Lulju 2018. |
|
46 |
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
|
47 |
Il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
|
48 |
Il-Parlament jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ir-rikors. |
|
49 |
Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
III. Fid-dritt
A. Fuq is-suġġett tar-rikors
|
50 |
Fil-kuntest tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-deċiżjoni tat‑8 ta’ Diċembru 2015 u, “sa fejn meħtieġ”, l-annullament tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment tad-19 ta’ Lulju 2016. Hija ssostni li din it-talba hija ammissibbli mhux biss sa fejn hija diretta kontra d-deċiżjoni tat-8 ta’ Diċembru 2015, iżda wkoll sa fejn hija diretta kontra d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment, sa fejn din fiha elementi ġodda meta mqabbla mad-deċiżjoni tat-8 ta’ Diċembru 2015. |
|
51 |
Il-partijiet l-oħra fil-kawża ma kkontestawx l-ammissibbiltà tat-talba għal annullament diretta kontra ż-żewġ deċiżjonijiet imsemmija iktar ’il fuq. |
|
52 |
Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-ilment amministrattiv, kif previst fl-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, u ċ-ċaħda tiegħu, espliċita jew impliċita, huma parti integrali minn proċedura kumplessa u jikkostitwixxu biss kundizzjoni minn qabel sabiex qorti tiġi adita. F’dawn iċ-ċirkustanzi, rikors, anki jekk ikun formalment ippreżentat kontra ċ-ċaħda tal-ilment, għandu l-effett li jressaq quddiem il-qorti l-att li jikkawża preġudizzju u li kontrih ikun tressaq l-ilment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Jannar 1989, Vainker vs Il-Parlament, 293/87, EU:C:1989:8, punti 7 u 8), ħlief fil-każ li ċ-ċaħda tal-ilment jkollha portata differenti minn dik tal-att li kontrih tressaq l-ilment (sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2006, Staboli vs Il-Kummissjoni, T‑281/04, EU:T:2006:334, punt 26) |
|
53 |
Fil-fatt, kull deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ lment, kemm jekk tkun impliċita jew inkella espliċita, jekk hija pura u sempliċi, sempliċement tikkonferma l-att jew l-astensjoni, li dwarhom jilmenta l-lanjant, u ma tikkostitwixxix, meħuda waħedha, att li jista’ jiġi kkontestat, b’mod li t-talbiet imressqa kontra din id-deċiżjoni mingħajr kontenut awtonomu mid-deċiżjoni inizjali għandhom jiġu kkunsidrati bħala mressqa kontra l-att inizjali (ara s-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2015, Z vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑88/13 P, EU:T:2015:393, punt 141 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
54 |
Deċiżjoni espliċita ta’ ċaħda ta’ lment tista’, fid-dawl tal-kontenut tagħha, ma jkollhiex natura konfermattiva tal-att kkontestat mir-rikorrent. Dan ikun il-każ meta d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment ikun fiha eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tar-rikorrent fid-dawl ta’ punti ta’ liġi u ta’ fatt ġodda, jew meta timmodifika jew tissupplimenta d-deċiżjoni inizjali. F’dawn il-każijiet, iċ-ċaħda tal-ilment tikkostitwixxi att suġġett għall-istħarriġ tal-qorti, li tieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-legalità tal-att ikkontestat, jew saħansitra tikkunsidrah bħala att li jikkawża preġudizzju li jieħu post l-imsemmi att ikkontestat (sentenza tal-15 ta’ Settembru 2017, Skareby vs SEAE, T‑585/16, EU:T:2017:613, punt 18). |
|
55 |
F’dan il-każ, għandu jiġi osservat, qabel kollox, li l-ilment u r-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali ġew ippreżentati fit-termini previsti fl-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal. |
|
56 |
Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment ma tbiddel la s-sens u lanqas il-portata tad-deċiżjoni tat-8 ta’ Diċembru 2015 li qiegħdet lir-rikorrenti fuq leave fl-interess tas-servizz skont l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal. Barra minn hekk, id-deċiżjoni li tiċħad l-ilment tikkompleta l-motivazzjoni tad-deċiżjoni tat-8 ta’ Diċembru 2015 dwar l-evalwazzjoni tal-kapaċità tar-rikorrenti biex takkwista kompetenzi ġodda u tadatta ruħha għall-evoluzzjoni fl-ambjent tax-xogħol u, fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, tieħu inkunsiderazzjoni elementi fattwali li ma kinux disponibbli fit-8 ta’ Diċembru 2015, data li fiha d-deċiżjoni ta’ għoti ta’ leave fl-interess tas-servizz tar-rikorrenti ġiet adottata. Il-Qorti Ġenerali tirreferi, f’dan ir-rigward, għar-rapporti ta’ evalwazzjoni tar-rikorrenti għas-snin 2014 u 2015, li, skont l-ispjegazzjonijiet tal-Kunsill, ġew stabbiliti wara d-deċiżjoni tat-8 ta’ Diċembru 2015, iżda qabel id-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment. |
|
57 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li l-uniku att li jikkawża preġudizzju lir-rikorrenti f’dan il-każ huwa d-deċiżjoni tat-8 ta’ Diċembru 2015 li qiegħditha fuq leave fl-interess tas-servizz skont l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) li l-legalità tagħha, madankollu, ser tiġi evalwata billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-motivazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni li tiċħad l-ilment. |
B. Fuq it-talba għal annullament
|
58 |
Insostenn tat-talba tagħha għal annullament, ir-rikorrenti tqajjem ħames motivi, fejn l-ewwel wieħed jikkostitwixxi eċċezzjoni ta’ illegalità kontra l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, it-tieni wieħed ibbażat fuq ksur ta’ din id-dispożizzjoni kif ukoll taċ-CP 71/15 u fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, it-tielet wieħed, ibbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ, ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tad-dmir ta’ premura u, il-ħames motiv, ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter. |
1. Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-illegalità tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal
a) Osservazzjonijiet preliminari
|
59 |
Ir-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal huwa illegali sa fejn huwa jikser il-prinċipju tal-ugwaljanza f’għajnejn il-liġi u l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata, b’mod partikolari, fuq l-età, stabbiliti fl-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, id-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4. p. 79), u l-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal. |
|
60 |
F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, sa fejn huwa japplika b’mod espliċitu għall-uffiċjali u l-membri tal-persunal “[m]hux iktar kmieni minn ħames snin ta’ qabel l-età pensjonabbli [tagħhom]”, jintroduċi differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età, kif hija ddefinita fl-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78. Skont ir-rikorrenti, din id-differenza fit-trattament ma hijiex oġġettivament u raġonevolment iġġustifikata minn għan leġittimu fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78. Barra minn hekk, anki jekk kellu jingħad li l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal isegwi tali għan leġittimu, il-mezzi użati sabiex jintlaħaq la huma xierqa u lanqas neċessarji fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78. |
|
61 |
Il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti u jitolbu li dan il-motiv jiġi miċħud. |
|
62 |
Preliminarjament, għandhom jiġu ddeterminati d-dispożizzjonijiet li fir-rigward tagħhom għandha tiġi eżaminata l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma mir-rikorrenti. |
|
63 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, stabbilit fl-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li tiegħu huwa espressjoni partikolari l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit fl-Artikolu 21(1) tagħha (sentenza tal-5 ta’ Lulju 2017, Fries, C‑190/16, EU:C:2017:513, punt 29). |
|
64 |
Barra minn hekk, l-Artikolu 51(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jispeċifika li d-dispożizzjonijiet tagħha huma intiżi, b’mod partikolari, għall-istituzzjonijiet, il-korpi, u l-aġenziji tal-Unjoni f’konformità fir-rispett tal-prinċipju tas-sussidjarjetà. |
|
65 |
Minn dan isegwi li l-legalità tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, li ġie introdott fir-Regolamenti tal-Persunal permezz tar-Regolament Nru 1023/2013, għandha tiġi evalwata fir-rigward tar-regola superjuri kkostitwita mill-Artikolu 21(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li hemm riferiment għalih fl-argument tar-rikorrenti, li jipprojbixxi kull diskriminazzjoni bbażata, b’mod partikolari, fuq l-età. |
|
66 |
F’dak li jirrigwarda l-invokazzjoni mir-rikorrenti tad-Direttiva 2000/78, hemm lok, preliminarjament, li jiġu ppreżentati d-dispożizzjonijiet rilevanti tiegħu. |
|
67 |
L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78, intitolat “Skop”, jipprevedi: “L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.” |
|
68 |
L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/78 intitolat “Il-kunċett ta’ diskriminazzjoni” fl-ewwel u fit-tieni paragrafi tiegħu jgħid: “1. Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġguni msemmija fl-Artikolu 1. 2. Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:
|
|
69 |
L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2000/78, intitolat “Il-ġustifikazzjoni għal trattament differenti fuq bażi ta’ età”, jipprevedi fl-ewwel paragrafu tiegħu: “1. Minkejja l-Artikolu 2(2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li trattament differenti fuq bażi ta’ età m’għandhux jikkostitwixxi diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hu objettivament u raġonevolment ġustifikat b’ għan leġittimu, inkluża politika leġittima ta’ l-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanjiet jkunu approprjati u neċessarji. Dan it-trattament differenti jista’ b’mod partikolari jinkludi:
|
|
70 |
