IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell,7.3.2018
COM(2018) 120 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
Is-Semestru Ewropew 2018: Valutazzjoni tal-progress tar-riformi strutturali, tal-prevenzjoni u tal-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi, u r-riżultati tal-analiżijiet fil-fond skont ir-Regolament (UE) Nru 1176/2011
{SWD(2018) 200-226}
1.
Introduzzjoni
L-ekonomija tal-Ewropa qed tesperjenza l-ogħla tkabbir fl-aħħar deċenju. Is-sena l-oħra, it-tkabbir annwali tal-PDG kien l-ogħla tal-aħħar għaxar snin. L-investiment qed jiżdied. Il-perspettivi ekonomiċi pożittivi kienu jinkludu eżiti soċjali u tas-suq tax-xogħol. L-impjiegi qegħdin f'livelli rekord, b'236,3 miljun ruħ jaħdmu attwalment fl-UE. Ir-rata tal-qgħad kważi niżlet sal-livell li kienet qabel il-kriżi. Titjib kontinwu fis-suq tax-xogħol qed jgħollu l-prospetti għall-introjtu. Il-finanzi pubbliċi qed ikomplu jitjiebu. U bi tkabbir ta' 2,4 % f'termini reali fl-2017, l-ekonomija tal-UE u ż-żona tal-euro qed jaqbżu l-aspettattivi preċedenti u qed ikollhom parti sħiħa fit-tkabbir robust fuq livell globali.
Dan il-momentum jidher li se jkompli fid-dawl tal-aħbarijiet pożittivi dwar is-sentiment ekonomiku u d-domanda domestika. Il-PDG taż-żona tal-euro u tal-UE huma previsti li jespandu bi 2,3 % fl-2018. Imbagħad se jonqsu ftit għal 2,0 % fl-2019. Fl-istess ħin, għad hemm għadd ta' riskji, partikolarment mis-swieq finanzjarji minħabba valutazzjonijiet għoljin tal-assi li jistgħu jkunu vulnerabbli għal kundizzjonijiet finanzjarji inqas favorevoli. Għad hemm ukoll riskji marbuta mal-eżitu tan-negozjati dwar il-ħruġ tar-Renju Unit, kif ukoll ma' tensjonijiet ġeopolitiċi u bidla lejn politiki iktar introspettivi.
Il-kundizzjonijiet favorevoli fetħu tieqa ta' opportunità biex ikomplu jissaħħu s-sisien tal-ekonomiji tal-Ewropa. Fl-istess ħin, ir-riskji li jifdal ifakkru fil-bżonn li dan isir, filwaqt li nkomplu bl-isforzi tagħna biex negħlbu l-konsegwenzi prinċipali tal-kriżi. F'xi Stati Membri għad hemm livelli għoljin ta' dejn korporattiv, domestiku u pubbliku. Barra minn hekk, l-espansjoni ekonomika ma kinitx l-istess bejn l-Istati Membri u fi ħdanhom, u jrid jgħaddi ż-żmien biex tinħass bl-istess mod fil-partijiet kollha tal-Ewropa. Għad hemm 18-il miljun ruħ ifittxu impjieg, bil-qgħad fit-tul u l-qgħad fost iż-żgħażagħ jibqa' għoli b'mod sinifikanti f'xi pajjiż. L-introjtu disponibbli tal-unitajiet domestiċi għadu mhux ogħla mil-livelli ta' qabel il-kriżi fl-Istati Membri kollha. Is-sehem ta' nies fir-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali ġie biss lura għal-livelli ta' qabel il-kriżi. Il-proċess ta' konverġenza ekonomika u soċjali reġa' beda, filwaqt li d-dgħufijiet strutturali qed iżommu lura l-potenzjal ta' tkabbir ta' xi pajjiżi u l-kapaċità tagħhom biex jiffaċċaw skossi futuri. Fl-istess ħin, bidliet teknoloġiċi qed iwasslu biex l-ekonomiji jilqgħu l-innovazzjoni filwaqt li jiżguraw li s-soċjetajiet jibqgħu inklussivi daqs kemm dejjem kienu. Issa ż-żmien li nfittxu li nagħmlu r-riformi meħtieġa biex l-ekonomiji tal-Ewropa jsiru iktar reżiljenti u jinħoloq tkabbir iktar inklussiv.
Bil-fokus kontinwu fuq it-"trijanglu virtuż" ta' investiment, riformi strutturali, u politiki fiskali responsabbli, is-Semestru Ewropew qed ikompli jiggwida lill-Istati Membri biex jagħmlu r-riformi neċessarji. L-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2018 jipprovdi din il-gwida ekonomika lill-Istati Membri, b'konformità mad-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2018 tal-President Juncker. Ir-rakkomandazzjoni għall-politika ekonomika taż-żona tal-euro fl-2018 tenfasizza l-bżonn għal riformi biex ikun promoss ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità, ġustizzja soċjali, riekwilibriju u konverġenza, investiment ogħla, il-kwalità tal-finanzi pubbliċi, it-tlestija tal-Unjoni Bankarja u tas-Swieq Kapitali, u l-approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja. Ir-rakkomandazzjoni titlob ukoll ġlieda kontra pjanifikazzjoni fiskali aggressiva. Hija titlob lill-Istati Membri kollha biex jagħtu prijorità lil riformi li jżidu l-produttività u l-potenzjal tat-tkabbir, itejbu l-ambjent istituzzjonali u l-ambjent tan-negozju, ineħħu x-xkiel għall-investimenti u jrawmu l-innovazzjoni, jappoġġaw il-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità, u jnaqqsu l-inugwaljanza. L-Istati Membri b'defiċits fil-kont kurrenti jew dejn estern kbir għandhom ukoll irażżnu ż-żieda fil-kost tax-xogħol u jtejbu l-kompetittività tagħhom, filwaqt li l-Istati Membri b'surpluses fil-kont kurrenti għandhom joħolqu wkoll kundizzjonijiet biex jippromwovu żieda fil-pagi, filwaqt li jirrispettaw ir-rwol tas-sħab soċjali, u biex irawmu l-investiment biex isostnu d-domanda domestika u l-potenzjal tat-tkabbir.
Ir-rapporti tal-pajjiżi ppubblikati llum se jirfdu r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-Kummissjoni li ġejjin iktar tard fir-rebbiegħa. Dawn is-27 rapport tal-pajjiżi janalizzaw l-iżviluppi ekonomiċi u soċjali, l-isfidi u l-opportunitajiet għall-Istati Membri. Saru għadd ta' analiżijiet fil-fond fil-kuntest tal-Proċedura ta' Żbilanċi Makroekonomiċi, wara r-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija tal-2018, u l-konklużjonijiet tagħhom huma parti integrali tar-rapporti għall-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, Franza, il-Ġermanja, l-Irlanda, l-Italja, in-Netherlands, il-Portugall, is-Slovenja, Spanja, u l-Iżvezja. Ir-rapporti tal-pajjiżi janalizzaw ukoll il-progress tal-Istati Membri fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tul is-snin, billi jieħdu perspettiva pluriennali, kif isir bħalissa fiċ-ċiklu tas-Semestru Ewropew biex jitqies iż-żmien meħtieġ għall-implimentazzjoni sħiħa tar-riformi kritiċi. Finalment, ir-rapporti tal-pajjiżi jaraw xi progress sar lejn il-miri tal-Ewropa 2020.
2.
Il-progress fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi
L-Istati Membri qed ikomplu jagħmlu progress fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi adottati mill-Kunsill fil-kuntest tas-Semestru Ewropew. L-implimentazzjoni tar-riformi żdiedet kemm kemm kumplessivament, meta mqabbla mal-eżerċizzju ta' rendikont ta' Mejju 2017.
Dan hu inkoraġġanti u jirrifletti li r-riformi importanti saru, imma xi kultant jieħdu aktar żmien biex jiġu implimentati milli wieħed ikun stenna. Mill-bidu tas-Semestru Ewropew fl-2011, l-Istati Membri kisbu tal-inqas "xi progress" fir-rigward ta' iktar minn żewġ terzi tar-rakkomandazzjonijiet.
L-implimentazzjoni tar-riformi kienet solida f'xi oqsma ewlenin. Mill-bidu nett tas-Semestru Ewropew fl-2011, l-Istati Membri għamlu l-ikbar progress fis-servizzi finanzjarji u fil-politika fiskali u l-governanza fiskali. Dan ikompli jirrifletti l-prijorità li ngħatat għall-istabbilizzazzjoni tal-finanzi pubbliċi u tas-settur finanzjarju, wara l-kriżi ekonomika u finanzjarja. Sar progress sinifikanti fl-indirizzar tal-aċċess għall-finanzi, fil-leġislazzjoni dwar il-protezzjoni tal-impjiegi u l-oqfsa għall-kuntratti tax-xogħol. Madankollu, sar progress iktar modest f'oqsma bħat-twessigħ tal-bażijiet tat-taxxa jew it-trasport. F'ħafna Stati Membri, il-progress lejn l-indirizzar tal-isfidi importanti relatati mas-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi miexi bil-mod, inkluż fil-pensjonijiet. Ir-riformi regolatorji tejbu l-ambjent tan-negozju speċjalment f’dawk l-Istati Membri li kienu jeħtiġuhom l-iktar. Dawn ir-riformi naqqsu l-ostakli amministrattivi għall-ħolqien ta’ negozji ġodda. Madankollu, l-intraprenditorija għadha dgħajfa f'ħafna Stati Membri. L-aċċess għal kreditu bankarju u għal self tjieb għall-SMEs imma l-kapital ta' riskju għadu mhux biżżejjed f'ħafna partijiet tal-Unjoni. Jista' jiġi rrappurtat progress sinifikanti wkoll fl-akkwist pubbliku. Sfortunatament, il-pass tar-riformi fis-swieq tas-servizzi miexi bil-mod, b'mod partikolari fis-servizzi tan-negozju, fil-kostruzzjoni u fil-proprjetà immobbli.
L-Istati Membri qed jagħmlu progress lejn il-miri li stabbilew tmien snin ilu fl-istrateġija Ewropa 2020. Kumplessivament, l-UE qed toqrob lejn il-miri tagħha dwar l-edukazzjoni, l-enerġija, il-klima u l-impjiegi. 14-il Stat Membru diġà laħqu l-miri nazzjonali tagħhom għat-tnaqqis tat-tluq bikri mill-iskola u għaż-żieda tas-sehem tal-popolazzjoni b’edukazzjoni terzjarja. 11-il Stat Membru laħqu l-miri tagħhom għall-enerġija rinnovabbli. Il-mira tal-UE biex ir-rata tal-impjiegi tilħaq il-75 % fl-2020 qiegħda fit-triq it-tajba sakemm ix-xejra attwali tkompli u seba' Stati Membri diġà laħqu l-miri nazzjonali tagħhom. Din hi kisba notevoli meta wieħed iqis l-impatt qawwi tal-kriżi fuq ir-rata tal-impjiegi. Madankollu, l-għadd ta' nies fir-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali laħaq l-ogħla livell tiegħu fl-2012 u minn dak iż-żmien naqas għal madwar il-livelli ta' qabel il-kriżi. Għalhekk, il-mira li 20 miljun ruħ jinħarġu mill-faqar diffiċli li jintlaħaq sal-2020. Hekk ukoll, il-mira ta' investiment ta' 3 % tal-PDG fir-riċerka u l-iżvilupp għadha 'l bogħod u għandu jsir kull sforz possibbli biex tintlaħaq fil-ħin. L-Appendiċi 2 jipprovdi ħarsa ġenerali lejn il-progress lejn il-miri tal-Ewropa 2020.
L-UE għandha għad-dispożizzjoni tagħha sett ta’ għodod biex tappoġġa lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tar-riformi tagħhom. Il-Programm ta' Appoġġ għal Riformi Strutturali (SRSP) joffri appoġġ tekniku prattiku lill-Istati Membri kollha tal-UE, jekk jitolbuh, għat-tfassil u l-implimentazzjoni ta' riformi, u speċjalment fis-segwitu tar-rakkomandazzjonijiet tas-Semestru Ewropew. Il-baġit tal-UE, inkluż permezz tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, qed juri li hu strument b’saħħtu biex jappoġġa l-investiment fil-koeżjoni, l-edukazzjoni u t-taħriġ, il-konnettività (l-infrastruttura tat-trasport, tal-enerġija, u dik diġitali – anke fil-kuntest tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa), l-innovazzjoni, l-ambjent u l-appoġġ lill-SMEs. Dawn il-fondi kkontribwew b'mod kruċjali għat-titjib tal-ambjent ta' investiment permezz ta' kondizzjonalitajiet ex ante. Fl-2017, il-Kummissjoni temmet tivvaluta ġewx irrispettati l-kundizzjonijiet; il-vera ftit każijiet fejn ma ġewx rispettati qed jiġu segwiti. Il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) għandu rwol ewlieni fil-katalizzazzjoni tal-investiment tas-settur privat, billi juri kif il-baġit tal-UE jista’ jirreaġixxi malajr għall-isfidi u joħloq ingranaġġ sostanzjali.
