Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
BIONDI
ippreżentati fit‑18 ta’ Diċembru 2025 (1)
Kawża C‑545/24
Utiledulci – Comércio Internacional e Serviços, Sociedade Unipessoal, Lda. – Zona Franca da Madeira
vs
Autoridade Tributária e Assuntos Fiscais da Região Autónoma da Madeira
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Administrativo e Fiscal do Funchal (il-Qorti Amministrattiva u Fiskali ta’ Funchal, Madeira, il-Portugall))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Skema ta’ għajnuna mill-Portugall favur iż-Żona Ħielsa ta’ Madeira – Skema III – Tnaqqis tat-taxxa fuq id-dħul applikabbli għal entitajiet legali – Irkupru immedjat u effettiv – Ċaħda li tiġi mogħtija s-sospensjoni tal-proċedura tal-eżekuzzjoni fiskali”
I. Introduzzjoni
1. Permezz ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, it-Tribunal Administrativo e Fiscal do Funchal (il-Qorti Amministrattiva u Fiskali ta’ Funchal, il-Portugall) jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja domanda dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 16(3) tar-Regolament 2015/1589 (2) u dwar il-portata tal-obbligu li għandhom l-Istati Membri li jirkupraw b’mod “immedjat u effettiv” għajnuna mill-Istat illegali u inkompatibbli mas-suq intern wara deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea adottata skont il-paragrafu 1 ta’ din id-dispożizzjoni. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, b’mod partikolari, jekk il-garanziji proċedurali previsti mid-dritt Portugiż favur il-kontribwent, li jippermettu, taħt ċerti kundizzjonijiet, li tiġi sospiża l-proċedura tal-eżekuzzjoni fiskali, għandhomx jitwarrbu, jekk ikun il-każ, sabiex tiġi żgurata l-eżekuzzjoni tal-imsemmi obbligu (3).
2. Din id-domanda saret fil-kuntest ta’ tilwima bejn l-Autoridade Tributária e Assuntos Fiscais da Região Autónoma da Madeira (l-Awtorità tat-Taxxa u tal-Affarijiet Fiskali tar-Reġjun Awtonomu ta’ Madeira, iktar ’il quddiem l-“Awtorità tat-Taxxa”) u l-kumpannija Utiledulci – Comércio Internacional e Serviços, Sociedade Unipessoal, Lda. – Zona Franca da Madeira (iktar ’il quddiem “Utiledulci”), li tnisslet fil-kuntest ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni fiskali mibdija kontra din il-kumpannija u intiża għall-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat illegali.
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Id‑dritt tal‑Unjoni
3. Il-premessa 25 tar-Regolament (UE) 2015/1589 tipprevedi li:
“F’każijiet ta’ għajnuna kontra l-liġi li ma tkunx kompatibbli mas-suq intern, għandha terġa’ tiġi stabbilita sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni effettiva. Għal dan il-għan huwa meħtieġ li l-għajnuna, li tinkludi l-imgħax, għandha tiġi rkuprata mingħajr dewmien. Huwa xieraq li tiġi rkuprata f’konformità mal-proċeduri tal-liġi nazzjonali. L-applikazzjoni ta’ dawk il-proċeduri m’għandhiex, billi tipprevjeni l-esekuzzjoni immedjata u effettiva tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, timpedixxi li terġa’ tiġi stabbilita sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni effettiva. Biex jinkiseb dan ir-riżultat, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jassiguraw li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tkun effettiva.”
4. L-Artikolu 16(1) u (3) ta’ dan ir-regolament, intitolat “Rkupru ta’ għajnuna”, jipprovdi dan li ġej:
“1. Fejn jittieħdu deċiżjonijiet negattivi f’każijiet ta’ għajnuna kontra l-liġi, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jirkupra l-għajnuna mill-benefiċjarju (‘deċiżjoni għall-rkupru’). Il-Kummissjoni m’għandhiex teħtieġ li jsir irkupru tal-għajnuna jekk dan imur kontra xi prinċipju ġenerali tal-liġi tal-Unjoni.
3. Mingħajr preġudizzju għall-ebda ordni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni skont l-Artikolu 278 tat-TFUE, irkupru għandu jsir mingħajr dewmien u f’konformità mal-proċeduri tal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat, sakemm jippermettu li l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni ssir b’mod immedjat u effettiv. Għal dan il-għan u fl-eventwalità ta’ proċedura quddiem il-qrati nazzjonali, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa li huma disponibbli fis-sistemi legali rispettivi tagħhom, li jinkludu miżuri provviżorji, mingħajr preġudizzju għal-liġi tal-Unjoni.”
B. Id-dritt Portugiż
5. L-Artikolu 52 tal-lei Geral Tributaria (il-Liġi Ġenerali dwar it-Taxxa), approvata mid-Decreto-Lei 398/98 (id-Digriet-Liġi 398/98) tas‑17 ta’ Diċembru 1998 (4), jistabbilixxi dan li ġej:
“1 L-irkupru tal-obbligazzjoni tat-taxxa huwa sospiż fil-proċedura tal-eżekuzzjoni fiskali fil-każ ta’ pagamenti bin-nifs jew ta’ lmenti, rikorsi, kontestazzjonijiet u oppożizzjonijiet għall-eżekuzzjoni li għandhom bħala suġġett l-illegalità jew in-nuqqas ta’ infurzabbiltà tal-obbligazzjoni tat-taxxa li huwa s-suġġett tal-eżekuzzjoni, kif ukoll matul il-proċedura ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim fis-sens tal-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni Tat-Taxxa Doppja inkonnessjoni mal-Aġġustament tal-Qligħ ta' Intrapriżi Assoċjati (5).
2 Is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni skont il-paragrafu preċedenti hija suġġetta għall-kostituzzjoni ta’ garanzija adegwata skont il-liġijiet dwar it-taxxa.
[...]
4 L-Amministrazzjoni tat-Taxxa tista’, fuq talba tad-debitur, teżentah milli jipprovdi garanzija fil-każijiet fejn il-kostituzzjoni tal-garanzija tikkawżalu dannu irreparabbli jew fil-każ ta’ nuqqas manifest ta’ mezzi finanzjarji, murija mill-insuffiċjenza ta’ beni li jistgħu jiġu ssekwestrati għall-finijiet tal-ħlas tad-dejn li huwa s-suġġett tal-eżekuzzjoni u taż-żidiet tiegħu, bil-kundizzjoni li ma jkunx hemm indizji serji li l-insuffiċjenza jew l-ineżistenza ta’ beni tkun dovuta għal aġir intenzjonali min-naħa tal-persuna kkonċernata.
[...].”