Imbagħad, għandu jitfakkar li mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE jirriżulta li d-direttivi jorbtu lill-Istati Membri destinatarji f’dak li jirrigwarda r-riżultat li jrid jintlaħaq. Minn dan isegwi li d-Direttiva 2000/78, kif barra minn hekk huwa ppreċiżat fl-Artikolu 21 tagħha, hija indirizzata lill-Istati Membri u mhux lill-istituzzjonijiet. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva ma jistgħux jitqiesu li jimponu, inkwantu tali, obbligi fuq l-istituzzjonijiet, fl-eżerċizzju tal-poteri leġiżlattivi jew deċiżjonali tagħhom (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tad-9 ta’ Settembru 2003, Rinke, C‑25/02, EU:C:2003:435, punt 24, u tal‑24 ta’ Mejju 2008, Belfass vs Il-Kunsill, T‑495/04, EU:T:2008:160, punt 43) u lanqas ma jistgħu, inkwantu tali, ikunu l-bażi ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Settembru 2011, Adjemian et vs Il-Kummissjoni, T‑325/09 P, EU:T:2011:506, punt 52). |
|
71 |
Madankollu, minkejja li d-Direttiva 2000/78 ma tistax, inkwantu tali, tkun is-sors ta’ obbligi għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni, fl-eżerċizzju tal-poteri leġiżlattivi jew deċiżjonali tagħhom sabiex jirregolaw ir-relazzjonijiet ta’ ħidma bejniethom u l-membri tal-persunal tagħhom, jibqa’ l-fatt li r-regoli jew il-prinċipji stabbiliti jew żviluppati f’din id-direttiva jistgħu jiġu invokati kontra dawn l-istituzzjonijiet meta ma jidhrux, huma stess, ħlief bħala l-espressjoni speċifika ta’ regoli fundamentali tat-Trattati u ta’ prinċipji ġenerali li huma imposti direttament fuq l-imsemmija istituzzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2016, Todorova Androva vs Il-Kunsill etT‑366/15 P, mhux ippubblikata, EU:T:2016:729, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
72 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet li d-Direttiva 2000/78 ikkonkretizzat, fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni abbażi tal-età li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2014, Vital Pérez, C‑416/13, EU:C:2014:2371, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
73 |
Minn dan isegwi li, għalkemm id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/78 ma jistgħux, inkwantu tali, ikunu l-bażi tal-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, dawn jistgħu jkunu sors ta’ ispirazzjoni għad-determinazzjoni tal-obbligi tal-leġiżlatur tal-Unjoni fil-qasam tas-servizz pubbliku tal-Unjoni, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi speċifiċi tagħha. Huwa b’dan il-mod li l-Qorti Ġenerali tieħu inkunsiderazzjoni f’dan il-każ id-Direttiva 2000/78. |
|
74 |
F’dak li jirrigwarda l-invokazzjoni mir-rikorrenti tal-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal, għandu jitfakkar li din id-dispożizzjoni tipprevedi l-projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni, b’mod partikolari ta’ dik ibbażata fuq l-età, fl-applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal. Din id-dispożizzjoni ddaħħlet fir-Regolament tal-Persunal permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 723/2004 tat-22 ta’ Marzu 2004 li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal ta’ l-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u l-Kondizzjonijiet ta’ l-Impjieg ta’ ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 2, p. 130). |
|
75 |
Sa fejn l-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal jinsab fl-istess att, ta’ natura regolatorja, bħall-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, jiġifieri fir-Regolamenti tal-Persunal, u għalhekk għandu l-istess importanza fil-ġerarkija tar-regoli, din id-dispożizzjoni ma tikkostitwixxix regola li fid-dawl tagħha l-legalità tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal tista’ tiġi evalwata. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ċċarat li r-riferiment għall-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal kien sar biss sa fejn din id-dispożizzjoni tistabbilixxi l-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza f’għajnejn il-liġi u l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata, b’mod partikolari, fuq l-età. |
|
76 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, għandu jiġi konkluż li l-legalità tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-Artikolu 21(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni, fil-limiti esposti fil-punt 73 iktar ’il fuq, id-Direttiva 2000/78. |
|
77 |
Kif diġà ġie indikat (ara l-punt 63 iktar ’il fuq), l-Artikolu 21(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jsemmi l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, li jikkostitwixxi espressjoni partikolari tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, stabbilit fl-Artikolu 20 tagħha. |
|
78 |
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jeżiġi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara s-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2017, Fries, C‑190/16, EU:C:2017:513, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
79 |
Għandu jiġi eżaminat, fl-ewwel lok, jekk l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal jistabbilixxix differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età u, fit-tieni lok, jekk iva, jekk din id-differenza fit-trattament hijiex, madankollu, konformi mal-Artikolu 21(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali sa fejn hija tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 52(1) tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2017, Fries, C‑190/16, EU:C:2017:513, punt 35). |
b) Fuq l-eżistenza ta’ differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età
|
80 |
Hemm lok li jitfakkar li l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal japplika “[m]hux iktar kmieni minn ħames snin ta’ qabel l-età pensjonabbli” tal-uffiċjali kkonċernati. Il-Kunsill speċifika li din id-dispożizzjoni kienet applikabbli għal uffiċjali f’faxxa ta’ età bejn il-55 u s-66 sena. Mill-kuntest leġiżlattiv applikabbli u mill-ispjegazzjonijiet tal-Kunsill mogħtija fil-kuntest tar-risposta tagħha bil-miktub għal domanda tal-Qorti Ġenerali, jirriżulta li dik il-faxxa ta’ età hija ddeterminata abbażi tar-raġunament li ġej. |
|
81 |
Fir-rigward tal-uffiċjali li daħlu fis-servizz qabel l-1 ta’ Jannar 2014, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-ħames subparagrafu, l-Artikolu 22(1) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, li jipprevedi: “Għall-uffiċjali fis-servizz qabel l-1 ta’ Jannar 2014, l-età pensjonabbli li għandha tkun ikkunsidrata għar-referenzi kollha tal-età tal-pensjoni f’dawn ir-Regolamenti tal-Persunal għandhom ikunu stabbiliti skont id-dispożizzjonijiet ta’ hawn fuq, għajr jekk ikun previst b’mod ieħor fir-Regolamenti tal-Persunal.” |
|
82 |
L-età tal-irtirar tvarja bejn is-60 u l-65 sena skont l-età tal-uffiċjal fl-1 ta’ Mejju 2014, kif jirriżulta mill-kontenut tal-ewwel erba’ subparagrafi ta’ l-Artikolu 22(1) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal. |
|
83 |
F’dak li jirrigwarda l-uffiċjali li daħlu fis-servizz wara l-1 ta’ Jannar 2014, l-età tal-irtirar hija ta’ 66 sena skont il-punt a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 52 tar-Regolamenti tal-Persunal. |
|
84 |
Minn dan isegwi li, peress li l-għoti ta’ leave fl-interess tas-servizz jista’ jkun applikat għall-uffiċjali li jkollhom 10 snin ta’ anzjanità u huma, l-iktar kmieni, ħames snin mill-età tal-irtirar, dan potenzjalment jirrigwarda l-uffiċjali li għandhom bejn il-55 sena (għal dawk li kellhom 60 sena jew aktar fl-1 ta’ Mejju 2014 u li l-età tal-irtirar tagħhom kienet għaldaqstant stabbilita għal 60 sena) u s-66 sena (għal dawk li kienu ġew irreklutati wara l-1 ta’ Jannar 2014 u li l-età tal-irtirar tagħhom hija b’hekk stabbilita għal 66 sena). |
|
85 |
Peress li l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal japplika biss għall-uffiċjali f’faxxa ta’ età ta’ bejn il-55 snin u s-66 snin u ma japplikax għall-uffiċjali iżgħar li ma jaqgħux fil-faxxa ta’ età msemmija iktar ’il fuq, din id-dispożizzjoni toħloq differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età. |
|
86 |
Ta’ min jinnota li l-Kunsill jesprimi dubji dwar il-kwistjoni jekk l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal jistax jaqa’ taħt il-kunċett ta’ diskriminazzjoni fis-sens tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/78, sa fejn huwa ma jirreferix għal “età partikolari”, iżda għall-età tal-irtirar tal-uffiċjali kkonċernati li tista’ tvarja. Għaldaqstant, din hija miżura ta’ sostenn għall-irtirar intiża sabiex jittaffa l-“effett ta’ qtugħ” ta’ dan it-tluq u mhux għal diskriminazzjoni abbażi ta’ età partikolari meta mqabbla ma’ oħra. Biex jikkorrobora dan ir-raġunament, il-Kunsill jinnota wkoll li l-applikazzjoni tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal hija suġġetta għat-tieni kundizzjoni indipendenti mill-età, dik tal-eżistenza ta’ anzjanità ta’ mill-inqas għaxar snin. |
|
87 |
Dan l-argument tal-Kunsill jirrigwarda l-ġustifikazzjoni tad-differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età li tinsab fl-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal u ma jikkontestax l-eżistenza ta’ din id-differenza fit-trattament. Sa fejn din id-dispożizzjoni tirreferi biss għal uffiċjali li jaqgħu f’faxxa ta’ età partikolari, identifikata b’mod ċar, hija tintroduċi differenza fit-trattament ibbażata direttament fuq l-età, minkejja l-fatt li l-faxxa ta’ età msemmija iktar ’il fuq tiġi ddeterminata skont l-età tal-irtirar tal-uffiċjali kkonċernati. Il-kwistjoni dwar jekk din id-differenza fit-trattament tikkostitwixxix diskriminazzjoni pprojbita mill-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali hija kwistjoni distinta minn dik dwar l-eżistenza ta’ differenza fit-trattament. |
|
88 |
Barra minn hekk, dejjem b’risposta għall-argument tal-Kunsill espost fil-punt 86 iktar ’il fuq, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-fatt li l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi kundizzjonijiet oħra mhux marbuta mal-età, bħal dik dwar l-anzjanità tal-uffiċjali kkonċernati u dik dwar l-eżistenza ta’ “ħtiġijiet organizzattivi konnessi mal-akkwist ta’ kompetenzi ġodda”, ma jneħħix il-fatt li, meta dawn il-kundizzjonijiet ikunu ssodisfatti, l-uffiċjali li jaqgħu fil-faxxa ta’ età inkwistjoni jiġu ttrattati b’mod differenti minn uffiċjali li ma jaqgħux f’din il-faxxa. |
|
89 |