3.
Indirizzar tal-iżbilanċi makroekonomiċi
Il-Proċedura ta' Żbilanċi Makroekonomiċi għandha l-għan li tipprevjeni li jfeġġu żbilanċi makroekonomiċi potenzjalment dannużi u, meta jiġu identifikati żbilanċi ta' dan it-tip, li tiżgura li l-Istat Membru kkonċernat jieħu azzjoni xierqa biex jikkoreġihom. Żbilanċi makroekonomiċi dannużi jistgħu jaffettwaw ħażin l-istabbiltà ekonomika fi Stat Membru partikolari, fiż-żona tal-euro, jew fl-UE bħala entità waħda. Għalhekk huwa daqshekk importanti li jkun hemm korrezzjoni effettiva u f'waqtha. L-analiżijiet fil-fond jipprovdu analiżi komprensiva tal-iżbilanċi esperjenzati mill-Istati Membri, li jippermettu l-identifikazzjoni tal-vulnerabbiltajiet li jifdal u, fil-kuntest usa' tas-Semestru Ewropew, l-identifikazzjoni tal-lakuni fil-politika li jifdal.
Ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija tal-2018 sab li l-iżbilanċi makroekonomiċi ta' 12-il Stat Membru kienu jeħtieġu analiżi fil-fond. Dawn il-pajjiżi kollha ġew ikkunsidrati li esperjenzaw żbilanċi jew żbilanċi eċċessivi fl-2017 fil-kuntest tal-Proċedura ta’ Żbilanċi Makroekonomiċi. Din il-kategorizzazzjoni kienet appoġġata mill-Kunsill fil-konklużjonijiet tiegħu dwar ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija
. Peress li kull sena, ir-rapporti tal-pajjiżi janalizzaw l-iżviluppi makroekonomiċi, il-korrezzjoni tal-iżbilanċi u l-progress fir-reazzjoni għar-rakkomandazzjonijiet politiċi rilevanti
, filwaqt li jqisu wkoll l-implikazzjonijiet transfruntieri.
Ir-riformi strutturali implimentati skont il-Proċedura ta' Żbilanċ Makroekonomiku wittew it-triq għar-riekwilibriju miksub. Il-momentum ekonomiku favorevoli attwali għandu jintuża biex infittxu vigorożament li dawn isiru. L-irkupru jista' jikkontribwixxi biex l-iżbilanċi jiġu ttrattati b'mod sostenibbli permezz ta' kontinwazzjoni tar-riformi biss biex ikunu appoġġati l-kompetittività, ir-reżiljenza u potenzjal tat-tkabbir ogħla. Fid-dawl tal-kundizzjonijiet ċikliċi pożittivi, l-Istati Membri kollha għandhom jagħtu prijorità lil riformi li jżidu l-potenzjal ta' tkabbir tagħhom, itejbu l-ambjent istituzzjonali u l-ambjent tan-negozju, ineħħu l-effett lembut minn fuq l-investimenti, jappoġġaw il-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità u jnaqqsu l-inugwaljanza.
3.1.
Riekwilibriju fl-UE u fiż-żona tal-euro
Il-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi qed tkompli tavvanza, appoġġata mir-riformi u mill-espansjoni ekonomika. Madankollu, għad hemm xi vulnerabbiltajiet u qed ifeġġu xi riskji ġodda. Il-progress fl-indirizzar tal-iżbilanċi esterni ma kienx uniformi, b'defiċits kbar fil-kont kurrenti jiġu kkoreġuti, imma b'surpluses kbar fil-kont kurrenti jkunu persistenti. Żbilanċi fl-akkumuli – partikolarment fil-livelli tad-dejn privat u pubbliku – qed jaġġustaw ruħhom, megħjuna minn tkabbir nominali, imma l-progress mhuwiex uniformi. L-akkumuli ta' obbligazzjonijiet barranin netti jibqgħu għoljin f'għadd ta’ pajjiżi. Minħabba li l-iżbilanċi interni u esterni fl-akkumuli jaġġustaw ruħhom bil-mod biss, minkejja t-titjib reċenti fil-flussi, għadhom sors ta' riskji f'ħafna Stati Membri. Hemm sinjali ta' possibbiltà ta' sovrażbilanċ fil-prezzijiet tad-djar, l-iktar f'pajjiżi li fil-mument ma għandhom żbilanċi identifikati.
Is-surplus fil-kont kurrenti għaż-żona tal-euro bħala entità waħda kiber tul is-snin reċenti. Il-kont kurrenti taż-żona tal-euro stabbilizza ruħu u mistenni jibqa' madwar 3 % tal-PDG sal-2019. Dan is-surplus kbir kien qed jirrifletti dgħufijiet fid-domanda aggregata, inkluż tkabbir kajman fil-pagi, marbut ma' prestazzjoni ekonomika taħt il-potenzjal tagħha mill-2009 'il quddiem. Id-marġni tal-potenzjal tal-produzzjoni għaż-żona tal-euro huwa madankollu mbassar li jsir pożittiv fl-2018 imma l-istaġnar ekonomiku fiż-żona tal-euro kollha kien il-bażi ta’ inflazzjoni inqas mill-mira tal-awtoritajiet monetarji, li jirrifletti wkoll tkabbir dgħajjef fil-pagi minkejja swieq tax-xogħol aktar ristretti. L-evoluzzjoni tas-surplus fil-kont kurrenti taż-żona tal-euro hija marbuta wkoll mad-dinamika tal-esportazzjonijiet taż-żona tal-euro, filwaqt li tibni fuq il-kompetittività tal-produtturi Ewropej u domanda aggregata ta' sostenn għall-oġġetti u s-servizzi Ewropej.
It-tnaqqis fl-ingranaġġ tad-dejn privat għadu għaddej b'pass mhux uniformi. Dejn privat persistentement għoli f'għadd ta’ pajjiżi, spiss aggravat minn dejn għoli tal-gvern, qed jillimita l-investiment u jnaqqas l-ispazju biex wieħed jilqa' l-iskossi potenzjali. Tnaqqis fil-proporzjonijiet tad-dejn għall-PDG, inklużi l-proporzjonijiet tad-dejn tal-gvern, qed jibbenefikaw dejjem iktar minn tkabbir nominali ogħla, filwaqt li s-self mill-unitajiet domestiċi u minn korporazzjonijiet mhux finanzjarji qed jiżdied bil-mod. It-tnaqqis fl-ingranaġġ kien iktar mgħaġġel fis-settur korporattiv milli fis-settur tal-unitajiet domestiċi fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri. Xi pajjiżi b'livell għoli ta' dejn qed inaqqsu l-obbligazzjonijiet tagħhom iktar bil-mod minn pajjiżi b'livelli baxxi ta' dejn. Barra minn hekk, fil-parti l-kbira tal-pajjiżi b'livell għoli ta' dejn, id-dejn tal-gvern beda jonqos reċentement biss.
Is-sitwazzjoni tas-settur bankarju tjiebet b’mod sinifikanti imma għadha qed tħabbat wiċċha ma’ xi sfidi. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri reċentement raw titjib notevoli fil-proporzjonijiet kapitali u l-akkumuli ta' self improduttiv kienu qed jonqsu b'mod sinifikanti wkoll. Il-profittabbiltà u l-valutazzjoni tas-suq tal-banek irkupraw ukoll fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, flimkien mal-flussi ta' kreditu. Madankollu, f’xi pajjiżi l-akkumuli ta’ self improduttiv għadhom għoljin u jnaqqsu l-ispazju għas-self, filwaqt li l-profittabbiltà baxxa xxekkel l-isforzi ta’ proviżjonament u l-ġenerazzjoni interna tal-kapital, u tnaqqas l-opportunitajiet biex jinġabar il-kapital fis-suq.
Il-prezzijiet tad-djar qed jaċċelleraw fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri; ir-riskji possibbli ta' sovrażbilanċ ta' min jimmonitorizzahom. Il-valutazzjonijiet huma taħt il-livelli massimi preċedenti wara l-aġġustament 'l isfel ta' wara l-kriżi, imma f'xi każijiet l-indikaturi juru sovravalutazzjoni. Is-sinjali ta' possibbiltà ta' sovrażbilanċ huma preżenti u d-dinamika tal-prezzijiet qed jaċċelleraw f'għadd ta' pajjiżi dejjem jiżdied, inkluż fil-pajjiżi mhux identifikati bi żbilanċi, fejn ir-riskji ma jidhrux li huma ta' tħassib immedjat. Barra minn hekk, l-impatt soċjali ta' prezzijiet tad-djar jogħlew huwa ta' tħassib f'xi pajjiżi, li jenfasizza l-bżonn għal investiment f'akkomodazzjoni soċjali adegwati u assistenza oħra għall-akkomodazzjoni.
L-impjiegi qed ikomplu jespandu b'ritmu kostanti fl-Ewropa, għalkemm għad hemm vulnerabbiltajiet f'xi Stati Membri. Is-swieq tax-xogħol komplew jitjiebu. Għalkemm il-qgħad qed jonqos kullimkien, xorta għadu għoli f'xi pajjiżi, partikolarment fost iż-żgħażagħ u min ilu qiegħed. Is-sottoutilizzazzjoni tal-forza tax-xogħol qed tonqos imma għadha mdaqqsa anke f'pajjiżi b'livell baxx ta' qgħad. L-iżviluppi fil-pagi għadhom moderati fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi u tas-setturi. Ir-riskji tal-faqar ġeneralment qed jonqsu imma għadhom għoljin f'xi pajjiżi.
3.2.
L-implimentazzjoni tal-proċedura tal-iżbilanċi makroekonomiċi
Il-Kummissjoni analizzat l-iżviluppi ekonomiċi u l-miżuri politiċi li ħadu l-pajjiżi kollha bi żbilanċi jew żbilanċi eċċessivi fil-qafas ta’ monitoraġġ speċifiku. Il-Kunsill appoġġa l-konklużjonijiet tar-rapporti tal-monitoraġġ speċifiku. Il-kamp ta' applikazzjoni u l-format tal-analiżijiet fil-fond u l-kategorizzazzjoni tal-iżbilanċi fil-qafas tal-Proċedura ta' Żbilanċi Makroekonomiċi baqgħu stabbli.
L-għadd ta’ Stati Membri identifikati bi żbilanċi eċċessivi qed jonqos. Fl-2017, ġew identifikati sitt Stati Membri bi żbilanċi u sitta oħra bi żbilanċi eċċessivi. Dawn it-tnax-il Stat Membru nżammu għal analiżi ulterjuri fl-2018 ukoll. L-analiżijiet fil-fond sabu li Stat Membru minnhom mhux qed jesperjenza żbilanċi, tmienja qed jesperjenzaw żbilanċi u tlieta qed jesperjenzaw żbilanċi eċċessivi. L-Appendiċi 3 jiġbor fil-qosor ir-riżultanzi mill-analiżijiet fil-fond skont l-Istat Membru.
Tabella 1: Eżitu tal-analiżijiet fil-fond fl-2017-2018
|
|
Eżitu tal-AFF tal-2017
|
Eżitu tal-AFF tal-2018
|
|
L-ebda żbilanċ
|
FI
|
SI
|
|
Żbilanċi
|
DE, IE, ES, NL, SI, SE
|
BG, DE, IE, ES, FR, NL, PT, SE
|
|
Żbilanċi eċċessivi
|
BG, FR, HR, IT, PT, CY
|
CY, HR, IT
|
L-analiżijiet fil-fond jindikaw li r-riskji qed jonqsu f'għadd ta' pajjiżi, li jimplika reviżjoni tal-kategorizzazzjoni tal-MIP rispettiva.
·Is-Slovenja, li kienet identifikata bi żbilanċi fl-2017, instab li mhi qed tesperjenza l-ebda żbilanċ. Ir-riskji għall-istabbiltà naqsu għal livelli iktar baxxi, u l-progress fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet politiċi tul is-snin li għaddew kienu kumplessivament sodisfaċenti u għadhom għaddejjin.