6. Il-Codigo de Procedimento e de Processo Tributario (il-Kodiċi ta’ Proċedura u ta’ Proċedimenti Kontenzjużi Fiskali) (6) jirregola, b’mod speċifiku, il-każijiet ta’ sospensjoni tal-proċedura tal-eżekuzzjoni fiskali (7). L-Artikolu 199 ta’ dan il-kodiċi jipprevedi b’mod partikolari li l-garanzija li għandha tiġi pprovduta għall-iskop li tinkiseb is-sospensjoni tal-proċedura tal-eżekuzzjoni fiskali tista’ tikkonsisti, b’mod partikolari, minn garanzija bankarja, garanzija, assigurazzjoni ta’ garanzija tal-eżekuzzjoni jew kwalunkwe mezz kapaċi li jiżgura l-krediti tal-kreditur.
III. Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
7. It-tilwima prinċipali tista’ titqassar kif ġej.
8. Fl‑4 ta’ Diċembru 2020, il-Kummissjoni Ewropea adottat id-Deċiżjoni 2022/1414 (8) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni tal‑2020”), li permezz tagħha, fil-qafas tar-rieżami kontinwu tal-iskemi ta’ għajnuna eżistenti skont l-Artikolu 108(1) TFUE, iddikjarat l-iskema ta’ għajnuna favur iż-Żona Ħielsa ta’ Madeira (iktar ’il quddiem l-“iskema ZFM III”) bħala inkompatibbli mas-suq intern sa fejn kienet ġiet implimentata mill-Portugall bi ksur tad-deċiżjonijiet ta’ approvazzjoni tal-Kummissjoni tal‑2007 u tal‑2013 (9). L-għajnuna inkwistjoni kienet tikkonsisti fi tnaqqis fir-rata tat-taxxa fuq id-dħul applikabbli għall-kumpanniji benefiċjarji. L-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni tal‑2020 kien jippreċiża li l-irkupru tal-għajnuna inkompatibbli mogħtija fil-kuntest ta’ din l-iskema kien “immedjat u effettiv”, u li l-Portugall kien obbligat jeżegwixxi din id-deċiżjoni “fi żmien tmien xhur wara d-data ta’ notifika ta’ din id-Deċiżjoni”. Dan it-terminu skada fil‑5 ta’ Awwissu 2021. Ir-rikorsi għall-annullament ippreżentati mill-Portugall u r-Reġjun Awtonomu ta’ Madeira kontra d-Deċiżjoni tal‑2020 ġew miċħuda mill-Qorti Ġenerali (10) u s-sentenzi relattivi ġew ikkonfermati f’appell mill-Qorti tal-Ġustizzja (11).
9. Fuq il-bażi tad-Deċiżjoni tal‑2020, l-Awtorità tat-Taxxa bdiet, fl‑2023, proċedura ta’ eżekuzzjoni fiskali kontra Utiledulci, sabiex tirkupra l-għajnuna mogħtija lil dik il-kumpannija taħt l-iskema msemmija (12). Mill-fajl mibgħut mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li Utiledulci kkontestat, bi lment, l-att li bih inbdiet din il-proċedura, peress li ma kien hemm l-ebda dispożizzjoni fid-dritt Portugiż li tipprevedi għall-possibbiltà li tintalab is-sospensjoni tagħha. Dan l-ilment ġie miċħud mill-Awtorità tat-Taxxa, li sostniet li, skont l-obbligi li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, u billi ħadet inkunsiderazzjoni l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat illegali u inkompatibbli (13), hija kienet obbligata li twarrab dawn id-dispożizzjonijiet wara l-iskadenza tat-terminu ta’ tmien xhur previst mid-Deċiżjoni tal‑2020. Utiledulci għalhekk adixxiet il-qorti tar-rinviju.
10. Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li t-Tribunal Administrativo e Fiscal do Funchal (il-Qorti Amministrattiva u Fiskali ta’ Funchal, Madeira, il-Portugall) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja:
“L-espressjoni ‘irkupru [...] immedjat u effettiv’ fl-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni [tal‑2020] u l-espressjoni l-‘irkupru għandu jsir mingħajr dewmien u f’konformità mal-proċeduri tal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat, sakemm jippermettu li l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni ssir b’mod immedjat u effettiv’ fl-Artikolu 16(3) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 għandhom jiġu interpretati fis-sens li għandhom jitwarrbu r-regoli tad-dritt Portugiż dwar il-garanziji proċedurali previsti fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni fiskali, b’mod speċifiku dawk relatati mas-sospensjoni tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni fiskali, jew, għall-kuntrarju, l-Autoridade Tributária e Assuntos Fiscais da Região Autónoma da Madeira [l-Awtorità tat-Taxxa u tal-Affarijiet Fiskali tar-Reġjun Awtonomu ta’ Madeira] għandha tkompli tkun marbuta tosserva l-garanziji proċedurali kollha previsti mid-dritt fiskali Portugiż, indipendentement minn jekk ikunx inkwistjoni l-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat iddikjarata illegali mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni?”
11. Utiledulci, l-Awtorità tat-Taxxa, il-Gvern Belġjan u dak Spanjol kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom u nstemgħu fis-seduta tal‑1 ta’ Ottubru 2025.
IV. Analiżi
12. Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk id-dispożizzjonijiet tad-dritt intern li jagħtu lill-kontribwent ċerti garanziji proċedurali, li jippermettu, taħt ċerti kundizzjonijiet, is-sospensjoni tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni fiskali, għandhomx jitwarrbu meta, fl-assenza ta’ proċedura ad hoc prevista mid-dritt nazzjonali, din il-proċedura tkun infetħet sabiex tiġi rkuprata għajnuna mill-Istat illegali u inkompatibbli mas-suq intern u t-terminu previst fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tordna l-irkupru tagħha jkun skada.
13. Id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali inkwistjoni jipprevedu l-possibbiltà li tintalab u tinkiseb tali sospensjoni fil-każ ta’ kontestazzjoni tad-dejn jew ta’ oppożizzjoni għall-atti ta’ eżekuzzjoni u fil-każ ta’ ħlas bin-nifs, bil-kundizzjoni li tiġi pprovduta garanzija xierqa jew kwalunkwe mezz ieħor kapaċi li jiżgura l-kreditu fiskali jew anki fl-assenza ta’ tali garanzija, meta l-kontribwent juri li ma huwiex f’pożizzjoni li jipprovdiha. Mill-osservazzjonijiet bil-miktub tal-partijiet fil-kawża prinċipali jirriżulta li s-Supremo Tribunal Administrativo (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Portugall) iddeċidiet diversi drabi fil-kuntest ta’ tilwimiet li rriżultaw mir-rifjut tal-awtorità fiskali li tipproċedi għas-sospensjoni b’applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, billi annullat id-deċiżjoni ta’ rifjut u billi eskludiet is-setgħa ta’ din l-awtorità li tadatta s-sistema legali tal-eżekuzzjoni fiskali billi twarrab il-garanziji proċedurali previsti minnha (14).