Skont il-ġurisprudenza, sabiex il-leġiżlatur tal-Unjoni jkun jista’ jiġi kkritikat li kiser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, jeħtieġ li huwa jkun ittratta b’mod differenti sitwazzjonijiet paragunabbli, li jwassal għal żvantaġġ għal ċerti persuni meta mqabbla ma’ oħrajn (ara s-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et, C‑127/07, EU:C:2008:728, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata). Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li f’dan il-każ għandu jiġi vverifikat jekk id-differenza fit-trattament skont l-età, stabbilita mill-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, twassalx għal żvantaġġ għall-uffiċjali li jaqgħu fil-faxxa ta’ età inkwistjoni meta mqabbla ma’ dawk li ma jaqgħux fiha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2017, Fries, C‑190/16, EU:C:2017:513, punt 33). |
|
90 |
F’dan il-każ, l-uffiċjali li jaqgħu fil-faxxa ta’ età inkwistjoni u suġġetti, għalhekk, potenzjalment għall-miżura prevista fl-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal jistgħu, kontra r-rieda tagħhom, jiġu imposti bidla fil-pożizzjoni amministrattiva tagħhom billi ma jibqgħux f’“attività” fis-sens tal-Artikolu 36 tar-Regolamenti tal-Persunal u jitqiegħdu bil-“leave fl-interess tas-servizz”. Barra minn hekk, dawn l-uffiċjali ma jibqgħux jibbenefikaw minn evoluzzjoni fil-karriera tagħhom sa fejn, bis-saħħa tal-punt b) tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, huma ma jibqgħux intitolati għall-avvanzament fi skala u għall-promozzjoni fil-grad. |
|
91 |
L-uffiċjali li ma humiex suġġetti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal ma jsofrux żvantaġġi bħal dawn fir-rigward tal-karriera tagħhom. |
|
92 |
Barra minn hekk, l-uffiċjali li jingħataw il-leave fl-interess tas-servizz bla dubju jbatu tnaqqis fid-dħul professjonali tagħhom li jirriżulta, b’mod partikolari, mill-fatt li huma ma jibqgħux jirċievu s-salarju bażiku billi dan jiġi ssostitwit b’allowance prevista fis-seba’ paragrafu tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal. Skont din id-dispożizzjoni, din l-allowance hija kkalkolata skont l-Anness IV tar-Regolamenti tal-Persunal, li jfisser li uffiċjali li jitqiegħdu fuq leave fl-interess tas-servizz jirċievu matul l-ewwel tliet xhur tal-applikazzjoni tal-miżura allowance fix-xahar daqs is-salarju bażiku tagħhom, mir-raba’ sas-sitt xahar ta’ applikazzjoni tal-miżura allowance fix-xahar ta’ 85 % tas-salarju bażiku u mis-seba’ xahar sa tmiem il-leave, jiġifieri sakemm tintlaħaq l-età tal-irtirar, allowance ta’ kull xahar ta’ 70 % tas-salarju bażiku. Skont id-disa’ paragrafu tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, ma jiġi applikat l-ebda koeffiċjent ta’ korrezzjoni għal din l-allowance. Barra minn hekk, id-dannu finanzjarju msemmi iktar ’il fuq huwa potenzjalment aggravat mill-fatt li l-uffiċjali kkonċernati ma jibqgħux intitolati javvanzaw fis-skala u għall-promozzjoni fi grad, kif dan diġà ġie osservat. |
|
93 |
L-uffiċjali li ma jaqgħux fil-faxxa ta’ età inkwistjoni u li, għaldaqstant, ma humiex suġġetti għall-applikazzjoni fil-konfront tagħhom tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, ma jsofrux l-iżvantaġġi finanzjarji identifikati fil-punt 92 iktar ’il fuq. |
|
94 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, hemm lok li jiġi konkluż li l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal jistabbilixxi differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età. |
c) Fuq l-osservanza tal-kriterji msemmija fl-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali
|
95 |
Skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet irrikonoxxuti minn din tal-aħħar għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza ta’ dawk id-drittijiet u l-libertajiet. Bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet f’dawk il-każijiet biss fejn ikunu meħtieġa u fejn ġenwinament jissodisfaw għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet tal-oħrajn. |
|
96 |
F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li d-differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età, stabbilita mill-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, hija prevista mil-“liġi” fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, sa fejn din id-dispożizzjoni toriġina mir-Regolament Nru 1023/2013 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2017, Fries, C‑190/16, EU:C:2017:513, punt 37) |
|
97 |
Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li d-differenza fit-trattament msemmija hawn fuq tirrigwarda kwistjoni b’portata limitata fil-kuntest tas-servizz pubbliku tal-Unjoni, dik ta’ għoti ta’ leave fl-interess tas-servizz ta’ ċerti uffiċjali li jissodisfaw numru ta’ kundizzjonijiet, fosthom dik relatata mal-età. Għaldaqstant, din id-differenza fit-trattament “għandha tirrispetta l-essenza” tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2017, Fries, C‑190/16, EU:C:2017:513, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
98 |
Sabiex tiġi kkorroborata din il-konklużjoni, għandu jiġi osservat li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li n-numru annwali totali ta’ uffiċjali li jitqiegħdu fuq leave fl-interess tas-servizz ma għandux ikun iktar minn 5 % tan-numru totali tal-uffiċjali fl-istituzzjonijiet kollha li rtiraw matul is-sena ta’ qabel. B’hekk, jirriżulta li, fid-dawl ta’ dan il-limitu massimu u l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, previsti fl-ewwel paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni, in-numru annwali ta’ uffiċjali li jistgħu jitqiegħdu fuq leave fl-interess tas-servizz huwa limitat ħafna, kif jirriżulta wkoll mir-risposti bil-miktub tal-Parlament, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni għal mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali. Bħala eżempju, il-Kunsill indika li, fi ħdanu, erba’ uffiċjali kienu tqiegħdu fuq leave fl-interess tas-servizz matul kull waħda mis-snin 2015, 2016 u 2017 minn total ta’ 2757 uffiċjal fis-servizz fil-Kunsill sal-31 ta’ Diċembru 2017. |
|
99 |
Il-Qorti Ġenerali sejra teżamina l-kwistjoni dwar jekk f’dan il-każ humiex issodisfatti iż-żewġ kundizzjonijiet l-oħra, previsti mill-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li jippermettu li tiġi ġġustifikata d-differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età stabbilita mill-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal. Dawn il-kundizzjonijiet huma l-eżistenza ta’ għan ta’ interess ġenerali rrikonoxxut mill-Unjoni li għaliha tirrispondi d-differenza fit-trattament u dik marbuta mal-proporzjonalità. |
1) Fuq il-kwistjoni dwar jekk id-differenza ta’ trattament ibbażata fuq l-età, stabbilita mill-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, tissodisfax għan ta’ interess ġenerali rrikonoxxut mill-Unjoni
|
100 |
Il-Kunsill, sostnut mill-Parlament u mill-Kummissjoni, isostni, essenzjalment, li d-differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età, stabbilita mill-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, issegwi tliet għanijiet ta’ interess ġenerali fil-kuntest tal-politika tal-persunal. Fl-ewwel lok, din id-differenza fit-trattament issegwi l-għan li jsir l-aħjar użu mill-investiment tal-istituzzjonijiet għat-taħriġ professjonali tagħhom billi tippermettilhom jiffokaw dan l-investiment fuq l-uffiċjali li għad għandhom perijodu ta’ impjieg raġonevoli qabel l-irtirar. Fit-tieni lok, id-differenza fit-trattament imsemmija iktar ’il fuq issegwi l-għan ta’ sostenn għall-uffiċjali li jkunu qrib l-irtirar u li ma jirnexxilhomx jiksbu kompetenzi ġodda u jadattaw ruħhom għall-evoluzzjoni fl-ambjent tax-xogħol tal-istituzzjonijiet. Fit-tielet lok, din id-differenza fit-trattament issegwi, essenzjalment, l-għan ta’ żamma ta’ struttura ta’ età bbilanċjata bejn uffiċjali żgħażagħ u uffiċjali ikbar fl-età, li tiffavorixxi, min-naħa tagħha, ir-reklutaġġ u l-promozzjoni ta’ dawn l-uffiċjali żgħażagħ, l-iskambju ta’ esperjenzi u l-innovazzjoni kif ukoll id-diversità ġeografika. |
|
101 |
Ir-rikorrenti tikkontesta l-eżistenza tat-tliet għanijiet imsemmija iktar ’il fuq. Hija ssostni li l-uniku għan segwit permezz tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal huwa dak tat-tnaqqis tal-ispejjeż u tal-persunal tal-istituzzjonijiet “billi jeħles” mill-uffiċjali li jinsabu l-eqreb għall-irtirar u li jirċievu remunerazzjoni għolja. Issa, dan l-għan ma jikkostitwixxix għan leġittimu ta’ “politika leġittima ta’ l-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78, li jiġġustifika d-differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età stabbilita mill-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal. |
|
102 |
Fl-ewwel lok, jeħtieġ li tiġi vverifikata l-eżistenza tal-għanijiet invokati mill-istituzzjonijiet. F’dan ir-rigward, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal u, jekk ikun il-każ, tal-kuntest ġenerali tiegħu li jippermetti li jiġi identifikat l-għan wara d-differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età stabbilita minnu (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas‑16 ta’ Ottubru 2007, Palacios de la Villa, C‑411/05, EU:C:2007:604, punti 56 u 57; tal-21 ta’ Lulju 2011, Fuchs u Köhler, C‑159/10 u C‑160/10, EU:C:2011:508, punt 39, u tas-6 ta’ Novembru 2012, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija, C‑286/12, EU:C:2012:687, punt 58) |
|
103 |
F’dak li jirrigwarda l-ewwel għan invokat, dak li jsir l-aħjar użu mill-investiment marbut mat-taħriġ professjonali, għandu jiġi rrilevat, qabelxejn, li l-applikazzjoni tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal hija suġġetta għall-kundizzjoni tal-eżistenza ta’ “ħtiġijiet organizzattivi konnessi mal-akkwist ta’ kompetenzi ġodda”. Ir-riferiment għall-“akkwist ta’ kompetenzi ġodda” juri r-relazzjoni bejn id-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq u t-taħriġ professjonali. |
|
104 |