·Franza, li kienet identifikata bi żbilanċi eċċessivi fl-2017, instab li qed tesperjenza żbilanċi. L-iżviluppi ekonomiċi u azzjoni politika msaħħa kkontribwew għal korrezzjoni gradwali tal-isfidi eżistenti, li wasslu minn reviżjoni tal-kategorizzazzjoni għal tnaqqis fir-riskju.
·Il-Bulgarija li kienet identifikata bi żbilanċi eċċessivi fl-2017, instab li qed tesperjenza żbilanċi, peress li azzjoni politika u ambjent makroekonomiku favorevoli qed inaqqsu l-iżbilanċi, partikolarment fuq in-naħa esterna. Għadhom jenħtieġu aktar sforzi biex tintlaħaq korrezzjoni sostenibbli tal-iżbilanċi. Il-Kummissjoni se timmonitorizza l-impenji ekonomiċi mill-qrib, b’mod partikolari l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma (PNR) li jmiss, u l-iżvilupp tal-iżbilanċi fil-kuntest tal-monitoraġġ speċifiku.
·Il-Portugall li kien identifikat bi żbilanċi eċċessivi fl-2017, instab li qed jesperjenza żbilanċi, peress li azzjoni politika u l-kuntest ta' kundizzjonijiet makroekonomiċi u finanzjarji favorevoli qed inaqqsu l-bilanċ tar-riskji f'termini tad-dejn tas-settur pubbliku u tas-settur privat kif ukoll tad-dejn estern. B'mod partikolari, ir-rata tal-qgħad kważi waqgħet konsiderevolment u issa tinsab fil-livelli ta' qabel il-kriżi. Għadhom jenħtieġu aktar sforzi biex tintlaħaq korrezzjoni sostenibbli tal-iżbilanċi. Il-Kummissjoni se timmonitorizza l-impenji ekonomiċi mill-qrib, b’mod partikolari l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma (PNR) li jmiss, u l-iżvilupp tal-iżbilanċi fil-kuntest tal-monitoraġġ speċifiku.
L-iżviluppi huma ġeneralment favorevoli fil-pajjiż analizzati fl-analiżijiet fil-fond li jifdal.
·Il-Ġermanja, l-Irlanda, Spanja, in-Netherlands u l-Iżvezja huma identifikati, bħal fl-2017, li qed jesperjenzaw żbilanċi. Fost dawn il-pajjiżi, ambjent makroekonomiku favorevoli qed jikkontribwixxi għat-tnaqqis fl-iżbilanċi tal-akkumulu fl-Irlanda u Spanja, għalkemm, fi Spanja, l-avvanz reċenti fil-politika kien modest u mhux uniformi. Fin-Netherlands, l-awtoritajiet ħadu impenji qawwijin biex jindirizzaw l-iżbilanċi, imma dawn għad iridu jiġu implimentati. Il-progress fir-rigward tal-korrezzjoni tal-iżbilanċi huwa limitat fil-Ġermanja, fejn l-investiment privat u dak pubbliku, filwaqt li qed jiżdiedu, għad għandhom fejn jikbru iktar. Fl-Iżvezja, il-progress huwa limitat ukoll, minkejja l-ewwel sinjali li ż-żieda fil-prezzijiet tad-djar jaf qed tibda tikkalma.
·Ċipru, il-Kroazja u l-Italja huma identifikati, bħal fl-2017, li qed jesperjenzaw żbilanċi eċċessivi. L-iżbilanċi qed jonqsu fil-Kroazja u fl-Italja, sostnuti minn kumbinazzjoni ta' riformi, kundizzjonijiet ekonomiċi favorevoli u tnaqqis fir-riskji fis-settur bankarju. Madankollu, hemm bżonn ta' implimentazzjoni politika iktar determinata, partikolarment fil-Kroazja. L-ebda titjib tanġibbli ma ġie rreġistrat f'Ċipru, fejn l-implimentazzjoni politika kienet pjuttost limitata.
4.
Il-politiki tal-Istati Membri
Is-sitwazzjoni ekonomika attwali tirrifletti l-benefiċċji tar-riformi meħuda fil-passat reċenti u tipprovdi tieqa ta’ opportunità biex jiġu indirizzati bżonnijiet ta' riforma pendenti. Il-benefiċċji ta' riforma strutturali fl-Istati Membri f’dawn l-aħħar snin qed jinħassu madwar l-Ewropa. Il-grad ta' dawn il-benefiċċji – f'termini ta' tnaqqis fil-qgħad, żieda fl-introjti, u konverġenza mġedda – jirrifletti d-differenzi fl-attività ta' riforma reċenti. Momentum ikbar għar-riforma tal-ekonomiji, l-amministrazzjonijiet pubbliċi u s-sistemi ta’ protezzjoni soċjali jgħinu biex titjieb ir-reżiljenza tal-ekonomiji u s-soċjetajiet tal-Ewropa u jilqgħu għal skossi makroekonomiċi fil-futur. Adattament għall-bidla strutturali li qed isseħħ jgħin inaqqas id-differenzi fil-produttività, u jtejjeb l-eżiti soċjali. Ir-riformi se jgħinu wkoll l-ekonomiji biex isostnu l-espansjoni attwali billi jneħħu l-limiti fuq in-naħa tal-provvista. Il-perspettiva ekonomika favorevoli attwali ma tridx twassal għal kompjaċenza.
Jaf jgħaddi ż-żmien qabel ma l-benefiċċji tar-riformi jinħassu kompletament, imma l-esperjenza tgħallem li r-riformi jaħdmu u li l-kundizzjonijiet favorevoli tal-lum jipprovdu l-ambjent adatt. Ħafna riformi ma għandhomx spejjeż pekunjarji sinifikanti. Li l-ispejjeż ekonomiċi għat-terminu l-qasir jinżammu baxxi u jitqassmu b'mod ġust jista' jsaħħaħ l-effikaċja tagħhom u s-sostenn pubbliku għalihom. Dan jitlob ukoll reqqa fis-sekwenza tal-miżuri u fil-forma li se jieħdu. Pereżempju, ċerti riformi tas-suq tax-xogħol u tal-prodotti jaf ikollhom spejjeż fit-terminu l-qasir meta mqabbla ma' benefiċċju fit-terminu t-twil, u għandhom it-tendenza li jsaħħu l-impatti ta' xulxin. Barra minn hekk, dawn jistgħu jkunu appoġġati minn riformi li jtejbu l-kwalità u l-kompożizzjoni tal-finanzi pubbliċi u f'xi Stati Membri, bl-użu tal-ispazju fiskali disponibbli. B'mod ġenerali, il-kost politiku tal-implimentazzjoni tar-riformi għandu t-tendenza jkun iktar baxx fi żminijiet ekonomiċi tajbin. Din raġuni b'saħħitha oħra għala ma għandhiex titwarrab l-opportunità pprovduta mis-sitwazzjoni ekonomika attwali.
Ir-riformi jeħtieġu preparazzjoni soda u kapaċità amministrattiva u teknika adegwata. Ir-riformi biex itejbu l-kapaċità amministrattiva, l-effikaċja u l-kwalità jippermettu r-riformi. Ir-riformi tal-amministrazzjonijiet pubbliċi għandhom kostijiet limitati fit-terminu l-qasir u jistgħu jkunu effikaċi fi kwalunkwe punt taċ-ċiklu. Dawn jistgħu jkunu ta' appoġġ reċiproku għal riformi mfasslin sew oħrajn li għandhom ukoll benefiċċji importanti fit-terminu l-qasir fil-forma ta' effetti ta' kunfidenza. Is-sensibilizzazzjoni dwar il-benefiċċji, l-iżvilupp ta' bażi komuni fost interessi diverġenti tal-partijiet ikkonċernati, u l-iffukar fuq il-ġid komuni huwa ffaċilitat permezz ta' ħidma preparatorja tajba minn amministrazzjoni adegwata. L-implimentazzjoni f'waqtha ta' xi riformi tista' tinvolvi li jkun hemm fis-seħħ kundizzjonijiet ġuridiċi u tekniċi (eż. IT) adatti. Eżiti tar-riformi li jistgħu jinkisbu u jitkejlu jridu jkunu speċifikati, immonitorizzati, u kkomunikati. Il-Programm ta' Appoġġ għal Riformi Strutturali tal-Kummissjoni jipprovdi appoġġ tekniku sostanzjali lill-Istati Membri biex jipprovdu l-bażi xierqa għal riformi li jirnexxu (ara t-Taqsima 2).
L-involviment tal-partijiet ikkonċernati nazzjonali, inklużi s-sħab soċjali, huwa strumentali għal riformi sostenibbli u li jirnexxu. L-adeżjoni tal-partijiet ikkonċernati għar-riformi ttejjeb il-perspettiva tar-realizzazzjoni u tgħin fil-ksib tal-eżiti xierqa, anke f'termini ta’ ġustizzja. Filwaqt li hemm lok li jmorru oltre, l-Istati Membri ħadu passi biex jinvolvu iktar lis-sħab soċjali fit-tfassil u fl-implimentazzjoni tar-riformi. L-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja u s-Slovakkja użaw appoġġ mill-Fond Soċjali Ewropew biex isaħħu l-kapaċità tas-sħab soċjali biex jikkontribwixxu għat-tfassil ta' riformi ewlenin. Il-gvern Franċiż stieden lis-sħab soċjali jinnegozjaw riforma tal-assigurazzjoni fuq il-qgħad. Is-sħab soċjali Taljani ffirmaw ftehim ġdid dwar ir-rappreżentattività tat-trade unions. Fid-Danimarka, ftehim tripartitiku dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ għall-adulti għandu l-għan li jtejjeb il-ħiliet. Fil-Portugall, wara l-pubblikazzjoni ta' Green Book dwar ir-Relazzjonijiet Industrijali, il-gvern beda diskussjonijiet mas-sħab soċjali dwar miżuri biex tiġi indirizzata s-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol. Fin-Netherlands, is-sħab soċjali qed ikunu involuti mill-qrib fir-riforma tas-sistema tal-pensjonijiet. Xi Stati Membri jinvolvu wkoll organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fit-tfassil tar-riformi.
4.1
Politiki fiskali responsabbli, tassazzjoni effikaċi u ġusta, stabbiltà finanzjarja
Madwar l-UE, id-defiċits u d-djun pubbliċi qed ikomplu jonqsu, l-iktar bis-saħħa ta' tkabbir li qed jaċċellera u rati tal-imgħax baxxi. Fil-kuntest ta' perspettiva ekonomika appoġġata ulterjorment, il-Kummissjoni tistenna li l-bilanċ nominali tal-gvern jitjieb ulterjorment fl-UE, bi tnaqqis sussegwenti tal-proporzjon tad-dejn għall-PDG fi kważi l-Istati Membri kollha fis-snin li ġejjin. L-ambjent ekonomiku favorevoli attwali jipprovdi opportunità biex jinbnew il-buffers fiskali meħtieġa biex tissaħħaħ ir-reżiljenza għall-iskossi.
Kien hemm titjib fil-governanza fiskali f'għadd ta' Stati Membri; it-tkomplija tat-titjib jgħin biex il-finanzi pubbliċi jsiru iktar sostenibbli u prevedibbli. Il-Bulgarija reċentement emendat l-Att tagħha dwar il-Finanzi Pubbliċi bl-għan li tinkiseb konformità sħiħa mar-rekwiżiti tal-UE. Fir-Repubblika Ċeka, liġi ġdida dwar ir-responsabbiltà fiskali saħħet b'mod sinifikanti l-governanza fiskali. It-Litwanja rfinat l-applikazzjoni tar-regoli nazzjonali ta' nfiq u l-akkontabilità biex jintlaħqu l-miri fiskali tagħha. Malta qed tintroduċi kontabilità abbażi tad-dovuti fid-dipartimenti governattivi kollha. L-Istati Membri kollha ħlief il-Polonja u r-Repubblika Ċeka, f'dan tal-aħħar sakemm tingħata l-approvazzjoni parlamentari mill-membri, għandhom fis-seħħ kunsilli fiskali indipendenti. Madankollu għadhom jipprevalu xi sfidi għall-governanza fiskali nazzjonali. L-awtonomija fiskali tal-istituzzjonijiet fiskali indipendenti f'xi Stati Membri tista' tissaħħaħ. Huwa meħtieġ koordinament aħjar tal-ippjanar fiskali fil-livelli tal-gvern fl-Istati Membri bi strutturi kostituzzjonali federali.