14. Sabiex tiġi eżaminata din id-domanda, għandha, qabel kollox, titfakkar il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-portata tal-obbligu li għandhom l-Istati Membri skont l-Artikolu 16 tar-Regolament 2015/1589 li jirkupraw l-għajnuna li hija s-suġġett ta’ deċiżjonijiet negattivi. Din il-ġurisprudenza tenfasizza n-neċessità li tiġi żgurata l-effettività u l-ħeffa tal-irkupru, konformement mal-għanijiet imfittxija minnu.
15. Il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat li t-tneħħija tal-għajnuna meqjusa mill-Kummissjoni bħala inkompatibbli mas-suq intern, prevista mill-Artikolu 108(2) TFUE, għandha l-għan li terġa’ ġġib is-sitwazzjoni kif kienet qabel il-ħlas tagħha (15). Tali restawr, li huwa neċessarju sabiex tiġi ppreservata l-effettività tad-dispożizzjonijiet tat-Trattati dwar l-għajnuna mill-Istat (16), jinkiseb meta l-għajnuna, flimkien mal-interessi moratorji, titħallas lura mill-benefiċjarju (17) u dan tal-aħħar jiġi mċaħħad mill-vantaġġ li kien igawdi fis-suq meta mqabbel mal-kompetituri tiegħu (18). Għalhekk, l-irkupru ta’ għajnuna illegali ma jikkostitwixxix sanzjoni (19), u lanqas ma għandu l-għan li jippermetti l-ħlas ta’ kreditu dovut lill-korp li jagħti l-għajnuna, iżda huwa l-konsegwenza loġika tal-aċċertament tal-illegalità tagħha (20) u jirrispondi għall-ħtieġa li tiġi eliminata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni kkawżata mill-vantaġġ mogħti indebitament lill-benefiċjarju tagħha (21). F’konformità ma’ dawn l-objettivi, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li l-Istat Membru kkonċernat irid jikseb irkupru effettiv tas-somom dovuti (22).
16. Fir-rigward tar-ratione temporis, il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat li l-Istat Membru kkonċernat irid jipproċedi bl-irkupru minnufih, jiġifieri fit-termini stabbiliti mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni jew fit-termini mogħtija sussegwentement minnha (23), u li l-irkupru tard, wara t-termini stabbiliti, ma jissodisfax ir-rekwiżiti tat-Trattat (24). Hija ċċarat ukoll li t-teħid ta’ azzjoni biex tiġi rkuprata għajnuna illegali, inkluż il-bidu tal-proċedura rilevanti, mingħajr madankollu ma jinkiseb ir-rimbors effettiv tagħha fit-terminu stabbilit mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, ma huwiex biżżejjed (25). Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat li, jekk l-Istat Membru jiltaqa’ ma’ diffikultajiet li jipprevjenu l-irkupru, jista’ jitlob lill-Kummissjoni għal estensjoni tat-terminu, filwaqt li jiġġustifika r-raġunijiet għal din it-talba (26).
17. Fil-qosor, mill-ġurisprudenza esposta fil-punti 15 u 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jirriżulta li l-obbligu impost fuq l-Istat Membru destinatarju ta’ deċiżjoni ta’ rkupru skont l-Artikolu 16(1) tar-Regolament 2015/1589 li jieħu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jirkupra l-għajnuna mingħand il-benefiċjarju tagħha jikkostitwixxi obbligu ta’ riżultat (27), li għandu jintlaħaq fit-termini stabbiliti mill-Kummissjoni.
18. Fir-rigward tal-għajnuna mogħtija illegalment fil-kuntest tal-iskema ZFM III, id-Deċiżjoni tal‑2020 stabbilixxiet terminu ta’ tmien xhur min-notifika tagħha. Huwa għalhekk f’dan it-terminu li, fid-dawl tal-Artikolu 16(3) tar-Regolament 2015/1589 u tal-ġurisprudenza mfakkra hawn, l-irkupru tal-imsemmija għajnuna kellu jseħħ. Fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq, madankollu, l-interpretazzjoni proposta mill-Gvern Belġjan fl-osservazzjonijiet tiegħu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li skontu dan it-terminu għandu jinftiehem bħala li jirreferi biss għall-bidu ta’ proċedimenti mmirati lejn l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni, ma hijiex konvinċenti (28). Tali interpretazzjoni, li ttawwal il-vantaġġ kompetittiv indebitu li jgawdu l-benefiċjarji tal-għajnuna msemmija, tkun kuntrarja għall-iskop tal-obbligu ta’ rkupru impost fuq il-Portugall u timmina b’mod ċar it-termini u l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni tal‑2020 (29).
19. Fir-rigward tal-modalitajiet tal-irkupru, skont l-Artikolu 16(3) tar-Regolament 2015/1589, l-irkupru għandu jsir skont il-proċeduri previsti mil-liġi tal-Istat Membru kkonċernat. Fin-nuqqas ta’ regoli stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni f’dan il-qasam, dan tal-aħħar jirrikonoxxi lill-Istati Membri l-libertà li jagħżlu l-mezzi li permezz tagħhom huma ser jeżegwixxu l-obbligu ta’ rkupru (30), li għandu jsir b’osservanza tal-karatteristiċi speċifiċi tal-proċeduri differenti implimentati għal dan l-għan (31).
20. Madankollu, l-applikazzjoni tal-proċeduri nazzjonali hija suġġetta għall-kundizzjoni li dawn ikunu jippermettu l-eżekuzzjoni immedjata u effettiva tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (32), liema kundizzjoni, kif iċċarat mill-Qorti tal-Ġustizzja, “tirrifletti l-eżiġenzi tal-prinċipju ta’ effettività” (33). Għalhekk, il-libertà li wieħed jagħżel il-mezzi li bihom jikseb l-irkupru ma tistax tinftiehem bħala assoluta. Il-miżuri magħżula ma jistgħux ikunu f’kunflitt mal-kamp ta’ applikazzjoni u l-effettività tad-dritt tal-Unjoni (34) u ma jistgħux jagħmlu l-irkupru impost minn dak id-dritt kważi impossibbli (35). Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità li tiċċara, f’dan ir-rigward, li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li ma jippermettux l-eżekuzzjoni immedjata u effettiva tad-deċiżjoni ta’ rkupru, fil-prinċipju, għandhom jitwarrbu (36). Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat li n-nuqqas ta’ regola speċifika fil-liġi nazzjonali li tirregola l-irkupru “ma jistax jipprevjeni l-applikazzjoni sħiħa tad-dritt [tal-Unjoni] u għalhekk ma jistax ikollu effett fuq l-obbligu li wieħed jipproċedi għall-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni” (37) [traduzzjoni mhux uffiċjali].