Sussegwentement, mill-proċess u, b’mod partikolari, mill-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-7 u tat-8 ta’ Frar 2013, jirriżulta li r-Regolament Nru 1023/2013 u, għaldaqstant, l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal ġew adottati f’kuntest ta’ rigorożità baġitarja tal-amministrazzjoni pubblika Ewropea, ta’ rieda tal-Istati Membri għat-titjib tal-effettività tagħha u tal-prestazzjoni tagħha u ta’ tnaqqis progressiv tal-persunal tal-istituzzjonijiet b’5 % għall-perijodu 2013/2017. |
|
105 |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fl-ewwel, it-tielet, is-seba’ u t-tnax-il premessa tar-Regolament Nru 1023/2013 jirreferu, l-ewwel nett, għall-ħtieġa li l-Unjoni tkompli tkun mgħammra b’amministrazzjoni pubblika ta’ kwalità għolja (l-ewwel premessa) li tkun kapaċi twettaq il-kompiti fdati lill-istituzzjonijiet f’kuntest ta’ tnaqqis tal-persunal (it-tielet premessa), it-tieni nett, il-ħtieġa li jsir l-aħjar użu mill-ġestjoni tar-riżorsi umani (is-seba’ premessa) u, it-tielet nett, filwaqt li jsir riferiment għall-konklużjonijiet iktar ’il fuq imsemmija tal-Kunsill Ewropew, il-ħtieġa ta’ titjib tal-effettività u l-effiċjenza, il-ħtieġa ta’ adattament għall-evoluzzjoni tal-kuntest ekonomiku u l-isforz li tiġi żgurata l-kosteffiċjenza (it-tnax-il premessa). |
|
106 |
Il-premessi msemmija iktar ’il fuq tar-Regolament Nru 1023/2013 juru r-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jsegwi l-għan ta’ ġestjoni effikaċi tal-infiq marbut mal-amministrazzjoni pubblika Ewropea f’termini ta’ kosteffiċjenza, li jippermetti, b’dan il-mod, li jinżamm il-livell ta’ kwalità għolja ta’ din l-amministrazzjoni u li jippermetti, fl-aħħar mill-aħħar, lill-Unjoni tikseb l-għanijiet tagħha, timplimenta l-politiki tagħha u twettaq il-kompiti tagħha f’kuntest ta’ rigorożità baġitarja u ta’ tnaqqis tal-persunal tal-istituzzjonijiet. Fid-dawl ta’ din il-konstatazzjoni u tal-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punt 103 iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li l-eżistenza tal-għan li jsir l-aħjar użu mill-investiment iddedikat għat-taħriġ professjonali tal-uffiċjali, segwit mil-leġiżlatur tal-Unjoni permezz ta’ differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età stabbilita mill-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, jirriżulta li hija stabbilita. |
|
107 |
Mingħajr ma hemm bżonn li tiġi vverifikata l-eżistenza taż-żewġ għanijiet l-oħra invokati mill-istituzzjonijiet, fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat jekk l-ewwel għan invokat li l-eżistenza tiegħu ġiet stabbilita jikkostitwixxix għan “ta’ interess ġenerali rikonoxxut mill-Unjoni” fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. |
|
108 |
L-ewwel għan invokat huwa intiż, essenzjalment, għall-ġestjoni tajba tal-fondi pubbliċi f’termini ta’ kosteffiċjenza, f’kuntest ta’ rigorożità baġitarja u ta’ tnaqqis tal-persunal tal-istituzzjonijiet. F’dan ir-rigward, ta’ min jinnota li, skont l-Artikolu 310(5) TFUE, il-baġit tal-Unjoni għandu jiġi implimentat skont il-prinċipju ta’ amministrazzjoni finanzjarja tajba. Barra minn hekk, l-Artikolu 30(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU 2012, L 298, p. 1), jipprovdi li l-approprjazzjonijiet għandhom ikunu użati f’konformità mal-prinċipju ta’ amministrazzjoni finanzjarja tajba, jiġifieri skont il-prinċipji ta’ ekonomija, ta’ effiċjenza u ta’ effikaċja. It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 30(2) tar-Regolament Nru 966/2012 jippreċiża li l-prinċipju ta’ effiċjenza jirreferi għall-aħjar relazzjoni bejn il-mezzi implimentati u r-riżultati miksuba. Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-għan tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jiżgura, permezz tad-differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età stabbilita mill-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, l-aħjar użu mill-infiq tal-istituzzjonijiet fir-rigward ta’ taħriġ professjonali, jikkostitwixxi għan “ta’ interess ġenerali rikonoxxut mill-Unjoni”. |
|
109 |
Barra minn hekk, sa fejn l-ewwel għan invokat jirrigwarda l-politika ta’ formazzjoni professjonali tal-istituzzjonijiet, huwa jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78, li jsemmi, fost l-għanijiet leġittimi li jistgħu jiġġustifikaw differenzi fit-trattament bbażati fuq l-età stabbiliti minn miżuri nazzjonali, dak marbut mat-taħriġ professjonali. Minn dan isegwi li, abbażi wkoll tad-direttiva msemmija iktar ’il fuq, li hija sors ta’ ispirazzjoni għad-determinazzjoni tal-obbligi tal-leġiżlatur tal-Unjoni f’dan il-każ (ara l-punt 73 iktar ’il fuq), l-ewwel għan invokat jikkostitwixxi għan “ta’ interess ġenerali rikonoxxut mill-Unjoni” fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2017, Fries, C‑190/16, EU:C:2017:513, punti 42 u 43). |
|
110 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, hemm lok li jiġi konkluż li d-differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età, stabbilita mill-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, tirrispondi għal, mill-inqas, għan ta’ interess ġenerali rrikonoxxut mill-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. |
|
111 |
Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argument tar-rikorrenti mressaq fil-punt 101 iktar ’il fuq. Fil-fatt, indipendentement mill-kwistjoni, imqajma permezz ta’ dan l-argument, dwar jekk l-għan ta’ tnaqqis tal-ispejjeż u tal-persunal tal-istituzzjonijiet jistax jikkostitwixxi, bħala tali, għan ta’ interess ġenerali rrikonoxxut mill-Unjoni, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma turix li huwa jikkostitwixxi l-uniku għan segwit mill-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li ġiet stabbilita l-eżistenza ta’, mill-inqas, għan leġittimu ieħor segwit mil-leġiżlatur tal-Unjoni, f’dan il-każ l-għan li jsir l-aħjar użu mill-investiment iddedikat għat-taħriġ professjonali tal-uffiċjali. |
|
112 |
Billi d-differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età, stabbilita mill-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, tissodisfa mill-inqas għan ta’ interess ġenerali rrikonoxxut mill-Unjoni, għandu jiġi eżaminat jekk din id-differenza fit-trattament tosservax il-prinċipju ta’ proporzjonalità, fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2017, Fries, C‑190/16, EU:C:2017:513, punt 39). |
2) Fuq il-proporzjonalità
|
113 |
L-eżami tal-proporzjonalità tad-differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età, stabbilita mill-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, jimplika li jiġi eżaminat jekk din id-differenza fit-trattament hijiex xierqa sabiex jintlaħaq l-għan segwit u jekk hija ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ għal dan il-għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2017, Fries, C‑190/16, EU:C:2017:513, punt 44). |
|
114 |
F’dan ir-rigward, b’analoġija mal-marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni mogħti lil-leġiżlatur nazzjonali fir-rigward tad-definizzjoni tal-miżuri li jistgħu jilħqu għan partikolari fil-qasam tal-politika soċjali u tal-impjieg (sentenzi tas-16 ta’ Ottubru 2007, Palacios de la Villa, C‑411/05, EU:C:2007:604, punt 68; tal-5 ta’ Marzu 2009, Age Concern England, C‑388/07, EU:C:2009:128, punt 51, u tad‑9 ta’ Settembru 2015, Unland, C‑20/13, EU:C:2015:561, punt 57), il-leġiżlatur tal-Unjoni għandu jingħata marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni fid-definizzjoni tal-miżuri li jistgħu jilħqu għan ta’ interess ġenerali fil-kuntest tal-politika tal-persunal. Fid-dawl ta’ dan il-marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni, l-istħarriġ tal-qorti jirrigwarda, f’dan il-każ, il-kwistjoni dwar jekk ma jidhirx li huwa irraġonevoli li l-leġiżlatur tal-Unjoni jqis li d-differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età, stabbilita mill-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, tista’ tkun xierqa u neċessarja sabiex jintlaħaq l-għan leġittimu invokat (ara b’analoġija, is-sentenzi tas-16 ta’ Ottubru 2007Palacios de la Villa, C‑411/05, EU:C:2007:604, punt 72; tat-12 ta’ Jannar 2010, Petersen, C‑341/08, EU:C:2010:4, punt 70, u tad-9 ta’ Settembru 2015, Unland, C‑20/13, EU:C:2015:561, punt 65). |
|
115 |
F’dak li jirrigwarda l-ewwel għan invokat, dwar l-aħjar użu mill-investimenti marbuta mat-taħriġ professjonali, għandu jitfakkar li l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal ġie adottat f’kuntest ta’ rigorożità baġitarja u ta’ tnaqqis tal-persunal tal-istituzzjonijiet. Kif jirriżulta mill-proċess, dan huwa tnaqqis progressiv tal-persunal b’5 % għall-perijodu 2013/2017, applikabbli għall-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji kollha tal-Unjoni. Id-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq ġiet adottata wkoll f’kuntest ta’ rieda li jittejbu l-effikaċja u l-effiċjenza tal-amministrazzjoni pubblika Ewropea f’termini ta’ kosteffiċjenza, kif jirriżulta, b’mod partikolari, mit-tnax-il premessa tar-Regolament Nru 1023/2013. |
|
116 |
Il-Kunsill ippreċiża li, f’kuntest bħal dan, u sabiex jiġi żgurat tnaqqis effettiv fil-missjonijiet li jevolvu, l-istituzzjonijiet kellhom jimmodifikaw il-metodi ta’ ħidma tagħhom u jeħtieġu mill-uffiċjali li jadattaw ruħhom u jiksbu b’mod regolari kompetenzi ġodda. Ma’ dawn iċ-ċirkustanzi jiżdiedu wkoll l-possibbiltajiet offruti permezz tal-kompjuterizzazzjoni u d-dematerjalizzazzjoni tal-proċeduri, li jwasslu għal tnaqqis tal-ħtiġijiet f’termini ta’ impjiegi inqas ikkwalifikati. Dawn iċ-ċirkustanzi kollha jobbligaw lill-istituzzjonijiet sabiex jinvestu b’mod massiv fit-taħriġ kontinwu tal-uffiċjali tagħhom. |
|
117 |
Il-Kunsill sostna li, fid-dawl ta’ dawn l-elementi, l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal jippermetti lill-istituzzjonijiet jiffokaw l-investiment iddedikat għat-taħriġ professjonali għall-uffiċjali li jkollhom tul ta’ karriera raġonevoli qabel l-irtirar u joffru forma ta’ rtirar kmieni għall-uffiċjali fi tmiem il-karriera tagħhom. |
|
118 |