Analiżijiet tal-infiq implimentati rigorożament iwasslu għal infiq effiċenti ta' flus il-kontribwenti. Dawn għandhom il-potenzjal li jtejbu l-eżiti tal-politika pubblika u l-allokazzjoni ta' fondi pubbliċi fost prijoritajiet politiċi, filwaqt li tinżamm ir-responsabbiltà fiskali. L-analiżijiet tal-infiq għadhom għaddejjin f'ħafna Stati Membri. Pereżempju, Spanja inkarigat lill-istituzzjoni fiskali indipendenti, l-AIReF, biex iwettaq analiżi fost il-livelli tal-gvern. Għaddejjin ukoll xi inizjattivi barra miż-żona tal-euro, pereżempju fil-Bulgarija fejn għaddejjin analiżijiet tal-infiq li jiffukaw fuq il-manutenzjoni u l-infiq mill-persunal f'bosta ministeri u muniċipalitajiet.
Jeħtieġ li kemm l-investiment pubbliku u kemm dak privat jiġi salvagwardjat biex jissaħħaħ il-potenzjal ta’ tkabbir taż-żona tal-euro. Fil-każ ta' nfiq pubbliku, dan jista’ jinkiseb permezz ta' kompożizzjoni fiskali tajba u titjib fil-kwalità tal-finanzi pubbliċi. Xi Stati Membri adottaw pjanijiet pluriennali biex jagħtu spinta lill-infiq fuq investiment pubbliku. Franza adottat "Grand plan d'investissement 2018-2022" biex tħejji l-ekonomija għall-isfidi tal-ġejjieni. L-Irlanda żviluppat ulterjorment il-"Capital Investment Plan for 2018-2021" tagħha biex tieħu ħsieb l-effett lembut fl-infrastruttura li rriżulta minn tnaqqis fl-investiment pubbliku fiż-żmien ta' wara l-kriżi f'oqsma bħad-djar, it-trasport u l-infrastruttura tal-ilma. Il-Ġermanja għamlet progress fl-indirizzar tal-kapaċità u l-limiti fl-ippjanar għall-investimenti infrastrutturali f'setturi speċifiċi bħat-trasport. Għandu jkun hemm sforzi biex jiġi mmobilizzat l-investiment privat, inkluż permezz ta' Sħubijiet Pubbliċi Privati.
Ir-riformi tal-kura tas-saħħa u tal-pensjonijiet huma meħtieġa biex tinżamm is-sostenibbiltà, l-aċċessibbiltà u l-kwalità tas-sistemi rispettivi, filwaqt li tiġi żgurata l-adegwatezza. Flimkien mat-tkabbir aktar mgħaġġel tal-gruppi tal-popolazzjoni ta' 'l fuq minn 60 sena u l-progress teknoloġiku fil-kura tas-saħħa, is-setturi tal-kura tas-saħħa u tal-pensjonijiet huma fost l-ikbar u l-iktar li qed jikbru malajr minn fost is-setturi tal-infiq pubbliku. Ħlasijiet informali biex jinkisbu trattament u aċċess għall-kura tas-saħħa differenzjati għadha problema f'xi Stati Membri u jħallu konsegwenzi negattivi importanti fuq l-aċċess universali għall-kura tas-saħħa u s-sostenibbiltà tal-kura tas-saħħa. Il-parti l-kbira tal-Istati Membri ħadu azzjoni fil-qasam tal-pensjonijiet u l-kura tas-saħħa fis-snin reċenti, madankollu l-progress minn sena għall-oħra jidher li kien pjuttost modest. Fi żmien iktar reċenti, is-Slovakkja qed ittejjeb il-kosteffettività tas-sistema tal-kura tas-saħħa, inkluż billi timplimenta l-proġett valur għal flusek li jidher li ġġenera xi bidliet pożittivi u konkreti li wasslu għal iffrankar tal-flus. Id-Danimarka adottat inċentivi ġodda biex in-nies jagħżlu li ma jibbenefikawx minn skema ta' rtirar bikri sabiex l-irtirar ikun pospost u anke l-Litwanja u l-Portugall għamlu riformi biex jillimitaw l-impatti negattivi ta' xi aspetti tas-sistemi tal-pensjonijiet tagħhom fuq is-sostenibbiltà fiskali fit-tul. Dawn il-prattiki tajbin iridu jiġu segwiti b'mod usa' biex tinżamm is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi u b'hekk ikun garantit li ċ-ċittadini jkollhom il-kura tas-saħħa u l-pensjonijiet koperti, anke fl-interess tal-ġustizzja interġenerazzjonali.
Sistemi fiskali ġusti u favorevoli għat-tkabbir jistgħu jgħinu u jappoġġaw l-investiment privat u jtejbu l-ambjent tan-negozju, jinkoraġġixxu l-impjiegi, inaqqsu l-inugwaljanzi u jikkontribwixxu għal ekonomija ambjentalment reżiljenti. Il-Belġju qed timplimenta gradwalment sistema ta' taxxi li ma tibqax abbinata max-xogħol. Fi Franza, il-kreditu ta' taxxa għall-impjiegi u l-kompetittività se jiġi konvertit fi tnaqqis permanenti fil-kontribuzzjonijiet tal-impjegaturi għas-sigurtà soċjali u se jkun akkumpanjat minn tnaqqis ulterjuri għall-iktar pagi baxxi. Il-Latvja u l-Ungerija naqqsu kemm kemm il-porzjon ta' taxxa relattivament għoli fuq persuni b'introjtu baxx. Fl-Iżvezja, il-miżuri fiskali qed jappoġġaw ekonomija aktar ekoloġika u sostenibbli.
Ippjanar aggressiv tat-taxxa jfisser telf sinifikanti għall-kontribwenti Ewropej; it-traspożizzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE se tgħin biex trażżan dawn il-prattiki. It-telf fl-introjtu mit-trasferiment tal-profitt fl-UE biss huwa stmat għal EUR 50-70 biljun. Ippjanar aggressiv tat-taxxa joħloq kundizzjonijiet inugwali fost il-kumpaniji, u jiddevja r-riżorsi inġustament mill-għanijiet ta' nfiq tal-gvernijiet. L-abbuż tat-taxxa jista' jitrażżan bit-tisħiħ tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar it-taxxi, żieda fit-trasparenza, u kooperazzjoni bejn il-gvernijiet. Il-Belġju, Ċipru, Malta u n-Netherlands qed jemendaw aspetti mis-sistemi tat-taxxa tagħhom li ffaċilitaw ippjanar aggressiv tat-taxxa. Fl-Irlanda, ir-rakkomandazzjonijiet ta' analiżi indipendenti tal-kodiċi tat-taxxa korporattiva ġew ippreżentati għal konsultazzjoni pubblika. Sa tmiem l-2018, l-Istati Membri jridu jittrasponu d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva Kontra l-Evitar tat-Taxxa (ATAD) fil-liġi nazzjonali tagħhom.
Miżuri li ttieħdu biex isaħħu s-settur bankarju u jittrattaw il-livelli għoljin ta' self improduttiv qed iħallu l-frott u jeħtieġ li jiġi intensifikati iktar. F'Lulju 2017, il-Kunsill qabel dwar pjan ta’ azzjoni tal-UE biex jonqsu l-akkumuli ta' self improduttiv fis-settur bankarju u biex jipprevjenuhom milli jerġgħu jfeġġu. L-azzjonijiet dwar is-superviżjoni bankarja, ir-riforma tal-oqfsa ta' insolvenza u l-irkupru tad-dejn, l-iżvilupp ta' swieq sekondarji għal assi f'diffikultà, u r-ristrutturar tal-industrija bankarja jeħtieġ li jitkomplew b'mod vigoruż, biex titjieb il-profitabbiltà tal-banek, it-trażmissjoni tal-politika monetarja, u l-finanzjament tal-attività ekonomika. L-isforzi tal-Italja, inkluż it-twaqqif ta' skema ta' titolizzazzjoni għas-self improduttiv, qed iħallu effett. Il-Bank tas-Slovenja ħareġ toolkit biex jipprevjeni, jidentifika u jġestixxi s-self improduttiv. L-Irlanda u l-Kroazja wkoll ippromwovew it-tneħħija tas-self improduttiv, pereżempju bl-emendi għar-regoli tat-taxxa. Madankollu, il-livell ta' self improduttiv għadu għoli f'xi Stati Membri, u jnaqqas il-profittabbiltà partikolarment ta' banek iżgħar.
4.2
Swieq tax-xogħol, sistemi edukattivi u politiki soċjali reżiljenti u inklussivi
Minkejja li bħalissa r-rata tal-impjiegi fl-Ewropa hija l-ogħla li qatt kienet u li l-faqar u l-esklużjoni soċjali bdew jonqsu, għad baqa' sfidi importanti. Il-qgħad u l-għadd ta' persuni fir-riskju tal-faqar għadhom għoljin wisq, li jindika li l-irkupru għadu mhux jilħaq il-partijiet kollha tas-soċjetà u tal-ekonomija. Apparti li jridu jegħlbu l-piżijiet tal-imgħoddi, is-swieq tax-xogħol u s-sistemi soċjali u edukattivi jridu jadattaw ruħhom biex jiffaċċaw l-isfidi tal-globalizzazzjoni u l-progress teknoloġiku.
Sistemi ta' protezzjoni soċjali sostenibbli u inklussivi huma kruċjali biex inaqqsu l-impatt tal-iskossi ekonomiċi. B'konformità mal-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, il-ħaddiema kollha għandu jkollhom aċċess għal protezzjoni soċjali, irrispettivament mit-tip u d-durata tar-relazzjoni tax-xogħol. Madankollu, żieda fil-mobbiltà tal-forza tax-xogħol u fil-forom ġodda ta' impjiegi huma xejriet li mhux faċli jitqabblu mas-sistemi ta' protezzjoni soċjali. Id-Danimarka, Franza, l-Italja, il-Polonja u l-Portugall bdew riformi f'dan il-qasam, bħall-estensjoni tal-kopertura tad-drittijiet soċjali u l-benefiċċji tal-qgħad għal nies f'impjiegi mhux standard u impjegati għal rashom. Fil-Portugall, dan jinkludi pjanijiet biex tissaħħaħ l-attivazzjoni tal-kapaċità tar-riċevituri, pereżempju bit-titjib tal-kooperazzjoni bejn l-impjiegi u s-servizzi soċjali. Il-Belġju qed jieħu azzjoni billi jipprovdi appoġġ addizzjonali għall-kostituzzjoni ta' pensjoni għal individwi impjegati għal rashom u tnaqqis tal-limitu tal-kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali fil-bidu tal-attivitajiet tagħhom. Fl-Iżvezja, minbarra l-assigurazzjoni obbligatorja fuq il-qgħad, il-ħaddiema impjegati għal rashom jistgħu jagħżlu pagament supplimentari sussidjat mill-Istat. Franza ħabbret riforma tas-sistema tal-benefiċċji tal-qgħad biex tħeġġeġ l-użu mill-kumpaniji ta' kuntratti tax-xogħol itwal.
Kaxxa 1: Protezzjoni soċjali sostenibbli, adegwata u effikaċi fl-Ewropa
Fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet soċjali, bosta prinċipji, partikolarment il-prinċipji 12 u 14 jenfasizzaw l-importanza ta' protezzjoni soċjali adegwata. Protezzjoni soċjali adegwata, inkluż pensjonijiet tax-xjuħija, il-kura tas-saħħa, benefiċċji tal-qgħad u assistenza soċjali hija ta' importanza kritika biex ittaffi d-diffikultajiet li jgħaddu minnhom in-nies u l-familji meta jħabbtu wiċċhom ma’ telf ta’ impjieg jew diżappunti oħra. Dan hu importanti speċjalment f'dinja ta' trasformazzjonijiet rapidi minħabba t-tixjiħ, it-teknoloġija u l-globalizzazzjoni, biex in-nies jingħataw appoġġ waqt tranżizzjonijiet fil-karriera u għajnuna biex jieħdu vantaġġ mill-opportunitajiet u jindirizzaw l-isfidi li tipprovdi ekonomija li tinbidel malajr. Fuq skala ikbar, protezzjoni soċjali adegwata u effikaċi hija essenzjali għal ekonomija sejra tajjeb u swieq tax-xogħol li jaħdmu sew u li jinħolqu impjiegi ta’ kwalità u tkabbir sostenibbli. Is-sostenibbiltà fiskali fit-tul tas-sistemi ta' protezzjoni soċjali tista' tiġi żgurata biss jekk il-kondiviżjoni tar-riskju inerenti fil-protezzjoni soċjali tkun mifruxa sew.