21. Minn dan isegwi li, fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, l-awtonomija proċedurali rikonoxxuta lill-Istati Membri fil-qasam tal-irkupru hija strettament irregolata mir-rekwiżit li tiġi żgurata l-effettività tal-azzjoni tal-awtoritajiet amministrattivi inkarigati minnha. Dan jimplika limitazzjoni tad-diskrezzjoni ta’ dawn l-awtoritajiet mhux biss fir-rigward tal-irkupru (38), iżda wkoll fir-rigward tal-mezzi biex dan jiġi implimentat (39). Dawn l-awtoritajiet, bħall-qrati nazzjonali, huma meħtieġa jaslu għal soluzzjoni li tkun konsistenti mal-għan imfittex mid-deċiżjoni ta’ rkupru (40), jiġifieri li jiġi evitat li l-funzjonament tas-suq jiġi distort minn għajnuna mill-Istat li hija ta’ preġudizzju għall-kompetizzjoni. L-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali għandha fi kwalunkwe każ tirrispetta d-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari d-dritt għal proċess ġust, inklużi d-drittijiet tad-difiża (41).
22. Huwa fuq il-bażi ta’ dawn il-prinċipji li għandha tingħata risposta għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju.
23. Preliminarjament, ninnota li d-dritt Portugiż ma jipprevedi ebda proċedura ad hoc għall-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat illegali.
24. Fit-tilwima li wasslet għall-kawża prinċipali, l-Awtorità tat-Taxxa bdiet proċedura ta’ eżekuzzjoni fiskali kontra Utiledulci. Id-dispożizzjonijiet li jirregolaw din il-proċedura jipprevedu, kif rajna, il-possibbiltà għall-kontribwent li jikseb is-sospensjoni tagħha fil-każ ta’ lment, ta’ appell ġudizzjarju jew ta’ pagament parzjali wara li tingħata “garanzija xierqa”. Dawn id-dispożizzjonijiet huma differenti minn dawk tad-dritt Franċiż inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2006, IlKummissjoni vs Franza (42), iċċitata fl-osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li kienu jipprevedu sospensjoni awtomatika tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni fil-każ ta’ rikors kontra l-ordnijiet għall-ġbir maħruġa mill-awtoritajiet nazzjonali. Madankollu, kif irriżulta waqt is-seduta, l-Awtorità tat-Taxxa ma għandha l-ebda marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tas-sospensjoni tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni meta l-kundizzjoni dwar l-għoti ta’ garanzija xierqa tkun sodisfatta, u lanqas fir-rigward tal-eżenzjoni minn din il-garanzija meta d-debitur juri li l-kostituzzjoni tagħha tista’ tikkawżalu dannu irreparabbli jew fl-assenza manifesta ta’ mezzi ekonomiċi. Is-sospensjoni tirriżulta għalhekk direttament mid-dispożizzjonijiet tad-dritt Portugiż li jirregolaw il-proċedura ta’ eżekuzzjoni fiskali u hija garanzija proċedurali li għaliha kull kontribwent għandu aċċess jekk huwa jitlob dan u jissodisfa l-kundizzjonijiet tagħha. Anki s-sistema Portugiża, bħas-sistema Franċiża fil-kawża ċċitata iktar ’il fuq, hija għalhekk ikkaratterizzata wkoll minn elementi ta’ sistematiċità u awtomatiċità.
25. Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja invokata fil-punt 15 ta’ dawn il-konklużjonijiet, sabiex jiġi evalwat jekk din l-iskema hijiex kompatibbli mal-eżekuzzjoni tal-obbligu ta’ rkupru impost mid-Deċiżjoni tal‑2020, għandu jiġi mistoqsi jekk din tikkompromettix it-twettiq tal-għan imfittex mill-impożizzjoni ta’ dan l-obbligu – li jikkonsisti fir-restawr immedjat tas-sitwazzjoni preċedenti għall-għoti tal-għajnuna inkwistjoni – billi tippermetti li jiġi estiż il-vantaġġ kompetittiv indebitu għall-benefiċjarji tagħha.
26. Jidhirli li tali kompromess huwa inevitabbli fil-każ fejn is-sospensjoni sseħħ b’garanzija jew depożitu min-naħa ta’ terz jew fil-każ tal-kostituzzjoni ta’ ipoteka, kif tipprevedi l-leġiżlazzjoni Portugiża, peress li dawn huma strumenti li ma għandhomx bħala riżultat li jiddevjaw l-għajnuna mill-patrimonju tal-benefiċjarju, billi jċaħħduh mill-vantaġġ marbut magħha. Għall-kuntrarju ta’ dak li sostna fis-seduta r-rappreżentant tal-Gvern Belġjan (43), jidhirli li dan ir-riżultat huwa assenti anki fil-każ tal-kostituzzjoni ta’ garanzija bankarja (44), peress li l-konsegwenzi tal-kontabbiltà u l-ispejjeż ikkawżati minn din il-kostituzzjoni ma humiex, fil-fehma tiegħi, komparabbli, f’dak li għandu x’jaqsam mal-effetti fuq is-sitwazzjoni ekonomika tal-benefiċjarju, ma’ rimbors tal-għajnuna (45). Min-naħa l-oħra, l-għan espliċitu ta’ dawn l-istrumenti kollha huwa li jiġi żgurat il-kreditu tal-kreditur għall-perijodu li matulu l-proċedura ta’ eżekuzzjoni tkun sospiża u huwa fundamentalment differenti minn dak segwit mill-irkupru ta’ għajnuna illegali. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk, sa fejn jissuġġettaw is-sospensjoni tal-proċedura ta’ rkupru għall-kostituzzjoni ta’ garanzija, b’mod partikolari garanzija bankarja, id-dispożizzjonijiet inkwistjoni jipprevjenux iktar dewmien fl-irkupru effettiv tal-għajnuna inkwistjoni, u b’hekk il-benefiċjarju jiġi mċaħħad mill-vantaġġ kompetittiv marbut ma’ din l-għajnuna.
27. Fir-rigward tal-possibbiltà li d-debitur jiġi eżentat mill-kostituzzjoni ta’ garanzija, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, is-sitwazzjoni ekonomika tal-benefiċjarju ma għandha ebda effett fuq l-obbligu ta’ rkupru. L-Istat Membru kkonċernat huwa obbligat, skont il-każ, li jikkawża l-istralċ tal-impriża benefiċjarja, li jirreġistra l-kreditu tiegħu fl-iskeda tal-krediti tagħha jew li jieħu kull miżura oħra li tippermetti r-rimbors tal-għajnuna, inkluż il-waqfien definittiv tal-attività tal-impriża, meta tali rkupru jibqa’ impossibbli matul il-proċedura ta’ falliment (46). Għaldaqstant, kunsiderazzjonijiet dwar id-dannu ekonomiku li jirriżulta mir-rimbors tal-għajnuna ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ġġustifikat id-dewmien tal-proċedura ta’ rkupru.
28. Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-ipoteżi ta’ sospensjoni tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni fiskali fil-każ ta’ ħlas bin-nifs tas-somom dovuti, ninnota li, kif tindika l-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni dwar l-Irkupru (47), tali modalità ta’ ħlas, meta tkun awtorizzata lil hinn mit-terminu ta’ rkupru, hija irrikonċiljabbli mar-rekwiżit li dan tal-aħħar jitwettaq fi żmien xieraq, u dan indipendentement mill-fatt li tiġi mogħtija garanzija.
29. Filwaqt li tibbaża ruħha fuq is-sentenzi tas-Supremo Tribunal Administrativo (il-Qorti Amministrattiva Suprema) imsemmija fil-punt 13 ta’ dawn il-konklużjonijiet, Utiledulci ssostni li l-garanziji proċedurali inkwistjoni għandhom jiġu applikati għaliha, peress li, fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet ad hoc fid-dritt Portugiż, is-sistema legali ta’ eżekuzzjoni fiskali ma tistax tiġi “stabbilita” mill-Awtorità tat-Taxxa sabiex tadattaha għar-rekwiżiti tal-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat illegali, b’mod partikolari meta dan isir fuq il-bażi ta’ komunikazzjoni tal-Kummissjoni, nieqsa minn valur vinkolanti.
30. F’dan ir-rigward, infakkar li l-obbligu għall-Istati Membri li jissopprimu l-għajnuna illegali huwa previst fl-Artikolu 108(2) TFUE, u dak li jiżguraw l-irkupru immedjat u effettiv ta’ din l-għajnuna mingħand il-benefiċjarju huwa previst mir-Regolament 2015/1589, u mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara l-inkompatibbiltà tagħha. Fir-rigward tal-Komunikazzjoni dwar l-Irkupru, għalkemm huwa minnu li din ma torbotx lill-qrati nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu ppreċiżat li dawn għandhom jeħduha inkunsiderazzjoni bħala element ta’ evalwazzjoni fil-kuntest tat-tilwima mressqa quddiemhom, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali (48). L-istess japplika għall-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-irkupru.
31. Kemm dawn l-awtoritajiet kif ukoll il-qorti nazzjonali huma obbligati jiżguraw l-effettività sħiħa tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jordnaw l-irkupru ta’ għajnuna illegali (49), indipendentement mill-proċedura użata sabiex dawn jiġu implimentati. L-għażla ta’ Stat Membru li ma jistabbilixxix leġiżlazzjoni speċifika għall-irkupru tal-għajnuna illegali, fl-eżerċizzju tal-awtonomija proċedurali li minnha jgawdi, ma għandhiex, kif rajna, tipprekludi t-twettiq tal-għanijiet tad-dritt tal-Unjoni u tippreġudika l-effikaċja tad-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat.
32. Utiledulci u l-Gvern Belġjan isostnu wkoll li jekk jitwarrbu l-garanziji proċedurali previsti mill-proċedura ta’ eżekuzzjoni fiskali, dan jintroduċi differenza fit-trattament inammissibbli bejn il-kontribwenti u jikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi nnotat li l-proċedura ta’ rkupru tal-għajnuna mill-Istat għandha għanijiet u karatteristiċi proprji u li l-impriżi benefiċjarji ta’ għajnuna ta’ natura fiskali suġġetti għal din il-proċedura ma jinsabux fl-istess sitwazzjoni bħal kwalunkwe kontribwent li fir-rigward tiegħu l-awtorità tat-taxxa taġixxi sabiex tirkupra kreditu fiskali. Ir-riferiment magħmul f’dan il-kuntest mill-Gvern Belġjan għall-prinċipju ta’ ekwivalenza ma jidhirlix li huwa rilevanti. Dan il-prinċipju – li skontu l-modalitajiet proċedurali intiżi li jiżguraw, f’kull Stat Membru, il-protezzjoni tad-drittijiet li l-partijiet fil-kawża jisiltu mid-dritt tal-Unjoni ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk relatati ma’ drittijiet ibbażati fuq l-ordinament nazzjonali (50) – ma huwiex rilevanti f’sitwazzjoni bħal dik fit-tilwima fil-kawża prinċipali, fejn il-kwistjoni hija dwar jekk il-garanziji proċedurali normalment previsti mid-dritt nazzjonali, meta jiġu applikati għal proċedura mibdija għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ obbligu li jirriżulta mid-dritt tal-Unjoni, jipprekludux l-applikazzjoni sħiħa ta’ dan id-dritt. Ugwalment irrilevanti, fil-fehma tiegħi, huwa r-riferiment, għal darb’oħra magħmul mill-Gvern Belġjan, għall-ġurisprudenza li skontha l-benefiċjarji tal-għajnuna fiskali jistgħu jagħmlu użu mill-eżenzjonijiet u t-tnaqqis previsti mid-dritt nazzjonali jekk jidher li, meta jitqiesu l-operazzjonijiet imwettqa b’mod konkret, huma effettivament kellhom id-dritt li jibbenefikaw minnhom (51). Fil-fatt, din il-ġurisprudenza tikkonċerna r-rikostruzzjoni tas-sistema fiskali applikabbli għall-benefiċjarju fl-assenza tal-għajnuna illegali, sabiex jiġi ddeterminat l-ammont li għandu jiġi rkuprat u tiġi rrestawrata s-sitwazzjoni quo ante (52). Din ma għandha l-ebda impatt fuq l-identifikazzjoni tal-metodi ta’ rkupru u ma tippermettix li jitqies li dan tal-aħħar bilfors irid iseħħ permezz tal-eżekuzzjoni fiskali u li jimplika l-applikazzjoni tal-istess garanziji proċedurali li jgawdi minnhom il-kontribwent suġġett għal tali proċediment fejn dawn ma jippermettux li jintlaħqu l-għanjiet deskritti iktar ’il fuq.
33. Utiledulci ssostni wkoll, fl-osservazzjonijiet tagħha, li r-rifjut tal-Awtorità tat-Taxxa li tapplika d-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar is-sospensjoni tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni fiskali fil-każ ta’ rikors kontra l-atti adottati fil-kuntest ta’ din il-proċedura, jikser il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (53).
34. F’dan ir-rigward, infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat li s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-ordnijiet nazzjonali ta’ rkupru mill-qrati nazzjonali hija possibbli sakemm jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti, b’mod partikolari, fis-sentenzi tal‑21 ta’ Frar 1991, Zuckerfabrik Süderdithmarschen u Zuckerfabrik Soest (54), u tad‑9 ta’ Novembru 1995, Atlanta Fruchthandelsgesellschaft et (I) (55). Is-sospensjoni trid, b’mod partikolari, tkun iġġustifikata b’argumenti intiżi li juru l-invalidità tad-deċiżjoni inkwistjoni (56) u ma tistax, fil-prinċipju, tkun ibbażata biss fuq ir-riskju ta’ dannu ekonomiku lill-benefiċjarju (57).