Fil-fatt, ma jistax jiġi kkontestat li, fil-preżenza ta’ ħtiġijiet ta’ ksib ta’ kompetenzi ġodda mill-uffiċjali u, għalhekk, il-ħtieġa għall-istituzzjonijiet li jinvestu fil-qasam tat-taħriġ vokazzjonali f’kuntest ta’ rigorożità baġitarja u ta’ tnaqqis tal-persunal, l-għoti ta’ leave lill-uffiċjali li jkunu qed joqorbu l-età tal-irtirar, jillibera fondi marbuta ma’ taħriġ professjonali li jistgħu jiġu allokati għal taħriġ professjonali tal-uffiċjali iżgħar fl-età, li għandhom quddiemhom karriera itwal fi ħdan l-istituzzjonijiet. Minn dan isegwi li dan l-għoti ta’ leave jikkontribwixxi sabiex isir l-aħjar użu mill-investimenti marbuta mat-taħriġ professjonali, peress li dan iservi għat-titjib tar-relazzjoni bejn l-ispejjeż marbuta ma’ dawn l-investimenti u l-benefiċċji miksubin mill-istituzzjonijiet. Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li, fid-dawl tal-marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni li għandu l-leġiżlatur tal-Unjoni (ara l-punt 114 iktar ’il fuq), id-differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età, stabbilita mill-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, tikkostitwixxi mezz xieraq biex jintlaħaq l-ewwel għan segwit mil-leġiżlatur tal-Unjoni. |
|
119 |
Fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk id-differenza fit-trattament msemmija hawn fuq tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan segwit, din għandha titqiegħed fil-kuntest leġiżlattiv li tinsab fih u għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm id-dannu li hija tista’ tikkawża lill-uffiċjali kkonċernati kif ukoll il-benefiċċji li jinkisbu, b’mod partikolari, mill-istituzzjonijiet (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2017, Fries, C‑190/16, EU:C:2017:513, punt 53). |
|
120 |
Fir-rigward tal-benefiċċji miksuba mill-istituzzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li l-aħjar użu mill-investimenti marbuta mat-taħriġ professjonali, l-għan wara d-differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età, jgħin biex jiġi żgurat li l-istituzzjonijiet ikunu jistgħu, fl-aħħar mill-aħħar, ikomplu jwettqu l-kompiti tagħhom f’kuntest ta’ rigorożità baġitarja u ta’ tnaqqis tal-persunal. |
|
121 |
Barra minn hekk, filwaqt li d-differenza fit-trattament msemmija iktar ’il fuq titqiegħed mill-ġdid fil-kuntest tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal u tar-Regolamenti tal-Persunal b’mod ġenerali, għandu jiġi osservat li l-għoti ta’ leave fl-interess tas-servizz huwa, fl-aħħar mill-aħħar, strument għall-ġestjoni tal-persunal għad-dispożizzjoni tal-istituzzjonijiet, sa fejn huwa jikkostitwixxi sitwazzjoni amministrattiva addizzjonali li fiha l-uffiċjali jistgħu jitqiegħdu, flimkien ma’ pożizzjonijiet amministrattivi oħra li huma, skont l-Artikolu 35 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-impjieg attiv, il-kollokament, il-leave għal raġunijiet personali, l-istat mhux attiv, il-leave għal servizz militari u leave tal-ġenituri jew tal-familja. |
|
122 |
Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li ma hemmx dispożizzjonijiet fir-Regolamenti tal-Persunal li jikkostitwixxu “alternattiva” għall-miżura prevista fl-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal. B’mod partikolari, sa fejn ir-rikorrenti tirreferi għall-Artikolu 51 tar-Regolamenti tal-Persunal dwar inkompetenza professjonali, għandu jiġi rrilevat li din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex jiġi kkonstatat u ssanzjonat it-twettiq mhux sodisfaċenti tal-kompiti minn uffiċjal u topera b’mod indipendenti minn kunsiderazzjonijiet marbuta mal-interess tas-servizz, filwaqt li l-miżura adottata taħt l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal topera fl-interess tas-servizz. |
|
123 |
Bħala għodda addizzjonali ta’ ġestjoni tal-persunal, l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal huwa, ipso facto, ta’ benefiċċju għall-istituzzjonijiet. |
|
124 |
Fir-rigward tad-dannu kkawżat lill-uffiċjali kkonċernati, għandhom jitqiesu l-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punti 90 sa 92 iktar ’il fuq. |
|
125 |
Fl-istess ħin, għandu jiġi osservat li, kif il-Kunsill ġustament isostni, dawn l-uffiċjali jitqiegħdu fuq leave fl-interess tas-servizz b’kundizzjonijiet finanzjarji raġonevoli. Fil-fatt, għandu jitfakkar, b’mod partikolari, li l-uffiċjali kkonċernati jirċievu allowance kull xahar sat-tmiem tal-leave li l-kalkolu tagħha, kif speċifikat fil-punt 92 iktar ’il fuq, ma huwiex meqjus mill-Qorti Ġenerali bħala irraġonevoli. Barra minn hekk, kif jirriżulta mit-tmien paragrafu tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, l-uffiċjali kkonċernati jistgħu jkomplu jikkontribwixxu fl-iskema ta’ pensjonijiet u jżidu, b’dan il-mod, l-ammont tal-pensjoni tagħhom. Il-kundizzjoni dwar l-għaxar snin ta’ anzjanità, prevista mill-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, tikkontribwixxi wkoll għan-natura proporzjonata tal-miżura prevista minn din id-dispożizzjoni, fis-sens li, kif jinnota ġustament il-Parlament, hija twassal sabiex l-applikazzjoni ta’ din il-miżura tkun irriżervata għal uffiċjali li l-livell ta’ salarju u ta’ drittijiet għall-pensjoni huwa tali li jnaqqas l-inkonvenjenti finanzjarji ta’ għoti ta’ leave. Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li, l-ewwel nett, il-miżura prevista fl-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal hija suġġetta għal sett ta’ kundizzjonijiet previsti fl-ewwel paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni, it-tieni nett, li l-adozzjoni tagħha ma hijiex obbligatorja għall-istituzzjonijiet, li għandhom marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni fir-rigward ta’ din l-adozzjoni u, it-tielet nett, li n-numru annwali totali ta’ uffiċjali li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ din il-miżura huwa limitat għal 5 % tan-numru totali tal-uffiċjali fl-istituzzjonijiet kollha li rtiraw matul is-sena ta’ qabel (ara l-punt 98 iktar ’il fuq) |
|
126 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha li jinsabu fil-punti 120 sa 125 iktar ’il fuq, ma jidhirx li huwa irraġonevoli li l-leġiżlatur tal-Unjoni jqis neċessarju li jipprevedi l-għoti ta’ leave fl-interess tas-servizz biss għall-uffiċjali li jaqgħu fil-faxxa ta’ età inkwistjoni u mhux għall-uffiċjali li ma jaqgħux f’din il-faxxa, sabiex jintlaħaq l-għan leġittimu li jsir l-aħjar użu mill-investimenti marbuta mat-taħriġ professjonali. Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li d-differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età, stabbilita mill-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, hija proporzjonata mal-ewwel għan leġittimu invokat. |
|
127 |
Sa fejn il-proporzjonalità tad-differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età ġiet stabbilita meta mqabbla mal-ewwel għan leġittimu invokat, għandu jiġi konkluż li din id-differenza fit-trattament, stabbilita mill-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, ma tiksirx l-Artikolu 21(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali peress li tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 52(1) ta’ din. Għalhekk, l-eċċezzjoni ta’ illegalità invokata kontra l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal għandha tiġi miċħuda. |
2. Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal u taċ-CP 71/15 kif ukoll fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni
|
128 |
Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal u ċ-CP 71/15 u li hija vvizzjata bi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni. F’dan il-kuntest, hija, b’mod partikolari, issostni li l-Kunsill ma ġġustifikax bl-interess tas-servizz li kellu l-ħsieb li jaqdi billi japplika għaliha l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, ma identifikax il-ħtiġijiet organizzattivi reali li jeħtieġu l-akkwist ta’ kompetenzi ġodda u ma identifikax il-kompetenzi ġodda li hija ma tistax tikseb. Għall-kuntrarju, huwa qagħad, b’mod partikolari, fuq ir-rapporti ta’ evalwazzjoni tagħha allegatament negattivi u fuq il-kondotta tagħha fis-servizz, jiġifieri fuq elementi li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal. Ir-rikorrenti tikkontesta wkoll il-konklużjoni li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata li tgħid li hija ma kellhiex il-kapaċità sabiex tadatta ruħha għall-evoluzzjoni fil-ħtiġijiet tax-xogħol. |
|
129 |
Il-Kunsill jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti u jitlob li dan l-ilment jiġi miċħud. |
a) Fuq id-determinazzjoni tal-kuntest ġuridiku applikabbli f’dan il-każ
|
130 |
Hemm lok li jitfakkar li l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi b’mod espliċitu li l-għoti ta’ leave tal-uffiċjali kkonċernati isir fl-interess tas-servizz. Barra minn hekk, huwa jipprevedi bħala kundizzjoni għall-applikazzjoni tiegħu l-eżistenza ta’ “ħtiġijiet organizzattivi konnessi mal-akkwist ta’ kompetenzi ġodda fi ħdan l-istituzzjonijiet”. |
|
131 |
Għandu jitfakkar ukoll li, permezz taċ-CP 71/15, is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill pprovda informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal minn din l-istituzzjoni (ara l-punt 8 iktar ’il fuq) billi ppreċiża, b’mod partikolari, il-kontenut tal-“ħtiġijiet organizzattivi konnessi mal-akkwist ta’ kompetenzi ġodda” fir-rigward ta’ din l-istituzzjoni. Minn din il-komunikazzjoni u mill-kjarifiki mogħtija fil-kuntest tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment (ara, b’mod partikolari, il-punti 44 u 64 ta’ din id-deċiżjoni) jirriżulta li, għall-applikazzjoni tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Kunsill jieħu inkunsiderazzjoni ż-żewġ elementi li ġejjin: minn naħa, huwa jieħu inkunsiderazzjoni l-“ħtiġijiet organizzattivi konnessi mal-akkwist ta’ kompetenzi ġodda” fi ħdan l-istituzzjoni, fis-sens li jevalwa l-eżistenza ta’ dawn il-bżonnijiet li jeħtieġu l-akkwist ta’ kompetenzi ġodda min-naħa tal-uffiċjali kkonċernati u, min-naħa l-oħra, huwa jieħu inkunsiderazzjoni l-kapaċità ta’ dawn l-uffiċjali li jiksbu tali kompetenzi u li jadattaw ruħhom għall-evoluzzjoni fl-ambjent tax-xogħol. |
|
132 |