L-Istati Membri qed jimmodernizzaw is-sistemi tal-protezzjoni soċjali, billi jtejbu l-kopertura u l-adegwatezza tal-benefiċċji u tas-servizzi, b’mod partikolari għall-ħaddiema mhux standard, u jħeġġu b’mod attiv il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol. Is-sena l-oħra, xi Stati Membri, bħall-Italja, id-Danimarka, il-Latvja, il-Portugall u Franza estendew il-kopertura tal-protezzjoni soċjali għal min hu impjegat għal rasu. L-Istati Membri qed jieħdu azzjoni wkoll biex jappoġġaw iktar attivament il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, spiss b’enfasi fuq gruppi speċifiċi. Is-Slovakkja qed timplimenta pjan ta' azzjoni ambizzjuż b'appoġġ għal persuni Qiegħda għal Żmien Twil biex tipprovdilhom servizzi mfassla apposta għalihom. Fi Spanja, inħoloq Netwerk ta' Inklużjoni Soċjali bħala għodda ta' koordinazzjoni bejn is-servizzi soċjali u s-servizzi għall-impjiegi.
Madankollu, globalment hemm bżonn ta' approċċ iktar komprensiv u koerenti biex jiġu indirizzati l-isfidi komuni għall-Istati Membri. Il-ħolqien konsiderevoli tax-xogħol tas-snin reċenti diġà għen. Filwaqt li impjieg jibqa' l-aqwa assigurazzjoni kontra l-faqar, kważi 10 % tal-ħaddiema huma kklassifikati taħt "faqar fost dawk li jaħdmu". U dan il-porzjon qed jiżdied bil-mod f'kuntest ta' swieq tax-xogħol li qed jinbidlu.
Finalment, il-profondità u l-persistenza tal-faqar qed jiżdiedu f'xi Stati Membri, li juri diskrepanzi fit-tfassil tal-protezzjoni soċjali u l-implimentazzjoni. Pereżempju, f'Marzu 2017, l-Italja introduċiet skema ta' appoġġ għall-introjtu minimu universali u l-Liġi tal-Baġit tal-2018 allokat strutturalment riżorsi ulterjuri. Il-Portugall għamel bidliet importanti fl-iskema ta' introjtu minimu biex isaħħaħ il-kapaċità tiegħu li jintegra u jipproteġi nies li jgħixu fil-faqar, mingħajr diskriminazzjoni skont in-nazzjonalità. Madankollu, filwaqt li l-assistenza soċjali hija meħtieġa biex ikun żgurat li kull min ma għandux riżorsi suffiċjenti jkun jista' jgħix ħajja dinjituża, dan għandu jkun l-aħħar għażla, biex in-nies jingħataw il-possibbiltà u l-appoġġ biex jerġgħu jagħmlu parti minn soċjetà bi rwol attiv. It-titjib tat-tfassil tas-sistemi ta' taxxa u benefiċċji, it-trawwim ta' opportunitajiet indaqs fl-edukazzjoni u t-taħriġ, l-iżgurar ta' aċċess għal servizzi soċjali ta’ kwalità u kura tas-saħħa, u l-promozzjoni ta' ugwaljanza bejn is-sessi, jistgħu jikkontribwixxu biex jitnaqqsu l-inugwaljanzi u l-faqar, kif ukoll it-trażmissjoni tagħhom minn ġenerazzjoni għall-oħra.
L-emerġenza ta' forom ġodda ta' xogħol għal adattament ta' istituzzjonijiet tas-suq tax-xogħol. Il-bżonnijiet għal flessibilità biex tiġi akkomodata domanda għall-ħaddiema li qed tinbidel iridu jkunu bbilanċjati mal-bżonn ta' sigurtà tal-ħaddiema u l-familji tagħhom, biex tiġi evitata segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol. Pereżempju, il-Litwanja introduċiet riforma komprensiva tal-Kodiċi Industrijali tagħha, bl-għan li tissemplifika r-regoli għat-terminazzjoni tal-impjiegi filwaqt li tnaqqas id-durata massima tal-kuntratti b'terminu fiss, iżżid il-benefiċċji tal-qgħad u tinkoraġġixxi n-negozjar kollettiv.
It-tixjiħ demografiku jfisser tnaqqis fil-provvista tax-xogħol, li jżid il-pressjoni fuq il-popolazzjoni attiva sabiex ikunu żgurati s-sostenibbiltà u l-adegwatezza tas-sistemi tal-pensjonijiet. Fis-snin li ġejjin, mistennija jirtiraw għadd kbir ta' ħaddiema. F'din il-perspettiva, it-tisħiħ tal-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol u tal-produttività huwa kruċjali. Hemm lok biex jiżdiedu r-rati tal-impjieg tan-nisa, tal-ħaddiema b'età iktar avvanzata, tal-ħaddiem b'livell baxx ta' ħiliet, tal-persuni b'diżabbiltajiet u tal-persuni ġejjin minn kuntest ta' migrazzjoni. Jeħtieġ li l-impjegar ta' nies minn dawn il-gruppi jkun iffaċilitat, inkluż billi jitnaqqsu d-diżinċentivi għax-xogħol, jiġu pprovduti edukazzjoni u taħriġ adatti, ikunu permessi arranġamenti ta' ħinijiet flessibbli tax-xogħol u jkun żgurat aċċess għal servizzi ta' kura tas-saħħa, servizzi ta' assistenza għat-tfal u servizzi ta' assistenza oħrajn affordabbli u ta’ kwalità. Miżuri biex jiġu promossi arranġamenti ta' ħinijiet flessibbli tax-xogħol jew aċċess għal servizzi ta' ndukrar ittieħdu, fost l-oħrajn, mir-Repubblika Ċeka, il-Lussemburgu, ir-Rumanija u s-Slovakkja. Il-Ġermanja u l-Awstrija jippromwovu ħajjiet tax-xogħol itwal billi jippermettu tranżizzjonijiet flessibbli għall-ħaddiema ta' età iktar avvanzata lejn l-irtirar. Għadd ta' pajjiżi ħadu miżuri biex jippromwovu l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta' persuni ġejjin minn kuntest ta' migrazzjoni, inklużi l-Ġermanja, id-Danimarka, il-Finlandja u l-Iżvezja.
Il-ħiliet tal-ħaddiema għandhom ikunu aġġornati mal-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol tul il-ħajja tax-xogħol tagħhom. Il-ħiliet bażiċi taż-żgħażagħ Ewropej iddgħajfu f'bosta Stati Membri, u l-aċċess għall-edukazzjoni spiss ma tkunx ugwali. Jeħtieġ li s-sistemi edukattivi ikunu modernizzati iktar u jsiru iktar miftuħin għal gruppi żvantaġġati, biex l-individwi jkunu jistgħu jsiru ċittadini attivi u jieħdu vantaġġ sħiħ mill-ħajjiet tax-xogħol tagħhom, u jkunu allinjati mal-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol. Iridu jsiru sforzi b'mod wiesa’ biex jittejbu s-sistemi edukattivi fl-istadji kollha biex jiġu pprovduti perspettivi kemm għaż-żgħażagħ u kemm għall-persuni b'età iktar avvanzata. Dan, flimkien ma' titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid, jipprevjeni li jfeġġu nuqqasijiet ta' ħiliet u diskrepanzi li, b'mod partikolari, qed jolqtu ħażin lill-intrapriżi żgħar u medji. Xi Stati Membri bdew jiffaċċaw l-isfida. Fl-Irlanda, l-infiq pubbliku fl-edukazzjoni qed imur lura għal-livelli ta' qabel il-kriżi s-sistema edukattiva qed tissaħħaħ. Fid-Danimarka, riformi wisgħin fl-edukazzjoni għandhom l-għan li jtejbu l-eżiti tal-iskejjel u jgħollu l-istandards akkademiċi. Il-Kroazja qed tniedi proġett pilota dwar it-tranżizzjoni diġitali tal-iskejjel. Il-Portugall, flimkien ma' miżuri preċedenti meħudin f’dawn l-aħħar snin, reċentement introduċa programm biex iqawwi l-ħiliet u l-kwalifiki tal-popolazzjoni adulta.
Kaxxa 2: Tisħiħ tal-pożizzjoni tal-ħaddiema permezz ta' ħiliet aħjar fl-Ewropa
Fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, bosta prinċipji, partikolarment il-prinċipju 1 jenfasizzaw l-importanza tal-aċċess għall-edukazzjoni, it-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja. L-Ewropa tiddependi b'mod kritiku fuq il-ħiliet tal-forza tax-xogħol tagħha. L-edukazzjoni u t-taħriġ huma muturi tat-tkabbir, tal-impjiegi u tar-reżiljenza. L-Ewropa tinsab fit-triq li tilħaq il-miri tal-2020 kemm dwar it-tluq bikri mill-iskola u kemm dwar il-ksib ta' edukazzjoni terzjarja, u l-Istati Membri qed jieħdu azzjoni biex jimmodernizzaw is-sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ tagħhom biex jittrattaw ukoll il-profiċjenza baxxa fil-ħiliet bażiċi, itejbu r-rilevanza tas-suq tax-xogħol tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u l-edukazzjoni għolja, jespandu u jżidu l-kwalità tal-apprendistati, u jivvalidaw il-ħiliet mhux miksuba bis-sistema formali. B'konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Perkors ta' Titjib tal-Ħiliet, l-Istati Membri mistennijin jindikaw miżuri xierqa sa nofs l-2018; il-Kummissjoni tissuġġerixxi li dan isir bħala parti mill-Programmi Nazzjonali ta' Riforma mistennijin fir-rebbiegħa li ġejja u se tikkunsidrahom fil-qafas tal-proċeduri ta' rapportar eżistenti.
Madankollu, għad fadal ħafna sfidi. L-impjegaturi qed isibuha diffiċli biex isibu nies bil-ħiliet it-tajba. Nies b'livell baxx ta' ħiliet jew kwalifiki qegħdin f'riskju ta' qgħad, faqar, saħħa eħżen, esklużjoni soċjali u parteċipazzjoni demokratika. Nofshom biss jaħdmu, meta mqabbla ma' 80 % ta' min għandu livell għoli ta' kwalifiki, u b'hekk jitfgħu piż fuq il-provvista ta' ħaddiema u l-produttività. Sfond soċjoekonomiku żvantaġġat jibqa' l-iktar fattur sinifikanti marbut ma’ livell baxx ta' kisbiet edukattivi. Il-bidla teknoloġika u t-tixjiħ demografiku jeħtieġu investiment f'taħriġ f'ħiliet ġodda u f'ħiliet aqwa, imma adult minn għaxra biss jieħu vantaġġ mill-opportunitajiet ta’ tagħlim u ħafna ma jiżviluppawx il-ħiliet meħtieġa biex jibbenefikaw mill-bidla diġitali. Huwa għalhekk li l-ewwel prinċipju tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jippromwovi l-aċċess għal edukazzjoni u taħriġ ta' kwalità għolja f'perspettiva ta’ tagħlim tul il-ħajja, biex in-nies ikunu jistgħu jagħtu sehemhom bis-sħiħ fis-soċjetà.
L-implimentazzjoni sħiħa tal-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet li tnediet fl-2016 hija kruċjali biex dan il-prinċipju jkun segwit. L-għaxar azzjonijiet tiegħu jindirizzaw l-isfidi ewlenin, billi jippromwovu l-akkwiżizzjoni ta' ħiliet bażiċi minn adulti b'livell baxx ta' kwalifiki (l-inizjattiva "Perkors ta' Titjib tal-Ħiliet"), it-trawwim tal-investiment fil-ħiliet diġitali (Koalizzjonijiet Nazzjonali għall-Ħiliet Diġitali u l-Impjiegi), it-tnaqqis tal-ispariġġ bejn il-ħiliet mgħallma u l-ħiliet meħtieġa fis-settur tas-servizzi u l-industrija tal-manifattura (Pjan ta’ azzjoni għal kooperazzjoni settorjali dwar il-ħiliet), it-titjib tat-trasparenza tal-ħiliet u tal-kwalifiki (il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki, il-Europass), l-immodernizzar tal-edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali filwaqt li tiżdied l-attraenza tagħhom u l-indirizzar tal-"esodu ta' mħuħ" madwar l-UE kif ukoll spinta lill-kompetenzi kruċjali taċ-ċittadini Ewropej. Il-Kummissjoni se tkompli l-kollaborazzjoni mal-OECD fl-2018 b'appoġġ għall-istrateġiji għall-ħiliet fl-Istati Membri rispettivi u b'rabta mal-azzjonijiet varji li jiffukaw fuq l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali mmirati lejn il-bżonnijiet konkreti ta' ħiliet għas-suq tax-xogħol. F'Novembru 2017, il-Kummissjoni speċifikat il-perspettiva ta' Żona Ewropea ta' Edukazzjoni, fejn kooperazzjoni transfruntiera msaħħa u mobilità msaħħa se jgħinu biex titjieb il-kwalità tat-tagħlim, filwaqt li jagħtu spinta lill-ħiliet taż-żgħażagħ u jagħmluhom iktar impjegabbli. Il-Kummissjoni ppreżentat ukoll pjan ta’ azzjoni dwar l-edukazzjoni diġitali fis-17 ta' Jannar 2018.