35. Anki jekk ma neskludix a priori li miżura ta’ sospensjoni tal-ordni nazzjonali ta’ rkupru tista’ – f’ċirkustanzi eċċezzjonali, u fid-dawl tal-interess tal-Unjoni u tad-dritt tal-kompetituri fl-eliminazzjoni tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni –, tiġi adottata minn qorti nazzjonali anki fil-każ fejn il-kumpannija li kontriha nħarġet din l-ordni ma tikkontestax, direttament jew indirettament, il-legalità tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (58), dan ma jippermettix, fi kwalunkwe każ, li tiġi ġġustifikata skema ta’ sospensjoni sistematika tal-proċedura ta’ rkupru mill-awtorità nazzjonali, lil hinn mit-termini stabbiliti mill-Kummissjoni, bħal dik prevista mid-dispożizzjonijiet nazzjonali fil-kawża ineżami.
36. Meta d-deċiżjoni ta’ rkupru hija suġġetta għal rimedji ġudizzjarji, l-Istat Membru kkonċernat jista’ jaċċetta rkupru provviżorju li jiżgura l-eliminazzjoni sħiħa tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni, pereżempju billi jsir depożitu tal-ammont tal-għajnuna u tal-imgħax relattiv bħala garanzija (59). Bis-saħħa ta’ depożitu bħal dan, il-benefiċjarju jieqaf, bħala prinċipju, jiddisponi mill-ammont korrispondenti tal-għajnuna, li jinħareġ, anke jekk provviżorjament biss, mill-assi tiegħu.
37. Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument imqajjem minn Utiledulci, li skontu d-dewmien li bih l-Awtorità tat-Taxxa bdiet il-proċedura ta’ rkupru kien iġġenera fiha t-twemmin li ma kinitx ser tkun fost id-destinatarji tal-ordni ta’ rkupru, infakkar li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-imġiba ta’ awtorità nazzjonali responsabbli għall-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li tkun f’kunflitt ma’ dispożizzjoni speċifika ta’ dak id-dritt, ma tistax tagħti lok għal aspettattiva leġittima (60). Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tirrikonoxxi l-possibbiltà għall-benefiċjarju ta’ għajnuna mogħtija illegalment li jinvoka ċirkustanzi eċċezzjonali li fuqhom seta’ jibbaża l-aspettattiva tiegħu fuq in-natura legali tal-għajnuna u li konsegwentement jopponi l-irkupru tagħha (61), ma jirriżultax mill-fajl tal-Qorti tal-Ġustizzja, u lanqas mill-osservazzjonijiet ta’ Utiledulci, li din tal-aħħar invokat tali ċirkustanzi.
38. Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li dispożizzjonijiet nazzjonali bħal dawk inkwistjoni fit-tilwima fil-kawża prinċipali jidhru, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, kuntrarji għall-għanijiet tat-tneħħija tal-għajnuna illegali ddikjarata inkompatibbli mas-suq intern u għar-rekwiżit li tiġi żgurata eżekuzzjoni immedjata u effettiva tad-deċiżjonijiet li jordnaw l-irkupru tagħha.
V. Konklużjoni
39. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domanda magħmula mit-Tribunal Administrativo e Fiscal do Funchal (il-Qorti Amministrattiva u Fiskali ta’ Funchal, Madeira, il-Portugall):
L-Artikolu 16(3) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li:
meta Stat Membru jipproċedi għall-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat illegali u inkompatibbli mas-suq intern permezz ta’ eżekuzzjoni fiskali, huwa jipprekludi l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jagħtu lill-kontribwent suġġett għal tali eżekuzzjoni d-dritt li jikseb, taħt ċerti kundizzjonijiet, is-sospensjoni tagħha, sa fejn din l-applikazzjoni ma tippermettix l-eżekuzzjoni immedjata u effettiva tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tordna l-irkupru, u b’hekk il-benefiċjarju jiġi mċaħħad mill-vantaġġ kompetittiv marbut mal-għajnuna fit-terminu previst minn din id-deċiżjoni jew f’dak stabbilit sussegwentement mill-Kummissjoni jiġifieri, meta dawn it-termini jiskadu, mingħajr dewmien addizzjonali. Meta tali eżekuzzjoni tkun prekluża, kemm il-qrati nazzjonali kif ukoll l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, taħt il-kontroll ta’ dawk tal-ewwel, huma obbligati li jwarrbu d-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni.
1 Lingwa oriġinali: it-Taljan.
2 Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (kodifikazzjoni) (ĠU 2015, L 248, p. 9).
3 Mistoqsijiet simili saru mill-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑792/24.
4 Diário da República n. 290/1998, Série I-A de 1998-12-17.
5 ĠU 2005, C 160, p. 11.
6 Approvat mid-Decreto-Lei Nru 433/99 tas‑26 ta’ Ottubru 1999, u daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2000. Diário da República n. 250/1999, Série‑I-A de 1999‑10‑26.
7 Għall-finijiet ta’ kompletezza, ninnota li mill-proċess tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Liġi Nru 7 tas-26 ta’ Frar 2021 ħassret il-paragrafu 11 tal-Artikolu 169 tal-Código de Procedimento e de Processo Tributário , li kien jipprevedi li dan l-artikolu ma kienx japplika għad-djun ikkuntrattati bir-riżorsi proprji tal-Unjoni.
8 Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) tal‑4 ta’ Diċembru 2020 dwar l-iskema ta’ għajnuna SA.21259 (2018/C) (ex 2018/NN) implimentata mill-Portugall għal Zona Franca da Madeira (ZFM) – Reġim III (ĠU 2022, L 217, p 49).
9 Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni tas‑27 ta’ Ġunju 2007 dwar l-iskema ta’ għajnuna mill-Istat N 421/2006 (ĠU 2007, C 240, p. 1) u tat‑2 ta’ Lulju 2013 dwar l-iskema ta’ għajnuna mill-Istat SA.34160 (2011/N) (ĠU 2013, C 220, p. 1).
10 Ara s-sentenzi tal‑21 ta’ Settembru 2022, IlPortugall vs IlKummissjoni (Żona Ħielsa ta’ Madeira) (T‑95/21, EU:T:2022:567), u tal‑21 ta’ Ġunju 2023, Região Autónoma da Madeira vs IlKummissjoni (T‑131/21, EU:T:2023:348).