Il-Kunsill ippreċiża, fil-punt 44 tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment u fid-difiża quddiem il-Qorti Ġenerali, li l-evalwazzjoni tat-tieni element identifikat fil-punt 131 iktar ’il fuq kienet tinvolvi neċessarjament element pronjostiku fis-sens li hija evalwazzjoni, fuq il-bażi tal-informazzjoni li kellha l-Awtorità tal-Ħatra fil-mument li fih ħadet id-deċiżjoni tagħha, jekk kienx raġonevoli li wieħed jassumi li l-uffiċjali kkonċernati ser ikollhom diffikultajiet biex jadattaw ruħhom għall-evoluzzjoni fl-ambjent tax-xogħol u r-rekwiżiti tas-servizz fil-futur. |
|
133 |
Mill-kuntest ġuridiku, ikkostitwit f’dan il-każ mill-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal kif huwa ppreċiżat permezz taċ-CP 71/15, li torbot lill-Kunsill, jirriżulta li l-evalwazzjoni taż-żewġ elementi identifikati fil-punt 131 iktar ’il fuq hija evalwazzjoni prospettiva, kif din l-istituzzjoni, barra minn hekk, ikkonfermat waqt is-seduta, bi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali. |
|
134 |
Ir-rikorrenti tikkontesta l-legalità tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal magħmula mill-Kunsill. Minn naħa, hija ssostni li, permezz taċ-CP 71/15, dan żnatura din id-dispożizzjoni billi stabbilixxa li l-għoti ta’ leave fl-interess tas-servizz ser jiġi applikat għal “uffiċjali li għandhom diffikultajiet biex jakkwistaw kompetenzi ġodda u jadattaw ruħhom għall-evoluzzjoni tal-ambjent tax-xogħol”. Min-naħa l-oħra, hija ssostni li, minħabba dan l-iżnaturament illegali, ir-raġunament tal-Kunsill, ippreżentat fil-punt 76 tar-risposta, li hija “evalwazzjoni tal-potenzjal ta’ uffiċjal biex jakkwista kompetenzi ġodda u biex jadatta ruħu għall-evoluzzjoni fl-ambjent tax-xogħol” għandu jiġi miċħud ukoll peress li huwa bbażat fuq preżunzjonijiet mhux awtorizzati mill-kliem tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal. |
|
135 |
Dan l-argument tar-rikorrenti jeżiġi li tiġi kkontrollata l-kompatibbiltà tal-approċċ tal-Kunsill, kif deskritt fiċ-CP 71/15 u ċċarat fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment u fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, mar-regola superjuri li hija kkostitwita mill-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Settembru 2015, Barnett vs CESE, F‑20/14, EU:F:2015:107, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
136 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal jirreferi espliċitament għall-“interess tas-servizz”. Kif il-Kunsill ippreċiża fil-kuntest tar-risposta tiegħu għal domanda bil-miktub magħmula mill-Qorti Ġenerali, il-“ħtiġijiet organizzattivi konnessi mal-akkwist ta’ kompetenzi ġodda”, imsemmija wkoll minn dan l-artikolu, huma aspett speċifiku tal-interess tas-servizz. |
|
137 |
Peress li l-“ħtiġijiet organizzattivi” huma marbuta mal-“akkwist ta’ kompetenzi ġodda” u huma biss aspett speċifiku tal-interess tas-servizz fil-kuntest tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, għandu jiġi konkluż li l-kliem ta’ din id-dispożizzjoni ma jipprekludix lill-Kunsill milli jieħu inkunsiderazzjoni, bħala “ħtiġijiet organizzattivi konnessi mal-akkwist ta’ kompetenzi ġodda”, il-kapaċità tal-uffiċjali kkonċernati “biex jakkwistaw kompetenzi ġodda u jadattaw ruħhom għall-evoluzzjoni fl-ambjent tax-xogħol”, skont iċ-CP 71/15. |
|
138 |
Dan it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ element li jappartjeni lill-uffiċjali kkonċernati lanqas ma jmur kontra r-ratio legis tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal. Fil-fatt, sa fejn ġie stabbilit li din id-dispożizzjoni ssegwi l-għan li jsir l-aħjar użu mill-investimenti tal-istituzzjonijiet marbuta mat-taħriġ professjonali f’termini ta’ kosteffiċjenza, jidher li huwa kompatibbli ma’ dan l-għan li l-Kunsill jieħu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ispejjeż tal-investimenti marbuta mat-taħriġ professjonali, il-kapaċità tal-uffiċjali kkonċernati li jakkwistaw kompetenzi ġodda u li jadattaw ruħhom għall-evoluzzjoni fl-ambjent tax-xogħol. Dan it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ element li jappartjeni lill-uffiċjali kkonċernati jidher ukoll iġġustifikat mill-fatt li l-applikazzjoni tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal twassal għal konsegwenzi sfavorevoli għalihom u tista’ tiġi imposta fuqhom kontra r-rieda tagħhom (ara l-punti 90 sa 92 iktar ’il fuq). Minn dan isegwi li dan it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ element li jappartjeni lill-uffiċjali kkonċernati jirrendi l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni inqas riġida fil-konfront tagħhom. |
|
139 |
Għaldaqstant, hemm lok li jiġi konkluż li l-evalwazzjoni mill-Kunsill tal-kapaċità tal-uffiċjali kkonċernati li jakkwistaw kompetenzi ġodda u li jadattaw ruħhom għall-evoluzzjoni fl-ambjent tax-xogħol hija kompatibbli mal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal. |
|
140 |
Barra minn hekk, sa fejn din l-evalwazzjoni hija intiża sabiex issegwi l-interess tas-servizz, hija għandha neċessarjament tiffoka fuq il-kapaċità futura tal-uffiċjali kkonċernati li jakkwistaw kompetenzi ġodda u li jadattaw ruħhom għall-evoluzzjoni fl-ambjent tax-xogħol u għandha tinkludi, għalhekk, element ta’ previżjoni, bħalma jsostni ġustament il-Kunsill. Fil-każ kuntrarju, din l-evalwazzjoni ma tkunx issegwi l-interess tas-servizz. Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż ukoll li l-element ta’ previżjoni inkluż fl-evalwazzjoni tat-tieni element identifikat fil-punt 131 iktar ’il fuq huwa kompatibbli mal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal. |
|
141 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, l-argument tar-rikorrenti mressaq fil-punt 134 iktar ’il fuq għandu jiġi miċħud. |
|
142 |
Mill-kuntest ġuridiku kkostitwit mill-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal u miċ-CP 71/15 jirriżulta li l-Kunsill kien, f’dan il-każ, fl-obbligu li jevalwa żewġ elementi ta’ “ħtiġijiet organizzattivi konnessi mal-akkwist ta’ kompetenzi ġodda”, jiġifieri, fl-ewwel lok, il-ħtiġijiet organizzattivi futuri tal-istituzzjoni li jeħtieġu l-akkwist ta’ kompetenzi ġodda u, fit-tieni lok, il-kapaċità tar-rikorrenti biex tikseb il-kompetenzi ġodda identifikati minn qabel, bil-għan li tiġi evalwata, fl-aħħar mill-aħħar, il-kosteffiċjenza li jirrappreżenta l-investiment marbut mat-taħriġ professjonali tagħha, b’mod konformi mal-għan segwit mill-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal. |
b) Fuq l-evalwazzjoni, f’dan il-każ, tal-ħtiġijiet organizzattivi futuri
|
143 |
Preliminarjament, għandu jiġi osservat li l-Kunsill ippreċiża fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu quddiem il-Qorti Ġenerali, b’riferiment għall-punt 9(c) tad-deċiżjoni kkontestata, li l-Awtorità tal-Ħatra kienet ħadet inkunsiderazzjoni, f’dan il-każ, mhux biss l-iżviluppi fid-dipartiment li fih ir-rikorrenti kienet ġiet ikkollokata, iżda wkoll il-ħtiġijiet organizzattivi tal-istituzzjoni, jiġifieri tas-SĠK, kollu kemm hu, u li dan l-approċċ ma kienx jikser l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal u lanqas ma kien ivvizzjat bi żball manifest ta’ evalwazzjoni. Ir-rikorrenti kkontestat il-fatt li l-Kunsill kien effettivament għamel l-evalwazzjoni li allega li wettaq. |
|
144 |
Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk il-Kunsill għamilx, f’dan il-każ, evalwazzjoni prospettiva u reali tal-ħtiġijiet organizzattivi tad-dipartiment li fih ir-rikorrenti kienet ikkollokata kif ukoll tal-istituzzjoni kollha kemm hi, kif dan jallega li għamel. |
|
145 |
Sa fejn l-evalwazzjoni tal-ħtiġijiet organizzattivi tirrigwarda l-evalwazzjoni tal-interess tas-servizz, għandu jiġi rrikonoxxut li l-Kunsill għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni, li ma tistax tiġi kkontestata mill-Qorti Ġenerali ħlief fil-każ ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni, ta’ ineżattezza materjali jew ta’ użu ħażin ta’ poter (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Diċembru 2000, Dejaiffe vs UASI, T‑223/99, EU:T:2000:292, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas-16 ta’ Mejju 2018, Barnett vs KESE, T‑23/17, mhux ippubblikata, taħt appell, EU:T:2018:271, punti 36 u 38). |
|
146 |
Madankollu, l-istħarriġ ġudizzjarju magħmul f’dan il-każ, minkejja li għandu portata limitata, jirrikjedi li l-Kunsill, l-awtur tad-deċiżjoni kkontestata, ikun f’pożizzjoni li jistabbilixxi quddiem il-Qorti Ġenerali li din id-deċiżjoni kienet ġiet adottata b’eżerċizzju effettiv tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu, li jippreżupponi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi u taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tas-sitwazzjoni inkwistjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tas-7 ta’ Settembru 2006, Spanja vs Il-Kunsill, C‑310/04, EU:C:2006:521, punt 122, u tal‑11 ta’ Lulju 2007, Wils vs Il-Parlament, F‑105/05, EU:F:2007:128, punt 75) |
|
147 |
Minn dan isegwi li l-Kunsill għandu, mill-inqas, ikun jista’ jipproduċi u jesponi b’mod ċar u mhux ekwivoku, l-informazzjoni bażika li kellha tiġi kkunsidrata sabiex tittieħed id-deċiżjoni kkontestata u li fuqha kien jiddependi l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tas-7 ta’ Settembru 2006, Spanja vs Il-Kunsill, C‑310/04, EU:C:2006:521, punt 123, u tal‑11 ta’ Lulju 2007, Wils vs Il-Parlament, F‑105/05, EU:F:2007:128, punt 76) |
|
148 |
Sa fejn il-Kunsill għandu jevalwa l-kosteffiċjenza li jirrappreżenta l-investiment marbut mat-taħriġ professjonali tar-rikorrenti, l-informazzjoni bażika msemmija iktar ’il fuq tinkludi, b’mod loġiku, informazzjoni dwar in-natura u l-portata tar-riformi futuri. |
|
149 |
F’dan il-każ, fl-ewwel lok, mill-proċess jirriżulta li r-rikorrenti, fin-nota tagħha tal-1 ta’ Diċembru 2015 (ara l-punt 13 iktar ’il fuq), sostniet, b’mod partikolari, li l-Awtorità tal-Ħatra ma kinitx uriet li kien hemm “ħtiġijiet organizzattivi konnessi mal-akkwist ta’ kompetenzi ġodda” li jiġġustifikaw it-tqegħid tagħha fuq leave kontra r-rieda tagħha u li hija ma kinitx identifikat il-kompetenzi l-ġodda li għandhom jiġu akkwistati. |
|
150 |
Fit-tieni lok, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-uniċi punti rilevanti li jindirizzaw il-problema dwar l-evalwazzjoni tal-ħtiġijiet organizzattivi futuri huma l-punti 9(a) u (c). |
|
151 |