4.3
Kwalità ta' investiment, produttività msaħħa, kompetittività
B'kundizzjonijiet ta' finanzjament favorevoli u sentiment ekonomiku iktar pożittiv, parzjalment minħabba t-tneħħija tal-ostakli għall-investiment, l-investiment qed jaqbad ir-ritmu. Il-kundizzjonijiet għall-investiment tjiebu dan l-aħħar, bi tnaqqis fl-inċertezza, tnaqqis fil-pressjonijiet ta' diżingranaġġ korporattiv, kundizzjonijiet ta' finanzjament ta' appoġġ, u perspettiva aħjar għad-domanda aggregata. Fl-istess ħin, l-investiment kumplessiv u l-investiment pubbliku b'mod partikolari għadhom responsabbli għal proporzjon relattivament baxx tal-PDG. L-investiment fl-assi intanġibbli qed jikber, minn livelli baxxi.
It-tneħħija tal-ostakli strutturali għall-investiment, b'konformità mal-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa, qed tiġi indirizzata. "It-tielet pilastru" tal-Pjan ta’ Investiment jippromwovi t-tneħħija tal-ostakli għall-investiment u iktar prevedibbiltà regolatorja sabiex l-Ewropa tibqa' attraenti għall-investimenti. Sabiex tiżdied il-kompetittività tal-ekonomiji Ewropej, it-tisħiħ tar-riformi għas-suq tal-prodotti u r-riformi li jrawmu l-innovazzjoni huwa kruċjali. Għalkemm dan l-aħħar naqsu, il-kostijiet għoljin tal-piżijiet amministrattivi u tar-regolamentazzjoni jillimitaw l-ambjent tan-negozju. In-nuqqasijiet istituzzjonali li jridu jiġu indirizzati jinkludu ineffiċjenzi fl-amministrazzjoni pubblika, fil-piżijiet regolatorji, fil-korruzzjoni, kif ukoll fl-isfidi għall-istat tad-dritt u l-effikaċja tas-sistemi ġudizzjarji. Il-kompetizzjoni fis-settur tas-servizzi qed tkompli titjieb, u qed tippermetti li jinħatfu l-benefiċċji tad-diġitalizzazzjoni, ta' ktajjen tal-valur iktar effikaċji, għażliet aħjar, u prezzijiet iktar baxxi. Il-Finlandja, b'mod partikolari, għamlet progress sostanzjali fit-titjib ta' qafas regolatorju u fit-tnaqqis tal-piż amministrattiv biex ittejjeb iktar il-kompetizzjoni fis-servizzi, inkluż il-progress fuq il-qafas li jirregola fornituri ta’ servizzi tal-ekonomija kollaborattiva. Fis-Slovakkja, ġie adottat pakkett ta' miżuri biex jitjieb l-ambjent tan-negozju u jagħti spinta lill-investiment u sal-2019 għandu jkun implimentat, u Franza min-naħa tagħha aġixxiet billi naqqset il-piż għoli tat-taxxa fuq il-kumpaniji.
Dgħufijiet fil-kapaċità amministrattiva jżidu man-nuqqasijiet tal-ambjent tan-negozju. Il-qafas tal-akkwist pubbliku qed jitjieb fi Spanja, l-Ungerija u r-Rumanija. Il-Portugall ħa miżuri biex itejjeb il-funzjonament u l-effikaċja tal-insolvenza u tal-proċedimenti tat-taxxa. Ċipru u r-Repubblika Ċeka qed jagħmlu progress bl-introduzzjoni ta' servizzi ta' gvern elettroniku u s-Slovenja adottat ir-regoli li mistennija jħaffu l-proċedura tal-applikazzjoni għal kostruzzjoni u jqawwu ċ-ċertezza tad-dritt tal-investituri, u b'hekk jipprovdu iktar inċentivi għall-investiment.
Il-korruzzjoni tibqa' ostaklu għat-tkabbir f'partijiet tal-Ewropa billi toħloq inċertezza għan-negozji, tmajna l-proċessi amministrattivi u timponi spejjeż addizzjonali għas-soċjetà u l-ekonomija. 37 % tal-kumpaniji madwar l-UE jsemmu l-korruzzjoni bħala problema meta tagħmel in-negozju, u l-kwistjoni tinħass b'mod partikolari f'xi Stati Membri. Fil-livell nazzjonali, ittieħdu xi azzjonijiet biex jiġu indirizzati dawn l-isfidi. L-Italja għamlet sforzi biex ittejjeb l-amministrazzjoni pubblika tagħha u adottat leġiżlazzjoni importanti kontra l-korruzzjoni. Spanja għamlet progress ukoll fl-implimentazzjoni tat-trasparenza u l-qafas ta' kontra l-korruzzjoni. Fil-Litwanja u fl-Italja ġiet adottata leġiżlazzjoni ġdida dwar il-protezzjoni tal-informaturi u din qiegħda tiġi kkunsidrata f'bosta Stati Membri.
L-aċċess għal finanzjament, speċjalment għall-intrapriżi żgħar u medji, qed jitjieb gradwalment madwar l-Ewropa. Finanzjament għajr milli mingħand banek għandu rwol maġġuri għal negozji ġodda u kumpaniji ta’ suċċess li qed jespandu. Finanzjament għal impriżi u għal kumpaniji li qed jespandu għadu biss qed jibda jfeġġ fil-pajjiżi iżgħar u anke 'l barra miċ-ċentri finanzjarji tal-pajjiżi ikbar. L-azzjonijiet meħuda mill-Portugall biex itejjeb l-aċċess għall-kapital, bħall-introduzzjoni ta' strumenti finanzjarji ġodda, iservu ta' eżempju tajjeb ta' appoġġ għal dawn l-isforzi. Bl-istess mod, is-Slovenja qed toffri miżuri finanzjarji ġodda għall-SMEs biex jitjieb l-aċċess tagħhom għal sorsi ta' finanzjament alternattivi. Ċipru qed jimplimenta l-pjan ta' azzjoni għat-tkabbir inkluż il-qafas biex jattira u jiffaċilita investimenti fuq skala kbira.
Jeħtieġ li eżempji pożittivi biex jappoġġaw it-tkabbir fil-produttività jiġu segwiti. Miżuri inkoraġġanti meħuda fl-Istati Membri jirreaġixxu għall-isfidi li huma, tal-inqas sa ċertu punt, speċifiċi għall-pajjiż. Il-Lussemburgu saħħaħ id-diversifikazzjoni tal-ekonomija tiegħu, inkluż billi neħħa l-ostakli għall-investiment u l-innovazzjoni. Fil-Belġju, bosta attivitajiet qed irawmu l-investiment fil-kapital ibbażat fuq l-għarfien, b'mod partikolari b'miżuri biex tiżdied l-adozzjoni tat-teknoloġiji diġitali, u d-diffużjoni tal-innovazzjoni. Spanja ħadet l-ewwel passi biex ittejjeb il-governanza tas-sistema tagħha ta' riċerka u innovazzjoni. Id-Danimarka introduċiet programm biex iżżid il-produttività u ttejjeb l-ambjent tan-negozju u l-Polonja u l-Latvja introduċew tnaqqis fit-taxxa biex iħeġġu l-investiment. Fil-Ġermanja, netwerk ta' ċentri ta' kompetenza jappoġġaw id-diġitalizzazzjoni ta' negozji żgħar u medji u "hubs diġitali" jiffaċilitaw il-kooperazzjoni bejn in-negozji l-ġodda, l-industrija, ix-xjenza u l-amministrazzjoni. Bl-għan li jappoġġa l-ekosistema tan-negozji l-ġodda, il-gvern Estonjan introduċa programm ta' viża ġdid għal imprendituri mhux mill-UE li jixtiequ jistabbilixxu n-negozju ġdid tagħhom fil-pajjiż. Fin-Netherlands, għadd ta' miżuri qed irawmu l-parteċipazzjoni fl-ekonomija ċirkolari, inkluż permezz tal-akkwist pubbliku.
5.
Il-passi li jmiss
Is-Semestru Ewropew joffri l-opportunità ta' djalogu kostanti bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri, is-sħab soċjali u l-partijiet ikkonċernati fil-livelli kollha tul is-sena. Ir-rapporti tal-pajjiżi ppubblikati llum huma bbażati fuq skambji approfonditi mal-gvernijiet, mal-awtoritajiet nazzjonali u mal-partijiet ikkonċernati kemm fil-livell tekniku u kemm fil-livell politiku, inklużi laqgħat bilaterali ta' livell għoli li saru f'Diċembru 2017. L-eżiti tagħhom se jkunu ppreżentati fl-uffiċċji tar-rappreżentanza tal-Kummissjoni fil-bliet kapitali tal-Istati Membri, u se jkunu segwiti fil-laqgħat bilaterali wkoll. Il-Viċi Presidenti tal-Kummissjoni u l-Kummissarji se jżuru l-Istati Membri biex jiksbu l-fehmiet tas-sħab soċjali, tal-parlamenti, tal-gvernijiet u ta' partijiet ikkonċernati oħrajn dwar l-analiżi tar-rapporti tal-pajjiżi. Il-Kummissjoni se tiddiskuti l-eżiti fil-qosor tar-rapporti tal-pajjiżi mal-Parlament Ewropew.
Il-pass li jmiss hu li l-Istati Membri, fid-dawl tal-isfidi identifikati, jippreżentaw il-prijoritajiet ekonomiċi u soċjali tagħhom fil-programmi ta’ riforma nazzjonali tagħhom sa nofs April. Biex jipprovdu reazzjoni adegwata u sostenibbli għall-isfidi, il-Kummissjoni tirrakkomanda li dawn il-programmi jitfasslu bl-appoġġ ta' partijiet ikkonċernati ewlenin, bħas-sħab soċjali, l-awtoritajiet reġjonali u lokali, u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kif xieraq.
Appendiċi 1 – Sorveljanza integrata ta' żbilanċi makroekonomiċi u fiskali
|
|
Proċedura ta' Żbilanċi Makroekonomiċi (MIP)
|
Il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir
(OTM: objettiv ta' terminu medju / EDP: proċedura ta' defiċit eċċessiv)
|
Kummenti
|
|
AT
|
|
Parti preventiva
L-OTM għadu ma ntlaħaqx; suġġetta għar-regola tad-dejn
|
|
|
BE
|
|
Parti preventiva
L-OTM għadu ma ntlaħaqx; suġġetta għar-regola tad-dejn
|
|
|
BG
|
Żbilanċi
|
Parti preventiva
Tikseb u taqbeż l-OTM
|
|
|
CY
|
Żbilanċi eċċessivi
|
Parti preventiva
Daqs l-OTM; suġġetta għar-regola tad-dejn tranżitorju
|
|
|
CZ
|
|
Parti preventiva
Tikseb u taqbeż l-OTM
|
|
|
DE
|
Żbilanċi
|
Parti preventiva
Tikseb u taqbeż l-OTM; suġġetta għar-regola tad-dejn
|
|
|
DK
|
|
Parti preventiva
Daqs l-OTM
|
|
|
EE
|
|
Parti preventiva
L-OTM għadu ma ntlaħaqx
|
|
|
EL
|
|
|
Taħt programm ta' assistenza finanzjarja dedikat
|
|
IE
|
Żbilanċi
|
Parti preventiva
Daqs l-OTM; suġġetta għar-regola tad-dejn tranżitorju
|
|
|
ES
|
Żbilanċi
|
Parti korrettiva
Defiċit eċċessiv, skadenza għall-korrezzjoni:
2018
|
|
|
FR
|
Żbilanċi
|
Parti korrettiva
Defiċit eċċessiv, skadenza għall-korrezzjoni:
2017
L-OTM għadu ma ntlaħaqx; suġġetta għar-regola tad-dejn tranżitorju
|
|
|
HR
|
Żbilanċi eċċessivi
|
Parti preventiva
L-OTM għadu ma ntlaħaqx; suġġetta għar-regola tad-dejn
|
|
|
HU
|
|
Parti preventiva
L-OTM għadu ma ntlaħaqx; suġġetta għar-regola tad-dejn
|
|
|
IT
|
Żbilanċi eċċessivi
|
Parti preventiva
L-OTM għadu ma ntlaħaqx; suġġetta għar-regola tad-dejn
|
|
|
LT
|
|
Parti preventiva
Daqs l-OTM
|
|
|
LU
|
|
Parti preventiva
Tikseb u taqbeż l-OTM
|
|
|
LV
|
|
Parti preventiva
L-OTM għadu ma ntlaħaqx
|
|
|
MT
|
|
Parti preventiva
Daqs l-OTM
|
|
|
NL
|
Żbilanċi
|
Parti preventiva
Tikseb u taqbeż l-OTM
|
|
|
PL
|
|
Parti preventiva
L-OTM għadu ma ntlaħaqx
|
|
|
PT
|
Żbilanċi
|
Parti preventiva
L-OTM għadu ma ntlaħaqx; suġġetta għar-regola tad-dejn tranżitorju
|
|
|
SI
|
|
Parti preventiva
L-OTM għadu ma ntlaħaqx; suġġetta għar-regola tad-dejn tranżitorju
|
|
|
SE
|
Żbilanċi
|
Parti preventiva
Tikseb u taqbeż l-OTM
|
|
|
SK
|
|
Parti preventiva
L-OTM għadu ma ntlaħaqx
|
|
|
RO
|
|
Parti preventiva
Suġġetta għal proċedura ta' devjazzjoni sinifikanti
|
|
|
FI
|
|
Parti preventiva
L-OTM għadu ma ntlaħaqx; suġġetta għar-regola tad-dejn
|
|
|
UK
|
|
Parti preventiva
L-OTM għadu ma ntlaħaqx; suġġetta għar-regola tad-dejn tranżitorju
|
|
|
(*) Ir-Rakkomandazzjonijiet skont it-“2-pack” (ir-Reg. Nru 473/2013) dwar miżuri li għandhom jittieħdu sabiex tiġi żgurata korrezzjoni f’waqtha tad-defiċit eċċessiv tal-gvern jikkonċernaw biss l-Istati Membri fiż-żona tal-euro.