11 Ara s-sentenzi tal‑4 ta’ Lulju 2024, IlPortugall vs IlKummissjoni (Żona Ħielsa ta’ Madeira) (C‑736/22 P, EU:C:2024:579), u tas‑16 ta’ Jannar 2025, Região Autónoma da Madeira vs IlKummissjoni (Żona Ħielsa ta’ Madeira) (C‑547/23 P, EU:C:2025:22). Id-deċiżjoni tal‑2020 kienet is-suġġett ukoll ta’ diversi rikorsi għall-annullament min-naħa ta’ impriżi uniċi, li taw lok għal ġurisprudenza estensiva, parzjalment għadha pendenti, quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja; wieħed jista’ jara reċentement is-sentenzi tat‑13 ta’ Novembru 2025, AFG vs Il‑Kummissjoni (C‑13/24 P, EU:C:2025:884), u tat‑13 ta’ Novembru 2025, Sonasurf Internacional et vs Il‑Kummissjoni (C‑9/24 P, EU:C:2025:883), li bihom il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-appelli mid-digrieti li bihom il-Qorti Ġenerali ddikjarat bħala manifestament infondati xi wħud minn dawn ir-rikorsi.
12 Mill-osservazzjonijiet ta’ Utiledulci jirriżulta li, matul is-sena 2023, din tal-aħħar irċeviet erba’ avviżi differenti ta’ ħlas tat-taxxa fuq id-dħul tal-kumpanniji għas-snin 2012 sa 2015 u tal-interessi relattivi.
13 ĠU 2019, C 247, p. 1 (iktar ’il quddiem il-“komunikazzjoni dwar l-Irkupru”).
14 Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-Supremo Tribunal Administrativo, 033/24.1BEFUN, tas‑7 ta’ Marzu 2024. Skont l-informazzjoni li tinsab fil-proċess tal-kawża ineżami, wara li tressqet it-talba għal deċiżjoni preliminari, is-Supremo Tribunal Administrativo (il-Qorti Amministrattiva Suprema) issospendiet il-proċeduri li kienu għadhom pendenti quddiemha.
15 Ara, inter alia, is-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 1994, Spanja vs Il‑Kummissjoni (C‑278/92 – C‑280/92, EU:C:1994:325, punt 75); tad‑29 ta’ Lulju 2024, Koiviston Auto Helsinki vs Il‑Kummissjoni (C‑694/22 P, EU:C:2024:641, punti 79 u 80); u tad‑9 ta’ Ottubru 2025, On Air Media Professionals u Different Media (C‑416/24 u C‑417/24, EU:C:2025:765, punt 56).
16 Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2023, Ministar na zemedelieto, hranite i gorite (C‑325/22, EU:C:2023:793, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).
17 Ara s-sentenza tal‑4 ta’ April 1995, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑350/93, EU:C:1995:96, punt 22).
18 Ara, ex multis, is-sentenzi tal‑4 ta’ April 1995, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑350/93, EU:C:1995:96, punt 22); tal‑11 ta’ Diċembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑610/10, EU:C:2012:781, punt 105 u l-ġurisprudenza ċċitata); u tad‑29 ta’ Lulju 2024, Koiviston Auto Helsinki vs Il‑Kummissjoni (C‑697/22 P, EU:C:2024:641, punt 79).
19 Ara s-sentenza tas‑17 ta’ Ġunju 1999, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni (C‑75/97, EU:C:1999:311, punt 65).
20 Ara, ex multis, is-sentenzi tal‑21 ta’ Marzu 1990, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni (C‑142/87, EU:C:1990:125, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tat‑12 ta’ Frar 2015, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑37/14, EU:C:2015:90, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).
21 Ara s-sentenzi tat‑30 ta’ April 2020, Nelson Antunes da Cunha (C‑627/18, EU:C:2020:321, punt 42), u tad‑19 ta’ Ottubru 2023, Ministar na zemedelieto, hranite i gorite (C‑325/22, EU:C:2023:793, punt 47).
22 Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2025, Scai (C‑588/23, EU:C:2025:23, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).
23 Ara s-sentenzi tat‑12 ta’ Frar 2015, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑37/14, EU:C:2015:90, punti 55 u 56), u tad‑29 ta’ April 2021, Il‑Kummissjoni vs Spanja (TNT f’Castille-La Mancha) (C‑704/19, EU:C:2021:342, punt 50).
24 Ara, ex multis, is-sentenzi tat‑13 ta’ Ottubru 2011, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑454/09, EU:C:2011:650, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tat‑13 ta’ Novembru 2025, Il‑Kummissjoni vs Il‑Bulgarija (Skambji ta’ artijiet forestali II) (C‑632/23, EU:C:2025:890, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).
25 Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Diċembru 2010, Il‑Kummissjoni vs Is‑Slovakkja (C‑507/08, EU:C:2010:802, punt 47); tat‑12 ta’ Frar 2015, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑37/14, EU:C:2015:90, punti 55 sa 60); tas‑17 ta’ Settembru 2015, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑367/14, EU:C:2015:611, punti 40 u 42); u tat‑13 ta’ Novembru 2025, Il‑Kummissjoni vs Il‑Bulgarija (Skambji ta’ artijiet forestali II) (C‑632/23, EU:C:2025:890, punt 64). Ara wkoll is-sentenza tal‑14 ta’ Frar 2008, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑419/06, EU:C:2008:89, punti 38 u 61), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tar-Repubblika Ellenika minkejja li, fl-iskadenza tat-terminu stabbilit mid-deċiżjoni ta’ rkupru, dan l-Istat Membru kien beda l-proċeduri ta’ rkupru.
26 Ara, f’dan is-sens, inter alia, is-sentenza tas‑17 ta’ Jannar 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑363/16, EU:C:2018:12, punti minn 46 sa 48).
27 Ara s-sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2025, Il‑Kummissjoni vs Il‑Bulgarija (Skambji ta’ artijiet forestali II) (C‑632/23, EU:C:2025:890, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).
28 L-istess interpretazzjoni, imressqa mill-Gvern Franċiż fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2006, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑232/05, EU:C:2006:651, iktar ’il quddiem is-“sentenza Il‑Kummissjoni vs Franza”, punt 40), ġiet miċħuda mill-Qorti tal-Ġustizzja.
29 Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2010, Il‑Kummissjoni vs Is‑Slovakkja (C‑507/08, EU:C:2010:802, punt 48).
30 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ April 2011, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑331/09, EU:C:2011:250, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).
31 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2010, Il‑Kummissjoni vs Is‑Slovakkja (C‑507/08, EU:C:2010:802, punt 52).
32 Ara, ex multis, is-sentenzi tal‑14 ta’ April 2011, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑331/09, EU:C:2011:250, punti 58 u 59); tal‑24 ta’ Jannar 2013, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑529/09, EU:C:2013:31, punti 91 u 92); tal‑11 ta’ Settembru 2014, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑527/12, EU:C:2014:2193, punti 40 u 41, u l-ġurisprudenza ċċitata); u tas‑17 ta’ Jannar 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑363/16, EU:C:2018:12, punti 34 u 35).