Fil-punt 9(a) tad-deċiżjoni kkontestata, l-Awtorità tal-Ħatra indikat li l-unità [kunfidenzjali] li fiha kienet ikkollokata r-rikorrenti wettqet l-adattament tal-metodi ta’ xogħol tagħha f’konformità mar-riformi magħmula wkoll f’dipartimenti oħrajn tad-direttorat [kunfidenzjali]. L-Awtorità tal-Ħatra identifikat b’mod ġenerali dawn ir-riformi li jikkonsistu, b’mod partikolari, fl-implimentazzjoni ta’ “proċeduri flessibbli ġodda” u “attivitajiet”, fid-“diġitalizzazzjoni tal-flussi tax-xogħol” u fl-“adozzjoni ta’ soluzzjonijiet tal-informatika interistituzzjonali”. L-Awtorità tal-Ħatra indikat li t-twettiq ta’ dawn ir-riformi kien jeħtieġ min-naħa tal-persunal għarfien u ħiliet xierqa u ċertu livell ta’ flessibbiltà. |
|
152 |
Il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li l-kontenut tal-punt 9(a) imsemmi iktar ’il fuq, ma jurix li evalwazzjoni effettiva u prospettiva tal-ħtiġijiet organizzattivi fil-livell kemm tal-unità [kunfidenzjali] kif ukoll tad-direttorat [kunfidenzjali] saret mill-Awtorità tal-Ħatra. Fil-fatt, l-informazzjoni pprovduta minn dan il-punt la turi li r-riformi msemmija jinsabu fil-futur, u lanqas it-teħid inkunsiderazzjoni tan-natura u tal-portata ta’ dawn ir-riformi. Fi kliem ieħor, din l-informazzjoni ma turix li l-Kunsill ħa inkunsiderazzjoni ħtiġijiet organizzattivi futuri kif kien obbligat li jagħmel dan skont l-approċċ prospettiv tiegħu u lanqas ma turi li l-Kunsill evalwa n-natura u l-portata ta’ dawn ir-riformi sabiex ikun jista’ jevalwa l-kosteffiċjenza tal-ħtiġijiet ta’ taħriġ tar-rikorrenti. |
|
153 |
Fir-rigward tal-punt 9(c) tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi kkonstatat li l-Kunsill sempliċement jindika li d-dipartimenti tas-SĠK “jadattaw ruħhom kontinwament għan-natura u għaż-żieda fir-ritmu tal-laqgħat li [huwa] għandu jilqa’ u l-evoluzzjoni tad-dinamika tal-proċess leġiżlattiv” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Issa, din l-informazzjoni ma turix li l-Kunsill wettaq evalwazzjoni prospettiva tal-ħtiġijiet organizzattivi tas-SĠK b’mod ġenerali kif afferma li għamel (ara l-punt 143 iktar ’il fuq). Anki jekk jitqies li l-Kunsill wettaq tali evalwazzjoni, ma ntweriex li din ħadet inkunsiderazzjoni n-natura u l-portata tar-riformi futuri. Fil-fatt, il-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punt 9(c) tad-deċiżjoni kkontestata jidhru li jirrigwardaw l-eżami tal-potenzjal ta’ mobbiltà tar-rikorrenti, kif jirriżulta mill-ewwel u l-aħħar sentenza ta’ dan il-punt. |
|
154 |
Id-dispożizzjonijiet li jifdal tal-punt 9 tad-deċiżjoni kkontestata, li jinkludi l-motivazzjoni għall-applikazzjoni tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal fir-rigward tar-rikorrenti, ma jirrigwardawx l-evalwazzjoni tal-ħtiġijiet organizzattivi futuri. Il-punt 9(b) tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdi informazzjoni dwar l-istorja tal-karriera tar-rikorrenti u jinkludi evalwazzjoni tal-kapaċità ta’ adattament tagħha bbażata fuq informazzjoni dwar il-karriera professjonali tagħha sad-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Il-punt 9(d) u (e) tad-deċiżjoni kkontestata jippreżenta l-evalwazzjoni tal-potenzjal ta’ mobbiltà tar-rikorrenti u jikkonkludi, fil-paragrafu (e), li ma jeżistix. Issa, l-evalwazzjoni ta’ dan il-potenzjal ma tikkostitwixxix evalwazzjoni tal-ħtiġijiet organizzattivi futuri, sa fejn hija tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti setgħetx tiġi ttrasferita lejn dipartiment ieħor u ma tirrigwardax il-kwistjoni dwar jekk il-kosteffiċjenza tiġġustifikax it-taħriġ professjonali tar-rikorrenti fid-dawl tal-adattament tagħha għar-riformi li kellhom isiru. Fi kwalunkwe każ, min-nota tad-dipartiment tar-riżorsi umani tas-17 ta’ Novembru 2015 (ara l-punt 11 iktar ’il fuq) li abbażi tagħha kien ġie evalwat il-potenzjal ta’ mobbiltà tar-rikorrenti jirriżulta li dan il-potenzjal kien influwenzat ukoll mill-għażliet personali tar-rikorrenti li skont din in-nota, kienet irrifjutat ċertu numru ta’ pożizzjonijiet disponibbli. L-ebda evalwazzjoni tal-ħtiġijiet organizzattivi futuri ma kienet inkluża f’din in-nota. |
|
155 |
Fit-tielet lok, għandu jiġi osservat li, fl-ilment tagħha kontra d-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti mill-ġdid kkontestat, b’mod partikolari, l-eżistenza ta’ riforma ta’ natura li tiġġustifika l-applikazzjoni tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal fir-rigward tagħha. Issa, id-deċiżjoni li tiċħad l-ilment ma tindirizzax din l-allegazzjoni tar-rikorrenti u, b’mod iktar ġenerali, ma fiha l-ebda element li juri li l-Kunsill wettaq evalwazzjoni effettiva u prospettiva tal-ħtiġijiet organizzattivi. Din l-istituzzjoni llimitat l-analiżi tagħha għall-evalwazzjoni tal-kapaċità tar-rikorrenti biex takkwista kompetenzi ġodda u tadatta ruħha għall-evoluzzjoni fl-ambjent tax-xogħol u bbażat il-konklużjoni tagħha dwar in-nuqqas ta’ tali kapaċità fuq ir-raġunament, miġbur fil-qosor fil-punt 33 tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment, li jgħid li “xi ħadd li jsib diffikultà biex iwettaq ix-xogħol ordinarju tiegħu ma huwiex f’pożizzjoni li jagħmel l-isforz meħtieġ sabix jadatta ruħu għal realtà li qed tevolvi”. |
|
156 |
Fir-raba’ lok, quddiem il-Qorti Ġenerali, b’risposta għall-argument tar-rikorrenti dwar in-nuqqas ta’ identifikazzjoni tal-ħtiġijiet organizzattivi reali li jeħtieġu l-akkwist ta’ kompetenzi ġodda (ara l-punt 128 iktar ’il fuq), il-Kunsill, fid-difiża, sempliċement jiddikjara, b’riferiment għall-punt 9(c) tad-deċiżjoni kkontestata, li “t-tibdil ta’ metodu ta’ ħidma fi ħdan l-SĠK u l-ħtiġijiet ikbar fil-qasam tal-kapaċità għal adattament tal-persunal li jirriżultaw minn dan, inkluż għall-uffiċjali tal-grupp ta’ funzjonijiet AST, ma humiex purament ipotetiċi, iżda jikkostitwixxu realtà li l-Awtorità tal-Ħatra għandha tieħu inkunsiderazzjoni”. Din is-sempliċi affermazzjoni tal-Kunsill bl-ebda mod ma turi li saret evalwazzjoni effettiva u prospettiva tal-ħtiġijiet organizzattivi u ma żżid ebda informazzjoni sostanzjali ma’ dik ipprovduta fil-punt 9(c) tad-deċiżjoni kkontestata, li hija insuffiċjenti għall-finijiet ta’ tali prova (ara l-punt 153 iktar ’il fuq). L-argument tal-Kunsill fil-kontroreplika ukoll sempliċement jippreżenta l-punt 9 tad-deċiżjoni kkontestata. |
|
157 |
Barra minn hekk, ir-riferiment tal-Kunsill quddiem il-Qorti Ġenerali fin-nota tal-kap tal-unità [kunfidenzjali], tas-26 ta’ Ottubru 2015 (ara l-punt 11 iktar ’il fuq), dwar ir-riorganizzazzjoni tad-dipartiment [kunfidenzjali] li saret fl-2014, wara l-wasla ta’ [kunfidenzjali] ġdid, ma jipprovdi l-ebda informazzjoni utli dwar il-kwistjoni tal-eżistenza ta’ evalwazzjoni effettiva u prospettiva tal-ħtiġijiet organizzattivi ta’ dan id-dipartiment, tal-unità [kunfidenzjali] jew tas-SĠK b’mod ġenerali. Fil-fatt, kif jirriżulta barra minn hekk min-nota tas-26 ta’ Ottubru 2015 imsemmija iktar ’il fuq, u kif ġie kkonfermat mill-Kunsill fil-kontroreplika, ir-riferiment għal organizzazzjoni mill-ġdid li seħħet fil-passat serviet biss biex tiġi appoġġata l-konklużjoni dwar l-allegata inkapaċità tar-rikorrenti li takkwista kompetenzi ġodda u tadatta ruħha għall-evoluzzjoni fl-ambjent tax-xogħol. |
|
158 |
Fil-ħames lok, fir-rigward tal-argument tal-Kunsill, fil-punt 42 tal-kontroreplika, li tista’ tinftiehem li tfisser li din l-istituzzjoni ħadet inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-evalwazzjoni, f’dan il-każ, il-ħtiġijiet organizzattivi futuri, it-tnaqqis tal-persunal li hija kienet suġġetta għalih, il-Kunsill ikkjarifika matul is-seduta, bi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali, li dan ma kienx il-każ. Barra minn hekk, tali teħid inkunsiderazzjoni ma jirriżulta la mill-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata u lanqas mid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment. |
|
159 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, għandu jiġi kkonstatat li l-Kunsill ma stabbilixxiex li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata b’eżerċizzju effettiv tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu f’dak li jirrigwarda l-eżistenza ta’ ħtiġijiet organizzattivi futuri li jeħtieġu l-akkwist ta’ kompetenzi ġodda mir-rikorrenti, sa fejn huwa ma weriex li wettaq evalwazzjoni prospettiva u li ħa inkunsiderazzjoni, minn naħa, in-natura u l-portata tar-riformi li kellhom iseħħu u, min-naħa l-oħra, il-ħtiġijiet organizzattivi tal-istituzzjoni fl-intier tagħha kif jgħid li huwa għamel. Min-naħa l-oħra, mill-proċess jirriżulta li l-Kunsill kien, fir-realtà, ibbaża d-deċiżjoni kkontestata esklużivament fuq l-evalwazzjoni tal-kapaċità tar-rikorrenti sabiex takkwista kompetenzi ġodda. Issa, sa fejn din l-evalwazzjoni ma ntrabtitx ma’ evalwazzjoni reali u prospettiva tal-ħtiġijiet organizzattivi, il-Kunsill għamel użu żbaljat mill-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, li jeħtieġ it-teħid inkunsiderazzjoni, mill-istituzzjoni kkonċernata, tal-elementi oġġettivi marbuta mal-“ħtiġijiet tal-organizzazzjoni” tagħha. Fil-fatt, fl-assenza ta’ tali teħid inkunsiderazzjoni, l-għoti ta’ leave previst fid-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq jista’ jieħu natura dixxiplinari fir-rigward tal-uffiċjali kkonċernati minn din il-miżura. |
|
160 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li l-Kunsill mar lil hinn mil-limiti tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li kellu f’dan il-każ u li, fuq din il-bażi, it-tieni motiv għandu jintlaqa’. Minn dan isegwi li hemm lok li tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata, li permezz tagħha r-rikorrenti ngħatat leave fl-interess tas-servizz, mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra mqajma minnha. |
C. Fuq it-talba għal kumpens
|
161 |
Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata kkawżatilha dannu materjali u dannu morali. |
|
162 |
Id-dannu materjali jikkonsisti essenzjalment f’telf ta’ dħul u l-Kunsill għandu jiddetermina l-konsegwenzi kollha tal-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment. |
|
163 |