|
Appendiċi 2 – Il-progress lejn il-miri tal-Ewropa 2020
|
Il-miri tal-Ewropa 2020
għall-UE
|
dejta tal-2010
|
L-aħħar dejta disponibbli
|
Fl-2020, skont ix-xejriet reċenti
|
|
1. Żieda fir-rata tal-impjiegi tal-popolazzjoni fl-età ta’ 20-64 sena għal mill-anqas 75 %
|
68,6 %
|
72,3 % (Q3-2017)
|
Il-mira x'aktarx tintlaħaq
|
|
2. Żieda fl-investiment pubbliku u privat meħudin flimkien fir-R&Ż għal 3 % tal-PDG
|
1,93 %
|
2,03 % (2016)
|
Il-mira x'aktarx ma tintlaħaqx
|
|
3a. It-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett serra b'mill-inqas 20 % meta mqabbla mal-livelli tal-1990
|
tnaqqis ta’ 14 %
|
tnaqqis ta' 23 % (2016)
|
Il-mira x'aktarx tintlaħaq
|
|
3b. Iż-żieda fis-sehem tal-enerġija rinnovabbli fil-konsum finali tal-enerġija għal 20 %
|
12,5 %
|
17,04
(2016)
|
Il-mira x'aktarx tintlaħaq
|
|
3c. Proċess lejn mira ta' 20 % fl-effiċjenza fl-enerġija
|
5,7 % (għal konsum tal-enerġija primarja)
|
16,0 % (2016)
(għal konsum tal-enerġija primarja)
|
Il-mira x'aktarx tintlaħaq
|
|
4 a. Tnaqqis tar-rati tat-tluq mill-iskola qabel iż-żmien għal anqas minn 10 %
|
13,9 %
|
10,7 % (2016)
|
Il-mira x'aktarx tintlaħaq
|
|
4b. Żieda fis-sehem tal-popolazzjoni fl-età ta’ 30-34 sena li temmew l-edukazzjoni terzjarja għal mill-anqas 40 %
|
33,8 %
|
39,1 % (2016)
|
Il-mira x'aktarx tintlaħaq
|
|
5. It-tneħħija ta' mill-inqas 20 miljun ruħ mir-riskju ta' faqar u ta' esklużjoni soċjali
|
Żieda ta' 0,5 miljun (meta mqabbla mas-sena bażi 2008)
|
Żieda ta' miljun (meta mqabbla mas-sena bażi 2008)
|
Il-mira x'aktarx ma tintlaħaqx
|
Appendiċi 3 – Riżultanzi mill-analiżjiet fil-fond skont l-Istat Membru
Il-Bulgarija qed tesperjenza żbilanċi. Il-vulnerabbiltajiet fis-settur finanzjarju jingħaqdu ma’ pożizzjoni ta' dejn għolja u self improduttiv fis-settur korporattiv, fil-kuntest ta’ aġġustament mhux komplut tas-suq tax-xogħol. Sadattant, il-pożizzjoni esterna netta tjiebet, l-iktar minħabba s-surplus fil-kont kurrenti. L-awtoritajiet għamlu progress fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet indirizzati wara l-analiżijiet tal-kwalità tal-assi u l-karta tal-bilanċi, imma l-kwistjonijiet marbuta ma' governanza dgħajfa, mal-kwalità tal-assi u mas-superviżjoni għadhom ma ġewx indirizzati. It-tkabbir robust appoġġa tnaqqis kontinwu fl-ingranaġġ privat u tnaqqis ulterjuri fil-proporzjonijiet tas-self improduttiv, imma l-akkumuli tas-self improduttiv fis-settur korporattiv għadhom għoljin. It-titjib fis-suq tax-xogħol kompla minkejja kwistjonijiet strutturali persistenti bħall-porzjon kbir ta' żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ u n-nuqqas ta' ħaddiema u spariġġi. Ittieħdu xi miżuri biex jindirizzaw is-sorsi ewlenin tal-iżbilanċi, imma għad hemm bżonn ta' progress ulterjuri biex jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet li jifdal fis-settur finanzjarju, inkluż titjib ulterjuri fis-superviżjoni bankarja u nonbankarja, l-indirizzar ta' assi li diffiċli tivvalutahom u superviżjoni fil-livell tal-grupp, u t-tlestija tar-riforma tal-qafas tal-insolvenza.
Il-Kroazja qed tesperjenza żbilanċi eċċessivi. Il-vulnerabbiltajiet huma marbuta ma’ livelli għoljin ta’ dejn estern, pubbliku u privat, kollha kemm huma denominati l-iktar f’munita barranija, f’kuntest ta’ tkabbir potenzjali baxx. Madankollu, it-tkabbir attwali, aqwa mill-potenzjal stmat, qed jgħin biex jitnaqqsu l-iżbilanċi tal-akkumuli: il-proporzjonijiet tad-dejn pubbliku, privat u estern qed jonqsu b'pass mgħaġġel. Il-pożizzjoni esterna netta negattiva għadha kbira, imma kienet qed titjieb minħabba surplus fil-kont kurrenti. It-tkabbir qawwi appoġġa tnaqqis ulterjuri tad-dejn, u l-pass tat-tnaqqis fl-ingranaġġ mistenni jmajna, hekk kif il-flussi ta’ kreditu lill-unitajiet domestiċi u lill-korporazzjonijiet isiru pożittivi. Id-dejn tal-gvern laħaq l-ogħla punt tiegħu fl-2014, u bħalissa qabad it-triq tan-niżla, bis-saħħa kemm ta' tkabbir qawwi fil-PDG kif ukoll ta' tnaqqis fid-defiċit nominali. Is-settur bankarju qed isir dejjem iktar profittabbli u l-akkumulu ta' self improduttiv kompla jonqos. Madankollu, l-esponiment għall-muniti barranin (l-iktar l-euro) tal-korporazzjonijiet u l-unitajiet domestiċi jibqa’ sors ta’ vulnerabbiltà. Filwaqt li l-ambjent ekonomiku qed jitjieb, l-avvanz fl-adozzjoni tal-miżuri politiċi bl-għan li jindirizzaw l-iżbilanċi makroekonomiċi kien fqir, inkluż biż-żieda tal-potenzjal tat-tkabbir li għadu baxx.
Ċipru qed jesperjenza żbilanċi eċċessivi. Is-sehem għoli ħafna ta’ self improduttiv huwa ta’ piż għas-settur finanzjarju u l-akkumulu għoli ta’ dejn privat, pubbliku, u estern huwa marbut mal-ekonomija, f'kuntest ta’ qgħad li għadu relattivament kbir, għalkemm qed jonqos u tkabbir potenzjali dgħajjef. Il-kont kurrenti għadu negattiv u qed jespandi, u mhuwiex biżżejjed biex jiggarantixxi l-iżvilupp sostenibbli għall-akkumulu kbir ta’ obbligazzjonijiet esterni netti. Id-dejn privat qed jonqos imma bil-mod, u l-flussi ta' kreditu għas-settur privat qed jiżdiedu minkejja livelli għoljin ħafna ta' dejn privat. Sforzi ta' ristrutturar tas-self mill-banek, il-qalba pożittiva ċiklika qawwija, u l-implimentazzjoni ta' riformi tal-passat ippermettew tnaqqis tas-self improduttiv, imma l-akkumulu tiegħu għadu għoli ħafna. L-infurzar dgħajjef tal-kuntratti, l-ineffiċjenzi fis-sistema ġudizzjarja u l-effett lembut fl-implimentazzjoni ta’ leġiżlazzjoni dwar il-preklużjoni l-insolvenza kif ukoll dixxiplina ta' ripagament dgħajfa jostakolaw it-tnaqqis fl-ingranaġġ tas-settur privat u t-tnaqqis tas-self improduttiv. Pożizzjoni fiskali prudenti u politika ta' ġestjoni tad-dejn attiva aċċelleraw it-tnaqqis tad-dejn pubbliku. Hemm bżonn ta' momentum fir-riforma mġedda, partikolarment biex jgħin inaqqas id-dejn pubbliku, itejjeb il-kompetittività, iħaffef it-tnaqqis tas-self improduttiv u jżid it-tkabbir potenzjali.
Franza qed tesperjenza żbilanċi. Il-vulnerabbiltajiet ġejjin minn dejn pubbliku u dinamiċi ta' kompetittività dgħajfa f'kuntest ta' tkabbir tal-produttività baxx, li jġorru magħhom rilevanza transfruntiera. Tkabbir moderat fil-pagi jappoġġa t-titjib li għaddej fil-kompetittività tal-kost. Tkabbir dgħajjef fil-produttività min-naħa l-oħra qed ikun ta' xkiel. Ir-reazzjoni baxxa tas-suq tax-xogħol għal kundizzjonijiet ta' domanda u provvista li qed jinbidlu u xi elementi tal-ambjent tan-negozju għadhom ikunu ta' piż fuq il-kompetittività mhux fil-kostijiet. Il-proporzjon tad-dejn għall-PDG tela' ulterjorment fl-2017, imma huwa mbassar li jistabbilizza ruħu fl-2018 u l-2019. Xejriet li qabel kienu negattivi, b'hekk naqsu, il-kundizzjonijiet ekonomiċi qed jitjiebu u l-isforzi għar-riformi qed jaqbdu r-ritmu. Azzjonijiet politiċi meħuda u mħabbra reċentement jistgħu jħallu effetti pożittivi kemm domestiċi u kemm transfruntiera fit-terminu l-medju. Intlaħaq progress f’oqsma differenti inkluż is-swieq tax-xogħol u t-tassazzjoni, filwaqt li għad iridu jimmaterjalizzaw ruħhom inizjattivi dwar l-ambjent tan-negozju, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, il-benefiċċju tal-qgħad, u s-sistema tal-pensjonijiet. Hemm bżonn ta' azzjoni ulterjuri għall-iżgurar ta' aċċess aħjar għas-suq tax-xogħol għal min ifittex impjieg, għas-semplifikazzjoni tas-sistema fiskali u għall-analizzar tal-infiq pubbliku biex tkun żgurata s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi u jitqawwa l-potenzjal tat-tkabbir.