33 Ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Franza, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata.
34 Ara s-sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2010, Scott u Kimberly Clark (C‑210/09, EU:C:2010:294, punt 21).
35 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Frar 2014, Mediaset (C‑69/13, EU:C:2014:71, punt 34).
36 Ara s-sentenzi tal‑5 ta’ Ottubru 2006, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑232/05, EU:C:2006:651, punti minn 51 sa 53); tat‑30 ta’ April 2020, Nelson Antunes da Cunha (C‑627/18, EU:C:2020:321, punt 52) u, reċentement u fir-rigward tal-irkupru tal-għajnuna mogħtija fil-kuntest tal-iskema ZFM III, id-Digriet tal‑31 ta’ Ottubru 2025, Mission – Trading (C‑24/25, EU:C:2025:862, punt 25). Ara wkoll is-sentenzi tal‑11 ta’ Settembru 2014, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑527/12, EU:C:2014:2193, punt 55), u tal‑20 ta’ Marzu 1997, Alcan Deutschland (C‑24/95, EU:C:1997:163, punti minn 30 sa 38).
37 Ara s-sentenza tal‑21 ta’ Marzu 1991, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni (C‑303/88, EU:C:1991:136, punt 60).
38 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Marzu 1997, Alcan Deutschland (C‑24/95, EU:C:1997:163, punt 34).
39 Ara s-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2014, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑527/12, EU:C:2014:2193, punti 53 u 55).
40 Ara s-sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2010, Scott u Kimberly Clark (C‑210/09, EU:C:2010:294, punt 29).
41 Ara s-sentenzi tal‑11 ta’ Settembru 2014, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑527/12, EU:C:2014:2193, punt 39), u tas‑16 ta’ Jannar 2025, Scai (C‑588/23, EU:C:2025:23, punt 55).
42 C‑232/05, EU:C:2006:651.
43 Skont il-Gvern Belġjan, garanzija bankarja hija f’pożizzjoni li tinnewtralizza l-vantaġġ miksub mill-għajnuna, peress li l-ammont tagħha jiġi rreġistrat bħala passiv fil-bilanċ tal-benefiċjarju, b’mod li dan ma jkunx jista’ jiġi użat. Barra minn hekk, is-sottoskrizzjoni u ż-żamma ta’ garanzija bankarja jinvolvu spejjeż li jaffettwaw is-sitwazzjoni ekonomika tal-benefiċjarju.
44 F’dan is-sens, ara wkoll il-Komunikazzjoni dwar l-Irkupru, punt 119.
45 Barra minn hekk, l-Awtorità tat-Taxxa spjegat, waqt is-seduta, li, skont id-dritt Portugiż, il-garanziji huma suġġetti għal terminu ta’ preskrizzjoni. Dan ifisser li, wara li jgħaddi ċertu terminu, il-garanzija tiddekadi awtomatikament.
46 Ara s-sentenzi tas‑6 ta’ Diċembru 2007, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑280/05, EU:C:2007:753, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata); tas‑17 ta’ Jannar 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑363/16, EU:C:2018:12, punti 36 u 37 u l-ġurisprudenza ċċitata); u tat‑12 ta’ Marzu 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (Għajnuna illegali mogħtija lis-settur tal-lukandi f’Sardegna) (C‑576/18, EU:C:2020:202, punt 99). Dawn il-miżuri huma intiżi li jiġi evitat li, kif tenfasizza l-Komunikazzjoni dwar l-Irkupru (punt 127), il-benefiċjarju li ma jkunx f’pożizzjoni li jħallas lura l-għajnuna rċevuta u l-interessi ta’ rkupru dovuti jibqa’ fis-suq biss permezz tal-għajnuna.
47 Ara l-punt 126 tal-Komunikazzjoni dwar l-Irkupru.
48 Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2025, Scai (C‑588/23, EU:C:2025:23, punt 48).
49 Ara s-sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2010, Scott u Kimberly Clark (C‑210/09, EU:C:2010:294, punt 29), u, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar (C‑349/17, EU:C:2019:172, punti minn 90 sa 92 u l-ġurisprudenza ċċitata).
50 Ara, ex multis, is-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2019, Fallimento Traghetti del Mediterraneo (C‑387/17, EU:C:2019:51, punt 72).
51 Ara s-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2022, Fossil (Gibraltar) (C‑705/20, EU:C:2022:680, punt 43).
52 Ara wkoll is-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2005, UniCredito Italiano (C‑148/04, EU:C:2005:774, punti 118 u 119).
53 Il-qorti tar-rinviju ma tispeċifikax b’liema mod Utiledulci għandha l-intenzjoni li tinvoka s-sospensjoni tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni fiskali. Mill-fajl nazzjonali jirriżulta li hija talbet li tiġi eżentata mill-garanzija, iżda ma huwiex ċar jekk kellhiex l-intenzjoni li tippreżenta rikors sabiex tikkontesta l-legalità tad-dejn li huwa s-suġġett tal-eżekuzzjoni.
54 Sentenza tal‑21 ta’ Frar 1991, Zuckerfabrik Süderdithmarschen u Zuckerfabrik Soest (C‑143/88 u C‑92/89, EU:C:1991:65).
55 Sentenza tad‑9 ta’ Novembru 1995, Atlanta Fruchthandelsgesellschaft et (I) (C‑465/93, EU:C:1995:369).
56 Ara, inter alia, is-sentenza tat‑12 ta’ Marzu 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (Għajnuna illegali mogħtija lis-settur tal-lukandi f’Sardegna) (C‑576/18, EU:C:2020:202, punt 103).
57 Ara s-sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2012, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑243/10, EU:C:2012:182, punt 53).
58 B’mod partikolari, meta hija tikkontesta l-ammont tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata jew il-fatt li tidħol fiċ-ċirku ta’ benefiċjarji ta’ skema ta’ għajnuna skont il-kriterji indikati fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni.
59 Ara, f’dan is-sens, il-punt 118 tal-Komunikazzjoni dwar l-Irkupru.
60 Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar (C‑349/17, EU:C:2019:172, punti 104 u 105), u tad‑9 ta’ Ottubru 2025, On Air Media Professionals u Different Media (C‑416/24 u C‑417/24, EU:C:2025:765, punti 60 u 61).
61 Ara s-sentenzi tal‑20 ta’ Settembru 1990, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑5/89, EU:C:1990:320, punt 16), u tad‑9 ta’ Ottubru 2025, On Air Media Professionals u Different Media (C‑416/24 u C‑417/24, EU:C:2025:765, punt 63).