B’mod partikolari, il-Kunsill għandu jħallas lir-rikorrenti d-differenza bejn, l-ewwel nett, ir-remunerazzjoni netta tagħha (salarju bażiku u allowances) u l-allowance mħallsa skont l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal (kif ġiet stabbilita fl-Anness IV tar-Regolamenti tal-Persunal) għall-perijodu minn Jannar sa Marzu 2016 u, it-tieni nett, bejn ir-remunerazzjoni netta tagħha (salarju bażiku u allowances) u l-pensjoni tagħha, mill-1 ta’ April 2016. Għal dawn il-kalkoli, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-preġudizzju għall-progressjoni fil-karriera tar-rikorrenti, li tinvolvi mhux biss skali ġodda, iżda wkoll opportunità ta’ promozzjoni qabel l-età tal-irtirar stabbilita ta’ 65 sena. Fl-aħħar nett, għandhom jiġu applikati l-interessi moratorji fuq dawn l-ammonti skont ir-rata tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) miżjuda b’2 punti. Ir-rikorrenti tevalwa d-dannu fl-ammont ta’ EUR 121 101.72, u dan l-ammont ma jiħux inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-interessi moratorji, il-kisba ta’ żewġ skali ġodda fl-1 ta’ April 2018 u l-1 ta’ April 2020 u l-progressjoni fil-karriera permezz ta’ promozzjoni. |
|
164 |
Fir-rigward tad-dannu materjali, ir-rikorrenti tinvoka wkoll diffikultajiet finanzjarji kkawżati miż-żewġ deċiżjonijiet imsemmija iktar ’il fuq. [kunfidenzjali] Ir-rikorrenti tevalwa d-dannu materjali li jirriżulta minn dawn l-elementi għal EUR 30000, suġġett għal żieda. |
|
165 |
[kunfidenzjali] |
|
166 |
[kunfidenzjali] |
|
167 |
[kunfidenzjali] |
|
168 |
[kunfidenzjali] |
|
169 |
Ir-rikorrenti titlob li d-dannu morali subit ma jistax jiġi kkumpensat b’sempliċi sentenza ta’ annullament u tevalwa l-kumpens għal dan id-dannu għal EUR 70000ex aequo et bono. |
|
170 |
Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni jitlob, prinċipalment, iċ-ċaħda tat-talba għad-danni u, sussidjarjament, isostni li l-ammonti mitluba mir-rikorrenti għad-danni allegati jidhru eżaġerati u għandhom jitnaqqsu għal proporzjon iktar ġusta. |
|
171 |
Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, fil-kuntest ta’ talba għad-danni magħmula minn uffiċjal jew membru tal-persunal, l-involviment tar-responsabbiltà tal-istituzzjoni jippreżumi li jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet kollha dwar l-illegalità tal-aġir li bih hija qiegħda tiġi kkritikata, il-fatt li d-dannu effettivament seħħ u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir u d-dannu invokat (ara s-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2012, Il-Kummissjoni vs NanopoulosT‑308/10 P, EU:T:2012:370, punt 102 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
172 |
Ir-rikorrenti invokat f’dan il-każ l-eżistenza ta’ dannu materjali u ta’ dannu morali. |
1. Fuq id-dannu materjali
|
173 |
Id-dannu materjali invokat mir-rikorrenti għandu żewġ komponenti: it-telf ta’ dħul li jirriżulta mill-għoti ta’ leave fl-interess tas-servizz u l-konsegwenzi finanzjarji li jirriżultaw min-nuqqas ta’ kapaċità tagħha li tħallas id-djun li inkorriet. |
|
174 |
Fir-rigward tal-ewwel komponent, ir-rikorrenti ssostni li “l-konvenut għandu jislet il-konsegwenzi kollha tal-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati”. Hija tispeċifika sussegwentement dawn il-konsegwenzi. |
|
175 |
Minn dan isegwi li l-kumpens għad-dannu materjali li r-rikorrenti titlob jikkoinċidi mal-obbligi imposti fuq il-Kunsill skont l-Artikolu 266 TFUE li jirriżultaw mill-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. |
|
176 |
F’dan ir-rigward, jitfakkar li, skont l-Artikolu 266 TFUE, l-istituzzjoni li tkun ħarġet att li ġie annullat minn qorti tal-Unjoni għandha tieħu l-miżuri meħtieġa għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ annullament sabiex tikkumpensa l-konsegwenzi tal-illegalità li hija wettqet. Għalhekk, bħala prinċipju, l-amministrazzjoni għandha tqiegħed lill-uffiċjal ikkonċernat preċiżament fis-sitwazzjoni li kieku kien ikun fiha llum fl-assenza tal-illegalità kkonstatata. Għal dan il-għan, sabiex jiġu rrimedjati ratione temporis il-konsegwenzi li seta’ kellha l-imsemmija illegalità, u bil-kundizzjoni li l-aspettattivi leġittimi tal-persuni kkonċernati jkunu debitament osservati, l-amministrazzjoni tista’ tadotta att ta’ natura retroattiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2011, AA vs Il-Kummissjoni, F‑101/09, EU:F:2011:133, punt 41). |
|
177 |
Għaldaqstant, sa fejn il-kumpens tal-ewwel komponent għad-dannu materjali li r-rikorrenti titlob jikkoinċidi mal-obbligi imposti fuq il-Kunsill li jirriżultaw mill-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi kkonstatat li t-talba tar-rikorrenti hija prematura u għaldaqstant ma tistax tintlaqa’ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Novembru 2017, Teeäär vs Il-BĊE, T‑555/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:817, punt 59). |
|
178 |
F’dak li jirrigwarda t-tieni komponent, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma wrietx li d-dannu finanzjarju tagħha huwa reali u ċert. [kunfidenzjali] Issa, dawn l-elementi ma jistabbilixxux l-eżistenza ta’ dannu ċert, iżda dik ta’ dannu ipotetiku. |
|
179 |
Min-naħa l-oħra, għandu jiġi osservat li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dannu għandu, sabiex ikun jista’ jiġi kkumpensat, jirriżulta b’mod suffiċjentement dirett mill-aġir ikkritikat (sentenzi tal-4 ta’ Ottubru 1979, Dumortier et vs Il-Kunsill, 64/76, 113/76, 167/78, 239/78, 27/79, 28/79 u 45/79, EU:C:1979:223, punt 21; tal-25 ta’ Ġunju 1997, Perillo vs Il-Kummissjoni, T‑7/96, EU:T:1997:94, punt 41, u tas-27 ta’ Ġunju 2000, Meyer vs Il-Kummissjoni, T‑72/99, EU:T:2000:170, punt 49). Huwa l-applikant li għandu jagħti prova tar-rabta kawżali (sentenzi tas-18 ta’ Settembru 1995, Blackspur et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T‑168/94, EU:T:1995:170, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-14 ta’ Ottubru 2004, I vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑256/02, EU:T:2004:306, punt 49). Issa, f’dan il-każ, ir-rikorrenti ma stabbilixxietx l-eżistenza ta’ rabta suffiċjentement diretta bejn it-tnaqqis tad-dħul tagħha li jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata u l-inkapaċità tagħha li tħallas id-djun li hija inkorriet. Din l-inkapaċità tista’ tkun ir-riżultat ta’ diversi fatturi barra mill-isfera ta’ influwenza tal-Kunsill u, b’mod partikolari, tal-ġestjoni finanzjarja tar-rikorrenti li l-Kunsill ma jistax jinżamm responsabbli għaliha. |
|
180 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, it-talba tar-rikorrenti intiża għall-kumpens ta’ dannu materjali għandha tiġi miċħuda. |
2. Fuq id-dannu morali
|
181 |
Il-qorti tal-Unjoni ppreċiżat li l-annullament ta’ att ivvizzjat b’illegalità jista’ fih innifsu jikkostitwixxi l-kumpens xieraq u, bħala prinċipju, suffiċjenti għal kull dannu morali li dan l-att seta’ kkawża, sakemm ir-rikorrent ma jurix li sofra dannu morali li huwa distint mill-illegalità li fuqha huwa bbażat l-annullament u li ma jistax jiġi kkumpensat għal kollox b’dan l-annullament (ara s-sentenza tal-31 ta’ Marzu 2004, Girardot vs Il-Kummissjoni, T‑10/02, EU:T:2004:94, punt 131, u l-ġurisprudenza msemmija). |
|
182 |
F’dan il-każ, l-elementi ppreżentati fil-punti 166 u 167 iktar ’il fuq u li allegatament jikkawżaw dannu morali huma marbuta mal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tqis li, f’dan il-każ, l-annullament ta’ din id-deċiżjoni jikkostitwixxi kumpens xieraq għall-allegat dannu morali li jirriżulta minn dawn l-elementi. |
|
183 |
F’dak li jirrigwarda d-dannu morali ppreżentat fil-punt 165 iktar ’il fuq, dan ma juri l-ebda rabta mad-deċiżjoni kkontestata [kunfidenzjali]. |
|
184 |
F’dak li jirrigwarda d-dannu morali ppreżentat fil-punt 168 iktar ’il fuq, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma tistabbilixxix l-eżistenza ta’ rabta suffiċjentement diretta bejn it-tnaqqis tad-dħul tagħha li jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata u [kunfidenzjali]. |
|
185 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, it-talba tar-rikorrenti intiża għall-kumpens ta’ dannu morali għandha wkoll tiġi miċħuda. Għaldaqstant, it-talba tagħha għad-danni għandha tiġi miċħuda kollha kemm hi. |
IV. Fuq l-ispejjeż
|
186 |
Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. |
|
187 |
Peress li l-Kunsill tilef, hemm lok li huwa jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż, skont it-talbiet tar-rikorrenti. |
|
188 |
Il-Parlament u l-Kummissjoni għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess, skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura. |
|
Għal dawn il-motivi, IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
|
Prek Buttigieg Schalin Berke Costeira Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-14 ta’ Diċembru 2018. Firem |
Werrej
|
I. Il-fatti li wasslu għall-kawża |
|
|
II. Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet |
|
|
III. Fid-dritt |
|
|
A. Fuq is-suġġett tar-rikors |
|
|
B. Fuq it-talba għal annullament |
|
|
1. Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-illegalità tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal |
|
|
a) Osservazzjonijiet preliminari |
|
|
b) Fuq l-eżistenza ta’ differenza ta’ trattament ibbażata fuq l-età |
|
|
c) Dwar l-osservanza tal-kriterji msemmija fl-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali |
|
|
1) Fuq il-kwistjoni jekk id-differenza ta’ trattament ibbażata fuq l-età, stabbilita mill-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, tissodisfax għan ta’ interess ġenerali rrikonoxxut mill-Unjoni |
|
|
2) Fuq il-proporzjonalità |
|
|
2. Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal u s-CP 71/15 kif ukoll ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni |
|
|
a) Fuq id-determinazzjoni tal-kuntest ġuridiku applikabbli f’dan il-każ |
|
|
b) Dwar l-evalwazzjoni, f’dan il-każ, tal-ħtiġijiet organizzattivi futuri |
|
|
C. Fuq it-talba għal kumpens |
|
|
1. Fuq id-dannu materjali |
|
|
2. Fuq id-dannu morali |
|
|
IV. Fuq l-ispejjeż |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.
( 1 ) L-istil ta’ (1), (3), (7), (12) ġie mmodifikat.
( 2 ) Data kunfidenzjali moħbija.