Il-Ġermanja qed tesperjenza żbilanċi. Is-surplus persistentement kbir fil-kont kurrenti għandu rilevanza transfruntiera u jirrifletti livell dgħajjef ta' investiment meta mqabbel mat-tfaddil kemm fis-settur privat kif ukoll f’dak pubbliku. Is-surplus, li huwa l-iktar ma' pajjiżi minn barra l-UE, naqas kemm kemm mill-2016 u mistenni jonqos gradwalment minħabba żieda fid-domanda domestika fis-snin li ġejjin filwaqt li jibqa' f'livelli storikament għoljin matul il-perjodu ta’ tbassir. Filwaqt li bħalissa hemm bidla lejn tkabbir immexxi iktar mid-domanda domestika, kemm il-konsum u kemm l-investiment għadhom baxxi bħala sehem mill-PDG minkejja l-kundizzjonijiet ċikliċi u ta' finanzjament favorevoli u l-bżonnijiet ta' investiment fl-infrastruttura li hemm spazju fiskali għalihom. Filwaqt li ttieħdu għadd ta' miżuri biex jissaħħaħ l-investiment pubbliku, dawn l-isforzi għadhom ma rriżultawx f'xejra pożittiva sostenibbli fl-investiment pubbliku bħala sehem mill-PDG. Il-progress fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet f'oqsma oħrajn kienu limitati wkoll.
L-Irlanda qed tesperjenza żbilanċi. Akkumuli kbar ta' dejn pubbliku u dejn privat u obbligazzjonijiet esterni netti jikkostitwixxu vulnerabbiltajiet. Madankollu, it-titjib kien sostanzjali. Tkabbir qawwi fil-produttività fl-aħħar snin implika kompetittività aħjar u bilanċ pożittiv fil-kont kurrenti li jwassal għal tnaqqis rapidu fl-akkumulu kbir ta' obbligazzjonijiet barranin netti. Tkabbir ekonomiku qawwi qed ikompli jappoġġa t-tnaqqis fl-ingranaġġ privat imma l-akkumulu tad-dejn privat għadu għoli, għalkemm jeħtieġ li titqies l-influwenza qawwija tal-attivitajiet tal-intrapriżi multinazzjonali fl-evalwazzjoni tad-dejn korporattiv, u d-dejn tal-unitajiet domestiċi jidher li huwa ġeneralment konformi mal-prinċipji fundamentali. Id-dejn tal-gvern huwa pproġettat li jibqa' fi trajettorja negattiva, u d-defiċit miexi iktar viċin il-bilanċ. Il-prezzijiet tad-djar qed jogħlew b'pass mgħaġġel, għalkemm minn livelli li kienu x'aktarx sottovalutati, u b'hekk qed jissaħħu wkoll il-karti tal-bilanċi tal-unitajiet domestiċi. Il-banek huma rikapitalizzati sew u l-profittabbiltà tagħhom qed titjieb gradwalment. L-akkumulu ta' NPLs, għalkemm għadu għoli, qed ikompli jonqos. Ittieħdet azzjoni politika li tindirizza dawn il-vulnerabbiltajiet, imma xi miżuri se jieħu ż-żmien biex jiġġeneraw l-effetti mistennija.
L-Italja qed tesperjenza żbilanċi eċċessivi. Il-livell għoli tad-dejn tal-gvern u d-dinamiċi tal-produttività dgħajfin fit-tul jimplikaw riskji b’rilevanza transfruntiera għall-ġejjieni, f’kuntest ta’ livell ta' self improduttiv u livell ta’ qgħad li għadhom għoljin. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern mistenni jistabbilizza ruħu iżda għadu ma bediex jonqos minħabba d-deterjorament tal-bilanċ primarju strutturali. Il-kompetittività esterna tjiebet, imma tkabbir dgħajjef fil-produttività, marbut ma' ostakli strutturali li jkomplu jxekklu allokazzjoni effikaċji ta' fatturi produttivi madwar l-ekonomija u jaċċelleraw il-kost ta' unità lavorattiva u l-ambjent ta' inflazzjoni ġeneralment baxx qed jagħmluha diffiċli biex ireġġgħu lura t-telf kbir fil-kompetittività tal-passat. Il-pressjonijiet tas-suq fuq is-settur bankarju naqsu, wara, fost miżuri oħrajn, l-appoġġ mill-gvern għall-kapitalizzazzjoni ta' xi banek f'diffikultà. L-akkumulu ta' self improduttiv għadu kemm beda jonqos, u għadu ta' piż fuq il-bżonnijiet ta' kapital, il-profitti, u l-politiki ta' self tal-banek. Il-momentum tar-riformi b'xi mod majna, imma sar xi progress fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet. Bħalissa hemm bosta miżuri ppjanati, partikolarment fl-oqsma tal-politiki soċjali u tax-xogħol, tal-ġustizzja ċivili, u tal-ambjent tan-negozju.
In-Netherlands qed jesperjenzaw żbilanċi. L-akkumulu għoli ta' dejn privat u s-surplus kbir fil-kont kurrenti jikkostitwixxu sorsi ta' żbilanċ, b'rilevanza transfruntiera. Is-surplus kbir fil-kont kurrenti, li jirrifletti prinċipalment il-fatturi strutturali tal-ambjenti ekonomiċi u politiċi rigward il-korporazzjonijiet mhux finanzjarji u huwa parzjalment spjegat minn pressjonijiet ta' tnaqqis fl-ingranaġġ, żdied reċentement imma huwa mbassar li jonqos xi ftit. Il-proporzjon tad-dejn għall-PDG naqas biss gradwalment ħafna fl-aħħar snin, appoġġat minn tkabbir ekonomiku. Fl-istess ħin, id-dejn nominali tal-unitajiet domestiċi qed jerġa’ jiżdied, peress li l-irkupru li għaddej fis-suq tad-djar qed jgħolli l-livelli tad-dejn ipotekarju nominali. Tħabbiriet ta' riformi reċenti, bħat-tħaffif tat-tnaqqis tad-deduċibbiltà tal-imgħax ipotekarju u l-istimolu fiskali għandhom jikkontribwixxu biex jappoġġaw id-domanda aggregata.
Il-Portugall qed jesperjenza żbilanċi. L-akkumuli kbar ta' obbligazzjonijiet esterni netti, id-dejn privat u pubbliku u sehem għoli ta' self improduttiv jikkostitwixxu vulnerabbiltajiet f'kuntest ta' tkabbir baxx fil-produttività. Pożizzjoni prudenti fil-kont kurrenti u ż-żamma tal-kisbiet fil-kompetittività huma meħtieġa biex ikun żgurat l-aġġustament tal-obbligazzjonijiet esterni netti. Il-proporzjonijiet tad-dejn privat qed ikomplu jonqsu mil-livelli għoljin kemm minħabba t-tkabbir nominali li rkupra kif ukoll minħabba flussi ta' kreditu kemm kemm negattivi, u l-proporzjon tad-dejn tal-gvern għall-PDG huwa pproġettat li qabad it-triq tan-niżla, f'kuntest ta' bżonnijiet persistenti ta' tnaqqis fl-ingranaġġ. L-interventi tas-settur finanzjarju kkontribwew biex inaqqsu r-riskji għall-istabbiltà, għalkemm il-banek baqgħu penalizzati minħabba profittabbiltà baxxa u akkumulu kbir ta' self improduttiv, li madankollu beda jonqos. Tkabbir ogħla fil-produttività huwa kruċjali għal prospetti aħjar fil-kompetittività, it-tnaqqis fl-ingranaġġ u t-tkabbir potenzjali. Il-qgħad ilu bosta snin jonqos b'ritmu mgħaġġel. Għad hemm lakuni politiċi, partikolarment f'termini ta' implimentazzjoni tal-miżuri indikati biex jitnaqqas is-self improduttiv u biex jitjieb l-ambjent tan-negozju. L-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta' bosta pjanijiet ta' riforma, inklużi miżuri li jindirizzaw is-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol jew ir-riforma fiskali-strutturali biex titjieb is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi, se jkun hemm bżonn li jiġu monitorizzati.
Is-Slovenja mhi qed tesperjenza l-ebda żbilanċ. Ir-riskji li jirriżultaw mid-dgħufijiet fis-settur bankarju, il-pożizzjoni tad-dejn korporattiv u l-qagħda fiskali fit-terminu l-qasir naqsu. Id-dejn tal-gvern laħaq l-ogħla livell tiegħu fl-2015 u qabad it-triq tan-niżla minn hemm 'il quddiem. Is-settur korporattiv għadda minn tnaqqis sostanzjali fl-ingranaġġ, li dgħajjef l-investiment u t-tkabbir potenzjali. Madankollu, l-investiment issa qed jaqbad, u l-influssi ta' investiment dirett barrani rkupraw b'mod konsiderevoli fl-aħħar snin. Ir-ristrutturar tas-settur bankarju kkoinċida ma' tnaqqis rapidu fis-sehem ta' self improduttiv. Ittieħdet azzjoni politika li kkontribwiet għat-tnaqqis tal-iżbilanċi, imma l-miżuri biex tissaħħaħ is-sostenibbiltà tal-pensjonijiet, tal-kura tas-saħħa u tas-sistemi tal-kura fit-tul għadhom prijorità ewlenija.
Spanja qed tesperjenza żbilanċi. Akkumuli kbar ta' dejn estern u intern, kemm pubbliku kif ukoll privat, ikomplu jikkostitwixxu vulnerabbiltajiet f'kuntest ta' qgħad kbir u għandhom rilevanza transfruntiera. Ir-riekwilibriju estern qed javvanza, bis-saħħa tas-surpluses fil-kont kurrenti rreġistrati mill-2013 'il quddiem. Madankollu, l-obbligazzjonijiet esterni netti għadhom għoljin u Spanja se jkollha tirreġistra surpluses sostnuti fil-kont kurrenti għal perjodu ta' żmien estiż qabel ma l-obbligazzjonijiet esterni netti jilħqu livelli prudenti. It-tnaqqis fid-dejn tas-settur privat qed jagħmel progress ukoll, appoġġat minn kundizzjonijiet favorevoli tat-tkabbir, imma l-bżonnijiet ta' tnaqqis fl-ingranaġġ għadhom hemm. Settur finanzjarju iktar b’saħħtu jappoġġa l-attività ekonomika, u l-proporzjon tas-self improduttiv kompla jonqos. Minkejja t-tkabbir nominali qawwi tal-PDG, huwa issa biss li d-dejn tal-gvern bħala sehem mill-PDG beda jonqos bil-mod, bid-defiċits imbassra li jonqsu biż-żmien. Il-qgħad kompla t-tnaqqis rapidu tiegħu, imma għadu għoli ħafna u l-grad għoli ta' segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol jimpedixxi tkabbir fil-produttività aktar mgħaġġel. Sar progress fil-politika speċjalment bejn l-2012 u l-2015, u reċentement sar biss progress limitat fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet. Għad baqa' xi sfidi, b'mod partikolari rigward governanza fiskali, politiki attivi tas-suq tax-xogħol u t-titjib fl-innovazzjoni u l-ħiliet biex tingħata spinta lill-kompetittività mhux fil-kost.
L-Iżvezja qed tesperjenza żbilanċi. Is-sovravalutazzjoni tal-prezzijiet tad-djar flimkien maż-żieda kontinwa fid-dejn tal-unitajiet domestiċi joħolqu riskji ta’ korrezzjoni diżordinata. Id-dejn diġà għoli tal-unitajiet domestiċi għadu tiela'. Il-prezzijiet tad-djar ilhom jogħlew malajr u b'ritmu virtwalment ininterrott għal madwar 20 sena. Fl-aħħar kwart tal-2017 ġie rreġistrat tkabbir negattiv. Madankollu, l-indikaturi tal-valutazzjoni jissuġġerixxu li l-prezzijiet tad-djar għadhom għoljin ħafna fir-relazzjoni mal-affarijiet fundamentali. Minkejja li l-banek jidher li huma kapitalizzati b’mod adegwat, korrezzjoni diżordnata tista’ taffettwa wkoll is-settur finanzjarju peress li l-banek għandhom espożizzjoni dejjem tikber ta’ self ipotekarju tal-unitajiet domestiċi. F'dak il-każ, ikun hemm riperkussjonijiet fuq il-pajjiżi ġirien minħabba l-interkonnessjonijiet finanzjarji sistemiċi. L-għarfien tar-riskji dejjem jikbru fost l-awtoritajiet huwa għoli, u f’dawn l-aħħar snin ittieħdu miżuri biex jitrażżan it-tkabbir tad-dejn ipotekarju u jiżdied il-bini tad-djar. Madankollu, il-passi politiċi implimentati s'issa ma kinux biżżejjed biex jindirizzaw is-sovravalutazzjoni fis-settur tad-djar, u għad hemm lakuni politiċi kruċjali, partikolarment fir-rigward tal-inċentivi fiskali għal sjieda tal-akkomodazzjoni kif ukoll il-funzjonament tal-forniment tad-djar u l-suq tal-kera.